EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE5124

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Lejn Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) integrat — l-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija Ewropea” [C(2015) 6317 final]

ĠU C 133, 14.4.2016, p. 25–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Lejn Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) integrat — l-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija Ewropea”

[C(2015) 6317 final]

(2016/C 133/06)

Korelatur:

is-Sur Mihai MANOLIU

Nhar il-15 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Lejn Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) integrat – l-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija Ewropea”

[C(2015) 6317 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2016.

Matul il-514-il sessjoni plenarja tiegħu, li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2016 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’172 vot favur, 6 voti kontra, u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jtenni l-impenn sod tiegħu lejn Unjoni tal-Enerġija (flimkien ma’ klawżola ta’ solidarjetà, it-transitu tal-enerġija bħala “il-ħames libertà”, l-effiċjenza enerġetika fuq quddiem nett, it-tranżizzjoni għal soċjetà sostenibbli bl-inqas użu ta’ karbonju possibbli), u favur djalogu Ewropew dwar l-enerġija, waqt li jappoġġja l-implimentazzjoni mill-iżjed effiċjenti ta’ Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET).

1.2.

Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ approċċ konġunt u konsistenti li jinvolvi l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati tal-politika tal-enerġija u l-koordinazzjoni ta’ programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija, billi tiġi appoġġata t-tnedija bla dewmien fis-suq ta’ teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

1.3.

Fil-fehma tal-KESE, l-isfida prinċipali hija l-iżvilupp tekniku u xjentifiku tat-teknoloġiji u l-innovazzjoni, kif ukoll il-promozzjoni ta’ fatturi li jħeġġu l-ideat u l-kunċetti ġodda, kif inhuma definiti fil-qafas tal- Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET), li huwa neċessarju sabiex titħaffef it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa .

1.4.

Huwa meħtieġ li dawn il-kunċetti jkunu akkumpanjati b’mandat diskuss mal-partijiet interessati kif ukoll minn arranġamenti għal parteċipazzjoni fi pjan direzzjonali integrat li jaqdi wkoll ir-rwol ta’ pjan ta’ azzjoni għall-investiment li jagħmel użu mir-riżorsi tal-UE, nazzjonali, reġjonali u privati kif xieraq permezz tal-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA) u l-Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs) sabiex jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet.

1.5.

Fil-fehma tal-KESE, li titħaffef it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa se tkun sfida ewlenija għall-Ewropa fis-snin li ġejjin fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, favur il-kompetittività u l-attrazzjoni ekonomika tal-Ewropa, u l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista għall-konsumaturi, kbar jew żgħar, bi prezz li jista’ jintlaħaq determinat b’mod trasparenti.

1.6.

Għall-KESE, il-politika dwar l-enerġija għandha tkun ibbażata fuq l-iżvilupp ta’ setturi ewlenin, identifikati permezz ta’ djalogu u kooperazzjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll it-taħriġ ta’ persunal li juża teknoloġiji ġodda.

1.7.

Il-KESE jemmen li biex ikun hemm reazzjoni għall-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej, jeħtieġ li jiġi adottat approċċ konsistenti u globali għall-kwistjoni tal-enerġija, li jinvolvi l-kooperazzjoni bejn l-Istati u suq intern tal-enerġija effiċjenti. Huma meħtieġa investimenti massivi kemm fir-riċerka teknoloġika kif ukoll fl-infrastruttura; l-investituri jeħtieġu qafas ta’ politika prevedibbli u possibbli, imsawwar minn analiżi preċiża tal-prijoritajiet tal-iżvilupp, tal-opportunitajiet ta’ finanzjament fattibbli u disponibbli, tal-kompetittività industrijali Ewropea u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, tal-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini.

1.8.

Il-Pjan SET għandu jkun speċifiku u msejjes fuq is-sitwazzjoni reali tal-Ewropa. Jekk it-teknoloġiji l-ġodda tal-enerġija jgħollu l-prezzijiet marbuta mal-enerġija għall-utent finali, jekk id-deċiżjonijiet politiċi jwasslu għal żidiet fit-tariffi tal-enerġija, il-KESE jikkunsidra li ċ-ċittadini huma intitolati li jistennew li din il-problema tiġi solvuta. Għandu jkun hemm l-involviment stabbli u prattiku tal-konsumaturi; il-faqar fl-enerġija għandu jiġi miġġieled ukoll permezz ta’ miżuri tal-politika soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali.

1.9.

