This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014AE0917
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on: A policy framework for climate and energy in the period from 2020 to 2030’ — COM(2014) 15 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwaril- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030” — COM(2014) 15 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwaril- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030” — COM(2014) 15 final
ĠU C 424, 26.11.2014, p. 39–45
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
26.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 424/39 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwaril-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030”
COM(2014) 15 final
2014/C 424/06
Relatur: |
is-Sinjura Sirkeinen |
Nhar it-8 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030
COM(2014) 15 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-22 ta' Mejju 2014.
Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta' Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'198 vot favur, 23 vot kontra u 13-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jikkonkludi li:
|
1.2 |
Il-KESE jappoġġja
|
1.3 |
Il-KESE jirrakkomanda
|
2. Introduzzjoni
2.1 |
Minn meta l-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2008 ddeċieda dwar il-miri tal-politika tal-klima u tal-enerġija ta' 20-20-20 sal-2020 inbidlu ħafna affarijiet. L-ewwel nett, l-agħar kriżi ekonomika mill-gwerra, li minnha l-Ewropa għadha biss kif bdiet tirkupra u għadha dgħajfa. It-tieni nett, atturi oħra ewlenin ma segwewx l-UE fit-twaqqif ta' miżuri biex jitnaqqas it-tibdil fil-klima. It-tielet nett, ir-rivoluzzjoni tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti bidlet b'mod drammatiku x-xena tal-enerġija, tal-inqas fis-setturi affettwati mis-settur tal-gass u b'hekk inbidel il-bilanċ tal-kompetizzjoni. Ir-raba' nett, il-prezzijiet tal-enerġija bl-imnut żdiedu b'mod rapidu tul l-aħħar snin f'partijiet kbar tal-UE, ħaġa li qegħdet il-kompetittività u l-konsumaturi vulnerabbli fir-riskju. Il-ħames nett, l-aħħar żviluppi fl-Ukraina enfasizzaw ukoll b'mod drammatiku kemm huwa importanti li l-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq is-sorsi ta' enerġija fossili mir-Russja. Is-sitt nett, saru wkoll żviluppi ġenwinament rivoluzzjonarji fit-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli, ħaġa li qed tagħmel il-produzzjoni tal-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju dejjem iktar kosteffettiva. F'dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tespandi iktar l-analiżi tagħha li “l-kostijiet tat-tranżizzjoni għall-użu baxx tal-karbonju mhumiex sostanzjalment differenti mill-kostijiet li kieku jiġġarbu f'kull każ minħabba l-ħtieġa li tiġġedded is-sistema tal-enerġija li qed teqdiem, il-prezzijiet dejjem telgħin tal-fjuwils fossili u l-aderenza għall-politiki eżistenti dwar il-klima u l-enerġija”. Barra minn hekk “... il-kostijiet tas-sistema tal-enerġija huma mistennija li jogħlew matul il-perjodu sal-2030 għal livell ta' madwar 14 % tal-PDG meta mqabbla ma' 12,8 % fl-2010. Madankollu, se jkun hemm caqliqa kbira lil hinn min-nefqa fuq il-fjuwil lejn tagħmir innovattiv li għandu valur miżjud ogħla li se jistimula l-investimenti fi prodotti u servizzi innovattivi, joħloq l-impjiegi u t-tkabbir u jtejjeb il-bilanċ kummerċjali tal-Unjoni”. Is-seba' nett, f'xi Stati Membri kien hemm għadd ta' inizjattivi interessanti għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzata, bl-involviment dirett tas-soċjetà ċivili. Dan juri b'mod ċar li l-involviment attiv u dirett taċ-ċittadini, il-kunsilli lokali u l-awtoritajiet reġjonali jillibera potenzjal reġjonali b'valur miżjud, u b'hekk itejjeb sew l-aċċettazzjoni soċjali ta' politika ġdida tal-klima u l-enerġija. U t-tmien nett, qed isir dejjem iktar ċar li t-tmexxija fil-qasam tat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli toffri potenzjal ekonomiku kbir għall-futur, u li l-iżvilupp reġjonali jrid jimxi id f'id mal-politika tal-enerġija. |
