EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0332

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2014 (2013/2679(RSP))

ĠU C 75, 26.2.2016, p. 150–159 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/150


P7_TA(2013)0332

Tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2014 (2013/2679(RSP))

(2016/C 075/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2013 (COM(2012)0629),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropa 2020,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta’ Ġunju 2013,

wara li kkunsidra l-aħħar Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni (1), b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kriżi twila mhix se tingħeleb mingħajr approfondiment akbar tal-integrazzjoni Ewropea, u l-kriżijiet finanzjarji, ekonomiċi u tad-dejn enfasizzaw il-ħtieġa għal kontroll demokratiku u responsabbiltà msaħħa;

B.

billi l-Kummissjoni għandha tressaq miżuri biex iżżomm u ssaħħaħ il-mudelli soċjali tal-ekonomija tas-suq Ewropej, bl-għan li ssewwi l-ħsara li saret mir-riċessjoni twila u tirkupra tkabbir tal-impjiegi u sostenibbli sħiħ;

C.

billi l-fraġilità tas-sistema bankarja, id-dejn kontinwu u l-problemi tad-defiċit li jaffaċċjaw l-Istati Membri, it-telf tal-kompetittività Ewropea fl-ekonomija globali, ir-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u t-tbatija soċjali li tirriżulta mit-tnaqqis ekonomiku jippreżentaw sfidi mingħajr preċedent għall-UE;

D.

billi l-għażliet baġitarji fil-livell tal-Unjoni għandhom jissodisfaw il-prijoritajiet politiċi tal-UE, mhux biss fir-rigward tal-ammont iżda wkoll fir-rigward ta’ flessibilità u bilanċ;

E.

billi l-Kummissjoni għandha r-rwol li tippromwovi l-interess ġenerali tal-UE, tieħu inizjattivi adegwati għal dan il-għan, tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, tissorvelja l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, teżerċita l-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni, eżekuttivi u ta’ ġestjoni, u tniedi l-leġiżlazzjoni,

F.

billi fi tmiem il-mandat elettorali attwali, il-proċeduri kollha li għadhom għaddejjin jintemmu sakemm il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jagħmlux talba motivata biex punti speċifiċi li għamlu progress sinifikanti fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja jitkomplew mill-Parlament elett ġdid,

L-EWWEL PARTI

1.

Jitlob għal proċess demokratiku aktar profond fil-qasam tal-governanza ekonomika, li jinvolvi lill-Parlament Ewropew aktar mill-qrib, li se jikkontribwixxi għat-titjib tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-ġestjoni tal-kriżi mill-UE; iqis, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni Ewropea għandha tissodisfa r-rwol tagħha stipulat fit-Trattat, li mhuwiex kompatibbli mad-delegazzjoni ta’ rwol tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-governanza ekonomika tal-UE lil korpi mhux responsabbli; huwa mħasseb b’mod partikolari dwar it-titjib tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni meta taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala membru tat-Trojka;

2.

Iqis li, wara l-konklużjoni tan-negozjati politiċi dwar il-QFP 2014-2020, il-Kummissjoni għandha tiżgura bħala kwistjoni ta’ urġenza l-funzjonament mingħajr xkiel tal-qafas finanzjarju l-ġdid, inklużi r-regoli l-ġodda dwar il-flessibilità miftiehma fil-qafas ta’ dawn in-negozjati; jistenna li l-Kummissjoni l-ġdida fil-mument tal-investitura tagħha se tagħmel impenn formali għat-twettiq tar-reviżjoni tal-QFP sal-aħħar tal-2016, li se jippermetti wkoll lill-Parlament il-ġdid jerġa' jevalwa l-prijoritajiet tal-UE;

3.

Jinsab partikolarment imħasseb minħabba s-sitwazzjoni tal-pagamenti fl-2014 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq baġits emendati matul is-sena, kull meta jkun hemm il-ħtieġa;

4.

Jenfasizza l-importanza li huwa jagħti lill-kwistjoni tar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Grupp ta’ livell għoli dwar ir-riżorsi proprji jiltaqa’ u jibda jaħdem malajr kemm jista’ jkun, sabiex jiżgura li l-ewwel sett ta’ riżultati jkun disponibbli sal-aħħar tal-2014, kif provdut fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Riżorsi Proprji miftiehma bħala parti mill-ftehim QFP;

5.

Ifakkar li l-baġit tal-UE jeħtieġ li jirrifletti l-politiki ta' prijorità tal-UE; jenfasizza li l-baġit tal-UE hu baġit ta' investiment b'effett ta' lieva qawwi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefendi l-baġit tal-UE biex tagħti spinta lill-investiment strateġiku permezz tal-valur miżjud Ewropew u sabiex l-ekonomija Ewropea terġa’ taqbad it-triq it-tajba;

6.

Jemmen li l-impjiegi huma l-ogħla prijorità u li għandhom jintużaw l-imposti disponibbli kollha fil-livell Ewropew biex jippreservaw l-impjiegi eżistenti u joħolqu impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ fl-oqsma tas-servizzi, l-industrija u l-ekonomija diġitali; jemmen, għalhekk, li l-investimenti biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE se jkollhom rwol ewlieni s-sena d-dieħla u fis-snin li ġejjin;

7.

