Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0233

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA (2015/2730(RSP))

    ĠU C 407, 4.11.2016, p. 81–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 407/81


    P8_TA(2015)0233

    Revelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA (2015/2730(RSP))

    (2016/C 407/12)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 bit-titolu “Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE” (COM(2011)0308),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (1),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 bit-titolu “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (COM(2011)0012),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport (2),

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport, tal-11 ta' Lulju 2007 (COM(2007)0391),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014-2017),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-23 ta' April 2015 dwar ir-riforma tal-governanza tal-futbol,

    wara li kkunsidra l-programm il-ġdid dwar l-isport fl-ambitu ta' Erasmus+, b'mod partikolari l-objettiv tiegħu li jindirizza theddidiet transfruntiera għall-integrità tal-isport, bħad-doping, ix-xiri tal-logħob u l-vjolenza, kif ukoll kull tip ta' intolleranza u diskriminazzjoni, u li jippromwovi u jappoġġja l-governanza tajba fl-isport,

    wara li kkunsidra l-''Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini'',

    wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Istatut tal-FIFA, li jistabbilixxi fost l-oħrajn l-objettivi tal-FIFA li ġejjin: “il-promozzjoni tal-integrità, l-etika u l-fair play fil-prospettiva tal-prevenzjoni ta' kull metodu jew prattika, bħall-korruzzjoni, id-doping jew il-manipulazzjoni tal-logħob, li jistgħu jipperikolaw l-integrità tal-logħob, il-kompetizzjonijiet, il-plejers, l-uffiċjali u l-membri jew jagħtu lok għal abbuż tal-Association Football”,

    wara li kkunsidra r-rapport ta' Michael Garcia dwar il-proċess kontroversjali ta' aġġudikazzjoni tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u l-2022, li l-FIFA qablet li tippubblikah f'Diċembru 2014,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi 14-il uffiċjal tal-FIFA, inkluż il-Viċi President tagħha, ġew arrestati nhar is-27 ta' Mejju 2015 mill-awtoritajiet Svizzeri fi Zurich; billi l-arresti saru fuq talba tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti abbażi ta' akkużi ta' ħasil tal-flus, intrigi ta' qerq, tixħim u frodi fl-ammont ta' aktar minn USD 150 miljun;

    B.

    billi l-awtoritajiet tal-Isvizzera u tal-Istati Uniti taw bidu wkoll għal investigazzjoni kriminali separata dwar il-modalitajiet tal-aġġudikazzjoni lir-Russja u lill-Qatar tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022 rispettivament;

    C.

    billi għal bosta snin il-FIFA operat bħala organizzazzjoni mingħajr l-obbligu li tagħti rendikont ta' għemilha lil xi ħadd, opaka u notorjament korrotta; billi l-arresti reċenti jikkonfermaw li l-frodi u l-korruzzjoni fil-FIFA huma sistematiċi, mifruxa u persistenti aktar milli jinvolvu każijiet iżolati ta' mġiba ħażina, kif iddikjara l-ex President tal-FIFA, Joseph Blatter;

    D.

    billi minkejja l-arresti u l-akkużi li saru fil-konfront tal-persunal eżekuttiv tal-FIFA u l-kriżi li kienet qed taħkem l-organizzazzjoni, Joseph Blatter ġie elett mill-ġdid fid-29 ta' Mejju 2015 bħala President tal-FIFA għall-ħames mandat; billi l-elezzjoni mill-ġdid ta' Joseph Blatter bħala president u d-deċiżjoni li ma jiġux ippubblikati r-riżultati tar-rapport Garcia dwar l-għażla tar-Russja u l-Qatar biex jospitaw it-Tazzi tad-Dinja tal-2018 u l-2022 rispettivament, juru li l-FIFA kienet qed taġixxi b'mod irresponsabbli u mingħajr l-obbligu li tagħti rendikont ta' għemilha u baqgħet mhux lesta tirriforma jew tagħmel il-bidliet meħtieġa biex ittejjeb il-governanza tal-futbol internazzjonali;

    E.

