Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0580

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran

/* COM/2014/0580 final - 2014/0274 (NLE) */

52014PC0580

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran /* COM/2014/0580 final - 2014/0274 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Il-Ftehim għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XIV tal-kostituzzjoni tal-FAO, kien approvat mill-Konferenza tal-FAO fl-1949 u daħal fis-seħħ fl-1952. L-emendi għal dan il-Ftehim kienu approvati fl-1963, l-1976 u l-1997. Il-Komunità Ewropea ssieħbet mal-FCM fis-16 ta' Ġunju 1998 permezz tad-Deċiżjoni 98/416/KE[1]. L-Istati Membri tal-UE tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed ukoll kienu partijiet għal dan il-Ftehim.

Il-GFCM hija hekk imsejħa Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO), bil-għan li tippromwovi l-iżvilupp, il-konservazzjoni, il-ġestjoni razzjonali u l-aħjar użu tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed.

Emenda tal-Ftehim tal-GFCM kienet imnedija fl-2013 wara li ġiet iffinalizzata reviżjoni tal-prestazzjoni fl-2011, li kkonkludiet li l-Ftehim għandu jiġi emendata biex jiċċara l-objettivi u l-funzjonijiet tal-GFCM, u jsaħħaħ l-effiċjenza tagħha.

Il-Ftehim emendat kien innegozjat mal-Partijiet Kontraenti tal-GFCM. Is-Servizz legali tal-FAO pparteċipa wkoll fid-dibattitu. Il-Kunsill awtorizza l-Kummissjoni tinnegozja f'isem l-Unjoni dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni.. In-negozjati twettqu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni skont l-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom skont it-termini tal-mandat. Matul il-proċess ta' negozjati, l-Istati Membri u l-Kummissjoni kkordinaw b'mod regolari u mill-qrib.

Il-Partijiet Kontraenti għall-GFCM approvaw il-"Ftehim Emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran" fit-38 Sessjoni Annwali tal-GFCM fid-19-24 ta' Mejju 2014.

Il-Ftehim emendat jirrevedi l-istruttura u l-kontenut ta' dak kurrenti, sabiex iġibu konformi mal-istrumenti moderni tal-RFMO. Il-bidliet ewlenin introdotti huma dawn li ġejjin:

– Spjegazzjoni aktar ċara tal-iskop u l-prinċipji sottostanti tal-Ftehim tal-GFCM. Il-Ftehim ġdid jistabbilixxi objettiv ġenerali ċar ta' sostennibbiltà bijoloġika, soċjali, ekonomika u ambjentali tar-riżorsi ħajjin tal-baħar. Dan jintroduċi wkoll definizzjonijiet tat-termini li huma meħtieġa għall-interpretazzjoni korretta tal-Ftehim. Funzjonijiet iddefiniti aħjar tal-GFCM, li jinkludu l-promozzjoni tal-ġestjoni komuni tas-sajd permezz ta' pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali, l-istabbiliment ta' żoni ristretti tas-sajd, u l-ġbir u t-tixrid tad-dejta. F'dan il-kuntest, il-Ftehim il-ġdid jintegra elementi ewlenin tal-Politika Komuni tas-Sajd rigward l-objettiv tar-rendiment massimu sostenibbli, l-approċċ tal-ekosistema u prekawzjonarju, it-tnaqqis tal-iskartar, u l-ġlieda kontra sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat.

– Dispożizzjonijiet għall-istabbiliment ta' miżuri/sanzjonijiet li jindirizzaw in-nuqqas ta' konformità mill-pajjiżi Membri/mhux Membri.

– L-istabbiliment ta' mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim iddefinit sew fil-każ ta' tilwim li jqum bejn il-Partijiet Kontraenti.

Il-Ftehim emendat huwa konformi mal-objettivi ewlenin tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Il-proposta għandha l-għan li tikkonkludi l-Ftehim tal-GFCM emendat f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim emendat fl-anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta se jiġi sottopost għal kontroll legali finali mill-FAO, li għandu jkun finalizzat f'Ottubru 2014. It-test, għalhekk, jista' jkollu xi bidliet, li mhumiex mistennija li jkunu ta' sustanza. Sabiex tevita dewmien mhux meħtieġ fil-konklużjoni tal-Ftehim emendat, il-Kummissjoni tipproċedi għas-sottomissjoni tal-proposta kurrenti. Il-Kummissjoni se tiżgura li t-test validat tal-FAO jkun sottomess lill-Kunsill qabel jibdew id-diskussjonijiet fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill.

Il-Kunsill huwa mitlub jadotta l-proposta malajr kemm jista' jkun wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew.

2014/0274 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[3],

Billi:

(1)       Il-Ftehim għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) kien stabbilit u approvat fil-Ħames Sessjoni tal-Konferenza tal-FAO fl-1949 u daħal fis-seħħ fl-20 ta' Frar 1952.

(2)       Il-Komunità Ewropea saret parti kontraenti għall-GFCM permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (98/416/KE) tas-16 ta' Ġunju 1998 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran[4].

(3)       Bis-saħħa tal-Artikolu 1, it-tielet paragrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet il-Komunità Ewropea.

(4)       Fil-15 ta' Novembru 2013 il-Kunsill awtorizza l-Kummissjoni tinnegozja, f'isem l-Unjoni, emendi għall-Ftehim tal-GFCM dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni.

(5)       In-negozjati twettqu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni skont l-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom skont it-termini tal-mandat u f'koordinazzjoni mill-qrib bejniethom.

(6)       In-negozjati ġew konklużi b'suċċess fil-laqgħa tal-GFCM mid-19 sal-24 ta' Mejju 2014, li approvat b'kunsens test ta' Ftehim emendat.

(7)       L-iskop tal-emenda huwa li timmodernizza l-GFCM u tirrinforza r-rwol tagħha fil-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-qasam tal-kompetenza tagħha.

(8)       L-objettivi, il-prinċipji ġenerali u l-funzjoni tal-GFCM ġew riveduti u mwessgħin biex jiżguraw il-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ambjent tagħhom.

(9)       Il-Ftehim emendat huwa konformi mal-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni, għalhekk, huwa fl-interess tal-Unjoni li tapprovah,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim emendat li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran kif stabbilit fl-Anness huwa hawnhekk konkluż.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna mogħtija s-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni Ewropea, biex tinnotifika lill-FAO dwar l-aċċettazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Ftehim emendat.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ 20 ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 190 , 4.7.1998, p. 34 – 35

[2]               ĠU C , , p. .

[3]               ĠU C , , p. .

