Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0044

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi

/* COM/2013/044 final - 2013/0024 (COD) */

52013PC0044

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi /* COM/2013/044 final - 2013/0024 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġi rivedut ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi[1] (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar it-Trasferimenti ta' Fondi) b' modi li tittejjeb it-traċċabilità ta' pagamenti u jiżguraw li l-qafas tal-UE jibqa’ konformi għalkollox ma' standards internazzjonali.

Kuntest ġenerali

Ir-Regolament dwar it-Trasferimenti ta' Fondi jistabbilixxi regoli għall-fornituri ta' servizzi ta' pagament biex jibagħtu informazzjoni dwar il-pagatur tul il-katina kollha tal-pagament għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzoni u l-individwazzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

Ir-Regolament kien fil-biċċa l-kbira msejjes fuq ir-Rakkomandazzjoni Speċjali VII dwar it-trasferimenti elettroniċi adottat mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja[2] (FATF) u għandu l-għan li jiżgura li dan l-istandard internazzjonali jkun traspost b’mod uniformi mal-Unjoni kollha u, b'mod partikolari, li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn il-pagamenti nazzjonali fi Stat Membru u pagamenti transfruntieri bejn l-Istati Membri.

Fl-isfond tan-natura dejjem tinbidel tat-theddidiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, iffaċilitat minn evoluzzjoni kostanti tat-teknoloġija u l-mezzi għad-dispożizzjoni tal-kriminali, l-FATF wettqet analiżi fundamentali tal-istandards internazzjonali, li wasslet għall-adozzjoni ta' sett ġdid ta' Rakkomandazzjoniijiet fi Frar 2012.

B'mod parallel ma' dan il-proċess, il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel ukoll l-analiżi tagħha stess tal-qafas tal-UE. Din l-analiżi inkludiet studju estern ippubblikat mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar it-Trasferimenti ta’ Fondi, kuntatti u konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati privati u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll ma' rappreżentanti tal-awtoritajiet regolatorji u superviżjorji tal-Istati Membri tal-UE.

L-implikazzjonijiet ta’ din il-ħidma huma li l-qafas tal-UE, inkluż ir-Regolament dwar it-Trasferimenti ta’ Fondi, ser ikollu jevolvi u jadatta għal bidliet u jiffoka iktar fuq (a) l-effettività tar-reġimi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, (b) aktar ċarezza u konsistenza tar-regoli fl-Istati Membri kollha, u (c) ambitu mwessa’ mfassal biex jindirizza theddidiet u vulnerabbiltajiet ġodda.

Dispożizzjonijiet eżistenti f’dan il-qasam

Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu[3] (minn hawn 'il quddiem "it-Tielet Direttiva AML") tistabbilixxi l-qafas maħsub biex jipproteġi s-saħħa, l-integrità u l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji u l-kunfidenza fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi, kontra r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Id-Direttiva 2006/70/KE[4] (id-"Direttiva ta' implimentazzjoni") tistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għat-Tielet Direttiva AML rigward id-definizzjoni ta' persuni politikament esposti u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ta’ diliġenza dovuta ssimplifikata tal-klijent u għal eżenzjoni fuq bażi ta' attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna.

Ir-Regolament dwar it-Trasferimenti tal-Fondi jikkomplementa dawk il-miżuri billi jiżgura li informazzjoni bażika dwar il-pagatur ta' trasferimenti ta' fondi tkun disponibbli immedjatament għall-awtoritajiet xierqa tal-infurzar tal-liġi u/jew awtoritajiet tal-prosekuzzjoni biex tassistihom biex jiskopru, jinvestigaw, iħarrku terroristi jew kriminali oħra u jittraċċaw l-assi tat-terroristi.

Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti mal-Proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn iż-żewġ strumenti leġiżlattivi jsegwu l-għan komuni eżistenti ta' reviżjoni tal-qafas attwali tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex titjieb l-effettività tiegħu filwaqt li jkun żgurat li dan jikkonforma ma’ standards internazzjonali.

Il-proposta hija wkoll konsistenti mal-għanijiet tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE[5], li tidentifika l-aktar sfidi urġenti għas-sigurtà tal-UE fis-snin li ġejjin u tipproponi ħames għanijiet strateġiċi u azzjonijiet speċifiċi għall-2011-2014 li jgħinu biex l-UE tkun aktar sigura. Dan jinkludi l-indirizzar tal-ħasil tal-flus u l-prevenzjoni tat-terroriżmu, b'mod partikolari, billi jiġi aġġornat il-qafas tal-UE bil-ħsieb li tissaħħaħ it-trasparenza tal-informazzjoni dwar sjieda benefika ta' persuni legali.

Fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta, il-kjarifiki proposti dwar l-ipproċessar tad-dejta personali huma konformi mal-approċċ stipulat fil-proposti reċenti tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta[6].

Rigward is-sanzjonijiet, il-proposta sabiex jiġi introdott sett ta' regoli minimi bbażati fuq il-prinċipji biex isaħħaħ is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi hija konsistenti mal-politika tal-Kummissjoni kif imfissra fil-Komunikazzjoni tagħha "Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji"[7].

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

F'April 2012, il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE u stiednet kummenti mill-partijiet interessati kollha[8]. L-anness ta' dan ir-rapport, b'mod partikolari, ffoka fuq it-trasferimenti elettroniċi transfruntieri u, partikolarment fuq iż-żewġ rekwiżiti ġodda li tiġi inkluża informazzjoni dwar il-benefiċjarju fi trasferimenti elettroniċi, u tittieħed azzjoni ta’ ffriżar skont riżoluzzjonijiet tan-NU.

Il-Kummissjoni rċeviet 4 kontribuzzjonijiet biss li jirreferu espressament għall-anness tar-rapport. Dawk li wieġbu talbu għal konsultazzjoni mal-partijiet interessati mill-pajjiżi u t-territorji kollha affettwati mir-Regolament dwar it-Trasferimenti ta’ Fondi, u enfasizzaw il-ħtieġa li kwalunkwe rekwiżit jew obbligu addizzjonali impost fuq il-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti jkun proporzjonali u sempliċi biex jiġi ssodisfat.

Saru konsultazzjonijiet estensivi ma' partijiet interessati fil-kuntest tal-istudju tal-konsulenti esterni[9] li twettqu f'isem il-Kummissjoni Ewropea, u li avviċinaw 108 parti interessata u kienu jinvolu intervisti bit-telefon u l-mili ta' kwestjonarju strutturat.

L-użu tal-kompetenza

Matul l-2012, twettaq studju minn konsulenti esterni f’isem il-Kummissjoni biex jikseb evidenza dwar kif qed jiffunzjona r-Regolament dwar it-Trasferimenti ta’ Fondi fl-Istati Membri u l-problemi li nqalgħu[10].

