EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0225

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000

/* COM/2014/0225 final */

52014DC0225

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 /* COM/2014/0225 final */


Introduzzjoni

Il-mobilità dejjem tikber taċ-ċittadini fl-Unjoni[1] wasslet għal żieda fin-numru ta’ familji b’dimensjoni internazzjonali, b'mod partikolari familji li l-membri tagħhom huma ta’ nazzjonalità differenti, jgħixu fi Stati Membri differenti jew wieħed jew aktar minnhom jgħixu fi Stat Membru li huma ma jkunux persuni nazzjonali tiegħu. Skont l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tadotta miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili b’implikazzjonijiet transfruntieri. Meta l-familji jinfirdu, tali kooperazzjoni tkun partikolarment meħtieġa sabiex it-tfal ikollhom ambjent ġuridiku sikur biex iżommu relazzjonijiet ma’ persuni li għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuqhom u jkunu jistgħu jgħixu fi Stat Membru ieħor.

Ir-Regolament Nru 1347/2000 li jistabbilixxi r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi dwar divorzju, separazzjoni u annullament ta' żwieġ kif ukoll sentenzi dwar responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi kien l-ewwel strument adottat fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet tal-liġi tal-familja[2]. Dan ir-Regolament tħassar bir-Regolament Nru 2201/2003[3] (normalment magħruf bħala r-Regolament Brussell IIa, minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”). Ir-Regolament huwa l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Dan japplika mill-1 ta’ Marzu 2005 għall-Istati Membri kollha ħlief għad-Danimarka.[4]

Ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi biex jiġu solvuti l-kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni bejn l-Istati Membri u tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ sentenzi, strumenti awtentiċi u ftehimiet fl-Unjoni billi jiġu preskritti dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tagħhom fi Stat Membru ieħor. Dan jikkumplimenta l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-aspetti ċivili ta' sekwestru internazzjonali ta’ minuri[5] (minn hawn 'il quddiem "il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980") u jistabbilixxi r-regoli speċifiċi fir-rigward tar-relazzjoni ma' diversi dispożizzjonijiet stipulati fil-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta' Ottubru 1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal[6] (minn hawn 'il quddiem "il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996")[7].

Ir-Regolament ma jinkludix regoli li jiddeterminaw liema liġi tapplika għal tilwim transfruntier fl-oqsma msemmija fih. B’rabta mal-liġi applikabbli, f’Novembru 2004 il-Kunsill Ewropew kien diġà talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta Green Paper dwar ir-regoli dwar il-kunflitt ta' liġijiet fi kwistjonijiet marbuta mad-divorzju[8]. Fl-2006, il-Kummissjoni pproponiet emendi għar-Regolament fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni u l-introduzzjoni ta' regoli dwar il-liġi applikabbli fi kwistjonijiet matrimonjali (minn hawn ’il quddiem “il-proposta tal-Kummissjoni tal-2006 biex jiġi emendat ir-Regolament”)[9]. Ma seta' jintlaħaq l-ebda qbil b'unanimità fil-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar il-liġi applikabbli u għalhekk il-Kummissjoni rtirat il-proposta tal-2006 biex jiġi emendat ir-Regolament[10]. Abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni[11], 14-il Stat Membru qablu li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom[12] u adottaw ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 li jimplimenta r-regoli li jiddeterminaw il-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali[13] (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament Ruma III"). Din kienet l-ewwel darba li l-kooperazzjoni msaħħa ntużat fl-Unjoni. Min-natura tagħha, kooperazzjoni msaħħa hija miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha bl-għan aħħari li r-Regolament Ruma III jiġi adottat mill-Istati Membri kollha. Mill-adozzjoni tar-Regolament Ruma III żewġ Stati Membri aktar oħra ddeċidew li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa.[14]

Dan ir-rapport tħejja skont l-Artikolu 65 tar-Regolament.[15] Dan isegwi l-istruttura tar-Regolament billi jagħmel rieżami f'sezzjonijiet separati tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi u l-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali tal-Istati Membri. Ir-rapport jiffoka wkoll b’mod aktar speċifiku fuq għadd ta’ kwistjonijiet transversali, jiġifieri r-ritorn tal-minuri f’każijiet ta’ sekwestru tat-tfal mill-ġenituri, l-infurzar ta’ sentenzi u t-tqegħid tal-minuri fi Stat Membru ieħor.

Ir-rapport huwa l-ewwel valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament sa issa u ma jimplikaxli hu eżawrjenti. Dan huwa bbażat fuq kontribut riċevut mill-membri tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (minn hawn 'il quddiem "l-NĠE")[16] kif ukoll fuq studji disponibbli[17], il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-liġi applikabbli u ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet ta' divorzju[18], il-proposta tal-Kummissjoni tal-2006 biex jiġi emendat ir-Regolament u l-ħidma li saret fil-qafas tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privata dwar is-segwitu tal-1980 u l-Konvenzjonijiet tal-Aja tal-1996. Fl-aħħar nett, dan jikkunsidra l-ittri taċ-ċittadini, l-ilmenti, il-petizzjonijiet u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “QtĠ-UE”) fir-rigward tar-Regolament.

1.           Ġuriżdizzjoni

1.1.        Kwistjonijiet matrimonjali

Minħabba l-ammont dejjem jikber ta’ koppji internazzjonali u tar-rata għolja tad-divorzju fl-Unjoni, il-ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali tikkonċerna numru sinifikanti ta’ ċittadini kull sena[19]. Ir-regoli tal-ġuriżdizzjoni tar-Regolament għenu biex jiġi ssimplifikat il-qafas legali f’sitwazzjoni diġà diffiċli għall-individwi kkonċernati. Madankollu, issemmew xi diffikultajiet rigward dawn ir-regoli.[20]

L-ewwel nett, il-bażi alternattiva (aktar milli ġerarkika) tal-ġuriżdizzjoni stabbilita fir-Regolament flimkien man-nuqqas ta’ regoli dwar il-kunflitt ta' liġijiet armonizzati fl-Unjoni kollha kemm hi tista' twassal lil wieħed mill-konjuġi għall-“urġenza biex il-każ jitressaq quddiem il-qorti”, jiġifieri, biex japplika għad-divorzju qabel il-konjuġi l-ieħor biex jiżgura li l-liġi applikata fil-proċedimenti tad-divorzju tissalvagwardja l-interessi tiegħu jew tagħha[21]. Ir-Regolament Ruma III naqqas il-possibbiltà għall-urġenza biex il-każ jitressaq quddiem il-qorti minn wieħed mill-konjuġi billi jistabbilixxi regoli armonizzati biex tiġi determinata l-liġi applikabbli fi kwistjonijiet matrimonjali fl-Istati Membri parteċipanti. Madankollu, minħabba li r-Regolament għadu ma japplikax fl-Istati Membri kollha, il-liġi applikabbli għal tilwim matrimonjali tista' tvarja skont ir-regoli dwar il-kunflitt ta' liġijiet (ir-Regolament Ruma III jew ir-regoli nazzjonali) applikabbli fl-Istat Membru tal-proċedimenti. L-"urġenza biex il-każ jitressaq quddiem il-qorti" tista’ twassal għall-applikazzjoni ta’ liġi li l-konvenut ma jħossx li għandu rabtiet mill-qrib magħha jew li ma tqisx l-interessi tiegħu/tagħha. Din tista' tikkomplika aktar l-isforzi ta’ rikonċiljazzjoni u tħalli ftit żmien għall-medjazzjoni.

It-tieni nett, ir-Regolament ma jistipulax il-possibiltà lill-konjuġi sabiex jagħżlu l-qorti kompetenti permezz ta’ ftehim komuni. It-tendenza fi strumenti tal-Unjoni riċenti fi kwistjonijiet ċivili hija li tingħata l-possibiltà għal xi awtonomija tal-partijiet (ara, pereżempju, ir-Regolament dwar il-Manteniment tal-2008[22] jew ir-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet tal-2012[23]). L-introduzzjoni  ta’ awtonomija tal-partijiet limitata fir-Regolament li tippermetti lill-konjuġi li jiftiehmu dwar il-qorti kompetenti tista’ tkun ta’ siwi partikolari f’każijiet ta’ divorzju b’kunsens reċiproku, speċjalment minħabba li l-konjuġi jkollhom il-possibbiltà skont ir-Regolament Ruma III biex jaqblu dwar il-liġi applikabbli għat-tilwim matrimonjali tagħhom.