2.2 |
Fir-rigward tal-miri stabbiliti għall-2020 inkiseb progress sostanzjali. Fl-2012, l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra naqsu bi 18 % mill-1990 'l hawn u abbażi tal-miżuri miftiehma s'issa, huma mistennija jonqsu iktar b'24 % fl-2020 u sa 32 % sal-2030. Il-parti tal-enerġija rinnovabbli tal-użu finali tal-enerġija kienet 13 % fl-2012. Il-Kummissjoni Ewropea qed tistenna li din tiżdied iktar sa 21 % u 24 % fl-2020 u l-2030 rispettivament. L-intensità fl-użu tal-enerġija fl-ekonomija tal-UE naqset b'24 % mill-1995 sal-2011, anke jekk jidher li l-mira indikattiva ta' 20 % tat-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mhux ser tinkiseb. Dawn il-figuri jistgħu jiġu spjegati parzjalment mit-tnaqqis prolongat fl-attività ekonomika, ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenza ikbar fl-użu tal-enerġija. |
2.3 |
Madankollu, l-isfidi quddiemna huma dejjem iktar serji u jeħtieġu azzjoni urġenti. Il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dan l-aħħar ippubblika partijiet mill-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu, li juri li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra laħqu livelli li qatt ma rajna bħalhom minkejja l-politiki ta' mitigazzjoni stabbiliti. Fil-fehma tal-IPCC, huma biss it-tibdil kbir istituzzjonjali u teknoloġiku u investimenti sostanzjali li jistgħu jagħtu riżultat ta' possibbiltà aħjar mill-medja li t-tisħin globali mhux ser jisboq il-limitu ta' 2 gradi Celsius. |
2.4 |
Fl-2008, il-Kunsill Ewropew iddeċieda dwar mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ta' 80-95 % sal-2050, b'konformità mal-impenn internazzjonali li t-tisħin globali jitwaqqaf sa 2 gradi Celsius. Il-Kummissjoni ppreżentat pjani ta' direzzjoni korrispondenti għall-2050 għall-klima u l-enerġija. |
2.5 |
Il-KESE appoġġja b'mod attiv u segwa mill-qrib id-deċiżjonijiet ibbażati fuq il-politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u l-implimentazzjoni tagħhom. Inħarġu bosta Opinjonijiet dwar suġġetti relatati jew fuq talba ta' konsultazzjoni jew fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat, inklużi Opinjonijiet dwar in-negozjati internazzjonali dwar il-klima (1), Komunità Ewropea tal-Enerġija (2), l-ispejjeż tal-enerġija (3), il-faqar tal-enerġija (4), u l-iktar riċenti, strumenti bbażati fis-suq għal ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju (5). |
2.6 |
Din l-Opinjoni tibni fuq opinjonijiet preċedenti u tikkumplimentahom. L-istess bħal Opinjonijiet oħra tal-KESE, hija kompromess bejn fehmiet diverġenti u tkopri biss il-Komunikazzjoni dwar “Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030” (6). Fir-rigward tal-partijiet l-oħra tal-pakkett – ir-riforma tal-ETS (7), il-Komunikazzjoni dwar il-prezzijiet tal-enerġija (8), ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-gass tax-shale (9) u l-Komunikazzjoni tar-rinaxximent industrijali (10) – il-KESE ser joħroġ Opinjonijiet separati. |
3. Il-proposta qafas tal-Kummissjoni
3.1 |
Abbażi tal-pjani direzzjonali tal-klima u l-enerġija sal-2050, Green Paper għall-konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta' proposti fil-komunikazzjoni qafas għall-politika dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 imsemmija fil-punt 2.8. |