L-istudju, b'mod partikolari, jipprovdi għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, fosthom:

– l-introduzzjoni tal-obbligu għall-Fornituri ta' Servizzi ta' Pagament li jiżguraw li l-informazzjoni kollha dwar l-oriġinatur u l-benefiċjarju tkun maħżuna permezz ta’ trasferimenti elettroniċi;

– jiġi ddefinit liema informazzjoni dwar il-benefiċjarju teħtieġ li tiġi verifikata, u minn min;

– tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' reġim “issimplifikat” għal trasferimenti elettroniċi transkonfinali li jammontaw għal EUR 1 000 jew inqas, sakemm ma jkunx hemm suspett ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu;

– jiġu ċċarati aktar l-obbligi tar-rapportar għall-Fornituri ta' Servizzi ta’ Pagament;

– jiġi espliċitament ipprojbit li jsiru trasferimenti elettroniċi jekk dawn dan ma jkunx konformi mar-rekwiżiti meħtieġa (il-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni);

– il-Fornituri ta' Servizzi ta’ Pagament benefiċjarji jimplimentaw politiki u proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju sabiex jiddeterminaw azzjonijiet ta’ segwitu xierqa;

– jiġi kkunsidrati l-implikazzjonijiet tal-ħarsien tad-dejta.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt li tidentifika l-problemi ewlenin fil-qafas legali attwali tal-UE kontra l-ħasil ta’ flus/għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu[11]: (i) inkonsistenza mal-istandards internazzjonali riveduti reċentement; (ii) interpretazzjoni differenti tar-regoli bejn l-Istati Membri; u (iii) inadegwatezzi u l-lakuni fir-rigward tar-riskji l-ġodda tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Bħala konsegwenza, l-effettività tar-reġimi kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tonqos b’impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni, l-ekonomija u l-finanzi.

Il-valutazzjoni tal-impatt tanalizza dawn it-tliet xenarji:

(1) xenarju bażi li l-Kummissjoni ma tieħu l-ebda azzjoni;

(2) xenarju ta’ aġġustament li jinvolvi bidliet limitati meħtieġa għar-Regolament dwar it-Trasferimenti ta’ Fondi biex (i) it-test leġiżlattiv jiġi allinjat mal-istandards internazzjonali riveduti, jew (ii) ikun żgurat livell suffiċjenti ta’ konsistenza bejn ir-regoli nazzjonali, jew (iii) jiġu indirizzati l-iktar nuqqasijiet importanti rigward it-theddid ġdid emerġenti; u

(3) xenarju ta’ armonizzazzjoni sħiħa li jinvolvi bidliet importanti fil-politika u elementi addizzjonali ta’ armonizzazzjoni, li jirrikonoxxi kwalunkwe speċifiċitajiet tal-UE.

L-analiżi mwettqa fil-valutazzjoni tal-impatt uriet li it-tieni xenarju huwa l-iktar wieħed bilanċjat biex ir-Regolament dwar it-Trasferimenti ta’ Fondi jiġi allinjat mal-istandards internazzjonali riveduti filwaqt li jiġi żgurat livell suffiċjenti ta' konsistenza bejn ir-regoli nazzjonali u l-flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħhom.

Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-impatt analizzat l-impatt tal-proposti leġiżlattivi fuq id-Drittijiet Fundamentali. F'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-proposti jfittxu b’mod partikulari li jiżguraw il-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikolu 8 tal-Karta) rigward il-ħażna u t-trasferiment ta’ dejta personali.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Bażi legali

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà u proporzjonalità

Hemm kunsens ġenerali, li jirriżulta mill-partijiet interessati kollha (partikolarment fost l-Istati Membri u l-industrija tal-pagament), li l-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ jinkiseb aħjar permezz ta’ azzjoni mill-UE.

Azzjoni mhux ikkoordinata mill-Istati Membri waħedhom fil-qasam tat-trasferimenti transfruntieri tal-fondi jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta' pagament fil-livell tal-UE, u għalhekk tagħmel ħsara lis-suq intern fil-qasam tas-servizzi finanzjarji (ara l-Premessa 2 tar-Regolament dwar it-Trasferimenti ta’ Fondi).

Permezz tad-daqs tal-azzjoni tagħha, l-Unjoni tiggarantixxi traspożizzjoni uniformi tar-Rakkomandazzjoni 16 il-ġdid tal-FATF permezz tal-UE, u, b'mod partikolari, li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn il-pagamenti nazzjonali fi Stat Membru u pagamenti transkonfinali bejn l-Istati Membri.

Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, f’konformità mal-analiżi li twettqet fil-valutazzjoni tal-impatt il-proposta tittrasponi r-Rakkomandazzjoni riveduta tal-FATF dwar “trasferimenti elettroniċi” billi tintroduċi r-rekwiżiti minimi essenzjali biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tat-trasferimenti tal-fondi mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.           TAGĦRIF IEĦOR

Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

Skont ir-Rakkomandazzjoni 16 il-ġdida tal-FATF dwar “trasferimenti elettroniċi” u n-Nota interpretattiva li takkumpanjaha, il-bidliet proposti huma maħsuba biex jindirizzaw lakuni li għad hemm fit-trasparenza.

L-intenzjoni hija li titjieb it-traċċabblità billi jiġu imposti r-rekwiżiti ewlenin li ġejjin:

– tiġi inkluża informazzjoni dwar il-benefiċjarju;

– fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, jiġi ċċarat li karti ta' kreditu jew debitu, jew telefon ċellulari jew kwalunkwe apparat ieħor diġitali jew informatiku jsir soġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament jekk jintużaw għat-trasferiment ta’ fondi minn persuna għal oħra. barra minn hekk, jiġi ċċarat li taħt l-EUR 1 000, fil-każ ta’ trasferiment ta’ fondi barra l-UE, japplika reġim eħfef ta’ informazzjoni mhux verifikata dwar il-pagatur u l-benefiċjarju (għall-kuntrarju ta’ eżenzjonijiet possibbli mill-ambitu bħal fir-Regolament (KE) Nru 1781/2006);

– fir-rigward tal-obbligi tal-Fornitur ta' Servizzi ta' Pagament (Payment Service Provider -PSP) tal-benefiċjarju, dan ikun obbligat jivverifika l-identità tal-benefiċjarju (fejn mhux diġà identifikat) għal pagamenti li joriġinaw barra mill-UE u meta l-ammont ikun ta’ aktar minn EUR 1 000. Fir-rigward tal-PSP tal-benefiċjarju u l-PSP intermedjarju, ikun hemm l-obbligu li jiġu stabbiliti proċeduri bbażati fuq ir-riskju biex jiġi ddeterminat meta li jiġi eżegwit, trasferit jew sospiż trasferiment ta' fondi li jkun nieqes mill-informazzjoni meħtieġa u biex tiġi ddeterminata l-azzjoni ta’ segwitu xierqa;

– fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta, jiġu allinjati r-rekwiżiti taż-żamma tar-reġistri tal-informazzjoni mal-istandards tal-FATF, skont ir-reġim il-ġdid previst mid-Direttiva [xxxx/ssss];

– fir-rigward tas-sanzjonijiet, jiġu rinfurzati s-setgħat ta’ sanzjonar tal-awtoritajiet kompetenti u jkun hemm rekwiżit ta’ koordinazzjoni tal-azzjonijiet fit-trattament ta’ każijiet transkonfinali; rekwiżit għall-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet imposti għall-ksur; u rekwiżit li jiġu stabbiliti mekkaniżmi effikaċi sabiex jinkoraġġixxu r-rapportar ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2013/0024 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12]

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[13],

Wara li kkonsultaw lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta[14],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Il-flussi ta' flus minn sorsi illegali permezz ta' trasferimenti ta' fondi jistgħu jagħmlu ħsara lill-istabbiltà u lir-reputazzjoni tas-settur finanzjarju u jheddu s-suq intern. It-terroriżmu jheżżeż is-sisien infushom tas-soċjetà tagħna. Is-saħħa, l-integrità u l-istabbiltà tas-sistema ta' trasferimenti ta' fondi u l-kunfidenza fis-sistema finanzjarja, mill-aspett globali tagħha, jistgħu jiġu pperikolati serjament bl-isforzi tal-kriminali u s-soċji tagħhom sabiex jgħattu l-oriġini ta' rikavat kriminali jew sabiex jittrasferixxu fondi għal skopijiet terroristiċi.