[4]               ĠU L 190 , 4.7.1998, p. 34 – 35

ANNESS

FTEHIM EMENDAT GĦALL-ISTABBILIMENT TAL-KUMMISSJONI ĠENERALI GĦAS-SAJD GĦALL-MEDITERRAN

PREAMBOLU

Il-Partijiet Kontraenti,

Filwaqt li jfakkru l-liġi internazzjonali kif inhi riflessa fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982,

Filwaqt li jfakkru wkoll il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna tal-4 ta’ Diċembru 1995, il-Ftehim li jippromwovi l-Konformità mal-Miżuri Internazzjonali ta' Konservazzjoni u Ġestjoni mill-Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Miftuħa tal-24 ta’ Novembru 1993, kif ukoll strumenti internazzjonali oħrajn rilevanti li jikkonċernaw il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar,

Wara li qiesu l-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli adottat mill-Konferenza tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura fit-tmienja u għoxrin sessjoni tagħha fil-31 ta’ Ottubru 1995, u strumenti relatati adottati mill-Konferenza tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura,

Filwaqt li għandhom interess reċiproku fl-iżvilupp u l-użu xieraq tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Iż-Żona ta' Applikazzjoni”),

Filwaqt li jirrikonoxxu l-ispeċifiċitajiet tas-subreġjuni differenti fil-Qasam tal-Applikazzjoni,

Determinati li jiżguraw il-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar fiż-Żona ta' Applikazzjoni,

Filwaqt li jirrikonoxxu l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u nutrizzjonali li ġejjin mill-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fiż-Żona ta' Applikazzjoni,

Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li taħt il-liġi internazzjonali, l-Istati huma meħtieġa jikkoperaw fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-protezzjoni tal-ekosistemi tagħhom,

Filwaqt li jaffermaw li l-akkwakultura responsabbli tnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi ħajjin tal-baħar u għandha rwol importanti fil-promozzjoni u l-użu aħjar tar-riżorsi ħajjin akkwatiċi, inkluż is-sigurtà tal-ikel,

Konxji mill-ħtieġa li jevitaw l-impatti ħżiena fuq l-ambjent tal-baħar, jippreservaw il-bijodiversità u jnaqqsu r-riskju ta' effetti fit-tul jew irriversibbli tal-użu u l-isfruttamenti tar-riżorsi ħajjin tal-baħar,

Konxji li l-konservazzjoni u l-ġestjoni effettivi jridu jkunu bbażati fuq l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli u fuq l-applikazzjoni tal-approċċ prekawzjonarju,

Konxji tal-importanza tal-komunitajiet tas-sajd kostali u tal-ħtieġa li jinvolvu sajjieda u organizzazzjonijiet professjonali rilevanti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet,

Determinati li jikkoperaw b'mod effettiv u jieħdu azzjoni biex jipprevjenu, jevitaw u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat,

Filwaqt li jirrikonoxxu r-rekwiżiti speċjali tal-Istati li qed jiżviluppaw biex jgħinuhom jipparteċipaw b'mod effettiv fil-konservazzjoni, il-ġestjoni u t-tkabbir tar-riżorsi ħajjin tal-baħar,

Konvinti li l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fiż-Żona ta' Applikazzjoni u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar li fihom huma preżenti dawk ir-riżorsi, għandhom rwol importanti fil-kuntest tat-tkabbir marittumu u l-iżvilupp sostenibbli,

Filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li tiġi stabbilita għal dawn l-iskopijiet il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (liema akronomu għandu jkun “GFCM”) fil-qafas tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, skont l-Artikolu XIV tal-Kostituzzjoni tagħha,

Ftehmu dan li ġej:

Artikolu 1 (UŻU TAT-TERMINI)

1. Għall-fini ta' dan il-Ftehim:

(a) "Konvenzjoni tal-1982" tfisser il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982;

(b) "Ftehim tal-1995" tfisser il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna tal-4 ta’ Diċembru 1995;

(c) "akkwakultura" tfisser it-tkabbir ta' riżorsi akkwatiċi ħajjin;

(d)  "Parti Kontraenti" tfisser kwalunkwe Stat u organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali inklużi fil-Kummissjoni skont l-Artikolu 4;

(e) "Parti Mhux Kontraenti li Tikkopera" tfisser Membru jew Membru Assoċjat tal-Organizzazzjoni u Stati mhux membri bħal dawn bħalma huma membri tan-Nazzjonijiet Uniti jew kwalunkwe mill-Aġenziji Speċjalizzati tagħha mhux formalment assoċjati bħala Parti Kontraenti mal-Kummissjoni li jirrispettaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 8(b);

(f) "sajd" tfisser it-tfittxija għal, l-attirar, is-sejba, il-qbid, it-teħid jew il-ħsad ta' riżorsi ħajjin tal-baħar jew kwalunkwe attività li hija raġonevolment mistennija li tirriżulta fl-attirar, is-sejba, il-qbid, it-teħid jew il-ħsad ta' riżorsi ħajjin tal-baħar;

(g) "kapaċità tas-sajd" tfisser l-ammont massimu ta' ħut li jista' jittieħed fis-sajd jew minn unità waħda tas-sajd (eż. sajjied, komunità, bastiment jew flotta) fuq perjodu ta' żmien (eż. staġun, sena), skont il-bijomassa u l-istruttura tal-etajiet tal-istokk tal-ħut u l-istat kurrenti tat-teknoloġija, fin-nuqqas ta' kwalunkwe limitazzjonijiet tal-qbid regolati u jekk il-mezzi disponibbli jintużaw kollha;

(h) "sforz tas-sajd" tfisser l-ammont ta' tagħmir tas-sajd ta' tip speċifiku użat fuq il-postijiet tas-sajd f'ċertu unità ta' ħin (eż. sigħat ta' sajd tat-tkarkir kuljum, numru ta' snanar użati fil-ġurnata jew numru ta' drabi li jinġibdu x-xbieki tax-xatt kuljum). Meta jintużaw żewġ tipi jew iżjed ta' tagħmir, l-isforzi rispettivi għandhom ikunu aġġustati għal ċertu tip ta' standard qabel ma jiġu miżjuda;

(i) "attivitajiet relatati mas-sajd" tfisser kwalunkwe operazzjoni li tappoġġja, jew għall-preparazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd, inkluż l-iżbark, l-imballaġġ, l-ipproċessar, it-trasbord jew it-trasport tal-ħut, kif ukoll il-provvista ta' persunal, karburanti, tagħmir u provvisti oħra;

(j) "sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat" tirreferi għall-attivitajiet stabbiliti fil-paragrafu 3 tal-Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali tal-FAO tal-2001 għall-Prevenzjoni, l-Iskoraġġiment u l-Eliminazzjoni tas-Sajd Illegali, Mhux Rapportat u Mhux Regolat;

(k) "rendiment massimu sostenibbli" tfisser l-ogħla rendiment ta' ekwilibriju teoretiku li jista' jittieħed b'mod kontinwu (bħala medja) minn stokk taħt il-kundizzjonijiet ambjentali (medji) eżistenti mingħajr ma jiġi affettwat il-proċess ta' riproduzzjoni;

(l) "stokkijiet ta' ħut transżonali" tfisser stokkijiet li jseħħu kemm fiż-żoni ekonomiċi esklussivi kif ukoll f'żoni lil hinn u biswit iż-żoni ekonomiċi esklussivi;

(m) "bastiment" tfisser kwalunkwe bastiment, vapur ta' tip ieħor jew dagħjsa użata, mgħammra biex tintuża, jew maħsuba biex tintuża għas-sajd jew attivitajiet relatati mas-sajd.

Artikolu 2 (OBJETTIV)

1. Il-Partijiet Kontraenti hawnhekk jistabbilixxu fil-qafas tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Organizzazzjoni"), Kummissjoni li se tkun magħrufa bħala l-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Kummissjoni"), għat-twettiq tal-funzjonijiet u l-kwittanza tar-responsabbiltajiet stabbiliti f'dan il-Ftehim.

2. L-objettiv tal-Ftehim huwa li jiżgura l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli, fil-livell bijoloġiku, soċjali, ekonomiku u ambjentali, tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fiż-Żona ta' Applikazzjoni.