3.2 |
Il-Kummissjoni tipproponi mira ta' 40 % għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-1990 'l hawn. Is-settur tal-ETS ikollu jwettaq tnaqqis ta' 43 % meta mqabbel mal-2005, u s-settur fejn ma tapplikax l-ETS 30 %. Il-fattur annwali għat-tnaqqis tal-livell limitu tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) ser jiżdied mil-livell attwali ta' 1,74 % għal 2,2 % wara l-2020. Il-mira li ma taqax taħt l-ETS ser tiġi allokata lill-Istati Membri fil-biċċa l-kbira bl-istess metodu li qed jiġi applikat issa. |
3.3 |
Il-Kummissjoni qed tipproponi mira ta' mill-inqas 27 % tal-parti tal-enerġija rinnovabbli tal-konsum finali tal-enerġija fl-UE. Din il-mira hija vinkolanti fil-livell tal-UE imma m'għandhiex tiġi distribwita lill-Istati Membri individwali; u għalhekk mhuwiex ċar min jista' jinżamm responsabbli jekk il-mira ma tintlaħaqx. Il-parti tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku għandha tiżdied minn 21 % illum għal 45 % fl-2030. |
3.4 |
Ma tressqet l-ebda proposta dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Sa nofs l-2014 ser tiġi ppreżentata analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, u proposti oħra kkunsidrati fuq din il-bażi. |
3.5 |
Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (11) tiġi riformata billi tiġi stabbilita riżerva għall-istabbiltà tas-suq, u ppreżentat abbozz ta' regolament dwar dan il-punt. |
3.6 |
Il-Kummissjoni ssemmi wkoll il-kompetizzjoni fis-swieq integrati u l-promozzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni separata dwar il-prezzijiet tal-enerġija (12). |
3.7 |
Qed jiġi propost metodu ġdid ta' governanza, abbażi ta' pjani nazzjonali. |
3.8 |
Ġie propost sett ta' indikaturi iktar estensiv biex jiġi analizzat aħjar il-progress. |
3.9 |
Jissemmew ukoll il-politiki kumplimentari ewlenin – l-agrikoltura u l-użu tal-art, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS), l-innovazzjoni u l-finanzi. |
3.10 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tippreżenta ħarsa ġenerali tal-kuntest internazzjonali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. |
4. Il-kummenti tal-KESE dwar il-qafas 2030
4.1 |
Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni għax timmira li tiżgura li l-għanijiet tal-politika tal-klima u dik tal-enerġija jibqgħu previdibbli. Qafas regolatorju stabbli u previdibbli, u b'mod partikolari, l-implimentazzjoni koerenti tiegħu, huma prerekwiżiti għad-deċiżjonijiet u l-investimenti kbar fit-tul li huma meħtieġa biex l-iżviluppi jaqbdu d-direzzjoni mixtieqa. |
4.2 |
Element importanti tal-previdibbiltà huwa l-messaġġ li l-elementi kruċjali tal-politika qafas sal-2020 tal-klima u l-enerġija ser jibqgħu l-istess. |
4.3 |
Madankollu, il-Komunikazzjoni tqis ukoll il-bidliet enormi li saru minn meta ġiet adottata l-politika tal-2020. Minkejja l-bżonn tal-previdibbiltà, l-isfidi tal-kuntest internazzjonali li qed jinbidlu, il-ħtieġa għall-irkupru ekonomiku, kompetittività aħjar u spejjeż tal-enerġija li qed jiżdiedu jirrikjedu li l-politiki preżenti jiġu adattati. |
4.4 |
It-tisħin globali huwa theddida kbira fit-tul għall-pjaneta tagħna u l-benesseri ta' ġenerazzjonijiet futuri, iżda anke l-prosperità b'mod ġenerali. Anke llum dan diġà qed jiswilna ħafna flus. L-isforzi fl-UE għandhom ikunu orjentati lejn il-mira ta' tnaqqis ta' 80-95 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-2050. Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-mira għall-2030 tiġi stabbilita għal 40 %, anke jekk tista' titqies bħala waħda ambizzjuża. Skont il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Komunikazzjoni, il-mira ta' 35 % tkun biżżejjed biex it-tnaqqis jinżamm fit-triq lejn il-mira tal-2050. |