Jilqa’ l-impenn tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta’ Ġunju 2013 għat-tlestija tal-bini ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina, li tinvolvi l-elementi kollha tal-Unjoni Bankarja, koordinament aktar effettiv tal-politiki ekonomiċi, l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà finanzjarja u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas fir-rigward ta' progress aktar rapidu; jistieden lill-Kummissjoni tressaq komunikazzjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM;

8.

Jinsisti dwar it-tlestija bikrija tal-leġiżlazzjoni kollha meħtieġa biex jidħol fis-seħħ mekkaniżmu superviżorju msejjes fuq il-Bank Ċentrali Ewropew;

9.

Jappoġġa l-istrateġija għat-tkabbir Ewropa 2020, li l-objettiv tagħha hu li tistabbilixxi l-qafas politiku tajjeb għall-inkoraġġiment tal-intraprenditorija, il-ħolqien tal-impjiegi, iż-żieda tal-istandards tal-għajxien u l-iżvilupp ta’ ekonomija sostenibbli;

10.

Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb l-ambjent makroekonomiku għall-industrija, filwaqt li jitjieb l-aċċess għall-kapital, tiġi provduta infrastruttura aħjar, jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetà u appoġġati l-SMEs b’mod partikolari, sabiex tiżdied il-kompetittività tagħhom u l-aċċess tagħhom għal swieq ġodda;

11.

Jitlob li tittieħed azzjoni biex jitlesta l-programm ta’ ħidma attwali tal-Kummissjoni, qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu, partikolarment fir-rigward tas-suq uniku tas-servizzi, l-aġenda diġitali, is-suq intern tal-enerġija u l-estensjoni ta’ ftehimiet ta’ kummerċ globali profond, ħieles u ġust;

12.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika u ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE, iħeġġiġha tressaq proposta dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju ta’ Prosekutur Pubbliku Ewropew u tlesti r-riforma li ġiet posposta tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi;

13.

Jipproponi li jinvolvi ruħu f’negozjati intensivi mal-Kunsill u l-Kummissjoni qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu biex ilesti kemm jista’ jkun dossiers possibbli, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-proċeduri leġiżlattivi kif stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona; itenni li ma jistax jaċċetta aktar elementi intergovernattivi relatati mal-UEM;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota b’mod xieraq tal-pożizzjonijiet speċifiċi għas-setturi tal-Parlament kif stipulati fit-Tieni Parti ta’ din ir-riżoluzzjoni;

IT-TIENI PARTI

Implimentazzjoni

15.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-koerenza tal-programm leġiżlattiv tagħha, tgħolli l-kwalità tal-abbozzi leġiżlattivi tagħha, issaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt tal-abbozz tal-liġijiet, tipproponi fejn xieraq l-użu ta' tabelli ta' korrelazzjoni bl-għan li ttejjeb it-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE, u tappoġġa lill-Parlament fin-negozjati tiegħu mal-Kunsill dwar l-użu ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni, li għandhom riskju li jimblukkaw b'mod sinifikanti l-proċess leġiżlattiv;

16.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' ġestjoni nazzjonali xierqa, iffirmati fil-livell politiku xieraq, li jkopru l-fondi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm skrutinju strett u kredibbli permezz ta’ kontrolli mill-qrib tal-finanzjament u li jitwettaq monitoraġġ tal-kosteffettività tal-finanzjament u l-amministrazzjoni tal-UE, biex b'hekk ikun żgurat valur għoli għall-prezz tal-azzjoni tal-UE, iżda jkun żgurat ukoll li d-dħul jinġabar skont ir-regoli applikabbli;

17.

Jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE għandha tittejjeb u tiġi modernizzata sabiex issir aktar effikaċi u tippermetti skrutinju demokratiku aktar profond tas-setgħat eżekuttivi fil-livell tal-UE; jinnota li l-Ftehim Interistituzzjonali 2010 jeħtieġ li jiġi rivedut; jitlob koordinazzjoni aħjar mal-Kunsill, b’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona; jenfasizza li l-metodu Komunitarju, li jippermetti dibattiti pubbliċi permezz tal-involviment demokratiku tal-Parlament, dejjem għandu jkun ippreferut; jemmen, madankollu, li leġiżlazzjoni kumplessa, speċjalment fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, tiggarantixxi dibattitu pubbliku u parlamentari suffiċjenti;

18.

Jiddispjaċih li, minkejja l-wegħdiet suċċessivi magħmula mill-Kummissjoni, diversi għanijiet imħabbra ma seħħewx fir-realtà, kemm f'termini kwantitattivi u kemm kwalitattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha maż-żewġ koleġiżlaturi fi djalogu intensiv dwar it-tressiq u l-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi mħabbra li fadal;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita t-tlestija rapida tat-trilogu dwar l-istatut dwar il-partiti politiċi f’livell Ewropew qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

Is-Suq Uniku

20.