It-tweġibiet riċevuti fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2006 li temenda r-Regolament diġà indikaw il-ħtieġa li tissaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt u l-prevedibbilità bl-introduzzjoni ta’ awtonomija limitata tal-partijiet u biex tiġi evitata l-“urġenza biex il-każ jitressaq quddiem il-qorti”[24]. Dawn żvelaw ukoll li l-Artikolu 6 li jikkonferma n-natura esklussiva tal-ġuriżdizzjoni ddeterminata skont l-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament jista' joħloq konfużjoni u kien superfluwi minħabba li l-Artikoli 3, 4 u 5 jiddeskrivu f’liema ċirkostanzi qorti jkollha ġuriżdizzjoni esklussiva.[25]

Ir-regoli tal-ġuriżdizzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni tal-2006 biex jiġi emendat ir-Regolament, il-proposta tal-Kummissjoni tal-2011 dwar kwistjonijiet ta’ reġim tal-proprjetà matrimonjali u r-regoli tal-ġuriżdizzjoni li jinsabu f’Regolamenti riċenti fi kwistjonijiet ċivili[26] jistgħu jitqiesu bħala mudell possibbli biex jittejbu r-regoli tal-ġuriżdizzjoni attwali fi kwistjonijiet matrimonjali.

1.2.        Kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri

Ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri indipendentement minn xi rabta ma’ proċedimenti matrimonjali biex tkun żgurata l-ugwaljanza għat-tfal kollha. Dan jirrifletti ż-żieda sinifikanti tal-għadd ta' twelid barra ż-żwieġ matul dawn l-aħħar żewġ deċenni fi kważi l-Istati Membri kollha, li jindika bidla fix-xejra tal-formazzjoni tal-familja tradizzjonali[27]. Kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jinkludu drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess għal minorenni.

Ir-Regolament jistabbilixxi regoli ta’ ġuriżdizzjoni ġenerali bbażati fuq ir-residenza abitwali tal-minuri (l-Artikolu 8) biex jiġi żgurat li jkun hemm rabta bejn il-minuri u l-Istat Membru li jkun qed jeżerċita l-ġuriżdizzjoni[28]. Dan il-prinċipju jissaħħaħ permezz tad-dispożizzjonijiet tal-ġuriżdizzjoni applikabbli f’każijiet ta’ sekwestru tat-tfal transfruntier (l-Artikolu 10). F’dawn il-każijiet, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri immedjatament qabel il-sekwestru tat-tfal (minn hawn ’il quddiem “il-qorti ta’ oriġini”) iżommu l-ġuriżdizzjoni sakemm il-minuri jakkwista residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u ċerti kundizzjonijiet addizzjonali jkunu ġew issodisfati, partikolarment sakemm sentenza dwar kustodja li ma jinvolvix ir-ritorn tal-minuri tkun inħarġet mill-qorti tal-oriġini.[29]

Filwaqt li nstabu utli mill-esperti, ir-regoli dwar il-proroga tal-ġuriżdizzjoni li jiffavorixxu soluzzjoni konsenswali u, b’mod partikolari, biex jiġu evitati li proċedimenti ta' divorzju u ta' responsabbiltà tal-ġenituri jiġu ttrattati minn qrati fi Stati Membri differenti (l-Artikolu 12), qajmu mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati[30]. Min-naħa tagħhom, id-dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment ta’ ġuriżdizzjoni għal qorti li tkun f’pożizzjoni aħjar biex tisma' l-kawża jekk dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri (l-Artikolu 15) ħolqu diffikultajiet f’xi każijiet fir-rigward tal-funzjonament tagħhom, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-qorti li qed issirilha t-talba sikwit tonqos milli tgħarraf lill-qorti li qed tagħmel it-talba fil-ħin li se taċċetta l-ġuriżdizzjoni.

F’każijiet urġenti, miżuri provviżorji jistgħu jeħtieġu li jiġu adottati mill-qrati ta’ Stat Membru fir-rigward ta' minuri preżenti fit-territorju tagħhom anki jekk dawn il-qrati ma jkollhomx ġuriżdizzjoni fuq il-bażi tal-kwistjoni (l-Artikolu 20). Il-QtĠ-UE tat gwida dwar kif jiġu applikati l-miżuri provviżorji f’każijiet ta’ sekwestru ta' minuri. Din ikkjarifikat li l-qorti tal-Istat Membru li fih seħħ il-każ ta' sekwestru tal-minuri mhijiex permessa li tapplika miżura provviżorja li tagħti kustodja lil ġenitur dwar il-minuri li huwa/hija fit-territorju tiegħu/tagħha jekk qorti li jkollha ġuriżdizzjoni kienet mogħtija provviżorjament kustodja lil ġenitur wieħed qabel is-sekwestru u din is-sentenza kienet ġiet dikjarata infurzata f’dak l-Istat Membru.[31]

Ir-regola lis pendens, fejn it-tieni qorti li jkollha quddiema l-każ trid tissospendi l-proċedimenti sakemm il-ġuriżdizzjoni tal-ewwel qorti tiġi stabbilita biex jiġu evitati proċedimenti paralleli fi Stati Membri differenti u deċiżjonijiet kontradittorji, wasslet għal mistoqsijiet ta’ interpretazzjoni.[32] Il-QtĠ-UE ċċarat li din ir-regola ma tapplikax fejn l-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jkollha l-pussess biss għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji u t-tieni qorti li quddiemha titressaq azzjoni li timmira lejn l-istess miżuri hija l-qorti ta’ Stat Membru ieħor li jkollha l-ġuriżdizzjoni dwar il-bażi tal-kwistjoni.[33]

Sa fejn l-interpretazzjoni mogħtija mill-QtĠ-UE jistgħu jiġu inkorporati fir-Regolament għandhom jiġu studjati, kif ukoll kif l-applikabilità prattika ta' ċerti dispożizzjonijiet jistgħu jittejbu.

1.3.        Kwistjonijiet ta' ġuriżdizzjoni komuni għal kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri

Fi kwistjonijiet matrimonjali, il-qorti ta’ Stat Membru jkollha ġuriżdizzjoni jekk (i) mill-anqas wieħed mill-konjuġi jkun abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru għal ħin minimu, jew (ii) iż-żewġ konjuġi għandhom in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru irrispettivament minn jekk ikunux jgħixu fl-Unjoni jew fi Stat terz (l-Artikolu 3). Skont id-dispożizzjonijiet tal-ġuriżdizzjoni residwa tar-Regolament (l-Artikolu 7), l-aċċess tal-konjuġi għal qorti ta’ Stat Membru meta jkunu ta’ nazzjonalitajiet differenti tal-Unjoni u jgħixu fi Stat terz jiddependi fuq il-liġi ta’ kull Stat Membru.[34]

Fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri dwar minuri, il-qorti ta’ Stat Membru bħala regola għandha ġuriżdizzjoni jekk il-minuri jkunu abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fil-mument li titressaq il-kawża quddiem il-qorti (l-Artikolu 8). Jekk il-minuri għandu r-residenza abitwali tiegħu/tagħha fi Stat terz, il-ġuriżdizzjoni xorta tista' tiġi stabbilita fi Stat Membru sakemm il-ġenituri jkunu espressament aċċettaw il-ġuriżdizzjoni u li dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri (l-Artikolu 12). Jekk il-ġenituri ma jaqblux, il-possibbiltà li jingħata bidu għal proċedimenti quddiem qorti ta’ Stat Membru fuq minuri abitwalment residenti barra l-Unjoni tiddependi, skont id-dispożizzjonijiet tal-ġuriżdizzjoni residwa, dwar il-liġi ta’ kull Stat Membru (l-Artikolu 14).[35]

Fir-rigward ta’ kemm kwistjonijiet matrimonjali kif ukoll ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, in-nuqqas ta’ regola uniformi u komprensiva dwar il-ġuriżdizzjoni residwa jirriżulta li ċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkollhomx aċċess ugwali għall-ġustizzja. Fil-fatt, ir-regoli tal-Istati Membri dwar il-ġuriżdizzjoni huma bbażati fuq kriterji differenti u mhux dejjem jiżguraw aċċess effettiv għall-qorti minkejja rabta mill-qrib tal-applikant jew il-konvenut ma’ Stat Membru. Dan jista' jwassal għal sitwazzjonijiet fejn la Stat Membru u lanqas Stat terz ma jkollu il-ġuriżdizzjoni fuq il-kwistjoni[36] u għal diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw min-nuqqas ta' regoli komuni fuq l-effetti ta' sentenzi ta' Stat terz fl-Unjoni[37].

Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-istrumenti leġiżlattivi riċenti bħar-Regolament dwar il-Manteniment jew ir-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, ir-Regolament ma jinkludix forum necessitatis[38]. Bażi ta' ġuriżdizzjoni bħal din kienet mitluba mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2010 dwar il-proposta għar-Regolament Ruma III.[39]

Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jiddeterminaw f’liema każijiet il-qrati ta' Istat Membru jistgħu jirrifjutaw il-ġuriżdizzjoni tagħhom favur qorti fi Stat terz joħloq inċertezza kbira[40]. Ir-Regolament Brussell I[41] gie emendat riċentement bir-Regolament Brussell I Riformulat[42] biex jintroduċi, fost emendi oħra, dispożizzjoni li tindirizza din il-kwistjoni.

Il-proposti tal-Kummissjoni u l-iżviluppi reċenti fil-qasam leġiżlattiv f’materji ta’ dritt ċivili[43] jistgħu jgħinu fir-rieżami tar-Regolament dwar dawn il-kwistjonijiet filwaqt li jiġi kkunsidrat li, fi kwistjonijiet ta' responsibbiltà tal-ġenituri, l-aħjar interessi tal-minuri għandhom ikunu l-prinċipju ewlieni.

2.           Ir-rikonoxximent u l-eżegwibbiltà

Il-protezzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri hija waħda mill-objettivi prinċipali tal-azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta' rikonoxximent u eżegwibbiltà, b’mod partikolari billi tingħata espressjoni konkreta lid-dritt fundamentali tal-minuri li jżomm kuntatt maż-żewġ ġenituri, kif stipulat fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Karta”). Barra minn hekk, ir-Regolament għandu l-għan li jikseb iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ sentenzi fil-kwistjonijiet matrimonjali u ta’ responsabbiltà tal-ġenituri kollha[44]. L-abolizzjoni tal-exequator fil-qasam tal-liġi ċivili u l-introduzzjoni possibbli ta' standards minimi komuni fir-rigward tar-rikonoxximent u l-eżegwibbiltà tad-deċiżjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri kienet identifikata fil-Programm ta' Stokkolma[45] u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma[46] bħala l-bażi għall-ħidma futura tal-Kummissjoni fi kwistjonijiet ċivili.

Ir-Regolament huwa l-ewwel strument tal-Unjoni li abolixxa l-exequatur fi kwistjonijiet ċivili fir-rigward ta’  ċerti deċiżjonijiet, jiġifieri sentenzi ċertifikati dwar id-drittijiet ta’ aċċess għall-minuri u ordnijiet iċċertifikati għar-ritorn f’każijiet ta’ sekwestru tal-minuri. Dan estenda wkoll il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi għad-deċiżjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri (il-protezzjoni tal-minuri minkejja l-eżistenza ta’ rabtiet matrimonjali bejn il-ġenituri) biex b’hekk jitlesta, skont il-Programm ta’ Stokkolma, l-ewwel stadju tal-programm ta’ rikonoxximent reċiproku, bil-għan aħħari jibqa' l-abolizzjoni tal-exequatur għad-deċiżjonijiet kollha.

Il-fatt li ċerti kategoriji ta’ sentenzi ma jibbenefikawx mill-abolizzjoni tal-exequatur iwassal għal proċeduri kumplessi, twal u li għaljin, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sentenzi dwar kwistjonijiet t' responsabbiltà tal-ġenituri. Dan jista’ jwassal ukoll għal sitwazzjonijiet kontradittorji fejn Stat Membru jrid jirrikonoxxi d-drittijiet ta’ aċċess skont ir-Regolament (u t-talbiet ta’ manteniment għall-minuri skont ir-Regolament dwar il-Manteniment) filwaqt li, fl-istess ħin, jista’ jiġi jiċħad li jirrikonoxxi d-drittijiet ta’ kustodja mogħtija fl-istess sentenza. Dan għaliex, f’oqsma oħra minbarra d-drittijiet ta’ aċċess, u r-ritorn ta' minuri f’ċerti każijiet ta' sewestru, ir-rikonoxximent jista' ma jiġix approvat għar-raġunijiet stabbiliti fir-Regolament u trid tinkiseb dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà qabel ma s-sentenza tista’ tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor.[47]

Fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ sentenzi fi kwistjonijiet kemm matrimonjali kif ukoll ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, l-użu tal-bażi tal-“politika pubblika” ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent kien rari. Madankollu, fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, inħolqu diverġenzi sinifikanti fil-prattika fir-rigward ta’ applikazzjoni usa’ jew aktar ristretta ta’ din il-bażi[48]. Barra minn hekk, fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, ta' spiss inħolqot bażi ta' oppożizzjoni kien minħabba l-fatt li s-sentenza tkun ingħatat mingħajr ma l-minuri ngħata l-opportunità li jinstema'[49]. F’dan ir-rigward, diffikultajiet partikolari jinqalgħu minħabba l-fatt li l-Istati Membri għandhom regoli diverġenti li jirregolaw is-smigħ tal-minuri.

Kumplikazzjonijiet joriġinaw ukoll mill-fatt li l-Istati Membri ma jinterpretawx it-terminu “infurzar” b’mod uniformi, li wassal għall-adozzjoni ta’ politiki inkonsistenti tal-Istati Membri dwar liema sentenzi marbutin mar-responsabbilità tal-ġenituri jeħtieġu dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà. Dan għandu konsegwenzi importanti fejn, pereżempju, persuna tinħatar bħala l-gwardjan tal-minuri minn qorti ta’ Stat Membru u dan il-gwardjan jitlob għal ħruġ ta’ passaport fi Stat Membru ieħor. F’dawn il-każijiet, xi Stati Membri jeħtieġu biss ir-rikonoxximent tas-sentenza li tattribwixxi t-tutela filwaqt li, oħrajn, minħabba li l-ħruġ ta’ passaport huwa att ta’ infurzar, jeħtieġu dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tas-sentenza li tattribwixxi t-tutela qabel ma l-passaport ikun jista' jinħareġ.

Għandha tiġi kkunsidrata l-pertinenza ta' estensjoni tal-abolizzjoni tal-exequatur għal kategoriji oħra ta' deċiżjonijiet f'konformità mal-leġiżlazzjoni riċenti tal-Unjoni[50]. F’dan ir-rigward, il-funzjonament tal-bażi attwali ta’ rifjut għar-rikonoxximent u l-eżegwibbiltà ta’ sentenza għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġu stabbiliti s-salvagwardji meħtieġa. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta' standards proċedurali minimi komuni, b’mod partikolari rigward is-smigħ tal-minuri[51], tista' ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, b’hekk, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rikonoxximent u l-infurzar.

3.           Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali

Ir-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Din il-kooperazzjoni hija essenzjali għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament. L-Awtoritajiet Ċentrali jridu, pereżempju, jiġbru u jiskambjaw informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-minuri (pereżempju f’konnessjoni mal-kustodja jew il-proċedimenti ta’ ritorn tal-minuri), jgħinu lid-detenturi ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li jkollhom is-sentenzi tagħhom rikonoxxuti u infurzati (b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta’ aċċess u r-ritorn tal-minuri) u jiffaċilitaw il-medjazzjoni.  L-Awtoritajiet Ċentrali jiltaqgħu wkoll regolarment fil-qafas tal-NĠE biex jiskambjaw opinjonijiet dwar il-prattiki tagħhom kif ukoll sabiex jiddiskutu bilateralment dwar każijiet li għadhom għaddejjin.[52]

Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali, b’mod partikolari f’diskussjonijiet bilaterali, instabet li kienet utli ħafna fir-rigward tal-każijiet ta' sekwestru ta' minuri transfruntiera. Fir-rigward ta’ dawn il-każijiet, il-Programm ta’ Stokkolma jsemmi espressament li, minbarra l-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti legali eżistenti f’dan il-qasam, il-possibbiltà li tintuża l-medjazzjoni familjari fil-livell internazzjonali għandha tiġi studjata filwaqt li jiġu kkunsidrati l-prattiki siewja fl-Istati Membri. Skont dan, grupp ta' ħidma li ġie stabbilit fil-qafas tal-NĠE ingħata mandat biex jipproponi mezzi effiċjenti sabiex tittejjeb il-medjazzjoni tal-familja fil-każijiet ta' sekwestru internazzjonali ta' minuri mill-ġenituri[53].

