Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0247

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2014

/* COM/2015/0247 final */

Brussell, 4.6.2015

COM(2015) 247 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2014

{SWD(2015) 113 final}


1. Introduzzjoni

Is-sena 2014 fissret bidu ġdid għall-Ewropa. Wara l-elezzjonijiet Ewropej, il-Parlament Ewropew approva l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida abbażi tal-prijoritajiet deskritti fil-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker 1 . L-ittra ta’ missjoni indirizzata lis-Sinjura Margrethe Vestager, il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, tiddikjara li l-politika tal-kompetizzjoni “tikkontribwixxi, kif xieraq, għall-aġenda tagħna għat-tkabbir u għall-impjiegi, inklużi oqsma bħas-suq uniku diġitali, il-politika għall-enerġija, is-servizzi finanzjarji, il-politika industrijali u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa 2 . Tabilħaqq, fl-2014 il-politika tal-kompetizzjoni ħaddnet dawn l-oqsma kollha u serviet ta’ sies sod fuqhiex wieħed iserraħ filwaqt li appoġġat it-tfassil ġenerali tal-politika tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-politika tal-kompetizzjoni tista’ tgħin sabiex jinbena Suq Uniku Diġitali veru u propju. Fl-oqsma bbażati fuq l-għarfien, il-kompetizzjoni qawwija hija essenzjali għall-ixprunar tal-innovazzjoni u sabiex iċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw mill-vantaġġi li joffri l-iżvilupp teknoloġiku. Apparti minn hekk, l-infurzar effettiv tal-politika ta’ antitrust u l-politika ta’ fużjoni jagħmilha aktar faċli għan-negozji ż-żgħar li jirnexxu u li jkollhom aċċess għas-swieq f’setturi maħkumin mill-effetti ta’ netwerk. Fl-aħħarnett, l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur tal-broadband jgħin sabiex tkun provduta kopertura tajba bi prezzijiet li wieħed jiflaħ iħallashom.

Fis-settur tal-enerġija, il-politika tal-kompetizzjoni tiżgura li l-kumpaniji ma jħallux l-ostakli eżistenti jew ma jerġgħux joħolqu ostakli sabiex iħarsu lilhom innifishom mill-kompetizzjoni, li jxekklu t-twaqqif ta’ Unjoni tal-Enerġija Ewropea. L-infurzar tal-kompetizzjoni jgħin ukoll sabiex ikun żgurat aċċess għall-infrastruttura tal-enerġija ġust u mhux diskriminatorju, jelimina kull xkiel għall-integrazzjoni tas-swieq, u jseddaq il-kompetizzjoni bejn u fi ħdan l-Istati Membri. Barra minn hekk, ir-regoli riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat li jikkonċernaw l-enerġija u l-ambjent jagħtu daqqa ta’ id lill-Istati Membri sabiex l-appoġġ tagħhom ikun immirat aħjar, bħal pereżempju l-appoġġ għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, għall-investimenti fl-infrastruttura, għall-kapaċità ta’ ġenerazzjoni jew sabiex itaffu l-piż tal-iffinanzjar ta’ dak li jservi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli minn fuq spallejn l-utenti li jikkonsmaw ħafna enerġija.

Il-Kummissjoni żammet għajnejha b’mod partikolari fuq is-servizzi finanzjarji, bl-għan ewlieni tagħha jkun dak li s-settur finanzjarju stabbli u aktar ġust jerġa’ jibda jaqdi l-funzjoni ewlenija tiegħu ta’ self lill-ekonomija reali. Il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja qiegħed irawwem aktar il-fiduċja tas-swieq u taċ-ċittadini Ewropej fis-sistema bankarja Ewropea. L-azzjonijiet ta’ infurzar flimkien mal-isforzi regolatorji kkonċentraw ukoll fuq l-indirizzar tal-prattiki antikompetittivi fl-ambitu tad-derivattivi finanzjarji u fis-settur tal-pagamenti.

Il-politika industrijali għandha suq intern miftuħ u kompetittiv bħala l-fus tagħha li jagħti dik l-imbottatura li jeħtieġu n-negozji tal-UE sabiex jirnexxu fuq livell globali. Il-qafas il-ġdid tal-għajnuna mill-Istat huwa mfassal biex l-appoġġ mill-gvern jasal fejn l-aktar jinħtieġ għat-tkabbir u l-kompetittività. Apparti dan, fl-2014 il-Kummissjoni investigat u ssanzjonat għadd ta’ kartelli li jikkonċernaw il-materjali produttivi u l-prodotti intermedji. Il-ħsara kkawżata mill-kartelli matul il-katina ta’ provvista għad-detriment tal-kompetittività internazzjonali tal-UE titnaqqas permezz tal-infurzar tar-regoli tal-antitrust u tiġi evitata bis-saħħa tal-effett ta’ tnaffir li l-infurzar iġib miegħu.

Il-Kummissjoni l-ġdida se tkompli tixħet l-attenzjoni tagħha fuq il-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. Fl-2014, il-Kummissjoni rrestrinġiet aktar il-kontroll tagħha fuq l-għajnuna fiskali mill-Istat, billi użat għodod Ewropej għall-kompetizzjoni biex tiżgura li l-pajjiżi tal-UE ma jgħinux lil ċerti kumpaniji multinazzjonali jevitaw li jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta’ taxxa.

Kisba ewlenija fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni fl-2014 kienet dik tal-adozzjoni tad-Direttiva dwar azzjonijiet għal danni tal-antitrust 3 . Ippreżentata mill-Kummissjoni f’Ġunju 2013, id-Direttiva ġiet adottata u daħlet fis-seħħ fl-2014. L-Istati Membri għandhom sas-27 ta’ Diċembru 2016 biex jimplimentawha. Id-Direttiva se tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji u ċ-ċittadini Ewropej li jirċievu kumpens effettiv għad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-antitrust bħal kartelli u abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq. Id-Direttiva tirrappreżenta l-ewwel inizjattiva leġiżlattiva adottata permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, u timmarka ġrajja importanti għad-djalogu dwar il-kompetizzjoni bejn il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

2. Lejn suq uniku diġitali konness

L-ekonomija diġitali hija ta’ importanza kbira għat-tkabbir u għall-kompetittività tal-ġejjieni tal-Ewropa. It-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali tkun ta’ xprun għall-innovazzjoni u għat-tkabbir f’bosta setturi oħra bħall-enerġija, it-trasport, is-servizzi pubbliċi, is-saħħa u l-edukazzjoni 4 . Suq Uniku Diġitali veru u propju jiġġenera wkoll tkabbir f’setturi ġodda u joħloq impjiegi ta’ kwalità għolja. Aktar ma l-integrazzjoni tas-Suq Uniku Diġitali tavvanza, akbar se tkun il-ħtieġa li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tiggarantixxi kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni diġitali ekwi u ġusti madwar l-UE.

It-tqegħid tal-pedamenti tas-Suq Uniku Diġitali: Il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-infrastruttura u tas-swieq kompetittivi għan-netwerks tal-broadband u tat-telekomunikazzjoni

Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tagħna teħtieġ investiment sostanzjali fin-netwerks ta’ veloċità għolja (“Next Generation”) (“Il-Ġenerazzjoni li Jmiss”). Id-domanda tal-konsumaturi u l-kompetizzjoni kienu xpruni għall-investiment b’saħħithom ferm, u l-iskemi tal-Istati Membri żiedu mal-appoġġ għat-tiġdid u l-immodernizzar tal-infrastruttura. Ġaladarba hemm falliment tas-suq fir-rigward tat-tnedija uniformi tan-netwerks tal-broadband madwar it-territorji, l-għajnuna mill-Istat se tkompli taqdi rwol importanti f’dan is-settur. Matul dawn l-aħħar tliet snin, il-Kummissjoni approvat aktar minn EUR 10 biljun f’għajnuna mill-Istat lis-settur tal-broadband. Madankollu, dan l-ammont ma jinkludix kull appoġġ mill-gvern lis-settur, għaliex mhux kull miżura mill-Istat taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Apparti l-fondi mogħtija mill-Istati Membri, jingħataw fondi addizzjonali mill-UE.

Madankollu, investiment pubbliku ta’ dan it-tip irid jitwassal bir-reqqa fil-bnadi mhux milħuqin mis-suq; inkella, jista’ jagħti l-każ li joħnoq l-investiment privat. Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat irid ukoll jiżgura li l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika jkun imħares, jiġifieri t-teknoloġija ffinanzjata ma għandhiex tkun determinata minn qabel permezz ta’ intervent pubbliku imma tintgħażel mill-utenti fuq il-bażi tal-merti, jiġifieri skont il-kompetizzjoni fis-suq. Dan l-aħħar ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ġew riveduti sabiex jingħata kuntest analitiku kif suppost. Il-qafas il-ġdid għall-għajnuna mill-Istat jinkludi l-Linji Gwida għall-Broadband għall-2013 5 , li jallinjaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-broadband mal-għanijiet tal-Aġenda Diġitali, u mar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija 6 (General Block Exemption Regulation, GBER), adottat fl-2014, li jinkludi ċerti għajnuniet li jingħataw lill-infrastrutturi tal-broadband.

Il-Kummissjoni tiżgura wkoll li n-netwerks tal-broadband u dawk mobbli jibqgħu miftuħin u kompetittivi, kundizzjoni sine qua non għat-twettiq ta’ Suq Uniku Diġitali qawwi. Wara investigazzjoni fil-fond, f’Ottubru l-Kummissjoni imponiet multa ta’ madwar EUR 39 miljun fuq Slovak Telecom u l-kumpanija prinċipali tagħha, Deutsche Telekom, in solidum, minħabba li għalaktar minn ħames snin segwew strateġija abbużiva biex jeskludu lill-kompetituri mis-suq għas-servizzi tal-broadband tas-Slovakkja, u dan fi ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE 7 . B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li Slovak Telekom irrifjutat li tagħti lill-kompetituri aċċess diżaggregat għaċ-ċirkwiti lokali tagħha, u imponiet kompressjoni tal-marġni fuq l-operaturi l-oħra. Deutsche Telekom irċeviet ukoll multa addizzjonali ta’ EUR 31 miljun sabiex ikun żgurat effett ta’ deterrent biżżejjed kif ukoll sabiex jissanzjona l-komportament abbużiv imtenni (reċidiva), għaliex il-kumpanija kienet diġà ġiet immultata fl-2003 għal kompressjoni tal-marġni fis-swieq tal-broadband fil-Ġermanja 8 .