Ifakkar fir-rwol ewlieni li jaqdi s-suq uniku bħala mutur għall-integrazzjoni tal-UE, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u bħala pilastru tal-ekonomija reali tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiffoka fuq il-Governanza tas-Suq Uniku sabiex tissemplifika l-adozzjoni u l-infurzar tal-prijoritajiet leġiżlattivi u ta' politika u tiżviluppa valutazzjoni regolari tal-integrazzjoni tas-suq uniku – abbażi ta' rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku li jakkumpanja l-istħarriġ tat-tkabbir annwali (AGSs) u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiż – fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiffoka fuq it-titjib tal-governanza tas-suq uniku, iġġedded l-impetu tagħha biex tikseb simplifikazzjoni amministrattiva, tagħti importanza dovuta lill-kunsiderazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri proposti, u tissorvelja l-progress fid-dawl tal-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tas-suq uniku, speċjalment fis-settur tas-servizzi,

22.

Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku II għal azzjonijiet ta' prijorità sabiex jagħtu spinta lit-tkabbir, l-impjiegi u l-fiduċja fis-suq uniku;

23.

Iħeġġeġ l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jitlob lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fil-promozzjoni ta’ aċċess għas-suq uniku għas-servizzi; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi prattiki restrittivi fis-seħħ, bħal ma hu t-'test tal-ħtiġijiet ekonomiċi';

24.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ b'attenzjoni u bir-reqqa tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Aġenda dwar il-Konsumatur, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-fiduċja fis-suq uniku; jitlob lill-Kummissjoni biex, minħabba li l-fiduċja u l-kunfidenza tal-konsumatur huma l-bażi ta' suq uniku li jiffunzjona sew, issegwi b'mod attiv, flimkien mal-Istati Membri, l-implimentazzjoni veloċi tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, id-Direttiva ta’ Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u r-Regolament dwar is-Soluzzjoni Online għat-Tilwim, u li tirrevedi l-funzjonament tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali;

25.

Jilqa’ r-Regolament il-ġdid dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur, li jiggarantixxi s-saħħa u s-sigurtà għall-konsumaturi iżda jiffaċilita wkoll il-kummerċ ta' oġġetti, speċjalment għall-SMEs;

26.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta Kodiċi Doganali Modernizzat billi tiżviluppa b'mod sħiħ prattiki tad-dwana elettroniċi armonizzati;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tkun iktar sistematika fil-valutazzjoni tal-impatt tal-proposti tagħha dwar l-SMEs, li l-Ewropa tiddependi fuqhom għal ħafna impjiegi ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiskoraġġixxi b'mod attiv ir-regolamentazzjoni żejda (“gold-plating”) fil-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali, ħaġa li tfixkel il-kundizzjonijiet kompetittivi ugwali fis-suq uniku;

28.

Jenfasizza l-importanza li jittieħdu miżuri biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u timplimenta l-miżuri previsti fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Intraprenditorija u tħaffef l-adozzjoni ta' inizjattiva għal intraprenditorija; jitlob li titnieda “SME Window” fil-faċilità ta' finanzjament taħt il-Programmi COSME u Orizzont 2020 tal-ġejjieni, li tkun tinvolvi lill-FEI u lill-BEI, b'mod li tiffaċilita l-investimenti minn fondi pubbliċi u privati f'attivitajiet kummerċjali ġodda innovattivi u sostenibbli, inklużi SMEs orjentati lejn it-tkabbir;

29.

Jitlob li l-Kummissjoni tinforza l-ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet biex iwettqu l-impenji ta’ tiswir ta’ liġijiet aħjar, inklużi l-Istati Membri, li kollha għandhom ikunu inkoraġġiti mill-Kummissjoni biex iwettqu t-testijiet tagħhom stess tal-SMEs u tas-suq uniku; f'dan ir-rigward, jinnota li l-Kunsill għandu jwaqqaf l-unità tal-valutazzjoni tal-impatt tiegħu biex jipproduċi valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-emendi tiegħu; jenfasizza l-importanza ta' kontrolli ta' adegwatezza fl-aġenda ta' Regolamentazzjoni aħjar;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-interessi tal-SMEs u l-intrapriżi mikro billi jiġi żgurat aċċess eħfef għas-suq uniku fl-Ewropa; jilqa’ l-passi li diġà ħadet il-Kummissjoni biex tnaqqas il-piżijiet regolatorji fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-governanza aħjar tas-suq uniku, abbażi ta’ rapport ta’ inizjattiva leġiżlattiva dwarha, fid-dawl tal-kontribut ewlieni li s-suq uniku jista’ jkollu għat-tkabbir fl-Unjoni Ewropea.

32.

Jilqa’ l-ftehim politiku dwar l-akkwist pubbliku u l-pakkett dwar il-konċessjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew implimentazzjoni veloċi u komprensiva tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tiegħu; jitlob, b’mod partikolari, għall-iżvilupp ta’ strateġija ta' komunikazzjoni u taħriġ biex tippromwovi ħiliet u kapaċitajiet ġodda f’akkwist innovattiv u bbażat fuq ir-riżultati;

33.

