Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0645

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 814/2000 dwar il-miżuri ta' tagħrif li għandhom x'jaqsmu mal-politika agrikola komuni

    /* COM/2013/0645 final */

    52013DC0645

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 814/2000 dwar il-miżuri ta' tagħrif li għandhom x'jaqsmu mal-politika agrikola komuni /* COM/2013/0645 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 814/2000 dwar il-miżuri ta' tagħrif li għandhom x'jaqsmu mal-politika agrikola komuni

    I.            Daħla

    Dan ir-rapport jikkonċerna l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 814/2000 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament") għas-snin 2011 u 2012.

    L-għanijiet tal-miżuri ta' tagħrif, kif iddefiniti fir-Regolament, huma:

    – għajnuna fl-ispjegazzjoni tal-PAK kif ukoll fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp tagħha

    – promozzjoni tal-Mudell Ewropew tal-agrikoltura, u għajnuna biex il-poplu jifhmu

    – għoti ta' tagħrif lill-bdiewa u lil nies oħra li joqogħdu f'żoni rurali

    – trawwim tal-kuxjenza tal-pubbliku fir-rigward tal-kwistjonijiet u l-għanijiet tal-PAK.

    L-azzjonijiet jinġabru f'żewġ kategoriji ewlenin:

    – Dawk imressqin minn organizzazzjonijiet ta' partijiet terzi għall-kofinanzjament mill-FAEG (għotjiet)

    – Dawk li jsiru fuq inizjattiva tal-Kummissjoni u li jiġu ffinanzjati b'rata ta' 100 % mill-FAEG (azzjonijiet diretti).

    Il-Kunsill iddeċieda (l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 814/2000) li kull sentejn għandu jiġi ppreżentat rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan huwa l-ħames rapport f'dan ir-rigward[1].

    L-annessi msemmija fit-test jinsabu fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż.

    II.          IL-BAĠIT

    Il-baġit li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-miżuri ta' tagħrif skont l-intestatura tal-baġit 05 08 06 żdied kien ta' EUR 8 miljun fl-2011 u ta' EUR 8 miljun fl-2012. It-tqassim proviżorju bejn l-azzjonijiet li jridu jittieħdu fuq inizjattiva tal-Kummissjoni u l-azzjonijiet li jridu jiġu kkofinanzjati (għotjiet) kien kif ġej:

    2011: azzjonijiet diretti (EUR 4.5 miljun) (56%) – għotjiet (EUR 3.5 miljun) (44%)

    2012: azzjonijiet diretti (EUR 5.8 miljun) (72 %) – għotjiet (EUR 2.2 miljun) (28 %)

    L-eżekuzzjoni tal-baġit laħqet 100% għall-2011, u 99% għall-2012 f'termini ta' impenji, u laħqet 80% f'termini ta' ħlasijiet għall-2011. Iċ-ċifri aħħarija tal-eżekuzzjoni f'termini ta' ħlasijiet għall-2012 s'issa ma jistgħux jiġu rrappurtati, billi l-ħlasijiet b'rabta mal-baġit tal-2012 se jkomplu jsiru sal-31 ta' Diċembru 2013.

    III.         TQASSIM TAL-AZZJONIJIET IFFINANZJATI

    Ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni hija pprogrammata għal wara l-2013. Wara dibattitu pubbliku wiesa', fit-18 ta' Novembru 2010 l-Kummissjoni ressqet komunikazzjoni dwar "Il-KAP lejn l-2020", li tiddettalja alternattivi għall-PAK tal-futur, u li varat id-dibattitu mal-istituzzjonijiet l-oħra u mal-partijiet interessati. Fit-12 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni ressqet sensiela ta’ proposti legali mfassla biex il-PAK issir politika iktar effettiva, favur agrikoltura iktar kompetittiva u sostenibbli, u favur żoni rurali ħajjin u fuq tagħhom. Għaldaqstant, kien hemm enfażi qawwija, matul il-perjodu ta' rappurtar, fuq azzjonijiet ta' tagħrif li mmiraw li jqajmu kuxjenza pubblika dwar il-proposti tal-Kummissjoni biex tirriforma l-Politika Agrikola Komuni, u dwar il-kontribut ta' dawn il-proposti lejn l-ilħiq tal-isfidi identifikati fl-istrateġija Ewropa 2020 tal-Kummissjoni. Dan kien l-element ewlieni tal-istrateġija ta' komunikazzjoni ddefinita mill-Kummissjoni, fil-qafas tar-Regolament implimentat permezz ta' pjanijiet ta' azzjoni annwali. Din il-prijorità tirrifletti s-sejbiet ta' għadd ta' sondaġġi tal-Ewrobarometru dwar l-agrikoltura u l-KAP tul l-aħħar snin: il-prinċipji ta' gwida u l-miri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) huma appoġġjati mill-maġġoranza tan-nies, iżda ħafna ma jafux fil-politika nfisha. Għaldaqstant, l-istrateġija ta' komunikazzjoni timmira li tqajjem kuxjenza dwar il-PAK, u li turi li l-PAK tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini.