Minkejja t-tħaddim pożittiv ġenerali tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni, dawn ġew ikkunsidrati bħala mhux speċifiċi biżżejjed. B’mod partikolari, l-esperti rrappurtaw diffikultajiet b’rabta mal-obbligu li tinġabar u tiġi skambjata l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-minuri[54]. It-tħassib ewlieni huwa marbut mal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li l-applikazzjonijiet għall-informazzjoni mhux dejjem ġew ttrattati fil-ħin kif ukoll it-traduzzjoni tal-informazzjoni skambjata. Barra minn hekk, jeżistu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward l-assistenza pprovduta mill-Awtoritajiet Ċentrali lid-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri li jfittxu l-infurzar ta’ sentenzi ta' drittijiet ta’ aċċess.

L-effiċjenza tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tista’ tittejjeb billi jiġu kkunsidrati strumenti oħra tal-liġi tal-familja (b’mod partikolari, ir-Regolament tal-Manteniment) jew billi jiġu żviluppati gwidi ta’ prattika xierqa skont il-gwida tal-NĠE għal każijiet ta’ sekwestru ta' minuri[55]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tikkontribwixxi biex tinbena l-fiduċja bejn l-Istati Membri, inklużi ma' korpi għall-protezzjoni tal-minuri tal-Istati Membri biex jittejjeb il-fehim tal-kuntest transfruntier u l-aċċettazzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda fi Stat Membru ieħor.

4.           Sekwestru ta' minuri mill-ġenituri transfruntier: Ħruġ ta’ ordni għar-ritorn

Meta l-ġenituri jkunu jgħixu flimkien huma normalment jeżerċitaw ir-responsabilità tal-ġenituri fuq it-tfal tagħhom b’mod konġunt. F’każ ta’ separazzjoni u divorzju, il-ġenituri jridu jiddeċiedu, permezz ta’ ftehim reċiproku jew fil-qorti, kif se jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom fil-ġejjieni. Madankollu, wieħed mill-akbar riskji li jaffettwa l-minuri f’każijiet ta’ separazzjoni u divorzju huwa l-fatt li jittieħed mill-pajjiż tiegħu ta’ residenza abitwali minn ġenitur wieħed. L-impatt negattiv tas-sekwestru tal-minuri mill-ġenituri fuq it-tfal u fuq il-ġenitur l-ieħor huma sinifikanti biżżejjed li ttieħdu miżuri kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni.

Wieħed mill-objettivi prinċipali tar-Regolament huwa li jkun evitat is-sekwestru ta' minuri bejn l-Istati Membri u l-minuri jiġu mħarsa mill-effetti negattivi fuqhom billi jiġu stabbiliti proċeduri li jiżguraw ritorn immedjat tal-minuri lejn l-Istat Membru ta’ residenza abitwali immedjatament qabel is-sekwestru tiegħu[56]. F’dan ir-rigward, ir-Regolament jikkumplimenta l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi jikkjarifika wħud mill-aspetti tagħha, partikolarment is-smigħ tal-minuri, il-perjodu ta’ żmien biex tittieħed deċiżjoni wara li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal ritorn u r-raġunijiet għal nuqqas ta' ritorn tal-minuri. Dan jintroduċi wkoll id-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-ritorn kunfliġġenti u ordnijiet biex ma jsirx ritorn maħruġa fi Stati Membri differenti.

Il-QtĠ-UE u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (minn hawn ’il quddiem “il-QEDB”) stabbilixxew għadd ta’ prinċipji fil-ġurisprudenza tagħhom dwar is-sekwestru internazzjonali tal-minuri bl-aħjar interessi tat-tfal bħala l-ewwel kunsiderazzjoni. Il-QtĠ-UE kkonfermat il-prinċipju li r-Regolament għandu l-għan li jimpedixxi s-sekwestru tal-minuri bejn l-Istati Membri u jikseb ir-ritorn tagħhom mingħajr dewmien ladarba jkun seħħ sekwestru[57]. Min-naħa tagħha, il-QtĠ-UE ddeċidiet[58] li, ladarba jinstab li t-tfal tneħħew b'mod illeċitu, l-Istati Membri għandhom l-obbligu biex jieħdu l-passi adegwati u effettivi sabiex jiżguraw ir-ritorn tal-minuri u n-nuqqas li jsir dan jikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-ħajja tal-familja kif stipulat fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (minn hawn 'il quddiem "il-KEDB")[59].

Ir-Regolament jipprovdi li l-qorti li ssirilha applikazzjoni għal ritorn ta’ minuri trid taqta' s-sentenza sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni. Il-qrati tal-Istati Membri mhux dejjem irnexxielhom jilħqu din l-iskadenza[60]. Madankollu, huwa ċar, kif ikkonfermaw l-esperti, li skadenza ta’ sitt ġimgħat li matulha d-deċiżjoni trid tkun ittieħdet hija kruċjali biex tingħata importanza li jiġi żgurat li r-ritorn tal-minuri jseħħ malajr.

F'każijiet ta' kunflitt bejn ordni biex ma jsirx ritorn maħruġa mill-qorti tal-Istat Membru li fih il-minuri ġie ssekwestrat u ordni ta' ritorn sussegwenti adottata mill-qorti tal-oriġini, ir-Regolament jiddeċiedi favur tal-aħħar sabiex jiżgura r-ritorn tal-minuri[61]: fejn l-ordni ta' ritorn tkun ċertifikata mill-qorti tal-oriġini, tibbenifika mill-abolizzjoni tal-exequatur, jiġifieri tkun rikonoxxuta u infurzata immedjatament fl-Istat Membru fejn il-minuri ġie ssekwestrat mingħajr il-ħtieġa ta' dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà u mingħajr il-possibbiltà li r-rikonoxximent tagħha jiġi miċħud[62]. Tali ordni ta' ritorn ma teħtieġx sentenza finali dwar il-kustodja tal-minuri minn qabel, billi l-iskop tal-ordni ta' ritorn huwa wkoll li tikkontribwixxi biex tiġi solvuta l-kwistjoni tal-kustodja tal-minuri.[63]

Il-qorti tal-oriġini toħroġ biss iċ-ċertifikat li jakkumpanja l-ordni ta' ritorn jekk ċerti salvagwardji proċedurali jkunu ġew applikati matul il-proċedura quddiemha, b’mod partikolari jekk il-partijiet u l-minuri ngħataw l-opportunità li jinstemgħu[64]. Minħabba d-diverġenzi bejn l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni ta’ dawn is-salvagwardji, b’mod partikolari fir-rigward tas-smigħ tal-minuri, fil-fażi tal-infurzar jistgħu jinqalgħu diffikultajiet.

Fid-dawl ta’ li ntqal hawn fuq, jista’ jiġi eżaminat jekk l-inkorporazzjoni  tal-ġurisprudenza rilevanti tal-QtĠ-UE fir-Regolament tiffaċilitax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ ritorn. L-adozzjoni ta’ standards minimi komuni dwar is-smigħ tal-minuri għandha tiġi kkunsidrata wkoll biex tissaħħaħ l-effettività tal-ordnijiet ta' ritorn.

5.           Kwistjonijiet ta’ infurzar ġenerali

Għadd ta’ kwistjonijiet ta’ infurzar japplikaw b’mod trasversali għal kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ordnijiet ta' ritorn f’każijiet ta’ sekwestru ta' minuri mill-ġenituri.

Ir-Regolament jipprovdi li sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor u ddikjarata eżegwibbli fl-Istat Membru tal-infurzar trid tiġi infurzata skont l-istess kundizzjonijiet daqslikieku kienet ingħatat hemmhekk.[65]

Minħabba li l-proċedura ta' infurzar hija rregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-infurzar u jeżistu differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali, jinqalgħu diffikultajiet rigward l-infurzar tad-deċiżjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri. Xi sistemi nazzjonali ma jkunx fihom regoli speċjali għall-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-liġi tal-familja u l-partijiet iridu jirrikorru għal proċeduri disponibbli għal deċiżjonijiet ċivili jew kummerċjali ordinarji, li ma jqisux il-fatt li, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, iż-żmien huwa irreversibbli[66]. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ proċeduri differenti tal-Istati Membri (pereżempju, dwar id-dritt ta’ appell, li jissospendi l-effetti tas-sentenza) ma tistax tiggarantixxi infurzar effettiv u rapidu tas-sentenzi.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-infurzar ta’ ordnijiet ta’ ritorn f’każijiet ta’ sekwestru ta' minuri mill-ġenituri, ir-Regolament jipprovdi li ordni iċċertifikata ta' ritorn maħruġa mill-qorti tal-oriġini għandha tiġi infurzata fl-Istat Membru tal-infurzar bl-istess kundizzjonijiet daqslikieku kienet ingħatat hemm u li l-ordni ma tistax tiġi infurzata jekk tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza infurzabbli sussegwenti.[67]

