This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0902
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN CENTRAL BANK, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE, THE COMMITTEE OF THE REGIONS AND THE EUROPEAN INVESTMENT BANK Annual Growth Survey 2015
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIEMNT Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIEMNT Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015
/* COM/2014/0902 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIEMNT Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015 /* COM/2014/0902 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK
ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW,
LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIEMNT Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir
2015 INTRODUZZJONI Wara li għaddiet mill-agħar kriżi
finanzjarja u ekonomika f'ġenerazzjonijiet, l-UE għamlet passi kbar
fil-bini tal-pedamenti għal tkabbir iktar sod u sostennibbli fil-futur.
Imma minkejja l-isforzi nazzjonali u Ewropej, l-irkupru huwa iktar
dgħajjef milli kien mistenni sena ilu. Il-momentum beda jnaqqas
fir-Rebbiegħa 2014. Il-kriżi ekonomika ġabet magħha
kriżi soċjali li għadha għaddejja u l-irkupru kajman qed
itellef l-isforzi biex jonqsu l-livelli għolja ta' qgħad. Filwaqt li l-ambjent ekonomiku globali jispjega
xi ftit mit-tnaqqis tar-ritmu ekonomiku attwali, fatturi domestiċi
speċifiċi qed jimpedixxu tkabbir iktar mgħaġġel fl-UE.
Hemm varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri. It-tkabbir għadu qed
jiġi mxekkel mill-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji minħabba
l-kriżi finanzjarja u tad-dejn sovran; il-ħtieġa li jonqos
id-dejn tal-kumpaniji, tal-unitajiet domestiċi u tal-gvern;
l-aġġustament parzjali tal-iżbilanċi makroekonomiċi; u
l-fiduċja mhix soda, minħabba l-inċertezza dwar il-prospettiva
ekonomika u l-impenn lejn ir-riformi strutturali u istituzzjonali. Żieda
baxxa fil-produttività, livelli baxxi ta' investiment u qgħad strutturali
għoli jillimitaw il-prospetti tat-tkabbir tal-Ewropa. Fl-istess ħin l-UE u l-Istati Membri
tagħha jridu jindirizzaw firxa ta' xejriet fit-tul li jaffettwaw
il-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir, l-iktar b'rabta mal-bidla
soċjetali u demografika, il-globalizzazzjoni, l-iżviluppi
fil-produttività u teknoloġiċi, il-pressjoni fuq ir-riżorsi u
t-tħassib ambjentali kif ukoll tkabbir li ġenerlament huwa iktar
dgħajjef fil-pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw. Il-wasla ta’ Kummissjoni ġdida,
b’aġenda ambizzjuża għall-“Impjiegi, it-Tkabbir,
il-Ġustizzja u l-Bidla Demokratika”[1],
hija l-mument opportun għal bidu mill-ġdid. Huwa urġenti li
tagħti ħajja mill-ġdid lit-tkabbir mal-UE kollha u li jiġi
ġġenerat momentum ġdid għall-bidla. Dan
l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, flimkien mad-dokumenti li
jakkumpanjawh, jippreżenta l-Pakkett tal-Impjiegi, it-Tkabbir u
l-Investiment imħabbar bħala l-ewwel prijorità fil-Linji gwida
Politiċi ta' din il-Kummissjoni. Kaxxa 1. Sejbiet ewlenin tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2014 tal-Kummissjoni[2] · Fl-2014 it-tkabbir reali fil-PDG huwa mistenni li jilħaq 1,3 % fl-UE u 0,8 % fiż-Żona tal-Euro kumplessivament. Dan għandu jitla' bil-mod fl-2015 għal 1,5 % u 1,1 % rispettivament, hekk kif jitjiebu d-domanda barranija u domestika. Għall-2016, hija mistennija aċċelerazzjoni tal-attività ekonomika għal 2,0 % u 1,7 % rispettivament. · F'Awwissu 2014 il-qgħad laħaq 24,6 miljun ruħ - 5 miljuni għandhom bejn il-15 u l-24 sena. Il-qgħad fit-tul huwa għoli ħafna. Ir-rati tal-qgħad ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, minn 5,1 % fil-Ġermanja u 5,3 % fl-Awstrija għal 24,8 % fi Spanja u 26,8 % fil-Greċja fl-2014. · Ix-xejra ta' inflazzjoni baxxa hija mistennija tkompli din is-sena, bi prezzijiet tal-komoditajiet orħos, partikolarment għall-enerġija u l-ikel, u prospettiva ekonomika iktar dgħajfa milli mistenni. L-irkupru gradwali tal-attività ekonomika matul l-orizzont tat-tbassir huwa mistenni li jwassal għal żieda fl-inflazzjoni fl-UE, minn 0,6 % fl-2014 għal 1,0 % fl-2015 u 1,6 % fl-2016. Il-proporzjonijiet tad-defiċit mal-PDG huma mistennija jonqsu iktar matul din is-sena, għalkemm b'mod anqas mgħaġġel, minn 4,5 % fl-2011 għal 3,0 % għall-UE u 2,6 % għaż-Żona tal-Euro rispettivament. Id-defiċits tal-gvern huma mbassra li se jkomplu jinżlu matul is-sentjen li ġejjin, xprunati mit-tisħiħ tal-attività ekonomika. Il-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG tal-UE u taż-Żona tal-Euro huma mistennija li jilħqu l-massimu s-sena d-dieħla f'livell ta' 88,3 % u 94,8 % rispettivament f'għadd ta' pajjiżi.
F'dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2015
il-Kummissjoni li ħadet postha fl-1 ta' Novembru 2014
tispjega l-karatteristiċi ewlenin tal-aġenda l-ġdida tagħha
għall-impjiegi u t-tkabbir. It-tkabbir jista' jerġa' jaqbad ir-ritmu
biss jekk l-Istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex
imexxu 'l quddiem l-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa. Dan
l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għalhekk jippreżenta
x'jista' jsir iktar fil-livell tal-UE biex tgħin lill-Istati Membri
jirritornaw lejn livelli ogħla ta' tkabbir u jimxu 'l quddiem lejn
l-iżvilupp sostennibbli. Biex dan iseħħ se jkun meħtieġ
impenn determinant għall-bidla u lejn li l-affarijiet isiru mod ieħor
fil-livell nazzjonali. 1. APRROĊĊ INTEGRAT Illum ir-riskju ta' tkabbir persistentament
baxx, inflazzjoni qrib iż-żero u qgħad għoli sar
tħassib ewlieni. L-impatt tal-kriżi ma kienx biss ċikliku, kif
enfaższzat mid-dgħufija tad-domanda aggregata, iżda wkoll
għandu wkoll komponent sinifikanti strutturali li baxxa l-potenzjal
tat-tkabbir tal-ekonomiji tal-UE. Il-politiki strutturali, fiskali u monetarji
jridu jkun magħquda f'approċċ integrat li jiffaċilita
t-tkabbir biex din l-isfida tiġi indirizzata b'mod effettiv, li
jaġixxu kemm fuq in-naħa tad-domanda kif ukoll tal-provvista
tal-ekonomiji tagħha. Dan jirrikjedi azzjoni fil-livelli kollha tal-gvern
mil-livell globali, speċjalment fil-kuntest tal-G20, sal-livell tal-UE,
nazzjonali, reġjonali u lokali. Sadanittant, fi ħdan il-mandat tiegħu
u f'indipendenza sħiħa l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) se
jkompli jaqdi rwol ewlieni fl-istipular tal-politika kumplessiva
taż-Żona tal-Euro. Il-BĊE
għandu r-responsabbiltà esklussiva għall-politika monetarja
fiż-Żona tal-Euro. Ħa għadd ta’ miżuri importanti biex
jiffaċilita l-pożizzjoni tal-politika monetarja u
jsaħħaħ t-trażmissjoni tagħha lejn kundizzjonijiet
finanzjarji usa', prinċipalment permezz tal-programm tagħha ta’ xiri
ta' Titoli Abbażi ta’ Assi (Asset Backed Securities, ABS) li beda
f’Ottubru li għadda. Flimkien mal-programm ta’ bonds koperti u
l-Operazzjonijiet Immirati ta’ Rifinanzjament fuq Terminu Itwal (Targeted
Longer-Term Refinancing Operations, TLTRO), l-impatt kumplessiv ta’ dawn
it-tliet miżuri fuq il-karta bilanċjali tal-BĊE se jkunu
sinifikanti. Huwa mistenni li d-daqs tal-karta bilanċjali se jersaq lejn
id-daqs milħuq fil-bidu tal-2012. Dawn il-miżuri għandhom
isostnu l-attività ekonomika hekk kif l-effett tagħhom jibda jinħass
fl-ekonomija. Wasal iż-żmien li l-awtoritajiet
pubbliċi fil-livelli kollha jieħdu r-responsabbiltà. Minħabba
d-differenzi bejn l-Istati Membri, l-approċċ korrett se ivarja minn
pajjiż għal ieħor, filwaqt li xorta waħda jibqa' parti minn
approċċ integrat komuni. Il-Kummissjoni qiegħda tirrakkomanda
tliet pilastri ewlenin għall-politika ekonomika u soċjali tal-UE
fl-2015:
Imbuttatura kordinata lill-investiment:
flimkien ma' dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir,
il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta Pjan ta' Investiment
għall-Ewropa li għandu jimmobbilizza mill-inqas EUR 315-il
biljun f'investiment pubbliku u privat addizzjonali matul il-perjodu
2015-2017 u jtejjeb b'mod sinifikanti l-ambjent kumplessiv tal-investiment.
Impenn imġedded lejn ir-riformi strutturali: dan huwa essenzjali biex il-pajjiżi joħorġu
mid-dejn u jistimulaw il-ħolqien ta' iktar impjiegi u aħjar.
Il-progress fil-livell nazzjonali u tal-UE fl-oqsma
bħall-enerġija, it-telekomunikazzjoni u l-ekonomija
diġitali, kif ukoll it-titjieb tal-kundizzjonijiet kummerċjali
joħolqu opportunitajiet ġodda ta' xogħol u tkabbir.