3. Il-Kwartieri Ġenerali tal-Kummissjoni għandhom ikunu f'Ruma, l-Italja.

Artikolu 3 (ŻONA TA' APPLIKAZZJONI)

1. Iż-Żona ġeografika ta' Applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tinkludi l-ilmijiet kollha tal-Baħar Mediterran u tal-Baħar l-Iswed.

2. Xejn f'dan il-Ftehim, lanqas fi kwalunkwe att jew attività mwettqa skont dan il-Ftehim, ma għandu jikkostitwixxi rikonoxximent tal-pretensjonijiet jew tal-pożizzjonijiet ta' kwalunkwe Parti Kontraenti li jikkonċernaw l-istat legali u l-estent tal-ilmijiet u ż-żoni minn kwalunkwe Parti Kontraenti bħal din.

Artikolu 4 (SĦUBIJA)

1. Is-sħubija fil-Kummissjoni għandha tkun miftuħa għal tali Membri u Membri Assoċjati tal-Organizzazzjoni u tali Stati mhux membri bħalma huma l-membri tan-Nazzjonijiet Uniti, kwalunkwe mill-Aġenziji Speċjalizzati tagħha,

(a) li huma:

(i) Stati jew Membri Assoċjati kostali li jinsabu kompletament jew parzjalment fiż-Żona ta' Applikazzjoni;

(ii) Stati jew Membri Assoċjati li l-bastimenti tagħhom huma impenjati fis-sajd, jew maħsuba biex iwettqu s-sajd, fiż-Żona ta' Applikazzjoni għall-istokkijiet koperti minn dan il-Ftehim; jew

(iii) organizzazzjonijiet għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li kwalunkwe Stat imsemmi fis-subparagrafi (i), jew (ii) hawn fuq huwa membru tagħhom u li lilhom ittrasferixxa l-kompetenza fuq kwistjonijiet fl-ambitu ta' dan il-Ftehim;

(b) u li jaċċettaw dan il-Ftehim skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 hawn taħt.

2. Għall-fini ta' dan il-Ftehim, it-terminu “li l-bastimenti tiegħu” fir-rigward ta' organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti tfisser bastimenti ta' Stat membru ta' tali organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti.

Artikolu 5 (PRINĊIPJI ĠENERALI)

Fit-twettiq tal-objettiv ta' dan il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha:

(a) tadotta rakkomandazzjonijiet dwar miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni li għandhom l-għan li jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-attivitajiet tas-sajd, sabiex jippreservaw ir-riżorsi ħajjin tal-baħar, il-vijabbiltà ekonomika u soċjali tas-sajd u l-akkwakultura; fl-adozzjoni ta' rakkomandazzjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikulari lill-miżuri għall-prevenzjoni tas-sajd eċċessiv u t-tnaqqis tal-iskartar. Il-Kummissjoni għandha wkoll tagħti attenzjoni partikolari lill-impatt potenzjonali fuq is-sajd artiġjanali u l-komunitajiet lokali;

(b) tifformula, skont l-Artikolu 8(b) miżuri xierqa bbażati fuq l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, b'kont meħud tal-fatturi ambjentali, ekonomiċi u soċjali rilevanti;

(c) tapplika l-approċċ prekawzjonarju skont il-Ftehim tal-1995 u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO għas-Sajd Responsabbli;

(d) tqis l-akkwakultura, inkluż is-sajd ibbażat fuq il-kulturi, bħala mezz għall-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tad-dħul u d-dieta u permezz ta' dan tiżgura li r-riżorsi ħajjin tal-baħar jintużaw b'mod responsabbli, id-diversità ġenetika tiġi konservata u l-impatti ħżiena fuq l-ambjent u l-komunitajiet lokali jitnaqqsu;

(e) trawwem, kif xieraq, approċċ subreġjonali lejn il-ġestjoni tas-sajd u l-iżvilupp tal-akkwakultura sabiex tindirizza aħjar l-ispeċifiċitajiet tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed;

(f) tieħu miżuri xierqa biex tiżgura l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tagħha sabiex jiġu evitati u eliminati attivitajiet ta' sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat;

(g) tippromwovi t-trasparenza fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tagħha u attivitajiet oħra; u

(h) twettaq tali attivitajiet rilevanti oħra skont kif meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tikseb il-prinċipji tagħha kif iddefiniti hawn fuq.

Artikolu 6 (IL-KUMMISSJONI)

1. Kull Parti Kontraenti għandha tkun irrappreżentata fis-sessjonijiet tal-Kummissjoni minn delegat wieħed, li jista' jkun akkumpanjat minn delegat alternattiv u minn esperti u konsulenti. Il-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni minn delegati supplenti, esperti, u konsulenti ma għandhiex tinvolvi d-dritt għall-vot, ħlief fil-każ ta' delegat supplenti li qed jaġixxi f'isem delegat matul l-assenza tiegħu.

2. Soġġett għall-paragrafu 3, kull Parti Kontraenti għandu jkollha vot wieħed. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jittieħdu permezz tal-maġġoranza tal-voti mogħtija, ħlief jekk ikun stipulat mod ieħor minn dan il-Ftehim. Maġġoranza tas-sħubija totali tal-Kummissjoni għandha tikkostitwixxi kworum.

3. Organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni għandha tkun intitolata teżerċita fi kwalunkwe laqgħa tal-Kummissjoni jew ta' kwalunkwe korp sussidjarju tal-Kummissjoni numru ta' voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma intitolati biex jivvotaw f'laqgħa bħal din.

4. Organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni għandha teżerċita d-drittijiet tas-sħubija tagħha mal-Istati membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għall-Kummissjoni fl-oqsma tal-kompetenza rispettivi tagħhom. Kull meta organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni teżerċita d-dritt tagħha li tivvota, l-Istati membri tagħha ma għandhomx jeżerċitaw id-dritt tagħhom, u viċe versa.

5. Kwalunkwe Parti Kontraenti għall-Kummissjoni tista' titlob lill-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni jew l-Istati membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għall-Kummissjoni jipprovdu informazzjoni dwar liema fosthom, jiġifieri bejn l-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti u l-Istati membri tagħhom, għandu l-kompetenza fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni speċifika. L-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali jew l-Istati membri tagħha kkonċernati għandhom jipprovdu din l-informazzjoni malli jirċievu talba bħal din.

6. Qabel kwalunkwe laqgħa tal-Kummissjoni jew korp sussidjarju tal-Kummissjoni, organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni, jew l-Istati membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għall-Kummissjoni għandhom jindikaw liema fosthom, jiġifieri bejn l-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti u l-Istati membri tagħha, għandu l-kompetenza fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni speċifika li trid tiġi kkunsidrata fil-laqgħa u liema fosthom, jiġifieri bejn l-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali u l-Istati membri tagħha, għandu jeżerċita d-dritt tal-vot fir-rigward ta' kwalunkwe punt partikolari tal-aġenda. Xejn f'dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni jew l-Istati membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għall-Kummissjoni milli jagħmlu dikjarazzjoni unika għall-fini ta' dan il-paragrafu, liema dikjarazzjoni għandha tibqa' fis-seħħ għal kwistjonijiet u punti tal-aġenda li jridu jitqiesu fil-laqgħat kollha sussegwenti soġġetti għal tali eċċezzjonijiet jew modifiki li jistgħu jkunu indikati qabel kwalunkwe laqgħa individwali.

