EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0327

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali (2013/2655(RSP))

ĠU C 75, 26.2.2016, p. 120–130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/120


P7_TA(2013)0327

L-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali (2013/2655(RSP))

(2016/C 075/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 3(3) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 12, 14, 26, 114(3) u 169(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur bl-isem 'Aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur', adottat fil-25 ta' April 2013 (A7-0163/2013),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2013 bl-isem “E-commerce Action plan 2012-2015 – State of play 2013” (Pjan ta' Azzjoni dwar il-kummerċ elettroniku 2012-2015 – Sitwazzjoni fl-2013) (SWD(2013)0153),

wara li kkunsidra l-Istrument ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Kummissjoni Nru 26 tat-18 ta' Frar 2013,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2012 bl-isem “Commission staff working document: The Consumer Markets Scoreboard – Making markets work for consumers – Eighth edition Part 1 – November 2012” (Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: L-Istrument ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi – Nagħmlu s-swieq jaħdmu għall-konsumatur – It-tmien edizzjoni Parti 1 1 – Novembru 2012) (SWD(2012)0432),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-18 ta’ April 2013 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-Memorandum ta' Qbil dwar il-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati fuq l-internet (COM(2013)0209),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar “L-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali” (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar Suq Uniku għall-Ewropej (2), dwar Suq Uniku għall-impriżi u t-tkabbir (3) u dwar il-Governanza u s-Sħubija fis-Suq Uniku (4),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta' Ottubru 2010 bl-isem “Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin” (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid” (COM(2012)0573),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tat-13 ta' April 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “L-Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja” (COM(2011)0206),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ġunju 2012 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (COM(2012)0238),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli (5),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tat-22 ta' Mejju 2012 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej: Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir” (COM(2012)0225),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2012 bl-isem “Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal” (COM(2012)0196),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2012 bl-isem “Strateġija għall-akkwist elettroniku” (COM(2012)0179),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-25 ta' Jannar 2012 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-ejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta' Dejta Ġenerali) (COM (2012)0011),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2012 bl-isem “Suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE” (COM(2012)0698),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bl-isem “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” (COM(2011)0942),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar strateġija ġdida għall-politika tal-konsumatur (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tad-9 ta' Novembru 2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar programm tal-konsumaturi 2014-2020 (COM(2011)0707) u d-dokumenti relatati (SEC(2011)1320 u SEC(2011)1321),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2012 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibilità tas-siti elettroniċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku (COM(2012)0721),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020 (8),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal direttiva dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (COM(2013)0048),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tas-7 ta' Frar 2013 mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà bl-isem “Strateġija ta' Sigurtà Ċibernetika tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju miftuħ mogħni b’sigurtà u sikurezza” (JOIN(2013)0001),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tas-27 ta' Settembru 2012 bl-isem “L-Isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa” (COM(2012)0529),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-14 ta' Novembru 2011 li tistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar l-impatt tar-riklamar fuq l-imġiba tal-konsumatur (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku (10),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/45/UE tat-13 ta' Lulju 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni (11),

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja rigward Google (Kawżi Magħquda C-236/08 sa C-238/08, sentenza tat-23 ta' Marzu 2010) u BergSpechte (Kawża C-278/08, sentenza tal-25 ta' Marzu 2010), li jiddefinixxu l-kunċett “tal-utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent” bħala l-konsumatur tal-internet standard,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (12),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummisjsoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra r-rapport Monti tad-9 ta' Mejju 2010 dwar strateġija ġdida għas-suq uniku,

wara li kkunsidra r-rapport analitiku dwar l-attitudnijiet lejn il-bejgħ transkonfinali u l-ħarsien tal-konsumaturi, ippubblikat mill-Kummissjoni f’Marzu 2000 (Flash Eurobarometer Nru 282),

wara li kkunsidra “Valutazzjoni tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE permezz ta’ xiri bil-moħbi”, studju mwettaq f’isem DG SANCO tal-Kummissjoni mill-YouGovPsychonomics u ppubblikat fl-20 ta’ Ottubru 2009,

wara li jikkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur (COM(2009)0330),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur) (COM(2009)0336),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (13),

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (14),

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-użu tal-potenzjal sħiħ tas-suq uniku diġitali huwa kruċjali biex l-Ue ssir ekonomija bbażata fuq l-għarfien iktar kompetittiva u dinamika, għall-benefiċċju kemm taċ-ċittadini kif ukoll tan-negozji tagħha; billi l-Ue għandha taġixxi mingħajr dewmien biex iżżomm il-vantaġġ kompetittiv globali tagħha, b'mod partikolari b'rabta mas-setturi ta' tkabbir għoli bħall-pjattaforma tal-Internet u l-industrija tal-applikazzjonijiet tas-softwer;

B.

billi l-konnettività kullimkien, permezz ta' aċċess mingħajr ostakli għal netwerks tal-Internet broadband b'veloċità għolja, aċċess universali u ekwu għas-servizzi tal-Internet għaċ-ċittadini kollha u d-disponibilità ta' spettru ta' servizzi tal-broadband mingħajr fili, huma prerekwiżiti essenzjali għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali; billi żviluppi teknoloġiċi ġodda, bħall-apparat mobbli u applikazzjonijiet u ġenerazzjonijiet ġodda ta' standards mobbli, jirrikjedu netwerks ta' infrastruttura affidabbli u veloċi biex jipprovdu l-benefiċċji tagħhom liċ-ċittadini u lin-negozji;