L-esperjenza Ewropea wriet li l-impożizzjoni tat-teknoloġiji li jiġġeneraw l-enerġija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju mingħajr ma jitqiesu la l-ispejjeż u lanqas il-maturità ta’ dawk it-teknoloġiji ma tagħti l-ebda riżultat utli iżda, għall-kuntrarju, tikkontribwixxi biex is-suq intern tal-enerġija ikun mhedded b’kollass.

1.10.

Il-KESE jemmen li t-teknoloġiji għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli għandhom potenzjal konsiderevoli, u jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati permezz ta’ proġetti li juru u jippromovu l-esperjenzi li kellhom suċċess. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll teknoloġiji oħra b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju: teknoloġiji tal-faħam nadif, il-ħżin tal-enerġija (inkluż l-elettriku), l-adattament tal-konsum skont id-domanda, l-użu tal-karbonju u tal-idroġenu, il-koġenerazzjoni u t-“tkessiħ” tal-bliet, u l-fissjoni u l-fużjoni nukleari.

1.11.

Il-KESE jerġa’ jappella biex jiġi stabbilit djalogu pubbliku dwar l-enerġija fl-Ewropa kollha (djalogu Ewropew dwar l-enerġija) biex iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili kollha jħaddnu t-tranżizzjoni tal-enerġija u jerfgħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż tat-teknoloġiji differenti, inklużi dawk li joħorġu mill-għażliet ta’ politika msejsa fuq ir-riċerka li ssir. Id-djalogu għandu jseħħ fil-livelli kollha ta’ governanza. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-livell Ewropew enfasizza b’mod ripetut il-miri Ewropej ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-politika f’dan il-qasam taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri. Din is-sitwazzjoni fissret li l-politiki nazzjonali differenti mhumiex koerenti.

1.12.

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li tkompli tiġi segwita l-integrazzjoni tas-suq intern billi jiġi żviluppat approċċ Ewropew lejn il-provvista tal-enerġija, bil-għan li tiġi stabbilita solidarjetà reali. Pass intermedju huwa li jitrawwem il-livell reġjonali meħtieġ biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’dan il-qasam u li jrid ikun flessibbli u kapaċi jippromovi soluzzjonijiet innovattivi biex isir l-aħjar użu mill-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli koordinati f’ħin reali.

1.13.

Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jittieħdu miżuri li jintegraw il-modi differenti ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija, inklużi dawk li jinħolqu mir-riċerka teknoloġika, fis-swieq tal-enerġija, notevolment fir-rigward ta’ konnessjoni mal-grilja, l-ibbilanċjar u l-imposti.

1.14.

Il-KESE jirrakkomanda li jiżdiedu l-investimenti u r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-ħżin, sabiex jitjiebu s-sinerġiji Ewropej f’dan il-qasam, b’mod li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-transizzjoni tal-enerġija, tiġi garantita s-sigurtà tal-provvista, permezz tal-interkonnessjoni tal-grilji Ewropej tal-enerġija, biex jiġi żgurat li l-ekonomija Ewropea ssir aktar kompetittiva.

1.15.

F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar fl-importanza tal-gass fit-taħlita tal-enerġija tal-Ewropa, u l-importanza li għandu għas-sigurtà tal-enerġija għaċ-ċittadini. Il-KESE jappella biex jiġi mħeġġeġ il-ħżin, sabiex l-Istati Membri jkollhom riżervi komuni. Huwa daqstant meħtieġ li jiġi sfruttat il-potenzjal kbir biex titjieb l-effiċjenza enerġetika fil-bini iżda wkoll fit-trasport.

1.16.

Il-KESE jemmen li l-konsolidazzjoni tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tista’ tiġġenera tkabbir ekonomiku u toħloq impjiegi ġodda fl-UE. Sistema ġdida ta’ governanza tal-enerġija, ibbażata fuq il-pjani nazzjonali, tista’ tiżgura l-konsistenza fis-suq tal-enerġija, u f’dan ir-rigward id-djalogu Ewropew huwa prerekwiżit assolut.

1.17.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-valur miżjud tal-Pjan SET se jwassal għal koordinazzjoni aħjar u governanza ġdida tas-sistema Ewropea tal-enerġija, jekk jevita d-duplikazzjoni u jkun ibbażat fuq data reali u trasparenti. Għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-punti fundamentali Ewropej, jiġifieri l-metodu Komunitarju, id-demokrazija Ewropea fl-azzjoni, il-kompetizzjoni, il-kooperazzjoni u s-solidarjetà kif ukoll ir-rwol tal-Ewropa fil-governanza globali.