Kompetizzjoni tajba fis-suq tat-telekomunikazzjoni hija importanti speċjalment għall-konsumaturi Ewropej, li jeħtieġ li jkompli jibbenefikaw minn titjib fis-servizzi bi prezzijiet li jħajruhom. Fis-sajf tal-2014, il-Kummissjoni approvat fuq kundizzjoni żewġ fużjonijiet bejn operaturi tan-netwerk mobbli fl-Irlanda (Hutchison 3G UK/Telefónica Ireland) 9 u fil-Ġermanja (Telefónica Deutschland/E-Plus) 10 , wara investigazzjonijiet fil-fond. F’dawn il-każijiet, il-miżuri korrettivi żguraw li tinżamm il-kompetizzjoni bejn l-atturi tas-suq, kemm permezz tad-dħul fis-suq jew tal-espansjoni tal-hekk imsejħa operaturi tan-netwerk virtwali mobbli – jiġifieri operaturi li mhumiex sidien ta’ netwerk imma jużaw in-netwerk ta’ operatur ieħor biex jipprovdu servizz lill-konsumaturi tagħhom – kif ukoll billi nżammet miftuħa l-opportunità li fil-ġejjieni operatur tan-netwerk ġdid ikun jista’ jidħol fis-suq.

Inlaħħqu maż-żminijiet: Azzjonijiet tal-politika tal-kompetizzjoni dwar it-tagħmir intelliġenti u s-servizzi online

It-tagħmir intelliġenti mobbli qiegħed isir dejjem aktar importanti fl-ekonomija diġitali. Fl-2014, għall-ewwel darba aktar utenti daħlu jużaw l-internet minn tagħmir intelliġenti mobbli milli permezz ta’ kompjuter. F’dan il-qasam, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni preliminari dwar il-prattiki tan-negozju ta’ Google fir-rigward tas-sistema operattiva mobbli Android, fuq il-bażi ta’ lmenti dwar abbużi potenzjali minn pożizzjoni dominanti. Is-sistema Android ta’ Google hija s-sistema operattiva prinċipali għall-ismartphones.

F’Ottubru, il-Kummissjoni awtorizzat, skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet, il-proposta ta’ akkwiżizzjoni ta’ Whatsapp minn Facebook. Kemm Facebook (permezz ta’ Facebook Messenger) kif ukoll WhatsApp joffru applikazzjonijiet mobbli għall-ismartphones li bihom il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkomunikaw billi jibagħtu messaġġi bil-miktub, ritratti, u messaġġi bil-fomm jew b’filmati. Il-fużjoni ġiet approvata bla kundizzjonijiet, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura dinamika tas-suq, tal-ftit ostakli għad-dħul u tal-fatt li fadal biżżejjed kompetizzjoni 11 . L-investigazzjoni tal-Kummissjoni kkonċentrat fuq tliet oqsma: is-servizzi ta’ komunikazzjoni għall-konsumaturi, is-servizzi ta’ netwerking soċjali, u s-servizzi ta’ reklamar online.

Karatteristika importanti fil-qasam tat-tagħmir intelliġenti mobbli tikkonċerna l-proċeduri li jistabbilixxu l-istandards u l-interoperabbiltà. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni adottat f’April żewġ deċiżjonijiet importanti dwar l-infurzar tal-privattivi essenzjali relatati ma’ standard (SEPs): deċiżjoni ta’ projbizzjoni kontra Motorola Mobility 12 , u deċiżjoni ta’ impenn fir-rigward ta’ Samsung 13 . Il-privattivi essenzjali relatati ma’ standard huma essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ standard tal-industrija speċifiku. Mhuwiex teknikament possibbli li jkun manifatturat prodott konformi mal-istandards, bħal smartphone, mingħajr ma tintuża t-teknoloġija mħarsa mill-privattivi essenzjali. Bħala quid pro quo għall-inklużjoni tal-privattivi tagħhom fl-istandards rispettivi, Motorola u Samsung ħadu impenn li jikkonċedu liċenzji għalihom abbażi ta’ termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (it-termini “FRAND”). L-għan tal-Kummissjoni hu li tiżgura li jittieħed kemm jista’ jkun vantaġġ mill-benefiċċji tal-istandardizzazzjoni, u fl-istess waqt tiżgura gwadann ġust għad-detenturi tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali.

Infurzar tar-regoli antitrust fil-qasam tal-privattivi essenzjali relatati ma’ standard (SEPs)

Fid-deċiżjoni ta’ projbizzjoni tagħha kontra Motorola Mobility, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li Motorola kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha meta fil-Ġermanja, talbet li jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni kontra Apple fuq il-bażi ta’ privattiva essenzjali, minkejja li Apple kienet disposta li tikseb liċenzja u li l-patti tal-liċenzja jkunu determinati quddiem qorti Ġermaniża.

F’każ simili, il-Kummissjoni rendiet legalment vinkolanti impenji meħudin minn Samsung biex ikun trattat it-tħassib ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni f’Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet ta’ Diċembru 2012. Skont l-impenji, Samsung timpenja ruħha għal perjodu ta’ ħames snin li ma titlob li jinħareġ l-ebda mandat ta’ inibizzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea fuq il-bażi ta’ xi waħda mill-privattivi essenzjali standard tagħha, tal-preżent u tal-futur, li għandhom x’jaqsmu ma’ teknoloġiji użati fi smartphones u tablets, kontra kull detentur potenzjali ta’ liċenzja li jaqbel li jikkonforma ma’ proċess speċifikat biex ikunu determinati rati tar-royalties skont it-termini FRAND, minn parti terza indipendenti.

Id-deċiżjonijiet iservu ta’ gwida għall-partijiet ikkonċernati kollha fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-regoli tal-antitrust tal-UE fil-qasam tal-interazzjoni bejn il-liġi tal-privattivi, il-liġi tal-kompetizzjoni u l-istandardizzazzjoni.

Investigazzjonijiet dwar dan il-qasam li qegħdin jitwettqu bħalissa jinkludu l-prattiki allegatament abbużivi minn naħa ta’ Qualcomm, żviluppatur prinċipali tal-prodotti u tas-servizzi tat-teknoloġija bla fili. Il-prodotti kkonċernati huma chipsets tal-komunikazzjoni li jintużaw f’handsets mobbli u tagħmir mobbli tal-broadband. L-investigazzjoni, li għadha fi stadju preliminari, issaħħaħ l-impenn tal-Kummissjoni li tiggarantixxi li dawn is-swieq jibqgħu kompetittivi.

Fil-qasam tas-servizzi online, li qiegħed isir dejjem aktar importanti, il-Kummissjoni kompliet twettaq l-investigazzjoni tagħha dwar uħud mill-prattiki tan-negozju ta’ Google 14 . Il-Kummissjoni qiegħda tinvestiga tħassib li Google jaf qiegħda tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq għat-tiftix fuq l-internet, għar-reklamar li jidher waqt it-tiftix fuq l-internet u għall-intermedjazzjoni ta’ reklami dwar dak li jitfittex online (jiġifieri l-viżwalizzazzjoni fuq siti sħab ta’ reklami dwar dak li jitfittex f’Google) fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Allegazzjonijiet relatati ma’ aspetti oħrajn marbutin ma’ magni tat-tiftix, bħall-privatezza u l-pluraliżmu tal-media, mhumiex koperti mill-investigazzjoni, li hija kkonċentrata biss fuq il-kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni.

Suq Uniku Diġitali jeħtieġ ukoll pagamenti online siguri u effiċjenti. Il-mezz ewlieni għall-pagamenti online bħalissa huwa dak tal-karti ta’ pagament, anke jekk qegħdin jibdew jidħlu metodi ġodda fis-swieq. Fir-rigward tal-karti ta’ pagament, il-Kummissjoni tissokta b’ħidmietha dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni sabiex tnaqqas it-Tariffi tal-Interkambju (ara t-taqsima dwar is-servizzi finanzjarji hawn taħt). Bl-istess mod ukoll, fi tmiem l-2014, intlaħaq ftehim politiku dwar Regolament dwar Tariffi tal-Interkambju li se jdaħħal tariffi tal-interkambju aktar baxxi għall-pagamenti bil-karta tal-konsumatur (u pagamenti mobbli u permezz tal-internet ibbażati fuq il-karti tal-konsumatur) daqs dawk li dwarhom diġà kien hemm qbil mill-iskemi internazzjonali ta’ pagament bil-karta li ttieħdu bħala impenji fi proċedimenti ta’ infurzar tar-regoli tal-antitrust.

Il-ġbir flimkien tar-regolamentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni dwar il-propjetà intellettwali: Żviluppi dwar id-drittijiet tal-awtur, il-kontenut diġitali u l-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija

Il-Kummissjoni qiegħda teżamina l-qafas leġiżlattiv tal-UE għad-drittijiet tal-awtur biex tiżgura li jibqa’ adegwat għall-era diġitali. Id-drittijiet tal-awtur huma fundamentali għall-ħolqien ta’ Suq Uniku Diġitali: dawk li jfasslu l-politika iridu jaċċertaw li s-sistema ta’ drittijiet, limitazzjonijiet tad-drittijiet, u infurzar tibqa’ adegwata u tiġi adattata għall-ambjent il-ġdid. Il-kwistjonijiet li qegħdin ikunu diskussi jinkludu t-territorjalità tad-drittijiet tal-awtur u l-modi possibbli sabiex jintgħelbu l-effetti negattivi tagħha fuq is-Suq Uniku.

F’Jannar 2014, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti formali kontra għadd ta’ kumpaniji kbar Amerikani li jipproduċu l-films u ta’ xandara Ewropej tat-televiżjoni bi ħlas. F’dawn il-proċedimenti, il-Kummissjoni qiegħda teżamina jekk ċerti klawsoli li jikkonċernaw ix-xandir tat-televiżjoni bi ħlas permezz tas-satellita u s-servizzi online tat-televiżjoni bi ħlas iċaħħdux lill-konsumaturi milli jkollhom aċċess transfruntier għall-kontenut tat-televiżjoni bi ħlas 15 .

Daqqa ta’ id għall-firxa tal-innovazzjoni: Regoli ġodda tal-antitrust dwar il-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija

F’Marzu l-Kummissjoni adottat regoli ġodda għall-valutazzjoni tal-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija fl-ambitu tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Dawn huma magħmulin minn Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija tat-Trasferiment tat-Teknoloġija (REKTT) rivedut, li jeżenta ċerti ftehimiet ta’ liċenzjar mill-Artikolu 101 TFUE, u mil-Linji Gwida għat-Trasferiment tat-Teknoloġija, li jipprovdu gwida ulterjuri dwar l-applikazzjoni tar-regoli 16 . Dawn ir-regoli l-ġodda ħadu post il-Linji Gwida u r-REKTT preċedenti mill-1 ta’ Mejju 2014.