(2)       Sabiex jiffaċilitaw l-attivitajiet kriminali tagħhom, dawk li jwettqu l-ħasil tal-flus u jiffinanzjaw lit-terroristi jistgħu jippruvaw jieħdu vantaġġ mil-libertà tal-movimenti ta' kapital meħtieġa fiż-żona finanzjarja integrata, sakemm ma jiġux adottati ċerti miżuri ta' koordinament fil-livell tal-Unjoni. Permezz tad-daqs tagħha, l-azzjoni tal-Unjoni għandha tiżgura li r-Rakkomandazzjoni 16 tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) dwar it-trasferimenti elettroniċi, adottata fi Frar 2012, tkun trasposta b’mod uniformi fl-Unjoni kollha, u, b 'mod partikolari, li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn il-pagamenti nazzjonali fi Stat Membru u l-pagamenti transkonfinali bejn l-Istati Membri. Azzjoni mhux koordinata mill-Istati Membri waħedhom fil-qasam tat-trasferimenti transkonfinali tal-fondi jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta' pagament fil-livell tal-UE, u b’hekk tagħmel ħsara lis-suq intern fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

(3)       Fl-istrateġija riveduta tal-Unjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu tas-17 ta’ Lulju 2008[15] ġie rrimarkat li jridu jinżammu l-isforzi għall-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu u tal-użu minn persuni suspettati b’terroriżmu tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess. Wieħed jirrikonoxxi li l-FATF kontinwament tfittex li ttejjeb ir-rakkomandazzjonijiet tagħha u taħdem lejn fehim komuni ta' kif dawn għandhom jiġu implimentati. Fl-istrateġija riveduta tal-Unjoni huwa nnutat li l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-Rakkomandazzjonijiet mill-membri kollha tal-FATF u mill-membri tal-korpi reġjonali immudellati fuq l-FATF hija evalwata fuq bażi regolari u li, minn dan il-lat, approċċ komuni għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri huwa importanti.

(4)       Għall-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu, ittieħdu miżuri mmirati lejn l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni, gruppi u entitajiet, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu[16], u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk tal-Al-Qaida[17]. Għall-istess skop, ittieħdu miżuri bl-għan li tiġi protetta s-sistema finanzjarja kontra l-użu ta' fondi u riżorsi ekonomiċi għall-finijiet tat-terroriżmu. Id-Direttiva [xxxx/ssss] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament[18] tat-terrorismu tinkludi għadd ta' miżuri bħal dawn. Madankollu dawn il-miżuri ma jimpedixxux kompletament lit-terroristi u kriminali oħra milli jkollhom aċċess għal sistemi ta' pagament sabiex iċaqilqu l-fondi tagħhom.

(5)       Sabiex jitrawwem approċċ koerenti fil-kuntest internazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, azzjoni ulterjuri mill-Unjoni għandha tqis l-iżviluppi f’dak il-livell, jiġifieri l-Istandards Internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni adottati fl-2012 mill-FATF, u partikolarment ir-Rakkomandazzjoni 16 u n-nota interpretattiva riveduta għall-implimentazzjoni tagħha.

(6)       It-traċċabbiltà sħiħa tat-trasferimenti ta' fondi tista' tkun għodda partikolarment importanti u valida fil-prevenzjoni, fl-investigazzjoni u fl-individwazzjoni tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk huwa xieraq, sabiex tkun żgurata t-trażmissjoni tal-informazzjoni tul il-katina kollha ta' pagament, li tiġi stabbilita sistema li timponi l-obbligu fuq il-fornituri tas-servizzi ta' pagament li jiżguraw li t-trasferimenti ta' fondi jkunu akkumpanjati minn informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju.

(7)       Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta[19]. Pereżempju, dejta personali miġbura għall-fini ta' konformità ma' dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi pproċessata aktar b'mod li hu inkonsistenti mad-Direttiva 95/46/KE. B’mod partikolari, ipproċessar ulterjuri għal skopijiet kummerċjali għandu jkun strettament ipprojbit. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija rikonoxxuta bħala raġuni ta’ interess pubbliku importanti mill-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, it-trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiż terz li ma jiżgurax livell adegwat ta' protezzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE għandu jkun permess skont l-Artikolu 26 (d) tal-istess Direttiva.

(8)       Persuni li sempliċiment jaqilbu dokumenti fil-forma ta’ karta f'dejta elettronika u jaġixxu taħt kuntratt ma' fornitur tas-servizzi ta' pagament ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament; l-istess japplika għal kwalunkwe persuna fiżika jew legali li lill-fornituri tas- servizzi ta' pagament tipprodilhom biss sistemi ta' messaġġi jew sistemi oħra ta' appoġġ għat-trażmissjoni ta' fondi jew sistemi ta' ikklerjar u ta’ saldu.

(9)       Huwa xieraq li trasferimenti ta' fondi li jirrappreżentaw riskju żgħir ta' ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu jkunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dawn l-esklużjonijiet għandhom ikopru karti ta' kreditu jew debitu, telefons ċellulari jew apparat diġitali jew ta’ teknoloġija tal-informatika (IT) ieħor, irtirar ta’ flus minn kaxxiera awtomatiċi (ATM), pagamenti ta' taxxi, multi jew imposti oħra, u trasferimenti ta' fondi fejn kemm il-pagatur kif ukoll il-benefiċjarju jkunu fornituri tas-servizzi ta' pagament, li jaġixxu f'isimhom stess. Minbarra dan, sabiex ikunu riflessi l-karatteristiċi speċjali tas-sistemi nazzjonali ta' pagament, huwa xieraq li l-Istati Membri jkollhom id-dritt li jeżentaw il-pagamenti elettroniċi “giro”, sakemm ikun dejjem possibbli li t-trasferiment ta' fondi jiġi traċċat lura sal-pagatur. Madankollu, ma jrid ikun hemm l-ebda eżenzjoni meta jintużaw karta ta’ debitu jew kreditu, telefon ċellulari jew apparat diġitali jew tal-IT ieħor li huwa mħallas minn qabel jew li jitħallas wara sabiex jiġi effettwat trasferiment minn persuna għal oħra.

