This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IE6193
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘The impact of social investment on employment and public budgets’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjiegi u l-fondi pubbliċi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjiegi u l-fondi pubbliċi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 226/21 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjiegi u l-fondi pubbliċi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2014/C 226/04
Relatur: is-Sur Greif
Nhar id-19 ta' Settembru 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
L-impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjiegi u l-fondi pubbliċi
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Marzu 2014.
Matul l-497 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta' Marzu 2014 (seduta tas-26 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'205 voti favur, 6 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Sommarju
1.1 |
Il-KESE jilqa’ l-Pakkett ta’ Investiment Soċjali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-bidla fundamentali ddikjarata li l-investimenti soċjali m’għandhomx jitqiesu biss bħala fattur ta' spiża iżda bħala investimenti fil-futur. |
1.2 |
Abbażi ta' dan l-aspett, il-KESE jenfasizza d-diversi effetti pożittivi tal-investimenti soċjali, b'mod partikolari għas-suq tax-xogħol u l-fondi pubbliċi fl-oqsma li ġejjin:
|
1.3 |
L-Opinjoni tippreżenta katina ta’ effetti pożittivi u turi li:
|
1.4 |
Il-benefiċċju soċjali, ekonomiku u fiskali jiġifieri d-“dividend multiplu” tal-investimenti soċjali ser ikun ogħla iktar ma dawn jiġu inkorporati aħjar f’kuntest makroekonomiku u istituzzjonali kredibbli. |
1.5 |
Fil-fehma tal-KESE, l-implimentazzjoni konsistenti u li tirnexxi tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali fuq bażi wiesgħa hi marbuta mar-rekwiżiti ċentrali li ġejjin:
|
2. Introduzzjoni
2.1 |
Il-KESE huwa tal-fehma li b'mod partikolari fi żmien ta' kriżi hemm hemm bżonn kbir ta' investiment soċjali li jiġġieled il-perikolu li qed jiżdied tal-faqar u li miegħu jġib ukoll potenzjal għoli ta' impjiegi madwar l-Ewropa kollha, li jrid jiġi mobilizzat permezz ta' investimenti privati u pubbliċi (1). |
2.2 |
Il-KESE jilqa' għalhekk il-Pakkett ta’ Investiment Soċjali tal-Kummissjoni (2) li jitlob lill-Istati Membri jagħtu ħafna iktar attenzjoni lill-investimenti soċjali, u b’mod partikolari lill-bidla meħtieġa fil-perċezzjoni sabiex l-investimenti soċjali ma jitqiesux biss bħala spiża, iżda bħala investimenti fil-futur (3). |
2.3 |
Il-KESE jemmen ukoll li investimenti soċjali orjentati lejn l-effett u r-riżultat u li jiġu implimentati b'mod konsistenti, fit-tul iżidu l-opportunitajiet tal-impjieg u jagħtu kontribut sinifikanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 relatati mal-politika tal-impjiegi. |
2.4 |
Għalhekk il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan konkret ta’ implimentazzjoni tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali. |
2.5 |
Il-KESE jinnota li element dgħajjef tal-inizjattiva tal-Kummissjoni huma l-kwistjonijiet ta' finanzjament li tħalli pendenti u jinnota wkoll li jekk ma tinbidilx il-politika prevalenti ta' tnaqqis unilaterali fl-infiq, l-implimentazzjoni b’suċċess tal-proposti għal iżjed investimenti soċjali mhijiex realistika. |
2.6 |
Abbażi ta' dan, din l-Opinjoni tiffoka fuq id-diversi effetti pożittivi tal-investimenti soċjali, b'mod partikolari fuq is-suq tax-xogħol u l-fondi pubbliċi, u tippreżenta rekwiżiti konkreti ta' azzjoni u rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Pakkett ta' Investiment Soċjali. |
