Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0232

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja (2015/2036(INI))

    ĠU C 407, 4.11.2016, p. 74–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 407/74


    P8_TA(2015)0232

    Is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja (2015/2036(INI))

    (2016/C 407/11)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Jannar 2015 (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar id-Dimensjoni Marittima tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (2), tat-12 ta' Settembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (3), tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-aspetti kummerċjali tas-Sħubija tal-Lvant (4) u tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed (6),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tas-17 ta' Marzu 2014, tal-21 ta' Marzu 2014 u tat-18 ta' Diċembru 2014,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill (Affarijiet Barranin) dwar l-Ukraina tas-17 ta' Novembru 2014 u tad-29 ta' Jannar 2015,

    wara li kkunsidra l-aħħar dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta' Frar 2015 u tas-16 ta' Marzu 2015,

    wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukraina, il-Moldova u l-Ġeorġja,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-Federazzjoni Russa, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja (7), tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina (8) u tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja (9),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-5 ta' Settembru 2014 tas-Summit tan-NATO f'Wales,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0171/2015),

    A.

    billi l-Baċir tal-Baħar l-Iswed huwa wieħed mill-aktar reġjuni strateġiċi tad-dinja u għandu importanza ewlenija għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari biex jiżgura s-sigurtà u d-difiża tagħhom, kif ukoll għall-Politika tal-Viċinat tal-UE u għas-Sħubija tal-Lvant; billi l-importanza ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tar-reġjun kienet rikonoxxuta mis-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed – il-politika reġjonali tal-UE varata fl-2008; billi l-kunflitti kollha eżistenti li ilhom għaddejjin żmien fir-Repubblika tal-Moldova (Transnistrija), il-Ġeorġja (Ossezja tan-Nofsinhar u Abkażja) u Nagorno-Karabakh jinsabu fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed;

    B.

    billi l-Baċir tal-Baħar l-Iswed jirrappreżenta fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea importanti ħafna;

    C.

    billi l-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa l-annessjoni min-naħa tal-Federazzjoni Russa tal-Krimea u ta' Sebastopli – bi ksur tal-Karta tan-NU, tal-Karta ta' Pariġi u tal-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE, u bi ksur tal-obbligi tar-Russja skont il-Memorandum ta' Budapest tal-1994 – u mhuwiex se jirrikonoxxi tali annessjoni; billi r-Russja aġixxiet biex tiddestabilizza s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina; billi b'konsegwenza ta' dan ġew imposti restrizzjonijiet fuq il-kummerċ bejn l-UE u l-Krimea;

    D.

    billi n-NATO kkundannat l-eskalazzjoni militari tal-Federazzjoni Russa fil-Krimea, l-annessjoni illegali u illeġittima tagħha fil-konfront tal-Krimea u d-destabilizzazzjoni kontinwa u intenzjonali tagħha fil-konfront tal-Lvant tal-Ukraina bi ksur tad-dritt internazzjonali;

    E.

    billi wara l-annessjoni illegali tal-Krimea l-bilanċ militari fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed ġie alterat, peress li issa r-Russja qed tikkontrolla illegalment mijiet ta' kilometri tal-littoral tal-Krimea u l-ilmijiet tal-madwar li jagħtu fuq il-fruntieri marittimi tal-UE u tan-NATO; billi r-Russja żiedet l-azzjonijiet aggressivi fit-territorju Ukrain;

    F.

    billi qabel l-annessjoni illegali, il-forzi Russi tal-art u tal-ajru fil-Krimea kienu minimi u l-preokkupazzjoni primarja tagħhom kienet id-difiża ta' Sebastopli – il-bażi prinċipali tal-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed – u ta' żewġ bażijiet navali fil-qrib; billi l-annessjoni tal-Krimea dgħajfet serjament il-forzi armati tal-Ukraina, b'effetti b'mod partikolari fuq il-forzi navali tagħha li tagħhom il-truppi Russi assumew il-kontroll; billi permezz ta' żieda fil-preżenza militari tagħha fil-Krimea u fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni, ir-Russja għaddiet għall-ħolqien ta' forza militari offensiva konġunta magħmula mill-forzi navali u dawk tal-art u tal-ajru;

