Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0423

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru

/* COM/2013/0423 final - 2013/0196 (NLE) */

52013PC0423

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru /* COM/2013/0423 final - 2013/0196 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

•           Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

B’segwitu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet imsejħa “Open Skies”, fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet eżistenti bi ftehim fil-livell tal-Unjoni (il-“mandat orizzontali”). L-għanijiet ta’ ftehimiet ta’ dan it-tip huma li jagħtu aċċess mhux diskriminatorju lit-trasportaturi kollha tal-ajru tal-Unjoni Ewropea għar-rotot tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi, u sabiex il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jinġiebu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

•           Il-kuntest ġenerali

Ir-relazzjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi tradizzjonalment kienu rregolati permezz ta’ ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, l-Annessi ta’ dawn il-ftehimiet u arranġamenti bilaterali jew multilaterali relatati oħra.

Il-klawżoli tradizzjonali ta’ deżinjazzjoni fil-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri dwar is-servizzi tal-ajru jiksru l-liġi tal-Unjoni. Dawn jippermettu lil pajjiż terz jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta’ trasportatur tal-ajru li jkun ġie nnominat minn Stat Membru iżda li ma jkunx proprjetà sostanzjali ta’ dak l-Istat Membru jew taċ-ċittadini tiegħu u ma jkunx ikkontrollat effettivament minnu jew miċ-ċittadini tiegħu. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru iżda li jkunu proprjetà ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra u kkontrollati minnhom. Dan imur kontra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu eżerċitaw il-libertà tal-istabbiliment tagħhom l-istess trattament fl-Istat Membru ospitanti bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

•           Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jieħdu post jew jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet eżistenti fi tnax-il ftehim bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tal-Perù.

•           Il-konsistenza mal-politiki u mal-għanijiet l-oħra tal-Unjoni

Il-Ftehim se jaqdi mira fundamentali tal-politika tal-Unjoni dwar l-avjazzjoni esterna billi jġib il-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru konformi mal-liġi tal-Unjoni.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•           Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu

Sew l-Istati Membri u sew l-industrija ġew ikkonsultati matul in-negozjati.

Sommarju tat-tweġibiet u ta’ kif tqiesu

Tqiesu l-kummenti li saru mill-Istati Membri u mill-industrija.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

•           Sommarju tal-azzjoni proposta

F’konformità mal-mekkaniżmi u mad-direttivi mogħtija fl-Anness tal-“mandat orizzontali”, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim mar-Repubblika tal-Perù li jieħu post ċerti dispożizzjonijiet li hemm fil-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tal-Perù. L-Artikolu 2 tal-Ftehim jibdel il-klawżoli tradizzjonali ta’ deżinjazzjoni bi klawżola ta’ deżinjazzjoni tal-UE li tippermetti lit-trasportaturi tal-ajru kollha tal-UE jibbenefikaw mid-dritt tal-istabbiliment. L-Artikolu 5 jsolvi l-kunflitti potenzjali mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

•           Il-bażi legali

L-Artikoli 100(2) u 218(5) tat-TFUE

•           Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta tissejjes kollha kemm hi fuq il-“mandat orizzontali” mogħti mill-Kunsill, filwaqt li tqis il-kwistjonijiet koperti mil-liġi tal-Unjoni u l-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru.

•           Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-Ftehim se jemenda jew jikkumplimenta d-dispożizzjonijiet mogħtija fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru safejn ikun meħtieġ biss sabiex tkun żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

•           L-għażla tal-istrumenti

Il-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Perù huwa l-aktar strument effiċjenti sabiex il-ftehimiet bilaterali eżistenti kollha dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tal-Perù jinġiebu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.           ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

•           Is-simplifikazzjoni

Il-proposta tipprevedi s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tal-Perù dwar is-servizzi tal-ajru se jinbidlu b’dispożizzjonijiet fi ftehim wieħed tal-Unjoni jewinkella se jiġu kkumplimentati minn dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip.

•           Spjegazzjoni ddettaljata tal-proposta

F’konformità mal-proċedura standard għall-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, il-Kunsill qed jintalab japprova d-deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Perù dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru.

2013/0196 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu tal-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim fil-livell tal-Unjoni.

(2) Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni Ewropea, Ftehim mal-Gvern tar-Repubblika tal-Perù dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) skont id-direttivi mogħtija fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2003.

(3) Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(4) Il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) b’dan qed jiġi approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tat-tali Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Ftehim, suġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna (jew il-persuni) indikata (jew indikati) min-negozjatur tal-Ftehim.

Artikolu 3

Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data li fiha l-partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri kollha meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew[1].