(10)     Sabiex ma jkunx hemm xkiel għall-effiċjenza tas-sistemi ta' pagament, ir-rekwiżiti għall-verifika ta' trasferimenti ta' fondi magħmula minn kont bankarju għandhom ikunu distinti minn dawk għal trasferimenti ta' fondi mhux magħmula minn kont bankarju. Sabiex ikunu bbilanċjati r-riskji li t-tranżazzjonijiet jibdew isiru bil-moħbi, minħabba l-impożizzjoni ta' rekwiżiti eċċessivament stretti ta' identifikazzjoni, mat-theddida terroristika potenzjali ppreżentata minn trasferimenti żgħar ta' fondi, l-obbligu li jiġi verifikat jekk l-informazzjoni dwar il-pagatur hijiex preċiża, fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi li ma jsirux minn kont bankarju, għandu jkun applikat biss fuq trasferimenti ta' fondi individwali ta' aktar minn EUR 1 000. Għal trasferimenti ta' fondi mwettqa minn kont bankarju, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament ma għandhomx ikunu meħtieġa jivverifikaw l-informazzjoni dwar il-pagatur li takkumpanja kull trasferiment ta' fondi fejn l-obbligi taħt id-Direttiva [xxxx/yyyy] ikunu ssodisfati.

(11)     Fl-isfond tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-pagamenti - ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transfruntiera fil-Komunità[20], ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti bl-euro[21] u d-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern[22] - huwa biżżejjed li tkun prevista informazzjoni ssimplifikata dwar il-pagatur biex takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi fl-Unjoni.

(12)     Sabiex l-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu f'pajjiżi terzi jkunu jistgħu jittraċċaw is-sors ta' fondi użati għal dawk l-għanijiet, it-trasferimenti ta' fondi mill-Unjoni 'l barra mill-Unjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn informazzjoni kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju. Dawk l-awtorijiet għandhom jingħataw aċċess għal informazzjoni kompleta dwar il-pagatur biss għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, u undividwazzjoni ta' ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

(13)     Sabiex it-trasferimenti ta' fondi minn pagatur uniku lil diversi benefiċjarji jintbagħtu b'mod ekonomiku f'lottijiet skedati li jinkludu trasferimenti individwali mill-Unjoni lejn barra mill-Unjoni, għandu jsir provvediment sabiex tali trasferimenti individwali ikollhom biss in-numru tal-kont tal-pagatur jew l-identifikatur uniku tiegħu tat-trasferiment, sakemm il-lott skedat ikun jinkludi informazzjoni kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju.

(14)     Sabiex ikun iċċekkjat jekk l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju takkumpanjax it-trasferimenti tal-fondi, u sabiex tingħata għajnuna fl-identifikazzjoni ta' transazzjonijiet suspettużi, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju u l-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandu jkollhom proċeduri effettivi stabbiliti sabiex jindividwaw jekk l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju hijiex nieqsa.

(15)     Minħabba t-theddida potenzjali tal-finanzjament tat-terroriżmu ppreżentata mit-trasferimenti anonimi, huwa xieraq li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament ikunu meħtieġa jitolbu informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju. Skont l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju żviluppat mill-FATF, huwa xieraq li jiġu identifikati oqsma ta’ riskju ogħla u aktar baxx bil-ħsieb li jiġu immirati aħjar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Skont dan, il-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-pagatur u l-fornitur tas-servizz intermedjarju għandhom jistabbilixxu proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju għal każijiet fejn trasferiment ta' fondi jkun nieqes mill-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju, sabiex jiddeċiedu jekk iwettqux, jirrifjutawx jew jissospendux dak it-trasferiment u x’azzjoni xierqa ta' segwitu tittieħed. Fil-każ fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun ibbażat barra mit-territorju tal-Unjoni, għandha tiġi applikata b'mod imsaħħaħ id-diliġenza dovuta mal-klijent, konformement mad-Direttiva [xxxx/ssss], fir-rigward ta' relazzjonijiet bankarji transkonfinali korrispondenti ma' dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament.

(16)     Il-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-pagatur u l-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandhom jeżerċitaw viġilanza speċjali, jivvalutaw r-riskji, meta jsiru konxji li l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju tkun nieqsa jew mhux kompleta u għandhom jirrapportaw tranżazzjonijiet suspettużi lill-awtoritajiet kompetenti, skont l-obbligi tar-rappurtar stabbiliti fid-Direttiva [xxxx/ssss] u fil-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali..

(17)     Id-dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti ta' fondi fejn informazzjoni dwar il-pagatur tkun nieqsa jew ma tkunx kompleta japplikaw bla ħsara għal kwalunkwe obbligu tal-fornituri tas-servizzi ta' pagament li jissospendu u/jew jirrifjutaw trasferimenti ta' fondi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili, amministrattiv jew kriminali.

(18)     Sakemm jitneħħew il-limitazzjonijiet tekniċi li jistgħu jżommu fornituri intermedjarji tas-servizzi ta' pagament milli jissodisfaw l-obbligu li jittrasmettu l-informazzjoni kollha riċevuta minnhom dwar il-pagatur, dawk il-fornituri intermedjarji tas-servizzi ta' pagament għandhom iżommu rekords ta' dik l-informazzjoni. Tali limitazzjonijiet tekniċi għandhom jitneħħew hekk kif is-sistemi ta' pagament jiġu mtejba.

(19)     Billi f’investigazzjonijiet kriminali jista' jagħti l-każ li ma jkunx possibbli li tiġi identifikata d-dejta meħtieġa jew l-individwi involuti għal ħafna xhur, jew anke snin, wara t-trasferiment oriġinali tal-fondi u sabiex ikun hemm aċċess għal provi essenzjali fil-kuntest tal-investigazzjonijiet, huwa xieraq li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament ikunu meħtieġa jżommu rekords ta’ informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju għal skopijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, u skoperta ta' ħasil tal-flus jew il- finanzjament tat-terroriżmu. Dan il-perjodu għandu jkun limitat.

(20)     Sabiex tkun possibbli azzjoni immedjata fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-fornituri tas- servizzi ta' pagament għandhom jirrispondu immedjatament talbiet għal informazzjoni dwar il-pagatur mill-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu fl-Istat Membru fejn jinsabu.

(21)     L-għadd ta' ġranet ta' xogħol fl-Istat Membru tal-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur jiddetermina l-għadd ta' ġranet sabiex tingħata tweġiba għal talbiet għal informazzjoni dwar il-pagatur.

(22)     Sabiex titjieb il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 intitolata ‘Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji’[23], għandhom jittejbu s-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jadottaw miżuri ta’ sorveljanza u s-setgħat tagħhom ta’ sanzjonar. Sanzjonijiet amministrattivi għandhom ikunu previsti u, minħabba l-importanza tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sanzjonijiet li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan, kif ukoll lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (minn hawn’il quddiem “ABE”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE; l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (minn hawn 'il quddiem “AEAPX”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE; U l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ) (minn hawn 'il quddiem “AETS”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE.

(23)     Sabiex tiżgura kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikoli XXX ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[24].

(24)     Għadd ta' pajjiżi u territorji li ma jiffurmawx parti mit-territorju tal-Unjoni jikkondividu unjoni monetarja ma' Stat Membru, jiffurmaw parti miż-żona monetarja ta' Stat Membru jew iffirmaw konvenzjoni monetarja mal-Unjoni rappreżentati minn Stat Membru u għandhom fornituri tas-servizzi ta' pagament li jipparteċipaw direttament jew indirettament fis-sistemi ta' pagament u ta' saldu ta' dak l-Istat Membru. Sabiex tkun evitata l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal trasferimenti ta' fondi bejn l-Istati Membri kkonċernati u dawk il-pajjiżi jew territorji li jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomiji ta' dawk il-pajjiżi jew territorji, hu xieraq li jsir provvediment għall-possibbiltà li tali trasferimenti ta' fondi jkunu trattati bħala trasferimenti ta' fondi fl-Istati Membri kkonċernati.