    Barra minn hekk, il-ħamsin anniversarju tad-dħul fis-seħħ tal-Politika Agrikola Komuni, u r-rwol tagħha bħala pilastru tal-integrazzjoni Ewropea, ġew issottolinjati fl-2012 b'azzjonijiet kemm diretti u kemm indiretti. Dan l-anniversarju ttieħed bħala opportunità biex titqajjem kuxjenza pubblika dwar il-PAK, kemm fir-rigward tal-kisbiet tagħha, u kemm fir-rigward tal-lok għall-iżvilupp tagħha fil-ġejjieni, permezz tar-riforma proposta.

    L-ippjanar tal-miżuri ta' tagħrif iffoka fuq is-sodisfazzjoni tal-bżonnijiet ta' gruppi destinatarji speċifiċi, fuq id-definizzjoni ta' messaġġi xierqa, u fuq strateġiji ta' tixrid bi qbil mar-Regolament, kif ukoll fuq il-valutazzjoni u kummenti. Tkattru l-isforzi biex jitkomplew jiżviluppaw sinerġiji fost l-atturi differenti fil-qasam tal-komunikazzjoni dwar l-agrikoltura, inklużi l-partijiet interessati u l-awtoritajiet nazzjonali. Kompliet titfannad il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, kif ukoll ma' netwerks bħaċ-Ċentri ta' Informazzjoni ta' Europe Direct, u n-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

    1.           Għotjiet (azzjonijiet ta' komunikazzjoni li ttieħdu fuq inizjattiva ta' organizzazzjonijiet li huma partijiet terzi)

    Ir-Regolament jipprevedi żewġ tipi ta' miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati b'għotjiet: miżuri speċifiċi ta' tagħrif, u programmi ta' ħidma annwali. Miżura speċifika ta' tagħrif tfisser avvenimenti ta' tagħrif limitati fiż-żmien u fl-ispazju, u implimentati abbażi ta' baġit uniku. Programm annwali ta' ħidma tfisser settijiet ta' bejn żewġ u ħames miżuri speċifiċi ta' tagħrif. Għall-2011 u l-2012, ġie deċiż (bħal fit-tliet snin ta' qabel) li għall-kofinanzjament jinżammu biss il-miżuri speċifiċi ta' tagħrif, bil-għan li tiġi ssimplifikata l-iskema ta' għotjiet, u li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-azzjonijiet ta' tagħrif differenti. Tkattru l-isforzi biex jitfannad id-djalogu mal-benefiċjarji tal-għotjiet, sabiex ikomplu jissaħħu l-effettività u s-sinerġija fost l-azzjonijiet kofinanzjati mwettqa minn partijiet terzi, u l-miżuri mwettqa fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni (azzjonijiet diretti). B'mod aktar speċifiku, is-sejħiet għal proposti għal azzjonijiet kofinanzjati fl-2011 u l-2012 ħeġġew lill-miżuri ta' tagħrif iqajmu kuxjenza pubblika tal-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-PAK[2].