3. Kummenti ġenerali dwar id-''dividend multiplu'' tal-investimenti soċjali – il-benefiċċju soċjali, ekonomiku u fiskali
3.1 |
Il-Kummissjoni tagħti tliet funzjonijiet ċentrali (4) lill-politika soċjali: għajnuna għall-persuni f’sitwazzjonijiet differenti ta’ riskju, stabbilizzazzjoni tal-ekonomija u investimenti soċjali. Din id-distinzjoni m’għandhiex tkun meqjusa bħala delimitazzjoni reċiproka; għall-kuntrarju, hi tippreżenta l-possibbiltajiet ta’ tfassil attiv tal-politika li jeżistu. F'dan ir-rigward jeħtieġ li tiġi żgurata l-komplementarjetà tal-oqsma ta' politika kif ukoll tal-kundizzjonijiet qafas (istituzzjonali) li eventwalment jippermettu l-koeżjoni soċjali. |
3.2 |
Iktar ma jgħaddi żmien iktar qed tiżdied l-idea, u dan mhux biss fil-KESE imma anki fl-oqsma tar-riċerka (5) u l-politika tal-UE, li l-investimenti fl-istat assistenzjali ma jġibux magħhom biss żvilupp soċjali, iżda għandhom ukoll vantaġġi ekonomiċi u fiskali (6). Fl-istess waqt hemm in-nuqqas ta’ standards kumparabbli li jgħinu biex jiġu identifikati u evalwati l-effetti pożittivi esterni kollha tal-investimenti soċjali. |
3.3 |
Madankollu m’hemmx dubju li skont id-disinn u l-firxa tal-miżuri stabbiliti b'mod speċifiku f'kull pajjiż l-investimenti soċjali pjanati tajjeb, effettivi u effiċjenti, jġibu magħhom effetti pożittivi multipli: jiġu koperti n-neċessitajiet soċjali eżistenti, jinħolqu l-possibbiltajiet ta’ impjiegi u opportunitajiet ugwali anki għall-irġiel u n-nisa, fl-istess waqt iż-żieda fl-impjiegi u t-tnaqqis fil-qgħad jikkumpensaw b’mod sinifikanti l-ispejjeż imġarrba. L-investimenti soċjali għandhom il-karatteristiċi ta' investiment għaliex waqt li ħafna drabi ma jkunux mistennija introjti immedjati, maż-żmien ikun hemm effetti pożittivi (pereżempju investimenti fl-edukazzjoni, il-kura tat-tfal, il-promozzjoni tas-saħħa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol adattati għall-età). |
3.4 |
Id-“dividend multiplu” tal-investimenti soċjali ser ikun ogħla iktar ma dawn ikunu inkorporati f’kuntest istituzzjonali u politiku globali kumplementari. Hemm bżonn ta' ppjanar strateġiku u monitoraġġ strutturat fis-sens tal-għanijiet Ewropa 2020. |
3.5 |
B’ħarsa lejn is-sitwazzjoni drammatika preżenti tal-qgħad li fil-futur qrib bilkemm mistenni jonqos, l-azzjoni permezz tal-investimenti soċjali tista’ tagħti kontribut importanti għal aktar tkabbir u impjiegi. L-isfruttar tal-potenzjal preżenti ta' impjiegi jeħtieġ l-insegwiment konsistenti ta’ politika li toħloq opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fl-ekonomija u s-soċjetà. L-investimenti soċjali futuri orjentati lejn l-effett u r-riżultat, partikolarment l-iżvilupp tas-servizzi soċjali, li b’mod ġenerali jitqiesu li għandhom effetti akbar fuq l-impjiegi minn kwalunkwe forma oħra ta’ nefqa pubblika, hawnhekk għandhom importanza ċentrali. |
3.6 |
Minbarra l-effetti pożittivi fis-suq tax-xogħol, l-investimenti soċjali jistgħu jtaffu l-piż minn fuq il-fondi pubbliċi, filwaqt li ma jinsabux f’kompetizzjoni mal-konsolidazzjoni fiskali. Il-KESE diġà osserva li t-tentattiv biex fi żmien ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku l-konsolidazzjoni fiskali ssir biss permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż b'mod ġenerali huwa meqjus li falla (7). Il-bilanċ fi żmien medju u fit-tul bejn id-dħul u n-nefqiet pjuttost jista' jintlaħaq jekk il-problemi strutturali jiġu indirizzati permezz tal-investimenti u b'hekk fit-tul l-ispazju għall-immanuvrar baġitarju tas-settur pubbliku jerġa' jikber. L-analiżi kurrenti juru li l-promozzjoni ta’ tkabbir inklużiv u ż-żieda fir-rati tal-impjieg f’konformità mal-għanijiet tal-Ewropa 2020 iġibu magħhom spazju addizzjonali sa EUR 1,000 biljun għall-immanuvrar tal-baġits nazzjonali madwar l-Ewropa kollha (8). |