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill b’dan huwa awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8(2) tal-Ftehim.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù

dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru

L-UNJONI EWROPEA,

minn naħa waħda, u

L-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-PERÙ

(minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Perù”),

min-naħa l-oħra,

(minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”),

FILWAQT LI JINNUTAW li ġew konklużi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Perù li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JINNUTAW li l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ diversi aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi,

FILWAQT LI JINNUTAW li, skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea stabbiliti f’xi wieħed mill-Istati Membri għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għar-rotot tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibbiltà għaċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi terzi li jiksbu dritt ta’ sjieda fi trasportaturi tal-ajru mogħtija liċenzja skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JAGĦRFU li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Perù li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea jridu jinġiebu f’konformità magħha sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Perù u tiġi ppreżervata l-kontinwità ta’ servizzi tal-ajru bħal dawn,

FILWAQT LI JINNUTAW li, skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, it-trasportaturi tal-ajru ma jistgħux, fil-prinċipju, jikkonkludu ftehimiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jkollhom l-għan jew l-effett li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni,

FILWAQT LI JAGĦRFU li d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Perù (i) li jirrikjedu jew jiffavorixxu l-adozzjoni ta’ ftehimiet bejn intrapriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi jew prattiki miftiehma li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru fuq ir-rotot rilevanti; jew (ii) li jsaħħu l-effetti ta’ kull ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma ta’ dan it-tip; jew (iii) li jiddelegaw lit-trasportaturi tal-ajru jew lil operaturi ekonomiċi privati oħrajn ir-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru fuq ir-rotot rilevanti jistgħu jrendu mhux effettivi r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-intrapriżi,

FILWAQT LI JINNUTAW li mhuwiex għan tal-Unjoni Ewropea, bħala parti minn dan il-Ftehim, li jiżdied il-volum totali ta’ traffiku tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Perù, li jiġi affettwat il-bilanċ bejn trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea u trasportaturi tal-ajru tar-Repubblika tal-Perù jew li jiġu nnegozjati emendi għad-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet tat-traffiku,

FTEHMU KIF ĠEJ:

ARTIKOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.           Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, il-frażi “Stati Membri” tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-frażi “Trattati tal-UE” tfisser it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.           Ir-referenzi, f’kull ftehim imniżżel fl-Anness 1, għaċ-ċittadini tal-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim, għandhom jinftehmu bħala referenzi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

3.           Ir-referenzi, f’kull ftehim imniżżel fl-Anness 1, għat-trasportaturi tal-ajru jew għal-linji tal-ajru tal-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim, għandhom jinftehmu bħala referenzi għat-trasportaturi tal-ajru jew għal-linji tal-ajru ddeżinjati minn dak l-Istat Membru.

ARTIKOLU 2

Deżinjazzjoni, awtorizzazzjoni u revoka minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea

1.           Id-dispożizzjonijiet mogħtija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom mogħtija fl-artikoli mniżżlin fl-Anness 2(a) u (b) rispettivament, f’dak li għandu x’jaqsam mad-deżinjazzjoni ta’ trasportatur tal-ajru minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, mal-awtorizzazzjoni u l-permessi tiegħu mogħtija mir-Repubblika tal-Perù u mar-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi tat-trasportatur tal-ajru rispettivament.

2.           Malli tirċievi deżinjazzjoni mingħand Stat Membru, ir-Repubblika tal-Perù għandha tagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi x-xierqa bl-inqas dewmien proċedurali, sakemm:

              it-trasportatur tal-ajru jkun stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru li jkun qed jiddeżinjah skont it-Trattati tal-UE u jkollu liċenzja valida tal-operat skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea; u

              l-Istat Membru li huwa responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru tiegħu jeżerċita u jżomm kontroll regolatorju effettiv fuqu u l-awtorità ajrunawtika rilevanti hija identifikata b’mod ċar fid-deżinjazzjoni; u

              t-trasportatur tal-ajru jkun, direttament jew b’maġġoranza ta’ ishma, proprjetà ta’, u jkun ikkontrollat b’mod effettiv mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini tagħhom u/jew mill-istati l-oħra mniżżlin fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta’ dawn l-istati l-oħra.

3.           Ir-Repubblika tal-Perù tista’ tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta’ trasportatur tal-ajru ddeżinjat minn Stat Membru f’każ li:

              it-trasportatur tal-ajru ma jkunx stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru li jkun qed jiddeżinjah skont it-Trattati tal-UE jew ma jkollux liċenzja valida tal-operat skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea; jew

              l-Istat Membru li huwa responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru tiegħu ma jkunx jeżerċita jew iżomm kontroll regolatorju effettiv fuqu jew l-awtorità ajrunawtika rilevanti ma tkunx identifikata b’mod ċar fid-deżinjazzjoni; jew

              it-trasportatur tal-ajru ma jkunx, direttament jew b’maġġoranza ta’ ishma, proprjetà ta’, jew ikkontrollat b’mod effettiv mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini tagħhom u/jew mill-istati l-oħra mniżżlin fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta’ dawn l-istati l-oħra.

