Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0231

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fin-Nepal wara t-terrimoti (2015/2734(RSP))

    ĠU C 407, 4.11.2016, p. 70–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 407/70


    P8_TA(2015)0231

    Is-sitwazzjoni fin-Nepal wara t-terremoti

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fin-Nepal wara t-terrimoti (2015/2734(RSP))

    (2016/C 407/10)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nepal,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-25 ta' April 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, il-Kummissarju għall-Iżvilupp, Neven Mimica, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżi, Christos Stylianides, dwar it-terremot fl-Asja, u dikjarazzjonijiet uffiċjali oħra,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' April 2015 mill-President tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Asja dwar it-terremot fin-Nepal,

    wara li kkunsidra ż-żjara fin-Nepal tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Asja fl-okkażjoni tad-9 Laqgħa Interparlamentari tan-Nepal/PE li saret mit-8 sal-10 ta' April 2015,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-15 ta' Mejju 2015 dwar it-tisħiħ tal-għajnuna ta' emerġenza, ir-rijabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni f'reazzjoni għall-effetti devastanti tat-terremot fin-Nepal,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

    wara li kkunsidra l-inizjattivi tan-Nepal ta’ wara t-terremot bħall-Pjan Nazzjonali ta' Riabilitazzjoni u Rikostruzzjoni l-Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet ta’ Wara d-Diżastru,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi s-sitwazzjoni umanitarja li taffettwa lin-Nepal u lir-reġjun tal-madwar, wara t-terremot devastanti tal-25 ta’ April 2015 u t-terremot sussegwenti tat-12 ta’ Mejju 2015 tibqa’ estremament gravi, b’aktar minn 8 800 ruħ irrapportati mejta u ħafna aktar midruba, u mill-inqas nofs miljun dar meqruda, 2,8 miljun persuna spostata u miljuni ta’ nies fil-bżonn ta’ għajnuna umanitarja urġenti;

    B.

    billi, barra minn hekk, madwar 1,7 miljun tifel u tifla ntlaqtu minn spostament, mewt ta’ wieħed jew iż-żewġ ġenituri, jew il-qerda ta’ djarhom jew skejjel; billi l-orfni huma f’riskju akbar li jmutu bil-ġuħ, mard, abbuż, negliġenza u t-traffikar; billi l-pulizija tan-Nepal rrappurtaw każijiet ta’ gruppi ta’ tfal li qed jittieħdu minn adulti li ma jiġux minnhom; billi projbizzjoni tal-ivvjaġġar għall-minuri mhux akkumpanjati ġiet imħabbra u l-adozzjonijiet internazzjonali ġew sospiżi;

    C.

    billi apparti telf terribbli ta’ ħajjiet u ħafna nies feruti, it-terremot għamel ħsara kbira lill-wirt kulturali, reliġjuż u storiku tal-pajjiż, inkluż erbgħa minn seba’ siti ta’ Patrimonju Internazzjonali u eluf ta’ monumenti, tempji u monasteri, li jirrappreżenta daqqa ta’ ħarta għall-identità nazzjonali kif ukoll jaffettwa sorsi indispensabbli ta’ dħul;

    D.

    billi aktar minn 500 uqigħ tal-art xott kbar ġew irrappurtati madwar reġjuni muntanjużi, ta’ spiss, jimblukkaw il-fluss ta’ xmajjar, b’riskju ta’ għargħar jew għargħar estrem glaċjali; billi r-riskji ta’ aktar uqigħ tal-art, għargħar u riskji li jinfaqgħu l-lagi huma kbar ħafna fid-dawl tal-wasla tal-istaġun tal-monsun;

    E.

    billi hemm tħassib serju dwar ir-riskju ta’ tifqigħ ta’ mard li jinxtered, b’mod partikolari f’żoni ffullati u f’żoni fejn is-sistemi tal-ilma, is-sanità u l-iġjene ġew interrotti;

    F.

    billi x-xita tal-monsun hija mistennija li tibda dalwaqt u se taffettwa b’mod sinifikanti l-isforzi ta' għajnu, b’mod partikolari fiż-żoni l-aktar imbiegħda;

    G.

    billi n-NU stmat li 1,4 miljun ruħ jeħtieġu għajnuna f’ikel minħabba l-ħsara kbira għall-għajxien ibbażat fuq l-agrikultura; billi l-istaġun tat-tħawwil jibda dan ix-xahar u madwar 236 000 ruħ jeħtieġu dħul agrikoli, inkluż ross u żerriegħa tal-ħaxix, u billi s-sitwazzjoni hija aggravata minħabba t-telf fuq skala kbira ta’ bhejjem; billi l-bdiewa li jitilfu l-istaġun tat-tħawwil ta’ din is-sena ma jkunux jistgħu jaħsdu qabel tmiem l-2016;

    H.