1.18.

Il-KESE jenfasizza l-konsegwenzi tal-Pjan SET f’termini tal-impatt tiegħu fuq iċ-ċittadini, partikolarment fir-rigward tal-impjiegi u l-ħiliet meħtieġa. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li titqies il-kwistjoni tad-drittijiet tal-awtur.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Ir-riżorsi u l-infrastruttura tal-enerġija jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor tal-UE; madankollu, l-għan komuni huwa li s-settur tal-enerġija jiġi dekarbonizzat. Id-diskussjonijiet fil-kuntest tat-transizzjoni enerġetika għandhom jindirizzaw l-iżjed dawn il-kwistjonijiet: l-atturi ġodda u l-mudelli kummerċjali ġodda fis-setturi taż-żejt, il-gass u l-elettriku, id-dinamika tal-ambjent politiku u l-implikazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-investiment, ir-regolamentazzjoni tas-swieq tal-enerġija, l-impatt tal-innovazzjoni teknoloġika fuq is-sistemi enerġetiċi, it-tneħħija ta’ riżervi tal-enerġija qodma tradizzjonali, il-problemi li jinħolqu minn mudell ġdid ta’ governanza fis-settur tal-enerġija u l-prospettivi li dan jiftaħ.

2.2.

Din hi sfida ta’ urġenza kbira. L-UE għaddejja minn trasformazzjonijiet enormi fil-qasam tal-enerġija; l-ekonomija Ewropea u l-konsumaturi vulnerabbli qed jiffaċċjaw kemm riskju dejjem jikber ta’ provvista mhux ta’ min joqgħod fuqha kif ukoll prezzijiet għoljin tal-enerġija.

2.3.

Il-KESE għandu l-ħsieb jappoġġja appoġġ ta’ politika komuni Ewropea dwar l-enerġija li tkun kapaċi tassigura s-sigurtà tal-provvista, li jkun pijunier teknoloġiku fl-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija rinnovabbli u li jagħti garanziji fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, it-tnaqqis fil-konsum u l-iżvilupp tal-infrastruttura, bi spejjeż konvertiti b’mod preċiż fi prezzijiet tal-konsumatur aħħari, u fl-aħħar, iżjed importanti minnhekk, li jitqiesu l-ispejjeż globali tat-taħlita tal-enerġija u d-disponibbiltà tal-finanzjament, privat jew pubbliku, neċessarju sabiex jiġu koperti dawn l-ispejjeż.

2.4.

Il-KESE qed jipprevedi f’dan ir-rigward li r-riżorsi finanzjarji jiġu pprovduti mill–BEI, mill-programm tan-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija, mill-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, mill-Fond Ewropew tal-2020 għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura (jew il-Fond Marguerite), u mill-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni, mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija, u mill-programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

2.5.

Il-pjan SET huwa għodda essenzjali u ambizzjuża biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija. Ikun posssibbli li dan l-għan mixtieq jintlaħaq billi jinbeda dibattitu wiesa’ maċ-ċittadini Ewropej, u l-KESE jista’ jaġixxi bħala katalist f’dan id-djalogu. Il-KESE jemmen li biex jiġu solvuti problemi tat-transizzjoni tal-enerġija hija essenzjali l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini – ara l-proposta tal-KESE dwar il-karta Ewropea dwar l-iffrankar tal-enerġija – b’mod speċifiku, dan jista’ jinvolvi forum tas-soċjetà ċivili (organizzata) Ewropea, bir-rwol li jippromovi djalogu tal-enerġija Ewropew.

2.6.

Il-KESE jemmen li, fi kwistjonijiet li jirrigwardaw it-transizzjoni tal-enerġija, għandhom jitqiesu u jiġu evalwati l-kompetittività, l-implikazzjonijiet għall-impjiegi u s-sigurtà soċjali. Is-swieq reġjonali jistgħu jegħlbu l-isfiduċja: fl-assenza tal-fiduċja u l-edukazzjoni fil-qasam, huwa impossibbli li jiġu implimentati politiki tal-enerġija konkreti.

2.7.