(25)     Fid-dawl tal-emendi li hemm bżonn li jsiru għar-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar informazzjoni fuq il-pagatur, li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi, dan għandu jitħassar għal raġunijiet ta' ċarezza.

(26)     Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(27)     Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (Artikolu 7), id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikolu 8) u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust (l-Artikolu 47) u l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

(28)     Sabiex tkun żgurata introduzzjoni mingħajr xkiel tal-qafas ġdid kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, huwa xieraq li d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tkun taħbat ma' tmiem l-iskadenza tat-traspożizzjoni għal d-Direttiva [xxxx/ssss],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, DEFINIZZJONIJIET U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1 Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli fuq l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzoni u l-individwazzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, meta jsir trasferiment ta’ fondi.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “finanzjament tat-terroriżmu” tfisser finanzjament tat-terroriżmu kif iddefinit fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva [xxxx/ssss];

(2) “ħasil ta’ flus” tfisser attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus imsemmija fl-Artikolu 1(2) jew (3) tad-Direttiva [xxxx/ssss];

(3) “pagatur” tfisser persuna naturali jew legali li jew twettaq trasferiment ta' fondi mill-kont tiegħu jew tagħha stess jew li tagħmel ordni għat-trasferiment ta' fondi;

(4) "benefiċjarju" tfisser persuna fiżika jew legali li tkun il-benefiċjarju li għalih huma previsti l-fondi trasferiti;

(5) “fornitur tas-servizzi ta’ pagament” tfisser persuna fiżika jew legali li tipprovdi s-servizz ta’ trasferiment ta’ fondi fil-kapaċità professjonali tiegħu jew tagħha;

(6) “fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament” tfisser fornitur tas-servizzi ta' pagament li jkun la tal-pagatur u lanqas tal-benefiċjarju, u li jirċievi u jittrażmetti trasferiment ta’ fondi f'isem il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jew tal-benefiċjarju, jew ta’ fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament ieħor;

(7) “trasferiment ta’ fondi” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni li ssir b’mezzi elettroniċi f’isem pagatur permezz ta’ fornitur tas-servizzi ta’ pagament, bil-għan li l-fondi jkunu disponibbli għall-benefiċjarju permezz ta' fornitur tas-servizzi ta’ pagament, irrispettivament jekk il-pagatur u l-benefiċjarju humiex l-istess persuna;

(8) “trasferiment ta' lott skedat” tfisser pakkett ta’ diversi trasferimenti individwali ta' fondi li nġabru flimkien għal trażmissjoni;

(9) “identifikatur uniku tat-tranżazzjoni” tfisser kombinazzjoni ta' ittri jew simboli stabbiliti mill-fornitur tas-servizzi ta' pagament, b’konformità mal-protokolli tas-sistemi ta' pagament u saldu jew sistemi ta’ messaġġi użati għat-trasferiment tal-fond, li tippermetti t-traċċabilità tat-tranżazzjoni lura lill-pagatur u lill-benefiċjarju;

(10) “trasferiment ta’ fondi minn persuna għal oħra” tfisser tranżazzjoni bejn żewġ persuni fiżiċi.

Artikolu 3 Kamp ta' applikazzjoni

1.           Dan ir-Regolament japplika għal trasferimenti ta' fondi, fi kwalunkwe munita, li jintbagħtu jew li jiġu riċevuti minn fornitur tas-servizzi ta' pagament stabbilit fl-Unjoni.

2.           Dan ir-Regolament ma japplikax għal trasferimenti ta' fondi li jsiru permezz ta' karta ta' kreditu jew debitu, jew telefon ċellulari jew apparat diġitali jew ta’ teknoloġija tal-informatika (IT) ieħor, meta l-kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfati:

(a) il-kard jew apparat jintuża’ biex jitħallsu prodotti u servizzi;

(b) in-numru tal-kard jew apparat imsemmija hawn fuq jakkumpanja t-trasferimenti kollha li joħorġu minn din it-tranżazzjoni.

Madankollu, dan ir-Regolament japplika meta karta ta’ kreditu jew ta’ debitu, jew telefon ċellulari, jew kwalunkwe apparat diġitali jew tal-IT ieħor jintuża sabiex jiġi effettwat trasferiment ta' fondi minn persuna għal oħra.

3.           Dan ir-Regolament ma japplikax għal trasferimenti ta' fondi:

(c) fejn it-trasferiment ta' fondi jinvolvi li l-pagatur jiġbed flus mill-kont tiegħu jew tagħha stess;

(d) fejn il-fondi huma ttrasferiti lil awtoritajiet pubbliċi bħala pagament għal taxxi, multi jew imposti oħra fi Stat Membru;

(e) fejn kemm il-pagatur kif ukoll il-benefiċjarju ikunu fornituri tas-servizzi ta' pagament li jaġixxu f'isimhom stess.

KAPITOLU II

L-OBBLIGI TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI TA' PAGAMENT

Taqsima 1

L-obbligi tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur

Artikolu 4 Informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi

1.           Il-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-pagatur jiżgura li t-trasferiment ta' fondi jkun akkumpanjat mill-informazzjoni li ġejja dwar il-pagatur:

(f) l-isem tal-pagatur;

(g) in-numru tal-kont tal-pagatur, fejn tali kont huwa użat biex jiġi pproċessat it-trasferiment tal-fondi, jew identifikatur uniku tat-tranżazzjoni fejn l-ebda tali kont ma jkun użat għal dak il-għan;

(h) l-indirizz tal-pagatur, jew numru tal-identità nazzjonali, jew numru ta' identifikazzjoni tal-klijent, jew id-data u l-post tat-twelid.

2.           Il-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-pagatur jiżgura li t-trasferimenti ta' fondi jkunu akkumpanjati mill-informazzjoni li ġejja dwar il-benefiċjarju:

(i) l-isem tal-benefiċjarju; u

(j) in-numru tal-kont tal-benefiċjarju, fejn tali kont huwa użat biex tiġi pproċessata t-tranżazzjoni, jew identifikatur uniku tat-tranżazzjoni fejn l-ebda tali kont ma jkun użat għal dak il-għan.

3.           Qabel jittrasferixxi l-fondi, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 abbażi tad-dokumenti, tad-dejta u tal-informazzjoni miksuba minn sors affidabbli u indipendenti.

4.           Fejn il-fondi huma trasferiti mill-kont tal-pagatur, il-verifika msemmija fil-paragrafu 3 tkun meqjusa li saret fil-każijiet li ġejjin:

(k) fejn l-identità ta' pagatur tkun ġiet verifikata b'konnessjoni mal-ftuħ tal-kont skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva [xxxx/ssss] u l-informazzjoni miksuba permezz ta' din il-verifika tkun ġiet reġistrata konformement mal-Artikolu 39 ta' dik id-Direttiva;

jew

(l) fejn l-Artikolu 12(5) tad-Direttiva [xxxx/ssss] japplika għall-pagatur.

5.           Madankollu, b'deroga mill-paragrafu 3, fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi li ma jsirux minn kont, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ma jivverifikax l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jekk l-ammont ma jaqbiżx l-EUR 1 000 u ma jidhirx li hu marbut ma' trasferimenti oħra ta' fondi li, flimkien mat-trasferiment inkwistjoni jaqbżu l-EUR 1 000.