3.7 |
Barra minn hekk irid jitqies li l-“inattività” b’mod partikolari fil-qasam soċjali wkoll iġġor magħha “prezz” u l-ispejjeż minħabba n-nuqqas ta’ investimenti soċjali spiss huma iktar għoljin. Dan il-ħsieb li t-tiswija tiswa iktar mill-prevenzjoni jinsab ukoll f’diversi komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni (9). Fil-perjodu qasir l-investimenti soċjali joħolqu l-ispejjeż, iżda fil-perjodu medju u fit-tul huma assoċjati ma’ benefiċċji mil-lat ta’ benessri għas-soċjetà u ma’ żieda fid-dħul għall-baġits nazzjonali, li jwasslu wkoll għal tnaqqis sostanzjali fl-ispejjeż tal-ġejjieni (10). |
3.8 |
Mhux kull nefqa soċjali tista' titqies bħala investiment soċjali. Ċerti benefiċċji soċjali, fil-prinċipju għandhom effett fuq il-konsum (pereżempju pensjonijiet, benefiċċji tal-qgħad). Il-KESE madankollu dejjem enfasizza s-sinifikat tal-investimenti f’sistemi tas-sigurtà soċjali b’saħħithom (b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi) bħala għajnuna għall-konsum u l-ekonomija, billi bħala stabbilizzaturi awtomatiċi jappoġġjaw id-dħul u d-domanda u b’hekk jgħinu biex jingħelbu l-kriżijiet fl-Ewropa (11). |
4. Eżempji tal-effett tal-investimenti soċjali
4.1 |
Investimenti fis-servizzi soċjali: l-investimenti msaħħa fil-provvista u l-promozzjoni tal-infrastruttura soċjali (fost l-oħrajn il-kura, kura tal-anzjani, is-saħħa, servizzi għal persuni b’diżabilità, l-għajxien assistit, servizzi ta’ konsultazzjoni, eċċ.) joħolqu l-postijiet tax-xogħol, fl-istess ħin jagħtu kontribut importanti għall-parteċipazzjoni ogħla fis-suq tax-xogħol (12) u fil-perjodu medju u fit-tul jikkontribwixxu biex itaffu l-piż minn fuq il-fondi pubbliċi (13) kif ukoll għall-qawmien tal-ekonomija reġjonali. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, jekk ikun hemm rata ta' tkabbir annwali tal-impjieg ta' 0.5 % fil-qasam tas-saħħa huwa mistenni tkabbir settorjali tal-impjieg ta' mhux inqas minn miljun post tax-xogħol sal-2020 (14). Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni li kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat, il-postijiet tax-xogħol għandhom ikunu b'kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità għolja u b'salarji ġusti (15). |
4.2 |
Investimenti fil-kura tat-tfal: diversi studji jieħdu l-eżempju tal-kura tat-tfal biex juru li permezz ta’ investimenti mmirati, l-iżvilupp soċjali jista’ jkun marbut ma’ żieda fil-kompetittività (16). Kalkoli ġodda juru li l-investimenti pubbliċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' Barċellona fil-qasam tal-kura tat-tfal, minbarra effetti sinifikanti fuq l-impjieg iġibu magħhom ukoll dħul addizzjonali sostanzjali għall-awtoritajiet pubbliċi. Studju (17) għall-Awstrija pereżempju juri li l-ispejjeż għall-investiment, anke b'kunsiderazzjoni ta' perspettivi ekonomiċi ħżiena, wara erba' snin jirriżultaw bħala iktar baxxi mid-dħul miksub. Il-fondi pubbliċi hawnhekk jipprofittaw minn effetti kumplementari: impulsi għall-politika ekonomika u reġjonali, aktar impjiegi diretti, spejjeż imnaqqsa għall-benefiċċji tal-qgħad u ħafna oħrajn. Il-KESE jilqa’ attività msaħħa fir-riċerka u skambju iktar intensiv tal-aħjar prattiki anke f'dan il-qasam. |
4.3 |