    Ir-rata massima ta' finanzjament għall-miżuri msemmija hawn fuq hija ta' 50% tal-ispejjeż eliġibbli. Madankollu, ir-rata tista' tiżdied sa 75% f'każijiet eċċezzjonali, kif speċifikat fir-Regolament ta' Implimentazzjoni[3], u kif iddefinit fis-sejħa għal proposti. Għall-2011, ġie deċiż li tinżamm ir-rata massima ta' finanzjament ta' 50% għall-azzjonijiet kofinanzjati. Għall-2012, is-sejħa għal proposti pprovdiet għar-rata massima ta' 75% għall-miżuri ta' tagħrif ta' interess eċċezzjonali. Madankollu, billi l-ebda proposta ma laħqet il-kriterji stipulati għal tali miżuri eċċezzjonali, l-ebda azzjoni ma ngħatat rata ta' finanzjament ta' 75% għall-2012.

    Fil-qafas tas-sejħa għal proposti tal-2011, 44 azzjoni speċifika ġew kofinanzjati (b'żewġ azzjonijiet oħra jintgħażlu mill-Kummissjoni, li ġew abbandonati mill-benefiċjarji tal-għotja matul il-fażi ta' implimentazzjoni). L-ammont ta' għotjiet mitlub mingħand il-Kummissjoni kellu jkun ta' bejn EUR 20 000 u EUR 300 000.

    Fil-qafas tas-sejħa għal proposti tal-2012, 11-il azzjoni speċifika ġew kofinanzjati (intgħażlet ukoll azzjoni oħra, li ġiet abbundunata iktar tard fis-sena). Ta' min wieħed jinnota li s-sejħa għal proposti għall-2012 kienet maħsuba biex tagħti prijorità lil miżuri innovattivi u kreattivi li jista' jkollhom impatt kbir f'għadd ta' pajjiżi differenti. Għaldaqstant, għall-2012, l-applikanti ġew mistiedna japplikaw għal għotjiet ta' bejn EUR 100 000 u EUR 500 000; b'konsegwenza ta' dan, għadd iżgħar ta' azzjonijiet ikbar ġew kofinanzjati għal dik is-sena.

    B'hekk, kollox ma' kollox, fil-perjodu ta' rappurtar ġew kofinanzjati totali ta' 55 azzjoni. L-għotjiet ingħataw l-aktar għal kampanji ta' tagħrif, produzzjonijiet awdjoviżivi, konferenzi, seminars, u għadd ta' proġetti mmirati li jinfurmaw lit-tfal tal-iskejjel dwar il-PAK. Fil-perjodu ta' rappurtar, l-għadd sinifikanti ta' kampanji ta' tagħrif irrifletta l-enfażi kontinwa, dis-sejħiet għal proposti, fuq it-tħeġġiġ ta' azzjonijiet kofinanzjati li jużaw taħlita ta' għodod ta' komunikazzjoni bil-għan li jilħqu l-massimu ta' impatt u l-usa' udjenza possibbli. Kif issemma qabel, il-50 anniversarju tal-PAK ġie ssottolinjat fis-sejħiet għal proposti bħala mod biex ikunu infurmati ċ-ċittadini dwar il-kontribut tal-PAK lejn l-integrazzjoni tal-UE u r-rwol tagħha fl-indirizzar ta' sfidi ġodda.

    It-tipi ta' benefiċjarji ewelnin tal-għotjiet kienu kif ġej: organizzazzjonijiet ta' azjendi agrikoli professjonali, organizzazzjonijiet / għaqdiet oħra mhux governattivi, amministrazzjonijiet pubbliċi (lokali, reġjunali, u awtoritajiet nazzjonali), u organizzazzjonijiet tal-midja.

    Fil-passat, l-organizzazzjonijiet soċjo-professjonali attivi fl-agrikoltura u fl-iżvilupp rurali f'livell nazzjonali (spiss membri ta' korpi fil-livell tal-UE) kienu jiffurmaw parti kbira fil-listi tal-benefiċjarji. Barra minn hekk, żdiedu l-parteċipazzjoni tagħhom, fost l-oħrajn, organizzazzjonijiet tal-midja, –speċjalment is-settur awdjoviżiv–. F'għadd ta' azzjonijiet kofinanzjati, il-benefiċjarji użaw il-possibbiltà li jinvolvu lil aktar organizzazzjonijiet bħala msieħba fl-eżekuzzjoni tal-proġetti, pereżempju fl-azzjonijiet implimentati minn organizzazzjonijiet tal-midja, spiss daħlu bħala msieħba jew koorganizzaturi organizzazzjonijiet tal-azjendi agrikoli jew tipi oħra ta' għaqdiet jew NGOs.