Jinnota l-ftehim li issa ġie kkonfermat mal-Kunsill dwar riformi tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki Professjonali; jitlob għal implimentazzjoni bikrija tad-dispożizzjonijiet il-ġodda u biex il-professjonijiet il-ġodda jiġu mħeġġa jistabbilixxu oqfsa ta’ kwalifiki Ewropej;

34.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Parlament u mal-Kunsill biex tintlaħaq konklużjoni sal-bidu tal-2014;

35.

Itenni t-talba tiegħu għal proposta għall-erbatax -il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji;

36.

Jitlob li l-industrija Ewropea tingħata ħajja ġdida, bl-għan li jinħolqu impjiegi ġodda u deċenti, li jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u jiġu żgurati kundizzjoni tal-impjieg tajbin għall-Ewropej kollha;

37.

Jitlob li l-Kummissjoni tippromwovi inizjattiva ulterjuri dwar is-suq uniku billi tressaq proposti għall-iżvilupp, it-tlestija u l-implimentazzjoni tas-suq uniku diġitali, bħal qafas strateġiku ġdid li jiġbor fih id-disponibbiltà u l-portabbiltà transkonfinali tal-kontenut diġitali tal-UE, u b’mod partikolari, inizjattivi biex titrawwem aktar il-fiduċja tal-konsumaturi, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw il-pagamenti online u jtejbu t-twassil tal-informazzjoni diġitali u l-infrastrutturi;

38.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bir-riforma dwar id-dritt tal-awtur, biex tiżgura li tkun adatta għall-ambjent tal-internet; itenni l-ħtieġa li tkun finalizzata r-riforma dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa;

39.

Iqis li huwa essenzjali għall-istabbiltà tal-ekonomija tal-UE, u għal ritorn lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli, li tiġi stabbilita b’suċċess Unjoni Bankarja permezz tat-twaqqif ta’ mekkaniżmu superviżorju uniku flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku għall-banek u qafas tal-UE għall-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti; jitlob lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tippreżenta mingħajr dewmien il-proposti kollha neċessarji, flimkien mal-istandards tekniċi regolatorji meħtieġa għall-implimentazzjoni xierqa tal-pakkett CRD IV;

40.

Jenfasizza li fl-interessi ta' aktar tisħiħ tal-effiċjenza u s-saħħa tas-swieq finanzjarji tal-UE malajr kemm jista’ jkun, il-proposti pendenti tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji għandhom jiġu adottati malajr, b'hekk jiġi evitat dewmien fid-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni tadotta malajr kemm jista' jkun il-proposti tagħha dwar abbozz ta' regolament li jistabbilixxi Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet dwar ir-riforma strutturali tal-banek; jenfasizza l-importanza tal-koleġiżlaturi li jindirizzaw malajr dawn il-proposti, biex jippermettu d-dħul fis-seħħ veloċi tagħhom;

42.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li r-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali għall-kompetittività tal-UE, permezz tat-twaqqif ta’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni, is-simplifikzzjoni tal-proċeduri, il-ġbir u l-koordinament tal-iffinanzjar fil-livelli relevanti kollha (UE/Stat Membru/reġjun) u t-twaqqif ta’ sinerġiji bejn il-programmi Ewropej, u jistieden lill-Kummissjoni timplementa dawn il-prinċipji;

43.

Jinnota l-ftehim dwar Orizzont 2020 li jippermetti tranżizzjoni bla xkiel mill-Seba’ Programm Kwadru (FP7) u li jiżgura l-kontinwità tal-politika prinċipali ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE, li sofriet fil-programmi tal-passat bħala riżultat ta' ftehimiet tal-aħħar minuta li ġew konklużi bejn il-Kunsill u l-Parlament;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta adegwata għal definizzjoni komuni tal-UE ta’ rifuġji fiskali u tintroduċi lista sewda ta’ pajjiżi terzi u ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx. iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu bl-impenji tagħhom biex jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lil pajjiżi terzi japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali u ppjanar fiskali aggressiv, u jieħdu l-miżuri neċessarji biex isaħħu l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa;

Il-klima, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport

45.

Jinsisti dwar il-ħtieġa li jkun implementat pjan direzzjonali għal Ewropa effiċjenti fir-riżorsi biex jinħolqu inċentivi għall-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika, it-trawwim tal-bijodiversità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluża l-integrazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza fir-riżorsi fis-Semestru Ewropew, kif previst fl-Ewropa 2020;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni biex mingħajr dewmien tressaq proposti biex tindirizza d-dgħufijiet strutturali tas-Sistema attwali għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet;

47.

Jistenna lill-Kummissjoni tressaq mingħajr aktar dewmien proposti leġiżlattivi biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja, sabiex tipprovdi protezzjoni msaħħa mill-aspetti negattivi tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa tal-bniedem;

48.