    G.

    billi wara l-annessjoni r-Russja ħaffet il-pass tal-espansjoni u tal-modernizzazzjoni tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed; billi l-pjan ta' modernizzazzjoni tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed huwa waħda mill-aktar partijiet ambizzjużi tal-programm tal-Istat Russu għall-akkwist tal-armi għall-perjodu 2011-2020; billi f'Diċembru 2014 il-Gvern Russu approva duttrina militari ġdida li tqis in-NATO bħala theddida ewlenija għas-sigurtà tar-Russja;

    H.

    billi fl-2007 r-Russja ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fit-Trattat dwar il-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa (CFE); billi fil-11 ta' Marzu 2015, ir-Russja waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fil-Grupp Konġunt Konsultattiv fi ħdan il-qafas tas-CFE u, bħala riżultat ta' dan, irtirat totalment mit-Trattat;

    I.

    billi t-Turkija hija pajjiż kandidat tal-UE, alleata tan-NATO, qawwa navali, protagonista attiva fil-politika barranija fir-reġjun u sieħeb ewlieni għall-UE, mhux l-anqas fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sigurtà tal-enerġija u tal-fruntieri; billi l-pożizzjoni strateġika tat-Turkija hija wkoll ta' rilevanza għolja għat-theddida maġġuri l-oħra li qed iħabbtu wiċċhom magħha kemm in-NATO kif ukoll l-UE, l-awtproklamata Daesh (l-Istat Iżlamiku); billi t-Turkija tista' tiżvolġi rwol importanti fil-ġlieda kontra t-theddid fil-Baħar l-Iswed u d-Daesh; billi t-Turkija, minkejja li tqis l-annessjoni tal-Krimea bħala illegali, ma esprimietx pożizzjoni ċara dwar dan il-fatt u dwar il-konsegwenzi tiegħu; billi l-pożizzjonijiet diplomatiċi reċenti tat-Turkija, b'mod partikolari fir-rigward tal-kunflitti fil-qrib, ħallew lok għal ambigwità u ma kinux konsistenti mal-pożizzjonijiet tal-UE u tan-NATO; billi t-Turkija hija sieħeb strateġiku fil-qasam tas-sigurtà u għandha rwol importanti x'tiżvolġi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, anki kif stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Montreux tal-1936;

    J.

    billi r-reazzjoni tal-UE għall-aggressjoni tar-Russja fil-konfront tal-integrità territorjali tal-Ġeorġja fl-2008, kif ukoll il-ksur ta' tali integrità, setgħu ħeġġew lir-Russja taġixxi b'mod analogu fl-Ukraina; billi l-UE, in-NATO u l-Istati Uniti kkundannaw it-“trattati” ffirmati f'Novembru 2014 u f'Marzu 2015 rispettivament bejn ir-Russja u l-awtoritajiet separatisti tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar, u affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Ġeorġja; billi dawn it-“trattati” jiksru l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali kif ukoll l-impenji internazzjonali tar-Russja, inklużi dawk meħuda fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008;

    K.

    billi mill-okkupazzjoni min-naħa tal-forzi Russi, l-Abkażja, ir-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar u, aktar reċentement, il-Krimea kienu teatri ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi fil-Krimea l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem qegħdin jolqtu lill-gruppi minoritarji u lill-oppożituri tal-okkupazzjoni Russa, partikolarment it-Tatari indiġeni tal-Krimea, l-attivisti pro-Ukraini u tas-soċjetà ċivili u l-persuni li jixtiequ jżommu ċ-ċittadinanza Ukraina tagħhom;

    Bidla fil-panorama strateġika u tas-sigurtà tal-Baħar l-Iswed

    1.

    Jappoġġa bil-qawwa n-nonrikonoxximent tal-annessjoni min-naħa tar-Russja tal-Krimea; itenni l-impenn tiegħu favur l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment l-Artikolu 2 tagħha; jappoġġa bis-sħiħ il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li l-UE mhijiex se tirrikonoxxi l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta' Sebastopli; jenfasizza li l-annessjoni tikser ukoll it-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija tal-1997 bejn l-Ukraina u l-Federazzjoni Russa; jenfasizza l-bżonn li l-UE u l-Istati Membri tagħha jitkellmu b'vuċi waħda u magħquda dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja;

    2.