Artikolu 5 Trasferimenti ta' fondi fl-Unjoni

1.           B'deroga mill-Artikolu 4(1) u (2), meta l-fornitur(i) tas-servizz ta’ pagament ta' kemm il-pagatur kif ukoll il-benefiċjarju jkunu stabbiliti fl-Unjoni, fil-ħin tat-trasferiment ta' fondi jiġu pprovduti biss in-numru tal-kont tal-pagatur jew l-identifikatur uniku tat-tranżazzjoni tiegħu .

2.           Minkejja l-paragrafu 1, min-naħa tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur, fuq talba mill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jew il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament, tkun disponibbli l-informazzjoni dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju skont l-Artikolu 4, fi żmien tlett ijiem ta' xogħol minn meta jirċievi dik it-talba.

Artikolu 6 Trasferimenti ta’ fondi barra mill-unjoni

1.           Fil-każ ta' trasferimenti ta' lottijiet skedati minn pagatur uniku fejn il-fornituri tas-servizz ta' pagament tal-benefiċjarji jinsabu barra mill-Unjoni, l-Artikolu 4(1) u (2) ma japplikax għat-trasferimenti individwali miġbura flimkien fihom, sakemm il-lott skedat ikun jinkludi dik l-informazzjoni imsemmija f’dak l-Artikolu u t-trasferimenti individwali jkunu akkumpanjati min-numru tal-kont tal-pagatur jew mill- identifikatur uniku tiegħu.

2.           B'deroga mill-Artikolu 4(1) u (2), meta l-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jkun stabbilit barra mill-Unjoni, it-trasferimenti ta’ fondi li jammontaw għal EUR 1 000 jew inqas ikunu akkumpanjati biss minn:

(m) l-isem tal-pagatur;

(n) l-isem tal-benefiċjarju;

(o) in-numru tal-kont kemm tal-pagatur kif ukoll tal-benefiċjarju jew l-identifikatur uniku tat-tranżazzjoni.

Din l-informazzjoni m’hemmx għalfejn tiġi verifikata għall-preċiżjoni, sakemm ma jkunx hemm suspett ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

Taqsima 2

L-obbligi tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju

Artikolu 7 L-individwazzjoni ta' informazzjoni nieqsa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju

1.           Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jinnota jekk is-segmenti li jirrigwardaw l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju fis-sistema ta' messaġġi jew fis-sistema ta' pagament u saldu li tintuża sabiex isir it-trasferiment ta' fondi, ikunux imtlew bl-użu tal-karattri jew inputs ammissibbli skont il-prattika ta' dik is-sistema.

2.           Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jkollu fis-seħħ proċeduri effettivi sabiex jiskopri jekk l-informazzjoni li ġejja dwar il-pagatur u l-benefiċjarju tkunx nieqsa:

(p) għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun jinsab fl-Unjoni, l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 5;

(q) għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun stabbilit barra mill-Unjoni, l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) u fejn ikun applikabbli, l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 14;

u

(r) għal trasferimenti ta' lottijiet skedati fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun stabbilit barra mill-Unjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) rigward it-trasferiment ta' lott skedat.

3.           Għal trasferimenti ta' fondi li jammontaw għal aktar minn EUR 1 000, fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun stabbilit barra mill-Unjoni, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jivverifika l-identità tal-benefiċjarju jekk l-identità tiegħu jew tagħha ma tkunx diġà ġiet ivverifikata.

4.           Għal trasferimenti li jammontaw għal EUR 1 000 jew inqas, fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun stabbilit barra mill-Unjoni, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju ma għandux għalfejn jivverifika l-informazzjoni dwar il-pagatur, sakemm ma jkunx hemm suspett ta' ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 8 Trasferimenti ta' fondi b'informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju

1.           Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jistabbilixxi proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju biex jiddeterminaw meta jiġi eżegwit, irrifjutat jew sospiż trasferiment ta' fondi minħabba nuqqas ta’ informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju u dwar azzjoni ta’ segwitu xierqa.

Jekk il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jsir jaf, meta jirċievi trasferimenti ta' fondi, li l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju meħtieġa skont l-Artikoli 4(1) u (2), 5(1) u 6 hija nieqsa jew mhijiex kompleta, dan jew jirrifjuta t-trasferiment jew jitlob għall-informazzjoni kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju.

2.           Meta fornitur ta' servizzi ta' pagament jonqos regolarment milli jagħti l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jieħu passi, li għall-ewwel jistgħu jinkludu l-ħruġ ta' twissijiet u l-istipular ta' skadenzi, qabel jirrifjuta kwalunkwe trasferimenti futuri ta' fondi mingħand dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament jew jiddeċiedi jekk jirrestrinġix jew itemm ir-relazzjoni ta' negozju tiegħu ma' dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament jew le.

Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jinforma lill-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 9 Valutazzjoni u Rappurtar

Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jikkunsidra informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju bħala fattur fil-valutazzjoni ta' jekk it-trasferiment ta' fondi, jew kwalunkwe tranżazzjoni relatata, hijiex suspettuża, u jekk għandhiex tiġi rappurtata lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja.

Taqsima 3

L-obbligi ta' fornituri intermedjarji tas-servizzi ta' pagament

Artikolu 10 Iż-żamma tal-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju mat-trasferiment

Il-fornituri intermedjarji tas-servizzi ta' pagament jiżguraw li l-informazzjoni kollha li jirċievu dwar il-pagatur li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi tinżamm mat-trasferiment.

Artikolu 11 L-individwazzjoni ta' informazzjoni nieqsa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju

1.           Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament jinnota jekk is-segmenti li jirrigwardaw l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju fis-sistema ta' messaġġi jew fis-sistema ta' pagament u saldu li tintuża sabiex isir it-trasferiment ta' fondi, ikunux imtlew bl-użu tal-karattri jew inputs ammissibbli skont il-prattika ta' dik is-sistema.

2.           Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament jkollu fis-seħħ proċeduri effettivi sabiex jiskopru jekk l-informazzjoni li ġejja dwar il-pagatur u l-benefiċjarju tkunx nieqsa:

(s) għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun jinsab fl-Unjoni, l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 5;

(t) għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun stabbilit barra mill-Unjoni, l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) jew, fejn ikun applikabbli, l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 14;

u

(u) għal trasferimenti ta' lottijiet skedati fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun stabbilit barra mill-Unjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) rigward it-trasferiment ta' lott skedat.

Artikolu 12 Trasferimenti ta' fondi b'informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju

1.           Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jistabbilixxi proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju biex jiddeterminaw meta jiġi eżegwit, irrifjutat jew sospiż trasferiment ta' fondi minħabba nuqqas ta’ informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju u dwar azzjoni ta’ segwitu xierqa.

Jekk il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jsir jaf, meta jirċievi trasferimenti ta' fondi, li l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju meħtieġa skont l-Artikoli 4(1) u (2), 5(1) u 6 hija nieqsa jew mhijiex kompleta, dan jew jirrifjuta t-trasferiment jew jitlob għall-informazzjoni kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju.