Jenfasizza li l-ilħuq ta’ ftehim komprensiv tan-NU dwar il-klima fl-2015, skont l-objettiv tal-UE ta’ 2 oC, huwa tal-akbar prijorità, u jirrikonoxxi li fl-2014 se jkun jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-qafas tal-UE rigward il-klima u l-politika tal-enerġija, biex jixprunaw l-impetu fin-negozjati internazzjonali għall-ilħuq ta’ dak l-għan;

49.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef ix-xogħol dwar ir-reviżjoni tal-pakkett dwar l-iġjene, minħabba dak li ġara reċentement fir-rigward ta' prattiki frawdolenti relatati ma' prodotti tal-laħam fl-UE;

50.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rieżami ġenerali tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, inklużi l-miri tal-acquis tal-iskart u l-miri ta’ tneħħija tar-rimi fil-miżbliet tad-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Terraferma.

51.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni dettaljat ta' miżuri mfassla biex jinkiseb suq uniku integrat bis-sħiħ u interkonness fl-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu pprovduti bi prezzijiet trasparenti u komparabbli tal-enerġija;

52.

Jissottolinja għal darba oħra li l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija huma l-irħas mod biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija u titnaqqas l-importazzjoni ta' fjuwils fossili u għandhom għalhekk ikunu fil-qalba ta' kwalunkwe miżura politika dwar l-enerġija li tiġi proposta;

53.

Jenfasizza l-bżonn li jiġi kkompletat is-suq uniku għall-mezzi kollha tat-trasport, inkluża l-liberalizzazzjoni ulterjuri tas-suq tat-trasport bl-art, sabiex il-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi jiġi garantit b'regoli ċari u infurzabbli faċilment, għal kompetizzjoni libera u ġusta u tnaqqis fil-piż amministrattiv fuq l-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar is-sitwazzjoni tas-suq tat-trasport bl-art tal-UE sa tmiem l-2013, u biex tlesti l-analiżi kollha meħtieġa qabel tressaq proposti leġiżlattivi;

54.

Jikkunsidra l-Ajru Uniku Ewropew (SES), li tfassal aktar minn għaxar snin ilu, bħala proġett importanti ħafna; jibża’ li jekk l-Unjoni Ewropea ma tiħux azzjoni fis-snin li ġejjin, l-ispazju tal-ajru ċentrali tal-Ewropa tant se jkun laħaq il-limiti tiegħu li ma jkunx hemm aktar il-possibilità ta’ tkabbir; jitlob, għalhekk, riforma fl-ispazju tal-ajru, idea li diġà ġiet adottata minn Stati Membri permezz ta’ riforma ta’ sistemi eżistenti ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru bl-introduzzjoni ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FABs); jilqa’ l-fatt li SESAR, l-element tat-teknoloġija tal-SES, qed jiżviluppa tajjeb; jenfasizza li s-sistema l-ġdida se tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd, partikolarment għal-linji tal-ajru Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex l-FABs kollha jkunu operattivi; jappella sabiex jitħeġġeġ l-użu akbar tal-ajruporti reġjonali;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni żżomm mal-impenn tagħha li tiggarantixxi t-tlestija sħiħa taż-żona ferrovjarja unika Ewropea u testendi l-kompetenzi tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni u s-sikurezza, kif ukoll l-omologazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji;

56.

Jitlob proposti għat-twettiq tas-suq uniku Ewropew tat-telekomunikazzjonijiet, inklużi miżuri biex jitneħħew il-ħlasijiet tar-roaming sa mhux aktar tard mill-2015;

Soċjetajiet Koeżivi u inklużivi – Ewropa taċ-Ċittadini

57.

Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea qed tipprovdi investiment għal tkabbir sostenibbli u impjiegi kif ukoll għal kompetittività mtejba fl-Ewropa, skont l-objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hi l-għodda ewlenija ta' investiment biex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa u malajr, sabiex tiggarantixxi bidu f'waqtu, kif ukoll biex tistabbilixxi kundizzjonijiet ċari li jippermettu implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali 2014-2020 fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq immedjatament abbozz revedut tar-Regolament (KE) 2012/2002 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

58.

Jenfasizza li l-pakkett leġiżlattiv komprensiv tar-regolamenti dwar il-politika ta’ koeżjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020 li jmiss huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni adegwata tal-baġit pluriennali; jinnota li dawn ir-regolamenti għandhom jiġu ssupplimentati bl-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni u atti ddelegati;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri bħar-riforma tas-swieq tax-xogħol fejn problemi strutturali qed ixekklu d-dħul taż-żgħażagħ, u biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ bil-għan li ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsibu impjieg jew għall-edukazzjoni;

60.