Il-ftehimiet ta’ liċenzjar jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija b’diversi modi, inkwantu dawn: (i) jgħinu fit-tkattir tal-innovazzjoni, (ii) jippermettu lill-kumpaniji joffru prodotti u servizzi ġodda, (iii) iħeġġu l-innovazzjoni sussegwenti, (iv) isaħħu l-inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp billi joħolqu flussi addizzjonali ta’ introjtu għall-irkuprar tal-ispejjeż. Ir-reġim rivedut ikompli juri li l-liċenzjar, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jiffavorixxi l-kompetizzjoni. Ir-regoli l-ġodda jipprovdu gwida aħjar lill-impriżi dwar kif jikkonċedu liċenzji b’modi li jqanqlu l-innovazzjoni u jżommu kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni fis-Suq Uniku.

3. It-tħaddim aħjar tas-swieq tal-enerġija

L-enerġija tipprovdi input essenzjali għas-setturi kollha tal-ekonomija, u element ta’ nefqa sinifikanti għall-unitajiet domestiċi tal-UE. Bħalissa s-swieq tal-enerġija qegħdin jiffaċċjaw sfidi tassew sinifikanti: l-integrazzjoni inkompluta tas-suq, il-prezzijiet għaljin għall-konsumaturi, id-dekarbonizzazzjoni u sigurtà tal-provvista huma fost l-aktar importanti. Fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu, il-President Juncker talab għal riforma u organizzazzjoni mill-ġdid tal-politika tal-enerġija tal-UE li tissarraf f’Unjoni tal-Enerġija Ewropea, b’attenzjoni mixħuta fuq il-ħtieġa li jkunu diversifikati s-sorsi tal-enerġija tal-UE, li tissaħħaħ il-kwota tal-enerġija rinnovabbli, li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u li titnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija ta’ bosta Stati Membri tal-UE. Il-politika tal-kompetizzjoni se tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

L-appoġġ pubbliku imqiegħed fil-mira sabiex jissaħħaħ is-suq intern tal-enerġija

F’April 2014, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjenti u l-enerġija (EEAG) 17 , li daħlu fis-seħħ f’Lulju.

Iż-żamma tal-miri dwar il-klima u tal-investiment fl-infrastruttura: il-linji gwida dwar l-għajnuna għall-enerġija u għall-ambjent (EEAG)

Il-linji gwida l-ġodda jiddeskrivu kif il-Kummissjoni se tivvaluta miżuri ta’ appoġġ għall-Istati Membri li għandhom bħala għan, fost l-oħrajn, li jilħqu l-miri tagħhom għall-2020 dwar il-klima u l-enerġija, filwaqt li jkunu indirizzati d-distorsjonijiet tas-suq li jafu jirriżultaw, pereżempju, mis-sussidji mogħtija għall-iġġenerar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Għal dan il-għan, il-linji gwida jippromovu ċaqliqa gradwali lejn appoġġ għall-enerġija rinnovabbli li jserraħ fuq is-suq. Jipprovdu wkoll kriterji dwar kif l-Istati Membri jistgħu jtaffu l-piż tal-iffinanzjar ta’ dak li jservi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli minn fuq spallejn il-kumpaniji li jikkonsmaw ħafna enerġija li huma partikolarment esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali.

Barra minn hekk, il-linji gwida jinkludu kriterji biex ikun żgurat li s-sussidji għall-infrastruttura tal-enerġija jżommu d-distorsjonijiet baxxi kemm jista’ jkun, jikkonċentraw fuq proġetti li jtejbu l-flussi tal-enerġija transfruntieri u jippromwovu infrastruttura fir-reġjuni anqas żviluppati tal-Ewropa. Karatteristika ġdida oħra hija li tkun permessa għajnuna sabiex tkun assigurata ġenerazzjoni adegwata tal-elettriku meta jkun hemm riskju reali li l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ma tkunx biżżejjed, b’mod li jżomm id-distorsjonijiet tas-suq baxxi kemm jista’ jkun.

Il-Kummissjoni ssimplifikat ukoll il-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat billi inkludiet bosta kategoriji ta’ miżuri tal-ambjent u tal-enerġija fir-Regolament ġenerali ta’ eżenzjoni ta’ kategorija (GBER) 18 rivedut. Dan se jiffaċilita u jħaffef l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri mill-awtoritajiet pubbliċi inkwantu ma għandhomx għalfejn jiksbu approvazzjoni minn qabel mingħand il-Kummissjoni. Il-GBER il-ġdid jinkludi miżuri fosthom (taħt ċerti kundizzjonijiet) l-għajnuna għall-infrastruttura tal-enerġija, il-proġetti ta’ effiċjenza enerġetika fil-bini, l-għajnuna operatorja għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, id-dekontaminazzjoni ta’ siti mniġġsin, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart.

Il-Linji Gwida l-ġodda dwar l-Ambjent u l-Enerġija ma jinkludux regoli dwar l-għajnuna għall-enerġija nukleari, li jridu jiġu vvalutati direttament skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni eżaminat il-pjanijiet tar-Renju Unit biex tissussidja l-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija nukleari ġdid f’Hinkley Point f’Somerset u rriżultalha li kienu f’konformità mar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat 19 . Matul l-investigazzjoni fil-fond, ir-Renju Unit qabel li jimmodifika b’mod sinifikanti t-termini tal-iffinanzjar tal-proġett u wera li l-appoġġ kien se jkun qiegħed jindirizza falliment ġenwin tas-suq. B’riżultat ta’ dan, l-għajnuna mogħtija mill-Istat tibqa’ proporzjonata mal-għan fil-mira, u żżomm id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-Suq Uniku baxxa kemm jista’ jkun.

Il-ħolqien ta’ Unjoni tal-Enerġija Ewropea bbażata fuq prezzijiet tal-enerġija li wieħed jiflaħ iħallashom u fuq is-sigurtà tal-provvista

Azzjonijiet ta’ infurzar tar-regoli tal-antitrust fis-settur tal-enerġija kkontribwixxew b’mod partikolari biex jiġu trattati l-prezzijiet għaljin tal-enerġija billi tkun indirizzata s-segmentazzjoni tas-swieq u l-komportament abbużiv jew kollużiv, speċjalment fis-swieq tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. F’Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-boroż tal-enerġija, li huma swieq organizzati għall-iskambju tal-enerġija elettrika u huma fundamentali għal tħaddim effiċjenti tas-swieq tal-elettriku.

Fl-ewwel każ, il-Kummissjoni mmultat żewġ boroż ta’ tranżazzjonijiet fil-pront tal-enerġija elettrika (spot power exchanges), EPEX Spot u Nord Pool Spot (NPS), għaliex kienu ftehmu li ma jikkompetux bejniethom għas-servizzi tagħhom ta’ kummerċ fil-pront tal-elettriku fiż-Żona Ekonomika Ewropea 20 . Il-kummerċ fil-pront hu kummerċ li jseħħ fi żmien qasir, bħal dakinhar stess jew l-għada. Il-ksur seħħ fl-2011-2012, u ntemm meta l-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA wettqu spezzjonijiet għall-għarrieda fil-bini tal-kumpaniji.

It-tieni każ kien dwar il-borża tal-enerġija elettrika tar-Rumanija OPCOM. Il-Kummissjoni mmultat lil OPCOM minħabba li abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Rumen billi ma ħallietx lil negozjanti tal-elettriku b’bażi fl-UE imma mhux fir-Rumanija jidħlu fis-swieq ta’ tranżazzjonijiet fil-pront (spot markets) tal-borża tal-enerġija elettrika tar-Rumanija, u għaliex ħolqot ostaklu artifiċjali għad-dħul fis-suq għal aktar minn ħames snin 21 .

Fit-12 ta’ Awwissu, il-Kummissjoni bagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lil Bulgarian Energy Holding (BEH) minħabba suspett ta’ abbuż mill-pożizzjoni dominanti tagħha fuq is-suq tal-operaturi tal-elettriku tal-Bulgarija 22 . Il-Kummissjoni kienet imħassba li seta’ jagħti l-każ li BEH, il-kumpanija tal-enerġija preeżistenti, integrata vertikalment u ta’ propjetà tal-Istat Bulgaru, kienet qiegħda xxekkel il-kompetizzjoni fis-suq mhux regolat tal-operaturi tal-elettriku tal-Bulgarija billi timponi restrizzjonijiet territorjali fuq l-inħawi potenzjali għall-bejgħ mill-ġdid tal-elettriku pprovdut minn BEH. Tali komportament, jekk ikun stabbilit, jista’ potenzjalment ikollu effett ta’ tfixkil fuq l-allokazzjoni tal-elettriku fis-Suq Uniku, filwaqt li jintlaqtu l-likwidità u l-effiċjenza tas-swieq tal-elettriku u jinħolqu ostakli artifiċjali għall-kummerċ bejn il-Bulgarija u l-Istati Membri l-oħra.

F’investigazzjoni separata, il-Kummissjoni qiegħda tgħarbel jekk jistax jagħti l-każ li BEH, is-sussidjarja tagħha tal-provvista tal-gass Bulgargaz u s-sussidjarja tagħha tal-infrastruttura tal-gass qegħdin ixekklu lill-kompetituri milli jkollhom aċċess għall-infrastrutturi prinċipali tal-gass fil-Bulgarija, u dan fi ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE 23 .

Il-Kummissjoni kompliet għaddejja wkoll bl-investigazzjoni tagħha dwar Gazprom, f’rabta mal-prattiki tal-prezzijiet u kompartimentalizzazzjoni potenzjali tas-swieq fil-forniment tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant 24 . Investigazzjoni oħra li għaddejja bħalissa qiegħda teżamina prattiki illegali potenzjali relatati mal-prezzijiet referenzjarji tal-prodotti taż-żejt u l-bijofjuwils stabbiliti minn Platts, l-aġenzija ta’ rapportar tal-prezzijiet 25 .