It-tnaqqis fil-burokrazija żejda fil-livell Ewropew u nazzjonali
bħala parti mill-Aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar hija
essenzjali biex jinħoloq ambjent regolatorju t-tajjeb u jiġi
promoss ambjent ta’ intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi. Dan
jeħtieġ sjieda nazzjonali u impenn fl-ogħla livell
governattiv kif ukoll mill-Parlamenti nazzjonali. L-Ewropazzizzjoni ta'
dawn l-isforzi toffri potenzjal kbir.
Infittxu r-responsabbiltà fiskali:
minkejja l-progress konsiderevoli fil-konsolidament fiskali, l-Istati
Membri għad jeħtiġilhom jiżguraw il-kontroll fit-tul
fuq il-livelli tad-defiċit u d-dejn. Il-politiki fiskali
għandhom ikun differenzjati, skont is-sitwazzjoni ta' kull
pajjiż. L-Istati Membri li għandhom sitwazzjoni fiskali
aħjar għandhom jieħdu miżuri biex
iħeġġu d-domanda domestika, b'enfażi partikolari fuq
l-investiment. Barra minn dan, il-kwalità tal-finanzi pubbliċi
għandha titjieb billi tittejjeb l-effiċjenza tan-nefqa u permess
tal-prijoritizzazzjoni tal-investiment produttiv fl-infiq tal-gvern, billi
s-sistema tat-taxxa ssir iktar effiċjenti u ta' sostenn
għall-investiment. L-indirizzar tal-frodi fit-taxxa u l-evażjoni
tat-taxxa jiżgura ġustizzja u jippermetti lill-Istati Membri
jiġbru d-dħul mit-taxxa dovut lilhom.
Grafika 1.
Approċċ integrat Azzjoni simultanja f'dan it-tliet oqmsa hija
kruċjali biex tiġi restawrata l-fiduċja, tonqos
l-inċertezza li qed ixxekkel l-investiment u jiġu mmassimizzati
l-effetti kbar li jsaħħu lil xulxin ta' dawn it-tliet pilastri li
jaħdmu flimkien. B’mod partikolari, huwa ċar li
għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u għall-mobilizzazzjoni
tal-investiment se jkun essenzjali impenn imġedded lejn ir-riformi
strutturali. Biex timplimenta l-loġika
tal-approċċ integrat ġdid, il-Kummissjoni qed tipproponi li
tirrazzjonalizza u ssaħħaħ is-Semestru Ewropew tal-kordinazzjoni
politika ekonomika b'appoġġ għal dawn it-tliet pilastri. Biex tissaħħaħ ir-rabta bejn
ir-riformi strutturali, l-investiment u r-responsabbiltà fiskali,
il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll iktar gwida dwar l-aħjar użu
possibbli tal-flessibbiltà li hija integrata fir-regoli eżistenti tal-Patt
ta’ Stabbiltà u Tkabbir.[3] 2. INSAĦĦU
L-INVESTIMENT Investiment dgħajjef
itellef l-irkupru tal-Ewropa Hemm
ħtieġa urġenti li jissaħħaħ l-investiment
fl-Ewropa. Minħabba l-kriżi, il-livell tal-investiment waqa' bi
kważi EUR 430 biljun minn meta laħaq il-massimu fl-2007 –
waqgħa ta' 15 %. F'xi Stati Membri, dik il-waqgħa hija anki
akbar.[4]
It-tbassir tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni juri li l-investiment
dgħajjef qiegħed iżomm lura l-irkupru fraġli tal-UE. L-għan
mhuwiex li nerġgħu lura lejn il-quċċata tal-2007 bl-istess
tip ta' investimenti – xi investimenti ta' qabel il-kriżi ma kinux
sostennibbli. Madankollu, huwa ta' inkwiet li l-investiment ma reġax qabad
riċentament fl-Ewropa kif għamel fl-Istati Uniti. Fl-2013,
l-investiment kien għadu 19,3 % tal-PDG, bejn wieħed u
ieħor żewġ punti perċentwali taħt il-medja storika
tiegħu jekk wieħed jeskludi s-snin boom-bust. Dan ifisser li l-Ewropa
għandha laguna fl-investiment ta' EUR 230 biljun sa EUR 370
biljun taħt ix-xejriet fit-tul tagħha. Grafika
2. Xejriet riċenti fl-investiment fl-UE (Formazzjoni ta' kapital fiss gross reali, UE-28,
prezzijiet tal-2013, EUR biljuni) Fl-istess
waqt, ħtiġijiet kbar ta' investiment f'kull livell mhumiex qed
jiġu ssodisfati. Pereżempju, l-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji
għandhom bżonn u jridu jibbenefikaw mill-aħħar
teknoloġi u jsiru iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u
r-riżorsi. Is-sistemi tal-edukazzjoni u l-innovazzjoni huma mgħammra
anqas u ffinanzjati anqas minn dawk tal-kompetituri ewlenin tagħna. Is-sistemi
tal-benessri tagħna jeħtiġilhom jiġu mmodernizzati biex
ilaħħqu mal-isfidi tal-populazzjoni tagħna li qed tixjieħ
b'rata mgħaġġla. Is-settur tal-enerġija tagħna
jeħtiġlu jaġġorna n-netwerks tiegħu
mal-aħħar teknoloġiji, jintegra sorsi ta' enerġija
rinovabbli u jiddiversifika s-sorsi tal-provvista tagħna. Is-settur
tat-trasport tagħna jrid jimmodernizza l-infrastruttuta tiegħu,
inaqqas il-konġezzjoni u jtejjeb il-konnessjonijiet kummerċjali.
L-ambjent tagħna jeħtiġlu faċilitajiet aħjar tal-iskart,
ir-riċiklaġġ u l-ilma. U aħna għandna bżonn broadband
veloċi u li tilħaq 'il bogħod u ċentri tad-dejta iktar
intelliġenti madwar l-Ewropa. Dawn
il-bżonnijiet qed jinħassu sew wara tant snin bla tkabbir jew tkabbir
żgħir, b'riskju li l-istokk tal-kapital produttiv tal-Ewropa
jiċkien u jiqdiem. Dan inqas iktar il-potenzjal tagħna
għall-kompettittività u tkabbir, u jkun ta' piż fuq il-produttività u
l-kapaċità tagħna li noħolqu l-impjiegi. Ma
hemmx tweġiba unika jew sempliċi. Hemm diversi raġunijiet
għal din il-prestazzjoni dgħajfa: fiduċja tal-investituri baxxa,
aspettattivi fuq id-domanda mrażżna u dejn għoli tal-unitajiet
domestiċi u l-awtoritajiet pubbliċi. F'ħafna reġjuni
l-prospettiva inċerta u t-tħassib dwar ir-riskju ta' kreditu
żammew lill-SMEs milli jiksbu finanzjament għal proġetti denji. Hemm
tfaddil sustanzjali mis-settur privat u anki likwidità fil-wiesgħa,
iżda dawn il-flus mhux isibu triqthom lejn l-ekonomija reali tal-Ewropa.
Dan huwa fejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha għandhom
rwol x'jaqdu. Jista'
jsir ħafna fil-livell nazzjonali u reġjonali L-awtoritajiet
nazzjonali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu biex jippromwovu
r-riformi strutturali meħtieġa, jeżerċitaw responsabbiltà
fiskali u jsaħħu l-investiment b'sostenn għall-impjiegi u
t-tkabbir. L-Istati Membri bi spazju għal manuvrar fiskali
jeħtieġ li jinvestu iktar. L-Istati Membri kollha, iżda
partikolarment dawk b'inqas spazju fiskali għandhom jiżguraw użu
effiċjenti tar-riżorsi, jipprijoritizzaw l-infiq marbut mal-investiment
u t-tkabbir fil-baġit tagħhom, iġibu iktar investiment
mill-Fondi tal-UE għad-diżpożizzjoni tagħhom u joħolqu
ambjent li jwassal iktar għal investiment mill-atturi privati. Din
hija opportunità unika għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali
fix-xhur li ġejjin biex jużaw bl-aħjar mod il-baġit tal-UE
għall-perjodu 2014-2020, peress li se jsiru disponibbli għodod u
strumenti ġodda. Il-baġit tal-UE jammonta għal EUR 960
biljun għal dan il-perjodu ta' seba' snin, li jikkorrispondu għal
EUR 140 biljun fis-sena, l-ekwivalenti għal 1 % tal-PDG tal-UE. Programmi
tal-UE ewlenin bħal Orizzont 2020 (għall-innovazzjoni u
r-riċerka), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
(għall-infrastruttura) u COSME (għall-finanzjament tal-SMEs) issa se
jaqbdu r-rutina. L-istess
jgħodd għall-ġenerazzjoni l-ġdida ta' Fondi Strutturali u
ta' Investiment Ewropej, li se jipprovdu EUR 350 biljun għal
investiment ġdid matul 2014-2020. Dan se jinbidel f'investimenti ta' iktar
minn EUR 600 biljun meta jiġu inklużi l-kofinanzjamenti
nazzjonali. Is-sinifikant tal-Fondi jvarja bejn il-pajjiżi iżda
jistgħu jkollhom sehem strateġiku ħafna kullimkien, billi
bħala medja jirrapreżentaw 10 % tal-investiment pubbliku totali
fl-UE. Pjan
ta' Investiment għall-Ewropa Il-Pjan
ta' Investiment għall-Ewropa li se tippreżenta l-Kummissjoni flimkien
ma' dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir se jikkumplimenta u
jsaħħaħ l-isforzi eżistenti. Se jimmobilizzza mill-inqas
EUR 315-il biljun bejn issa u l-aħħar tal-2017 f'investiment
pubbliku u privat addizzjonali. L-ewwel nett, dan jista’ jsir permezz ta’ sforz
konġunt min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Bank Ewropew
tal-Investiment (BEI) billi jitwaqqaf Fond Ewropew ġdid
għall-Investimenti Strateġiċi. Madankollu, l-impatt tal-pjan
jiġi mmultiplikat u jmorr lil hinn mill-EUR 315-il biljun hekk kif
iktar partijiet interessati jissieħbu b’kontribuzzjonijiet volontarji
addizzjonali: l-Istati Membri, il-Banek Promozzjonali Nazzjonali (National
Promotional Banks, NPBs), l-awtoritajiet reġjonali u investituri privati
kollha għandhom rwol ċentrali x’jaqdu. B’mod importanti, fil-kuntest
tal-valutazzjoni tal-finanzi pubbliċi skont il-Patt ta’ Stabbiltà u
Tkabbir, il-Kummissjoni tieħu pożizzjoni favorevoli lejn
kontribuzzjonijiet kapitali lill-Fond il-ġdid. Dawn
il-flus addizzjonali għandhom ikunu ffukati fuq l-infrastruttura, b’mod
partikolari l-enerġija u n-netwerks tal-broadband; kif ukoll fuq
l-infrastruttura tat-trasport b’mod partikolari fiċ-ċentri
industrijali; l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni; l-enerġija
rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Hemm żoni