    Jinnota bi tħassib li l-annessjoni illegali tal-Krimea wasslet għal bidla mgħaġġla u sinifikanti fil-panorama strateġika tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed u ż-żona ta' madwaru; iqis li l-azzjonijiet aggressivi min-naħa tar-Russja jirrappreżentaw ritorn lejn approċċ ostili bbażat fuq ir-rivalità bejn żewġ blokok; iwissi li billi okkupat il-peniżola kollha, ir-Russja kisbet żona importanti ħafna għall-varar ta' attakki li tħares kemm lejn il-Punent (il-Balkani, it-Transnistrija u l-bokok tad-Danubju), kemm lejn in-Nofsinhar (il-Mediterran tal-Lvant), fejn stabbiliet task force navali permanenti, u li l-annessjoni illegali tal-Krimea qiegħda toffri lir-Russja “Kaliningrad tan-Nofsinhar”, stakkament ieħor direttament mal-fruntieri tan-NATO;

    3.

    Jemmen li l-bidla fil-panorama ġeostrateġika, is-sitwazzjoni militari f'evoluzzjoni fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed u l-annessjoni furzata tal-Krimea min-naħa tar-Russja jikkostitwixxu sinjali ta' sfidi usa' u sistemiċi għall-arkitettura tas-sigurtà Ewropea ta' wara l-Gwerra l-Bierda bbażata fuq normi; jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha jrid ikollhom risposta ta' sigurtà għal dawn l-isfidi u jerġgħu jikkunsidraw il-politika barranija u ta' sigurtà tagħhom fid-dawl ta' dawn, u tali risposta trid tkun riflessa f'reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Marittima kif ukoll fl-Istrateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed; huwa mħasseb dwar il-pressjoni intensifikata Russa fuq il-fruntiera tal-Lvant tal-UE, inklużi r-Rumanija, il-Polonja u l-Istati Baltiċi, li tirrappreżenta riskju gravi;

    4.

    Jenfasizza li jkun opportun li l-UE ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha stess u tirrispondi għall-isfida ta' informazzjoni u ta' sigurtà tal-informazzjoni armati; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19-20 ta' Marzu 2015 dwar it-tnedija ta' proġett li jikkuntrasta l-propaganda Russa u li jinkludi l-finanzjament ta' bosta stazzjonijiet televiżivi russofoni;

    5.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda attwali fil-preżenza militari difensiva u offensiva tar-Russja fil-Baħar l-Iswed, u l-pjanijiet ta' espansjoni u modernizzazzjoni tal-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed, li jinvolvu ż-żieda ta' sitt sottomarini moderni ġodda li jaħdmu bid-diżil tat-tip Rostov-on-Don u sitt frejgati ġodda tat-tip Ammiral Grigorovich; ifakkar li l-pożizzjonament ta' attivitajiet offensivi tal-forza tal-ajru u t-titjib tal-infrastrutturi militari tal-Krimea se jsaħħu l-qagħda militari offensiva tar-Russja kif ukoll il-kapaċità tagħha li tipprojetta l-poter lil hinn mit-territorju tagħha;

    6.

    Josserva bi tħassib iż-żieda kontinwa fil-preżenza militari Russa fir-reġjuni okkupati tal-Abkażja u ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar tal-Ġeorġja; josserva li din l-infrastruttura militari kemm ta' natura difensiva kif ukoll offensiva, bir-raġġ ta' azzjoni wiesa' tagħha, toħloq theddida gravi għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed kollu kemm hu;

    7.