Il-Kummissjoni tibqa’ żżomm għajnejha fuq is-swieq tal-enerġija anke permezz tal-għodod tagħha ta’ kontroll tal-fużjonijiet u tal-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, tiżgura li l-operaturi upstream b’saħħithom ma jagħmlux tentattiv ta’ integrazzjoni downstream u b’hekk isaħħu żżejjed il-kontroll tagħhom fuq il-katina tal-valur. Pereżempju, saret investigazzjoni bir-reqqa dwar il-proposta tal-akkwist ta’ Dalkia, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ġestjoni u ta’ manutenzjoni tal-bini, minn EDF, l-operatur preeżistenti tas-settur tal-elettriku fi Franza. Il-Kummissjoni approvat il-patt mingħajr kundizzjonijiet hekk kif ikkonvinċiet ruħha li l-EDF ma kinitx se tieħu vantaġġ mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-settur tal-provvista tal-elettriku fis-swieq ta’ ġestjoni u ta’ manutenzjoni tal-bini 26 . Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni approvat f’Lulju 2014, miżura tar-Renju Unit sabiex tkun żgurata l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kapaċità għas-suq kollu 27 .

4. il-bini ta’ settur finanzjarju aktar ġust u aktar trasparenti li fuqu jissejjes it-tkabbir

L-infurzar tal-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji ilu fil-quċċata tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni minn mindu feġġet il-kriżi. Sar ħafna xogħol biex tittejjeb is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni bankarja, u biex ikun żgurat li s-settur bankarju jaħdem kif suppost meta jiffinanzja l-attivitajiet ekonomiċi. Il-politika tal-kompetizzjoni qiegħda taqdi rwol fundamentali għall-kisba ta’ sistema finanzjarja aktar trasparenti u stabbli.

Settur bankarju msaħħaħ u aktar stabbli biex ikun ta’ forċina għall-irkupru ekonomiku

Sabiex tindirizza l-isfida li treġġa’ lura l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro, fl-2012 il-Kummissjoni nediet l-Unjoni Bankarja.

It-tlestija tal-Unjoni Bankarja

Fl-2014 sar progress sinifikanti. Mill-4 ta’ Novembru 2014, Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) għall-banek fiż-żona tal-euro beda jitħaddem b’mod sħiħ. Il-MSU huwa sistema ġdida ta’ superviżjoni bankarja għall-Istati Membri fiż-żona tal-euro u għal dawk kollha li jiddeċiedu li jissieħbu fl-Unjoni Bankarja. Il-kompiti tal-MSU huma li jivverifika li l-banek jikkonformaw mar-regoli bankarji tal-UE u li jitratta l-problemi qabel ma jiggravaw. Il-Bank Ċentrali Ewropew jwettaq superviżjoni diretta fuq l-akbar 120 grupp bankarju, li l-assi tagħhom jirrappreżentaw 82 % tas-settur bankarju fiż-żona tal-euro. Is-superviżuri nazzjonali jkomplu jagħmlu monitoraġġ tal-bqija tal-banek f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE. Il-MSU wettaq Valutazzjoni Komprensiva, magħmula minn Analiżi tal-Kwalità tal-Assi u eżerċizzju ta’ testijiet tal-istress (dan tal-aħħar bil-koordinazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea, ABE) sabiex ikollu stampa sħiħa tal-banek li ser ikunu taħt is-superviżjoni tiegħu.

Il-MSU huwa wieħed miż-żewġ pilastri tal-Unjoni Bankarja tal-UE, flimkien mal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR). Ir-Regolament li jistabbilixxi l-MUR ġie adottat mill-Parlament Ewropew f’April 2014. Dan japplika għaż-żona tal-euro u għal pajjiżi oħra li jixtiequ jissieħbu, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015. Il-MUR jikkumplimenta l-MSU u jiżgura li, f’każ li bank li jaqa’ taħt il-MSU jiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji, ir-riżoluzzjoni tiegħu tkun tista’ tiġi ġestita b’effiċjenza u bi spejjeż baxxi kemm jista’ jkun għall-kontribwenti u għall-ekonomija reali. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jibqgħu japplikaw kemm fil-qafas ta’ riżoluzzjoni kif ukoll lil hinn minnu, inkluż għall-użu tal-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u tal-Fondi Uniċi ta’ Riżoluzzjoni tal-ġejjieni, sabiex ikun żgurat trattament ugwali u kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku.

Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat kompla jiggarantixxi rispons konsistenti ta’ politika għall-isfidi finanzjarji billi kkontribwixxa b’mod sinifikanti għal-limitazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-Suq Uniku, filwaqt li naqqas għall-minimu neċessarju l-użu tal-flus tal-kontribwenti.

Fl-2014, il-Kummissjoni adottat għadd ta’ deċiżjonijiet dwar il-banek individwali kif ukoll dwar l-iskemi ta’ appoġġ ta’ likwidità u ta’ garanzija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet tivvaluta għadd ta’ banek għall-iżvilupp, li kisbu importanza fid-dawl tar-restrizzjonijiet ta’ self tal-banek kummerċjali minħabba l-kriżi. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom l-għan li jiżguraw li l-banek għall-iżvilupp jaqdu r-rwol tagħhom bħala kontributuri għall-aġenda tat-tkabbir tal-UE mingħajr ma jfixklu b’mod eċċessiv il-kompetizzjoni. Pereżempju, fil-każ tal-British Business Bank (BBB), il-Kummissjoni approvat il-ħolqien ta’ entità integrata għall-ġestjoni tal-aċċess għall-programmi ta’ finanzjament tal-impriżi żgħar u medji fir-Renju Unit 28 . Fil-Portugall, il-Kummissjoni approvat it-twaqqif tal-Instituição Financeira de Desenvolvimento (IFD) 29 , u l-fażi inizjali tal-attivitajiet ta’ ħidma tagħha. L-IFD se tkun inkarigata mill-ġestjoni u d-distribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) allokati għall-Portugall għall-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020, kif ukoll ir-rimborżi mill-programmi ffinanzjati mill-FSIE.

Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat kien ukoll partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-programmi ekonomiċi u finanzjarji fil-Greċja, f’Ċipru u fil-Portugall (dan tal-aħħar ħareġ mill-programm f’Mejju), kif ukoll fl-Irlanda u fi Spanja, li rċevew assistenza finanzjarja sal-2013.

Iż-żieda fit-trasparenza fis-swieq tal-istrumenti finanzjarji: Azzjonijiet ta’ infurzar u sforzi regolatorji

F’Ottubru, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet importanti dwar il-kartelli li jikkonċernaw id-derivattivi tar-rata tal-imgħax fi frank Żvizzeru. Deċiżjoni minnhom kienet dwar żewġ banek, RBS u JP Morgan, involuti f’kartell bilaterali illegali maħsub biex bejn Marzu 2008 u Lulju 2009 jinfluwenza r-rata tal-imgħax normattiva Libor fi frank Żvizzeru 30 . Il-Kummissjoni imponiet multi li jammontaw għal kważi EUR 62 miljun. Fid-deċiżjoni l-oħra , RBS, UBS, JP Morgan u Crédit Suisse ġew immultati total ta’ EUR 32 miljun talli kienu wara t-tħaddim ta’ kartell dwar id-differenzjal bejn it-talba u l-offerta tad-derivattivi tar-rata tal-imgħax fi frank Żvizzeru fiż-Żona Ekonomika Ewropea 31 . Fiż-żewġ każijiet, il-banek qablu li jirregolaw il-kwistjoni mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kienet adottat żewġ deċiżjonijiet oħra dwar il-kartelli relatati mal-manipulazzjoni tal-parametri finanzjarji fl-2013 32 .

Fil-qasam tar-regolamentazzjoni finanzjarja, id-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFID II) 33 u r-Regolament dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFIR) 34 ġew adottati f’Mejju. Tali miżuri jifformaw parti mill-Aġenda għar-Regolamentazzjoni Finanzjarja tal-UE, maħsuba biex tirriforma s-settur finanzjarju tal-UE u biex ikunu rispettati l-impenji tal-G20 għall-indirizzar tal-partijiet inqas regolati tas-sistema finanzjarja. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jippruvaw jagħmlu swieq finanzjarji li jkunu aktar effiċjenti, trasparenti u jifilħu aktar. Dawn se jtejbu wkoll il-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni l-kummerċ u l-ikklerjar tal-istrumenti finanzjarji billi jkun stabbilit reġim tal-UE armonizzat għal aċċess mhux diskriminatorju għal ċentri tan-negozjar, għal kontropartijiet ċentrali u għal parametri referenzjali għall-finijiet ta’ kummerċ u kklerjar.

Il-promozzjoni ta’ kompetizzjoni tajba fis-settur tal-pagamenti għall-ġid tal-konsumaturi Ewropej

Il-pagamenti bil-karti ta’ pagament jaqdu rwol ewlieni fix-xiri ordinarju, transfruntier u online. In-negozji u l-konsumaturi Ewropej qegħdin jagħmlu aktar minn 40 % tal-pagamenti mhux fi flus kontanti tagħhom permezz tal-karta ta’ pagament. Għaldaqstant id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur tal-pagamenti għandhom imnejn ixekklu t-tħaddim tas-Suq Uniku u jagħmlu ħsara sinifikanti lill-konsumaturi Ewropej. L-infurzar tar-regoli tal-antitrust kompla jindirizza l-mudelli ta’ negozju antikompetittivi msejsa fuq it-tariffi multilaterali tal-interkambju (it-TMI). Dawn huma tariffi interbankarji mħallsin mill-bank tal-bejjiegħ bl-imnut (l-akkwirent) lill-bank tad-detentur ta’ karta ta’ pagament (l-emittent). Normalment il-banek akkwirenti jiddebitaw dawn it-tariffi lill-bejjiegħa bl-imnut li minn naħa tagħhom jimponuhom fuq il-konsumaturi tagħhom billi jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti u tas-servizzi għall-bejgħ.

Fi Frar, il-Kummissjoni rendiet legalment vinkolanti l-impenji li ħadet Visa Europe biex tnaqqas b’mod konsiderevoli t-TMI tagħha għall-pagamenti bil-karta ta’ kreditu, kif ukoll li tirriforma r-regoli tagħha sabiex tiffaċilita l-kompetizzjoni transfruntiera 35 . Il-limitu massimu tat-TMI fuq il-karti ta’ kreditu ġie stabbilit għal 0,3 % għat-tranżazzjonijiet b’karti tal-kreditu għall-konsumaturi, u dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ bejn 40 sa 60  % 36 . Visa Europe impenjat ruħha wkoll li tapplika tariffi interbankarji transfruntieri mnaqqsin (0,3 % għat-tranżazzjonijiet ta’ kreditu u 0,2 % għal dawk ta’ debitu) f’każijiet li fihom l-akkwirenti joffru s-servizzi tagħhom f’pajjiżi oħra. Is-sistema fis-seħħ kienet tesiġi li l-akkwirenti japplikaw ir-rati lokali fil-pajjiż li fih jipprovdu s-servizz, u dan mid-dehra kien qiegħed iwassal għal segmentazzjoni artifiċjali tas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni tinsab għaddejja bil-proċedimenti tagħha kontra Visa Inc. u Visa International f’rabta mat-tariffi interbankarji interreġjonali (internazzjonali), li japplikaw meta d-detenturi ta’ karta ta’ pagament minn barra t-territorju ta’ Visa Europe jużaw l-karti ta’ kreditu Visa tagħhom biex iħallsu akkwist fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Dawn it-tariffi huma stabbiliti minn Visa Inc. u Visa International u mhux minn Visa Europe.

Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda wkoll tinvestiga t-tariffi interbankarji interreġjonali (internazzjonali) ta’ MasterCard kif ukoll ir-regoli tagħha dwar l-akkwisti transfruntieri. Fl-istess waqt, il-Kunsill u l-Parlament ħadmu dwar leġiżlazzjoni maħsuba biex toħloq ċarezza dwar il-mudelli tat-tariffi, ir-regoli tan-negozju u l-iffaċilitar tad-dħul fis-suq ta’ entitajiet mhux bankarji abbażi ta’ żewġ proposti tal-Kummissjoni: Waħda hija dwar Regolament dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kard 37 u l-oħra dwar proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas (“PSD”, Payment Services Directive) 38 . Wara li l-Parlament Ewropew adotta r-rapporti tiegħu dwar iż-żewġ proposti f’April, il-Kunsill adotta l-approċċ ġenerali tiegħu dwar iż-żewġ testijiet fi tmiem l-2014.

Il-ġurisprudenza dwar l-infurzar tar-regoli tal-antitrust: is-sentenza fil-konfront ta’ MasterCard

F’Settembru, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-każ MasterCard (il-Kawża C-382/12 P). Il-Qorti kkonfermat li t-tariffi tal-interkambju jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u dan fi ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Din is-sentenza hija ta’ importanza partikolari għaliex tagħti raġun lil aktar minn 20 sena ta’ ħidma mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex fl-UE jinħoloq suq tal-karti ta’ pagament li jaħdem sew, billi kkonfermat li t-twaqqif tat-tariffi multilaterali tal-interkambju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

5. Spinta lill-kompetittività tal-industrija Ewropea

Il-politika tal-kompetizzjoni u dik tal-industrija huma żewġ naħat tal-istess munita: it-tnejn li huma jagħmlu l-impriżi Ewropej aktar effiċjenti u jħejjuhom għall-kompetizzjoni domestika u globali.

Ir-riżorsi pubbliċi ddireġuti b’tali mod li jiftħu l-bibien għall-potenzjal tat-tkabbir tal-UE: Inizjattiva dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat

F’Jannar ġew adottati Linji Gwida ġodda dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Finanzjament tar-Riskju li taw lill-pajjiżi tal-UE għodod aħjar biex jiffaċilitaw l-aċċess għal finanzjament għall-impriżi Ewropej żgħar u medji u għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja matul il-fażijiet bikrin tal-iżvilupp tagħhom 39 . Il-Linji Gwida l-ġodda jagħtu aktar opportunitajiet lill-Istati Membri biex jagħtu l-għajnuna, firxa akbar ta’ strumenti finanzjarji u livell limitu ogħla allinjat mar-realtajiet tas-suq. Il-Linji Gwida għal Finanzjament tar-Riskju huma parti mill-inizjattiva dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat 40 , riforma komprensiva tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat maħsuba biex tippromwovi t-tkabbir ekonomiku u biex tikkontribwixxi għal għanijiet oħra ta’ interess komuni.

Fost dawn l-għanijiet hemm il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, iżda l-proġetti innovattivi ferm ikollhom ta’ sikwit riskji għoljin u jaf ma jkunux implimentati minħabba nuqqas ta’ finanzjament. F’Mejju, l-Kummissjoni adottat regoli ġodda biex tingħata għajnuna b’aktar faċilità bħala appoġġ għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni 41 . Il-qafas il-ġdid se jgħin biex jintgħelbu nuqqasijiet ta’ finanzjament eventwali, biex jitrawwem użu aktar għaqli tar-riżorsi pubbliċi, u biex jitnaqqsu s-saffi żejda tal-burokrazija bis-saħħa ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ta’ parti konsiderevoli minn din l-għajnuna. B’mod simili, il-proġetti ta’ eko-innovazzjoni ġeneralment jindirizzaw falliment doppju tas-suq marbut ma’ riskji ogħla ta’ innovazzjoni, flimkien mal-aspett ambjentali tal-proġett. Tali investimenti jistgħu jibbenefikaw minn intensitajiet ogħla tal-għajnuna u l-Linji Gwida l-ġodda dwar l-Għajnuna għall-Ambjent u għall-Enerġija japplikaw dan il-prinċipju b’mod partikolari għall-miżuri ta’ effiċjenza fir-riżorsi.

Il-finanzjament ta’ proġetti transfruntieri kbar u riskjużi, bħall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura fuq skala kbira u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ambizzjużi oħrajn, jista’ jniedi mill-ġdid l-investiment, it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa u jtejjeb il-kompetittività tal-UE. Fil-qafas tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (Important Projects of Common European Interest, IPCEIs) 42 li tiftaħ mogħdijiet ġodda sabiex l-Istati Membri jiffinanzjaw proġetti li għalihom tidher meħtieġa l-kollaborazzjoni fost l-industriji  fuq livell Ewropew.

F’Novembru, il-President Juncker ħabbar il-ħolqien tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (European Fund for Strategic Investments, EFSI) 43 , bl-għan li jissaħħaħ l-investiment fl-Ewropa billi jiġu ġġenerati investimenti li jammontaw għal EUR 315-il biljun. Sabiex dawn l-investimenti jħallu l-akbar impatt possibbli, il-Kummissjoni se ssawwar ġabra ta’ prinċipji ewlenin għall-finijiet ta’ valutazzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat, li proġett irid jissodisfa sabiex ikun eliġibbli għal appoġġ mill-Fond 44 . Jekk proġett ikun jissodisfa dawn il-kriterji u jirċievi appoġġ mill-Fond, kull appoġġ nazzjonali komplimentari jiġi vvalutat skont valutazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat issimplifikata u mħaffa, li permezz tagħha l-unika kwistjoni addizzjonali li tkun trid tiġi vverifikata mill-Kummissjoni se tkun il-proporzjonalità tal-appoġġ pubbliku (in-nuqqas ta’ kumpens żejjed).

Fl-2014 il-Kummissjoni lestiet ukoll ir-reviżjoni tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà 45 . Il-Linji Gwida l-ġodda għandhom l-għan li jiżguraw li r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti u b’inqas distorsjonijiet tas-suq, filwaqt li jimmiraw l-għajnuna mill-Istat f’każijiet meta vera jkun meħtieġ.

Sabiex ikun żgurat li l-linji gwida l-ġodda jżommu mal-wegħdiet tagħhom, il-Modernizzazzjoni tal-politika tal-Għajnuna mill-Istat poġġiet ukoll enfasi fuq il-prattiki u l-prinċipji trażversali. L-Istati Membri se jifhmu aħjar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-interventi tagħhom bis-saħħa tal-introduzzjoni ta’ rekwiżit ta’ evalwazzjoni ex post għal skemi kbar tal-GBER f’ċerti kategoriji ta’ għajnuna u għall-iskemi notifikati skont il-linji gwida l-ġodda. Fl-aħħar nett iddaħħal ukoll rekwiżit aktar qawwi ta’ trasparenza.

Regolament ġenerali ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ġdid bħala forċina għall-miżuri ta’ għajnuna li jsaħħu t-tkabbir

Punt ta’ kisba tal-inizjattiva tal-Modernizzazzjoni tal-politika tal-Għajnuna mill-Istat huwa r-Regolament ġenerali ta’ eżenzjoni ta’ kategorija (GBER) rivedut, li jagħti lill-Istati Membri marġni ferm usa’ sabiex ifasslu u jimplimentaw il-miżuri ta’ għajnuna. Mill-1 ta’ Lulju 2014 ’il hawn, l-Istati Membri għandhom il-kapaċità li jipprovdu sensiela aktar wiesgħa ta’ miżuri u ammonti akbar ta’ għajnuna mingħajr ma jkollhom għalfejn jinnotifikaw lill-Kummissjoni bihom għall-awtorizzazzjoni minn qabel. Huwa mistenni li tliet kwarti tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat u daqs żewġ terzi tal-ammonti ta’ għajnuna jistgħu jkunu koperti mill-GBER il-ġdid, u dan iwassal għall-aċċess aktar rapidu għall-għajnuna meqjusa bħala kompatibbli mas-suq intern.

L-iżgurar tal-aċċess għall-industrija għal input bi prezzijiet ġusti permezz tal-ġlieda kontra l-kartelli u l-evitar ta’ ħsara kompetittiva kkawżata mill-fużjonijiet

L-appoġġ pubbliku mmirat sew jista’ jgħin sabiex jintgħelbu l-fallimenti tas-suq, madankollu l-aċċess għal input bi prezzijiet ġusti huwa daqstant essenzjali, l-aktar fiż-żmien ta’ kompetizzjoni globali. Il-kartelli ta’ sikwit jirrigwardaw prodotti intermedjarji, li jistgħu jkunu inputs essenzjali għall-industrija, u għaldaqstant il-kartelli jistgħu jolqtu l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Fil-mira tal-infurzar tal-kompetizzjoni fl-2014 kien hemm bosta minn dawn il-kartelli.

Fis-settur tal-parts tal-karozzi, il-Kummissjoni mmultat żewġ kartelli fl-2014, wara l-każ dwar is-sistemi ta’ wajers miġburin fl-2013 46 . F’Jannar, il-Kummissjoni mmultat lill-erba’ produtturi ewlenin ta’ fowm tal-poliuretan flessibbli għas-saqqijiet, għas-sufanijiet u għas-sits tal-karozzi – Vita, Carpenter, Recticel u Eurofoam – is-somma ta’ EUR 114-il miljun 47 . F’Marzu, żewġ kumpaniji Ewropej (SKF u Schaeffler) u erba’ kumpaniji Ġappuniżi (JTEKT, NSK, NFC u NTN flimkien mas-sussidjarja Franċiża tagħha NTN-SNR) irċevew multa li tlaħħaq EUR 953 miljun minħabba t-tħaddim ta’ kartelli fis-suq tal-berings awtomobilistiċi 48 . Il-berings awtomobilistiċi jintużaw mill-manifatturi tal-karozzi, tat-trakkijiet u tal-parts tal-karozzi sabiex titnaqqas il-frizzjoni bejn parts ġo vettura li jiċċaqalqu.