4.5 |
Meta l-għan “2020” għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b'20 % fl-2020 – meta mqabbel mal-1990 – ġie deċiż fl-2008, l-emissjonijiet kienu diġà naqsu b'10 % meta mqabbla mas-sena bażi tal-1990. Issa jidher li t-tnaqqis ta' 24 % se jintlaħaq sal-2020, li jfisser tnaqqis ta' 14 % fi żmien 11-il sena. Tnaqqis addizzjonali ta' 16 % ikollu jintlaħaq fi żmien għaxar snin, ħaġa li m'għandhiex tkun daqstant diffiċli fid-dawl tal-avvanzi teknoloġiċi, it-tnaqqis fil-kostijiet tal-enerġiji rinnovabbli u żieda fl-ispejjeż tal-enerġija mill-fossiliMadankollu, l-isforzi mill-1990 'l hawn naqsu b'mod konsiderevoli minħabba r-reċessjoni, ir-ristrutturar enormi li sar fl-ekonomiji li kienu komunisti u l-użu tal-mekkaniżmi ta' Kjoto. |
4.6 |
Madankollu, sabiex din il-mira tintlaħaq mingħajr impatti negattivi fuq aspetti oħra tas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali huwa tal-ikbar importanza li jiġu żgurati l-iktar miżuri kosteffettivi għall-implimentazzjoni. Għaldaqstant, il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ma għadhiex tistabbilixxi miri għas-settur tal-bijokarburanti, li huwa wieħed mill-aktar possibbiltajiet għaljin għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Il-KESE diġà kien irrakkomanda dan fl-2008 (13). F'dan ir-rigward, l-użu ta' mekkaniżmi ta' flessibbiltà li l-Kummissjoni issa qed tipproponi li jiġu esklużi wara l-2020 għandhom jiġu valutati b'mod komprensiv u diskussi b'mod mifrux; din il-valutazzjoni għandha tqis il-problemi osservati kif ukoll il-benefiċċji tal-kosteffiċjenza globali u l-iżvilupp ta' kooperazzjoni internazzjonali dwar il-klima. |
4.7 |
Il-politiki ser jaffettwaw diversi setturi tal-ekonomija b'modi differenti. Għalhekk, il-miżuri għandhom jitfasslu u jkunu mmirati bir-reqqa sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi dannużi u jiġu mħarsa l-iktar utenti vulnerabbli tal-enerġija. It-transizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju trid tkun ġusta. Fost il-kwistjonijiet ċentrali hemm it-taħriġ, l-impjiegi ta' kwalità tajba u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u possibbilment anke miżuri ta' kumpens. |
4.8 |
Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposta tal-Kummissjoni għal mira komuni ta' mill-inqas 27 % għall-parti tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Filwaqt li l-għan ta' 40 % għal-livell ta' gassijiet b'effett ta' serra jista' jitqies bħala sinjal importanti fil-politika tal-klima, anke fid-dawl tan-negozjati futuri fil-qafas tal-COP20/COP21; min-naħa l-oħra, l-iżvilupp ta' riżorsi ta' enerġija rinnovabbli bil-għan li titnaqqas id-dipendenza eċċessiva attwali fuq l-importazzjoni huwa iktar għan ta' politika tal-enerġija. Il-Kumitat jikkritika l-fatt li m'hemmx miri vinkolanti individwali għal kull Stat Membru. Bl-ebda mod m'huwa ċar kif il-Kummissjoni beħsiebha tinfurza u timmonitorja l-konformità ma' din il-mira komuni, u saħansitra, jekk hemm bżonn, tissanzjona każijiet li ma jikkonformawx magħha. |
4.9 |
It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa l-iktar mod promettenti biex naħdmu b'mod kosteffettiv lejn il-miri kollha tal-politika tal-enerġija – dawk dwar l-ambjent, l-ekonomija u s-sigurtà tal-provvista. Il-potenzjal huwa enormi iżda jeħtieġ li tittieħed azzjoni radikali. Il-KESE qed jistenna lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri ta' politika effettivi bbażati fuq il-valutazzjoni tal-impatt tiegħu iktar tard din-is-sena, b'kunsiderazzjoni tal-firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati f'dan il-qasam. Għandhom jitiqesu l-esperjenzi tal-qafas leġislattiv attwali, li ġie approvat biss dan l-aħħar. Fir-rigward tal-miri, jistgħu jiġu kkunsidrati dawk settorjali, b'mod partikolari biex jiġi sfruttat il-potenzjal kbir tas-settur tal-bini u dak tat-trasport. |