Il-KESE jaħseb li l-finanzjament tal-Pjan SET mill-baġits għar-riċerka u l-iżvilupp tal-Kummissjoni u l-Istati Membri mhuwiex biżżejjed. Dan ifisser li huwa dejjem iktar importanti li jsir użu mill-Fondi Strutturali tal-UE, il-Fond Ewropew tal-Investiment u d-dħul mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Il-potenzjal ta’ investiment tal-ekonomija tas-suq għandu jiġi mmirat b’mod speċifiku, permezz ta’ skemi innovattivi u inċentivi. Is-suċċess jista’ jkun żgurat biss permezz tat-testjar u l-applikazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ għażliet u ideat finanzjarji u ekonomiċi innovattivi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jqis li l-Unjoni tal-Enerġija tfisser li l-enerġija ssir aktar sikura, sostenibbli u bi prezz raġonevoli għall-konsumtur aħħari. Dan ser jippermetti ċirkolazzjoni ħielsa tal-flussi tal-enerġija bejn il-fruntieri u jiggarantixxi provvista sikura f’kull pajjiż tal-UE, għal kull ċittadin Ewropew.

3.2.

Biex jintlaħqu dawn l-ambizzjonijiet tal-Pjan SET, il-KESE jaħseb li l-UE trid tkun innovattiva f’termini ta’ kif l-enerġija tiġi prodotta u trasportata, kif inhi fornita u kif jingħata s-servizz lill-klijent. Il-konsumaturi se jkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni u f’suq kompetittiv ħafna għandhom jibbenefikaw minn appoġġ wiesa’ u għarfien espert tekniku konsiderevoli.

3.3.

Il-KESE jaħseb li t-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet ġodda se jkollhom rwol essenzjali fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE u t-trasformazzjoni fil-katina tal-valur tal-enerġija għal aktar flessibbiltà, li jagħti rwol attiv lill-konsumaturi (“prosumaturi”), inklużi l-produtturi ż-żgħar, kif ukoll netwerks ġodda ta’ produtturi, operaturi u regolaturi tal-enerġija kapaċi jinteraġixxu f’suq kumpless. Il-produtturi ż-żgħar jista’ jkollhom sehem fl-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija.

3.4.

Ideat u teknoloġiji ġodda jridu jittrasferixxu minn settur għal ieħor, b’tali mod li huwa possibbli li tintlaħaq il-massa kritika meħtieġa biex jimpenjaw ruħhom f’metodi kollettivi għar-riċerka u l-innovazzjoni, billi jingħelbu l-ostakli bejn il-proċessi u bejn l-oqsma ta’ attività.

3.5.

Il-KESE jemmen li l-progress teknoloġiku ġenerali fl-Istati Membri tal-UE se jipprovdi l-bażi meħtieġa għall-mudelli ġodda ta’ negozju, l-iskemi innovattivi li jiggarantixxu l-ħlas ġust tas-servizzi, u l-funzjonament adegwat tas-sistema tal-enerġija. Għarfien iktar fil-fond tal-imġiba tal-konsumaturi se jkun possibbli permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni b’mod trasparenti, sikur u faċli għall-utent.

3.6.

Il-KESE jemmen li l-istabbiltà ekonomika tiddependi fuq ir-reżiljenza tas-sistemi tal-enerġija, kif definiti fil-Pjan SET, li għandhom ikunu preparati għal livelli sinifikanti ta’ tibdil kif imfissra fil-Pjan SET. Is-sigurtà tal-provvista u l-kwalità għolja ta’ servizzi għall-klijenti fl-Istati Membri għandhom ikunu appoġġati mill-iżvilupp ta’ netwerks tal-enerġija tal-UE aktar intelliġenti u aktar integrati.

3.7.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur għandha tiġġenera mudelli ekonomiċi ġodda (l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-ipproċessar mill-ġdid). Huwa meħtieġ li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni fis-suq ta’ prattiki u kanali effiċjenti tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija, bil-għan li jitjieb il-proċess ta’ integrazzjoni sabiex tiġi żgurata l-effikaċja globali tas-sistema.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jemmen li l-għanijiet tal-pjan huma definiti sew. Huwa jikkondividi l-viżjoni tal-Kummissjoni li l-pjan SET ikun aktar adatt biex jiffaċċja sfidi ġodda, ikun aktar iffukat, jadotta approċċ integrat u li jġedded il-metodu ta’ ġestjoni u l-governanza. Il-bidliet previsti sabiex jinkisbu dawn l-objettivi għandhom ikunu mfassla tajjeb u jkunu realistiċi.