fejn jeżistu ħtiġijiet ċari u fejn il-progress huwa
mistenni li jġib benefiċċji ekonomiċi u soċjetali
kbar. Waqt
li jkun qed jiġi implimentat, il-Pjan ta' Investiment se jaqdi tliet
objettivi politiċi relatati: li jreġġa' lura x-xejriet 'l isfel
riċenti tal-investiment u jipprovdi spinta addizzjonali lill-ħolqien
tax-xogħol u lill-irkupru tal-ekonomija tal-UE; li jittieħed pass
deċiżiv biex jintlaħqu l-ħtiġijiet fit-tul
tal-ekonomija tagħna billi tingħata spinta lill-kompetittività
fl-oqsma strateġiċi; li tissaħħaħ id-dimensjoni
Ewropea tal-kapital uman u l-infrastruttura fiżika tagħna,
b'attenzjoni speċjali fuq interkonnessjonijiet li huma ta' importanza
vitali għas-suq uniku tagħna. Dan
il-Pjan ta' Investiment ġie żviluppat b'kunsiderazzjoni tal-ispazju
fiskali limitat tal-gvernijiet nazzjonali biex jiġi evitat li jkun ta'
piż fuq il-finanzi pubbliċi nazzjonali. Ir-responsabbiltà fiskali
hija parti mir-restawr tal-kunfidenza li teħtieġ l-Ewropa biex
tirkupra mill-kriżi. Dan huwa għaliex il-Pjan huwa mibni fuq
soluzzjonijiet disponibbli fil-livell tal-UE u fuq korpi u proċeduri
stabbiliti, ħaġa li se tgħin biex jintlaħqu riżultati
malajr, kif ukoll eżekuzzjoni rigoruża u r-responsabbiltà. Kaxxa 2. Karatteristiċi ewlenin tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa hija bbażata fuq tliet aspetti li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku: § Il-mobilizzazzjoni ta’ mill-inqas EUR 315-il biljun f’finanzjament addizzjonali għall-investiment bejn issa u l-aħħar tal-2017. § Inizjattivi mmirati biex jiżguraw li l-investiment jilħaq il-bżonnijiet tal-ekonomija reali. § Miżuri biex jitjieb l-ambjent tal-investiment, u b’hekk l-investiment fl-Ewropa jsir iktar attraenti. Mobilizzazzjoni ta’ mill-inqas EUR 315-il biljun ta’ finanzjament addizzjonali għal investiment fil-livell tal-UE § Se jitwaqqaf Fond Ewropew ġdid għal Investimenti Strateġiċi, fi sħubija mill-qrib mal-BEI, sabiex jiġu appoġġati l-investimenti strateġiċi ta’ importanza Ewropea u l-finanzjament ta’ riskju għall-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja madwar l-Ewropa. § Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej se jiġu sfruttati bis-sħiħ. Dan ifisser li jiġi żgurat li l-fondi tal-UE li baqa' mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 jintużaw bl-aħjar mod. Dan ifisser ukoll żieda fl-ingranaġġ tal-fondi tal-UE 2014-2020 billi jiġi rdupjat is-sehem kumplessiv tal-istrumenti finanzjarji innovattivi u jiġi mmassimizzat l-użu tal-kofinanzjament privat. Niżguraw li l-finanzi jaslu fl-ekonomija reali § Se tinħoloq segwenza trasparenti ta’ proġetti maturi għall-investiment fil-livell tal-UE, ibbażata fuq ir-rapport ta’ Diċembru 2014 minn Task Force tal-Kummissjoni, il-BEI u l-Istati Membri. § Sorsi ta’ għarfien espert u assistenza teknika se jinġabru flimkien f’"ċentru" uniku ta' pariri dwar l-investiment għall-promoturi tal-proġetti, l-investituri u l-awtoritajiet tal-immaniġġar. § Il-Kummissjoni u l-BEI, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, se jimpenjaw ruħhom mal-promoturi tal-proġetti, l-investituri u l-partijiet interessati istituzzjonali biex jiffaċilitaw proġetti ewlenin ta’ investiment. Intejbu l-ambjent tal-investiment § Miżuri biex jitjieb il-qafas regolatorju, f’livell nazzjonali kif ukoll Ewropew, biex ikun ċar u prevedibbli, u jiġi inċentivat l-investiment. § Miżuri biex jiġu żviluppati sorsi ġodda u alternattivi ta’ finanzjament fuq terminu twil għall-ekonomija u nersqu lejn Unjoni tas-Swieq Kapitali. § Miżuri biex jitlesta s-suq uniku fis-setturi prinċipali bħall-enerġija, it-trasport u l-ekonomija diġitali. 3. IMPENN
IMĠEDDED LEJN IR-RIFORMI STRUTTURALI It-tkabbir jeħtieġ b'mod kruċjali
li l-Ekonomija Ewropea ssir iktar kompetittiva u li jiġi żgurat
ambjent regolatorju tajjeb għall-investiment fuq terminu twil. Ir-riformi
strutturali jistgħu jgħinu biex jiġi attirat investiment
produttiv privat, partikolarment fl-industriji tan-netwerk u l-manifattura
intelliġenti, fejn hemm bżonn ħafna investiment. Fil-livell
tal-UE, dan jeħtieġ approfondiment ulterjuri tas-suq uniku u li
jiġu evitati regolamenti ta’ piż bla bżonn, partikolarment
għall-intrapriżi ż-żgħar u medji, it-titjib
tal-aċċess għall-finanzi u l-iżgurar tal-kwalità
tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Fil-livell tal-Istati Membri,
jeħtieġ li dawn l-isforzi jiġu kkumplimentati minn implimentazzjoni
ambizzjuża tar-riformi strutturali tas-swieq tal-prodotti, is-servizzi u
x-xogħol. INNEĦĦU L-OSTAKLI EWLENIN
FIL-LIVELL TAL-UE L-implimentazzjoni tas-suq uniku fil-prodotti
u s-servizzi hija ta' prijorità. B’iktar minn
500 miljun konsumatur, is-suq uniku Ewropew jibqa’ l-iktar magna
b’saħħitha tat-tkabbir fil-livell tal-UE. Dan se jeħtieġ
enfasi qawwija fuq integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tal-prodotti u s-servizzi
fejn il-potenzjal għall-impjiegi, it-tkabbir u l-innovazzjoni huwa
sinifikanti, onlajn u offlajn. Meta tagħmel dan, huwa importanti li
jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn suq uniku li jiffunzjona sew u
l-industrija. Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn
suq uniku integrat li joffri l-istess possibbiltajiet bħas-swieq domestiċi
tagħhom. Suq uniku iktar profond se joħloq benefiċċji fuq
ix-xena esterna wkoll. Isaħħaħ il-pożizzjoni tal-kumpaniji
Ewropej fil-katini tal-valur globali, jattira l-investiment u jpoġġi
lill-Unjoni f’pożizzjoni aħjar biex toħloq rabtiet iktar
b’saħħithom maċ-ċentri l-ġodda ta’ tkabbir globali
permezz ta’ ftehimiet ta’ kummerċjali li jsaħħu
l-konverġenza regolatorja mas-sħab kummerċjali prinċipali
tagħna. Is-Suq Diġitali Uniku huwa essenzjali
għall-impjiegi, it-tkabbir u l-innovazzjoni.
L-ekonomija globali qed tittrasforma f’waħda diġitali.
It-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni mhijiex biss settur
iżda l-pedament ta’ ekonomija moderna u innovattiva. Suq Diġitali
Uniku konness jista’ jiġġenera sa EUR 260 biljun kull sena
f’titjieb fl-effiċjenza.[5]
It-teknoloġija diġitali tintroduċi metodi ġodda ta'
produzzjoni tal-prodotti u l-forniment ta' servizzi minn karozzi u kimika
sad-distribuzzjoni bl-imnut u l-enerġija, u b'hekk issawwar mill-ġdid
il-mod ta' kif naħdmu u jitgħallmu. Pożizzjoni tajba
fl-ekonomija diġitali se tiddetermina l-kompetittività futura tal-UE u
l-perkors lejn it-tkabbir mill-ġdid. Is-servizzi diġitali huma
essenzjali għall-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastrutturi
strateġiċi ewlenin tal-Ewropa, bħall-enerġija u
l-ferrovija. U l-iktar importanti, toffri benefiċċji kbar
għas-soċjetà – aċċess għal oġġetti u
servizzi u informazzjoni, il-libertà tal-espressjoni, il-kreattività, kura
tas-saħħa aħjar u servizzi pubbliċi. Minkejja dan, ma
għandniex Suq Diġitali Uniku. Huma biss 14 % tal-SMEs li
jużaw l-internet għall-bejgħ onlajn. Huma biss 12 %
tal-konsumaturi li jagħmlu xiri transfruntier. Il-konsumaturi jiffrustraw
ruħhom meta ma jkunux jistgħu jaċċessaw servizzi
diġitali fi Stat Membru ieħor minħabba prattiki kummerċjali
restrittivi jew impedimenti legali. In-negozji se jkunu jistgħu jisfruttaw
il-potenzjal sħiħ tas-settur diġitali biss meta jkun hemm regoli
tal-protezzjoni tad-dejta Ewropew komuni u ta’ standard għoli u meta
terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi. Huma meħtieġa iktar riformi
strutturali fis-swieq tal-enerġija biex tinkiseb Unjoni tal-Enerġija
reżiljenti b’politika għat-tibdil fil-klima li tħares ’il
quddiem, b’konformità mal-objettivi tal-Ewropa 2020 u
l-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030 miftiehem mill-Kunsill
Ewropew f’Ottubru 2014, u biex tissaħħaħ is-sigurtà
tal-provvista tal-enerġija u jitlesta s-suq intern tal-enerġija. Dan
jirrekjedi titjib tat-tfassil tas-suq tal-enerġija, it-tisħiħ
tal-istrumenti bbażati fuq is-suq eżistenti u li tiġi
modernizzata u estiża l-infrastruttura tal-enerġija. Dan għandu
jippermetti li fl-UE l-enerġija ddur b’mod ħieles, jiġu
eliminati l-iżolamenti tal-enerġija u tiġi integrata
l-enerġija rinnovabbli fin-netwerk. Il-finanzjament tal-investimenti
meħtieġa se jkun sfida ewlenija. Filwaqt li se jingħata
appoġġ sinifikanti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE,
huma meħtieġa mekkaniżmi finanzjarji innovattivi biex jistimulaw
u jingranaw l-investimenti fil-modernizzazzjoni tal-enerġija u
jinċentivaw l-investiment tal-unitajiet domestiċi fl-effiċjenza
tal-enerġija. Azzjoni ambizzjuża hija
meħtieġa sabiex jiġi żgurat qafas regolatorju tal-UE favur
l-impjiegi, it-tkabbir u l-investimenti.