7. Fil-każijiet fejn punt tal-aġenda jkopri kemm kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom il-kompetenza ġiet ittrasferita lill-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali kif ukoll kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati membri tagħha, kemm l-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali kif ukoll l-Istati membri tagħha jistgħu jipparteċipaw fid-diskussjonijiet. F'każijiet bħal dawn, sabiex il-laqgħa tasal għad-deċiżjonijiet tagħha, għandha tqis biss l-intervent tal-Parti Kontraenti li għandha d-dritt tal-vot.

8. Sabiex jiġi determinat kworum ta' kwalunkwe laqgħa tal-Kummissjoni, id-delegazzjoni ta' organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni għandha tingħadd sal-punt li hija intitolata għall-vot fil-laqgħa li fir-rigward tagħha qed jintalab kworum.

9. Il-prinċipju tal-kosteffettività għandu japplika għall-frekwenza, id-dewmien u l-iskedar tas-sessjonijiet u laqgħat u attivitajiet oħra li jsiru taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni.

Artikolu 7 (L-UFFIĊĊJU)

Il-Kummissjoni għandha teleġġi President u żewġ Viċi-Presidenti permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi. It-tlieta għandhom jikkostitwixxu l-Uffiċċju tal-Kummissjoni li se jopera skont it-termini ta' referenza stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura.

Artikolu 8 (IL-FUNZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI)

Skont l-objettivi u l-prinċipji ġenerali tagħha, il-Kummissjoni għandha teżerċita l-funzjonijiet li ġejjin:

(a) tirrevedi u tivvaluta b'mod regolari l-istat tar-riżorsi ħajjin tal-baħar;

(b) tifformula u tirrakkomanda, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13, miżuri xierqa, inkluż:

(i) għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar li jinsabu fiż-Żona ta' Applikazzjoni;

(ii) għat-tnaqqis tal-impatti tal-attivitajiet tas-sajd fuq ir-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ekosistemi tagħhom;

(iii) għall-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali applikati fit-totalità tas-subreġjuni rilevanti bbażati fuq approċċ ta' ekosistema għas-sajd biex jiggarantixxu ż-żamma tal-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, u konsistenti mal-azzjonijiet diġà meħudin fil-livell nazzjonali;

(iv) għall-istabbiliment ta' żoni ristretti għas-sajd għall-protezzjoni ta' ekosistemi tal-baħar vulnerabbli, inklużi iżda mhux limitati għal żoni tat-tkabbir u tar-riproduzzjoni, flimkien ma' xi miżuri simili li jistgħu jkunu diġà inklużi fil-pjanijiet ta' ġestjoni, inkella biex jikkumplimentaw hom;

(v) sabiex jiġi żgurat, jekk possibbli permezz ta' mezzi elettroniċi, il-ġbir, is-sottomissjoni, il-verifika, il-ħażna u t-tixrid tad-dejta u informazzjoni, konsistenti mal-politiki u r-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità tad-dejta rilevanti;

(vi) għat-teħid ta' azzjoni għall-prevenzjoni, l-evitar u l-eliminazzjoni ta' sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat, inkluż mekkaniżmi għall-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza effettivi;

(vii) għas-soluzzjoni ta' sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità, inkluż permezz ta' sistema xierqa ta' miżuri. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi din is-sistema ta' miżuri u l-mod kif timplimentahom fir-Regoli ta' Proċedura tagħha;

(c) tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura;

(d) tirrevedi b'mod regolari l-aspetti soċjoekonomiċi tal-industrija tas-sajd, inkluż permezz tal-kisba u l-evalwazzjoni ta' dejta u informazzjoni ekonomika u oħra rilevanti għax-xogħol tal-Kummissjoni;

(e) tippromwovi l-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali u r-riżorsi umani, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u attivitajiet vokazzjonali fl-oqsma ta' kompetenza tal-Kummissjoni;

(f) ittejjeb il-komunikazzjoni u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili li tikkonċerna l-akkwakultura u s-sajd;

(g) tinkoraġġixxi, tirrakkomanda, tikkordina u twettaq attivitajiet ta' riċerka u żvilupp, inkluż proġetti kooperattivi fl-oqsma tas-sajd u l-protezzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar;

(h) tadotta u temenda, permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tas-sħubija tagħha, ir-Regoli ta' Proċeduri u r-Regolamenti Finanzjarji tagħha, kif ukoll regolamenti amministrattivi interni oħra, meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha;

(i) tapprova l-baġit u l-programm ta' ħidma tagħha u teżerċita kwalunkwe funzjoni oħra meħtieġa biex tikseb l-objettiv ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 9 (IL-KORPI SUSSIDJARJI TAL-KUMMISSJONI)

1. Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi, skont kif meħtieġ, korpi sussidjarji temporanji, speċjali jew permanenti biex jistudjaw u jirrapportaw dwar kwistjonijiet relatati mal-iskopijiet tal-Kummissjoni, kif ukoll gruppi ta' ħidma biex jistudjaw u jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar problemi tekniċi speċifiċi. Il-mandat ta' korpi sussidjarji stabbiliti għandu jkun stabbilit fir-Regoli ta' Proċedura billi jqis il-ħtieġa għal approċċ subreġjonali. Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi wkoll mekkaniżmi speċifiċi għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed li se jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa tal-Istati kollha riparji, skont l-istat tagħhom fil-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet kollha relatati mal-ġestjoni tas-sajd.

2. Il-korpi sussidjarji u l-gruppi ta' ħidma msemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom jitlaqqgħu mill-President tal-Kummissjoni f'tali ħinijiet u postijiet iddeterminati mill-Presidenti f'konsultazzjoni mad-Direttur-Ġenerali tal-Organizzazzjoni, kif xieraq.

3. L-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-korpi sussidjarji u l-gruppi ta' ħidma msemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-fondi meħtieġa u, qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tinvolvi l-infiq, il-Kummissjoni għandha tiġi ppreżentata b'rapport mis-Segretarju Eżekuttiv dwar l-implikazzjonijiet amministrattivi u finanzjarji.

4. Kull Parti Kontraenti għandha tkun intitolata taħtar rappreżentant wieħed lil kwalunkwe korp sussidjarju u gruppi ta' ħidma li fis-sessjonijiet jistgħu jkunu akkumpanjati minn rappreżentanti supplenti, esperti u konsulenti.

5. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni disponibbli rilevanti għall-funzjonament ta' kull korp sussidjarju u grupp ta' ħidma f'tali mod li jippermettihom jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom.

Artikolu 10 (IS-SEGRETARJAT)

1. Is-Segretarjat għandu jkun magħmul mis-Segretarju Eżekuttiv u persunal bħal dan li jservi lill-Kummissjoni. Is-Segretarju Eżekuttiv u l-persunal tas-Segretarjat għandhom ikunu maħtura u kkontrollati skont it-termini, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fil-Manwal Amministrattiv, ir-Regolamenti tal-Persunal u r-Regoli tal-Persunal tal-Organizzazzjoni, kif japplikaw ġeneralment għal membri oħra tal-persunal tal-Organizzazzjoni

2. Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni għandu jkun maħtur mid-Direttur Ġenerali bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jew fil-każ ta' ħatra bejn sessjonijiet regolari tal-Kummissjoni, bl-approvazzjoni tal-Partijiet Kontraenti.

3. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-Kummissjoni u għandu jirrapporta dwarhom lill-Kummissjoni, skont it-termini ta' referenza stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jaġixxi wkoll bħala Segretarju Eżekuttiv għal korpi sussidjarji oħra stabbiliti mill-Kummissjoni, kif meħtieġ.