4.2.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-pjan SET, sabiex ir-riċerka u l-innovazzjoni jiġu żviluppati u jilħqu mar-rekwiżiti l-ġodda għar-rilaxx tal-kapaċitajiet addizzjonali u tar-riżorsi supplimentari madwar l-UE kollha. Il-KESE jaqbel mal-analiżi li tgħid li biex jiġu massimizzati l-effiċjenza u l-impatt tal-pjan SET, b’mod partikolari, huwa neċessarju li:

jiżdied l-impenn finanzjarju tal-Istati Membri u s-settur privat; u

tiżdied il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tul il-katina kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni.

4.3.

Il-KESE jemmen li hemm interess leġittimu li jiġu segwiti l-għaxar azzjonijiet li huma definiti prinċipalment fuq il-bażi tal-partijiet interessati u huma maħsuba biex jaċċelleraw it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija, joħolqu aktar impjiegi u jiġġeneraw it-tkabbir.

4.4.

L-UE għandha tintensifika azzjonijietha biex tintroduċi fis-suq teknoloġiji ġodda tal-enerġija li jipproduċu livelli għolja ta’ rendiment, għandhom livell baxx ta’ spejjeż, jipproduċu ftit diossidu tal-karbonju u huma sostenibbli, wara li tkun twettqet analiżi trasparenti tal-impatt ambjentali tagħhom.

4.5.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp taħt il-pjan SET għandhom jiffokaw fuq l-elementi speċifiċi li ġejjin, bħala pilastri tal-politika Ewropea dwar l-Enerġija:

il-kompettitività: l-infrastruttura u n-netwerks tal-enerġija, is-suq intern u l-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija;

is-sigurtà tal-provvista: il-politika tal-enerġija esterna, iż-żejt, il-gass;

il-klima: l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS), l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (EU ETS).

4.6.

Għall-KESE, użu akbar ta’ teknoloġiji ta’ produzzjoni tal-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli intermittenti jista’ jwassal għal żieda sinifikanti fl-ispejjeż fis-snin li ġejjin, li, jekk tgħaddi għand il-konsumaturi, tista’ twassal għal żieda sinifikanti fil-prezzijiet, sakemm dawn is-sistemi jimxu għall-istadju li jiġu manifatturati f’livell industrijali. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u t-tmiem tas-sussidji għall-produzzjoni tal-enerġija minn fjuwils fossili inevitabbilment iwasslu għal żieda fl-ispejjeż, għal żmien twil u żidiet akbar.

4.7.

Fil-fehma tal-KESE, fil-qasam tal-kompetittività industrijali, it-teknoloġiji tal-enerġija u l-politika tal-innovazzjoni, għandhom jinkisbu malajr riżultati li jnaqqsu l-ispejjeż billi jitħaffef id-dħul fis-suq ta’ teknoloġiji sostennibbli: jekk dan ma jsirx ikun hemm konsegwenzi diretti għall-investiment privat u l-baġit nazzjonali, u jwassal għal sitwazzjoni ta’ riċessjoni ekonomika.

4.8.

Sabiex jiġi assigurat bilanċ bejn il-provvista, it-trasformazzjoni, it-trasport u l-użu aħħari tal-enerġija, se jkun meħtieġ li tiġi ottimizzata s-sistema, jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda kif stabbiliti fil-pjan SET, tiġi żgurata interazzjoni effettiva tal-atturi u l-komponenti differenti, billi jiġu previsti approċċ komprensiv u sinerġiji possibbli bejn in-netwerks tal-enerġija (elettriku, żejt, gass, tisħin u mobbiltà), bil-ħsieb li jinkiseb is-suq intern tal-enerġija.

4.9.

Il-flessibbiltà tas-sistema se teħtieġ firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin tal-enerġija oħra adattati għal varjetà ta’ firxiet ta’ enerġija. F’dan il-qasam hemm potenzjal għal aktar żviluppi. L-iżvilupp tal-ħżin se jkun essenzjali għal sistema bbilanċjata tal-enerġija, li tippermetti ġestjoni attiva tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, sehem akbar tagħhom u tnaqqis tar-restrizzjonijiet sabiex l-investimenti fl-infrastruttura jiġu minimizzati u bbilanċjati, biex b’hekk tiżdied il-flessibilità tas-sistema tal-enerġija.

4.10.