Il-Kummissjoni se tipprijoritizza l-ħidma li bdiet
f’Diċembru 2012 bit-tnedija tal-Programm dwar l-Idoneità u
l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) – analiżi ġenerali
tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Dan għandu jagħmel
il-liġi tal-UE eħfef, iktar sempliċi u irħas
għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-intrapriżi.
Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ l-għodod regolatorji
tagħha (il-valutazzjoni tal-impatt, l-evalwazzjoni), f’kooperazzjoni
mill-qrib mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, l-Istati Membri u
l-partijiet interessati. It-tneħħija tal-ostakoli regolatorji
msemmija hawn fuq għandha timxi id f'id mal-varar tal-Fond il-ġdid
Ewropew għall-Investimenti Starteġiċi żviluppat bi
sħab bejn il-Kummissjoni u l-BEI. IR-RIFORMI STRUTTURALI FIL-LIVELL TAL-ISTATI MEMBRI Fl-aħħar
nett, ir-riforma u l-immodernizzar tal-ekonomiji tagħna huma
meħtieġa sabiex isejsu l-mudell soċjali Ewropew tagħna.
Huwa importanti li l-membri kollha tas-soċjetà, b’mod partikolari
s-sħab soċjali, ikun jista’ jkollhom rwol u jappoġġaw
il-bidla b’mod proattiv. L-implimentazzjoni
ambizzjuża tar-riformi strutturali fis-swieq tal-prodotti, is-servizzi u
x-xogħol tista’ tikkontribwixxi biex jiżdiedu l-produttività,
tinkiseb mill-ġdid il-kompetittività u jitjieb l-ambjent kummerċjali,
u b’hekk jitrawwem ukoll l-investiment. Dan jista’ jikkontribwixxi għal
bilanċjar mill-ġdid durabbli tal-mudell tat-tkabbir tagħna,
jitnaqqas l-impatt negattiv tad-diżingranaġġ finanzjarju
meħtieġ mis-settur privat u jikkontribwixxi għall-prevenzjoni
ta’ żbilanċi makroekonomiċi dannużi. Barra minn hekk,
minħabba l-effetti fuq it-tkabbir, il-produttività u l-impjiegi, sakemm
ikunu jeżistu l-kanali t-tajbin, dan tista’ jikkontribwixxi
għat-titjib tas-sitwazzjoni soċjali inġenerali u biex jitnaqqas
il-faqar, kif ukoll għas-sostenibbiltà tad-dejn privat u pubbliku. Minkejja
l-kisbiet ta’ xi Stati Membri – partikolarment dawk l-iktar vulnerabbli – huma
meħtieġa sforzi ta’ riforma addizzjonali fl-Istati Membri kollha.
L-esperjenza ta’ dan l-aħħar tat evidenza biżżejjed li
azzjoni ambizzjuża tahħti riżultati ċari (ara
l-Kaxxa 3). Kaxxa 3. Eżempji ta’ riformi strutturali effettivi fl-Istati
Membri ·
Fi Spanja, f’Diċembru 2013,
il-gvern approva Liġi li tiggarantixxi l-unità tas-suq fl-interess
tal-libertà tal-moviment u tal-istabbiliment tal-persuni u l-moviment liberu
ta’ merkanzija. Il-liġi hija razzjonalizzazzjoni ambizzjuża ta’
trikkib ta' leġiżlazzjoni fi Spanja, tindirizza l-frammentazzjoni
tas-suq domestiku u żżid il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti.
Skont l-Awtoritajiet Spanjoli, ir-riforma hija stmata li maż-żmien tgħolli
l-PDG b’iktar minn 1,5 %. ·
Il-Portugall
daħħal fis-seħħ għadd ta’ riformi fis-suq
tax-xogħol bejn l-2011 u l-2013. Ġiet allinjata l-protezzjoni
tal-ħaddiema b'kuntratti permanenti u għal żmien fiss.
Il-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol saret iktar
flessibbli, u ttieħdu miżuri biex is-salarji jiġu adattati
aħjar mal-produttività fil-livell tad-ditta. Il-benefiċċji
tal-qgħad ġew riformati u l-eliġibbiltà ġiet estiża.
Is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi ġie riformat, il-Politiki tas-Suq tax-Xogħol
Attivi ġew analizzati u programmi ġodda introdotti, fosthom uħud
mmirati lejn iż-żgħażagħ. Ir-rata tal-qgħad
naqset b’madwar 2 punti perċentwali bejn l-2013 u l-2014. ·
Il-Polonja bdiet
riforma ambizzjuża li tiffaċilita l-aċċess
għall-professjonijiet regolati. Aċċess għal
50 professjoni – inklużi avukati, nutara, aġenti tal-proprjetà
immobbli u sewwieqa tat-taxi – ġie liberalizzat fl-ewwel mewġa ta’
riforma fl-2013. Deċiżjonijiet li jkopru 91 professjoni
oħra ġew adottati mill-Parlament Pollakk f’April 2014 u
d-deregolamentazzjoni ta' 101 professjoni oħra hija ppjanata
għal kmieni fl-2015. ·
L-Italja implimentat
sett ta’ miżuri fl-2013 mmirati biex tiżdied il-kompetizzjoni u
t-trasparenza fis-swieq tal-gass u l-elettriku. L-inizjattivi li ħa
l-gvern Taljan għenu biex tiġi indirizzata l-kwistjoni twila tal-prezzijiet
għoljin tal-enerġija fl-Italja u, skont l-istimi mir-regolatur
tal-enerġija, għenu biex jitnaqqsu l-prezzijiet lill-utenti
aħħarija. Għall-2015, il-Kummissjoni tirrakkomanda
li l-attenzjoni tiġi ffukati fuq għadd ta’ riformi ewlenin. L-oqsma magħżula
huma rilevanti għall-Istati Membri kollha għalkemm miżuri
preċiżi li għandhom jittieħdu ser ivarjaw minn pajjiż
għall-ieħor. Fiż-Żona tal-Euro, għandha tingħata
attenzjoni partikolari lill-kordinazzjoni aħjar ta’ xi wħud minn dawn
ir-riformi sabiex jittejbu s-sinerġiji pożittivi u biex jiġu
evitati effetti sekondarji negattivi. L-oqsma tar-riforma huma dawn: 1. It-titjib
tad-dinamika fis-swieq tax-xogħol u l-indirizzar tal-livell għoli
tal-qgħad. L-iktar pajjiżi kompetittivi u
reżiljenti huma dawk fejn il-kumpaniji u l-intraprendituri
jgħożżu u jinvestu l-iktar fil-ħiliet kontinwi
tal-iżvilupp u fejn l-innovazzjoni hija mħeġġa u fejn
in-nies jistgħu jiċċaqilqu faċilment bejn il-professjonijiet,
is-setturi u / jew ir-reġjuni. Ir-regoli u
l-istituzzjonijiet tal-protezzjoni tal-impjiegi għandhom jipprovdu ambjent
xieraq biex jiġi stimulat l-ingaġġ, filwaqt li joffru livelli
ta’ protezzjoni moderni, kemm lil dawk li diġà huma f’impjieg u lil dawk
li qegħdin ifittxu xogħol. L-Istati Membri jridu jistinkaw iktar biex
ineħħu l-ostakoli għall-ħolqien tal-impjieg, bl-involviment
tas-sħab soċjali, inkluż fejn neċessarju billi jirriformaw
l-iskemi tar-risoluzzjoni tat-tilwim industrijali. Riformi li jimmiraw lejn
it-tnaqqis tat-tassazzjoni tax-xogħol biex jgħinu li jiġu
restawrati l-impjiegi għandhom jiġu intensifikati. It-tnaqqis
tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol għandu jgħin biex
jiġu eliminati l-ostakoli għall-impjieg għal dawk li attwalment
huma qiegħda, sottoimpjegati jew impjegati b’kuntratt temporanju, u
jiffaċilita l-mobilità professjonali 'l fuq. L-UE għandha
bżonn ħaddiema ta’ ħila f’setturi li qed jikbru
bħall-ekonomija diġitali, is-setturi ambjentali u l-kura
tas-saħħa. L-edukazzjoni għandha rwol prinċipali
x’tiżvolġi biex tiġi żgurata l-kapaċità ta’ rispons
tal-ħiliet għas-sinjali tas-suq tax-xogħol. It-taħriġ
vokazzjonali u s-sistemi ta’ taħriġ doppju għandhom jiġu
mtejba biex jipprovdu liż-żgħażagħ bis-settijiet
tal-ħiliet meħtieġa. It-tagħlim tul il-ħajja
għandu jsir prijorità ċentrali, permezz tal-mobilizzazzjoni ta’
atturi kemm pubbliċi kif ukoll privati, b’aċċess usa’ fl-etajiet
kollha u għal dawk li l-iktar għandhom bżonn. Valutazzjoni
aħjar tal-bżonnijiet tal-ħiliet fil-livelli reġjonali u settorjali
hija meħtieġ ukoll. Is-sitwazzjoni
taż-żgħażagħ u dawk qiegħda fit-tul b'mod
partikolari, teħtieġ azzjoni determinata. Is-sistemi
tal-benefiċċji għandhom jikkombinaw is-sostituzzjoni
tad-dħul adegwat ma' servizzi ta' attivar u ta’ faċilitazzjoni, li
huma mmirati lejn il-ħtiġijiet individwali u li jingħataw
permezz ta’ punti ta’ servizz one-stop. Iridu jitneħħew
id-diżinċentivi fiskali biex tfittex impjieg. Il-Garanzija
għaż-Żgħażagħ tirrappreżenta sforz
ambizzjuż li tgħaqqad strumenti differenti biex tindirizza
lill-qgħad fost iż-żgħażagħ b’mod effikaċi.