Artikolu 11 (ARRANĠAMENTI FINANZJARJI)

1. F'kull sessjoni regolari l-Kummissjoni għandha tadotta l-baġit awtonomu tagħha għal tliet snin, li jista' jiġi rivedut fuq bażi annwali fis-sessjonijiet regolari. Il-baġit se jiġi adottat b'kunsens tal-Partijiet Kontraenti tagħha, sakemm, madankollu, jekk wara li jkun sar kull sforz ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens matul dik is-sessjoni, il-kwistjoni tiġi vvutata u l-baġit għandu jiġi adottat minn maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti tagħha.

2. Kull Parti Kontraenti għandha tikkontribwixxi kull sena s-sehem tagħha tal-baġit awtonomu abbażi tal-iskala ta' kontribuzzjonijiet iddeterminata skont skema li l-Kummissjoni għandha tadotta jew temenda b'kunsens. L-iskema għandha tkun stabbilita fir-Regolamenti Finanzjarji.

3. Kwalunkwe stat mhux membru tal-Organizzazzjoni li jsir Parti Kontraenti għandu jkun meħtieġ jagħmel kontribuzzjoni bħal din lejn l-ispejjeż tal-Organizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tal-Kummissjoni skont kif tiddetermina l-Kummissjoni.

4. Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu pagabbli f'muniti konvertibbli faċilment sakemm ma jkunx iddeterminat mod ieħor mill-Kummissjoni bil-qbil tad-Direttur-Ġenerali tal-Organizzazzjoni.

5. Il-Kummissjoni tista' taċċetta donazzjonijiet u forom oħra ta' għajnuna minn organizzazzjonijiet, individwi u sorsi oħra għal skopijiet marbuta mas-sodisfazzjon ta' kwalunkwe mill-funzjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni tista' taċċetta wkoll kontribuzzjonijiet volontarji b'mod ġenerali jew b'rabta ma' proġetti jew attivitajiet speċifiċi tal-Kummissjoni li għandhom jitwettqu mis-Segretarjat. Kontribuzzjonijiet volontarji, donazzjonijiet u forom oħra ta' għajnuna riċevuti għandhom jitħallsu f'fond fiduċjarju li għandu jkun stabbilit u amministrat mill-Organizzazzjoni f'konformità mar-Regolamenti u r-Regoli Finanzjarji tal-Organizzazzjoni.

6. Parti Kontraenti li għandha l-arretrati fil-pagamenti tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħha lill-Kummissjoni ma għandhiex ikollha vot fil-Kummissjoni jekk l-ammont tal-arretrati tagħha huwa ugwali għal jew jaqbeż l-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovuti minnha għas-sentejn kalendarji preċedenti. Il-Kummissjoni tista', madankollu, tippermetti lil tali Parti Kontraenti tivvota jekk din tkun sodisfatta li n-nuqqas li tħallas kien minħabba kundizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-Parti Kontraenti iżda fl-edba każ ma għandha testendi d-dritt għall-vot lil hinn minn sentejn kalendarji oħra.

Artikolu 12 (SPEJJEŻ)

1. L-ispejjeż tas-Segretarjat, inkluż il-pubblikazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet u l-ispejjeż li jkunu saru mill-President u l-Viċi-Presidenti tal-Kummissjoni, matul it-twettiq tad-doveri tagħhom f'isem il-Kummissjoni bejn is-sessjonijiet tal-Kummissjoni, għandhom ikunu ddeterminati u mħallsa mill-baġit tal-Kummissjoni.

2. L-ispejjeż tal-proġetti ta' riċerka u żvilupp imwettqa minn Partijiet Kontraenti individwali, irrispettivament minn jekk jitwettqux b'mod indipendenti jew fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għandhom ikunu ddeterminati u mħallsa mill-Partijiet Kontraenti konċernati.

3. L-ispejjeż marbuta mal-proġetti ta' riċerka jew żvilupp kooperattivi mwettqa, sakemm ma jkunux disponibbli f'mod ieħor, għandhom ikunu ddeterminati u mħallsa mill-Partijiet Kontraenti fil-forma u l-proporzjon li se jaqblu b'mod reċiproku dwarhom.

4. L-ispejjeż tal-esperti mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-Kummissjoni u l-korpi sussidjarji tagħha fil-kapaċità individwali tagħhom għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Kummissjoni.

5. L-ispejjeż tal-Kummissjoni għandhom jitħallsu mill-baġit awtonomu tagħha ħlief dawk relatati ma' tali persunal u faċilitajiet li jistgħu jitpoġġew għad-disponibbiltà mill-Organizzazzjoni. L-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-Organizzazzjoni għandhom ikunu ddeterminati u mħallsa fil-limiti tal-baġit biennali ppreparat mid-Direttur-Ġenerali u approvat mill-Kummissjoni tal-Organizzazzjoni skont ir-Regolamenti u r-Regoli Finanzjarji tal-Organizzazzjoni.

6. L-ispejjeż tad-delegati, is-supplenti tagħhom, l-esperti u l-konsulenti meta jattendu, bħala rappreżentanti tal-gvern, sessjonijiet tal-Kummissjoni u l-korpi sussidjarji tagħha, kif ukoll l-ispejjeż tal-osservaturi fis-sessjonijiet, għandhom jitħallsu mill-gvernijiet jew l-organizzazzjonijiet rispettivi. Bħala rikonoxximent tar-rekwiżiti speċjali tal-Partijiet Kontraenti ta' Stati fil-fażi tal-iżvilupp, skont l-Artikolu 17 u soġġett għad-disponibbiltà tal-fondi, l-ispejjeż jistgħu jitħallsu mill-baġit tal-Kummissjoni.

Artikolu 13 (TEĦID TA' DEĊIŻJONIJIET)

1. Ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl- Artikolu 8(b), għandhom ikunu adottati permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti tal-Kummissjoni li jkunu preżenti u qed jivvotaw. It-test ta' tali rakkomandazzjonijiet għandu jkun ikkomunikat mis-Segretarju Eżekuttiv lil kull Parti Kontraenti, Parti Mhux Kontraenti li qed tikkopera u Parti Mhux Kontraenti rilevanti.

2. Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, il-Partijiet Kontraenti tal-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom biex jagħtu effett lil kwalunkwe rakkomandazzjonijiet adottati taħt l- Artikolu 8(b), mid-data ddeterminata mill-Kummissjoni, li mhux se tkun qabel ma jkun skada l-perjodu għal oġġezzjoni stipulat f'dan l-Artikolu.

3. Kwalunkwe Parti Kontraenti tal-Kummissjoni tista' fi żmien mija u għoxrin ġurnata mid-data ta' notifika ta' rakkomandazzjoni toġġezzjona għaliha u f'dak il-każ ma għandhiex tkun obbligata tagħti effett lir-rakkomandazzjoni. L-oġġezzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni bil-miktub tar-raġunijiet għall-oġġezzjoni, u fejn xieraq, proposti għal miżuri alternattivi. Fil-każ ta' oġġezzjoni li ssir fil-perjodu ta' mija u għoxrin ġurnata kwalunkwe Parti Kontraenti oħra tista' toġġezzjona fl-istess mod fi kwalunkwe ħin fi żmien perjodu ieħor ta' sittin ġurnata. Parti Kontraenti tista' wkoll fi kwalunkwe ħin tirtira l-oġġezzjoni tagħha u tagħti effett lir-rakkomandazzjoni.