    Jinnota bi tħassib li r-Russja saħħet id-difiżi navali u tal-ajru tagħha fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed, billi skjerat difiża navali ġdida bl-użu ta' missili għal kontra l-vapuri (li jkopru medda ta' 600 km, u li kapaċi jilħqu l-Bosforu) u billi żgurat li l-ajruplani tal-ġlied Russi jikkontrollaw madwar tliet kwarti tal-ispazju tal-ajru tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed (billi prattikament kabbret bi tliet darbiet l-għadd ta' ajruporti fil-Krimea); jinnota, f'dan ir-rigward, li r-Russja saħħet il-kapaċitajiet tagħha kemm mil-lat strateġiku kif ukoll mil-lat tattiku: mil-lat strateġiku bombardieri fuq distanza twila, li kapaċi jġorru missili “cruise”, u inġenji tal-ajru għar-rikonjizzjoni li joperaw qrib ix-xtut tal-Punent tal-Baħar l-Iswed, u li jistgħu jippenetraw sew fl-Ewropa Ċentrali; mil-lat tattiku, skjerat żewġ brigati tal-infanterija navali – potenzjalment appoġġati minn “helicopter carriers” tat-tip Mistral – li joħolqu theddida ta' żbark ta' potenzjal sinifikanti; jilqa' d-deċiżjoni ta' Franza li terġa tikkunsidra l-konsenja ta' vapuri ta' assalt anfibji tal-klassi Mistral lir-Russja u jilqa' n-negozjati ta' Franza biex b'mod mhux ekwivokabbli u b'mod aħħari tħassar din it-tranżazzjoni;

    8.

    Huwa mħasseb bil-kbir bid-dikjarazzjoni tal-President Putin li afferma li kien lest li jpoġġi f'allert il-forzi nukleari Russi matul l-okkupazzjoni tal-Krimea fil-każ li l-Punent kien se jintervjeni kontra l-annessjoni; huwa estremament inkwetat anki bid-dikjarazzjoni ta' theddid ta' uffiċjali għoljin Russi, skont min ir-Russja għandha d-dritt li tiskjera u żżomm armi nukleari fil-Krimea, fatt li jkun ikollu konsegwenzi globali; josserva bi tħassib li, f'Marzu 2015, ir-Russja stazzjonat fil-Krimea, matul taħriġ militari, għadd mhux dikjarat ta' bombardieri strateġiċi nukleari Tu-22M3; huwa mħasseb bid-duttrina militari Russa l-ġdida ta' Diċembru 2014 li tippermetti l-użu tal-armi nukleari kontra Stat li mhuwiex fil-pussess ta' tali armi;

    9.

    Jinnota li l-iskjerament potenzjali min-naħa tar-Russja ta' sistemi ta' armi b'kapaċità doppja fil-Krimea jixħet fid-dubju l-intenzjonijiet tajba tar-Russja f'dak li għandu x'jaqsam mal-ksib ta' progress fl-aġenda dwar id-diżarm nukleari multilaterali fir-rieżami li jmiss tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, u dan jimmina l-isforzi li diġà saru f'dik id-direzzjoni;

    10.

    Iqis li t-titjiriet li għaddew ftit 'il fuq minn bastimenti tal-gwerra tan-NATO u pjattaformi ta' esplorazzjoni fil-Baħar l-Iswed imwettqa reċentement minn inġenji tal-ajru tal-ġlied Russi, huma sinjal ċar ta' pożizzjoni aktar aggressiva tar-Russja fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed, u jwissi li jeżisti riskju akbar ta' eskalazzjoni; jitlob linji ta' komunikazzjoni diretti bejn il-forzi armati biex ikun evitat nuqqas ta' fehim traġiku b'konsegwenzi militari u ta' sigurtà ta' skala vasta;

    11.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni estremament serja fil-Lvant tal-Ukraina – fejn il-gwerra qiegħda twassal għad-destabilizzazzjoni tal-Ukraina u tar-reġjun kollu – inkluż l-eventwali theddida tal-istabbiliment ta' kuritur fuq l-art li jgħaqqad it-territorju Russu mal-Krimea permezz ta' territorju kkontrollat mis-separatisti tul ix-xatt tal-Punent tal-Baħar Azov (Mariupol), bħala riżultat ta' dan l-Ukraina taf tkun kompletament imċaħħda minn żbokk fuq il-baħar; iħeġġeġ lill-Ukraina u lir-Repubblika tal-Moldova jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-proviżjoni ta' armi u ta' fornimenti militari lir-reġjun tat-Transnistrija, kemm mill-art kif ukoll mill-ajru;

    12.