C.

billi applikazzjonijiet 'big data' huma dejjem iktar importanti għall-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni, bi dħul globali mistenni ta' EUR 16-il biljun u ħolqien mistenni ta' 4,4 miljun impjieg addizzjonali sal-2016;

D.

billi l-'cloud computing' għandu potenzjal ekonomiku, soċjali u kulturali kbir f'termini ta' tifdil tal-flus, qsim ta' kontenut u informazzjoni, żieda fil-kompetittività, aċċess għal informazzjoni, innovazzjoni u ħolqien tal-impjiegi; billi f'dan il-kuntest, il-ħolqien ta' servizzi mingħajr ostakli tal-gvern elettroniku, aċċessibbli permezz ta' bosta apparati, huwa ta' importanza partikolari;

E.

billi l-ekonomija tal-UE għaddejja minn tibdil strutturali sinifikanti, li qed ikollu impatt fuq il-kompetittività globali u fuq is-swieq tagħha; billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 jitlob li tittieħed azzjoni determinata biex jiżdied il-ħolqien tal-impjiegi; billi swieq tax-xogħol dinamiċi u inklużivi huma essenzjali għall-irkupru u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE;

F.

billi l-midja soċjali, il-kontenut ġenerat mill-utent, ir-“remix culture” u l-kollaborazzjoni tal-utenti qed ikollhom rwol dejjem iktar importanti fl-ekonomija diġitali; billi l-konsumeturi dejjem lesti li jħallsu iktar għal kontenut diġitali professjonali ta' kwalità għolja, sakemm ikun bi prezz raġonevoli, aċċessibbli permezz ta' bosta apparati u jista' jinġarr tul il-fruntieri;

G.

billi l-aċċess għall-kontenut bi prezzijiet raġonevoli, permezz ta' faċilitajiet ta' ħlas sodi u affidabbli, għandu jżid il-fiduċja tal-konsumaturi meta dawn jaċċedu għal servizzi transkonfinali;

H.

billi 99 % tan-negozji kollha tal-UE huma intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li jikkostitwixxu 85 % tal-impjieg fl-UE; billi l-SMEs huma għalhekk il-forza mexxejja fl-ekonomija tal-UE, b'responsabilità ewlenija għall-ħolqien tal-għana, l-impjieg u t-tkabbir, kif ukoll l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp;

I.

billi ċ-ċittadini tal-UE għandhom rwol kruċjali fil-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli, u billi r-rwol tal-konsumaturi għandu, għaldaqstant, ikun rikonoxxut bħala parti mill-politika ekonomika tal-UE; billi jeħtieġ li jintlaħaq il-bilanċ ideali, billi tingħata spinta lill-kompetittività tan-negozji tal-Unjoni filwaqt li jiġu mħarsa l-interessi tal-konsumaturi;

J.

billi l-frammentazzjoni tas-suq uniku diġitali tipperikola l-għażla tal-konsumaturi; billi jeħtieġ li jiġu promossi l-fiduċja tal-konsumaturi, il-fiduċja tagħhom fis-suq u l-għarfien tad-drittijiet tagħhom, b'attenzjoni speċjali għall-konsumaturi vulnerabbli; billi huwa essenzjali li l-konsumaturi fl-Unjoni jiġu offruti protezzjoni aħjar f'dan li jikkonċerna l-prodotti u s-servizzi li jistgħu jipperikolawlhom is-saħħa jew is-sikurezza tagħhom;

K.

billi l-iskrijning tal-Kummissjoni madwar l-UE tas-siti tal-Internet li jbiegħu kontenut diġitali bħal logħob, vidjos u tniżżil ta' mużika juri li 'l fuq minn 75 % ta' dawn is-siti ma jidhrux konformi mar-regoli ta' ħarsien tal-konsumaturi; billi d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur (2011/83/UE) għall-ewwel darba tistabbilixxi regoli speċifiċi għall-kontenut diġitali; billi l-Kummissjoni għandha tiġi mħeġġa tkompli tintegra regoli bħal dawn meta twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-konsumatur jew meta tipproponi leġiżlazzjoni ġdida f'dan il-qasam;

L.

billi 15 % tal-popolazzjoni tal-UE f'età li taħdem (80 miljun ruħ) għandhom limiti funzjonali jew diżabilitajiet; billi l-għadd ta' siti li jipprovdu servizzi tal-gvern elettroniku u l-għadd ta' siti tas-settur pubbliku qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla; billi s-suq tal-UE tal-prodotti u l-prodotti u servizzi marbutin mal-aċċessibbiltà tal-internet huwa stmat li jammonta għal EUR 2 biljun; billi dan is-suq għadu prinċipalment frammentat u mhux żviluppat, għad-detriment mhux biss tal-konsumaturi potenzjali iżda wkoll tal-ekonomija b'mod ġenerali;

M.

billi l-konsumaturi mhumiex grupp omoġenju, peress li juru differenzi konsiderevoli f'termini ta' għarfien diġitali, għarfien tad-drittijiet tal-konsumatur, determinazzjoni u rieda li jfittxu kumpens; billi n-non-diskriminazzjoni u l-aċċessibilità għandhom ukoll jitqiesu biex jingħeleb id-distakk diġitali;

L-użu tal-potenzjal sħiħ tas-suq uniku diġitali

1.