    billi l-Kummissarju Stylianides żar ż-żoni milquta flimkien mad-deputat Segretarju Ġenerali tan-NU Valerie Amos mit-30 ta’ April sat-2 ta’ Mejju 2015;

    I.

    billi l-UE u l-Istati Membri tagħha pprovdew assistenza finanzjarja sinifikanti b’reazzjoni, l-għoti immedjat ta’ EUR 6 miljun għal ħtiġijiet urġenti u nefqa totali s'issa ta’ EUR 22,6 miljun min-naħa tal-Kummissjoni, minbarra li offrew oġġetti ta’ għajnuna u timijiet ta’ tfittxija u salvataġġ permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili;

    J.

    billi, madankollu, il-koordinatur umanitarju tan-NU ddikjara fl-4 ta’ Ġunju 2015 li fondi internazzjonali b’appoġġ għan-Nepal għadu mhux sodisfaċenti u li n-NU rċeviet biss USD 120 miljun mit-total ta’ USD 422 miljun mwiegħda;

    K.

    billi riċentement ġie inawgurat ċentru ta' għajnuna għal diżastri u ż-żona umanitarja li pprovdew razzjonijiet tal-ikel għal 200 000 persuna għal ġimagħtejn, appoġġati wkoll minn finanzjament tal-UE, operaw b’suċċess u huma eżempji tajba tad-direzzjoni li fiha l-gvern kien miexi qabel it-terremot;

    L.

    billi, madankollu, l-isforz ta’ għajnuna kien imxekkel minn infrastruttura limitata u mġarrfa, imma r-rotot ta’ provvista ġew stabbiliti permezz ta’ pajjiżi ġirien, b’mod partikolari l-Indja permezz tal-“Operazzjoni Ħbiberija” ('Operation Friendship');

    M.

    billi, għalkemm parzjalment solvuta, għad hemm il-problemi fir-rigward ta’ proċeduri doganali mtawla għall-provvisti umanitarji mibgħuta lejn in-Nepal minn donaturi uffiċjali u privati; billi skadiet eżenzjoni mid-dazju tal-importazzjoni ta’ 30 jum u ġiet sostitwita b’lista ta’ oġġetti kompletament jew parzjalment eżentati minn taxxi tal-importazzjoni, u bħala riżultat id-dazji fuq l-importazzjoni huma issa imposti fuq ċerti oġġetti ta’ għajnuna;

    N.

    billi eluf fi bżonn ta’ għajnuna wara t-terremoti qed jirriskjaw li jitħallew ifendu għal rashom fost sinjali inkwetanti li d-diskriminazzjoni bejn is-sessi, il-kasti u dik etnika qed ixxekklu l-isforzi ta’ għajnuna; billi aktar minn nofs il-Komunità Dalita tal-pajjiż għadha qed tistenna għall-kenn u r-razzjonijiet tal-ikel;

    O.

    billi l-istimi mill-Ministeru tal-Finanzi tan-Nepal qiegħdu l-ispiża tar-rikostruzzjoni għal madwar USD 10 biljun, li hija nofs il-PDG annwali tal-pajjiż;

    P.

    billi l-Gvern tan-Nepal ħabbar li ser jorganizza konferenza internazzjonali fil-25 ta’ Ġunju 2015 f’Kathmandu sabiex jiġi mmobilizzat appoġġ finanzjarju internazzjonali għar-rikostruzzjoni u r-rijabilitazzjoni tal-pajjiż;

    Q.

    billi n-Nepal, li hi fost l-ifqar pajjiżi fid-dinja, ħareġ biss reċentement u bil-mod minn gwerra ċivili ta’ 10 snin; billi, madankollu, il-gvern għamel sforzi f’dawn l-aħħar snin biex jipprepara għas-sitwazzjoni mistennija fil-każ ta’ terremot kbir;

    1.

    Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lil dawk kollha affettwati minn din it-traġedja terribbli, inklużi l-familji ta’ iktar minn 8 800 persuna li tilfu ħajjithom fin-Nepal, l-Indja, iċ-Ċina u l-Bangladexx;

    2.

    Ifaħħar l-isforzi tal-istituzzjonijiet u s-soċjetà tan-Nepal wara t-terremoti;

    3.

    Jilqa’ l-għajnuna rapida pprovduta mill-Kummissjoni u l-Istati Membri lin-Nepal u jistieden lill-komunità internazzjonali biex tkompli tgħin lill-Gvern tan-Nepal b'appoġġ umanitarju fuq perjodu qasir u bl-isforzi ta’ rkupru u ta’ riabilitazzjoni fuq perjodu twil, b’enfasi speċjali fuq is-settur agrikolu u żoni li diffiċli jintlaħqu, u li tonora l-impenji tagħha;

    4.