Għodod ta’ ġestjoni innovattivi, ikkombinati flimkien fil-livell tal-utent aħħari ma’ kapaċitajiet ġodda ta’ ħżin tal-elettriku, fissi jew mobbli, se jipprovdu aktar alternattivi sabiex jiġi ottimizzat il-konsum tal-utenti flimkien ma’ spejjeż aktar baxxi f’suq tal-enerġija flessibbli. L-idroġenu jista’ jipprovdi soluzzjoni għal ħżin versatili ħafna sabiex tiġi sostnuta l-ġenerazzjoni tal-elettriku deċentralizzata u biex isir kumpens għall-varjabbiltà tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

4.11.

Azzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni għandu jkollhom l-għan li jimmudellaw, ikejlu u jikkontrollaw l-operazzjoni u ż-żamma ta’ sistemi deċentralizzati ta’ tisħin u tkessiħ b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, jaċċelleraw il-penetrazzjoni tas-suq ta’ prodotti u sistemi tal-enerġija ġodda u effiċjenti kif ukoll jottimizzaw it-tliet pilastri tal-effiċjenza enerġetika, jiġifieri l-kejl tal-konsum tal-enerġija, l-ottimizzazzjoni tal-konsum u l-prestazzjoni sostenibbli, sabiex jinkisbu riżultati sostenibbli.

4.12.

Ir-rwol tal-bliet se jkun aktar importanti fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE peress li l-urbanizzazzjoni se tkompli tiżdied fl-UE. Sabiex jiġu indirizzati b’mod integrat l-isfidi komuni u titjieb is-sostenibbiltà, huwa neċessarju li jiġu mrawma diversi partijiet interessati fil-livelli lokali u jitlaqqgħu flimkien l-awtoritajiet lokali, is-settur ekonomiku u ċ-ċittadini.

4.13.

Fil-fehma tal-KESE, l-isfida tar-riċiklaġġ tal-batteriji “lithium-ion” hija prinċipalment ekonomika, billi l-proċessi ġew żviluppati b’mod li jippermettu r-riċiklaġġ b’sistema magħluqa, iżda hemm lok biex dawn il-proċessi jiġu adattati għall-batteriji ta’ vetturi elettriċi.

4.14.

Fil-fehma tal-KESE, l-industrija tal-batteriji Ewropea teħtieġ li tadatta għall-industrija tar-riċiklaġġ u tassorbi l-iżvilupp sinifikanti tas-suq tal-mobilità elettronika u s-suq li qed jikber ta’ tagħmir mobbli. L-industrija tistrieħ fuq ir-rieda tal-UE biex tadotta t-teknoloġija Ewropea tal-batteriji.

4.15.

Sabiex titjieb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE, portafoll ta’ teknoloġiji sostenibbli għandu jkun imħallat (bijokarburanti avvanzati, l-idroġenu u fjuwils likwidi u gassużi alternattivi, inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG)).

4.16.

Il-KESE jenfasizza li l-UE hija l-bażi tal-attivitajiet ta’ intrapriżi li huma fuq quddiem fid-dinja fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju, inkluża l-fissjoni nukleari. Il-provvista tal-enerġija tal-UE trid tkun kompetittiva u l-investimenti tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jinkludu l-katina kollha tal-provvista tat-teknoloġija, mill-materjali għall-manifattura.

4.17.

Minkejja ż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-fjuwils fossili għadhom jintużaw b’mod estensiv madwar id-dinja għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (faħam). Minkejja effiċjenza baxxa, il-faħam ser jibqa’ jintuża fl-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija tal-UE. Dan jesiġi l-użu ta’ teknoloġiji tal-faħam aktar effiċjenti.

4.18.

Il-KESE josserva li l-UE tinsab maqsuma dwar l-enerġija nukleari. F’dak li għandu x’jaqsam mal-enerġija nukleari, il-politika tal-UE hija ‘l bogħod ħafna milli tkun unifikata. Ir-reatturi avvanzati ġodda li qed jinbnew jistgħu jwasslu għal rinaxximent nukleari, b’tali mod li jidher li r-revitalizzazzjoni nukleari hija fatt minkejja eżitazzjoni qasira. Iż-żmien biss se jurina jekk l-UE tistax tnaqqas jew le s-sehem tal-enerġija nukleari fit-taħlita enerġetika, iżda għalissa rridu nsegwu l-istess triq. Għal deċiżjonijiet futuri ta’ politika dwar l-enerġija nukleari jkunu utli opinjonijiet dwar l-ispejjeż tal-operat u tal-konformità tal-eqdem sistemi.

Brussell, is-17 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


Top