Jenfasizza li l-isfruttar tas-suq intern permezz tad-Direttiva dwar is-Servizzi u suq uniku diġitali jista' jżid EUR 800 biljun (15) fl-ekonomija tal-UE, li huwa l-ekwivalenti ta' kważi EUR 4 200 għal kull familja (16); jitlob lill-Istato Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-impenn li jiżviluppaw is-suq uniku diġitali bħala prijorità politika ġenerali, u jfasslu approċċ olistiku u strateġija ambizzjuża li tinkludi inizjattivi kemm leġiżlattivi kif ukoll politiċi sabiex jitqiesu l-iżviluppi ġodda u imminenti, biex is-suq uniku diġitali jsir realtà fil-prattika; jenfasizza li dan se jirrikjedi tmexxija politika, approċċ deċiżiv, twaqqif ta' prijoritajiet u finanzjament pubbliku fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali; jenfasizza b'mod partikolari li tmexxija soda min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u sjieda politika ċara min-naħa tal-Istati Membri huma meħtieġa biex jiġu implimentati u infurzati bis-sħiħ u b'mod effettiv id-direttivi u r-regolamenti b'rabta mas-suq uniku;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli eżistenti għas-suq uniku diġitali b'mod urġenti, inkluż permezz tas-simplifikazzjoni tal-qafas legali għall-VAT, l-iżgurar tal-aċċess għal servizzi pan-Ewropej siguri ta' ħlas elettroniku, irċevuti elettroniċi u fornitura elettronika, u r-reviżjoni tad-drittijiet tal-awtur sabiex jitrawwem l-aċċess għall-kontenut diġitali legali madwar l-UE; jenfasizza l-importanza li jitwaqqfu regoli ekwi għall-moviment liberu tal-prodotti u tas-servizzi, kemm fiżikament kif ukoll diġitalment;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-governanza tas-suq uniku diġitali, jiżguraw in-newtralità tal-internet u l-effiċjenza u l-użu intelliġenti tal-ICT bl-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq iċ-ċittadini u n-negozji; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-għodod ta' governanza eżistenti u jfasslu approċċ koerenti għall-promozzjoni tal-użu tagħhom, inkluża s-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), Solvit, L-Ewropa tiegħek u l-punti uniċi ta' kuntatt (PSCs) stabbiliti taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi;

4.

Jenfasizza l-importanza ta' strateġija ta' cloud computing Ewropea minħabba l-potenzjal tagħha għall-kompetittività tal-UE, għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li l-cloud computing, peress li jinvolvi spejjeż minimi għad-dħul u rekwiżiti infrastrutturali baxxi, jirrappreżenta opportunità għall-industrija tal-IT tal-UE, u, b'mod partikolari, għall-SMEs, biex jiżviluppaw u jsiru mexxejja f'oqsma bħall-esternalizzazzjoni, servizzi diġitali ġodda u ċentri tad-data;

5.

Jirrikonoxxi li l-'big data' u l-għarfien huma l-magna li se tmexxi l-ekonomija futura tal-UE; jilqa' l-pakkett propost tal-protezzjoni tad-data bħala mezz biex jiżdiedu l-fiduċja u t-trasparenza; jenfasizza l-bżonn li wieħed jikkunsidra l-isfidi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni u mill-użu ta' teknoloġiji ġodda, u l-importanza li jiġi żgurat li skema modernizzata tal-UE għall-protezzjoni tad-data ssaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini, u tqiegħed lill-UE fuq quddiem bħala mudell fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, biex b'hekk jikber is-suq intern u tinħoloq sitwazzjoni ekwa għan-negozji kollha attivi fl-UE;

6.

Jenfasizza l-bżonn li jitħeġġu servizzi ġodda tal-gvern elettroniku ta' kwalità għolja billi jiġu adottati soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi bħall-akkwist elettroniku, u tiġi faċilitata b'hekk il-provvista ta' informazzjoni u servizzi; jenfasizza l-importanza tal-abbozz ta' regolament propost mill-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi elettroniċi ta' trust, meta jitqies il-kontribut tiegħu għas-suq uniku diġitali permezz tal-ħolqien ta' kundizzjonijiet adegwati għar-rikonoxximent reċiproku ta, u livell għoli ta' sigurtà għal protagonisti ewlenin lil hinn mill-fruntieri, pereżempju permezz ta' servizzi identifikazzjoni elettronika, dokumenti elettroniċi, firem elettroniċi u forniment elettroniku, u għal servizzi interoperabbli tal-gvern elettrpniku madwar l-Unjoni;

7.

Iqis li jenħtieġu sforzi addizzjonali fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku u l-promozzjoni tal-gvern elettroniku;

8.

Jenfasizza l-importanza ta' trawwim tal-innovazzjoni u l-investiment bil-kompetenzi diġitali; jenfasizza r-rwol essenzjali tal-SMEs fil-ġlieda kontra l-qgħad, b'mod partikolari l-qgħad taż-żgħażagħ; jitlob għal aċċess imtejjeb għall-finanzjamenti permezz ta' programmi ta' finanzjament bħal Orizzont 2020 u COSME, u għall-iżvilupp ta' vetturi u garanzija ġodda għall-investiment; jinnota b'mod partikolari li jeħtieġ li l-UE tikseb mill-ġdid ir-rwoll ta' mexxejja globali tagħha fl-oqsma tat-teknoloġija mobbli u tal-apparat intelliġenti (smart devices);

9.