Madankollu, il-fondi disponibbli, inklużi EUR 6,4 biljun
tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ,
għandhom jintużaw iktar malajr u b’mod iktar effiċjenti
mill-Istati Membri, u jiġu msaħħa permezz ta’ mezzi nazzjonali.
Ġew adottati biss tliet Programmi Operazzjonali rilevanti b’valur totali
ta’ EUR 1,6 biljun għal Franza, l-Italja u l-Litwanja u li
jippermettu li jsiru pagamenti ta' prefinanzjament lil dawn il-pajjiżi.
Sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati l-biċċa l-kbira
tal-Programmi Operazzjonali rilevanti sal-aħħar tas-sena, l-Istati
Membri jridu jwieġbu l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni malajr kemm
jista’ jkun. Bħala medja,
hemm iktar minn żewġ miljun post tax-xogħol vakanti fl-UE.
Filwaqt li hemm limiti għal mobbiltà ġeografika, jidher li
l-ħaddiema mhumiex jużaw l-opportunitajiet tal-moviment ħieles
b’mod sħiħ. It-tneħħija tal-ostakli se teħtieġ li
jiżdied l-ambitu tal-portabilità tad-drittijiet tal-pensjoni madwar l-UE u
tingħata għajnuna lill-ħaddiema biex jagħmlu
għażla infurmata dwar il-mobilità, pereżempju permezz
tan-netwerk EURES. Fl-istess ħin, iridu jittieħdu passi kontra
l-abbuż tar-regoli eżistenti u jiġi evitat l-eżodu
permanenti tal-imħuħ minn ċerti reġjuni. Koperazzjoni
msaħħa tal-UE fl-iskambju tal-informazzjoni u l-prassi tajba se tkun
essenzjali. Livell għoli ta’ impjiegi
jeħtieġ li l-pagi reali jsegwu l-iżviluppi tal-produttività,
inkluż fil-livell tal-industrija u tad-ditti. Xi Stati Membri għad
iridu jlestu l-korrezzjoni tax-xejriet ta’ qabel il-kriżi, b’pagi
qabżu ż-żieda fil-produttività. Ir-rwol tas-sħab
soċjali huwa kruċjali. Il-ftehimiet kollettivi għandhom
jippermettu ċertu grad ta’ flessibilità għal żidiet fil-pagi
differenzjati bejn is-setturi u fis-setturi, skont l-iżviluppi
fl-produttività speċifika. 2. Ir-riformi tal-pensjonijiet. Madwar l-UE hemm bżonn li tiġi żgurata s-sostenibbiltà
u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet. Il-maġġoranza
tal-Istati Membri rriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi
tagħhom f’dawn l-aħħar snin biex ipoġġuhom fuq
bażi iktar soda hekk kif is-soċjetà Ewropea qed tkompli tixjieħ.
Madankollu, kif rifless fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiżi tal-2014, f’bosta każijiet huma meħtieġa
iktar riformi biex tiżdied l-effiċjenza u s-sostenibbiltà finanzjarja
tal-pensjonijiet. Fl-istess ħin, l-adegwatezza tas-sistemi
tal-pensjonijiet jeħtieġ li tiġi mħares, sabiex ikun jista'
jiġi żgurat livell diċenti ta’ dħul wara l-irtirar.
Minħabba x-xejra tal-ħajja itwal, f’bosta pajjiżi
jeħtieġ li tiġi stabbilita viżjoni iktar dinamika tal-età
li jirtiraw fiha n-nies, inkluż li l-età tal-irtirar statutorja tkun
marbuta mal-istennija tal-għomor tal-ħajja b’mod iktar sistematiku
biex jiġi żgurat bilanċ adegwat bejn il-ħajja
tax-xogħol u l-ħajja fl-irtirar. 3. L-Immodernizzar tas-sistemi ta'
protezzjoni soċjali. Il-mekkaniżmi
tal-protezzjoni soċjali għandhom ikunu effiċjenti u adegwati
fl-istadji kollha tal-ħajja ta' individwu. Hemm il-ħtieġa
għal politiki soċjali ssimplifikati u iktar iffukati kkumplimentati
minn servizzi tan-nuna u tal-edukazzjoni ta' kwalità u affordabbli,
il-prevenzjoni ta' tluq bikri mill-iskola, taħriġ u assistenza
għall-impjieg, sostenn għall-akkomodazzjoni u kura
tas-saħħa aċċessibbli. Is-sistemi tal-kura tas-saħħa
jeħtieġ li jkunu riformati biex jipprovdu kura tas-saħħa
permezz ta' strutturi effiċjenti, inkluż is-Saħħa-e. 4. It-titjib
tal-flessibilità tas-swieq tal-prodotti u s-servizzi. L-immodernizzar
tal-operat tal-industriji li jużaw netwerk, l-aġġornament
tal-kapaċità tal-infrastruttura u l-ftuħ ulterjuri tas-setturi
tas-servizzi għadu sfida għall-biċċa l-kbira tal-Istati
Membri kif muri fir-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż
maħruġa lill-Istati Membri fl-2014, li ffukat fuq miżuri biex
itejbu l-funzjonament tal-industriji li jużaw netwerk u t-titjib
tal-kompetizzjoni fis-setturi tal-prodotti u s-servizzi, notevolment
fir-rigward tal-professjonijiet irregolati. Infurzar effettiv
tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur tista' żżid ukoll
il-fiduċja u toħloq domanda fis-suq uniku. Il-leġiżlazzjoni
tal-UE tipprovdi qafas għall-modernizzazzjoni fil-livell nazzjonali, u
biex tagħmel l-Ewropa iktar attraenti u kompetittiva kumplessivament.
L-Istati Membri wettqu għadd ta' riformi fis-settur tas-servizzi wara
d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar is-Servizzi fl-2006,
iżda l-progress kien iktar żbilanċjat riċentament.
L-implimentazzzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi ttejjeb
b'mod sinifikanti l-funzjonament tas-suq uniku għas-servizzi u tista'
twassal għal gwadann ekonomiku sa massimu ta' 1,6 % tal-PDG tal-UE
fuq medda twil ta' żmien lil him miż-0,8 % tal-PDG tal-UE
fil-livell attwali ta' implimentazzjoni.[6]
Il-persistenza ġenerali ta' għadd kbir ta' eċċezzjonijiet
għall-prinċipji ġenerali preveisti mid-Direttiva, flimkien ma'
proċessi twal ta' riforma f'għadd ata' Stati Membri, għadhom qed
ikunu ta' piż fuq l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva u
b'hekk ma jippermettux li jinħasdu l-benifiċċji kollh
atagħha. It-tisħiħ tar-riformi nazzjonali għandu jiffoka
fuq it-tneħħija tal-ostakoli segwenti: (i) rekwiżiti ta'
awtorizzazzjoni sproporzjonati u inġustifikati f'xi Stati Membri,
notevolment rekwiżiti ta' forma ġuridika u ta' parteċipazzjoni
azzjonarja. (ii) nuqqas ta' ċarezza tal-leġiżlazzjoni domestika
fir-rigward tar-regoli applikabbli għan-negozji li jipprovdu servizzi
transfruntieri; (iii) nuqqas ta' rikonoxximent reċiproku; (iv)
proċeduri amministrattivi ingumbranti, li għandhom lok għal
titjib fil-prestazzjoni tal-Punti ta' Kuntatt Uniku; (iv) progress
żbilanċjat fl-evalwazzjoni reċiproka li qed issir tar-regolamenti
professjonali u r-riformi fil-professjonijiet irregolati; (v) ostakoli li
jifdal għall-moviment ħieles ta' merkanzija. Il-Kummissjoni se
tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tneħħi dawn
l-ostakoli.[7]
5. Titjieb tal-kundizzjonijiet ta' qafas
għall-investiment fin-negozju. Sforzi biex
jissaħħu l-ambjent tan-negozju biex jiffavorixxi iktar l-investiment
huma essenzjali biex iġibu investiment privat partikolarment fi Stati
Membri bi spazju fiskali limitat għall-investiment pubbliku. Sħubijiet
pubbliċi-privati, u governanza ta' intrapriżi tal-istat se jkunu
jeħtieġu li jkunu mfassla bir-reqqa biex in-nefqa pubblika u
l-investiment privat ikunu iktar effiċjenti. Kuntratti ta' akkwist
pubbliku għandhom jinfetħu ulterjorment, partikolarment bl-użu
ta' leġiżlazzjoni tal-UE. Dan jimplika wkoll li l-kapaċità
amministrattiva tal-awtoritajiet ta' akkwist għall-ippjanar u
l-implimentazzjoni tissaħħaħ, partikolarment permezz tal-akkwist
elettroniku. F'ħafna każijijiet, huma meħtieġa wkoll
effiċjenza mtejba tal-proċeduri u iktar trasparenza. Oqfsa ta'
insolvenza li jiffunzjonaw sew huma wkoll kruċjali għal
riallokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. 6. Titjib
tal-kwalità tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) L-investimen fir-R&I fil-livell nazzjonali u reġjonali
għandu rwol kritiku biex jixpruna tkabbir sostenibbli. L-Istati Membri
għandhom ikomplu jipprioritizzaw l-investiment pubbliku fir-riċerka u
l-innovazzjoni, waqt li jiżguraw l-effiċjenza tagħhom u l-ingranaġġ
fir-rigward tal-investiment privat. L-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq
il-kwalità tal-istituzzjonijiet tar-R&I, fuq il-proċessi tagħhom
għall iżvilupp tal-istrateġija u t-tfassil tal-politika u fuq
il-programmi. Fl-istess waqt, jeħtieġ li jżommu r-ritmu
tar-riformi biex jiżguraw ambjent li jiffavorixxi l-investiment, li huwa
kundizzjoni neċessarja għall-investiment tan-negozju fir-R&I u
għal SME innovattivi li qed jikbru b'mod rapidu. 7. Titjib
tal-effiċjenza fl-amministrazzjoni pubblika. L-amministrazzjonijiet
pubbliċi mal-UE qed ikomplu jiffaċċaw l-isfida li jagħtu
"aħjar imma b'inqas", jiġifieri jlaħħqu
mal-ħtiġijiet pubbliċi fi żminijiet ta' baġits iktar
stretti, itejbu l-ambjent tan-negozji billi jtaffu l-piżijiet
amministrattivi u regolatorji għall-impriżi u ċ-ċittadini,
u jadattaw għall-ħtiġijiet tal-ekonomija diġitali. Din
għadha ta' sfida fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Għadd
minnhom bdew riformi istituzzjonali jew territorjali, bl-objettiv doppju li
jinkiseb iffrankar ta' flus permezz tar-razzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet
tagħhom. u l-iżgurar ta' teħid tad-deċiżjonijiet u
implimentazzjoni bla intoppi tar-riformi permezz ta' kjarifika tal-kompetenzi
tas-saffi istituzzjonali u governattivi varji. Addizzjonalment,
similarment għall-Programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni
tar-regolamentazzjoni mwettaq fil-livell tal-UE, il-biċċa l-kbira
tal-Istati Membri jeħtieġ li jfittxu li jiksbu simplifikazzjoni u
approċċ iktar diġitali għall-amministrazzjoni pubblika.