    L-Anness 1 jagħti daqqa t'għajn ġenerali lejn l-għotjiet fil-perjodu ta' rappurtar. Id-dettalji dwar l-għotjiet individwali jinsabu fis-sit elettroniku Europa:           http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/index_en.htm

    L-applikazzjonijiet ġew ivvalutati skont kriterji stretti ta' eliġibbiltà, esklużjoni, selezzjoni u għoti, kif stipulat fis-sejħa għal proposti. Dan kien bi qbil mar-Regolament, u rrifletta l-mira tal-Kummissjoni li tikseb trattament ugwali u kompetizzjoni ġusta fost l-applikanti.

    Fil-perjodu ta' rappurtar, baqa' jiżdied l-għadd ta' applikazzjonijiet b'suċċess mill-Istati Membri tal-UE12; 37.3% mill-għadd totali ta' għotjiet mogħtija fl-2011 u l-2012 ġew allokati lil organizzazzjonijiet f'dawk l-Istati Membri. Bħalma ġara fl-imgħoddi, matul il-perjodu tar-rappurtar baqa' jkun hemm livell għoli ta' interess min-nofsinhar tal-UE.

    It-tabella ta' hawn taħt tindika l-għadd ta' applikazzjonijiet milqugħa u aċċettati mqassmi skont l-Istat Membru matul il-perjodu ta' rappurtar.

    Tabella I

    Importanti li wieħed jisħaq li, kif sar fl-imgħoddi, għadd kunsiderevoli ta' azzjonijiet kofinanzjati laħqu udjenza usa' li tmur lil hinn mill-parteċipanti immedjati, bis-saħħa tal-effett ta' multiplikazzjoni tal-istampa u tal-midja speċjalizzati, kif ukoll bis-saħħa tal-użu akbar tal-internet u n-netwerks soċjali bħala għodod għat-tixrid.

    2.           Azzjonijiet ta' komunikazzjoni li ttieħdu fuq inizjattiva tal-Kummissjoni

    Fil-perjodu ta' rappurtar, bħal fis-snin ta' qabel, kien hemm għadd sinifikanti ta' azzjonijiet ta' komunikazzjoni li twettqu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Dawn kienu ta' spiss implimentati b’għajnuna teknika esterna. Madwar 64% tal-baġit ġie allokat għal dawn il-miżuri fil-perjodu 2011-2012.

    L-Anness II jipprovdi d-dettalji dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni f'dan il-perjodu, inklużi l-ispejjeż rispettivi.

    Parteċipazzjoni f'fieri

    L-enfażi tal-Kummissjoni fuq "id-dimensjoni lokali", kif ukoll fuq it-tqajjim tal-kuxjenza taċ-ċittadini fir-rigward tal-PAK u tal-UE b'mod ġenerali, kienet kruċjali fl-organizzazzjoni tal-padiljuni tal-Kummissjoni f'fieri fis-snin 2011 u 2012. L-attivitajiet fil-fieri komplew jimmiraw il-pubbliku ġenerali u l-partijiet interessati, u l-kampanja tal-ħamsin anniversarju ġiet sfruttata, fost l-oħrajn, biex tikkomunika lill-pubbliku ġenerali li l-PAK u l-iżvilupp rurali huma relevanti għas-soċjetà kollha. Il-parteċipazzjoni fil-fieri kompliet tipprovdi pjattaforma għad-djalogu mal-bdiewa, mal-partijiet interessati u mal-pubbliku ġenerali dwar kwistjonijiet ta' politika. L-azzjonijiet xeħtu dawl fuq proġetti ta' żvilupp rurali b'suċċess u fuq il-politika ta' kwalità tal-UE, filwaqt li ġew organizzati attivitajiet ta' informazzjoni u edukazzjoni maħsuba biex jiġbdu lill- udjenzi żgħażagħ u lill- pubbliku ġenerali .