Jinnota li hemm domanda kbira u li għadha ma ntlaħqitx għal persunal kwalifikat fit-teknoloġija tal-informatika u l-iżvilupp tas-sistema; jissuġġerixxi li dan is-settur għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet għall-appoġġ tat-taħriġ u l-iżvilupp fl-Inizjattiva Ewropea favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

61.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal direttiva dwar mard muskoluskeletali (MSD) marbut max-xogħol u reviżjoni tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol;

62.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li permezz tar-reviżjoni tal-linji gwida tal-impjiegi fl-2014, il-politiki tal-impjiegi u soċjali jkollhom rwol attiv fir-reazzjoni għall-kriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji għall-bini ta’ ħiliet ġodda u tgħin persuni qiegħda jsibu triqithom lura mill-aktar fis lejn is-suq tax-xogħol; ifakkar, madankollu, li għandu jkun hemm sforz ewlieni, permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, biex din tipprovdi appoġġ fir-reġjuni affettwati l-aktar serjament fl-Unjoni lill-gruppi vulnerabbli u liż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), li huma qiegħda jew inattivi, billi taċċelera l-kunsinna ta’ attivitajiet appoġġati minn finanzjament tal-FSE;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi rapport annwali dwar ir-riforma ta’ sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri, biex b’hekk tagħti kontribut strutturali fit-tul għat-titjib fl-impjegabbiltà taż-żgħażagħ;

64.

Jappoġġa inizjattivi fil-livell tal-UE biex jikkomplementaw l-isforzi nazzjonali għaż-żieda tal-mikrokrediti u għat-tisħiħ tal-intraprenditorija soċjali billi jipprovdu servizzi li mhumiex pprovduti biżżejjed mis-settur pubbliku jew privat;

65.

Itenni t-talba tiegħu għal rieżami tad-Direttiva dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali ta' valur ugwali; jappella għal sforzi rinnovati min-naħa tal-Kummissjoni biex tiżblokka d-Direttiva dwar il-liv tal-maternità kif ukoll biex ssegwi t-tħejjija tal-istudju tal-kostijiet u l-benefiċċji fir-rigward tal-liv tal-paternità;

66.

Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tippreżenta strateġija dwar il-qerda tal-vjolenza fuq in-nisa kif mitlub mill-Parlament f'bosta riżoluzzjonijiet, u li l-UE ssir parti mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, li tagħti impetu qawwi lis-26 Stat Membru li għadhom ma ffirmawx u rratifikaw il-Konvenzjoni;

67.

Ifakkar li politika kontra d-diskriminazzjoni għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi pjan direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li jiġu żviluppati u implimentati b’mod effikaċi strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri, u li d-diskriminazzjoni tiġi kkundannata u titqajjem fi djalogi ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tkun inkorporata fi programmi ta’ kooperazzjoni;

68.

Jenfasizza l-importanza li għandha tingħata lis-setturi tal-edukazzjoni, il-kultura, dawk awdjoviżivi, taż-żgħażagħ, l-isport u ċ-ċittadinanza u biex ikun żgurat li dawn ikollhom baġits adegwati u effiċjenti;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-problemi sottostanti ta' rikonoxximent inkomplut tal-korsijiet li jsiru u ta' punti ECTS (Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti) akkumulati f'universitajiet lokali għal studenti li jlestu perjodi ta' studju f'universitajiet oħra taħt il-programm Erasmus;

70.

Iħeġġeġ li jintlaħaq ftehim komprensiv dwar il-pakkett tal-protezzjoni tad-data li jiżgura livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni għas-suġġetti tad-data kif ukoll kundizzjonijiet ekwi għan-negozju;

71.

Jikkunsidra, li fl-interess tas-salvagwardja tas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej, il-ġlieda li qed tkompli kontra t-terroriżmu hija ta’ importanza kbira għall-Unjoni Ewropea u jitlob bil-qawwa reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar iż-żamma tad-data;

72.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli b'urġenza l-ħidma tagħha fuq il-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data personali u jtenni b'urġenza l-konklużjoni rapida tiegħu;

73.

Jissuġġerixxi li proposti għal rikonoxximent reċiproku tal-effetti ta’ ċerti dokumenti ta’ status ċivili, flimkien ma’ standards minimi għal proċeduri ċivili, jistgħu jindikaw pass importanti ’l quddiem fil-ħolqien ta’ żona tal-ġustizzja, bi proċeduri aktar faċli, ċari u aċċessibbli għaċ-ċittadini, u aktar fiduċja fir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ ġustizzja ċivili;

74.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-aqwa użu possibbli tal-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016 biex tegħleb il-problema tat-traffikar tal-bnedmin;

75.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-tkabbir tat-tabella ta’ valutazzjoni dwar il-ġustizzja biex tkopri wkoll l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali;

76.

Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati f'livell transkonfinali, il-kriminalità organizzata, il-ħasil ta' flus, il-frodi u l-korruzzjoni kontra interessi finanzjarji tal-UE;

77.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-pjan direzzjonali dwar id-drittijiet proċedurali u timmonitorja t-traspożizzjoni tad-direttivi adottati biex tiżgura li d-drittijiet bażiċi tal-persuni suspettati u akkużati jkunu protetti biżżejjed permezz ta’ standards minimi komuni ta' drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali u biex il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jsir effettiv;

78.

Jappoġġa lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha dwar id-drittijiet tal-vittmi, u jitlob lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u adegwata sas-16 ta' Novembru 2015, tad-direttiva li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;

79.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar kundizzjonijiet ta' dħul u ta' residenza għal riċerkaturi, studenti, skambju ta' studenti, apprendisti u voluntiera; jitlob għal aktar proposti sostantivi dwar il-migrazzjoni legali;

80.