Investimenti fit-tfal: il-Kummissjoni tappella li jittieħdu miżuri preventivi permezz ta’ investimenti bikrija, sabiex jittejbu l-possibbiltajiet ta’ żvilupp u l-opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni għat-tfal (mhux dawk biss bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat) (18). Fir-rakkomandazzjoni tagħha “Investiment fit-tfal”, il-Kummissjoni turi li l-investimenti preventivi kontra l-faqar tat-tfal jistgħu jsiru permezz ta’ firxa ta’ miżuri. Hawnhekk huma enfasizzati l-effetti pożittivi tal-iżvilupp ta’ faċilitajiet għall-kura ta’ kwalità għolja: promozzjoni tat-talenti, riskju mnaqqas għall-waqfien bikri mill-iskola, ċansijiet imtejba ta’ impjieg b’mod partikolari għan-nisa, kif ukoll impulsi għat-tkabbir fuq livell reġjonali (19). |
4.4 |
Investimenti fl-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ: Ewropa sostenibbli tista’ tirnexxi biss permezz ta’ livell edukattiv ogħla u t-tnaqqis tad-defiċits fil-qasam tal-edukazzjoni ġenerali u professjonali. L-investimenti fl-edukazzjoni li huma xierqa għall-ħtiġijiet tan-nies u l-ekonomija jwasslu għal produttività ogħla u dħul ogħla mit-taxxi u s-sigurtà soċjali. Kalkoli tal-OECD rigward il-vijabbiltà tal-ispejjeż pubbliċi għall-edukazzjoni jindikaw redditu medju ta’ 7,8 % (20). Il-promozzjoni tal-impjiegi fost iż-żgħażagħ għandha tkun parti ċentrali tal-istrateġiji nazzjonali għall-investimenti soċjali. Bir-raġun l-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw miżuri b'saħħithom għaż-żgħażagħ, b'mod partikolari għal dawk li ma jinsabux f'xi forma ta' impjieg jew taħriġ (NEETs). It-telf ekonomiku minħabba s-separazzjoni taż-żgħażagħ mis-suq tax-xogħol jew mis-sistema edukattiva huwa kkalkolat mill-Eurofound għal EUR 150 biljun kull sena jew 1,2 % tal-PDG Ewropew (21). |
4.5 |
Investimenti fil-promozzjoni tal-impjiegi: Ir-rati għoljin tal-qgħad – b’mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul – ma jirrappreżentawx biss piż kbir għall-persuni kkonċernati u l-qraba tagħhom. Anke għall-fondi pubbliċi, is-solidifikazzjoni tal-qgħad hija sfida kbira li għandha tkun ikkumbattuta permezz ta’ miżuri tal-kwalifikazzjoni u l-promozzjoni tal-impjieg (22). Iktar ma jdum il-qgħad, iktar issir diffiċli li tintlaħaq rikonċiljazzjoni bejn il-provvista u d-domanda tax-xogħol. B’mod partikolari f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien u t-teknoloġija, defiċits fil-kwalifikazzjoni u n-nuqqas ta’ prattika tax-xogħol huma ostakolu ewlieni milli wieħed jirnexxi għat-tul fis-suq tax-xogħol. |
4.6 |
Investimenti fil-ġlieda kontra t-tibdil demografiku u fit-tijib tal-opportunitajiet tal-impjiegi għall-anzjani: il-KESE diversi drabi osserva li s-suq tax-xogħol huwa ċ-ċavetta ċentrali biex jingħeleb it-tibdil demografiku. Jekk il-potenzjal ta’ impjieg disponibbli jkun użat aħjar, ir-relazzjoni bejn min jikkontribwixxi u r-riċevituri tal-benefiċċji, minkejja ż-żieda fin-numru ta’ anzjani tista’ tinżamm fil-biċċa l-kbira stabbli (23). Minkejja ċ-ċaqliq prevedibbli fl-istruttura tal-età, sa issa f'ħafna pajjiżi tal-UE ma ġiex investit biżżejjed fit-titjib ta' dinja tax-xogħol adattata għall-età (il-ħolqien ta' kundizzjonijiet tax-xogħol adattati għall-età) u t-titjib fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. |
4.7 |
Investimenti fil-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni tas-saħħa: l-effetti pożittivi jistgħu jiġu wkoll mill-promozzjoni tas-saħħa fil-post tax-xogħol u fl-intrapriżi, peress li l-impjegabilità u r-riskju li wieħed jispiċċa qiegħed huma relatati mill-qrib mas-saħħa fiżika u mentali. Jekk is-sitwazzjonijiet ta’ perikolu ma jiġux identifikati fil-ħin u ma tittiħedx azzjoni dwarhom, ma tinħoloqx biss it-tbatija personali iżda wkoll spejjeż soċjali għoljin. Għall-assigurazzjoni tas-sostenibbiltà fit-tul tal-fondi pubbliċi jrid jiġi investit b’mod iktar qawwi fil-prevenzjoni. |