Jenfasizza l-bżonn li jitħeġġu investimenti fuq skala kbira f'netwerks fissi u mobbli biex l-UE titqiegħed fuq quddiem nett fl-iżvilupp tat-teknoloġija globali, u ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mir-revoluzzjoni diġitali;

10.

Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li bosta Stati Membri ma rnexxielhomx jilħqu l-iskadenza tal-1 ta' Jannar 2013 biex jallokaw l-ispettru tad-'dividend diġitali' fil-medda ta' 800MHz lis-servizzi broadband mobbli, kif stipulat fil-Programm tal-politika tal-ispettru tar-radju; jenfasizza li dan id-dewmien ostakola l-ħruġ ta' netwerks 4G fl-UE; jitlob għalhekk lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-medda ta' 800 MHz issir disponibbli għas-servizzi broadband mobbli, u lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħat kollha tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni veloċi;

11.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq pakkett ġdid dwar it-telekomunikazzjonijiet sabiex tindirizza l-frammentazzjoni tas-suq fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet, inklużi miżuri biex jiġu eliminati t-tariffi roaming fil-futur qarib; jenfasizza l-bżonn ta' approċċ proattiv għat-tariffi roaming biex jinħoloq suq uniku diġitali reali li jinkludi wkoll l-użu ta' apparat mobbli;

L-investiment fil-kapital uman – nindirizzaw l-iskarsezza ta' ħiliet

12.

Jinnota bi tħassib li r-rata ta' impjieg fl-UE qed tonqos; jitlob li ssir enfasi mill-ġdid fuq politiki ta' ħolqien ta' impjieg f'oqsma b'potenzjal kbir ta' tkabbir, bħall-ekonomija ekoloġika, is-servizzi tas-saħħa u s-settur tal-ICT; jemmen li l-ħolqien ta' suq uniku diġitali jista' jgħin biex jingħelbu d-differenzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni f'termini ta' impjieg, inklużjoni soċjali u l-ġlieda biex jinqered il-faqar;

13.

Jenfasizza li s-suq uniku diġitali għandu jgħin lin-nies jibqgħu attivi u b'saħħithom fuq il-post tax-xogħol huma u jikbru fl-età, filwaqt li jipprovdi bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali; jenfasizza li l-għodod ta' ICT jistgħu wkoll jiżguraw sistemi ta' kura tas-saħħa sostenibbli u ta' suċċess;

14.

Jirrikonoxxi li s-suq tax-xogħol Ewropew qed jinbidel radikalment u li se jkunu jenħtieġu ħiliet ġodda għall-impjiegi tal-futur; jitlob lill-Istati Membri jagħmlu l-investimenti meħtieġa fil-kapital uman u fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli, inter alia billi jagħmlu użu tajjeb mill-fondi tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-għarfien diġitali u l-ħiliet elettroniċi fl-inizjattiva ewlenija “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda”;

15.

Jenfasizza l-bżonn li jittejbu l-ħiliet ta' għarfien tal-midja u diġitali, b'mod partikolari fost it-tfal u l-minorenni, sabiex jinkiseb suq uniku diġitali reali u biex jitwettaq it-tkabbir potenzjali ta' dan is-settur dinamiku; jinnota b'mod partikolari l-importanza li tiġi indirizzata d-differenza mistennija fil-provvista tal-professjonisti tal-ICT; jilqa' l-“Gran Koalizzjoni għal Impjiegi Diġitali” u jenfasizza l-importanza li jkun hemm koerenza bejn it-taħriġ fl-ICT u r-rekwiżiti tan-negozji;

16.

Jenfasizza l-bżonn li jiġi attivat ulterjorment l-użu tal-EURES (Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol); jappoġġa l-użu tal-EURES mill-Istati Membri kemm bħala mezz ta' għoti ta' pariri lill-ħaddiema u lil min qed ifittex l-impjieg dwar id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, kif ukoll bħala strument ta' impjieg f'iffokar speċjali fuq is-sejba ta' impjiegi u l-bżonnijiet ta' min iħaddem, sabiex jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-irkupru u t-tkabbir fit-tul;

Fiduċja, sigurtà u kunfidenza tal-konsumatur

17.

Jilqa' l-adozzjoni tal-kodiċi tad-drittijiet onlajn fl-UE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jxerrdu dan il-kodiċi b'mod wiesa' sabiex jinkiseb l-effett mixtieq;

18.

Jenfasizza li l-iżvilupp dejjem iktar rapidu ta’ kummerċ elettroniku huwa ta’ importanza kbira f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsumaturi, peress li joffri għażla usa’, speċjalment għal dawk li jgħixu f’żoni inqas aċċessibbli, imbiegħda u dawk li ma jkollhomx aċċess għal għażla wiesgħa ta’ prodotti u servizzi;

19.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat aċċess sħiħ għas-suq uniku diġitali għall-konsumaturi, irrispettivament mill-post ta' residenza u miċ-ċittadinanza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri kontra t-trattament mhux ugwali tal-konsumaturi fis-suq uniku li jirriżultaw mir-restrizzjonijiet transkonfinali attwali applikati minn kumpaniji involuti fil-bejgħ mill-bogħod;

20.

Jirrimarka l-fatt li l-fiduċja tal-konsumatur hija essenzjali għall-kummerċ elettroniku, kemm dak domestiku kif ukoll dak transkonfinali; il-kummerċ l-bżonn li tiġi żgurata l-kwalità, is-sikurezza, it-traċċabilità u l-awtentiċità tal-prodotti, li jiġu evitati prattiki kriminali jew żleali, u li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali;

21.