Il-QtĠ-UE saħħet il-pożizzjoni tal-qrati ta' oriġini fil-ġurisprudenza tagħha. Skont dan, ebda eċċezzjoni ma tista' titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-infurzar li tmur kontra l-infurzar tal-ordni tar-ritorn ċertifikata u s-sentenza tal-infurzar sussegwenti tista' tirreferi biss għal sentenza mogħtija mill-qorti tal-oriġini. Barra minn dan, il-qrati ta’ oriġini huma l-uniċi intitolati li jeżaminaw l-isfidi għall-ġuriżdizzjoni tagħhom, applikazzjoni biex jiġi sospiż l-infurzar ta' ordni ta’ ritorn ċertifikata u bidla taċ-ċirkostanzi sussegwenti fl-ordni ta’ ritorn ċertifikata li tista' tkun ta’ detriment serju għall-aħjar interessi tal-minuri[68]. Bl-istess mod, il-qorti fl-Istat Membru tal-infurzar ma tistax tmur kontra l-infurzar ta’ ordni ta’ ritorn ċertifikata fuq il-bażi li l-qorti tal-oriġini tista’ tkun kisret id-dispożizzjonijiet li jirregolaw iċ-ċertifikat interpretat skont l-Artikolu 24 dwar id-drittijiet tal-minuri tal-Karta, billi l-valutazzjoni ta’ jekk hemmx ksur bħal dan hija l-kompitu esklussiv tal-qorti tal-oriġini.[69] Il-QEDB użat raġunament simili fil-ġurisprudenza tagħha.[70]

Fil-prattika, jibqgħu diffikultajiet marbutin mal-infurzar attwali tal-ordnijiet ta' ritorn[71], kemm jekk huwa l-infurzar ta' ordni ta' ritorn maħruġa minn qorti ta' Stat Membru fit-territorju ta' dak l-Istat Membru fejn il-minuri ġie sekwestrat[72], jew l-infurzar ta' ordni ta' ritorn ċertifikata maħruġa mill-qorti tal-oriġini f'dak l-Istat Membru. Minħabba li l-proċeduri ta’ infurzar huma soġġetti għal-liġi tal-Istat Membru tal-infurzar, il-mezzi tal-infurzar jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. F’xi Stati Membri, il-proċeduri tal-infurzar jistgħu fil-fatt idumu għal aktar minn sena minħabba li l-qrati tal-infurzar jeżaminaw mill-ġdid il-bażi tal-każ[73], filwaqt li l-ordnijiet ta' ritorn għandhom jiġu infurzati immedjatament. F’dan ir-rigward, il-QtĠ-UE ddikjarat li, anki jekk l-objettiv tar-Regolament mhuwiex li jingħaqqdu flimkien ir-regoli sostantivi u proċedurali tal-Istati Membri, huwa madankollu importanti li l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ma tippreġudikax l-effett utli tar-Regolament[74]. Il-QEDB bl-istess mod enfasizzat li l-proċedimenti relatati mar-ritorn tal-minuri u l-infurzar tad-deċiżjoni finali li tinvolvi r-ritorn tal-minuri jirrikjedu trattament urġenti minħabba li t-tul ta' żmien jista’ jkollu konsegwenzi irrimedjabbli għar-relazzjonijiet bejn it-tfal u l-ġenitur li jgħixu miegħu. L-adegwatezza ta’ miżura trid għalhekk tiġi ġġudikata bl-implimentazzjoni rapida tagħha.[75]

L-objettiv ewlieni tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-liġi proċedurali ċivili huwa li l-fruntieri bejn l-Istati Membri ma għandhomx jikkostitwixxu ostakolu għall-infurzar tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċvili. Sabiex l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament issir aktar effettiva, speċjalment fil-qasam kritiku tar-ritorn tal-minuri, il-Kummissjoni se teżamina mill-ġdid l-infurzar tad-deċiżjonijiet f’dan il-qasam, inkluż l-adegwatezza tal-introduzzjoni ta’ standards ta’ infurzar minimi komuni.

6.            It-tqegħid tal-minuri fi Stat Membru ieħor

Fl-Artikolu 56 ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tqegħid tal-minuri taħt kura istituzzjonali jew ma’ familja tar-rispett fi Stat Membru ieħor. Fejn il-qorti ta’ Stat Membru tikkunsidra t-tqegħid tal-minuri fi Stat Membru ieħor u l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi huwa meħtieġ fl-Istat ospitanti għal każijiet domestiċi tat-tqegħid tal-minuri, il-qorti għandha tikkonsulta mal-Awtorità Ċentrali jew ma' awtorità kompetenti oħra fl-Istat ospitanti u tikseb il-kunsens tal-awtorità kompetenti f’dak l-Istat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-tqegħid. Bħalissa, il-proċeduri ta’ konsultazzjoni u kunsens huma rregolati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, li jfisser li japplikaw proċeduri ta' Stati Membri interni diverġenti. L-Awtoritajiet Ċentrali jridu jikkooperaw, fejn mitlub, fl-għoti ta’ informazzjoni u assistenza.[76]

Il-QtĠ-UE kkonfermat li s-sentenza ta' tqegħid qabel ma tista’ tiġi infurzata fl-Istat Membru ospitanti, trid tiġi ddikjarata eżegwibbli f’dak l-Istat Membru. Bażi għal nuqqas ta' approvazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà ta' deċiżjoni ta' tqegħid ta' minuri fi Stat Membru ieħor hija n-nuqqas ta' konformità tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 56 tar-Regolament[77] biex tiġi evitata l-miżura ta' tqegħid fuq l-Istat ospitanti. Sabiex ir-Regolament ma jonqosx milli jkun effettiv, il-QtĠ-UE żiedet li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà trid issir b'mod rapidu u li l-appelli mressqa kontra din id-deċiżjoni ma jkollhomx effett sospensiv[78]. Minkejja dawn l-osservazzjonijiet, l-esperti rrapportaw li l-applikazzjoni tal-proċedura tal-exequatur għad-deċiżjonijiet ta' tqegħid tkun kumplikata ħafna minħabba l-ħtiġiet tat-tfal.

L-applikazzjoni ta’ proċedura uniformi u komuni, li tippermetti applikazzjoni aktar rapida u effiċjenti tad-dispożizzjonijiet tat-tqegħid tal-minuri fi Stat Membru ieħor tista’ għalhekk tiġi studjata bħala mezz sabiex jingħelbu problemi rrappurtati.

Konklużjoni

Ir-Regolament huwa strument li jiffunzjona tajjeb li wassal għal benefiċċji importanti liċ-ċittadini. Huwa ffaċilita s-soluzzjoni ta’ tilwim transfruntier f’każijiet matrimonjali u ta’ responsabbiltà tal-ġenituri permezz ta’ sistema komprensiva ta’ regoli ta’ ġuriżdizzjoni, sistema effiċjenti ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali tal-Istati Membri, il-prevenzjoni ta’ proċedimenti paralleli u ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ sentenzi, strumenti awtentiċi u ftehimiet. Id-dispożizzjonijiet dwar ir-ritorn tal-minuri li jikkumplimentaw il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 li għandhom il-għan li jiskuraġġixxu s-sekwestru ta’ minuri mill-ġenituri bejn l-Istati Membri jitqiesu bħala partikolarment utli.

Madankollu, hemm indikazzjonijiet abbażi tad-dejta u r-rispons preliminari mill-esperti li r-regoli eżistenti jistgħu jittejbu. Sabiex jiġi studjat b’mod komprensiv it-tħassib identifikat f’dan ir-rapport, il-Kummissjoni beħsiebha tniedi evalwazzjoni politika ulterjuri tar-regoli eżistenti u l-impatt tagħhom fuq iċ-ċittadini. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tniedi wkoll konsultazzjoni pubblika. Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni u t-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni kif xieraq.