F’April, il-Kummissjoni sabet li Ervin, Winoa, Metalltechnik Schmidt u Eisenwerk Würth ipparteċipaw f’kartell biex il-prezzijiet tal-barraxa tal-azzar jiġu kkoordinati, u waħħlithom multi li jammontaw għal aktar minn EUR 30 miljun 49 . Il-barraxa tal-azzar huma biċċiet sfużi tal-azzar li jintużaw mill-industriji tal-azzar, tal-metallurġija, awtomobilistiċi u petrokimiċi biex inaddfu jew isaħħu l-uċuħ tal-metall.

Il-Kummissjoni mmultat ukoll is-somma ta’ kważi EUR 302 miljun lil 11-il impriża attivi fil-produzzjoni ta’ kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli li jingħaddu minn taħt l-art u taħt il-baħar, talli wettqu tqassim tas-swieq u tal-klijentela bejniethom 50 . Il-kejbils tal-elettriku jintużaw sabiex minnhom tgħaddi u titqassam l-enerġija elettrika u jitqiegħdu kemm taħt l-art kif ukoll taħt l-ilma. Normalment jintużaw biex jgħaqqdu l-kapaċità tal-ġenerazzjoni (b’mod partikolari l-kapaċità bbażata fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli) man-netwerk tal-elettriku jew biex issir interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija f’pajjiżi differenti. Għaldaqstant il-prezz ta’ tali kejbils għandu rilevanza diretta għall-konsumaturi tal-elettriku.

F’Settembru, il-Kummissjoni mmultat lil Infineon, Philips, Samsung u Renesas (li dak iż-żmien kienet impriża konġunta ta’ Hitachi u Mitsubishi) għall-parteċipazzjoni tagħhom f’kartell mifrux madwar iż-ŻEE relatat maċ-ċipep tal-ismart cards 51 . Iċ-ċipep tal-ismart cards jintużaw f’karti SIM tal-mowbajl, karti tal-banek, karti tal-identità u passaporti, karti tat-televiżjoni bi ħlas, u bosta applikazzjonijiet oħra. Il-Kummissjoni imponiet multi li jammontaw għal EUR 138 miljun.

Bħalissa għaddejja investigazzjoni importanti li tikkonċerna s-settur tat-trakkijiet tat-tagħbija. Il-Kummissjoni hija mħassba dwar ċerti produtturi tat-trakkijiet għal tagħbija tqila u medjament tqila li għandhom imnejn ftehmu jew ikkoordinaw bejniethom dwar il-prattiki tal-ipprezzar tagħhom fiż-Żona Ekonomika Ewropea. F’Novembru ntbagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lill-kumpaniji involuti 52 .

Barra minn hekk, l-infurzar tar-regoli tal-antitrust tal-UE jilqa’ għall-esklużjoni tal-kompetituri mis-suq mid-ditti dominanti, u dan huwa ta’ importanza partikolari għall-parteċipanti żgħar bħalma huma l-SMEs. L-SMEs jistgħu wkoll igawdu minn dispożizzjonijiet speċifiċi, li jqisu l-partikolaritajiet tagħhom u l-kontribut importanti tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi. F’Ġunju, il-Kummissjoni adottat avviż rivedut dwar ftehimiet ta’ importanza minuri (“l-Avviż De Minimis”) 53 , li jipprovdi sfera ta’ sikurezza għal ftehimiet minuri bejn kumpaniji li ma jilħqux ċerti livelli minimi ta’ sehem tas-suq. Dawn il-ftehimiet huma meqjusa li ma għandhom l-ebda effett apprezzabbli fuq il-kompetizzjoni. Sabiex il-valutazzjoni tal-kumpaniji dwar jekk il-ftehimiet tagħhom jibbenefikawx jew le mill-isfera ta’ sikurezza tal-Avviż De Minimis issir b’aktar faċilità, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ gwida.

Il-Kummissjoni kienet ukoll b’seba’ għajnejn li l-manifatturi ta’ prodotti ta’ input importanti ma jakkwistawx is-setgħa li jgħollu l-prezzijiet ’il fuq mil-livelli kompetittivi permezz tal-fużjonijiet. Wara investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni approvat il-proposta ta’ impriża konġunta bejn Ineos u Solvay fis-suq ikkonċentrat ferm tal-PVC, iżda imponiet il-kundizzjoni li l-partijiet iċedu parti sostanzjali mill-assi ta’ produzzjoni lil kompetitur 54 .

6. kontroll tal-għajnuna mill-Istat li jikkontribwixxi sabiex ikun żgurat piż tat-taxxa ġust għal kulħadd

Id-dħul mit-taxxa fl-UE jammonta għal madwar 90 % tat-total tad-dħul pubbliku 55 . Fil-kuntest ekonomiku attwali, huwa importanti aktar minn qatt qabel li l-kontribwenti jħallsu s-sehem dovut tagħhom. Il-kompetizzjoni ġusta tat-taxxa hija wkoll essenzjali għall-integrità tas-Suq Uniku u sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji Ewropej. Il-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker isostnu li “filwaqt li nirrikonoxxi l-kompetenza tal-Istati Membri għas-sistemi tat-taxxa tagħhom, għandna nsaħħu l-isforzi tagħna sabiex niġġieldu l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa, sabiex il-kontributuri kollha jħallsu s-sehem ġust tagħhom”.

L-UE ma għandhiex awtorità diretta fuq is-sistemi ta’ taxxa nazzjonali, iżda l-Kummissjoni tista’ tinvestiga dwar jekk ċerti reġimi ta’ taxxa jistgħux ikunu qegħdin jikkostitwixxu għajnuna illeċita mill-Istat lill-kumpaniji billi joffru vantaġġi selettivi tat-taxxa. Permezz tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni qiegħda tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ ċerti prattiki tat-taxxa adottati minn kumpaniji multinazzjonali kbar fil-kuntest tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

L-ippjanar aggressiv tat-taxxa jsir meta jittieħed vantaġġ mit-teknikalitajiet ta’ sistema tat-taxxa jew mid-diskrepanzi bejn is-sistemi tat-taxxa, u dan sabiex titnaqqas l-obbligazzjoni ta’ taxxa. L-ippjanar aggressiv tat-taxxa jista’ jkollu diversi għamliet, fosthom l-użu ta’ deċiżjonijiet ta’ taxxa individwali. Id-deċiżjonijiet tat-taxxa, minnhom innifishom, mhumiex problematiċi: dawn huma opinjonijiet bil-miktub mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa li jiċċaraw kif se jinħadmu t-taxxi korporattivi fuq talba tal-kumpaniji individwali.

Id-deċiżjonijiet tat-taxxa jintużaw b’mod partikolari biex jikkonfermaw arranġamenti ta’ ipprezzar tat-trasferimenti. L-ipprezzar tat-trasferimenti jirreferi għall-prezzijiet iddebitati għal tranżazzjonijiet kummerċjali bejn entitajiet differenti tal-istess grupp ta’ kumpaniji, b’mod partikolari għall-prezzijiet stabbiliti għall-prodotti li jinbiegħu jew għas-servizzi pprovduti minn entità waħda ta’ grupp korporattiv għal entità oħra fl-istess grupp. B’dan il-mod, l-ipprezzar tat-trasferimenti jinfluwenza t-tqassim tal-profitt taxxabbli fost is-sussidjarji ta’ grupp b’sede f’pajjiżi differenti.

Id-deċiżjonijiet tat-taxxa li jirrigwardaw biss il-kjarifika tal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali f’każijiet speċifiċi ma jqajmu l-ebda kwistjoni. Madankollu, jista’ jagħti l-każ li d-deċiżjonijiet tat-taxxa jinvolvu għajnuna mill-Istat jekk jintużaw sabiex jagħtu vantaġġ selettiv lil gruppi jew kumpaniji speċifiċi. Jekk entità tirċievi remunerazzjoni li ma tkunx ibbażata fuq ir-remunerazzjoni skont it-termini tas-suq b’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali, dan jista’ jwassal għal inqas profitt taxxabbli għall-grupp kollu kemm hu. Kumpaniji oħra li potenzjalment jixtru u jbiegħu prodotti jew servizzi mis-suq u mhux fil-grupp ikunu żvantaġġati.

F’Ġunju, il-Kummissjoni fetħet investigazzjonijiet formali dwar tliet każijiet: Apple fl-Irlanda 56 , Starbucks fin-Netherlands 57  u Fiat Finance & Trade fil-Lussemburgu 58 . F’Ottubru nfetħet investigazzjoni oħra dwar Amazon fil-Lussemburgu 59 . Il-Kummissjoni esprimiet dubji li d-deċiżjonijiet tat-taxxa individwali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Flimkien ma’ dawn l-erba’ investigazzjonijiet formali, il-Kummissjoni se tkompli għaddejja bl-inkjesta usa’ tagħha, li issa tkopri l-Istati Membri kollha.

7. Il-promozzjoni ta’ kultura tal-kompetizzjoni, fl-UE u lil hinn minnha

It-trawwim ta’ kultura tal-kompetizzjoni jikkontribwixxi direttament għal tħaddim aħjar tas-swieq għall-ġid tal-konsumaturi u n-negozji. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tippromwovi l-konverġenza u l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-UE u madwar id-dinja.

10 snin tar-Regolament 1/2003: Ir-rendikont u l-perspettivi għall-ġejjieni

10 snin ilu, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament 1/2003 60 , riforma storika li biddlet ta’ taħt fuq il-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u speċifikament l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Minbarra li ddaħħlet sistema ta’ infurzar ibbażata fuq l-applikazzjoni diretta tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE kollha kemm huma, ir-Regolament 1/2003 ta s-setgħa lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri (National Competition Authorities, NCAs) u lill-qrati nazzjonali li japplikaw l-aspetti kollha tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, flimkien ukoll mal-Kummissjoni.