2.           Meta fornitur ta' servizzi ta' pagament jonqos regolarment milli jagħti l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jieħu passi, li għall-ewwel jistgħu jinkludu l-ħruġ ta' twissijiet u l-istipular ta' skadenzi, qabel jirrifjuta kwalunkwe trasferimenti futuri ta' fondi mingħand dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament jew jiddeċiedi jekk jirrestrinġix jew itemmx ir-relazzjoni ta' negozju tiegħu ma' dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament jew le.

Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament jinforma b’dan lill-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 13 Valutazzjoni u Rappurtar

Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament jikkunsidra informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju bħala fattur fil-valutazzjoni ta' jekk it-trasferiment ta' fondi, jew kwalunkwe tranżazzjoni relatata, hijiex suspettuża, u jekk għandhiex tiġi rappurtata lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja.

Artikolu 14 Limitazzjonijiet tekniċi

1.           Dan l-Artikolu japplika fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur huwa stabbilit barra mill-Unjoni u l-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament jinsab fl-Unjoni.

2.           Sakemm il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament ma jsirx jaf, meta jirċievi trasferiment ta' fondi, li l-informazzjoni dwar il-pagatur meħtieġa taħt dan ir-Regolament tkun nieqsa jew mhux kompleta, huwa jista' juża sistema ta' pagament b'limitazzjonijiet tekniċi li timpedixxi li informazzjoni dwar il-pagatur milli takkumpanja t-trasferiment ta' fondi sabiex jagħmel trasferimenti ta' fondi lill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju.

3.           Meta l-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament isir jaf, meta jirċievi trasferiment ta' fondi, li l-informazzjoni dwar il-pagatur meħtieġa taħt dan ir-Regolament tkun nieqsa jew mhux kompleta, huwa juża sistema ta' pagament b'limitazzjonijiet tekniċi biss jekk ikun jista' jinforma lill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju b'dan, f’sistema ta' messaġġi jew ta' pagament li tagħmel possibbli l-komunikazzjoni ta' dan il-fatt jew permezz ta' proċedura oħra, sakemm il-metodu ta' komunikazzjoni ikun aċċettat minn, jew miftiehem bejn, iż-żewġ fornituri tas-servizzi ta' pagament.

4.           Meta l-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament juża sistema ta' pagament b'limitazzjonijiet tekniċi, il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament, fuq talba mill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju, jagħmel disponibbli lil dak il-fornitur ta' servizzi ta' pagament l-informazzjoni kollha dwar il-pagatur li huwa jkun irċieva, irrispettivament jekk din tkunx kompleta jew le, fi żmien tlitt ijiem ta' xogħol minn meta jirċievi dik it-talba.

KAPITOLU III

KOOPERAZZJONI U Ż-ŻAMMA TA’ REKORDS

Artikolu 15

Obbligi ta’ kooperazzjoni

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament jirrispondu b'mod sħiħ u mingħajr dewmien, b’konformità mar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jinsabu fih, għall-mistoqsijiet mill-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu ta' dak l-Istat Membru li jikkonċernaw l-informazzjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament.

Artikolu 16 Iż-żamma tar-rekords

Il-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-pagatur u l-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju jżommu rekords tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 għal ħames snin. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 14(2) u (3), il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament irid iżomm rekord tal-informazzjoni kollha li jkun irċieva għal ħames snin. Malli jiskadi dan il-perjodu, id-dejta personali trid titħassar, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi nazzjonali, li tiddetermina taħt liema ċirkostanzi fornituri tas-servizzi ta' pagament jistgħu jżommu jew iżommu ulterjurment id-dejta. L-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jeħtieġu żamma ulterjuri biss jekk meħtieġ għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Il-perjodu massimu taż-żamma wara t-twettiq tat-trasferiment ta’ fondi ma jistax jaqbeż l-għaxar snin.

KAPITOLU IV

Sanzjonijiet u monitoraġġ

Artikolu 17 Sanzjonijiet

1.           L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar il-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jwettqu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li huma jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet previsti jridu ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li fejn japplikaw obbligi għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagament, fil-każ ta' ksur ikunu jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet lill-membri tal-maniġment, u lil kwalunkwe individwu ieħor li skont il-liġi nazzjonali jkun responsabbli għall-ksur.

3.           Sa [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], l-Istati Membri jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt tal-ABE, AEAPX u l-AETS. Huma jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt tal-ABE, l-AEAPX u l-AETS mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalih.

4.           L-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħat investigattivi kollha li huma neċessarji biex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. Fl-eżerċitar tas-setgħat tagħhom ta’ sanzjonar, l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li s-sanzjonijiet jew il-miżuri jipproduċu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom meta jittrattaw każijiet transkonfinali.

Artikolu 18 Dispożizzjonijiet speċifiċi

1.           Dan l-Artikolu japplika għall-ksur li ġej:

(v) nuqqas ripetut ta’ inklużjoni tal-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju, bi ksur tal-Artikoli 4, 5 u 6;

(w) nuqqas serju min-naħa tal-fornituri tas-servizzi ta' pagament li jiżguraw iż-żamma tar-rekords f'konformità mal-Artikolu 16;

(x) nuqqas min-naħa tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament li jdaħħal fis-seħħ politika u proċeduri eggettivi bbażati fuq ir-riskju meħtieġa skont l-Artikoli 8 u 12.

2.           Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jiġu applikati jinkludu mill-inqas dawn li ġejjin:

(y) dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna fiżika jew legali u n-natura tal-ksur;

(z) ordni li titlob lill-persuna naturali jew legali biex tieqaf minn din l-inġiba u ma tirrepetix dak il-komportament;

(aa) fil-każ ta' fornitur tas-servizzi ta’ pagament, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-fornitur;

(bb) projbizzjoni temporanja kontra kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament jew kwalunkwe persuna fiżika oħra, li titqies responsabbli, milli teżerċita xi funzjoni mal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament;

(cc) fil-każ ta’ persuna legali, sanzjonijiet amministrattivi pekunarji sa 10 % tal-fatturat totali annwali tal-persuna legali fis-sena kummerċjali preċedenti; fejn il-persuna legali hija sussidjarja ta’ intrapriża prinċipali, il-fatturat annwali totali rilevanti jkun il-fatturat annwali totali li jirriżulta mill-kont konsolidat tal-intrapriża prinċipali aħħarija fis-sena kummerċjali preċedenti;

(dd) fil-każ ta’ persuna fiżika, sanzjonijiet amministrattivi pekunarji sa EUR 5 000 000, jew fl-Istati Membri fejn l-Euro ma tkunx il-munita uffiċjali, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(ee) sanzjonijiet amministrattivi pekunarji sad-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew telf evitat minħabba l-ksur fejn dawn ikunu jistgħu jiġu determinati.

Artikolu 19 Pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet

Is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi imposti fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 17 u 18(1) jiġu ppubblikati mingħajr dewmien bla bżonn inkluż tagħrif dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli għalih, sakemm din il-pubblikazzjoni ma tipperikolax l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

Fejn il-pubblikazzjoni tikkaġuna ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti, l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw is-sanzjonijiet fuq bażi anonima.