Jenfasizza r-rwol tas-suq uniku diġitali fil-ħolqien ta' suq uniku sikur u li jaħdem kif xieraq għall-prodotti u s-servizzi; jenfasizza b'rabta ma' dan l-importanza ta' promozzjoni effettiva u ta' sistemi ta' ġestjoni tar-riskju kkoordinati fil-kuntest tal-proposti dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq;

22.

Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni bikrija tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Soluzzjoni Online tat-Tilwim, sabiex il-konsumaturi jkollhom aċċess faċli għal soluzzjoni online effikaċi tat-tilwim; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jiġi garantit finanzjament adegwat għall-pjattaforma tas-Soluzzjoni Online tat-Tilwim;

23.

Jenfasizza l-importanza tal-marki ta' fiduċja għat-tħaddim effikaċi tas-suq uniku diġitali, kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi; jitlob li jiġi adottat standard Ewropew tas-servizzi għall-marki ta' fiduċja, abbażi ta' standards ta' kwalità ta' livell għoli, biex jgħin il-konsolidazzjoni tas-suq tal-UE għalihom;

24.

Jitlob lill-Kummissjoni tadotta linji gwida tal-UE dwar standards minimi għal siti ta' tqabbil, strutturati madwar il-prinċipji ewlenin tat-trasparenza, l-imparzjalità, informazzjoni ta' kwalità, kumpens effettiv, komprensività u faċilità ta' użu għall-utenti; jissuġġerixxi li dawn il-linji gwida jkunu akkumpanjati minn skema ta' akkreditazzjoni madwar l-UE kif ukoll minn superviżjoni effettiva u miżuri ta' infurzar;

25.

Jistenna li l-Kummissjoni, fir-rieżami tagħha tad-Direttiva dwar il-Pakkett tal-Ivvjaġġar, teżamina bis-sħiħ l-impatt tal-kummerċ elettroniku u tas-swieq diġitali fuq l-imġiba tal-konsumatur fis-settur tat-turiżmu tal-UE, u biex iżżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kwalità, il-kontenut u l-affidabilità tal-informazzjoni pprovduta lit-turisti;

26.

Jenfasizza li l-passiġġieri għandhom ikunu kapaċi jiddifferenzjaw b'mod ċar, fil-kuntest tas-sistemi ta' prenotazzjoni bil-kompjuter, bejn spejjeż operattivi obbligatorji inklużi fit-tariffi u elementi li wieħed jista' jagħżel li jipprenota, bl-għan li l-prezzijiet isiru iktar trasparenti meta l-passiġġieri jkunu qed jipprenotaw il-biljetti fuq l-internet;

27.

Jitlob lill-Kummissjoni jissorvelja mill-qrib billi tuża s-setgħat kollha tagħha biex tiggarantixxi l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta ta' dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, fir-rigward ta' regoli modernizzati biex jiġu miġġielda prattiki kummerċjali żleali, inkluż onlajn, b'mod partikolari l-abbuż potenzjali tas-setgħa tas-suq f'oqsma bħar-reklamar ibbażat fuq l-imġiba, politiki ta' ipprezzar personalizzat u servizzi ta' tiftix bl-internet; jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv: Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv” (COM(2012)0702);

28.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza termini żleali fil-kuntratti tat-trasport bl-ajru, biex tiżgura monitoraġġ iktar mill-qrib tas-siti tal-internet u biex tinnotifika lill-korpi nazzjonali ta' infurzar dwar każijiet ta' applikazzjoni ħażina tar-regoli eżistenti;

29.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa formoli elettroniċi standardizzati għat-tressiq ta' lmenti min-naħa tal-passiġġieri b'rabta mal-mezzi kollha tat-trasport u biex tippromwovi linji gwida għas-soluzzjoni ta' dawn l-ilmenti mingħajr dewmien permezz ta' proċeduri simplifikati;

30.

Jenfasizza l-bżonn ta' ħidma lejn servizzi 'cloud' affidabbli; jitlob li jiġu adottati mudelli ta' kuntratti ċari u trasparenti li jkopru kwistjonijiet bħaż-żamma ta' data wara t-tmien tal-kuntratti, żvelar tad-data u integrità, post fejn tinżamm id-data u trasferiment ta' din id-data, sjieda tad-data u responsabilità diretta/indiretta;

31.

Jirrimarka dwar il-bosta kwistjonijiet u sfidi legali mqajma mill-użu tal-cloud computing, bħad-diffikultajiet fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, il-konformità u kwistjonijiet ta' responsabilità, salvagwardji dwar il-protezzjoni tad-data (inkluż id-dritt għall-privatezza), il-portabilità tad-data u l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet tal-prorpjetà intellettwali; iqis li huwa essenzjali li l-konsegwenzi tal-cloud computing ikunu ċari u prevedibbli fl-oqsma kollha rilevanti tad-dritt;

32.

Jenfasizza l-importanza kruċjali li jiġu infurzati d-drittijiet tal-konsumatur fi trażazzjonijiet onlajn; jinnota li 'sweeps' tal-UE kkoordinati mill-Kummissjoni u eżegwiti b'mod simultanju mill-awtoritajiet nazzjonali rielvanti wrew li kienu għodda utli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-suq uniku fl-Istati Membri permezz ta' azzjoni konġunta, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni toffri użu iktar estensiv tas-'sweeps' tal-UE u tqis li tikkoordina din l-azzjoni f'oqsma oħra offlajn ukoll; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-Netwerk ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur;

33.