    Jikkundanna l-fatt li r-Russja qiegħda tipprovdi appoġġ dirett u indirett lill-gruppi separatisti fl-Ukraina, inkluż fil-forma ta' armi u ta' reklutaġġ, b'hekk tiġi ffaċilitata l-kontinwazzjoni ta' gwerra; huwa inkwetat bir-rapporti ta' delitti tal-gwerra kommessi fir-reġjun ikkontrollat mis-separatisti appoġġati mir-Russja, inkluż l-episodju li fih twaqqa' l-ajruplan ta' passiġġieri ċivili MH-17, li attwalment jinsab taħt investigazzjoni indipendenti u internazzjonali; iħeġġeġ lir-Russja tirtira minnufih il-forzi militari kollha tagħha mit-territorju Ukrain u taderixxi mal-Ftehimiet ta' Minsk; iħeġġeġ lir-Russja u lill-partijiet kollha involuti jużaw l-influwenza tagħhom biex iwaqqfu l-ostilitajiet u jipprevjenu li jiġu kommessi aktar delitti tal-gwerra u vittmi ġodda; itenni li l-ebda amnistija ma tista' tingħata għad-delitti tal-gwerra kommessi;

    13.

    Jiddispjċih li l-inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali għas-sigurtà fil-Baħar l-Iswed BLACKSEAFOR u Black Sea Harmony, intiżi li juru lid-dinja esterna li l-pajjiżi tal-littoral jistgħu jassumu r-responsabilità primarja tas-sigurtà tagħhom filwaqt li jżommu l-potenzjal tagħhom li jagħtu ħajja ġdida lill-kooperazzjoni futura possibbli fost dawn l-Istati, attwalment jinsabu f'paraliżi;

    Iż-żamma ta' pożizzjoni soda u l-komunikazzjoni mar-Russja

    14.

    Jenfasizza li r-relazzjoni mar-Russja, li hija attur prinċipali fix-xena internazzjonali, fuq medda twila ta' żmien għandha, ġeneralment, tkun kooperattiva aktar milli kunflittwali; huwa tal-fehma madankollu li, fuq terminu qasir u medju, minħabba n-nuqqas ta' fiduċja wara l-aħħar azzjonijiet li wettqet ir-Russja, kwalunkwe ssoktar tal-kooperazzjoni irid jissejjes, l-ewwel nett, fuq garanzija strateġika soda offruta min-NATO lill-membri tal-Lvant tagħha u, it-tieni nett, fuq bidla fil-politika Russa fil-konfront tal-Ukraina, partikolarment bl-implimentazzjoni sħiħa u inkundizzjonata tal-Ftehimiet ta' Minsk ta' Settembru 2014 u Frar 2015 (li japplikaw biss għall-kunflitt fl-Ukraina tal-Lvant) u fuq ir-radd lura tal-Krimea lill-Ukraina, b'hekk jerġa' jinġieb l-istatus quo ante u l-kontroll tal-awtoritajiet Ukraini fuq it-territorju tal-pajjiż fi ħdan fruntieri rikonoxxuti fuq livell internazzjonali;

    15.

    Jesprimi t-tama li l-ftehim ta' Minsk għall-waqfien mill-ġlied, li ntlaħaq fit-12 ta' Frar 2015, se jżomm u b'hekk jagħti ż-żmien għal soluzzjoni politika negozjata; huwa mħasseb bil-bosta indikazzjonijiet ta' ksur tal-ftehim min-naħa tar-Russja u tas-separatisti; jissottolinja li l-qafas ġuridiku internazzjonali attwali jrid ikun rispettat totalment;

    16.

    Iqis li fl-eventwalità li r-Russja ma timplimentax bis-sħiħ il-ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied ta' Minsk u tkompli bid-destabilizzazzjoni tal-Ukraina tal-Lvant u bl-annessjoni illegali tal-Krimea, għandu jitkompla u jissaħħaħ ir-reġim ta' sanzjonijiet kif ukoll l-appoġġ biex l-Ukraina żżid il-kapaċitajiet ta' difiża tagħha; jisħaq fuq il-fatt li l-UE trid turi għaqda, solidarjetà u impenn hija u tissanzjona l-azzjonijiet Russi kontra n-normi applikabbli tad-dritt internazzjonali;

    17.

    Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jibqgħu riżoluti u magħquda fl-impenn tagħhom biex japplikaw is-sanzjonijiet maqbula fil-konfront tar-Russja, anki billi jiffriżaw kull tip ta' kooperazzjoni militari u ta' difiża u jikkanċellaw il-kuntratti, pereżempju l-kunsinna ta' bastimenti ta' assalt anfibji Mistral lir-Russja; u jħares 'il quddiem lejn l-għeluq b'suċċess tan-negozjati biex dan il-kuntratt jitħassar;

    Is-sigurtà tal-enerġija, marittima, tal-fruntieri u tal-bniedem fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed

    18.

    Jilqa' l-implimentazzjoni tal-politika tal-enerġija tal-UE mmirata lejn il-promozzjoni tas-sigurtà tal-enerġija għall-Istati Membri kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex inaqqsu d-dipendenza enerġetika u jiżguraw is-sigurtà fl-attivitajiet ta' estrazzjoni u trasport ta' żejt u gass fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jistieden lill-UE ssostni l-inizjattivi għad-diversifikazzjoni tar-riżorsi enerġetiċi tal-Baħar l-Iswed anki permezz ta' miżuri finanzjarji u ta' investimenti fl-ambitu ta' strateġija għall-indipendenza enerġetika; jistieden lill-Kummissjoni tissokta x-xogħol li jwassal għall-bini tal-pipeline tal-gass Nabucco; huwa tal-fehma li relazzjoni kostruttiva ta' fiduċja fost il-pajjiżi ġirien hija l-aħjar garanzija għall-provvista enerġetika tal-Istati Membri;

    19.

    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-benefiċċji tal-attivitajiet ta' estrazzjoni u trasport ta' żejt u gass fil-Baħar l-Iswed jiddependu dejjem aktar mil-livell ta' militarizzazzjoni mqanqal mill-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u t-tisħiħ sussegwenti tal-kapaċitajiet tagħha f'din iż-żona; itenni li, fid-dawl tal-instabbiltà potenzjali u, b'mod partikolari, id-dipendenza tal-Ewropa mill-Baħar l-Iswed għat-tranżitu tal-provvisti enerġetiċi, l-UE għandha interess strateġiku li tiddisswadi lill-atturi reġjonali milli jadottaw politika tas-sogru kalkolat u li, f'dan is-sens, taf ikollha timmobilizza r-riżorsi navali u tal-ajru Ewropej fil-Baħar l-Iswed; jagħmel appell lill-Istati Membri bil-għan li jadottaw il-miżuri neċessarji biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-attivitajiet ta' estrazzjoni u trasport ta' żejt u gass fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

    20.

    Jissottolinja li l-kriżi attwali tolqot il-kooperazzjoni f'oqsma importanti oħra, bħall-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri (b'mod partikolari l-kontroll tal-migrazzjoni), it-traffikar u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

    21.

    Jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li sar minn mindu bdiet l-okkupazzjoni mill-forzi Russi, inklużi l-intimidazzjoni u l-għadd dejjem akbar ta' għajbien furzat (10), iċ-ċensura tal-libertà tal-kelma u l-persekuzzjoni tal-minoranzi, li jolqtu partikolarment il-minoranzi etniċi u nazzjonali; jikkundanna l-persekuzzjoni sistematika tat-Tatari nattivi tal-Krimea li ħadu sehem f'dimostrazzjonijiet favur is-sostenn tal-integrità territorjali tal-Ukraina; ifakkar fl-eluf ta' Tatari tal-Krimea li ħarbu mill-patrija tagħhom minħabba biża' ta' persekuzzjoni u fittxew rifuġju f'reġjuni oħrajn fl-Ukraina; jesprimilhom is-solidarjetà tiegħu u jitlob b'urġenza li s-sitwazzjoni tagħhom titjieb; jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu minnufih l-vessazzjonijiet fil-konfront tal-organu eżekuttiv tat-Tatari tal-Krimea, il-Mejlis; jistieden lir-Russja tirrispetta totalment id-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni lokali tal-Krimea u jistieden lill-Ukraina, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżommu taħt għajnejhom ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea;

    22.