It-tneħħija ta' burokrazija żejda u ostakli regolatorji
għandhom iwasslu għal kwalità ogħla, leġiżlazzjoni
iktar sempliċi u iktar aċċessibbli u jifirxu t-triq għal
ambjent li jiffavorixxi iktar lin-negozji u liċ-ċittadini, li
min-naħa tagħhom irawmu l-investiment. F'dan ir-rigward, it-titjib
tal-effiċjenza u l'iżgurar ta' sistemi ġudizjarji indipendenti
ġusti huma preerekwiżit importanti wkoll. Hemm ħtieġa
ċara li jkunu ttrattati kwistjonijiet bħat-tul tal-proċedimenti,
l-għadd ta' kawżi pendenti, l-użu insuffiċjenti tal-ICT,
il-promozzjoni ta' mekkaniżmi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim
u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja. 4. Fl-INSEGWIMENT GĦAR-RESPONSABILITÀ FISKALI Fid-dawl taż-żieda drastika
tal-livelli tad-defiċit u tad-dejn madwar l-UE matul il-kriżi
finanzjarja, grad sinifikanti ta' konsolidazzjoni fiskali kien neċessarju
biex ikunu żgurati l-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u jkissru
ċ-ċirku vizzjuż bejn l-iżvilupp tad-dejn sovran u
l-instabilità finanzjarja. L-aġġustamenti sinifikanti li saru fis-snin
riċenti rnexxilhom inaqqsu d-defiċits u jistabbilizzaw il-livelli
tad-dejn fl-UE. It-tnaqqis qawwi fl-għadd ta' pajjiżi bi
proċedura ta' defiċit eċċessiv - li naqqsu għal 11
fl-2014 minn 24 fl-2011 - jirrifletti dan it-titjib fiskali. Skont
l-aħħar previżjonijiet, il-pożizzjoni fiskali fl-UE hija
issa mistennija tibqa' newtrali fis-snin li ġejjin, li jfisser li
l-politika fiskali mhux se żżomm lit-tkabbir milli jmur 'il quddiem. Madankollu,
id-dejn pubbliku għadu għoli ħafna u dan, flimkien ma'
pożizzjoni ta' dejn estern għoli, jagħmel lill-ekonomiji iktar
vulnerabbli għal xokkijiet avversi u jista' jaġixxi bħala
trażżin għat-tkabbir. Tali żbilanċi jistgħu
jirrapreżentaw ukoll theddida għall-funzjonament bla intoppi
taż-Żona tal-Euro kumplessivament. Iż-żieda fid-dejn
tal-gvern għad trid titreġġa lura fis-snin li ġejjin,
f'konformità mal-obbligi tal-Istati Membri skont il-Patt ta' Stabbiltà u
Tkabbir. Dan jista' jinkiseb permezz ta' politiki fiskali responsabbli u
tkabbir ekonomiku. L-ewwel nett, ir-ritmu tal-aġġustament fiskali għandu
jkunu differenzjat skont l-isfidi fiskali ffaċċati minn Sati membri
differenti. Waqt li dawk bi sfidi ta' sostenibbiltà għandhom ikomplu
jikkonsolidaw, Stati Membri bi spazju fiskali għandhom jużawh biex
isostnu t-tkabbir. L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu użu
sħiħ ta' oqfsa fiskali nazzjonali mtejba riċentament biex
jistabilixxu u jżommu mat-trajettorja fiskali ġusta. It-tieni,
il-kompożizzjoni tal-l-istrateġiji fiskali jeħtieġ li tkun
imfassal b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir. F'bosta pajjiżi, sakemm tibqa'
konsistenti mar-rekwiżiti ta' konsolidament, enfasi fuq
it-trażżin fin-nefqa possibilment flimkien ma' tnaqqis fit-taxxi li
huma l-iktar distortivi tista' tgħin biex iżżid it-tkabbir u
l-investiment. Kaxxa 4. Konsolidament fiskali responsabbli li jiffavorixxi t-tkabbir Il-mod kif l-Istati Membri għamlu l-konsolidament fiskali ma kienx jiffavorixxi wisq it-tkabbir. Huwa kien eċċessivament ikkonċentrat madwar żidiet fit-taxxi, li mhumiex ottimali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn il-piż tat-taxxa diġà huwa għoli. Fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġits nazzjonali, l-investiment pubbliku kienet il-partita l-aktra fil-mira għat-tnaqqis, minkejja l-potenzjal tat-tkabbir tagħha fost in-nefqa baġitarja. Fl-istess waqt, f'xi Stati Membri kemm id-daqs tal-aġġustamenti fiskali neċessarji u d-dinamiki tal-kriżi finanzjarja kienu jirrikjedu li jirrikorru għal soluzzjonijiet rapidi. Bil-kriżi finanzjarja li qed tbatti u bir-rittmu ta' konsolidament li qed jimmodera, il-kompożizzjoni tal-miżuri baġitarji bdiet titjib. Dan diġà kien viżibbli fl-2014 u wieħed jista' jarah ukoll fl-abbozzi ta' baġit għall-2015. It-tnaqqis fin-nefqa tal-investiment twaqqaf, waqt li l-kompożizzjoni tad-dħulijiet saret tiffavorixxi iktar it-tkabbir. Partikolarment, l-abbozzi ta' baġit għall-2015 fihom xi miżuri fiskali pożittivi li jnaqqsu il-piż tat-taxxa fuq il-manodopera, minkejja li l-livell ta' ambizzjoni xorta għadu taħt il-livell tal-isfidi. Fuq in-naħa tad-dħul, huwa
importanti li tkun żgurata sistema fiskali favorevoli għat-tkabbir u
effiċjenti. L-impjiegi u t-tkabbir jistgħu jkunu stimulati
biċ-ċaqliq tal-piż tat-taxxa lil hinn mill-manodopera lejn forom
oħra ta' taxxi li huma ferm inqas detrimentali għat-tkabbir,
bħat-taxxi rikurrenti fuq il-proprjetà l-ambjent u l-konsum, waqt li jkun
ikkunsidrat l-impatt ditribuzzjonali potenzjali fuq tali ċaqliq.
Il-piż tat-taxxa għoli fuq il-manodopera ilu problema fl-Ewropa
b'differenzi ta' 40 % bejn l-Istati Membri fil-kost involut biex ikun
impjegat ħaddiem b'paga medja u l-paga li l-ħaddiem fil-fatt
jieħu d-dar. It-twessigħ tal-bażijiet fiskali,
is-simplifikazzjoni u t-trasparenza mtejba jistgħu wkoll jgħinu biex
iżidu l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa u jtejbu l-konformità
fiskali kif ukoll il-ġlieda kontra ppjanar aggressiv tat-taxxa. Fuq in-naħa tan-nefqa, investiment
pubbliku produttiv u iktar partiti tan-nefqa kurrenti li jiffavorixxu t-tkabbir
għandhom ikunu prijoritizzati - deċiżjonijiet rapidi fuq il-Pjan
ta' Investiment għall-Ewropa propost mill-Kummissjoni se jgħinu lil
dawn il-prijoritajiet. Is-sistemi ta' protezzjoni soċjali għandu
jkollhom ir-rwol tagħhom fil-ġlieda kontra l-faqar u jrawwmu
l-inklużjoni soċjali. L-effiċjenza tal-programmi
eżiżtenti tan-nefqa fil-kisba tal-għanijiet tagħhom
għandha tkun imtejba bl-adozzjoni tar-riformi u miżuri oħra,
bħall-analiżi tal-infiq. Mill-inqas tminn Stati Membri bħalissa
jinsabu, jew kienu riċentament impenjati f'analiżi tal-infiq f'forma
jew oħra.: ir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, Franza, l-Italja,
l-Irlanda, id-Danimarka, Spanja u l-Isvezja. Il-kondivizjoni tar-riżultati
u tal-esperjenza usa' miksuba minn din l-analiżi għandhom ikunu parti
mis-sistema kumplessiva tal-governanza. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi
l-qafas xieraq biex iwassal għal-tkabbir fit-tul fil-kuntest tal-finanzi
pubbliċi sostenibbli, inkluż flessibilità fejn meħtieġ.