4.8 |
Investimenti fil-bini ta’ akkomodazzjonijiet soċjali: bħall-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, anke l-KESE iqis li l-bini ta’ akkomodazzjonijiet soċjali huwa muftieħ għall-koeżjoni soċjali u jappella għal qafas Ewropew f’dan ir-rigward (24). Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jkompli jiġi żgurat sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jiddefinixxu l-kriterji tal-akkomodazzjoni soċjali. Permezz ta’ tali investimenti tiġi indirizzata ħtieġa soċjali urġenti (b'mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-faqar u l-integrazzjoni soċjali), u fl-istess waqt jinħolqu postijiet tax-xogħol fir-reġjuni li permezz tagħhom tiġi stabbilizzata l-ekonomija u pereżempju permezz ta’ investimenti fir-rinnovazzjoni termali jsir kontribut għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-faqar enerġetiku (25). |
4.9 |
Investimenti f'soċjetà mingħajr barrieri: il-KESE kemm-il darba enfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni ta’ soċjetà mingħajr barrieri (26). F’dan is-sens, l-investimenti soċjali għandhom jiffokaw, fost l-oħrajn, fuq l-investimenti fil-ħolqien ta’ spazji u residenzi pubbliċi adattati għall-anzjani u l-persuni b'diżabilità, infrastrutturi xierqa għall-promozzjoni tal-mobilità kif ukoll il-ħolqien ta’ servizzi soċjali aċċessibbli faċilment, affordabbli u bi kwalità għolja għall-gruppi żvantaġġati fis-soċjetà. |
4.10 |
Investimenti fl-intraprenditorija soċjali: il-KESE jilqa’ li l-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-ekonomija soċjali fl-implimentazzjoni tal-Pakkett ta' Investiment Soċjali. Ħafna drabi tkun involuta direttament fl-implimentazzjoni. Sabiex dawn il-kompiti jkunu appoġġjati, il-fondi pubbliċi u l-kapital privat għandhom ikunu aċċessibbli iktar faċilment, u adatti għall-mudelli ta' negozju tal-intrapriża soċjali. Il-possibbiltajiet innovattivi ta’ finanzjament, eżempju permezz tal-parteċipazzjoni tas-settur privat, għandhom jintużaw iktar mill-Istati Membri; dan jista’ jwassal ukoll għall-iffrankar baġitarju (27). Madankollu l-KESE jenfasizza mill-ġdid li dan ma jista' bl-ebda mod iwassal għall-kummerċjalizzazzjoni tal-politika soċjali jew għal approċċ frammentat għaliha. L-Istat ma jistax jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu relatata mal-politika soċjali (28). |
5. Rakkomandazzjonijiet ta’ politika
5.1 Il-bidla fid-direzzjoni għal investimenti soċjali ta’ prevenzjoni teħtieġ li tiġi abbandunata l-politika ta’ awsterità unilaterali u stretta.
5.1.1 |
Mill-perspettiva tal-KESE, l-estensjoni tas-servizzi soċjali tikkontribwixxi iktar għall-impjiegi minn kwalunkwe forma oħra ta' nefqa pubblika. Għalhekk iħeġġeġ bis-sħiħ biex l-istat assistenzjali fl-Ewropa jkun żviluppat b’mod progressiv u sostenibbli, sabiex ikun jista’ jiġi żviluppat il-potenzjal tiegħu bħala qawwa produttiva addizzjonali fl-ekonomija Ewropea. |
5.1.2 |
L-implimentazzjoni u t-twettiq b’suċċess tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali mfassal fuq firxa wiesgħa jeħtieġu kuntest makroekonomiku u istituzzjonali kredibbli. Jekk ma tinbidilx il-politika tat-tnaqqis unilaterali tan-nefqiet, ma tistax tintlaħaq integrazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol ta’ partijiet kemm jista’ jkun wesgħin tas-soċjetà u lanqas il-parteċipazzjoni soċjali u ekonomika ġusta tagħhom. |
5.1.3 |
Fid-dawl tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali u l-isfidi marbutin miegħu, il-KESE għalhekk jenfasizza t-talba tiegħu għar-realizzazzjoni ta’ programm ekonomiku u ta’ investiment Ewropew ta’ 2 % tal-PDG (29). |