4.10 |
Il-KESE jilqa' l-metodu l-ġdid ta' governanza propost mill-Kummissjoni, bil-proċess iterattiv tiegħu biex jiġu stabbiliti l-pjani nazzjonali. It-tfassil ta' dawn il-pjani jista' joffri opportunità tajba biex jiġu involuti mhux biss il-partijiet interessati imma anke s-soċjetà ċivili usa' fil-kwistjonijiet tal-politika tal-enerġija, inkluż l-impenn għall-implimentazzjoni. L-iktar element importanti fil-proposta huwa l-ħtieġa li jiġu kkonsultati l-pajjiżi ġirien, ħaġa li għandha ssir obbligatorja qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet nazzjonali b'konsegwenzi potenzjalment mifruxa għal partijiet oħra u li jista' jservi bħala pass deċiżiv lejn Komunità Ewropea ġenwina tal-Enerġija. It-taħlit ta' diversi riżorsi u approċċi nazzjonali u b'hekk taħlitiet ta' enerġija differenti jista' joffri sistemi u swieq reġjonali kosteffettivi, ħaġa li tikkontribwixxi għall-ibbilanċjar, l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u s-sigurtà tal-provvista. Għalhekk, il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jirreaġixxu b'mod pożittiv għal proċedura effettiva ta' governanza u biex, flimkien mal-Kummissjoni u s-soċjetà ċivili, jiddeterminaw kif tista' tiġi implimentata. Dan il-metodu ġdid ta' governanza għandu jkun trasparenti u jinkludi l-involviment tas-soċjetà ċivili filwaqt li jimminimizza wkoll il-piż amministrattiv addizzjonali fuq l-Istati Membri. |
4.11 |
Is-sostenibbiltà u d-diversifikazzjoni huma għanijiet ċentrali meta l-Istati Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom biex jiddeċiedu dwar it-taħlita proprja tal-enerġija. Iż-żieda fl-użu ta' sorsi rinnovabbli ser tibqa' neċessarja għaż-żewġ raġunijiet, u għandha tkun kumplimentata minn sorsi oħra b'emissjonijiet baxxi. Il-politiki tal-UE m'għandhomx ixekklu lill-Istati Membri li jixtiequ milli jużaw l-enerġija nukleari jew li jisfruttaw riżorsi tal-enerġija indiġeni, inklużi l-gassijiet mhux konvenzjonali. |
4.12 |
Hemm bżonn iktar għajnuna għall-pajjiżi assoċjati koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-iżvilupp ta' ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju, flimkien ma' aċċess iktar faċli għat-teknoloġiji u l-appoġġ rekwiżiti għaċ-ċentri ta' riċerka minn dawn il-pajjiżi li jispeċjalizzaw fil-qasam. |
4.13 |
Il-problema tad-dipendenza qawwija ħafna tal-UE fuq l-enerġija fossila minn sorsi mhux affidabbli ġiet enfasizzata f'dawn l-aħħar ġimgħat u teħtieġ attenzjoni urġenti. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni deċiżiva biex tiġi diversifikata l-provvista tal-enerġija, kif ġie deskritt fil-punt 4.10, b'enfasi fuq ir-riżorsi li ser ikomplu jkunu disponibbli fit-tul u jipproduċu l-inqas livell possibbli ta' emissjonijiet. Hemm bżonn ukoll suq intern tal-enerġija u politika tal-enerġija esterna komuni bil-għan li jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista. |
4.14 |
Il-KESE jilqa' l-proposta biex jintuża sett ta' indikaturi iktar mifrux għal valutazzjoni iktar preċiża tal-progress. Il-kapaċità inadegwata tat-trasmissjoni transkonfinali għadha l-iktar ostaklu importanti għal suq intern ġenwin tal-enerġija. Il-mod adatt biex il-progress jiġi segwit hawnhekk hu li jiġi monitorjat l-iżvilupp tad-differenzi fil-prezzijiet bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi. |
4.15 |