    Konferenzi

    Matul dan il-perjodu, il-konferenzi pprovdew forum importanti għad-djalogu u għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar aspetti tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni. Pereżempju, il-konferenza ta' Lulju 2012 "Il-PAK lejn l-2020 - niżnu s-sitwazzjoni mas-soċjetà ċivili" ġiet organizzata bħala segwiment għall-konsultazzjoni wiesgħa, varata fl-2010, dwar l-isfidi li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-agrikoltura Ewropea. Din il-konferenza kienet opportunità biex is-settur mhux gvernamentali, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jiddibattu u jiddiskutu l-proposti leġiżlattivi għal riforma tal-PAK għal wara l-2013, adottati mill-Kummissjoni t-12 ta' Ottubru 2011. Għadd ta' avvenimenti ġew iddisinjati wkoll biex jisħqu fuq il-prijorità mogħtija lit-tisħiħ tal-innovazzjoni u t-twassil tar-riċerka fl-agrikoltura Ewropea. Dan inkluda konferenza-dibattitu mtellgħa bi sħab mal-Presidenza tal-UE u l-Parlament Ewropew f'Diċembru 2011; kif ukoll konferenza oħra ta' livell għoli f'Marzu 2012. F'konferenza oħra, tal-20 ta' April 2012, madwar 400 parti interessata esploraw modi u mezzi biex jitrawwem u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-agrikoltura lokali, u tal-ktajjen qosra tal-provvista, biex jippromwovu l-impjieg u t-tkabbir fiż-żoni rurali.

    Dawn l-avvenimenti kkontribwew għall-proċess tal-komunikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika agrikola, bi qbil mar-Regolament. L-użu tat-teknoloġija tal-istreaming fuq l-internet iggarantixxa tixrid wiesa' tal-proċedimenti tal-konferenza.

    Pubblikazzjonijiet

    Fil-perjodu ta' rappurtar, il-pubblikazzjonijiet komplew jirriflettu l-programm leġiżlattiv. Fosthom kien hemm testi dwar il-proposti għar-riforma tal-PAK u dwar il-politika ta' kwalità. Bil-ħsieb li jikkoinċidu mal-kampanja tal-50 anniversarju tal-PAK, fl-2012 ġew prodotti għadd ta' pubblikazzjonijiet pedagoġiċi biex jiġbdu l-attenzjoni tat-tfal tal-iskejjel u dik tal-pubbliku ġenerali. Dawn il-pubblikazzjonijiet inxterdu b'mod wiesa' fl-Istati Membri, u b'hekk il-kampanju tal-anniversarju għenet biex tqajjem kuxjenza dwar il-Politika Agrikola Komuni u l-iżvilupp rurali.

    Websajt

    Is-sit elettroniku "Agrikoltura u Żvilupp Rurali" baqa' jiżviluppa matul il-perjodu ta' rappurtar, speċifikament bħala sors importanti ta' tagħrif speċjalizzat dwar il-PAK u l-iżvilupp rurali. Is-sit żvolġa rwol importanti wkoll fil-proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mal-pubbliku ġenerali fir-rigward tad-direzzjoni li għandha taqbad il-politika agrikola fil-ġejjieni. Saru żewġ konsultazzjonijiet fuq l-internet (waħda dwar l-informazzjoni u l-promozzjoni għall-prodotti agrikoli tal-UE, u l-oħra dwar ir-rieżami tar-reġim tal-UE dwar il-frott u l-ħaxix). Il-fehmiet espressi tqiesu jew qegħdin jitqiesu fl-iżvilupp tal-politika rispettiva. L-abbonamenti tal-bullettini u r-rapporti fil-qosor tal-"Monitoring Agri-Trade Policy" (MAP) telgħu għal 5 150, dawk tal-aġġornamenti tal-"Agricultural commodity price dashboard" bħalissa laħqu l-1 320, u dawk tar-rapporti fil-qosor tal-"Agricultural Policy Perspectives" huma 1 180. Bħalissa qiegħda titlesta l-migrazzjoni lejn verżjoni totalment ġdida tas-sit elettroniku (disinn korporattiv ġdid, teknoloġija għall-ġestjoni tal-kontenut elettroniku, u kontenut semplifikat u aġġornat, bi qbil mal-inizjattiva tal-Kummissjoni favur ir-razzjonalizzazzjoni u l-ottimizzazzjoni tas-siti elettroniċi).