    Jenfasizza l-importanza tal-kura tas-saħħa ta’ emerġenza u tal-miżuri mmirati sabiex jevitaw it-tfaqqigħ ta' mard li jittieħed; jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jappoġġaw it-tiġdid ta’ faċilitajiet u servizzi tas-saħħa fil-pajjiż, b’mod partikolari f’żoni remoti, inkluż bil-konsenja ta’ tined u tagħmir mediku għal faċilitajiet tas-saħħa li saritilhom il-ħsara jew li nqerdu;

    5.

    Jistieden lill-Gvern tan-Nepal u lill-komunità internazzjonali biex jiżguraw li t-tfal li ġew separati mill-familji tagħhom jiġu riunifikati magħhom malajr kemm jista’ jkun u biex it-tfal jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-intervent umanitarju; barra minn hekk, jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tat-tfal, inklużi l-bosta każijiet ta’ malnutrizzjoni u r-riskji ta’ abbuż u traffikar; jenfasizza l-importanza li wieħed iġib t-tfal lura lejn l-iskola;

    6.

    Huwa mħasseb dwar rapporti ta’ abbużi u intimidazzjoni tan-nisa u t-tfal fil-kampijiet improvviżati, u jistieden lill-Gvern tan-Nepal biex jieħu miżuri addizzjonali ħalli jiżgura s-sikurezza ta’ persuni vulnerabbli u l-investigazzjoni rapida ta’ tali rapporti;

    7.

    Jistieden lill-komunità internazzjonali biex tassisti lill-Gvern tan-Nepal fl-irkupru u r-restawr tal-wirt kulturali, reliġjuż u storiku li saritilhom il-ħsara;

    8.

    Jenfasizza li n-Nazzjonijiet Uniti tqis li żieda ta’ USD 298,2 miljun hija urġentement meħtieġa sabiex tipprovdi għajnuna umanitarja, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li qed joqrob l-istaġun tal-monsun, u jitlob għal sforz globali mġedded biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet ta’ finanzjament urġenti;

    9.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nepal biex isolvi l-problemi li jifdal fir-rigward ta’ proċeduri doganali għall-provvisti umanitarji, biex ineħħi kwalunkwe hekk imsejħa “taxxa ta' għajnuna” milli tiġi imposta fuq provvisti umanitarji mill-pulizija lokali mal-fruntieri tan-Nepal, u biex jaħdem flimkien mal-aġenziji ta’ għajnuna sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna tilħaq malajr il-postijiet fejn tkun meħtieġa;

    10.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti ta’ diskriminazzjoni fit-tqassim tal-għajnuna umanitarja, u jistieden lill-Gvern tan-Nepal biex jiżgura li l-għajnuna tasal għand dawk li jinħtiġuha, indipendentement minn min huma u minn fejn tkun ġejja l-għajnuna; barra minn hekk, jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tindirizza din il-kwistjoni fl-ogħla livell politiku possibbli fil-kuntatti tagħha man-Nepal;

    11.

    Ifaħħar lill-gvernijiet fir-reġjun, b’mod partikolari lill-Gvern tal-Indja, għall-assistenza tagħhom f’dan l-isforz ta’ għajnuna internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati internazzjonali sabiex ikomplu jaħdmu mal-Gvern tan-Nepal u gvernijiet oħra fir-reġjun fuq il-kwistjoni tat-titjib tat-tħejjija u r-reżiljenza fir-rigward tad-diżastri naturali, inkluż fir-rigward ta’ kodiċijiet ta’ bini, infrastruttura u pjanijiet ta’ emerġenza; jenfasizza li l-Pjan ta’ Riabilitazzjoni u ta’ Rikostruzzjoni Nazzjonali għandu jindirizza wkoll kwistjonijiet ewlenin oħra, inkluż il-ġlieda kontra l-faqar, il-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima;

    12.

    Jenfasizza li n-Nepal, bħala pajjiż ta’ wara kunflitt, jeħtieġ aktar sforzi domestiċi u appoġġ internazzjonali fit-tranżizzjoni tiegħu lejn id-demokrazija; jistieden lill-forzi politiċi tan-Nepal biex jaħdmu flimkien fi spirtu ta’ kooperazzjoni kostruttiva u ta' tiftix għall-kompromess bil-ħsieb li tiġi adottata kostituzzjoni ġdida, demokratika u inklużiva li tissodisfa l-aspirazzjonijiet tal-poplu tan-Nepal, bħala pass importanti fil-proċess ta’ paċi u kontribut sinifikanti għal irkupru rapidu u b'suċċess ta' wara d-diżastri; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-ftehim li ntlaħaq fit-8 ta’ Ġunju 2015 bejn il-partiti politiċi ewlenin tan-Nepal;

    13.

    Jenfasizza li huwa ta' importanza kbira li jiġu organizzati elezzjonijiet lokali li jmisshom ilhom li seħħew, meta jitqies li sforzi ta' suċċess għar-rikostruzzjoni se jkunu jiddependu mill-kapaċitajiet amministrattivi tal-awtoritajiet lokali;

    14.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvernijiet u l-Assemblea Kostitwenti tan-Nepal, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


    Top