Il-Kummissjoni għandha rwol importanti fir-rigward ta' dan l-iżvilupp li tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni billi b'mod gradwali tneħħi s-sussidji li jagħmlu l-ħsara u tiskrutinizza l-iskemi tal-għajnuna pubblika (14). Dan għandu japplika wkoll għall-miżuri ta' appoġġ provduti fis-sistema tal-ETS biex jiġu kkumpensati l-industriji mhedda mir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-ispejjeż tal-klima, pereżempju prezzijiet ogħla tal-elettriku. Dan il-kumpens għandu jkun sistema pan-Ewropea sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Il-KESE qed jippreżenta wkoll Opinjoni separata dwar il-proposta għar-riforma tal-ETS (15). Fil-livell internazzjonali l-Kummissjoni għandha taħdem ukoll biex ikun hemm kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni. Dan ifisser li din il-kwistjoni trid tiġi ttrattata kemm fin-negozjati mad-WTO kif ukoll fil-ftehim dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment. |
4.16 |
Parti importanti tal-pjani ta' enerġija nazzjonali hija l-politiki għas-settur fejn ma tapplikax l-ETS. Is-setturi tat-trasport u t-tisħin huma partikolarment importanti. Il-Kumitat diġà tenna kemm-il darba l-fehmiet tiegħu dwar il-politika tal-bijokarburanti u jirreferi għall-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (16). |
4.17 |
Rigward l-agrikoltura u l-użu tal-art, dawn ser jaqdu r-rwol tagħhom fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, iżda l-politiki jeħtieġu iktar analiżi u riflessjoni. Il-bijomassa sostenibbli mill-agrikoltura u l-forestrija għandhom rwol x'jaqdu fid-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija. Jekk is-settur tal-użu tal-bidla fl-użu tal-art jiġi inkluż fil-miri li ma jaqgħux taħt l-ETS, iż-żieda netta tal-bir tal-karbonju tal-foresti jkollha titnaqqas kompletament. |
4.18 |
Ħaġa oħra nieqsa mill-Komunikazzjoni hija l-informazzjoni dwar il-kisbiet fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda ekoloġiċi, li kien għan importanti tad-deċiżjonijiet 20-20-20. L-istudji s'issa jindikaw influwenza newtrali jew żgħira biss fuq l-impjieg, filwaqt li l-istrutturi tal-impjiegi ser jinbidlu radikalment. |
4.19 |
Jista' jkun li saret ekoloġizzazzjoni enormi tal-impjiegi eżistenti, bi provi, pereżempju mill-effiċjenza mtejba sew fl-użu tal-enerġija fl-industriji tal-manifattura. S'issa l-industriji li jużaw ħafna enerġija setgħu jirreaġixxu għat-tibdil fil-klima billi jtejbu l-effiċjenza tagħhom, iżda billi ġie sfruttat ħafna mill-potenzjal, it-theddida tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandha tittieħed iktar bis-serjetà fil-ġejjieni. |
4.20 |
Bosta setturi tal-industriji li jużaw ħafna enerġija fl-Ewropa qed jikkompetu fi swieq globali miftuħa mingħajr l-ebda possibbiltà li jżidu spejjeż addizzjonali b'mod unilaterali mal-prezzijiet tagħhom, u għalhekk hemm ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Ħafna drabi dawn l-industriji huma wkoll globalment l-iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-karbonju. F'dawn iċ-ċirkostanzi ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tista' twassal ukoll għal żieda fl-emissjonijiet globali. Għalhekk, il-politiki tal-UE m'għandhomx iwasslu għal żieda fl-ispejjeż tal-enerġija, la diretti u lanqas indiretti, għal dawn l-industriji, jew għandhom jinkludu dispożizzjonijiet ċari għall-kumpens ta' dawn l-ispejjeż ogħla. Id-dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom jipprevedu allokazzjoni libera u sħiħa ta' permessi għall-emissjonijiet, ibbażata fuq punti ta' riferiment li huma teknikament fattibbli, sakemm ikollna prova ta' teknoloġiji ġodda li jirriżultaw fi tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet fuq bażi ekonomika soda. |