F’Lulju, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar “Għaxar Snin ta’ Infurzar tal-antitrust bir-Regolament 1/2003: Kisbiet u perspettivi futuri” 61 . Il-Komunikazzjoni tagħti rendikont tal-ħidma fl-imgħoddi fil-qasam tal-infurzar mill-Kummissjoni u mill-NCAs, u tidentifika oqsma li fihom jistgħu jsiru aktar passi ’l quddiem. Il-Komunikazzjoni tiffoka fuq il-ħtieġa li tkun garantita l-indipendenza tal-NCAs u li dawn jingħataw biżżejjed riżorsi sabiex iwettqu ħidmiethom, u li tkun żgurata ġabra sħiħa ta’ setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjoni u ta’investigazzjoni, kif ukoll li jkun aċċertat li l-Istati Membri kollha jkollhom fis-seħħ kemm is-setgħat sabiex jiġu imposti multi effettivi u proporzjonati kif ukoll programmi ta’ klemenza mfasslin kif suppost.

Sabiex il-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE ikun aktar effettiv u organizzat

F’Lulju tal-2014, il-Kummissjoni tat ukoll ħarsa lura lejn l-10 snin ta’ kontroll tal-fużjonijiet li għaddew mill-aħħar bidla radikali tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet fl-2004 62 , u nediet konsultazzjoni pubblika dwar proposti sabiex jittejjeb il-kontroll tal-fużjonijiet fuq livell Ewropew permezz tal-White Paper “Lejn Kontroll Aktar Effettiv tal-Fużjonijiet tal-UE” 63 . Il-proposti prinċipali fil-White Paper jinkludu: (i) rieżami ħafif u mfassal apposta, tal-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji, (ii) każijiet ta’ rinviju li bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jkunu jiffavorixxu aktar lin-negozji u jkunu aktar effettivi, (iii) simplifikazzjoni ulterjuri tal-proċeduri, (iv) trawwim tal-koerenza u l-konverġenza bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kif ukoll fost l-Istati Membri sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jiġu evitati riżultati inkonsistenti.

Kooperazzjoni internazzjonali adattata għall-globalizzazzjoni

L-isforzi tal-Kummissjoni biex ikun żgurat infurzar sod tal-kompetizzjoni u biex trawwem kultura tal-kompetizzjoni jmorru lil hinn ferm mill-fruntieri tal-UE. Il-globalizzazzjoni tesiġi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni madwar id-dinja jimpenjaw ruħhom sabiex is-swieq globali tabilħaqq joffru kundizzjonijiet ekwi. 

Iż-żieda qawwija fir-reġimi ta’ kompetizzjoni madwar id-dinja kabbret il-ħtieġa li tinstab bażi komuni fuq livell globali. F’dan il-kuntest, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tħares il-kompetizzjoni u li tiżgura infurzar effettiv isserraħ fuq il-kapaċità li tistabbilixxi ġabra komuni ta’ prinċipji u għanijiet. Fost il-korpi internazzjonali b’rabta mal-kompetizzjoni li fihom il-Kummissjoni hi impenjata b’mod proattiv favur dan l-għan hemm il-Kumitat tal-OECD dwar il-Kompetizzjoni, in-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni u l-UNCTAD.

Barra minn hekk, l-aġenziji tal-kompetizzjoni – fosthom il-Kummissjoni – iridu jwieġbu għal imġiba antikompetittiva u għal fużjonijiet li l-effetti tagħhom qegħdin isiru dejjem aktar transfruntiera. Bħalissa l-Kummissjoni taħdem flimkien ma’ aġenziji li ma jinsabux fl-UE f’64 % tal-każijiet tagħha dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti, f’58 % tal-investigazzjonijiet tagħha dwar fużjonijiet kumplessi, u f’78 % tad-deċiżjonijiet dwar kartelli. Minbarra li tikkoordina l-isforzi f’każijiet individwali, il-Kummissjoni se tkompli tifrex u tqawwi l-kooperazzjoni multilaterali ma’ organizzazzjonijiet relatati, inkluż fis-swieq emerġenti.

L-iżvilupp tal-kooperazzjoni ma’ ekonomiji emerġenti

F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni ffirmat Memoranda ta’ Qbil mal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi BRICS u involviet ruħha wkoll f’kooperazzjoni teknika fuq bosta livelli ma’ dawn il-pajjiżi. Pass importanti f’dan is-settur huwa dak tal-kooperazzjoni teknika mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni taċ-Ċina, li tissokta fl-2015 permezz tal-programm ta’ kooperazzjoni li jinsab għaddej bħalissa (l-EUCTP II). Fir-rigward tal-Indja, fl-2014 inbeda programm sinifikattiv ta’ kooperazzjoni teknika mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Indja, magħruf bħala s-CITD, u dan se jitkompla sal-2018.

Il-Kummissjoni kkonċentrat ukoll fuq in-negozjati mal-Istati Uniti dwar Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (Transatlantic Trade and Investment Partnership Agreement, it-TTIP) li se jinkludi kapitolu dwar il-kompetizzjoni. Il-proċess ta’ negozjati nbeda f’Lulju tal-2013 u mexa ’l quddiem matul l-2014.

It-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra Ewropej

It-tħejjijiet għall-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali servew ta’ għodda tajba għall-promozzjoni tal-kultura tal-kompetizzjoni. Permezz tal-obbligi stretti fil-qasam tal-kompetizzjoni skont il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, il-pajjiżi tat-tkabbir pass wara pass qegħdin, ferm qabel l-adeżjoni, jaġġustaw il-qafas legali u l-prattiki tal-kompetizzjoni tagħhom. Fir-rigward tan-negozjati tal-adeżjoni, il-ħidma ssoktat fl-2014 permezz tat-tgħarbil tal-leġiżlazzjoni tas-Serbja u tal-assistenza li ngħatat lill-awtoritajiet tal-Montenegro.

Apparti hekk, il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni ffirmat bejn l-UE u l-Iżvizzera fl-2013 kien irratifikat f’Ottubru u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru. Dan huwa ftehim innovattiv tat-tieni ġenerazzjoni, u li bis-saħħa tiegħu ż-żewġ aġenziji tal-kompetizzjoni jistgħu jpartu bejniethom l-evidenza li jkunu sabu fl-investigazzjonijiet rispettivi tagħhom.

8. djalogu ma’ istituzzjonijiet oħrajn dwar il-kompetittività

Djalogu strutturat mal-Parlament Ewropew

Fl-2014, id-DĠ Kompetizzjoni ssokta bl-involviment tiegħu fi djalogu strutturat kontinwu mal-Parlament Ewropew, u b’mod partikolari mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) fi ħdanu. Matul is-smigħ ta’ approvazzjoni tagħha, il-Kummissarju Vestager saħqet dwar l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

Is-Sur Almunia, li kien Viċi President tal-Kummissjoni żar il-Kumitat ECON darbtejn – f’Marzu u f’Settembru – fil-kuntest tad-djalogu strutturat. Fil-11 ta’ Novembru, il-Kummissarju Vestager żaret formalment għall-ewwel darba l-Kumitat ECON.

Azzjonijiet għad-danni

Id-Direttiva 2014/104/UE tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar azzjonijiet għad-danni f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-antitrust ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-5 ta’ Diċembru 2014. Din kienet l-ewwel Direttiva għad-DĠ Kompetizzjoni adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. L-adozzjoni tad-Direttiva ntlaqgħet b’sodisfazzjon mill-Viċi President Almunia li kkwalifikaha bħala eżempju ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE.

Il-ftehim mal-Iżvizzera

F’Novembru tal-2010, id-DĠ Kompetizzjoni kien għarraf lill-Parlament Ewropew dwar in-negozjati li saru mal-awtoritajiet kompetenti tal-Iżvizzera rigward ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet rispettivi tagħhom tal-kompetizzjoni. Wara dan, il-Kunsill talab formalment il-kunsens tal-Parlament għal dak il-ftehim. Il-Parlament ta l-kunsens formali tiegħu għall-ftehim fil-5 ta’ Frar 2014 u laqa’ b’sodisfazzjon dan l-ewwel “ftehim tat-tieni ġenerazzjoni”. Il-Parlament ta wkoll rakkomandazzjonijiet għall-ftehimiet fil-ġejjieni.

Matul dan il-proċess, id-DĠ Kompetizzjoni ħadem mill-qrib mal-Parlament.

It-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq il-karti ta’ pagament

Wara l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kard tas-27 ta’ Lulju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil politiku fis-17 ta’ Diċembru 2014. Il-leġiżlazzjoni approvata mill-Parlament u mill-Kunsill taħt il-Presidenza Taljana għandha l-għan li tiċċara t-tariffi tal-interkambju bejn il-pajjiżi tal-UE li, skont il-konferma tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha dwar MasterCard tal-11 ta’ Settembru 2014, qegħdin jiksru r-regoli tal-antitrust tal-UE.

It-tkomplija tat-tisħiħ tal-komunikazzjoni tad-DĠ Kompetizzjoni mal-Kumitat ECON

Is-seminar ta’ għoti ta’ informazzjoni li jsir regolarment għall-konsulenti politiċi u l-assistenti tal-Kumitat ECON li kien ikopri s-suġġetti ewlenin fir-Rapport tal-2013 dwar il-Kompetizzjoni sar fis-17 ta’ Ottubru. Id-DĠ Kompetizzjoni kompla jgħarraf fuq bażi regolari lill-kumitati parlamentari rilevanti dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi u l-adozzjoni ta’ dokumenti ta’ politika u linji gwida ġodda.

Id-DĠ Kompetizzjoni kien fit-tmun bħala chef de file fir-rigward ta’ 327 mistoqsija parlamentari bil-miktub u 24 petizzjoni mħejjija mis-servizzi tal-Kummissjoni.