4. Jekk l-oġġezzjonijiet għal rakkomandazzjoni jsiru minn aktar minn terz tal-Partijiet Kontraenti tal-Kummissjoni, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom jinħelsu minnufih minn kwalunkwe obbligu li jagħtu effett lil dik ir-rakkomandazzjoni; madankollu, kwalunkwe minnhom jew kollha kemm huma jistgħu jaqblu bejniethom biex jagħtuha effett.

5. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jinnotifika minnufih lil kull Parti Kontraenti mar-riċeviment ta' kull oġġezzjoni jew irtirar ta' oġġezzjoni.

6. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta meħtieġ minn Parti Kontraenti skont kif iddeterminat mis-Segretarju Eżekuttiv f'konsultazzjoni mal-President, jekk kwistjonijiet urġenti jeħtieġu l-Partijiet Kontraenti jieħdu deċiżjonijiet bejn is-sessjonijiet tal-Kummissjoni jista' jintuża kwalunkwe mezz rapidu ta' komunikazzjoni, inkluż mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi, għat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward ta' kwistjonijiet proċedurali u amministrattivi tal-Kummissjoni biss, inkluż kwalunkwe mill-korpi sussidjarji tagħha, ħlief għal kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni u l-adozzjoni ta' emendi għall-Ftehim jew ir-Regoli ta' Proċedura tagħha.

Artikolu 14 (OBBLIGI RELATATI MAL-IMPLIMENTAZZJONI TA' DEĊIŻJONIJIET MILL-PARTIJIET KONTRAENTI)

1. Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, il-Partijiet Kontraenti tal-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom biex jagħtu effett lil kwalunkwe rakkommandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(b), mid-data ddeterminata mill-Kummissjoni, li ma għandhiex tkun qabel ma jkun skada l-perjodu għal oġġezzjoni stipulat fl-Artikolu 13.

2. Kull Parti Kontraenti għandha tittrasponi, kif xieraq, ir-rakkomandazzjonijiet adottati fil-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti jew l-istrumenti legali xierqa tal-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali. Dawn għandhom jirrapportaw annwalment lill-Kummissjoni u jindikaw kif implimentaw u/jew ittrasponew ir-rakkomandazzjonijiet, inkluż jipprovdu tali dokumenti leġiżlattivi rilevanti marbuta ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet skont kif teħtieġ il-Kummissjoni u informazzjoni dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tas-sajd tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tuża din l-informazzjoni biex tivvaluta jekk ir-rakkomandazzjonijiet humiex implimentati b'mod uniformi.

3. Kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri u tikkopera biex tiżgura li d-doveri tagħha bħala Stat tal-bandiera u Stat tal-port huma ssodisfati skont l-istrumenti internazzjonali rilevanti li għalihom hija parti u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni.

4. Il-Kummissjoni, permezz ta' proċess li jwassal għall-identifikazzjoni tal-każijiet ta' nuqqas ta' konformità, se tindirizza l-Partijiet Kontraenti li jonqsu milli jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni bil-għan li ssolvi is-sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità.

5. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi permezz tar-Regoli ta' Proċeduri tagħha miżuri xierqa li jistgħu jittieħdu mill-Kummissjoni meta l-Partijiet Kontraenti jkunu ilhom jonqsu milli jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tagħha f'mod mhux ġustifikat.

Artikolu 15 (OSSERVATURI)

1. Skont ir-Regoli tal-Organizzazzjoni, il-Kummissjoni tista' tistieden jew, fuq talba tagħhom, tippermetti fil-kapaċità ta' osservatur organizzazzjonijiet governattivi reġjonali jew internazzjonali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi reġjonali jew internazzjonali jew oħrajn, inkluż mis-settur privat, li għandhom interessi u objettivi komuni ma' dawk tal-Kummissjoni jew liema attivitajiet huma pertinenti għall-ħidma tal-Kummissjoni jew tal-korpi sussidjarji tagħha.

2. Kwalunkwe membru jew membru assoċjat tal-Organizzazzjoni li mhuwiex Parti Kontraenti jista', fuq talba tiegħu, ikun mistieden bħala osservatur f'sessjonijiet tal-Kummissjoni u l-korpi sussidjarji tagħha. Dan jista' jissottometti memoranda u jipparteċipa mingħajr vot fid-diskussjonijiet.

Artikolu 16 (KOOPERAZZJONI MA' ORGANIZZAZZJONIJIET U ISTITUZZJONIJIET OĦRA)

1. Il-Kummissjoni għandha tikkopera ma' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali oħra fi kwistjonijiet ta' interess reċiproku.

2. Il-Kummissjoni għandha tfittex li tagħmel arranġamenti xierqa għal konsultazzjoni, kooperazzjoni u kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet oħra rilevanti, inkluż tidħol f'memoranda ta' qbil u ftehimiet ta' sħubija.

Artikolu 17 (RIKONOXXIMENT TAR-REKWIŻITI SPEĊJALI TAL-PARTIJIET KONTRAENTI LI HUMA STATI FIL-FAŻI TAL-IŻVILUPP).

1. Il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi bi sħiħ ir-rekwiżiti speċjali tal-Partijiet Kontraenti li huma Stati fil-fażi tal-iżvilupp għal dan il-Ftehim, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-Ftehim tal-1995.

2. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jikkoperaw jew direttament jew permezz tal-Kummissjoni għall-iskopijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim u jagħtu għajnuna għall-ħtiġijiet identifikati.

Artikolu 18 (PARTIJIET MHUX KONTRAENTI)

1. Il-Kummissjoni, permezz tas-Segretarjat, tista' tistieden Partijiet mhux Kontraenti li l-bastimenti tagħhom huma impenjati fis-sajd fiż-Żona ta' Applikazzjoni, b'referenza partikolari għall-Istati kostali, biex jikkoperaw bi sħiħ fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha, inkluż billi jsiru Partijiet mhux Kontraenti li jikkoperaw. Il-Kummissjoni tista' taċċetta b'kunsens tal-Partijiet Kontraenti tagħha kwalunkwe applikazzjoni biex jingħata l-istat ta' Parti mhux Kontraenti li tikkopera sakemm, madankollu, jekk wara li jkun sar kull sforz, ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens, dik il-kwistjoni tiġi vvutata u l-istat ta' Parti mhux Kontraenti li tikkopera jingħata permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti tagħha

2. Il-Kummissjoni, permezz tas-Segretarjat, għandha tiskambja informazzjoni fir-rigward tal-bastimenti impenjati fis-sajd jew attivitajiet relatati mas-sajd fiż-Żona tal-Ftehim li qed itajru l-bnadar ta' Partijiet mhux Kontraenti għal dan il-Ftehim u tidentifika u tindirizza, kif xieraq, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta' sanzjonijiet konsistenti mal-liġi internazzjonali li għandhom ikunu ddefiniti fir-Regoli ta' Proċedura, każijiet ta' attivitajiet ta' Partijiet mhux Kontraenti li jaffettwaw ħażin l-objettiv tal-Ftehim. Is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu miżuri mhux diskriminatorji relatati mas-suq.

3. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri konsistenti mal-liġi internazzjonali u ma' dan il-Ftehim, biex tiddetermina l-attivitajiet ta' tali bastimenti li jaffettwaw ħażin l-effettività tar-rakkomandazzjonijiet applikabbli, u għandha tirrapporta b'mod regolari kwalunkwe azzjoni meħuda b'reazzjoni għas-sajd jew attivitajiet relatati mas-sajd fiż-Żona tal-Ftehim minn Partijiet mhux Kontraenti.

4. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni ta' kwalunkwe Parti mhux Kontraenti għal kwalunkwe attività li fl-opinjoni ta' kwalunkwe Parti Kontraenti taffettwa ħażin l-implimentazzjoni tal-objettiv tal-Ftehim.

Artikolu 19 (SOLUZZJONI TA' TILWIM DWAR L-INTERPRETAZZJONI U L-APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM)

1. Fil-każ ta' tilwim bejn żewġ Partijiet Kontraenti jew iżjed li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet ikkonċernati għandhom jikkonsultaw ma' xulxin bil-għan li jfittxu soluzzjonijiet permezz ta' negozjati, medjazzjoni, inkjesta jew kwalunkwe mezz ieħor paċifiku tal-għażla tagħhom.

2. Jekk il-partijiet ikkonċernati ma jistgħux jilħqu ftehim skont l-Artikolu 19.1 dawn jistgħu b'mod konġunt jirreferu l-kwistjoni lil kumitat magħmul minn rappreżentant wieħed maħtur minn waħda mill-partijiet għat-tilwim, flimkien mal-President tal-Kummissjoni. Is-sejbiet ta' tali kumitat, filwaqt li mhux ta' karattru vinkolanti, għandhom jikkostitwixxu l-bażi għal kunsiderazzjoni mill-ġdid mill-Partijiet Kontraenti kkonċernati tal-kwistjoni li minnha qam it-tilwim.

3. Kwalunkwe tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim li ma jiġix solvut skont l-Artikoli 19.1 u 19.2 jista', bil-kunsens f'kull każ tal-partijiet kollha għat-tilwim, jiġi riferut għal soluzzjoni lill-arbitraġġ. Ir-riżultati tal-proċedura tal-arbitraġġ għandhom ikunu vinkolanti fuq il-partijiet.

4. Fil-każijiet fejn it-tilwim huwa riferut lill-arbitraġġ, it-tribunal tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul kif stipulat fl-Anness għal dan il-Ftehim. L-Anness jifforma parti integrali għal dan il-Ftehim.

Artikolu 20 (IR-RELAZZJONI MA' FTEHIMIET OĦRA)

Referenzi f'dan il-Ftehim għall-Konvenzjoni tal-1982 jew għal kwalunkwe ftehimiet internazzjonali oħra, ma jippreġudikawx il-pożizzjoni ta' kwalunkwe Stat fir-rigward tal-firma, ir-rattifika, jew l-adeżjoni għall-Konvenzjoni tal-1982 jew fir-rigward ta' kwalunkwe ftehimiet oħra, lanqas id-drittijiet, il-ġurisdizzjoni u d-doveri tal-Partijiet Kontraenti taħt il-Konvenzjoni tal-1982 jew tal-Ftehim tal-1995.

Artikolu 21 (IL-LINGWI UFFIĊJALI TAL-KUMMISSJONI)

Il-lingwi uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom ikunu t-tali lingwi uffiċjali tal-Organizzazzjoni li l-Kummissjoni stess tiddeċiedi. Id-delegazzjonijiet jistgħu jużaw kwalunkwe waħda minn dawn il-lingwi fis-sessjonijiet u għar-rapporti u l-komunikazzjonijiet tagħhom. L-użu tal-lingwi uffiċjali għall-interpretazzjoni simultanja u t-traduzzjoni tad-dokumenti fis-sessjonijiet statutorji tal-Kummissjoni għandu jkun speċifikat fir-Regoli ta' Proċedura.

Artikolu 22 (EMENDI)

1. Il-Kummissjoni tista' temenda dan il-Ftehim permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti kollha. Soġġett għall-paragrafu 2 hawn taħt, l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni.

2. L-emendi li jinvolvu obbligi ġodda għall-Partijiet Kontraenti għandhom jidħlu fis-seħħ wara l-aċċettazzjoni minn żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti u fir-rigward ta' kull Parti Kontraenti biss meta dik il-Parti Kontraenti taċċettahom. L-istrumenti tal-aċċettazzjoni tal-emendi li jinvolvu obbligi ġodda għandhom ikunu ddepożitati mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni li għandu jinforma l-Membri kollha tal-Organizzazzjoni, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tar-riċeviment tal-aċċettazzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' emendi bħal dawn. Id-drittijiet u l-obbligi ta' kull Parti Kontraenti li ma tkunx aċċettat emenda li tinvolvi obbligi addizzjonali għandhom ikomplu jkunu kkontrollati bid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim skont kif kienu qabel l-emenda.

3. L-emendi għal dan il-Ftehim għandhom ikunu rrapportati lill-Kunsill tal-Organizzazzjoni li għandu jkollu s-setgħa li ma jippermettix kwalunkwe emenda li jidhirlu li hija inkonsistenti mal-objettivi u l-iskopijiet tal-Organizzazzjoni jew id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni. Jekk il-Kunsill tal-Organizzazzjoni jidhirlu li din hija mixtieqa, jista' jirreferi l-emenda għall-Konferenza tal-Organizzazzjoni li għandu jkollha l-istess setgħa.

Artikolu 23 (AĊĊETTAZZJONI)

1. Il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-aċċettazzjoni mill-Membri jew il-Membri assoċjati tal-Organizzazzjoni.

2. Il-Kummissjoni tista', permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tas-sħubija tagħha, tammetti bħala membri tali Stati oħra li huma membri tan-Nazzjonijiet Uniti, kwalunkwe mill-aġenziji speċjalizzati tagħha jew l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika li jkunu ssottomettew applikazzjoni għal sħubija u dikjarazzjoni magħmula fi strument formali li tgħid li jaċċettaw li dan il-Ftehim ikun fis-seħħ meta ssir l-ammissjoni.

3. Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Kummissjoni mill-Partijiet Kontraenti li mhumiex Membri jew Membri assoċjati tal-Organizzazzjoni għandha tiddependi fuq is-suppożizzjoni ta' tali sehem proporzjonat fl-ispejjeż tas-Segretarjat li jista' jkun iddeterminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Finanzjarji u r-Regoli tal-Organizzazzjoni.

4. L-aċċettazzjoni ta' dan il-Ftehim minn kwalunkwe Membru jew Membru assoċjat tal-Organizzazzjoni għandha tkun effettwata permezz tad-depożitu ta' strument ta' aċċettazzjoni mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni u għandha tieħu effett mar-riċeviment ta' tali strument mid-Direttur Ġenerali.

5. L-aċċettazzjoni ta' dan il-Ftehim minn stati mhux membri tal-Organizzazzjoni għandha tkun effettwata permezz tad-depożitu ta' strument ta' aċċettazzjoni mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni u l-isħubija għandha tieħu effett fid-data li fiha l-Kummissjoni tapprova l-applikazzjoni għal sħubija, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

6. Id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni għandu jinforma l-Partijiet Kontraenti kollha tal-Organizzazzjoni, il-Membri kollha tal-Organizzazzjoni u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-aċċettazzjonijiet kollha li jkunu saru effettivi.