    billi r-riżenja ta' Joseph Blatter u l-arresti ta’ uffiċjali tal-FIFA ħolqu l-kundizzjonijiet għal riformi radikali fl-istrutturi u l-prattiki tal-FIFA biex titjieb b'urġenza l-governanza tagħha u tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-organizzazzjoni;

    F.

    billi l-integrità tal-organizzazzjonijiet sportivi hija ta' importanza kbira, peress li kemm l-isport professjonali u kemm dak tad-dilettanti jiżvolġu rwol fundamentali fil-promozzjoni globali tal-paċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà, iġibu benefiċċji ekonomiċi u tas-saħħa lis-soċjetajiet u għandhom rwol essenzjali fl-għoti ta' importanza lill-valuri edukattivi u kulturali fundamentali kif ukoll fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;

    G.

    billi l-Kummissarju Ewropew inkarigat mill-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport Tibor Navracsics ikkundanna, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-3 ta' Ġunju 2015, l-aħħar żviluppi fi ħdan il-FIFA, u appella biex terġa' tinġieb il-fiduċja u tiġi stabbilita sistema soda ta' governanza tajba fi ħdan il-FIFA;

    H.

    billi l-Kummissjoni u l-Kunsill irrikonoxxew il-bżonn ta' sħubija bejn l-entitajiet ta' tmexxija tal-futbol u l-awtoritajiet pubbliċi għal finijiet ta' governanza tajba tal-logħba, li tirrispetta n-natura awtoregolatorja tal-isport professjonali u li wasslet għad-djalogu strutturat dwar l-isport;

    I.

    billi t-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija – fi kliem ieħor, il-governanza tajba – fl-organizzazzjonijiet sportivi jikkostitwixxu rekwiżiti preliminari għal tali reġim awtoregolatorju, u għall-moviment sportiv biex jimpedixxi u jiġġieled kontra l-frodi u l-korruzzjoni fl-isport b'mod effikaċi u f'livell strutturat;

    J.

    billi l-Parlament preċedentement appella lill-entitajiet ta' tmexxija tal-futbol jistabbilixxu aktar demokrazija, trasparenza, leġittimità u responsabbiltà (jiġifieri awditjar finanzjarju minn awtorità indipendenti inkarigata mill-awditjar) u governanza tajba, u talab lill-Kummissjoni tagħti gwida dwar kif tista' tiġi sostnuta l-awtoregolamentazzjoni leġittima u adegwata;

    K.

    billi l-korruzzjoni, jekk ma tiġix affrontata b'urġenza u b'mod adegwat, tista' tkompli timmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet sportivi u thedded l-integrità tal-isport kollu kemm hu;

    L.

    billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet tal-Programm ta' Stokkolma, li qiegħed jiggwida l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni;

    M.

    billi l-isport jirrappreżenta wkoll settur kbir u li qed jespandi malajr tal-ekonomija tal-UE, u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir u l-impjiegi, b'valur miżjud u effetti fuq l-impjiegi li jisbqu r-rati medji tat-tkabbir;

    1.

    Jikkundanna l-korruzzjoni sistematika u terribbli tal-FIFA u jiddikjara uffiċjalment il-fehma tiegħu li dawn l-allegazzjonijiet xejn ma kienu sorprendenti;

    2.

    Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi, lill-Istati Membri u lill-UE jikkooperaw bis-sħiħ mal-investigazzjonijiet kollha li għaddejjin u dawk futuri dwar allegazzjonijiet ta’ prattiki korrotti fi ħdan il-FIFA;

    3.

    Jissottolinja l-importanza enormi tal-investigazzjoni mill-awtoritajiet ġuridiċi tal-Isvizzera u tal-Istati Uniti dwar id-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA li jaġġudika l-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-1998, l-2010, l-2018 u l-2022 lill-Franza, l-Afrika t'Isfel, ir-Russja u l-Qatar rispettivament;

    4.

    Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-investigazzjoni ta' segwitu dwar il-prattiki ta' korruzzjoni tal-passat fi ħdan il-FIFA tinkludi, fejn ikun ġustifikat, it-tneħħija ta' kull uffiċjal involut f'kondotta ħażina finanzjarja, u rieżami tad-deċiżjonijiet marbuta ma' attivitajiet korrotti jew kriminali; jappella biex l-UE timmonitorja mill-qrib dan il-proċess u tippermetti l-kundizzjonijiet meħtieġa biex issir investigazzjoni esterna imparzjali; jilqa' d-dikjarazzjoni mill-kap tal-Kumitat tal-Awditjar u l-Konformità tal-FIFA, li l-aġġudikazzjoni tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u l-2022 tista' tiġi invalidata jekk ikun hemm evidenza li l-aġġudikazzjoni kienet ir-riżultat ta' attivitajiet korrotti;

    5.

    Jikkundanna l-fatt li għalkemm il-FIFA kienet qablet li tippubblika r-Rapport Garcia f'Diċembru 2014, din sa issa għadha ma ppubblikatux, u jappella sabiex tagħmel dan mingħajr dewmien;

    6.

    Ifakkar fl-importanza li jkun hemm regoli ċari u trasparenti għall-aġġudikazzjoni tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja, u li jiġi żgurat l-istabbiliment ta' mekkaniżmu adegwat ta' informazzjoni u ta' superviżjoni, b'mod li jiġi żgurat li din il-proċedura tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn il-pajjiżi li jkunu qed iressqu l-offerti u deċiżjoni finali bbażata strettament fuq il-mertu tal-proġetti tagħhom;

    7.

    Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali kollha jiżguraw li kwalunkwe pajjiż li joffri biex jospita avveniment sportiv importanti jintrabat, fl-attivitajiet kollha marbuta mal-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-avveniment, li jirrispetta l-istandards internazzjonali rigward id-drittijiet fundamentali;

    8.

    Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti fl-infrastruttura tal-bini tal-Qatar għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2022, inklużi: is-sistema kafala, li tikkostitwixxi xogħol furzat, kundizzjonijiet tax-xogħol perikolużi, il-fatt li qed jiġu mġiegħla jaħdmu f'kundizzjonijiet ta' sħana estrema għal sitt ijiem fil-ġimgħa, u l-fatt li huma mġiegħla jgħixu f'kampijiet tax-xogħol iffollati u skwallidi; jistieden lill-Qatar biex jirratifika, jilleġiżla u jinfurza d-drittijiet tax-xogħol fundamentali u l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

    9.

    Jenfasizza li l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus huma marbuta intrinsikament u għadd kbir ta’ Stati Membri ġew affettwati mix-xiri tal-logħob u reati finanzjarji oħra li ta’ spiss huma relatati ma’ organizzazzjonijiet kriminali li joperaw fuq skala internazzjonali;

    10.

    Ifaħħar il-ġurnaliżmu investigattiv li qajjem tħassib serju dwar korruzzjoni fi ħdan il-FIFA u fil-proċess tal-għażla tat-Tazza tad-Dinja; iħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-organizzazzjonijiet sportivi kollha jistabbilixxu qafas regolatorju effettiv biex jiffaċilitaw u jipproteġu lill-informaturi;

    11.

    Jesprimi l-opinjoni kostanti tiegħu li l-korruzzjoni fi ħdan il-FIFA hija rampanti, sistemika u profonda, u jemmen li l-organizzazzjoni ppreġudikat serjament l-integrità tal-futbol dinji, b'impatt devastanti mill-ogħla skaluni tal-futbol professjonali sal-klabbs tad-dilettanti ż-żgħar;

    12.

    Jenfasizza bil-qawwa li l-futbol, bħala l-aktar sport popolari fid-dinja, m'għandux jittebba' b'din il-kultura ta' korruzzjoni, u li għandu jitħares mill-iżviluppi attwali fi ħdan il-FIFA aktar milli jiġi stigmatizzat minnhom;

    13.

    iItenni li l-futbol u l-isport inġenerali jħallu impatt pożittiv profond fuq il-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' ċittadini, partikolarment iż-żgħażagħ;

    14.

    Jilqa' r-riżenja ta' Joseph Blatter minn President tal-FIFA, u l-investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin bħalissa; iħeġġeġ lill-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA jimplimenta riformi strutturali bil-għan li jistabbilixxi trasparenza u responsabbiltà, u jiggarantixxi proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet miftuħa, ibbilanċjati u demokratiċi fi ħdan l-assoċjazzjoni, inkluż proċess ta' elezzjoni għall-president il-ġdid u politika ta' tolleranza żero għall-korruzzjoni fl-isport;

    15.