Huwa jenfasizza l-iżviluppi baġitarji f'termini struturali u mhux
biss fir-rigward tad-defiċit nominali. Dan jippermetti li żviluppi
lil hinn mill-kontroll tal-gvern ikunu ffiltrati, kemm jekk ikunu negattivi
(pereżempju skossi assimetriċi) jew pożittivi (pereżempju
dħulijiet imprevisti). Dan ifisser li jkollna idea aħjar
tal-pożizzjoni baġitarja sottostanti. Kull Stat Membru huwa vvalutat
individwalment, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni ekonomika u l-isfidi
nazzjonali partikolari tagħhom b'riżultat tat-tixjiħ
demografiku, ikluż fl-oqsma tal-politiki tal-pensjoni u l-kura
tas-saħħa, u l-livell tad-dejn pubbliku. 5. SIMPLIFIKAZZJONI TAS-SISTEMA TA' GOVERNANZA TAGĦNA BIEX
ISSIR IKTAR EFFETTIVA U TIŻDIED IR-RESPONSABBILTÀ Dan
l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ivara ċiklu annwali ta'
governanza ekonomika magħruf bħala s-Semestru Ewropew. Huwa
jgħaqqad is-sorveljanza tal-politika fiskali, makroekonomika u strutturali
fil-livell tal-UE qabel ma jitħejjew il-baġits nazzjonali u
d-deċiżjonijiet għas-sena segwenti. Mill-2011, is-Semestru
Ewropew intuża biex jibda u jigwida riformi fiskali u strutturali
importanti fl-Istati Membri. Flimkien ma' dan l-Istħarriġ Annwali
dwar it-Tkabbir, il-Kummissjoni wettqet analiżi
tal-leġiżlazzjoni tal-pakkett ta' sitta u dak ta' tnejn li
saħħet il-governanza ekonomika tal-UE.[8]
Is-Semestru
Ewropew sar veikolu importanti biex iwassal għal riformi fil-livelli
nazzjonali u tal-UE, billi jiżgura li l-UE u l-Istati Membri jikkordinaw
il-politiki ekonomiċi tagħhom u l-isforzi biex jippromwovu impjiegi,
tkabbir u investiment. Madankollu, il-monitoraġġ mill-Kummissjoni[9] wera li għad hemm
nuqqas ta' responsabbiltà li qed jirriżulta f'livell insodisfaċenti
tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiż, partikolarment fil-qasam tar-riformi strutturali.
Fil-preżenza tal-isfidi ekonoiċi Ewropej, il-Kummissjoni tikkunsidra
li issa huwa ż-żmien xieraq għas-simplifikazzjoni u
t-tisħiħ tas-Semestru Ewropew biex isir iktar effettiv billi jkun
iktar iffukat, iktar ċar u jkollu rwol politiku akbar fil-futur,
f'konformità mal-approċċ integrat ippreżentat
fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. Semestru Ewropew irriformat
għandu jkollu l-għan li jżid l-effikaċja tal-kordinazzjoni
tal-politika ekonomika fil-livell tal-UE permezz ta' obbligu akbar ta'
rendikont u responsabbiltà mtejba mill-atturi kollha (ara l-Anness). L-għan tas-simplifikazzjoni tas-Semestru
huwa li tiżdied ir-responsabbiltà politika, l-obbligu ta' rendikont u
l-aċċettazzjoni tal-proċess, biex tissaħħaħ
il-kredibilità u l-kumparabilità madwar l-Istati Membri u biex jgħin biex
tittejjeb l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiżi. Id-diskussjoni
dwar is-Semestru Ewropew hija importanti wkoll fid-dawl tal-analiżi ta'
nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020 li se tkun
ppreżentata fil-ħin għad-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew
tar-rebbiegħa tal-2015. Wara l-Komunikazzjoni
dwar ir-rendikont tal-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020
maħruġa f'Marzu li għadda[10]
u abbażi tal-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika, is-sommarju
tad-dibattiti fil-Kunsill u l-inputs irċevuti mill-partijiet interessati,
il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-analiżi ta' nofs it-terminu
tal-istrateġija Ewropa 2020 u se tippreżenta l-ideat tagħha
kmieni fl-2015. Biex l-UE
tirnexxi fit-twettiq tax-xogħol tagħha u l-isfida għat-tkabbir
hemm il-ħtieġa għal kunsens wiesa' fuq id-direzzjoni t-tajba
għall-politika u sostennn b'saħħtu mill-partijiet
kkonċernati għall-isforzi għar-riforma. Dan ifisser li
l-Parlamenti nazzjonali, il-partijiet soċjali u l-biċċa l-kbira
tas-soċjetà ċivili kollha jeħtieġu li jkunu iktar involuti
fl-implimentazzjoni tal-politiki li jkunu deċiżi fil-livelli tal-UE u
dawk nazzjonali. Biex il-Parlamenti nazzjonali jkunu assoċjati iktar
mill-qrib mal-proċess, kull sena, il-Parlamenti nazzjonali u l-Parlament
Ewropew jiltaqgħu matul il-ġimgħa Parlamentari biex jiddibattu
s-Semestru Ewropew bl-involviment tal-Kummissjoni. Hemm ukoll
ħtieġa ċara li jkunu mmonitorjati l-progress soċjali u
l-impatt tar-riformi maż-żmien. Diġà beda x-xogħol biex
tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u
Monetarja. Partikolarment, indikaturi tal-impjiegi u dawk soċjali qed
ikunu introdotti fil-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku u
għandhom jintużaw bis-sħiħ biex jinkiseb fehim aħjar
tas-suq tax-xogħol u l-iżviluppi u r-riskji soċjali.
Il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li l-imsieħba soċjali Ewropej
ikunu assoċjati aħjar mal-proċess tas-Semestru Ewropew. Waqt li l-ewwel
ideat se jkunu ttestjati u implimentati għas-Semestru Ewropew tal-2015,
proposta ulterjuri se jkunu elaborati fix-xhur li ġejjin bħala parti
mix-xogħol fuq l-approfondiment tal-governanza ekonomika, ikkordinat
mill-President tal-Kummissjoni, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew, dak
tal-Bank Ċentrali u tal-Grupp tal-Euro.[11] 6. KONKLUŻJONI Hemm bżonn
urġenti ta' bidu ġdid fit-tfassil tal-politika ekonomika fl-UE.
Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2015 il-Kummissjoni
tipproponi li l-UE tfittex li tikseb approċċ integrat
għall-politika ekonomika mibni madwar tliet pilastri ewlenin, li kollha
kemm huma jridu jaġixxu flimkien - biex b'hekk isaħħu
l-investiment, jaċċeleraw ir-riformi strutturali u jaraw li jiksbu konsolidament
fiskali li jiffavorixxi t-tkabbir. Bħala
kwistjoni ta' prijorità, l-Istati Membri għandhom jendorsjaw il-Pjan ta'
Investiment ta' EUR 315-il biljun propost bħala parti
mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Huma għandhom jimpenjaw
ruħhom biex jikkonkludu l-bidliet leġiżlattivi neċessarji
meħtieġa biex joħolqu l-Fond ġdid propost sa tmiem
Ġunju 2015. L-Istati Membri għandhom ukoll jimpenjaw ruħhom
li almenu kumplessivament jirdoppjaw l-istrumenti finanzjarji innovattivi
użati fl-implimentazzjoni ta' proġetti skont il-Fondi Ewropej Strutturali
u ta' Investiment fit-tliet snin li ġejjin. Skont
is-sitwazzjoni ta' kull Stat Membru, l-approċċ integrat propost
għandu jkun implimentat fuq livell nazzjonali billi tkun indirizzata
r-riġidità fis-suq tax-xogħol sabiex jittrattaw l-livelli għolja
ta' qgħad, itejbu l-flessibilità tas-swieq tas-servizzi u l-prodotti,
ifittxu li jiksbu riformi tal-pensjonijiet, itejbu l-kwalità tal-investiment
fir-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ u jtejbu
l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika. L-imsieħba soċjali
huma mistiedna biex jikkontribwixxu b'mod attiv fl-aġendi tar-riforma
domestika. Żieda
fl-involviment tal-Parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali u
l-partijiet kkonċernati fis-Semestru Ewropew hija neċessarja biex
issaħħaħ ir-responsabbiltà u l-obbligu ta' rendikont nazzjonali.