7. L-aċċettazzjoni ta' dan il-Ftehim minn Partijiet mhux Kontraenti tista' tkun soġġetta għal riservazzjonijiet li għandhom isiru effettivi biss mal- approvazzjoni minn żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti. Il-Partijiet Kontraenti li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tagħhom ma jkunux wieġbu fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika għandhom jitqiesu li jkunu aċċettaw ir-riservazzjoni. Jekk ma tingħatax it-tali approvazzjoni, in-nazzjon jew l-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li tagħmel ir-riservazzjoni ma għandhiex issir parti għal dan il-Ftehim. Id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni għandu jinnofitika minnufih il-Partijiet Kontraenti kollha dwar kwalunkwe riservazzjonijiet.

Artikolu 24 (DĦUL FIS-SEĦĦ)

Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ mid-data tar-riċevimenti tal-ħames strument ta' aċċettazzjoni.

Artikolu 25 (RISERVAZZJONIJIET)

1. L-aċċettazzjoni ta' dan il-Ftehim tista' tkun magħmula soġġetta għal riservazzjonijiet, li ma għandhomx ikunu inkompatibbli mal-objettivi tal-Ftehim u għandha ssir skont ir-regoli ġenerali tal-liġi internazzjonali pubblika kif riflessa fid-dispożizzjonijiet tal-Parti II, Taqsima 2 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tal-1969.

2. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta b'mod regolari jekk riservazzjoni tistax toħloq kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet adottati taħt l-Artikolu 8(b) u tista' tikkunsidra miżuri xierqa, kif previst fir-Regoli ta' Proċeduri tagħha.

Artikolu 26 (IRTIRAR)

1. Kwalunkwe Parti Kontraenti tista' tirtira minn dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin wara li jiskadu sentejn mid-data li fiha l-Ftehim jidħol fis-seħħ fir-rigward ta' dik il-Parti Kontraenti, billi tagħti avviż bil-miktub ta' tali rtirar lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni li għandu jinforma minnufih lill-Partijiet Kontraenti u l-Membri tal-Organizzazzjoni kollha dwar it-tali rtirar. L-avviż tal-irtirar għandu jsir effettiv tliet xhur mid-data tar-riċeviment tiegħu mid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni.

2. Parti Kontraenti tista' tagħti avviż ta' rtirar fir-rigward ta' wieħed jew iżjed mit-territorji li hija responsabbli għar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom. Meta Parti Kontraenti tagħti avviżi tal-irtirar tagħha mill-Kummissjoni din għandha tiddikjara għal liema territorju jew territorji japplika l-irtirar. Fin-nuqqas ta' dikjarazzjoni bħal din, l-irtirar għandu jitqies bħala li japplika għat-territorji kollha li l-Parti Kontraenti hija responsabbli għar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, minbarra l-membri assoċjati.

3. Kwalunkwe Parti Kontraenti li tagħti avviż ta' rtirar mill-Organizzazzjoni għandha titqies li tkun irtirat fl-istess ħin mill-Kummissjoni, u dan l-irtirar għandu jitqies bħala li japplika għat-territorji kollha li l-Parti Kontraenti kkonċernata hija responsabbli għar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, iżda tali irtirar mhux se jitqies li japplika għal membru assoċjat.

Artikolu 27 (TERMINAZZJONI)

Dan il-Ftehim għandu jintemm b'mod awtomatiku jekk u meta, bħala riżultat tal-irtirar, in-numru ta' Partijiet Kontraenti jaqa' taħt ħamsa, sakemm il-Partijiet Kontraenti li jifdal ma jiddeċidux mod ieħor b'mod unanimu.

Artikolu 28 (ĊERTIFIKAZZJONI U REĠISTRAZZJONI)

It-test ta' dan il-Ftehim kien ifformulat oriġinarjament f'Ruma fl-24 ġurnata ta’ Settembru elf disa' mija u disgħa u erbgħin fil-lingwa Franċiża u [kien emendat fil- (xx)…] Żewġ kopji fl-Għarbi, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ispanjol ta' dan il-Ftehim u ta' kwalunkwe emendi għal dan il-Ftehim għandhom ikunu ċċertifikati mill-President tal-Kummissjoni u mid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni. Waħda minn dawn il-kopji għandha tiġi ddepożitata fl-arkivji tal-Organizzazzjoni. Il-kopja l-oħra għandha tiġi trażmessa lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, id-Direttur Ġenerali għandu jiċċertifika kopji ta' dan il-Ftehim u jittrażmetti kopja lil kull membru tal-Organizzazzjoni u lil stat mhux membru tal-Organizzazzjoni bħal dan li huma jew jistgħu jsiru Partijiet Kontraenti għal dan il-Ftehim.

ANNESS RELATAT MAL-ARBITRAĠĠ

1. It-tribunal tal-arbitraġġ imsemmi fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 19 għandu jkun magħmul minn tliet arbitri li għandhom ikunu maħtura kif ġej:

(a) Il-Parti Kontraenti li tibda l-proċeduri għandha tikkomunika l-isem ta' arbitru lill-Parti Kontraenti l-oħra li, mbagħad, fi żmien perjodu ta' erbgħin ġurnata wara tali notifika, għandha tikkomunika l-isem tat-tieni arbitru. F'tilwim bejn aktar minn żewġ Partijiet Kontraenti, il-partijiet għat-tilwim bl-istess interess għandhom jaħtru arbitru wieħed b'mod konġunt permezz ta' ftehim. Il-Partijiet Kontraenti għandhom, fi żmien perjodu ta' sittin ġurnata wara l-ħatra tat-tieni arbitru, jaħtru t-tielet arbitru, li ma għandu jkun ċittadin tal-ebda Parti Kontraenti u ma għandux ikun tal-istess nazzjonalità ta' kwalunkwe mill-ewwel żewġt arbitri. It-tielet arbitru għandu jippresjedi fuq it-tribunal;

(b) Jekk it-tieni arbitru ma jkunx ġie maħtur fil-perjodu preskritt, jew jekk il-Partijiet Kontraenti ma jkunux laħqu ftehim fil-perjodu preskritt dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, dak l-arbitru għandu jinħatar, fuq talba ta' kwalunkwe mill-Partijiet Kontraenti, mid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni fi żmien xahrejn mid-data ta' riċeviment tat-talba.

2. It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jiddeċiedi fejn se jkunu jinsabu l-kwartieri ġenerali tiegħu u għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

3. It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jagħti d-deċiżjonijiet tiegħu skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u l-liġi internazzjonali.

4. Id-deċiżjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ għandha ssir permezz ta' maġġoranza tal-membri tiegħu, li ma jistgħux jastjenu mill-vot.

5. Kwalunkwe Parti Kontraenti li mhijiex Parti għat-tilwim tista' tintervjeni fil-proċedimenti bil-kunsens tat-tribunal tal-arbitraġġ.

6. Id-deċiżjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ għandha tkun finali u vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti għat-tilwim u fuq kwalunkwe Parti Kontraenti li tintervjeni fil-proċedimenti u għandu jkun hemm konformità magħha mingħajr dewmien. It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jinterpreta d-deċiżjoni fuq it-talba ta' kwalunkwe mill-Partijiet Kontraenti għat-tilwim jew ta' kwalunkwe Parti Kontraenti li tintervjeni.

7. Sakemm it-tribunal tal-arbitraġġ ma jiddeterminax mod ieħor minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, l-ispejjeż tat-tribunal, inkluż ir-remunerazzjoni tal-membri tiegħu, għandhom jitħallsu mill-Partijiet Kontraenti għat-tilwim f'ishma ugwali.

Top