Jitlob li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw ir-regoli ta’ Schengen b’mod korrett sabiex il-libertà ta’ moviment tal-persuni tkun rispettata bis-sħiħ u biex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin jew abbuż tal-possibbiltà li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni;

81.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil tiġi implimentata tajjeb madwar l-UE, filwaqt li jiġi rispettat l-impenn fit-Trattat;

82.

Jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposti ġodda jew teżamina aktar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-liġi sostantiva u proċedurali, b'mod partikolari Ruma II u Brussell II;

83.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tar-regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u sabiex temendah fejn xieraq;

L-Agrikoltura u s-sajd

84.

Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi implimentazzjoni rapida u korretta tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) li se tirriżulta f’PAK b’saħħitha, sostenibbli u ġusta li taqdi lill-bdiewa u l-konsumaturi Ewropej, tippromowovi l-iżvilupp rurali u tipproteġi l-ambjent;

85.

Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni se tkun l-enfasi ewlenija tal-attivitajiet fl-2014; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-ftehimiet finali tar-riforma tal-PAK li jimminimizzaw il-piż fuq il-bdiewa u fuq il-korpi amministrattivi tal-Istati Membri filwaqt li jkun żgurat li r-regoli l-ġodda jiġu implimentati b'mod effettiv, bir-reqqa u b'mod trasparenti;

86.

Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni dwar l-użu ta' tekniki ta' ikklonjar tal-annimali għall-produzzjoni tal-ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex fit-tfassil tal-proposta, tikkunsidra t-tħassib reċenti dwar l-ittikkettar u l-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni relatata mal-katina alimentari tal-UE, filwaqt li jiġu applikati l-aktar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi reċenti f'dan il-qasam;

87.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal strateġija ġdida għas-saħħa tal-annimali, kif ukoll l-impenn tagħha biex tkun żgurata konsistenza fost il-prinċipji orizzontali tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma tas-saħħa tal-annimali, il-benessri tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel; jitlob allinjament mill-qrib tal-istrateġija għas-saħħa tal-annimali mal-istrateġija Ewropa 2020 sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern fir-rigward tal-annimali u l-prodotti tal-annimali filwaqt li fl-istess ħin, titjieb is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea;

88.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw il-Politika dwar is-Sajd Komuni li għadha kif ġiet adottata f'konformità mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd futur; jistenna l-Kummissjoni tiżgura li l-Artikolu 43(2) TFUE jifforma l-bażi ġuridika tal-proposti tiegħu u li tillimita l-użu tal-Artikolu 43(3) għal proposti strettament konnessi mal-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd; għal dan il-għan, jistenna li l-Kummissjoni tgħin biex titwaqqaf taskforce interistituzzjonali magħmula minn rappreżentanti mit-tliet istituzzjonijiet kollha biex tidentifika l-aħjar modi ta' proċedura;

89.

Jenfasizza li l-Fond ġdid Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għandu jtejjeb il-miżuri mmirati biex inaqqsu l-kapaċità tal-flotta; jinsisti li l-Poltika Komuni tas-Sajd il-ġdida għandha tkun imsejsa fuq miżuri ta' kontroll imsaħħa;

90.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli ssaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra s-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU);

Il-politika barranija u l-politika ta' żvilupp

91.

Jistenna lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-politika tradizzjonali ta’ tkabbir tal-UE; jemmen li l-UE tista’ titlef l-kredibbiltà politika fid-dinja jekk tagħlaq il-bibien tagħha għall-ġirien tagħha;

92.

Ifakkar li l-Viċinat tal-Lvant u dak tan-Nofsinhar jibqa' prijorità, u jenfasizza li l-istrateġija l-ġdida tal-UE u l-prinċipju Aktar għal Aktar għad jeħtieġ li jiġi definit biċ-ċar u implimentat;

93.

Jenfasizza l-importanza li terġa tiġi affermata, b'determinazzjoni akbar, il-perspettiva ta' tkabbir għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jikkondividi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jibdew taħdidiet ta' adeżjoni mal-UE mas-Serbja u ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM); jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-impenn tagħha mat-Turkija bħala pajjiż kandidat, u jilqa' b'mod speċjali l-ftuħ ta' kapitolu 22 tal-adeżjoni dwar il-politika reġjonali;

94.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-attivitajiet tagħha mmirati lejn l-iżvilupp tas-Sħubija tal-Lvant, speċjalment fil-qasam tal-mobilità u tal-kooperazzjoni edukattiva;

95.

Jitlob lill-Kummissjoni tikkontribwixxi b’mod kostruttiv għar-rieżami tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bil-għan li taħdem mal-Kunsill u l-Parlament biex tappoġġa inizjattivi koordinati tajjeb fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni jitlob aktar flessibiltà fl-għoti ta’ għajnuna finanzjarja f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi;

96.

Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li ttejjeb l-evalwazzjoni tagħha tal-implimentazzjoni tal-Kunsens dwar l-għajnuna umanitarja, il-kumplimentarjetà tagħha mal-Istati Membri u d-donaturi u l-ħtieġa ta' rieżami tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1996;

97.