              Hija u teżerċita d-dritt tagħha skont dan il-paragrafu, ir-Repubblika tal-Perù ma għandhiex tiddiskrimina bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea abbażi tan-nazzjonalità.

ARTIKOLU 3

Sikurezza

1.           Id-dispożizzjonijiet mogħtija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom mogħtija fl-artikoli mniżżlin fl-Anness 2(c).

2.           F’każ li Stat Membru jkun iddeżinja trasportatur tal-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu jkun eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Repubblika tal-Perù skont id-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza mogħtija fil-ftehim bejn l-Istat Membru li jkun iddeżinja t-trasportatur tal-ajru u l-Perù għandhom japplikaw bl-istess mod fir-rigward tal-adozzjoni, l-eżerċizzju jew iż-żamma tal-istandards tas-sikurezza minn dak l-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-operat ta’ dak it-trasportatur tal-ajru.

ARTIKOLU 4

Tassazzjoni fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni

1.           Id-dispożizzjonijiet mogħtija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom mogħtija fl-artikoli mniżżlin fl-Anness 2(d).

2.           Minkejja kull dispożizzjoni oħra li tgħid mod ieħor, xejn f’kull ftehim imniżżel fl-Anness 2(d) ma għandu jżomm lil Stat Membru milli jimponi, fuq bażi mhux diskriminatorja, taxxi, imposti, dazji, miżati jew ħlasijiet fuq il-fjuwil fornut fit-territorju tiegħu biex jintuża f’inġenju tal-ajru ta’ trasportatur tal-ajru ddeżinjat mir-Repubblika tal-Perù li jopera bejn punt fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u punt ieħor fit-territorju tiegħu jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

3.           Minkejja kull dispożizzjoni oħra li tgħid mod ieħor, xejn f’kull ftehim imniżżel fl-Anness 2(d) ma għandu jżomm lir-Repubblika tal-Perù milli timponi, fuq bażi mhux diskriminatorja, taxxi, imposti, dazji, miżati jew ħlasijiet fuq il-fjuwil fornut fit-territorju tagħha biex jintuża f’inġenju tal-ajru ta’ trasportatur tal-ajru ddeżinjat minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jopera bejn żewġ punti fit-territorju tar-Repubblika tal-Perù.

4.           L-ebda waħda mid-dispożizzjoniiet t’hawn fuq ma għandha tippermetti l-kabotaġġ.

ARTIKOLU 5

Kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni

1.           Minkejja kull dispożizzjoni oħra li tgħid mod ieħor, xejn f’kull ftehim imniżżel fl-Anness 1 ma għandu (i) jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ ftehimiet bejn intrapriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi jew prattiki miftiehma li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni; (ii) isaħħaħ l-effetti ta’ kwalunkwe ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma ta’ dan it-tip; jew (iii) jiddelega lil operaturi ekonomiċi privati r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

2.           Id-dispożizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet imniżżlin fl-Anness 1 li mhumiex kompatibbli mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu applikati.

ARTIKOLU 6

L-Annessi ta’ dan il-Ftehim

L-Annessi ta’ dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

ARTIKOLU 7

Reviżjoni jew emenda

Il-Partijiet jistgħu, f’kull ħin, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim bi qbil reċiproku.

ARTIKOLU 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni provviżorja

1.           Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom li huma meħtieġa biex jidħol fis-seħħ ikunu tlestew.

2.           Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim b’mod provviżorju mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew.

3.           Dan il-Ftehim għandu japplika għall-ftehimiet u l-arranġamenti kollha mniżżlin fl-Anness 1, inklużi dawk li, fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, ikun għadhom ma daħlux fis-seħħ u ma jkunux qed jiġu applikati b’mod provviżorju.

ARTIKOLU 9

Tmiem

1.           F’każ li jintemm ftehim imniżżel fl-Anness 1, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim li għandhom x’jaqsmu mal-ftehim ikkonċernat imniżżel fl-Anness 1 għandhom jintemmu fl-istess ħin.

2.           F’każ li jintemmu l-ftehimiet kollha mniżżlin fl-Anness 1, dan il-Ftehim għandu jintemm fl-istess ħin.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji t’hawn taħt, awtorizzati kif xieraq, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi [….], f’żewġ kopji, illum il-[…] jum tax-xahar ta’ [… tas-sena …], bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż. F’każ ta’ diverġenza, it-test bl-Ingliż għandu jieħu l-preċedenza fuq it-testi bil-lingwi l-oħra.