    Jitlob li jsiru investigazzjonijiet u li jitjieb l-aċċess għall-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem għall-każijiet kollha ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea; jistieden lill-Gvern tal-Ukraina juża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jinvestiga u jressaq quddiem il-ġustizzja d-delitti tal-gwerra kommessi fit-territorju tiegħu; jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-Qorti tal-Aja jibdew inkjesta dwar l-eventwali reati kommessi matul l-annessjoni illegali tal-Krimea u l-kunflitt fl-Ukraina tal-Lvant;

    23.

    Jiġbed l-attenzjoni fuq il-vulnerabbiltà ambjentali estrema tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed; jissottolinja l-fatt li l-militarizzazzjoni dejjem ikbar tar-reġjun toħloq aktar riskju għal din l-ekosistema delikata, u jitlob it-twaqqif ta' mekkaniżmu effikaċi ta' prevenzjoni tal-inċidenti, b'sistema affidabbli għall-iskambju ta' informazzjoni f'każ ta' emerġenza bejn l-Istati kollha tal-littoral;

    24.

    Ifakkar li l-UE trid tibqa' magħquda u titkellem b'vuċi waħda rigward il-gwerra ibrida Russa fl-Ukraina; huwa konvint li l-għaqda hija kundizzjoni preliminari għal risposta effikaċi għat-theddid kollu għas-sigurtà u għall-isfidi politiċi kollha li ġejjin minn taħlita ta' azzjonijiet militari u mhux militari tar-Russja fl-Ukraina;

    Ir-rwol tal-UE u tal-atturi internazzjonali

    25.

    Jenfasizza li r-reġjun tal-Baħar l-Iswed għandu jikkostitwixxi prijorità reali għall-UE; iqis li l-format attwali tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed (BSS) huwa antikwat; jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni u lis-SEAE jfasslu, mill-aktar fis possibbli, strateġija komprensiva tal-UE għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jisħaq fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandhom ukoll japplikaw fil-każ tal-Baħar l-Iswed; jagħmel appell għal rieżami tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u jistenna li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li tieħu kont tal-programmi rilevanti kollha li jirrigwardaw ir-reġjun, tissarraf f'aktar kooperazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni mall-Istati sħab tal-littoral tal-Baħar l-Iswed;

    26.

    Jisħaq fuq il-fatt li, minkejja li l-BSS hija prattikament sospiża, il-kooperazzjoni effikaċi mal-Istati fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed għandha tkompli; jilqa' b'sodisfazzjon il-missjonijiet tal-PSDK li għaddejjin bħalissa – il-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE, il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE u l-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntiera – bħala komponenti importanti tal-kontribut tal-UE biex issolvi l-kunflitti li ilhom għaddejjin żmien fir-reġjun; jilqa' pożittivament l-isforzi li għamlu l-Istati Membri biex itejbu l-kapaċitajiet militari tal-Istati tal-littoral tal-Baħar l-Iswed u b'hekk jiżdied il-potenzjal tagħha li jirrispondu għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi fir-reġjun; iqis li l-UE għandha bżonn strateġija awdaċi u effikaċi, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mas-setturi tal-ekonomija, tad-difiża u tas-sigurtà, bil-għan li l-UE tissaħħaħ internament, taġġorna u ttejjeb l-istrumenti eżistenti u twessa' l-kapaċità tagħha ta' reazzjoni għall-iżviluppi fil-viċinat li għandhom riperkussjonijiet fuq is-sigurtà Ewropea;

    27.