    Jesprimi madankollu tħassib serju dwar il-fatt li l-kredibilità tal-FIFA, bħala l-korp regolatorju tal-futbol dinji, kif ukoll ir-riformi urġenti meħtieġa, ma jistgħux jibdew bis-serjetà qabel tinħatar tmexxija ġdida, u li dan skont ir-regolamenti tal-FIFA jista' ma jseħħx qabel disa' xhur oħra; jistieden għalhekk lill-FIFA tagħżel mexxej interim adegwat biex minn issa 'l quddiem jieħu post Joseph Blatter, u dan b'mod trasparenti u inklużiv;

    16.

    Ifakkar li l-governanza tajba fl-isport hija kundizzjoni preliminari għall-awtonomija u għall-awtoregolamentazzjoni tal-organizzazzjonijiet sportivi, f'konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija, u jisħaq fuq il-bżonn ta' politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni fl-isport; jenfasizza l-bżonn ta' rappreżentanza xierqa tal-partijiet interessati kollha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u jinnota li għandha tiġi adottata l-aħjar prattika minn organizzazzjonijiet sportivi oħra;

    17.

    Jitlob li jkun hemm impenn bla rażan mill-FIFA għal rieżami dettaljat tad-deċiżjonijiet tal-passat u tal-preżent u għal trasparenza sħiħa għall-ġejjieni, inkluż fir-rigward tar-rimunerazzjoni tal-livell maniġerjali eżekuttiv u superjuri, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti proċeduri awtoregolatorji interni u mekkaniżmi effettivi ta' identifikazzjoni, investigazzjoni u ta' sanzjoni;

    18.

    Jemmen li dan ir-rieżami għandu jkopri l-istatuti, l-istruttura, il-kodiċi u l-politiki u l-prattiki operattivi tal-FIFA, l-introduzzjoni ta' limiti ta' żmien għall-mandati tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv, inkluż il-president, u ta' diliġenza dovuta indipendenti għalihom, flimkien ma' awditjar finanzjarju estern u kompletament indipendenti li jevalwa l-affidabilità tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha;

    19.

    Iħeġġeġ lill-FIFA timplimenta standards etiċi rigorużi u kodiċi ta' kondotta għal-livell maniġerjali u għall-Kumitat Eżekuttiv tagħha, li għandhom jiġu sorveljati minn entità ta' monitoraġġ indipendenti;

    20.

    Jitlob li l-korpi kollha ta' tmexxija tal-isport jikkommettu ruħhom favur prattiki ta' governanza tajba u żieda fit-trasparenza, sabiex inaqqsu r-riskju li wieħed jisfa vittma tal-korruzzjoni; jirrakkomanda f’dan ir-rigward rispett akbar tal-bilanċ bejn is-sessi fil-ħatra ta’ membri ta’ bordijiet u kumitati eżekuttivi tal-organizzazzjonijiet kollha, b’mod speċjali sabiex ifakkru li l-isport, u b’mod partikolari l-futbol, mhumiex biss prerogattiva magħluqa għall-irġiel; jemmen li dan it-tip ta' ftuħ ikun ifisser żieda fit-trasparenza;

    21.

    Jappella lill-isponsors u lix-xandara kollha b'kuntratt biex jeżiġu u jsostnu l-proċess ta' riforma fi ħdan il-FIFA billi joħorġu dikjarazzjonijiet pubbliċi kontra l-korruzzjoni fl-isport, u biex jagħtu segwitu għal kliemhom permezz ta' pressjoni kontinwa;

    22.