    Stħarriġ tal-opinjonijiet

    F'Mejju 2011, sar stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru fuq għadd limitat ta' kwistjonijiet fil-kuntest tat-tħejjija għall-proposti leġiżlattivi tar-riforma tal-PAK, inkluża l-kwistjoni tat-trasparenza fir-rigward tal-benefiċjarji tal-pagamenti tal-PAK. F'Marzu 2012, sar stħarriġ ieħor dwar l-atteġġjamenti taċ-ċittadini lejn is-sigurtà tal-ikel, il-kwalità tal-ikel, u l-fehmiet dwar ir-rabta bejn l-agrikoltura u l-preżervazzjoni tan-natura u tal-kampanja.

    Żjarat

    Fil-perjodu 2011-2012, intlaqgħu żjarat ta' gruppi magħmulin prinċipalment minn bdiewa, rappreżentanti tal-bdiewa, studenti, rappreżentanti reġjunali u lokali, ġurnalisti u akkademiċi. L-għan ta' dawn iż-żjarat kien li jingħataw spjegazzjoni u fehim iddettaljat liċ-ċittadini dwar il-Politika Agrikola Komuni, inkluż l-iżvilupp rurali, kif ukoll dwar il-loġika wara r-riforma tagħha.

    Azzjonijiet fil-midja

    Matul il-perjodu ta' rappurtar, kien hemm enfażi qawwija fuq it-tkomplija tal-iżvilupp u t-tfannid tal-konnessjonijiet mal-midja, fid-dawl tal-importanza tagħha bħala effett multiplikatur fil-qasam tal-komunikazzjoni. It-twaqqif ta' pjattaforma elettronika (Ag-press.eu") fl-2011 jagħti lok għall-interazzjoni ta' kuljum bejn is-servizzi relevanti tal-Kummissjoni u l-ġurnalisti interessati fl-agrikoltura mal-UE kollha.

    In-netwerk Ewropew Ag-Press għall-ġurnalisti fil-qasam tal-agrikoltura llum għandu mat-800 ġurnalist membru. Din il-pjattaforma elettronika, li tiġi aġġornata kuljum, tiffaċilita l-aċċess għall-aħbarijiet u informazzjoni dwar kwistjonijiet agrikoli, l-aktar mill-Kummissjoni Ewropea, iżda wkoll mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Il-pjattaforma tippermetti wkoll l-iskambju ta' esperjenzi bejn il-ġurnalisti nfushom. Permezz ta' azzjonijiet bħal żjarat ta' informazzjoni f'azjendi agrikoli għall-ġurnalisti, seminars u żjarat ta' studju fi Brussell u fl-Istati Membri, ir-rapprenżentanti tal-midja jiġu infurmati dwar il-PAK, kif ukoll dwar id-diversità tal-agrikoltura Ewropea.

    F'dan il-perjodu wkoll, ġiet intensifikata l-attività fil-midja soċjali b'rabta mal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.

    IV.         KAMPANJI TA' KOMUNIKAZZJONI DWAR KWISTJONIJIET EWLENIN

    Saret referenza fir-rapporti preċedenti għad-dibattitu pubbliku wiesa' dwar il-ġejjieni tal-politika tal-UE għall-azjendi agrikoli, kif ukoll għal azzjonijiet ta' komunikazzjoni sussegwenti, sabiex jiġġeneraw djalogu miftuħ fejn il-PAK ġiet spjegata u diskussa mal-pubbliku ġenerali, mal-partijiet interessati, u l-bqija. Fil-perjodu ta' rappurtar, komplew l-isforzi biex jittejjeb il-fehim dwar il-Politika Agrikola Komuni u l-iżvilupp rurali min-naħa tal-partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali, permezz ta' kampanji ta' komunikazzjoni speċifiċi.