GĦALL-UNJONI EWROPEA:           GĦAR-REPUBBLIKA TAL-PERÙ:   

Anness 1

Lista ta’ ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim

Il-ftehimiet u l-arranġamenti l-oħra dwar is-servizzi tal-ajru bejn ir-Repubblika tal-Perù u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif emendati jew immodifikati, li, dakinhar tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati jew inizjalati:

-             il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù, iffirmat f’Lima fid-29 ta’ Diċembru 1967, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Perù u l-Belġju” fl-Anness 2;

-             il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù, inizjalat f’Lima fit-28 ta’ Mejju 2009, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Belġju tal-2009” fl-Anness 2;

-             il-Ftehim Bilaterali dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù, iffirmat f’Lima fl-14 ta’ Lulju 1960, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Perù u d-Danimarka” fl-Anness 2;

-             il-Ftehim dwar it-Trasport bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Perù, iffirmat f’Lima fit-23 ta’ April 1959, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Perù u Franza” fl-Anness 2;

-             il-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Perù, iffirmat f’Lima fit-30 ta’ April 1962, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Perù u l-Ġermanja” fl-Anness 2;

-             il-Ftehim Bilaterali dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Taljana u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù, iffirmat f’Lima fis-17 ta’ Marzu 1964, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Perù u l-Italja” fl-Anness 2;

-             l-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù marbut mas-servizzi tal-ajru skedati, inizjalat bħala l-Anness B tal-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat f’Lima fis-27 ta’ Ġunju 2001, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Pajjiżi l-Baxxi” fl-Anness 2;

-             il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju ta’ Spanja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù marbut mas-servizzi tal-ajru, iffirmat f’Lima fil-31 ta’ Marzu 1954, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Perù u Spanja” fl-Anness 2;

-             l-Abbozz tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Perù, inizjalat bħala l-Anness II tal-Minuti Miftiehma ffirmati f’Madrid fis-6 ta’ April 2005, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u Spanja tal-2005” fl-Anness 2;

-             il-Ftehim Bilaterali dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju tal-Isvezja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù, iffirmat f’Lima fl-14 ta’ Lulju 1960, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Perù u l-Isvezja” fl-Anness 2;

-             il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Gvern tar-Repubblika tal-Perù dwar is-servizzi tal-ajru bejn it-territorji rispettivi tagħhom u lil hinn minnhom, iffirmat f’Lima fit-22 ta’ Diċembru 1947, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Perù u r-Renju Unit” fl-Anness 2;

-             l-Abbozz tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Perù, inizjalat bħala l-Anness B tal-Memorandum ta’ Ftehim bejn l-awtoritajiet ajrunawtiċi tar-Repubblika tal-Perù u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, iffirmat f’Lima fis-26 ta’ Mejju 2004, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u r-Renju Unit tal-2004” fl-Anness 2.

Anness 2

Lista tal-artikoli inklużi fil-ftehimiet imniżżlin fl-Anness 1 u msemmija fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ dan il-Ftehim

(a) id-deżinjazzjoni:

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Belġju;

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Ġermanja;

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Italja;

l-Artikolu 3 tal-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Pajjiżi l-Baxxi;

(b) ir-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi:

l-Artikolu 5 tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Belġju;

l-Artikolu 7 tal-Ftehim bejn il-Perù u d-Danimarka;

l-Artikolu 5 tal-Ftehim bejn il-Perù u Franza;

l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Ġermanja;

l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Italja;

l-Artikolu 4 tal-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Pajjiżi l-Baxxi;

l-Artikolu 11 tal-Ftehim bejn il-Perù u Spanja;

l-Artikolu 7 tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Isvezja;

l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Perù u r-Renju Unit;

(c) is-sikurezza:

l-Artikolu 7 tal-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Belġju tal-2009;

l-Artikolu 15 tal-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Pajjiżi l-Baxxi;

(d) it-tassazzjoni fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni:

l-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Belġju;

l-Artikolu 11 tal-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Belġju tal-2009;

l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Perù u d-Danimarka;

l-Artikolu 2 tal-Ftehim bejn il-Perù u Franza;

l-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Ġermanja;

l-Artikolu 5 tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Italja;

l-Artikolu 10 tal-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Pajjiżi l-Baxxi;

l-Artikolu 5 tal-Ftehim bejn il-Perù u Spanja;

l-Artikolu 5 tal-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u Spanja tal-2005;

l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Perù u l-Isvezja;

l-Artikolu 8 tal-Abbozz tal-Ftehim bejn il-Perù u r-Renju Unit tal-2004.

Anness 3

Lista ta’ stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim

(a)          Ir-Repubblika tal-Islanda (skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(b)          Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(c)          Ir-Renju tan-Norveġja (skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(d)          Il-Konfederazzjoni Svizzera (skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru).

[1]               Id-data tad-dħul fis-seħħ provviżorju tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Top