    Jitlob lill-UEFA u lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw miżuri ta' riforma fundamentali fi ħdan il-FIFA, u b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet stipulati f'din ir-riżoluzzjoni, kemm direttament u kemm permezz tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA u l-assoċjazzjonijiet tal-futbol nazzjonali, sa tmiem l-2016;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw u jagħtu prijorità lill-ħidma u lill-azzjonijiet relatati mal-governanza tajba fi ħdan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport, u jaċċertaw li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali sportivi jkunu involuti bis-sħiħ fl-azzjoni mmirata lejn it-titjib fil-governanza fil-livell Ewropew u dak internazzjonali;

    24.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod ikkoordinat mal-Istati Membri u f'kooperazzjoni mal-Interpol, il-Europol u l-Eurojust, tieħu l-miżuri kollha xierqa, fost l-oħrajn l-infurzar effettiv, sabiex tindirizza kwalunkwe indikazzjoni ta' korruzzjoni min-naħa tal-FIFA jew mill-uffiċjali tal-assoċjazzjonijiet tal-futbol nazzjonali fit-territorju tal-UE, u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet Ewropej permezz ta' timijiet konġunti tal-investigazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni;

    25.

    Jenfasizza li, fid-dawl tan-natura transnazzjonali tal-korruzzjoni fl-isport, l-isforzi biex din tal-aħħar tkun miġġielda jeħtieġu aktar kooperazzjoni effikaċi fost il-partijiet interessati, fosthom l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi, l-industrija sportiva, l-atleti u l-partitarji, u għandha tingħata enfasi anke lill-edukazzjoni u l-azzjoni preventiva f'dan il-qasam;

    26.

    Jilqa' l-programm tal-isport il-ġdid fl-ambitu ta' Erasmus+, li jappoġġja proġetti edukattivi transnazzjonali li jindirizzaw theddidiet transfruntieri għall-integrità u l-etika tal-isport, bħad-doping, ix-xiri tal-logħob u l-vjolenza, kif ukoll kull tip ta' intolleranza u diskriminazzjoni, u li jimmira li jippromwovi u jappoġġja l-governanza tajba fl-isport;

    27.

    Jistieden lill-Istati Membri u l-federazzjonijiet sportivi jinformaw u jedukaw lill-isportivi u lill-konsumaturi b'mod adegwat, sa minn età żgħira u fil-livelli kollha tal-isport, kemm fil-livell ta' dilettanti u kemm fil-livell professjonali; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi jistabbilixxu u jibqgħu għaddejjin bi programmi edukattivi u ta' prevenzjoni persistenti li jinvolvu obbligi ċari għall-klabbs, il-legi u l-federazzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward ta' minorenni;

    28.

    Jilqa' l-ftehim reċenti b'rabta mar-Raba' Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus, u jappoġġja l-użu proattiv tal-mezzi kollha previsti mil-leġiżlazzjoni l-ġdida biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod konsistenti l-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus biex tiżgura li din tkun biżżejjed biex tiġġieled il-korruzzjoni fl-isport u tiżgura l-iskrutinju ta' korpi governattivi sportivi reġistrati fl-UE u l-uffiċjali tagħhom;

    29.

    Jinsisti li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-rigward tal-governanza tal-FIFA tkun akkumpanjata wkoll minn impenji u miżuri ċari min-naħa tal-FIFA, l-UE, l-Istati Membri u partijiet interessati oħra kontra offiżi oħra li jaffettwaw l-organizzazzjonijiet sportivi, partikolarment ix-xiri tal-logħob, li spiss ikunu relatati ma' kriminalità organizzata li topera fuq livell internazzjonali;

    30.

    Jisħaq fuq il-bżonn li r-riformi futuri kollha fl-ambitu tal-isport professjonali, u b'mod partikolari fil-futbol, ikunu jinkludu provvedimenti sostanzjali li jħarsu d-drittijiet tal-atleti, tal-ħarrieġa u tat-timijiet; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li tkun indirizzata s-sjieda ta' terzi tal-atleti fl-isport Ewropew;

    31.

    Jappoġġja l-appell tal-kampanja “New FIFA Now” għall-istabbiliment ta' Kummissjoni indipendenti u mhux governattiva ta' Riforma tal-FIFA, li tkun ssorveljata minn awtorità internazzjonali indipendenti;

    32.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Association Football (FIFA), lill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA), lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, lill-Assoċjazzjoni tal-Legi Ewropej tal-Futbol Professjonali (EPFL), lill-Assoċjazzjoni tal-Klabbs Ewropej (ECA) u lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Plejers Professjonisti tal-Futbol (FIFPRO).


    (1)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

    (2)  ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 46.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0098.


    Top