Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0314

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar is-sikurezza fit-toroq 2011-2020 – L-ewwel stadji lejn strateġija dwar korrimenti(2013/2670(RSP))

    ĠU C 75, 26.2.2016, p. 49–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 75/49


    P7_TA(2013)0314

    Is-sikurezza fit-toroq

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar is-sikurezza fit-toroq 2011-2020 – L-ewwel stadji lejn strateġija dwar korrimenti(2013/2670(RSP))

    (2016/C 075/08)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sikurezza fit-toroq 2011-2020 tas-27 ta' Settembru 2011 (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-“Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (2),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjni tal-Kummissjoni “Lejn Żona Ewropea ta' sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020” (COM(2010)0389),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “On the Implementation of objective 6 of the European Commission’s policy orientations on road safety 2011-2020 – First milestone towards an injury strategy” (Dwar l-implimentazzjoni tal-objettiv 6 tal-orjentazzjonijiet ta’ politika tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sikurezza tat-triq 2011-2020 – L-ewwel stadju lejn strateġija dwar korrimenti) (SWD(2013)0094),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “L-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet ta’ politika għas-sikurezza tat-triq 2011-2020” (3) ,

    wara li kkunsidra l-“World report on road traffic injury prevention” (Rapport dinji dwar il-prevenzjoni tal-korrimenti tat-traffiku” ippubblikat b’mod konġunt fl-2004 mill-Bank Dinji u l-WHO,

    wara li kkunsidra ir- riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-eCall: servizz ġdid “112” għaċ-ċittadini (4),

    wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar “is-Sikurezza fit-toroq 2011-2020 – L-ewwel stadji lejn strateġija dwar korrimenti”(O-000061/2013 – B7-0211/2013),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fl-2011 aktar minn 30 000 ruħ inqatlu u aktar minn 1 500 000 ruħ ġew irrappurtati li korrew (aktar minn 250 000 minnhom b’korrimenti gravi) f’inċidenti tat-traffiku ġewwa l-Unjoni Ewropea;

    B.

    billi għal kull inċident fatali, jseħħu erba’ oħra li jwasslu għal diżabilitajiet permanenti, 40 li jikkawżaw korrimenti ħfief u 10 li jikkawżaw korrimenti gravi;

    C.

    billi aktar minn nofs il-korrimenti ħfief jokkorru f’żoni urbani, u jaffettwaw b’mod speċjali lil persuni li jkunu mexjin, rekbin il-muturi, ċiklisti (inklużi dawk rekbin fuq roti b’mutur elettriku) u utenti vulnerabbli oħra tat-toroq;

    D.

    billi l-kawżi maġġuri li jħallu vittmi tal-inċidenti tat-triq u korrimenti gravi huma l-falliment tat-tagħmir, id-disinn tat-toroq, il-manutenzjoni ħażina tat-toroq u l-aġir tas-sewwieqa, inkluż is-sewqan b’veloċitajiet għoljin; billi l-veloċità hija relatata direttament mal-gravità tal-korrimenti, u billi xi Stati Membri qed jikkunsidraw jekk għandhomx jgħollu l-veloċità massima fl-awtostradi tagħhom;

    E.

    billi l-involviment fl-inċidenti tat-triq huwa wieħed mill-kawżi ewlenin tad-dħul fl-isptarijiet għal ċittadini tal-UE taħt l-età ta’ 45 sena, u billi bosta korrimenti gravi jwasslu għal tbatija tul il-ħajja kollha jew inkella għal diżabilitajiet permanenti;

    F.

    billi l-ħin li s-servizzi tal-emerġenza jieħdu biex jintervjenu (il-prinċipju tas-“siegħa tad-deheb”), inkluż biex jagħtu l-ewwel għajnuna li ssalva l-ħajjiet, kif ukoll il-kwalità tal-kura, it-tnejn għandhom rwol importanti fis-soppravvivenza fl-inċidenti;

    G.

    billi l-kost soċjoekonomiku tal-inċidenti tat-triq huwa stmat li jilħaq 2 % tal-PDG, jew inkella madwar EUR 250 biljun għall-2012 (5);

    H.

    billi l-azzjonijiet Ewropej f’dan ir-rigward qed juru riżultati pożittivi;

    1.

    Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħti prijorità għolja lill-korriment gravi f’ħidma dwar is-sikurezza tat-toroq;

    2.

    Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ definizzjoni komuni tal-UE ta’ korrimenti gravi, abbażi tal-klassifika tat-trawma li tgawdi aċċettazzjoni internazzjonali u li hija magħrufa bl-isem “Maximum Abbreviated Injury Scale”;

    3.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bil-ħeffa d-definizzjoni komuni tal-UE ta’ korrimenti gravi tat-traffiku u, fuq dik il-bażi, jiġbru u jirrappurtaw statistika skont il-mezz ta’ trasport, inklużi l-utenti vulnerabbli tat-triq, kif ukoll skont it-tip ta’ infrastruttura tat-triq għall-2014;

    4.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tad-data miġbura, tiffissa mira ambizzjuża li l-korrimenti tat-triq tnaqqashom b’40 % tul il-perjodu 2014-2020, u żżomm bħala għan fit-tul l-idea globali ta’ “Viżjoni Żero”;

    5.

    Jemmen li l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu komuni għall-ġbir u r-rappurtar tad-data m’għandux jipprevjeni t-teħid ta’ azzjonijiet urġenti fil-livell tal-UE biex inaqqsu l-għadd ta’ persuni li jisfaw korruti serjament fit-toroq;

    6.

    Jilqa’ l-prijoritajiet definiti mill-Kummissjoni għall-iżvilupp tal-istrateġija globali tagħha, jiġifieri li tindirizza t-temi tal-impatt tal-ħabtiet, l-istrateġija għall-ġestjoni tal-inċidenti tat-traffiku, is-servizzi tal-ewwel għajnuna u tal-emerġenza u l-proċessi tar-riabilitazzjoni fit-tul, u jitlob l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-prijoritajiet;

    It-tnaqqis bla dewmien tal-korrimenti gravi fit-toroq Ewropej

    7.

    Jenfasizza li firxa sħiħa ta' atti legali u miżuri eżistenti jridu jiġu implimentati aħjar u bla dewmien biex inaqqsu l-impatt tal-ħabtiet, iqawwu s-sikurezza għall-utenti tat-toroq u jnaqqsu l-korrimenti gravi;

    8.

    Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni tagħha dwar is-sikurezza attiva u passiva tal-vetturi biex tadattaha għall-aktar progress tekniku reċenti, u ssostni l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ta’ infurzar abbord il-karozzi;

    9.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex issostni l-iżvilupp ta’ infrastruttura sikura u intelliġenti tat-toroq;

    10.

    Jitlob li l-Kummissjoni tagħti informazzjoni dettaljata dwar kif l-Istati Membri qed jittrasponu d-Direttiva 2011/82/UE li tiffaċilita l-iskambju transkonfinarju ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq;

    11.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jissuktaw bl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra s-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol jew tad-drogi u biex jiskambjaw l-aqwa prattiki għall-valutazzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ min iwettaq reati tat-traffiku;

    Protezzjoni ta' utenti vulnerabbli tat-triq

    12.

    Jinnota li l-persuni li jkunu mexjin u ċ-ċiklisti flimkien jirrappreżentaw 50 % tal-imwiet tat-traffiku kollha fiż-żoni urbani, kif ukoll parti kbira mill-korrimenti gravi;

    13.

    Jappoġġja l-monitoraġġ u l-iżvilupp ulterjuri ta’ standards tekniċi u politiki għall-protezzjoni tal-aktar utenti vulnerabbli tat-toroq – il-persuni mdaħħlin fiż-żmien, it-tfal iż-żgħar, il-persuni b'diżabbiltà u ċ-ċiklisti, bħala parti minn sforz kollettiv biex jiġu promossi d-'drittijiet ta' utenti vulnerabbli tat-triq fil-leġiżlazzjoni tal-UE' u fil-politika dwar it-trasport;

    14.

    Jitlob li l-Kummissjoni tagħti stampa globali taż-żoni urbani b’limitu ta’ veloċità ta’ 30 km fis-siegħa u tal-effetti ta’ dak il-limitu fit-tnaqqis tal-imwiet u tal-korrimenti gravi;

    15.