L-involviment ta’ DĠ Kompetizzjoni mal-KESE u mal-KtR

Il-Kummissjoni għarrfet ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) u lill-Kumitat tar-Reġjuni (il-KtR) dwar inizjattivi politiċi ewlenin u ħadet sehem fi gruppi ta’ studju u laqgħat tas-sezzjonijiet. Minn naħa tiegħu l-KESE ħareġ opinjonijiet rigward is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (Services of General Economic Interest, SGEIs) bi prezz li jintlaħaq fil-21 ta’ Jannar (opinjoni fuq inizjattiva proprja), rigward ir-Rieżami tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linja tal-ajru fid-9 ta’ Lulju, rigward ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2013 fil-15 ta’ Ottubru, u rigward il-White Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn Kontroll Aktar Effettiv tal-Fużjonijiet tal-UE” fl-10 ta’ Diċembru. Il-KtR ħareġ opinjoni rigward il-Linji Gwida l-Ġodda dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-enerġija fit-2 ta’ April (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

(1)

Jean-Claude Juncker, “Bidu Ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku” Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni, Diskors tal-Ftuħ fis-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew, 15 ta’ Lulju 2014: http://ec.europa.eu/priorities/docs/pg_mt.pdf

(2)

Jean-Claude Juncker, l-Ittra ta’ Missjoni lis-Sinjura Margrethe Vestager, il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, l-1 ta’ Novembru 2014, disponibbli f’dan is-sit http://ec.europa.eu/commission/sites/cwt/files/commissioner_mission_letters/vestager_en.pdf

(3)

Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1, disponibbli f’dan is-sit http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32014L0104&from=MT

(4)

Ara, pereżempju, l-istudju “Unlocking the ICT Growth Potential in Europe: Enabling people and businesses” (2013) imħejji minn The Conference Board għall-Kummissjoni Ewropea, disponibbli f’dan is-sit http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/new-study-unlocking-ict-growth-potential-europe-enabling-people-and-businesses  

(5)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, ĠU 2013 C 25, 26.1.2013, p. 1, disponibbli f’dan is-sit http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2013:025:0001:0026:mt:PDF

(6)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1, disponibbli f’dan is-sit http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2014.187.01.0001.01.MLT  

(7)

Il-Każ AT.39523 Slovak Telekom, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39523  

(8)

Il-Każ AT.37451, AT.37578, AT.37579 Deutsche Telekom AG, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 2003, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=CELEX:32003D0707  

(9)

Il-Każ M.6992 Hutchison 3G UK / Telefónica Ireland, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=2_M_6992  

(10)

Il-Każ M.7018 Telefónica Deutschland / E-Plus, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=2_M_7018

(11)

Il-Każ M.7217 Facebook / Whatsapp, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=2_M_7217

(12)

Il-Każ AT.39985 Motorola - L-infurzar tal-privattivi essenzjali relatati ma’ standard tal-GPRS, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39985  

(13)

Il-Każ AT.39939 Samsung - L-infurzar tal-privattivi essenzjali relatati ma’ standard tal-UMTS, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39939  

(14)

Għal aktar dettalji dwar il-kontenut u l-proċedura tal-investigazzjoni dwar Google, idħol f’dan is-sit: http:// ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39740

(15)

 Il-Każ AT.40023 Aċċess transfruntier għall-kontenut tat-televiżjoni bi ħlas, ara l-istqarrija għall-istampa IP/14/15 tat-13 ta’ Jannar 2014 disponibbli f’dan is-sit: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-15_en.htm

(16)

 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 tal-21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija, ĠU L 93, 28.3.2014, p. 17, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2014.093.01.0017.01.MLT  u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, ĠU C 89, 28.3.2014, p. 3, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.C_.2014.089.01.0003.01.MLT  

(17)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020, ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52014XC0628(01)  

(18)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2014.187.01.0001.01.MLT  

(19)

Il-Każ SA.34947 UK – Appoġġ lill-Impjant tal-Enerġija Nukleari Hinkley Point C, ara l-istqarrija għall-istampa IP/14/1093 tat-8 ta’ Ottubru 2014 disponibbli f’dan is-sit: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-1093_en.htm

(20)

Il-Każ AT.39523 Boroż tal-enerġija elettrika, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/
competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39952
 

(21)

Il-Każ AT.39984 OPCOM / Borża tal-enerġija elettrika tar-Rumanija, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39984

(22)

Il-Każ AT.39767 Elettriku BEH, ara l-istqarrija għall-istampa IP/14/922 tat-12 ta’ Awwissu 2014 disponibbli f’dan is-sit: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-922_en.htm  

(23)

Il-Każ AT.39849 Gass BEH, ara l-istqarrija għall-istampa IP/13/656 tal-5 ta’ Lulju 2013 disponibbli f’dan is-sit: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-656_en.htm

(24)

Il-Każ AT.39816 Provvisti tal-Gass Upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, ara l-istqarrija għall-istampa IP/12/937 tal-4 ta’ Settembru 2012, disponibbli f’dan is-sit: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-12-937_en.htm?locale=en

(25)

Il-Każ AT.40054 Is-Swieq taż-Żejt u l-Bijofjuwils, ara l-iskedi informattivi MEMO/13/435 tal-14 ta’ Mejju 2013, disponibbli f’dan is-sit: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-435_en.htm u MEMO/14/581 tad-9 ta’ Ottubru 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-14-581_en.htm

(26)

Il-Każ M.7137 EDF/Dalkia fi Franza, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/
competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=2_M_7137

(27)

Il-Każ SA.35980 ir-Renju Unit – is-Suq ta’ kapaċità tar-Renju Unit, ara l-istqarrija għall-istampa IP/14/865 tat-23 ta’ Lulju 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://europa.eu/
rapid/press-release_IP-14-865_en.htm
 

(28)

Il-Każ SA.36061 Il-Bank tan-Negozju tar-Renju Unit, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_36061

(29)

Il-Każ SA.37824 L-Istituzzjoni Finanzjarja għall-Iżvilupp tal-Portugall, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_37824

(30)

Il-Każ AT.39924 Id-Derivattivi tar-Rata tal-Imgħax fi Frank Żvizzeru, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2014, ara l-istqarrija għall-istampa IP/14/1189 disponibbli f’dan is-sit: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-1189_en.htm

(31)

Il-Każ AT.39924 Id-Derivattivi tar-Rata tal-Imgħax fi Frank Żvizzeru, id-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2014, ara l-istqarrija għall-istampa IP/14/1190 disponibbli f’dan is-sit: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-1190_en.htm

(32)

F’Diċembru 2013, il-Kummissjoni mmultat iċ-ċifra totali ta’ EUR 1,7 biljun skont il-proċedura tas-saldu lil tmien banek talli kienu involuti f’kartelli fi swieq għad-derivattivi finanzjarji. Il-Kummissjoni kienet ukoll fetħet proċedimenti kontra Crédit Agricole, HSBC u JP Morgan fuq suspett ta’ involviment f’kartell tad-derivattivi tar-rata tal-imgħax f’euro. L-investigazzjoni tinsab għaddejja skont il-proċedura standard (mhux ta’ saldu). Intbagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lit-tliet banek fl-20 ta’ Mejju 2014.

(33)

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE, ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2014.173.01.0349.01.MLT  

(34)

Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32014R0600

(35)

Il-Każ AT.39523 It-TMI ta’ Visa, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/dec_docs/39398/39398_9728_3.pdf

(36)

F’Diċembru tal-2010, il-Kummissjoni rendiet vinkolanti l-impenji li ħadet Visa Europe biex tnaqqas it-TMI tagħha għall-pagamenti bil-karta ta’ debitu u biex iddaħħal diversi regoli ta’ trasparenza. Dawn l-impenji skadew f’Diċembru tal-2014.

(37)

Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kard, COM(2013) 550 final, 2013/0265 (COD) tal-24 ta’ Lulju 2013 disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2013:0550:FIN:MT:HTML

(38)

Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern COM(2013) 547 final tal-24 ta’ Lulju 2013, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1427290049713&uri=CELEX: 52013PC0547

(39)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju, ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52014XC0122(04)

(40)

Għal ħarsa ġenerali kompluta, ara: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/modernisation/index_en.html

(41)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni , ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.C_.2014.198.01.0001.01.MLT

(42)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni, ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.C_.2014.188.01.0004.01.MLT  

(43)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, COM(2014) 903 final, 26.11.2014, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1427812242523&uri=CELEX:52014DC0903 u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013, COM(2015) 10 final. 2015/0009 (COD), 13.1.2015, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1427812320943&uri=CELEX: 52015PC0010  

(44)

Sabiex ikun żgurat li investimenti fl-infrastruttura u l-proġetti appoġġati permezz ta’ din l-inizjattiva jkunu konsistenti mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-proġetti għandhom iwieġbu għall-ħtiġijiet mhux issodisfati (pereżempju li ma tkunx irdoppjata infrastruttura li diġà teżisti), kif ukoll jużaw billi jinkludu kemm jista’ jkun il-finanzjament privat u jevitaw li joħonqu l-proġetti ffinanzjati mill-privat. Il-proġetti appoġġati għandhom ġeneralment ikunu miftuħin għall-utenti kollha, fosthom għall-operaturi kompetituri, skont kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u xierqa sabiex ikun evitat il-ħolqien ta’ ostakli għad-dħul.

(45)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà, ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.C_.2014.249.01.0001.01.MLT  

(46)

Il-Każ AT.39748 Sistemi Awtomobilistiċi ta’ Wajers Miġburin, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 2013, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39748  

(47)

 Il-Każ AT.39801 Il-Fowm tal-Poliuretan, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Jannar 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39801  

(48)

Il-Każ AT.39922 Il-berings awtomobilistiċi, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39922

(49)

Il-Każ AT.39792 Il-Barraxa tal-Azzar, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/
competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39792

(50)

Il-Każ AT.39610 Il-Kejbils tal-Elettriku, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/
competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39610

(51)

Il-Każ AT.39574 Iċ-ċipep tal-ismart cards, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Settembru 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/
competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39574
 

(52)

Il-Każ AT.39824 It-Trakkijiet, ara l-istqarrija għall-istampa IP/14/2002 tal-20 ta’ Novembru 2014 disponibbli f’dan is-sit: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-2002_en.htm  

(53)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Avviż dwar akkordji ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Avviż De Minimis), ĠU C 291, 30.8.2014, p. 1, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX: 52014XC0830(01)  

(54)

Il-Każ M.6905 Ineos/Solvay/JV, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=2_M_6905  

(55)

Sors: Eurostat

(56)

Il-Każ SA.38373 Għajnuna allegata lil Apple, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-11 ta’ Ġunju 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_ SA_38373

(57)

Il-Każ SA.38374 Għajnuna allegata lil Starbucks, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-11 ta’ Ġunju 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_ SA_38374  

(58)

Il-Każ SA.38375 Għajnuna allegata lil FFT, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-11 ta’ Ġunju 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_ SA_38375

(59)

Il-Każ SA.38944 Għajnuna allegata lil Amazon – il-Lussemburgu, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali tas-7 ta’ Ottubru 2014, disponibbli f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_ SA_38944  

(60)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 08, Vol. 002, p. 205), disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32003R0001&from=MT  

(61)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014, Għaxar Snin ta’ Infurzar tal-antitrust bir-Regolament 1/2003: Kisbiet u perspettivi futuri, COM/2014/0453. disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52014DC0453&qid=1430227237812

(62)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet), ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 08, Vol. 003, p. 40) disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32004R0139&from=mt  

(63)

White Paper “Lejn Kontroll Aktar Effettiv tal-Fużjonijiet tal-UE”, COM(2014) 449 final, disponibbli f’dan is-sit: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52014DC0449&qid=1430229736129

Top