5.2 Mingħajr is-sigurtà finanzjarja, il-potenzjal soċjali u ekonomiku tal-investimenti soċjali ma jistax jiġi sfruttat.
5.2.1 |
Il-bidla fundamentali kredibbli fid-direzzjoni ta’ strateġiji ta' investiment u prevenzjoni fir-rigward ta’ oqsma ċentrali tal-azzjoni (fost l-oħrajn il-politika edukattiva, soċjali, tas-suq tax-xogħol, tas-saħħa) tista' ssir biss meta jkun żgurat il-finanzjament – kemm fil-baġit tal-UE kif ukoll fil-baġits tal-Istati Membri individwali. |
5.2.2 |
Il-KESE jtenni l-konvinzjoni tiegħu li fil-kuntest ta’ konsolidazzjonijiet fiskali li ġejjin m’għandhiex tingħata attenzjoni biss lin-naħa tan-nefqiet, iżda f'rabta maż-żieda fl-effiċjenza u fl-effettività tan-nefqiet pubbliċi huwa wkoll essenzjali l-iżvilupp ta' sorsi ġodda ta' dħul (30). B'rabta ma' dan il-KESE huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-bażi għat-taxxa tal-Istati Membri tirrikjedi fost elementi oħra l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, l-eliminazzjoni tar-rifuġji fiskali, it-tneħħija tal-kompetizzjoni fiskali u miżuri kontra l-evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, hemm bżonn li ssir reviżjoni ġenerali tas-sistemi fiskali, b’attenzjoni mistħoqqa għall-kwistjoni tal-kontributi tat-tipi differenti ta’ dħul u assi (31). |
5.2.3 |
Minn naħa waħda l-KESE jappoġġja l-fehmiet tal-Kummissjoni li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu jservi bħala l-istrument primarju għall-promozzjoni tal-investimenti soċjali u li 20 % tal-FSE f’kull Stat Membri għandhom ikunu riżervati għall-integrazzjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar. Madankollu l-Kumitat jemmen li għandu wkoll isir użu ta’ fondi tal-UE oħrajn. Għalhekk, kemm mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) kif ukoll mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għandhom jiġu użati fondi sostanzjali għal servizzi soċjali bħall-kura tat-tfal, il-kura fuq perjodu twil jew il-mobilità f’żoni rurali u għandhom ikunu stabbiliti fil-ftehimiet nazzjonali. |
5.2.4 |
B’mod kritiku ħafna l-KESE josserva l-kondizzjonalitajiet fi ħdan il-governanza ekonomika, li jipprevedu t-tnaqqis fil-fondi ta’ koeżjoni bħala multi f'każ ta' nonkonformità mar-rekwiżiti tal-UE fil-qasam makroekonomiku. Dan mhux biss għandu effetti proċikliċi u ristrettivi fuq l-iżvilupp ekonomiku, iżda jkompli jxekkel ukoll l-investimenti meħtieġa b’mod partikolari fil-pajjiżi tal-programm. B’kuntrast għal dan għandhom jiġu stabbiliti impulsi tat-tkabbir u tiġi pprovduta l-għajnuna biex is-sehem tal-kofinanzjament Ewropew, b’mod partikolari f’dawk il-pajjiżi li huma partikolarment milquta mill-kriżi ekonomika, ikompli jiżdied. |
5.3 L-investimenti soċjali għandhom isiru punti fissi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tas-Semestru Ewropew.