Jirrimarka li servizzi ta' forniment aċċessibbli, bi prezz raġonevoli u ta' kwalità għolja huma element essenzjali fix-xiri onlajn ta' prodotti, u jiġu promossi bl-aħjar mod permezz ta' kompetizzjoni ħielsa u ġusta; jinnota madankolli li bosta konsumaturi jeżitaw li jixtru onlajn, speċjalment xiri transkonfinali, minħabba l-inċertezzi b'rabta mal-forniment aħħari, l-ispejjeż u l-affidabilità; jilqa' għalhekk il-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni bl-għan li jiġu identifikati n-nuqqasijiet possibbli u li tittieħed l-azzjoni adegwata biex dawn jiġu indirizzati b'mod li jippermetti kemm lin-negozji kif ukoll lill-konsumaturi li jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq uniku diġitali;

34.

Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta riveduta għad-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament u proposta leġiżlattiva dwar it-tariffi ta' interkambju multilaterali sabiex jintlaħqu standardizzazzjoni u interoperabilità fil-provvista ta' pagamenti bil-cards, bl-internet u mobbli fl-UE u biex tiġi indirizzata l-problema ta' tariffi mhux trasparenti u eċċessivi b'rabta mal-pagamenti;

35.

Jenfasizza li livell għoli ta' sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni huwa essenzjali biex jiġi garantit il-funzjonament tas-suq uniku u l-fiduċja tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali; jinnota l-iżvilupp mhux indaqs tal-ħiliet u l-kapaċità ċibernetiċi għar-rispons għal theddid u attakki, kif ukoll in-nuqqas ta' approċċ armonizzat għas-sigurtà ċibernetika fi ħdan l-Unjoni; jitlob li jsiru sforzi kkonċertati u kooperazzjoni iktar mill-qrib, meta titqies in-natura globali tal-internet u l-livell għoli ta' interkonnessjoni tas-sistemi ta' netwerks u informazzjoni madwar l-Unjoni;

36.

Jenfasizza li l-aċċessibilità tas-siti tal-internet tal-korpi tas-settur pubbliku hija parti importanti mill-Aġenda Diġitali, li tgħin in-non-diskriminazzjoni kif ukoll toħloq opportunitajiet ta' negozju; jitlob lill-Kummissjoni tadotta approċċ iktar ambizzjuż fin-negozji li għaddejjin bħalissa dwar is-suġġett u biex, fl-aħħar nett, tressaq inizjattiva leġiżlattiva eċċezzjonali fil-forma ta' Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità, li jmur lil hinn mis-settur pubbliku;

Il-ħolqien ta' ambjent kummerċjali favorevoli

37.

Jenfasizza l-importanza li jinħoloq ambjent kummerċjali diġitali ġenerali favorevoli; jinnota l-bżonn li jiġi simplifikat il-qafas legali għall-VAT u li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw malajr il-one-stop-shops żgħar għat-telekomunikazzjonijiet, ix-xandir bit-televiżjoni u s-servizzi elettroniċi sal-2015; jitlob lill-Kummissjoni twessa' l-ambitu tal-one-stop-shops għal prodotti u servizzi oħra mill-iktar fis;

38.

Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li tittratta d-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi tal-UE abbażi tal-post ta' residenza jew nazzjonalità, u b'mod partikolari t-tipi ta' prattiki kummerċjali li jitqiesu li jikkostitwixxu diskriminazzjoni mhux ġustifikata skont dik id-direttiva; jenfasizza l-bżonn li jiġu indirizzati l-ostakli sottostanti – inkluża l-frammentazzjoni legali kontinwa u l-inċertezza legali li tirriżulta minnha fil-kuntest tal-applikabilità tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumtur – li jżommu lin-negozji milli jespandu fi ħdan is-suq uniku diġitali;

39.

Iqis li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ li ġiet proposta hija inizjattiva innovattiva tal-importanza ewlenija għall-konsumaturi u n-negozji fis-suq intern; jemmen li set wieħed fakultattiv ta' regoli madwar l-UE jkun ta' benefiċċju partikolari għas-settur tal-internet li qed jikber b'mod veloċi; huwa tal-fehma li l-proposta għandha wkoll potenzjal interessanti fir-rigward tal-'cloud computing' u l-kontenut diġitali;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tibqa' taħdem lejn adattament tal-qafas legali dwar il-kuntratti għal sfidi ġodda ppreżentati mis-suq uniku diġitali; iqis b'mod partikolari li l-ħidma akkumpanjanti dwar termini kuntrattwali standards madwar l-UE, disponibbli faċilment għan-negozji u l-konsumaturi, hija kruċjali f'dan il-qasam;

41.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja bir-reqqa l-istat ta' kompetizzjoni fis-suq uniku diġitali u biex tindirizza kwalunkwe abbuż ta' pożizzjoni dominanti minnufih; jenfasizza b'mod partikolari l-bżonn li tiġi monitorjata l-applikazzjoni korretta tal-linji gwida dwar il-ftehimiet ta' distribuzzjoni selettiva u biex jiġi żgurat li dawn jibqgħu rilaventi fil-kuntest diġitali;

42.

Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi aċċess għal kapital ta' riskju u clusters tal-ICT biex tagħti spinta lil proġetti prekummerċjali innovattivi u biex trawwem l-innovazzjoni bikrija fis-swieq tal-ICT; jenfasizza l-potenzjal tas-sħubiji pubbliċi-privati u tar-regoli imminenti tal-akkwist pubbliku dwar it-twaqqif ta' sħubiji innovattivi; iħeġġeġ l-adozzjoni bikrija ta' għodda onlajn tal-akkwist pubbliku bħala mezz biex jittieħed benefiċċju mir-riformi imminenti ta' akkwist pubbliku;

43.

Jenfasizza l-importanza tan-newtralità tal-internet, u tad-dħul mingħajr ostakli fis-suq ta' SMEs tal-UE fis-settur tal-ICT; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva mill-iktar fis sabiex jonqsu t-tariffi roaming mobbli fi ħdan l-UE;

Offerti legali attraenti tal-kontenut diġitali

44.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' għaddejja bl-isforzi tagħha fil-qasam tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, bl-għan li toħloq qafas modern tad-drittijiet tal-awtur għas-suq uniku diġitali; jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tħeġġeġ l-iżvilupp ta' kontenut diġitali li jkun aċċessibbli fis-suq uniku diġitali kollu; jenfasizza li skema riveduta tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tkun ibbażata fuq innovazzjoni inkoraġġanti, mudelli ġodda ta' servizz u kontenut ġenerat mill-utent u kollaborattiv biex jitrawwem l-iżvilupp ta' suq kompetittiv tal-ICT fl-UE, filwaqt li jiġi żgurat li min ikollu d-drittijiet ikun protett u kkumpensat adegwatament;

45.

Jinnota li l-Unjoni diġà għamlet xi progress fit-tnaqqis fl-impatt tat-territorjalità tad-drittijiet tal-awtur, b'mod partikolari permezz tal-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi u l-liċenzjar multiterritorjali fis-settur onlajn tal-mużika, li bħalissa qed jiġi kkunsidrat mil-leġiżlatur; jemmen li żieda fit-trasparenza, titjib fil-governanza u iktar responsabilità tas-soċjetajiet ta' ġestjoni tad-drittijiet kollettivi huma meħtieġa; iqis li d-direttiva proposta tinkoraġġixxi liċenzjar multiterritorjali tad-drittijiet u tiffaċilita l-liċenzjar ta' drittijiet għal użu onlajn;

46.

Jenfasizza li s-segmenti kollha rilevanti tas-soċjetà għandhom ikunu inklużi fid-djalogu attwali tal-Kummissjoni dwar “Il-liċezji fl-Ewropa” u fir-reviżjoni tal-qafas legali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-konsumtur jiġu rappreżentati b'mod adegwat; jitlob lill-Kummissjoni tressaq rispons strateġiku ambizzjuż fl-2014, li jinkludi kemm soluzzjonijiet prattiċi tas-suq u risponsi politiċi u, meta jkun meħtieġ, leġiżlattivi; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultatta' dan il-proċess;

47.

Jitlob lill-Kummissjoni tressaq miżuri biex iżżid iċ-ċirkolazzjoni transkonfinali u l-portabilità tal-kontenut awdjoviżiv, inkluż fuq pjattaformi “video on demand”; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu miżuri b'appoġġ għall-industrija awdjoviżiva tal-UE sabiex jingħelbu l-ostakli kurrenti għas-suq uniku diġitali f'dak is-settur; jemmen li miżuri bħal dawn għandu jkollhom l-għan li joħolqu iktar domanda mill-konsumatur ta' films Ewropej mhux nazzjonali, jiffaċilitaw id-distribuzzjoni transkonfinali, inkluż permezz ta' appoġġ għas-sottotitoli u l-interpretazzjoni (dubbing) ta' xogħol awdjoviżiv, u jnaqqsu l-ispejjeż relatati tat-traduzzjoni b'rabta mal-ġestjoni tad-drittijiet;

48.

Iqis li jeħtieġ li s-servizzi tal-kontenut kulturali u kreattiv, b'mod partikolari x-xogħol awdjoviżiv u pjattaformi ġodda ta' tqassim ta' kontenut transkonfinali, ikun iktar aċċessibbli madwar l-Unjoni, partikolarment għall-anzjani u l-persuni b'diżabilità, sabiex titrawwem il-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Unjoni;

49.

Jenfasizza l-importanza tal-UE u servizzi jew pjattaformi oħra fit-trawwim tad-diġitzzjoni u l-aċċess onlajn għall-wirt u l-kontenut kulturali tal-Unjoni;

50.

Jilqa' t-tkabbir tas-suq tal-kotba elettroniċi fl-Ewropa u jemmem li dan jista' jkun ta' benefiċċju importanti kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; jenfasizza li huwa importanti li jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiltaqgħux ma' ostakoli meta jkunu jixtiequ jakkwistaw kotba elettroniċi tul il-fruntieri, pjattaformi u apparat; jenfasizza li huwa importanti li tiġi żgurata l-interoperabilità bejn l-apparat u s-sistemi differenti ta' kotba elettroniċi;

51.

Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tallinja r-rati ta' VAT applikabbli għall-prodotti u s-servizzi ta' natura simili; jitlob, fid-dawl tal-bidla li se sseħħ fl-2015 fil-prinċipju tal-'pajjiż ta' residenza tal-konsumatur', biex ikun hemm definizzjoni dinamika fil-livell tal-UE ta' 'kotba elettroniċi', sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali;

52.

Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tiżgura li r-rati tal-VAT jiġu applikati b'mod ġust għal kontenut kreattiv, kulturali, xjentifiku u edukattiv, irrispettivament mill-mod kif jaċċedi għalih l-utent; jemmen li rati mnaqqsa tal-VAT li jeżistu għal kontenut imxerred f'forma fiżika għandhom japplikaw ukoll għall-ekwivalenti diġitali, biex b'hekk jiżdied l-element attraenti tal-pjattaformi diġitali u jiġu stimulati s-servizzi ta' kontenut innovattiv u mezzi ġodda ta' aċċess ta' kontenut onlejn għall-utenti;

53.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta konkreta biex tiċċara, tipprovdi interpretazzjoni ċara ta', u toffri gwida dwar il-funzjonament ta' proċedimenti ta' avviż u ta' azzjoni;

Lejn servizzi ta' mobilità intelliġenti u interoperabbli fl-UE

54.

Jitlob għat-tħaddim ulterjuri ta' sistemi tal-mobilità intelliġenti żviluppati permezz ta' riċerka ffinanzjata mill-UE, bħas-sistema tal-immaniġġjar tat-traffku tal-ajru tal-futur (SESAR), is-sistema tal-immaniġġjar tat-traffiku ferrovjarju (ERTMS) u sistemi ta' informzzjoni ferrovjarja, sistemi ta' sorveljanza marittima (SafeSeaNet), Sistemi ta' Informazzjoni għax-Xmajjar (River Information Services (RIS), sistemi ta' trasport inteliġenti (ITS), u soluzzjonijiet interkonnessi inteoperabbli għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' mmaniġġjar u sistemi multimodali ta' ġestjoni tat-traffiku;

55.

Jenfasizza li l-għodod tat-teknoloġija informatika għandhom jiġu użati sew fi ħdan in-netwerk TEN-T biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi, jipprovdu għal-lokalizzar u l-ittraċċar tal-merkanzija, u jottimizzaw l-iskedi tal-flussi tat-traffiku;

Id-dimensjoni internazzjonali tas-suq uniku diġitali

56.

Iqis li hija meħtieġa aktar kooperazzjoni globali biex jiġu appoġġati u modernizzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-ġejjieni, peress li din hija vitali għall-innovazzjoni, l-impjiegi u l-kummerċ dinji miftuħ;

57.

Jilqa' l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni, iżda jenfasizza l-bżonn ta' ikkompletar ta' qafas regolatorju għall-infurzar tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali, li għandu jkun imfassal abbażi ta' rekwiżiti attwali, sabiex inkunu nistgħu nikkonkludu ftehimiet mal-imsieħba kummerċjali tagħna abbażi ta' leġiżlazzjoni Ewropea moderna;

58.

Jinnota li l-kummerċ elettroniku żviluppa barra l-oqfsa regolatorji tradizzjonali u standard tal-kummerċ; jisħaq fuq kemm hu importanti li jkun hemm kooperazzjoni internazzjonali akbar fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO) biex jitħares is-suq diġitali globali u jiġi żgurat l-iżvilupp tiegħu. jitlob li fid-WTO jsiru reviżjoni u aġġornament tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) li hemm fis-seħħ attwalment u li l-UE tesplora l-possibilitajiet ta’ Ftehim dwar Ekonomija Diġitali Internazzjonali (FEDI);

59.

Iqis li r-restrizzjoni tal-aċċess tan-negozji tal-UE għas-swieq diġitali u l-konsumaturi online permezz, fost affarijiet oħra, ta' ċensura statali tal-massa jew aċċess ristrett għas-suq għall-fornituri Ewropej tas-servizzi online f’pajjiżi terzi tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu mekkaniżmu ta’ salvagwardja fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-futur, u speċjalment dawk li jkun fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw is-servizzi onlajn u l-komunitajiet ta' utenti onlajn li jaqsmu l-informazzjoni, bil-għan li jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-ICT tal-UE ma jkunux meħtieġa minn partijiet terzi li jirrestrinġu l-aċċess għall-websajts, ineħħu kontenut maħluq mill-utent jew jipprovdu tagħrif personali b’modi li jikkontravjenu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jistieden barra minn hekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strateġija biex tisfida l-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għas-swieq onlajn globali;

o

o o

60.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2012)0468.

(2)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 59.

(3)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 70.

(4)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 51.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2012)0209.

(6)  ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 25.

(7)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.

(8)  ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.

(9)  ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 58.

(10)  ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 1.

(11)  ĠU L 189, 22.7.2010, p. 1.

(12)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(13)  ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 26.

(14)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(15)  UK Department for Business Innovation and Skills, Economics Paper No 11: “The economic consequences for the UK and the EU of completing the Single Market” (Il-konsegwenzi ekonomiċi għar-Renju Unit u għall-UE tal-ikkompletar tas-Suq Uniku), February 2011.

(16)  UK Department for Business Innovation and Skills, Economics Paper No 11: “The economic consequences for the UK and the EU of completing the Single Market” (Il-konsegwenzi ekonomiċi għar-Renju Unit u l-UE tal-ikkompletar tas-Suq Uniku), February 2011, u d-data tal-Eurostat dwar il-PDG tal-UE għall-2010 u n-numru ta' familji fl-UE.


Top