Artikolu 20 L-applikazzjoni tas-sanzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti

Meta jiddeterminaw it-tip tas-sanzjonijiet jew miżuri amminstrattivi u l-livell ta’ sanzjonijiet pekunarji amminstrattivi, l-awtoritajiet kompetenti iqisu ċ-ċirkostanzi relevanti kollha, inkluż:

(b) il-gravità tal-ksur u kemm dam għaddej;

(c) il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew legali responsabbli;

(d) is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew legali responsabbli, skont kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna legali responsabbli jew mid-dħul annwali tal-persuna fiżika responsabbli;

(e) l-importanza tal-profitti miksuba jew tat-telf li jkun ġie evitat mill-persuna fiżika jew legali responsabbli, safejn dawn ikunu jistgħu jiġu detetminati;

(f) it-telf għal partijiet terzi kkawżat mill-ksur, safejn ikun jista' jiġi determinat;

(g) il-livell ta’ kooperazzjoni li l-persuna fiżika jew legali responsabbli turi mal-awtorità kompetenti;

(h) ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew legali responsabbli.

Artikolu 21 Ir-rappurtar tal-ksur

1.           L-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi sabiex jinkoraġġixxu r-rappurtar ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament lill-awtoritajiet kompetenti.

2.           Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu mill-inqas:

(a) proċeduri speċifiċi biex jintlaqgħu rapporti dwar ksur u għas-segwitu tagħhom;

(b) il-protezzjoni xierqa għall-persuni li jirrapportaw ksur potenzjali jew reali;

(c) il-protezzjoni tad-dejta personali li tikkonċerna kemm lill-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll lill-persuna naturali li hija allegatament responsabbli għall-ksur, skont il-prinċipji stipulati fid-Direttiva 95/46/KE.

3.           Il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament jistabbilixxu proċeduri interni xierqa għall-impjegati tagħhom sabiex jirrapportaw vjolazzjonijiet b’mezz speċifiku.

Artikolu 22 Monitoraġġ

L-Istati Membri jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw b'mod effettiv, u jieħdu l-miżuri neċessarji bil-għan li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU V

IS-SETGĦAT TAL-IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 23 Proċedura ta' Kumitat

1.           Il-Kummissjoni tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, minn hawn 'il quddiem ‘il-Kumitat’. Il-Kumitat ikun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU VI

DEROGI

Artikolu 24 Ftehimiet ma’ territorji jew pajjiżi imsemmija fl-Artikolu 355 tat-Trattat

1.           Il-Kummissjoni tista' tawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru sabiex jikkonkludi ftehimiet, ma' pajjiż jew territorju li ma jifformax parti mit-territorju tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 355 tat-Trattat, li jinkludu derogi minn dan ir-Regolament, sabiex jippermettu li t-trasferimenti ta' fondi bejn dak il-pajjiż jew territorju u l-Istat Membru konċernat ikunu meqjusa bħala trasferimenti ta' fondi f'dak l-Istat Membru.

Tali ftehimiet jistgħu jkunu awtorizzati biss jekk il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

(d) il-pajjiż jew territorju konċernat jikkondividi unjoni monetarja mal-Istat Membru konċernat jew jifforma parti miż-żona monetarja ta' dak l-Istat Membru jew ikun iffirma Konvenzjoni Monetarja mal-Unjoni Ewropea rappreżentata minn Stat Membru;

(e) il-fornituri tas-servizzi ta' pagament fil-pajjiż jew territorju konċernat jipparteċipaw direttament jew indirettament fis-sistemi ta' pagament u ta' saldu f'dak l-Istat Membru;

u

(f) il-pajjiż jew territorju konċernat jeżiġi li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu japplikaw l-istess regoli bħal dawk stabbiliti taħt dan ir-Regolament.

2.           Kwalunkwe Stat Membru li jixtieq jikkonkludi xi ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1 jibgħat applikazzjoni lill-Kummissjoni u jagħtiha l-informazzjoni kollha meħtieġa.

Hekk kif il-Kummissjoni tirċievi applikazzjoni minn Stat Membru, it-trasferimenti ta' fondi bejn dak l-Istat Membru u l-pajjiż jew it-territorju konċernat ikunu provviżorjament trattati bħala trasferimenti ta' fondi f'dak l-Istat Membru, sakemm tittieħed deċiżjoni skont il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu.

Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li ma għandhiex l-informazzjoni kollha neċessarja, tikkuntattja lill-Istat Membru konċernat fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-applikazzjoni u tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

Ladarba l-Kummissjoni jkollha l-informazzjoni kollha li tikkunsidra neċessarja għall-valutazzjoni tat-talba, fi żmien xahar tinnotifika lill-Istat Membru b’dan u tittrasmetti t-talba lill-Istati Membri l-oħra.

3.           Fi żmien tliet xhur min-notifika msemmija fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni tiddeċiedi, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(2), jekk tawtorizzax lill-Istat Membru konċernat sabiex jikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Fi kwalunkwe każ, tiġi adottata deċiżjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu fi żmien 18-il xahar minn meta l-Kummissjoni tirċievi l-applikazzjoni.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25 Tħassir

Jitħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw skont it-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 26 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika minn [tikkoinċidi mad-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva xxxx/ssss].

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Parlament Ewropew

Il-President                                                    Il-President

ANNESS

It-tabella ta' korrelazzjoni msemmija fl-Artikolu 25.

Ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 || Dan ir-Regolament

Artikolu 1 || Artikolu 1

Artikolu 2 || Artikolu 2

Artikolu 3 || Artikolu 3

Artikolu 4 || Artikolu 4(1)

Artikolu 5 || Artikolu 4

Artikolu 6 || Artikolu 5

Artikolu 7 || Artikolu 7

Artikolu 8 || Artikolu 7

Artikolu 9 || Artikolu 8

Artikolu 10 || Artikolu 9

Artikolu 11 || Artikolu 16

Artikolu 12 || Artikolu 10

|| Artikolu 11

|| Artikolu 12

|| Artikolu 13

Artikolu 13 || Artikolu 14

Artikolu 14 || Artikolu 15

Artikolu 15 || Artikoli 17 sa 22

Artikolu 16 || Artikolu 23

Artikolu 17 || Artikolu 24

Artikolu 18 || -

Artikolu 19 || -

|| Artikolu 25

Artikolu 20 || Artikolu 26

[1]               ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1.

[2]               FATF hija l-korp internazzjonali stabbilit mis-Samit tal-G7 f’Pariġi fl-1989, u li jitqies bħala l-istandard dinji fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

[3]               ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

[4]               ĠU L 214, 4.8.2006, p. 29.

[5]               COM(2010) 673 finali.

[6]               COM (2012) 10 finali u COM (2012) 11 finali.

[7]               COM(2010) 716 finali.

[8]               Ir-rapport tal-Kummissjoni, it-tweġibiet mingħand il-partijiet interessati u d-dikjarazzjoni ta’ feedback huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/internal_market/company/financial-crime/index_en.htm

[9]               L-istudju huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/internal_market/company/financial-crime/index_en.htm

[10]             Ibidem.

[11]             L-istudju huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/internal_market/company/financial-crime/index_en.htm

[12]               ĠU C , , p. .

[13]               ĠU C , , p. .

[14]               ĠU C , , p. .

[15]               http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/08/st11/st11778-re01.en08.pdf

[16]               ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70.

[17]               ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.

[18]               ĠU L , , p. .

[19]               ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[20]               ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11.

[21]             ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22.

[22]             ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.

[23]             COM(2010) 716 finali.

[24]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

Top