5.3.1 |
Il-KESE jappella biex ikun hemm fokus iktar b’saħħtu fuq investimenti soċjali fil-proċess ta’ koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew. Din l-enfasi ġdida għandha tkun ikkunsidrata b’mod espliċitu fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri. Waqt li jsir dan għandu jkun iċċarat li investimenti soċjali iktar b’saħħithom huma konformi ma’ konsolidazzjoni fiskali favorevoli għat-tkabbir. |
5.3.2 |
Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-KESE jappoġġja d-diskussjoni li għaddejja fil-Kummissjoni tal-UE dwar l-użu tal-hekk imsejħa 'regola tad-deheb' fil-finanzjament, biex fil-kuntest tal-qafas tar-regoli fiskali tal-UEM, l-investimenti soċjali jiġu esklużi mill-kalkolu tad-defiċits pubbliċi netti. B'hekk jiġi evitat li l-investimenti b'benefiċċji netti fit-tul jibqgħu minn taħt. Il-KESE jissuġġerrixxi li titmexxa diskussjoni dwar jekk ir-regola finanzjarja tad-deheb tistax tiġi applikata wkoll għall-investimenti soċjali appoġġjati mill-fondi strutturali tal-UE. |
5.3.3 |
Il-promozzjoni tal-investimenti soċjali għandha wkoll tkun element ċentrali fir-reviżjoni tal-Linji Gwida Integrati għat-tkabbir u l-impjiegi matul il-proċess ta’ reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020 fl-2014. |
5.3.4 |
Għall-KESE huwa essenzjali li l-atturi kollha inkarigati mill-implimentazzjoni tal-investimenti soċjali jiġu kkonsultati u informati aktar u jiġu involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-monitoraġġ. |
5.4 Metodoloġija aħjar u strumenti iktar effiċjenti biex jitkejjel is-suċċess tal-istrateġija ta’ investimenti soċjali miżjuda.
5.4.1 |
Il-prinċipji bażiċi tad-deċiżjoni dwar l-orjentazzjoni futura tal-politika għandhom ikunu ta’ kwalità ogħla u iktar olistiċi. B’mod ġenerali, fil-kuntest tal-investimenti soċjali għandu jkun immirat approċċ dinamiku fiż-żmien, orjentat lejn iċ-ċiklu tal-ħajja u preventiv, li jirrifletti aktar ir-realtà tal-ispejjeż minn sempliċi analiżijiet statiċi tal-kostijiet u l-benefiċċji (32). |
5.4.2 |
Fid-dawl tar-rabtiet kumplessi bejn l-oqsma ta’ politika differenti huma meħtieġa metodoloġija mtejba għall-kejl tas-suċċess u trasparenza ogħla, pereżempju fil-forma ta’ relazzjonijiet tal-kostijiet u l-benefiċċji b’definizzjoni tal-benefiċċju globali għas-soċjetà jew deskrizzjonijiet tax-xenarju ta’ miżuri politiċi differenti mal-mogħdija taż-żmien b'kunsiderazzjoni ta' perspettivi fil-perjodu medju u fit-tul. |
5.4.3 |
L-ewwel pass possibbli jista’ jkun żvilupp metodoloġiku tal-projezzjonijiet standardizzati fit-tul diġà eżistenti f'oqsma individwali marbuta, fost oħrajn, mad-demografija (pereżempju edukazzjoni, kura, saħħa, pensjonijiet). Ir-Rapport tal-2015 dwar it-tixjiħ jista’ jkun okkażjoni xierqa biex jiġi ppreżentat ir-redditu mill-investimenti soċjali meħtieġa u baġitati skont il-kundizzjonijiet nazzjonali. Dan sa issa ma ngħatax l-attenzjoni mistħoqqa u dejjem wassal għal rappreżentazzjonijiet mgħawġa u eżaġerati tal-kostijiet. |
5.4.4 |
Pendenti huwa wkoll x’importanza għandhom jingħataw l-indikaturi soċjali fil-qafas istituzzjonali eżistenti tal-UEM. Sabiex l-indikaturi jingħataw importanza reali fl-orjentazzjoni politika, huma jridu jiġu rfinati. |
5.4.5 |
Il-KESE iqis interessanti wkoll it-talba tal-Parlament Ewropew (33) lill-Kummissjoni biex tiżviluppa tabella ta’ valutazzjoni tal-indikaturi komuni għall-investimenti soċjali li tinkludi mekkaniżmu ta’ twissija għas-sorveljanza tal-avvanzi fl-Istati Membri kif ukoll l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jeżminaw il-possibbiltà li jiffirmaw “Patt dwar l-Investimenti Soċjali” li jistabbilixxi l-għanijiet tal-investimenti u joħloq mekkamiżmu ta’ kontroll. |
5.5 Reviżjoni u konkretizzazzjoni tal-pjan direzzjonali ta' politika għall-implimentazzjoni tal-Pakkett ta' Investiment Soċjali.