4.21 |
Fl-aħħar mill-aħħar is-soluzzjoni ġenwina għall-isfidi tal-politika tal-klima u dik tal-enerġija hija l-innovazzjoni. L-UE u l-Istati Membri kif ukoll atturi finanzjarji oħra jridu jaġixxu issa sabiex jisfruttaw dan il-potenzjal billi jappoġġjaw kemm l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda kif ukoll tentattivi għal innovazzjonijiet pijunieri iktar riskjużi. Mingħajr qabżiet ġenwini fit-teknoloġija f'ħafna setturi l-għanijiet fit-tul ma jistgħux jinkisbu. Sabiex jitwettqu dawn l-innovazzjonijiet għandna bżonn settur industrijali kompetittiv, li jekk jadatta għal din l-isfida jkun jista' jibqa' wkoll kompetittiv u jissupera fruntieri ġodda. Il-fattur abilitanti ewlieni għal dan huwa taħriġ ta' kwalità għolja. L-industrija li tispeċjalizza fil-produzzjoni tat-tagħmir għall-ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju tista' tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u tiffaċilita l-aċċess għall-prodotti tagħha. Dan jeħtieġ l-isforzi integrati tar-riċerka u l-promozzjoni. |
4.22 |
Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima u tkompli l-provvista ta' enerġija sigura, affidabbli u affordabbli għal kulħadd fl-Ewropa jeħtieġ li kulħadd jibdel l-attitudnijiet u l-imġiba. Tkun liema tkun il-linja ta' politika li jagħżlu l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE, l-implimentazzjoni tagħha mingħajr xkiel tiddependi mill-involviment tal-partijiet kollha interessati minn stadju bikri. Kif semmejna fil-punt 4.9, is-soċjetà ċivili għandha rwol x'taqdi, u dan jista' jiġi appoġġjat mill-KESE. |
4.23 |
L-iktar kwistjoni importanti fl-isfera tal-politika tal-klima, madankollu, hija l-iżvilupp internazzjonali. Il-qafas ta' politika ppreżentat fil-Komunikazzjoni jnaqqas sew il-parti tal-UE tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra mil-livell attwali ta' 11 %. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA) ikkonkludiet li anke l-politiki attwali jistgħu jnaqqsu l-parti tal-UE għal 7 % sal-2035. L-Ewropa għandha responsabbiltà storika partikolari biex taġixxi fit-tibdil fil-klima, iżda waħedha ma tantx tagħmel differenza biex tillimita t-tibdil għal żewġ gradi. Ftehim internazzjonali ambizzjuż u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu huma għanijiet kruċjali għall-politiki tal-UE. Jekk dan ma jinkisibx, l-UE għandha terġa' tikkunsidra l-politiki proprji tagħha. B'mod parallel, għandha tingħata ħafna iktar attenzjoni, b'iktar attivitajiet, lill-adattar għat-tibdil fil-klima – dan ma jistax jibqa' jiġi injorat. |
Brussell, 4 ta' Ġunju 2014.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 67, 6.3.2014, p. 145-149.
(2) ĠU C 68, 6.3.2012, p. 15-20.
(3) ĠU C 198, 10.7.2013, p. 1-8.
(4) ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21-27.
(5) ĠU C 226, 16.7. 2014, p.1.
(6) COM(2014) 15 final.
(7) Opinjoni tal-KESE dwar “Skema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet” (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). EESC-2014-00800-00-00-AC-TRA.
(8) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija” EESC-2014-01113-00-00-AC. (Ara paġna 64 tal-Ġurnal Uffiċjali attwali).
(9) Opinjoni tal-KESE dwar “L-esplorazzjoni ta’ idrokarburi bl-użu tal-fratturazzjoni” EESC-2014-01320-00-00-AC-EDI. (Ara paġna 34 tal-Ġurnal Uffiċjali attwali).
(10) Opinjoni tal-KESE dwar “Rinaxximent industrijali Ewropew” (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). EESC-2014-00746-00-00-AC.
(11) COM(2014) 20 final.
(12) COM(2014) 21 final.
(13) ĠU C 198, 10.7. 2013, p. 56.
(14) ĠU C 226, 16.7. 2014, p. 28.
(15) ĠU C 177, 11.6.2014, p. 88.
(16) ĠU C 198, 10.7. 2013, p. 56.