    Pereżempju, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' proposti leġiżlattivi dwar ir-riforma tal-PAK f'Ottubru 2011 ġiet akkumpanjata minn sessjonijiet ta' tagħrif mal-istampa u mal-partijiet interessati fis-27 Stat Membru tal-UE. Dawn is-sessjonijiet ta' tagħrif ġibdu aktar minn 2 500 rappreżentant tal-midja (midja speċjalizzata u reġjunali, televixin u radju nazzjonali) u parti interessata (entitajiet tas-soċjetà ċivili, amministrazzjonijiet reġjunali u nazzjonali). B'hekk ġiet iġġenerata koperatura fil-midja konsiderevoli (b'aktar minn 500 artiklu tal-istampa fl-24 siegħa ta' wara l-avveniment). Dan kien eżerċizzju importanti ħafna fil-komunikazzjoni fil-livell lokali, mal-partijiet interessati kollha, inkluż il-pubbliku ġenerali.

    Azzjoni importanti oħra kienet il-kampanja tal-midja organizzata wara t-tifqigħa tal-e-coli fl-2011, biex uriet l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-isforzi tal-produtturi biex jerġgħu jiksbu l-fiduċja tal-konsumaturi fil-konsum tal-frott u l-ħaxix. Il-kampanja, li saret mal-UE kollha fuq l-istampa u t-televixin, kienet tikkonsisti f'riklami f'pubblikazzjoni tal-istampa f'kull Stat Membru, u f'pakkett ta' aħbarijiet bil-vidjo għat-televixin. Huwa stmat li l-kampanja laħqet madwar 37 miljun ruħ.

    Kif issemma aktar 'il fuq, it-tema tal-ħamsin anniversarju tad-dħul fis-seħħ tal-Politika Agrikola Komuni kellha preżenza prominenti fl-azzjonijiet ta' tagħrif matul l-2012. Fil-perjodu ta' rappurtar, it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-kampanja ta' komunikazzjoni CAP@50 kienu mmarkati minn grad sostanzjali ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet interessati. Din il-kampanja serva ta' katalist sinifikanti għall-azzjonijiet ta' tagħrif dwar il-PAK mal-UE kollha; saru madwar 150 avveniment irrelatat fl-Istati Membri matul is-sena, imtellgħin mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u mill-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, bis-saħħa tal-ħolqien ta' sit elettroniku ddedikat u pjattaforma interattiva li inkludiet, fost l-oħrajn, materjal awdjoviżiv u ta' arkivju, u pubblikazzjonijiet u materjal promozzjonali dwar il-kontribut storiku tal-PAK lejn il-kostruzzjoni tal-Ewropa, kif ukoll dwar ir-rwol tiegħu fl-indirizzar ta' sfidi attwali u futuri.

    Fost l-avvenimenti ewlenin tal-anniversarju, wirja interattiva bl-isem – The CAP Past Present and Future –, immirata lejn il-pubbliku ġenerali, daret ma' xi 20 Stat Membru, kif ukoll ma' istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, bejn April u Diċembru tal-2012. Tul l-24 tappa, il-wirja ġibdet 'il fuq minn 60 000 ruħ.

    Azzjonijiet oħra relatati tal-CAP@50 inkludew is-sehem f'avvenimenti popolari bħal A Farm in the City, organizzata fi Brussell f'Settembru 2012. 5 000 ruħ żaru l-padiljun tal-Kummissjoni, u 20 000 ruħ ġew esposti għall-messaġġi ewlenin tal-avveniment (permezz ta' promozzjoni bil-midja). Fl-2012, tvarat l-ewwel edizzjoni tal-Premjijiet tal-Komunikazzjoni tal-PAK, għall-eżempji tal-aqwa prassi fil-komunikazzjoni tal-PAK; l-għan kien li jiġu identifikati miżuri partikularment effettivi, u li jitrawwem l-iskambju tal-aqwa prassi fost il-multiplikaturi u l-imsieħba tan-netwerks varji.