Is-simplifikazzjoni tas-Semestru Ewropew tal-2015 se tkun l-ewwel pass f'din
id-direzzjoni. L-approċċ
integrat propost jitlob tmexxija politika mill-Istati Membri, il-Parlament
Ewropew u l-Kunsill Ewropew. Il-Kummissjoni se taħdem mal-atturi kollha
biex tiżgura li l-Ewropa terġa' titpoġġa fit-triq ta'
irkupru ekonomiku sostenibbli. ANNESS Simplifikazzjoni
u tisħiħ tas-Semestru Ewropew Is-Semestru Ewropew jirreferi
għaċ-ċiklu annwali tal-kordinazzjoni tal-politika ekonomika u
baġitarja li fiha l-Istati Membri huma pprovduti bi gwida qabel ma
jieħdu deċiżjonijet ta' politika fil-livell nazzjonali. Il-gwida
hija pprovduta fil-kuntest tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-Proċedura
ta' Żbilanċ Makroekonomiku. Is-Semestru Ewropew iservi wkoll biex
jimplimenta l-Istrateġija Ewropa 2020. Is-Semestru Ewropew jibda kull sena
bil-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar
it-Tkabbir. Huwa jiddeskrivi l-prijoritajiet ekonomiċi ġenerali
għall-UE. Huwa jkun diskuss mill-istituzzjoniijiet l-oħra u
jikkontribwixxi għad-diskussjoni li twassal għall-Kunsill Ewropew
tar-Rebbiegħa. L-Istati Membri jippreżentaw programmi nazzjonali
fir-rebbiegħa ta' kull sena. Il-Kummissjoni mbagħad tipproponi
rakkomandazzjonijiet ta' politika speċifiċi għall-pajjiż
lil kull Stat Membru, fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħha
tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u l-programmi nazzjonali. L-oqsma rilevanti
kollha ta' politika huma koperti: riformi fiskali, makroekonomiċi u
strutturali Ir-rakkomandazzjonijiet huma diskussi fil-Kunsill u endorsjati
mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, qabel ma finalment ikunu adottati
mill-Kunsill. L-Istati Membri huma mistennija jirriflettu
r-rakkomandazzjonijiet fil-pjanijiet baġitarji u politiki tagħhom
għas-sena sussegwenti u jimplimentawhom fit-12-il xahar ta' wara. Waqt li s-Semestru Ewropew saħħaħ
il-kordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-livell tal-UE, l-implimentazzjoni
limitati jew xi kultant saħansitra n-nuqqas ta' implimentazzjoni
tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tefgħu
dubji fuq l-effikaċja tiegħu. Semestru Ewropew simplifikat u
msaħħaħ għandu jibni fuq il-qawwiet eżistenti
tal-proċess u jindirizza d-dgħufijiet tiegħu, billi
jissimplifika l-istadji varji u l-eżiti tagħhom, billi jtejjeb il-koperazzjoni
u d-djalogu mal-Istati Membri, billi jillimita r-rekwiżiti
għar-rapportar, billi jtejjeb in-natura multilaterali tal-proċess u
billi jsaħħaħ ir-responsaabilità fil-livelli kollha. L-issimplifikar tal-eżiti
tal-Kummissjoni u l-possibilità ta' iktar feedback dwar l-analiżi
tal-Kummissjoni. Il-prattika li jkun ippreżenatat
l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rapport dwar
il-Mekkaniżmu ta' Twissija b'mod konġunt fil-ħarifa taħdem
sew, minħabba li ż-żewġ dokumenti jikkumplimentaw lil
xulxin u huma stipulati fl-approċċ kumplessiv tal-UE għas-sena
li ġejja. Madankollu, iż-żewġ dokumenti speċifiċi
għall-pajjiż prodotti iktar tard fil-proċess, id-dokumenti ta'
Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaw ir-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għall-pajjiżi u l-Analiżi Profonda
ppreżentati bħala segwitu għar-rapport dwar il-Mekkaniżmu
ta' Twissija, huma attwalment ippreżentati f'żewġ punti
differenti fir-rebbiegħa. Valutazzjoni ekonomika unika komprensiva
għal kull Stat Membru li tipprovdi l-bażi għar-rakkomandazzjonijiet
li għandhom ikunu indirizzati lill-Istati Membri jtejbu l-koerenza
tal-proċess u jnaqqsu l-piż amministrattiv. Pubblikazzjoni iktar
bikrija tad-dokumenti - pereżempju f'Marzu - tippermetti wkoll għal
iktar trasparenza u feedback possibbli dwar l-analiżi tal-Kummissjoni. Simplifikazzzjoni tar-rekwiżiti
tar-rapportar tal-Istati Membri Ir-rekwiżiti
tar-rapportar tal-Istati Membri għandhom ikunu proporzjonati u jkollhom
valur miżjud. Huma għandom isegwu approċċ "għid
darba biss", li bih l-informazzjoni disponibbli miġbura permezz ta'
dokumenti jew missjonijiet fuq il-post tkun kondiviża b'mod effettiv u
riutilizzata, waqt li l-iffokar tax-xogħol fil-livell Ewropew jintefa' fuq
l-analizzar u l-aġġornament tagħha. Il-Programm Nazzjonali ta'
Riforma jista' jkollhom rwol importanti ta' komunitarizzazzjoni u
responsabbiltà jekk ikunu ffukati mill-ġdid, biex jipprovdu input
nazzjonali iktar immirat fl-analiżi tal-Kummissjoni fi stadju iktar bikri
u jekk il-Parlamenti nazzjonali u l-imsieħba soċjali jkunu involuti fil-formulazzjoni
tagħhom. Titjib tan-natura multilaterali
tal-proċess: Ir-responsabbiltà tas-Semestru
Ewropew mill-Istati Membri għadha kumplessivament dgħajfa wisq
fil-livell nazzjonali, iżda wkoll fil-livell Ewropew. Dan jillimita
l-kwalità tad-diskussjoni u sussegwentament l-implimentazzjoni
tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. F'oqsma
fejn l-għodod ta' sorveljanza huma iktar b'saħħithom, bħal
fl-oqfsa tal-finanzi pubbliċi u dawk fiskali, ir-rekord ta'
implimentazzjoni hu ogħla b'mod sinifikanti. Proċess issimplifikat
għandu jippermetti iktar żmien biex il-gwida tal-UE tkun
eżaminata u diskussa. Il-preżentazzjoni bikrija tal-analiżi
speċifika għall-pajjiż tal-Kummissjoni tgħin ukoll f'dan ir-rigward.
Barra minn hekk, flimkien mal-Presidenza tal-Kunsill, għandu jkun
possibbli li jittejjeb il-kontroeżami tal-prestazzjoni u l-politiki matul
is-sena. Komparabilità mtejba tal-azzjonijiiet politiki u l-eżiti madwar
l-Istati Membri tgħin ukoll il-pressjoni mill-pari u tinforma ulterjorment
diskussjonijiet multilaterali tematiki. L-iskambju ta' opinjonijiet dwar
il-monitoraġġ tal-Kummissjoni dwar it-twettiq ta' riformi huwa
partikolarment importanti fil-kuntest tal-preparazzjoni tad-diskusjoni
tal-Kunsill tal-abbozz ta' rakkomandazzjonijiet u fid-dawl tad-dibattitu
fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju. Ftuħ tal-proċess u impenn akbar ma'
atturi oħra: Il-leġittimità demokratika
tal-proċess tas-Semestru Ewropew xi drabi kienet iddubitata. Fi snin
riċenti, il-Kummissjoni gradwalment stabbilit djalogu iktar profond u
iktar permanenti mal-Istati Membri, permezz ta' laqgħat bilaterali,
diskussjonijiet iktar immirati fil-kumitati tal-Kunsill u missjonijiet
tekniċi iktar mifruxa. Kien hemm ukoll titjib fl-involviment parlamentari.
Fir-rigward tal-Parlament Ewropew, involviment mill-qrib sar possibbli permezz
tad-Djalogu Ekonomiku, introdott mill-leġiżlazzjoni tal-Pakkett ta'
sitt proposti leġislattivi, li jjipprovdi għal diskussjonijiet bejn
il-Parlament Ewropew min-naħa, u l-Istati Membri, il-Kunsill,
il-Kummissjonin, il-Kunsill Ewropew u l-Grupp tal-Euro min-naħa
l-oħra. Addizzjonalment, il-Parlament ikollu dibattiti politiki importanti
f'mumenti kruċjali tas-Semestru Ewropew. Il-konoxxenza tal-Parlamenti
nazzjonali dwar is-Semestru Ewropew żdiedet matul is-snin, grazzi
għall-implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Pakkett ta'
żewġ proposti leġiżlattivi u involviment iktar dirett
tal-Kummissjoni permezz ta' preżentazzjonijiet u dibattiti. Minkejja tali
żviluppi pożittivi, hemm lok għal djalogu usa', mhux biss mal-Parlamenti,
iżda wkoll mal-imsieħba soċjali. Pereżempju, fil-futur
il-Kummissjoni tista' taħdem mal-Parlament Ewropew u l-imsieħba
soċjali fil-livell Ewropew qabel ma jkun ippreżentat
l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u tkompli d-dibattitu wara
l-adozzjoni tiegħu. Fuq il-bażi tal-analiżi speċifika
għall-pajjiz, il-Kummissjoni tista' taħdem ukoll mal-Parlament
Ewropew biex tiddiskuti l-aspetti orizzontali emerġenti u, skont
ir-relevanza, mal-imsieħba soċjali biex tirċievi feedback dwar
kwistjonijiet topiċi speċifiċi għal pajjiż. [1] Ara l-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni
l-ġdida tal-15 ta’ Lulju 2014: http://ec.europa.eu/about/juncker-commission/docs/pg_en.pdf
[2] It-Tbassir
tar-Rebbiegħa 2014 tal-Kummissjoni, l-4 ta' Novembru 2014: http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2014/pdf/ee7_en.pdf [3] Kif imħabbar fil-Linji gwida Politiċi
għall-Kummissjoni l-ġdida tal-15 ta’ Lulju 2014. [4] Dan huwa partikolarment il-każ għall-Italja
(-25 %), il-Portugall (-36 %), Spanja (-38 %), l-Irlanda
(-39 %) u l-Greċja(-64 %). [5] "Mapping the Cost of Non-Europe 2014-19",
studju ppubblikat mill-Parlament Ewropew f’Lulju 2014. [6] J.
Monteagudo, A. Rutkowski, D. Lorenzani, "The economic impact of the
Services Directive: A first assessment following implementation", Economic
Papers 456, Ġunju 2012, http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/economic_paper/2012/pdf/ecp_456_en.pdf [7] COM(2012) 261
tat-8 ta' Ġunju 2012. [8] COM(2014) 905
tat-28 ta' Novembru 2014. [9] Il-valutazzjonijiet mill-Kummissjoni huma
ppreżentati fid-dokumenti annwali ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaw
ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż
http://ec.europa.eu/europe2020/making-it-happen/country-specific-recommendations/index_mt.htm [10] COM(2014) 130
finali, "Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal
tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv", http://ec.europa.eu/europe2020/pdf/europe2020stocktaking_mt.pdf
u http://ec.europa.eu/europe2020/pdf/europe2020stocktaking_mt.pdf [11] Kif miftiehem fis-Samit taż-Żona tal-Euro
tal-24 ta' Ottubru 2014.