    Jissottolinja l-importanza fundamentali tal-koordinament man-NATO, partikolarment mal-Istati tal-littoral tal-Baħar l-Iswed li huma membri tal-Alleanza, u mal-Istati Uniti, billi l-Baċir tal-Baħar l-Iswed jirrappreżenta komponent fundamentali tas-sigurtà Ewro-Atlantika; jissottolinja li l-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari ta' dawk l-Istati tal-littoral tal-Baħar l-Iswed li huwa membri tal-UE u tan-NATO huma vitali biex tkun garantita s-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun; jilqa' l-impenn tan-NATO li tappoġġa l-isforzi reġjonali tal-istati tal-littoral tal-Baħar l-Iswed maħsuba biex jiżguraw is-sigurtà u l-istabbiltà; jissottolinja l-bżonn ta' appoġġ min-naħa tal-UE u tan-NATO biex il-Baħar l-Iswed jinżamm spazju ekonomiku miftuħ; jistieden lill-OSKE tkabbar il-kamp ta' applikazzjoni tal-isforzi tagħha fir-rigward tas-sigurtà fil-Baħar l-Iswed; jistieden lill-UE ssostni preżenza msaħħa tal-OSKE u inizjattivi ġodda tal-Organizzazzjoni fir-reġjun intiżi li jtaffu s-sitwazzjoni tas-sigurtà;

    28.

    Ifakkar li, partikolarment fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed, l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jibbenefikaw mill-istess livell ta' sigurtà, konformement mal-Artikolu 42(7) tat-TUE;

    29.

    Jilqa' favorevolment l-impenn min-naħa tal-Istati Membri tan-NATO fir-rigward tas-sigurtà kollettiva u, jekk neċessarju, jiġi attwat l-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Washington; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tas-Summit tan-NATO f'Wales dwar il-miżuri ta' garanzija strateġika u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Prontezza, li huma elementi importanti għas-sigurtà tal-Istati Membri tan-NATO l-aktar milquta; jistieden lin-NATO tkompli tiżviluppa l-kapaċitajiet tagħha fil-qasam tad-difiża ċibernetika u missilistika, anki fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, u tiżviluppa pjanijiet ta' kontinġenza għall-iskoraġġiment u l-ġlieda kontra l-gwerer asimmetriċi u ibridi;

    30.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssostni lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom maħsuba biex jidentifikaw soluzzjonijiet ħalli jżidu l-baġit tagħhom għad-difiża sal-livell ta' 2 %; japprezza l-impenn li ħadu l-membri tan-NATO fl-okkażjoni tal-aħħar Summit tan-NATO fi Newport, biex jiżguraw li n-nefqa tagħhom għad-difiża tilħaq almenu 2 % tal-PDG sal-2024; jesprimi tħassib bil-fatt li wħub mill-alleati ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jqaċċtu mill-ġdid in-nefqa għad-difiża; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-Artikolu 3 tat-Trattat ta' Washington;

    31.

    Ifakkar li, minkejja l-applikazzjonijiet ta' adeżjoni tal-Ġeorġja u tal-Ukraina tal-2008 mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NATO ma kinux ġew aċċettati, in-NATO, fl-okkażjoni tas-Summit ta' Bukarest, iddikjarat li l-Ġeorġja u l-Ukraina se jsiru membri tal-Alleanza; jikkonstata li, wara l-gwerra tal-2008 fil-Ġeorġja u l-annessjoni illegali tal-Krimea fl-2014, ir-Russja mmutilat mil-lat territorjali ż-żewġ pajjiżi, b'hekk għamlithom ineleġibbli għall-adeżjoni man-NATO; iqis li, minkejja ma tistax tiddefendihom direttament, in-NATO għandha obbligu morali li tgħin lill-kapaċità tal-Ġeorġja u tal-Ukraina biex jiddefendu lilhom infushom;

    32.

    Jenfasizza li n-NATO għandha tippreserva s-superjorità navali u tal-ajru ġenerali tagħha fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed u żżomm il-kapaċità tagħha biex tissorvelja ż-żona;

    o

    o o

    33.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed.


    (1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0011.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0380.

    (3)  ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 77.

    (4)  ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 38.

    (5)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 26.

    (6)  ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 81.

    (7)  Testi adottati, P7_TA(2014)0248.

    (8)  Testi adottati, P7_TA(2014)0457.

    (9)  Testi adottati, P8_TA(2014)0025.

    (10)  Fi ħdan it-tifsira tal- Artikolu 7(1)(i) tal-Istatut ta' Ruma (2002).


    Top