Jitlob li s-SEAE jġib “il quddiem il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-kunċett tar-'Responsabbiltà ta’ Protezzjoni” (R2P), skont ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament tat-18 ta' April 2013 (2) lill-Kunsill dwar il-prinċipju tan-NU bil-ħsieb li jiġi stabbilit kunsens Ewropew dwar l-R2P;

98.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kwantità u l-effiċjenza tal-għajnuna umanitarja u tal-għoti ta' assistenza tal-UE li qed titwassal lill-popolazzjonijiet fil-bżonn ta' ħtiġijiet u servizzi bażiċi fis-Sirja u fost ir-rifuġjati mis-Sirja fil-pajjiżi ġirien;

99.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta li tistabbilixxi mekkaniżmu, iffinanzjat mill-istrument finanzjarju rilevanti tal-azzjoni esterna tal-UE u magħmul minn tim ta' investigaturi, prosekuturi, avukati u esperti oħra nazzjonali u internazzjonali mill-Istati Membri tal-UE, kif ukoll minn pajjiżi oħra kkonċernati (l-Isvizzera, il-Kanada u l-Istati Uniti), bl-għan li tiġi pprovduta konsulenza u assistenza legali u teknika lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija dwar l-irkupru ta' assi misapproprjati u misruqa mid-dittaturi preċedenti, il-familji u r-reġimi tagħhom;

100.

Jistieden lill-Kummissjoni tibdel l-enfasi tagħha minn politika ta' żvilupp orjentata lejn l-input, li hija prevalenti, lejn politika ta' żvilupp orjentata lejn ir-riżultati, b'ċifri annwali preċiżi dwar il-kisbiet fil-qasam tal-iżvilupp, u biex tiżgura li l-isforzi għall-iżvilupp tal-UE jkollhom impatt dejjiemi fuq il-qerda tal-faqar;

101.

Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza b'mod prammatiku l-kwistjoni tad-drittijiet ta' proprjetà fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex tfassal approċċ koerenti flimkien ma' imsieħba internazzjonali oħra għall-iżvilupp, sabiex jingħata bidu għal proċess ta' għoti tas-setgħa lill-komunitajiet lokali u lill-individwi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrimarka li dan huwa proċess li jikkostitwixxi wieħed mill-pilastri ewlenin tal-iżvilupp u wieħed li jista' jgħolli nazzjonijiet sħaħ mill-faqar u jintensifika l-attivitajiet ekonomiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

102.

Jirrimarka li, sabiex tiżdied l-effikaċja tal-għajnuna, huwa wkoll kruċjali li tiġi garantita koerenza politika ikbar, fejn l-oqsma politiċi kollha tal-UE – speċjalment dawk b'impatt sinifikanti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-ġid fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrimarka li huwa meħtieġ ukoll li tiżdied il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri;

103.

Jinnota li l-indirizzar tal-malnutrizzjoni tat-tfal u tas-sikurezza tal-ikel, il-ġlieda kontra l-qtil skont il-ġeneru, li timplika l-għażla persistenti, prattikata fuq skala enormi, tal-irġiel fuq in-nisa, kif ukoll il-promozzjoni tal-provvista tal-assigurazzjoni tas-saħħa u tal-pensjonijiet f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, jibqgħu prijoritajiet kbar;

104.

Jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri huwa wkoll strateġija importanti li jeħtieġ li titjieb;

105.

Jappella għat-titjib fl-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp billi jissaħħu il-koordinazzjoni u l-kumplementarjetajiet u billi jiġu vvalutati b’mod regolari l-outputs, ir-riżultati u l-impatt ta’ tali għajnuna;

Il-kummerċ

106.

Jibqa' impenjat lejn approċċ multilaterali għall-kummerċ internazzjonali u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-inizjattivi attwali tad-WTO; iħeġġeġ il-faċilitazzjoni tal-adeżjoni taċ-Ċina fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi; jirrikonoxxi l-ħtieġa għat-tkomplija fil-progress biex jinkisbu ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles ma’ sħab sinifikanti, b’mod partikolari l-Istati Uniti; jitlob lill-Kummissjoni għaldaqstant tikkonċentra r-riżorsi umani u l-isforzi politiċi fuq in-negozjati dwar il-kummerċ li għadhom għaddejjin ma’ pajjiżi terzi u, b’mod partikolari, ma’ sħab strateġiċi, bil-għan li jsir progress sostanzjali lejn ftehim finali bilanċjat; jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi l-Parlament b’mod sħiħ f’dan il-proċess, skont id-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

107.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċess ta’ riflessjoni profonda, bl-involviment tal-Parlament, dwar l-istrateġija futura tal-kummerċ internazzjonali, inkluż riforma possibbli tal-funzjonament tad-WTO; jenfasizza li din il-valutazzjoni għandha tieħu kont sħiħ tar-riżultati għall-ekonomija tal-UE tal-istrateġija tal-kummerċ internazzjonali reċenti;

o

o o

108.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0180


Top