Anness

Studju dwar il-qafas Ewropew għad-dritt internazzjonali privat tal-2012: Diskrepanzi attwali u perspettivi futuri u , imħejji minn Prof. Dr. Xandra Kramer (Direttur xjentifiku), is-Sur Michiel de Rooij, LL.M. (kap tal-proġett), Dr Vesna Lazić, Dr. Richard Blauwhoff u s-Sinjura Lisette Frohn, LL.M., disponibbli fuq:

http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201212/20121219ATT58300/20121219ATT58300EN.pdf

Studju dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta żjarat f’separazzjonijiet transfruntiera tal-2010), imħejji mill-Institut Suisse de droit comparé (ISDC), disponibbli fuq:

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/etudes/join/2010/425615/IPOL-PETI_ET(2010)425615_EN.pdf

Studju dwar l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta' żjarat transfruntiera, imħejji minn Dr Gabriela Thoma-Twaroch, il-President tal-Qorti Distrettwali ta' Josefstadt, Vjenna, disponibbli fuq:

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/note/join/2010/432735/IPOL-JURI_NT(2010)432735_EN.pdf

Studju dwar l-Interpretazzjoni tal-Eċċezzjoni tal-Politika Pubblika kif imsemmi fi strumenti tal-UE tad-Dritt Internazzjonali Privat u d-Dritt proċedurali tal-2010, imħejji mill-Prof. Burkhard Hess u l-Prof. Thomas Pfeiffer, l-Università ta' Heidelberg, disponibbli fuq:

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/etudes/join/2011/453189/IPOL-JURI_ET(2011)453189_EN.pdf

Studju ta' Rapport dwar il-ġuriżdizzjoni Residwa tal-2007 imħejji mill-Prof. A. Nuyts, disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm

Studju Komparattiv dwar il-proċeduri tal-infurzar tad-drittijiet tal-familja tal-2007, imħejji minn T.M.C. ASSER Institut, disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm

Studju biex jipprovdi informazzjoni dwar Valutazzjoni tal-Impatt sussegwenti dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli fi kwistjonijiet tad-divorzju tal-2006, imħejji mill-Konsorzju Ewropew għall-Evalwazzjoni tal-Politika (EPEC) - Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Valutazzjoni tal-impatt SEC(2006) 949.

Evalwazzjoni dwar il-problemi prattiċi li jirriżultaw min-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-għażla tar-regoli tad-Dritt fi Kwistjonijiet ta' Divorzju tal-2002, imħejji minn T.M.C. ASSER Institut, disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm

[1]               Fl-2011 kien hemm 33,3 miljun ċittadin barrani residenti fl-Unjoni-27, 6,6 % tal-popolazzjoni totali. Il-maġġoranza, 20,5 miljun, kienu ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-Unjoni, filwaqt li l-kumplament jiġifieri 12,8 miljun kienu ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni. Billi ċ-ċittadinanza tista' tinbidel maż-żmien, ikun utli wkoll li l-informazzjoni tiġi ppreżentata skont il-pajjiż tat-twelid. Fl-2011 kien hemm 48,9 miljun resident barrani fl-Unjoni, 9,7 % tal-popolazzjoni totali. Minn dawn, 32,4 miljun ma twieldux fl-Unjoni u 16,5 miljun twieldu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni (Statistics in Focus, 31/2012: “Kważi żewġ terzi mill-barranin li joqogħdu fl-Istati Membri tal-UE huma ċittadini ta’ pajjiżi barra l-UE-27”, Eurostat).

[2]               Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tat-29 ta’ Mejju 2000 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi, ĠU L 160, 30.6.2000, emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2116/2004 tat-2 ta’ Diċembru 2004, ĠU L 367, 14.12.2004.

[3]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.

[4]               Id-Danimarka, skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, u għalhekk la hija marbuta bih u lanqas ma hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Għall-fini ta’ dan ir-rapport, it-terminu “Stati Membri” ma jinkludix id-Danimarka.

[5]               Il-Konvenzjoni tapplika fl-Istati Membri kollha.

[6]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2002 li tawtorizza lill-Istati Membri, fl-interess tal-Komunità, li jiffirmaw il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, ĠU L 48, 21.2.2003, p. 1. Il-Konvenzjoni tapplika fl-Istati Membri kollha minbarra l-Belġju u l-Italja, li ffirmaw il-Konvenzjoni iżda għadhom ma rratifikawhiex.

[7]               Dan ir-Regolament japplika: (i) fejn it-tfal għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru u (ii) fir-rigward tar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru, anki jekk it-tfal għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat terz li huwa Parti fil-Konvenzjoni; L-Artikolu 61.

[8]               Il-Programm tal-Aja: it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2004.

[9]               Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u li jintroduċi regoli dwar il-liġi applikabbli f'materji matrimonjali (COM (2006) 399 final).

[10]             ĠU C 109, 16.4.2013, p. 7.

[11]             Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Nru. …/2010/UE li tawtorizza koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (COM(2010) 104 final - 2010/0066 (APP)); Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (COM(2010) 105 final-2010/0067 (CNS)).

[12]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (2010/405/UE), ĠU L 189, 22.7.2010, p. 12. L-14-il Stat Membru li stabbilixxew il-kooperazzjoni msaħħa bejniethom huma l-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja.

[13]             Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal- 20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali Ir-Regolament Ruma III japplika fl-14-il Stat Membru oriġinali mill-21 ta’ Ġunju 2012.

[14]             Ir-Regolament Ruma III se japplika fil-Litwanja sa mit-22 ta’ Mejju 2014 (ĠU L 323, 22.11.2012, p. 18) u fil-Greċja mid-29 ta’ Lulju 2015 (ĠU L 23, 28.1.2014, p. 41).

[15]             L-Artikolu 65 jipprovdi li, sal-1 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

[16]             B’mod partikolari, id-diskussjonijiet fil-qafas tal-laqgħat u t-tweġibiet tal-NĠE għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni tal-2013. Ara wkoll il-Gwida tal-NĠE dwar l-aħjar prattiki u l-istandards minimi komuni, disponibbli fuq: https://e-justice.europa.eu/content_parental_responsibility-46-en.do.

[17]             Ara l-Anness għal dan ir-rapport.

[18]             COM(2005) 82 final.

[19]             Minn madwar 122 miljun żwieġ fl-Unjoni, madwar 16-il miljun (13 %) għandhom dimensjoni transfruntiera. Mit-2,4 miljun żwieġ iċċelebrat fl-Unjoni fl-2007, madwar 300 000 jaqgħu taħt din il-kategorija. Dan kien japplika wkoll għall-140 000 (13 %) mill-1 040 000 divorzju li seħħ fl-Unjoni fl-istess sena (ara  l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tneħħija tal-inċertezzi marbuta mad-drittijiet patrimonjali tal-koppji internazzjonali, COM(2011) 125 final). Skont id-dejta tal-Eurostat tal-2010, kull sena fl-Unjoni jsiru aktar minn 2.2 miljun kuntratt ta' żwieġ ġdid u madwar 1 miljun divorzju.

[20]             Pereżempju, inqalgħu diffikultajiet dwar l-interpretazzjoni tal-qafas tal-ġuriżdizzjoni bbażata fuq “in-nazzjonalità tal-konjuġi” (l-Artikolu 3(1)(b)) meta l-konjuġi ikollhom in-nazzjonalità tal-istess żewġ Stati Membri. Il-QtĠ-UE, filwaqt li tfakkar l-għażla tal-individwi tal-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni, b’mod partikolari f’każijiet fejn ikun ġie eżerċitat id-dritt tal-libertà ta' moviment għall-persuni,  iddikjarat li din d-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li nazzjonalità "effettiva" biss tista' tiġi kkunsidrata. Il-qrati tal-Istati Membri li l-konjuġi għandhom nazzjonalità tagħhom ikollhom il-ġuriżdizzjoni u l-konjuġi jistgħu jindirizzaw lill-qorti tal-Istat Membru tal-għażla tagħhom; Il-Kawża C-168/08 Hadadi [2009] Ġabra I-06871, paragrafi 52, 53, 58.

[21]             Wieħed mill-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2006 biex temenda r-Regolament kien li tiġi evitata din it-tip ta’ “urġenza biex il-każ jitressaq quddiem il-qorti” permezz tat-twaqqif ta’ regoli dwar il-kunflitt ta' liġijiet armonizzati fl-Istati Membri kollha. L-introduzzjoni ta’ regoli dwar il-kunflitt ta' liġijiet armonizzati kienet tnaqqas ir-riskju tal-“urġenza biex il-każ jitressaq quddiem il-qorti” minħabba li kull qorti li tiġi indirizzata fl-UE kien ikollha tapplika l-liġi determinata minn regoli komuni. Billi r-Regolament Ruma III dwar il-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali ma japplikax għall-Istati Membri kollha, it-tħassib dwar l-“urġenza biex il-każ jitressaq quddiem il-qorti” jibqa’ hemm.

[22]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-koperazzjoni f'materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar il-Manteniment").

[23]             Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, ĠU L 201, 27.7.2012, p. 107 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet").

[24]             Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2006 biex temenda r-Regolament, p. 5.