    V.           IL-PROPORZJON TAN-NEFQA (IMPENJI U PAGAMENTI) BEJN L-AZZJONIJIET KOFINANZJATI FUQ L-INIZJATTIVA TA' PARTIJIET TERZI (GĦOTJIET) U AZZJONIJIET TA' TAGĦRIF FUQ L-INIZJATTIVA TAL-KUMMISSJONI

    || ||

    || 2011 || 2012

    || Għotjiet || Azzjonijiet diretti || Totali || Għotjiet || Azzjonijiet diretti || Totali

    Tqassim proviżorju tal-baġit || 3.500.000 || 4.500.000 || 8.000.000 || 2.200.000 || 5.800.000 || 8.000.000

     Impenji f'EUR || 3.507.228 || 4.480.063 || 7.987.291 || 2.197.904 || 5.707.754 || 7.905.658

    % ta' impenn || 100% || 100% || 100% || 100% || 98% || 99%

    Pagamenti (**) f'EUR || 2.440.123 || 3.939.636 || 6.379.759 || (*) || (*) || (*)

    % ta' żborż vs impenn || 70% || 88% || 80% || (*) || (*) || (*)

    (*) Ċifri s'issa mhux disponibbli – il-biċċa l-kbira mill-azzjonijiet għadhom ma tħallsux

    (**) Il-pagamenti msemmija fit-tabella ma jirrappreżentawx l-eżekuzzjoni tas-sena N biss, iżda jiġbru flimkien il-pagamenti mwettqa fis-snin N u N+1 fuq l-impenji tas-sena N.

    Ta' min wieħed jinnota li sar titjib fir-rati ta' impenn u ta' żborż meta mqabbla mal-perjodu ta' rappurtar ta' qabel, fejn ir-rata medja ta' impenn tul it-tliet snin laħqet 85% għall-għotjiet u 96% għall-azzjonijiet diretti, u r-rata medja ta' pagament laħqet 65% u 86% għall-għotjiet u l-azzjonijiet diretti, rispettivament. Il-pagamenti dejjem ikunu aktar baxxi mill-ammonti impenjati oriġinalment. Fil-każ tal-għotjiet, dan huwa minħabba l-fatt li, l-ewwel nett, f'ħafna każijiet l-ispejjeż aħħarija tal-azzjonijiet ikunu iktar baxxi milli kif kien previst fil-bidu mill-benefiċjarju, u t-tieni nett, minħabba li mhux l-ispejjeż kollha ddikjarati mill-benefiċjarji jistgħu jitqiesu eliġibbli. Fil-każ tal-azzjonijiet meħudin fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, id-differenzi huma iżgħar, u huma dovuti għall-impenji, li jqisu n-nefqa kollha prevedibbli u possibbli - u li kultant jispiċċaw ikunu aktar baxxi milli kien ġie previst fil-bidu, billi qed isir iffrankar -, u li jqisu wkoll l-aktar miżuri kosteffettivi mwettqa tul l-implimentazzjoni tal-proġett.

    VI.         KONKLUŻJONI

    L-azzjonijiet ta' komunikazzjoni marbutin mal-PAK fil-perjodu ta' rappurtar kienu jimmiraw li jgħarrfu lill-pubbliku ġenerali u l-partijiet interessati, u li jqajmu l-kuxjenza tiegħu, dwar il-kisbiet tal-Politika Agrikola Komuni fit-twassil ta' settur agrikolu modern, sostenibbli u effiċjenti fl-Ewropa. Dawn l-azzjonijiet saħqu wkoll fuq l-importanza tar-riforma tal-PAK, sabiex jitkompla l-proċess lejn il-garanzija ta' politika agrikola aktar ġusta u aktar ekoloġika, mgħammra biżżejjed biex tikkontribwixxi b'mod attiv għall-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Fit-twettiq ta' dawn l-azzjonijiet, tkattru l-isforzi biex jiġu promossi sinerġiji aktar b'saħħithom bejn l-azzjonijiet ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-istituzzjonijiet l-oħra l-UE, tas-soċjetà ċivili, u tal-Istati Membri.

    [1]               COM (2003)235 finali, 8.5.2003; COM (2007)324 finali, 13.6.2007; COM (2009)237 finali, 20.5.2009; COM (2011)294 finali, 25.5.2011.

    [2]               ĠU C 231/8, 27.8.2010; ĠU C 212/22, 19.7.2011.

    [3]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2208/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 814/2000 dwar miżuri ta’ informazzjoni inkonnessjoni mal-politika agrikola komuni (ĠU L 337/21, 13.12.2002).

    Top