    Jistieden lill-Istati Membri jenfasizzaw l-importanza ta’ kampanji tal-informazzjoni u ta' taħriġ relatati ma’ ċikliżmu u mixi sikur, kif ukoll ta’ politiki maħsuba biex jippromwovu ċ-ċikliżmu u l-mixi, minħabba li hemm korrelazzjoni qawwija bejn is-sikurezza taċ-ċiklisti u tal-persuni li jkunu mexjin fiż-żoni urbani u l-prevalenza taċ-ċikliżmu u l-mixi bħala modi ta' trasport, fejn xieraq flimkien mal-mobbiltà pubblika u kollettiva;

    16.

    Jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar is-sikurezza fit-toroq urbani li jistgħu jiġu inklużi fi Pjanijiet tal-Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs), u li tikkunsidra li l-kofinanzjament mill-UE għal proġetti tat-trasport urban torbtu ma’ SUMPs li jinkludu miri ta’ tnaqqis tal-imwiet u l-korrimenti gravi fit-toroq;

    It-titjib tal-ewwel għajnuna u tas-servizzi tal-emerġenza

    17.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isostnu n-Numru ta’ Emerġenza Ewropew 112 u jottemperaw ruħhom mar-rekwiżiti li ċ-ċentri li jirċievu t-telefonati marbutin mas-sikurezza pubblika (Public Safety Answering Points, PSAPs) jagħmluhom operattivi sal-2015 u jimplimentaw mill-aktar fis possibbli kampanja ta’ tkattir tal-kuxjenza għall-introduzzjoni tagħhom;

    18.

    Jilqa’ l-proposta tal-Kummmissjoni li, sal-2015, tiżgura t-tħaddim obbligatorju fl-Istati Membri kollha ta’ sistema eCall ibbażata fuq in-numru 112 fil-karozzi kollha ġodda li jirċievu approvazzjoni tat-tip, fil-ħarsien sħiħ tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

    19.

    Jitlob li l-Kummissjoni, permezz tal-qies tal-aqwa prattiki fl-Istati Membri, tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ “sewqan akkumpanjat” għal minorenni ta’ età akbar;

    20.

    Jistieden lill-Istati Membri biex sistematikament jippromwovu t-taħriġ fl-ewwel għajnuna bħala mod kif iqawwu r-reattività ta’ dawk li jinzertaw fil-madwar meta jseħħ inċident tat-traffiku ħalli jgħinu lill-vittmi qabel ma jaslu s-servizzi tal-emerġenza;

    21.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-kollaborazzjoni bejn is-servizzi tal-emerġenza u d-disinjaturi tal-vetturi ħalli jiżguraw interventi effikaċi u sikurezza sew għall-ħaddiema tas-salvataġġ kif ukoll għall-korruti;

    22.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta’ sistemi tas-saħħa elettronika, u speċjalment l-użu ta’ sistemi tal-Komunikazzjoni Intelliġenti tat-Trasport min-naħa tat-tims tal-emerġenza, inkluż f’vetturi tal-emerġenza;

    Kura wara l-inċidenti tat-traffiku u r-riabilitazzzjoni fit-tul

    23.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex fil-politiki tas-saħħa tagħhom jenfasizzaw l-importanza tal-kura wara l-inċidenti tat-traffiku, u biex itejbu l-kura fl-isptarijiet fuq żmien aktar fit-tul, il-kura u r-riabilitazzjoni ta’ wara l-kura fi sptar, inklużi t-trattament tat-trawma u psikoloġiku għal min ikun għadda minn inċident tat-traffiku jew ikun xehdu billi, pereżempju, jipprovdu punti ta’ assistenza biex lil dawn il-persuni jgħinuhom itejbu l-kwalita tal-ħajja tagħhom;

    24.

    Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kuxjenza dwar l-impatt ta’ korrimenti serji billi jiżviluppaw rabtiet aktar stretti ma’ miżuri oħra li jkollhom impatt soċjali, bħalma huma l-livelli ta’ ħsara mġarrba, ta’ diżabbiltà u ta’ inkapaċità funzjonali, u biex jiżviluppaw programmi edukattivi dwar is-sikurezza tat-toroq;

    o

    o o

    25.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 54.

    (2)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 72.

    (3)  ĠU C 166, 7.6.2011, p. 30.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2012)0274.

    (5)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “On the Implementation of objective 6 of the European Commission’s policy orientations on road safety 2011-2020 – First milestone towards an injury strategy” (Dwar l-implimentazzjoni tal-objettiv 6 tal-orjentazzjonijiet ta’ politika tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sikurezza tat-triq 2011-2020 – L-ewwel stadju lejn strateġija dwar korrimenti),


    Top