[25]             Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2006 biex temenda r-Regolament, p. 8. Ara wkoll il-Kawża C-68/7 Sundelind Lopez, [2007] Ġabra I-10403.

[26]             Il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar f’reġimi tal-proprjetà matrimonjali, COM(2011) 126 final (minn hawn ’il quddiem “il-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali”); Ir-Regolament dwar il-Manteniment; Ir-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet;

[27]             Kull sena, aktar minn 5 miljun tifel u tifla jitwieldu fit-28 pajjiż tal-Unjoni (Statistika tal-Eurostat 2004-2011). Fl-2010, madwar 38.3 % tat-tfal twieldu barra ż-żwieġ, filwaqt li ċ-ċifra korrispondenti fl-1990 kienet ta’ 17.4 % (Eurostat).

[28]             Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat gwida għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali fil-każ C-523/07 A., [2009] ECR I- 02805 u l-każ C-497/10 PPU l-Erbgħa, [2010] Ġabra I- 14309. Fir-rigward tal-Artikoli 8 u 10, il-QtĠ-UE sostniet b’mod partikolari li r-residenza abitwali tal-minuri tikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni mill-minuri f’ambjent soċjali u tal-familja u li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-minuri, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi kollha tal-fatti speċifiċi għal kull każ individwali.

[29]             L-interpretazzjoni tal-kundizzjoni tal-aħħar ġiet iċċarata mill-QtĠ-UE fil-Kawża C-211/10 PPU Povse [2010] Ġabra I-06673. Il-QtĠ-UE ddeċidiet li miżura provviżorja maħruġa mill-qorti ta’ oriġini ma tikkostitwixxix “sentenza dwar kustodja li ma tinvolvix ir-ritorn tal-minuri” u, għalhekk, ma tistax tkun il-bażi ta’ trasferiment ta’ ġuriżdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li l-minuri kien intbagħat fih illegalment. Fil-fatt, jekk l-effett ta’ xi miżura provviżorja kien telf ta’ ġuriżdizzjoni fuq il-kwistjoni ta’ kustodja tal-minuri, il-qorti kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri kien abitwalment residenti tista' tkun dissważa milli tadotta miżura proviżorja anki jekk kienet fl-interess tal-minuri (il-paragrafi 47 u 50).

[30]             B’mod partikolari skont l-Artikolu 12(3).

[31]             Il-Kawża C-403/09 PPU Detiček, [2009] Ġabra I-12193.

[32]             Fir-rigward ta’ din ir-regola, il-QtĠ-UE ddikjarat fil-Kawża C-497/10 PPU Mercredi [2010] Ġabra I-14309 li sentenzi ta’ qorti ta’ Stat Membru li jirrifjutaw li jordnaw ir-ritorn ta’ minuri fil-pront skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 għall-ġuriżdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor u li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri għal dan il-minuri ma għandhom l-ebda effett fuq sentenzi li għandhom jitwasslu fl-Istat Membru l-ieħor fil-proċedimenti dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri li ddaħħlu qabel u għadhom pendenti f’dak l-Istat Membru l-ieħor.

[33]             Il-Kawża C-296/10 Purrucker II, [2010] Ġabra I-11163.

[34]             Ara l-proposta tal-Kummissjoni tal-2006 biex jiġi emendat ir-Regolament, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2006) 949 - il-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Istudju dwar il-ġuriżdizzjoni Residwa imsemmija fl-Anness għal dan ir-rapport.

[35]             L-istudju dwar il-ġuriżdizzjoni Residwa imsemmi fl-Anness għal dan ir-rapport juri li hemm diverġenza sinifikanti bejn ir-regoli tal-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri. L-aktar differenza importanti hija li, f’madwar nofs l-Istati Membri, iċ-ċittadinanza tal-minuri (jew ta’ xi wieħed mill-ġenituri, li ħafna drabi jikkoinċidi maċ-ċittadinanza tal-minuri) hija biżżejjed biex tistabbilixxi ġuriżdizzjoni fl-Istat Membru ta’ din iċ-ċittadinanza, filwaqt li dan mhuwiex il-każ fin-nofs l-ieħor. Għalkemm f’xi wħud minn dawn l-Istati msemmija l-aħħar ikun hemm raġunijiet oħra ta’ ġuriżdizzjoni residwa li jistgħu f'ċerti ċirkustanzi jippermettu biex azzjoni titressaq fl-Unjoni, ma hemm l-ebda garanzija għal dan l-għan.

[36]             Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fi kwistjonijiet matrimonjali jekk il-konjuġi jgħixu fi Stat terz fejn ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni huma bbażati esklussivament fuq iċ-ċittadinanza tal-konjuġi, jew jekk il-konjuġi jgħixu fi Stati terzi differenti u r-residenza ta’ wieħed mill-konjuġi biss ma tkunx biżżejjed biex tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni u l-ġuriżdizzjoni mhijiex disponibbli fl-aħħar residenza abitwali tal-konjuġi. Ara, għal eżempju prattiku, il-każ attwali rappurtat fl-Istudju dwar il-qafas Ewropew għal-liġi internazzjonali privata msemmija fl-Anness għal dan ir-rapport, ta’ ċittadin Taljan u l-mara tiegħu Olandiża li żżewġu fi stat tal-Afrika u għexu hemm għal numru ta’ snin. Il-mara, li għandha karriera diplomatika, tiġi trasferita għal raġunijiet professjonali għal pajjiż tal-Asja ma’ żewġha. Imbagħad il-koppja xtaqu li jiddivorzjaw iżda dan irriżulta li ma kienx possibbli fl-istat Ażjatiku tar-residenza tagħhom. Il-ġuriżdizzjoni kienet ukoll Olandiża jew mhux disponibbli taħt regoli dwar il-ġuriżdizzjoni residwa Taljana każijiet ta’ divorzju. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-qorti ta’ Stat Membru kien ikollha l-ġuriżdizzjoni skont ir-Regolament biss jekk iż-żewġ konjuġi kellhom l-istess nazzjonalità tal-istess Stat Membru.

[37]             Ara l-Istudju dwar il-ġuriżdizzjoni Residwa imsemmi fl-Anness għal dan ir-rapport.

[38]             Il-bażi ta’ ġuriżdizzjoni li tippermetti, fuq bażi eċċezzjonali, qorti ta’ Stat Membru li jkollha ġuriżdizzjoni fuq każ li huwa marbut ma’ Stat terz, sabiex jiġu rimedjati, b’mod partikolari, sitwazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ ġustizzja, pereżempju meta l-proċedimenti jkunu impossibbli fl-Istat terz ikkonċernat (pereżempju, minħabba gwerra ċivili); ara l-Premessa 16 tar-Regolament dwar il-Manteniment. Huwa tradizzjonalment ikkunsidrat, u saħansitra ġie enfasizzat, waqt id-diskussjonijiet parlamentari f’xi Stati Membri, li din il-ġuriżdizzjoni “ta’ neċessità” hija bbażata fuq, jew saħansitra hija imposta mid-dritt għal proċess ġust skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – Studju dwar il-ġuriżdizzjoni Residwa, p. 64.

[39]             Ir-Riżoluzzjoni P7_TA(2010)0477, punt 3.

[40]             B’mod partikolari, għall-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fi Stati terzi li mhumiex Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996. Ara l-Istudju dwar il-ġuriżdizzjoni Residwa imsemmi fl-Anness għal dan ir-rapport.

[41]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[42]             Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni), ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament Brussell I Riformulat").

[43]             Ir-Regolament dwar il-Manteniment; Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2006 biex temenda r-Regolament; Il-proposta tal-Kummissjoni fi kwistjonijiet ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali; Il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet rigward il-konsegwenzi tal-proprjetà ta' soċjetà rreġistrata, (COM(2010)127 final); Ir-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet; Ir-Regolament Brussell I Riformulat.

[44]             Ir-Regolament jipprovdi li l-istrumenti awtentiċi u l-ftehimiet iridu jiġu ddikjarati infurzabbli fl-istess kundizzjonijiet bħas-sentenzi jekk dawn ikunu infurzabbli fl-Istat Membru ta' oriġini tagħhom. Il-fatt li ċ-ċertifikati użati fil-proċedura ta' exequatur jirreferu biss għal “sentenzi” ikkawża diffikultajiet.

[45]             Il-Programm ta’ Stokkolma (id-dokument tal-Kunsill Nru 17024/09 JAI 896), paragrafi 3.1.2 u 3.3.2.

[46]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Il-Kisba ta' Żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għaċ-Ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma, tal-20 ta' April 2010, COM(2010) 171 final, p. 10, 12, 23.