5.5.1 |
Il-KESE jqis li l-pjan direzzjonali ta' politika għall-implimentazzjoni tal-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-Kummissjoni huwa wisq difensiv u jitlobha għalhekk tippreżenta pjan direzzjonali iktar konkret u fuq perjodu itwal (mill-inqas sal-2020). |
Brussell, 26 ta' Marzu 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(2) COM(2013) 83 final.
(4) COM(2013) 83, p. 3 final.
(5) Social and employment policies for a fair and competitive Europe – dokument ta' informazzjoni, Forum tal-Fondazzjoni 2013, Eurofound, Dublin, p. 16 (mhux disponibbli bil-Malti).
(6) Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
(7) Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(8) EPC Issue Paper No. 72, Nov. 2012 (mhux disponibbli bil-Malti).
(9) MEMO/03/58, 19.06.2012 COM (2013) – IP/13/125.
(10) u COM(2013) 83, p. 2 final.
(11) ĠU C 133, 9.5.2013, p. 44, Punt 4.4.2.
(12) Drivers of Female Labour Force Participation in the OECD, Dokumenti ta’ ħidma Nru 145 tal-OECD dwar l-affarijiet soċjali, l-impjiegi u l-migrazzjoni, pubblikazzjoni tal-OECD, Thévenon Olivier (2013) (mhux disponibbli bil-Malti).
(13) “Ergebnis der Studie: jeder 2010 in die Mobilen Dienste investierte Euro schafft einen Gegenwert von 3,70 EUR”, p.9, Studju dwar il-benefiċċju soċjali u ekonomiku tas-servizzi tal-kura u l-assistenza mobbli fi Vjenna permezz ta’ analiżi tar-redditu soċjali fuq l-investiment, C. et al, Vjenna (2012) (mhux disponibbli bil-Malti).
(14) SWD(2012) 95 final.
(15) ĠU C 11, 15.1.2013, punt 4.7.5
(16) Zur ökonomischen Notwendigkeit eines investiven Sozialstaates (Il-bżonn ekonomiku ta' investiment fis-sistema soċjali), WIFO, Famira-Mühlberger, U (2014), Vjenna (mhux disponibbli bil-Malti).
(17) Investiver Sozialstaat Wachstum, Beschäftigung und finanzielle Nachhaltigkeit Volkswirtschaftliche und fiskalische Effekte des Ausbaus der Kinderbetreuung in Österreich (Investiment fis-sistema soċjali: tkabbir, impjieg u sostenibbiltà finanzjarja u l-effetti fiskali tal-espansjoni tal-kura tat-tfal fl-Awstrija), Brussell, Eurofound (Ref.: EF1344)) (mhux disponibbli bil-Malti).
(18) Ara The rate of return to the HighScope Perry Preschool Program, Journal of Public Economics, , Heckman, J.J., et al. (2010), Vol. 94 (1-2), p. 114-128 (mhux disponibbli bil-Malti).
(19) COM(2013) 778 final.
(20) Ara n-nota 18 f’qiegħ il-paġna.
(21) Junge Menschen und NEETs in Europa: Erste Ergebnisse, Eurofound (EF1172EN) (Iż-żgħażagħ u n-NEETs fl-Ewropa: l-ewwel riżultati) (mhux disponibbli bil-Malti).
(22) Why invest in employment? A study on the cost of unemployment, Brussell, Idea Consult (2012) (mhux disponibbli bil-Malti).
(23) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 74.
(24) Riżoluzzjoni tal-PE, 11.6.2013 (2012/2293(INI)), ĠU. C 9, 22.12.2011, p. 4.
(25) Riżoluzzjoni tal-PE dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Investimenti Soċjali (PE508.296v01-00).
(26) Ara wkoll TEN/515 “L-aċċessibbiltà bħala dritt tal-bniedem” (għadu ma ġiex ippubblikat) u ĠU. C 44, 15.02.2013, p. 28.
(27) Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(28) ĠU C 271, 19.9.2013, p. 91.
(29) Ara ĠU C 133, 9.5.2013, p.77, punt 3.2.4.
(30) Ara ĠU C 143, 22.5.2012, p. 94, punt 4.3.
(31) Ara ĠU C 143, 22.5.2012, p. 23, punt 6.1.3.1.
(32) Ara Kummissjoni Ewropea, Aġenda Soċjali, Mejju 2013, p. 15.
(33) Ara n-nota 27 f’qiegħ il-paġna.