[47]             Fil-Kawża C-195/08 PPU Rinau, [2008] Ġabra I-05271, QtĠ-UE ċċarat li, ħlief għal sentenzi ċertifikati li jibbenefikaw mill-abolizzjoni tal-exequatur, kull parti interessata tista’ tapplika għal nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenza anki jekk l-ebda applikazzjoni għar-rikonoxximent tas-sentenza ma tkun ġiet sottomessa minn qabel. Fil-Kawża C-256/09 Purrucker I, [2010] Ġabra I-07353, il-QtĠ-UE kkonfermat li d-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ma japplikawx għall-miżuri provviżorji marbuta ma’ drittijiet ta’ kustodja li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 20.

[48]             Studju dwar l-Interpretazzjoni tal-Eċċezzjoni ta' Ordni Pubbliku msemmi fl-Anness ma’ dan ir-rapport.

[49]             Bażi oħra għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi li ta' spiss inħolqot kienet is-servizz ta’ dokumenti fejn is-sentenza tkun ingħatat f’kontumaċja, in-nuqqas ta’ konformità mal-proċedura stabbilita f’dan ir-Regolament għat-tqegħid tal-minuri fi Stat Membru ieħor u l-fatt li s-sentenza ingħatat mingħajr ma l-ġenitur ikkonċernat kellu l-opportunità li jinstema'. Dawn huma kunsiderazzjonijiet importanti li jirreferu għad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali garantit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

[50]             Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati; Ir-Regolament (KE) 1896/2006 li joħloq Proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea; Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar; Ir-Regolament dwar il-Manteniment; Ir-Regolament Brussell I Riformulat.

[51]             Ara wkoll, pereżempju, il-kunsiderazzjoni ta’ standards minimi futuri dwar is-servizz ta’ dokumenti - Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

[52]             Mill-2010, 155 każ ġew diskussi f’laqgħat bilaterali.

[53]             Ara d-dokument tal-Kunsill 16121/10, JUSTCIV 194, tat-12 ta’ Novembru 2010, Konklużjonijiet tas-seminar ministerjali organizzat mill-Presidenza Belġjana dwar il-medjazzjoni internazzjonali għall-familja f’każijiet ta’ sekwestru internazzjonali ta' minuri, disponibbli fuq http://register.consilium.europa.eu.

[54]             L-Artikolu 55(a).

[55]             Il-gwida tal-NĠE dwar l-aħjar prattiki u standards minimi komuni:

                https://e-justice.europa.eu/content_parental_responsibility-46-mt.do.

[56]             Fl-2008, kien hemm 706 applikazzjoni ta' ritorn bejn l-Istati Membri. L-istatistika turi li r-rata ta' ritorn globali bejn l-Istati Membri kienet ta’ 52 % fl-2008, filwaqt li meta l-Istat li jagħmel it-talba kien Stat terz kienet 39 %: Analiżi tal-istatistika tal-applikazzjonijiet li kien hemm fl-2008 skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili ta' Sekwestru Internazzjonali tat-Tfal — Parti II — Rapport Reġjonali, Dokument Preliminari. Nru 8 B — aġġornament ta’ Novembru 2011 għall-attenzjoni tal-Kummissjoni Speċjali ta’ Ġunju 2011, disponibbli fuq http://www.hcch.net.

[57]             Il-Kawża C-195/08 PPU Rinau, [2008] Ġabra I-05271, paragrafu 52,

[58]             Ara, pereżempju, il-Kawżi Šneersone u Kampanella vs l-Italja (applikazzjoni Nru 14737/09), paragrafu 85 (iv); Iglesias Gil u A.U.I. vs Spanja (applikazzjoni Nru 56673/00); Ignaccolo-Zenide vs Ir-Rumanija (applikazzjoni Nru 31679/96), Maire vs Il-Portugall (applikazzjoni Nru 48206/99); PP vs Poland (applikazzjoni Nru 8677/03) u Raw vs Franza (applikazzjoni Nru 10131/11).

[59]             Il-QEDB sostniet ukoll f’xi każijiet jista’ jkun ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB jekk minuri jiġi rritornat, b’mod partikolari fejn sabet li l-qorti rikjesta ma apprezzatx biżżejjed il-livell ta’ serjetà tad-diffikultajiet li l-minuri x’aktarx kien se jiltaqa' magħhom mar-ritorn lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu, li l-qorti rikjesta ma kinitx tista' tistabbilixxi b’mod infurmat jekk kienx hemm riskju fit-tifsira tal-Artikolu 13(b) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jew il-qorti rikjesta naqset milli twettaq eżami effettiv tal-allegazzjonijiet tal-applikant skont l-Artikolu 13(b) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Ara, pereżempju, il-Kawżi Šneersone u Kampanella vs l-Italja (applikazzjoni Nru 14737/09), paragrafu 95 (iv); B v Il-Belġju (applikazzjoni Nru 4320/11), paragrafu 76; X v Latvia (applikazzjoni Nru 27853/09), paragrafu 119.

[60]             Fl-2008, 15 % tal-applikazzjonijiet bejn l-Istati Membri ġew riżolti fi żmien sitt ġimgħat: ara l-analiżi tal-istatistika msemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna 56.

[61]             L-Artikoli 11(8) u 42.

[62]             Minħabba li r-Regolament għandu l-għan li jiġi żgurat ritorn rapidu tal-minuri, il-ħruġ ta’ ċertifikat mill-qorti ta’ oriġini fir-rigward tar-ritorn tiegħu ma jistax ikun soġġett għal appell, u l-uniċi eċċezzjonijiet legali li jistgħu jiġu invokati fir-rigward taċ-ċertifikat huma dawk relatati mar-rettifika tiegħu jew li joħolqu dubji dwar l-awtentiċità tiegħu skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini; Il-Kawża C-211/10 PPU Povse, [2010] Ġabra I-06673, paragrafu 73.

[63]             Il-Kawża C-211/10 PPU Povse, [2010] Ġabra I-06673, paragrafu 53. Skont il-Kawża C-195/08 PPU Rinau, [2008] Ġabra I-05271, ladarba ordni li ma jsirx ritorn‑tkun ittieħdet u mressqa għall-attenzjoni tal-qorti tal-oriġini, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-qorti tal-oriġini li toħroġ ordni ta’ ritorn ċertifikat, li l-ordni biex ma jsirx ritorn għadha mhijiex finali jew ġiet mibdula li r-ritorn tal-minuri ma jkunx attwalment seħħ.

[64]             Salvagwardji simili japplikaw għal deċiżjonijiet ċertifikati dwar id-drittijiet ta’ aċċess għall-minuri.

[65]             L-Artikolu 47.

[66]             Ara l-istudju Komparattiv dwar proċeduri ta’ infurzar ta’ drittijiet tal-familja msemmi fl-Anness ma’ dan ir-rapport.

[67]             L-istess dispożizzjonijiet ta’ infurzar japplikaw fir-rigward ta' sentenzi ċertifikati dwar id-drittijiet ta’ aċċess għal minuri; L-Artikolu 47.

[68]             Il-Kawża C-211/10 PPU Povse, [2010] Ġabra I-06673, paragrafi 74-83.

[69]             Il-Kawża C-491/10 Zarraga, [2010] Ġabra I-14247.

[70]             Il-Kawża Povse vs L-Awstrija (applikazzjoni Nru 3890/11), paragrafi 81-82.

[71]             L-ilmenti taċ-ċittadini jirreferu l-aktar għall-proċeduri ta’ infurzar diffiċli, proċedimenti twal u prattiki diverġenti tal-awtoritajiet nazzjonali.

[72]             Ara, pereżempju, il-Kawżi tal-QEDB PP vs. Il-Polonja (applikazzjoni Nru 8677/03); Shaw vs L-Ungerija (applikazzjoni Nru 6457/09); Raw et. vs Franza (applikazzjoniNru 10131/11).

[73]             Pereżempju, id-dispożizzjonijiet tal-infurzar f’xi Stati Membri jippermettu li jitressqu appelli kontra ordnijiet ta’ infurzar.

[74]             Il-Kawża C-195/08 PPU Rinau, [2008] Ġabra I-05271, paragrafu 82.

[75]             Ara, pereżempju, Shaw vs L-Ungerija (applikazzjoni Nru 6457/09)  u Raw vs Franza (applikazzjoni Nru 10131/11).

[76]             L-Artikolu 55(d).

[77]             L-Artikoli 31(2) u 23(g).

[78]             Il-Kawża C-92/12 PPU Health Service Executive.

Top