EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0392

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern tinġieb fi tmiemha fil-Pajjiżi l-Baxxi

/* COM/2013/0392 final - 2013/ () */

52013DC0392

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern tinġieb fi tmiemha fil-Pajjiżi l-Baxxi /* COM/2013/0392 final - 2013/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

bil-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern tinġieb fi tmiemha fil-Pajjiżi l-Baxxi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mingħand il-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)       Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)       Fit-2 ta' Diċembru 2009 il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 126(6) tat-TFUE, li fil-Pajjiżi l-Baxxi jeżisti defiċit eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjonijiet biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2013[1], skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv[2]. Sabiex iġibu d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika taħt it-3 % tal-PDG b’mod kredibbli u sostenibbli, l-awtoritajiet Olandiżi kienu rrakkomandati jimplimentaw il-miżuri fiskali fl-2010 kif previsti fil-baġit tal-2010 u, billi jibdew il-konsolidazzjoni fl-2011, itemmu s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-2013. Għal dan l-għan, kienu rrakkomandati li jiżguraw sforz fiskali annwali medju ta’ ¾% tal-PDG matul il-perjodu 2011-2013, jispeċifikaw il-miżuri li huma neċessarji biex tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2013, jekk jippermettu l-kundizzjonijiet ċikliċi, u jaċċelleraw it-tnaqqis tad-defiċit jekk il-kondizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jkunu aħjar milli mistenni f’dak iż-żmien. Il-Kunsill kien ukoll stabbilixxa l-iskadenza tat-2 ta' Ġunju 2010 biex tittieħed azzjoni effettiva.

(4)       Fil-15 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li fuq il-bażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2010 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Pajjii l-Baxxi kienu ħadu azzjoni effettiva f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2009 biex iġibu d-defiċit tal-gvern taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG u qieset li, għaldaqstant, ma kien meħtieġ l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

(5)       Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva u jekk avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaġġużi kbar għall-finanzi tal-gvern iseħħu wara l-adozzjoni ta' dik ir-rakkomandazzjoni. L-avvenimenti ekonomiċi żvantaġġużi mhux mistennija b'effetti baġitarji żvantaġġużi kbar jitqiesu fl-isfond tat-tbassir ekonomiku li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(6)       Skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill meħtieġ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fi żmien determinat. Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi żmien massimu ta' sitt xhur għal azzjoni effettiva li għandha tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, f’rakkomandazzjoni biex jiġi kkoreġut defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu jitlob għall-ilħiq ta’ miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li fuqu tissejjes ir-rakkomandazzjoni, ikunu konsistenti ma’ titjib minimu annwali fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament minbarra miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, ta’ mill-inqas 0.5 % tal-PDG bħala valur ta’ referenza.

(7)       It-tbassir tal-Ħarifa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, li kien jifforma l-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE tat-2 ta’ Diċembru 2009, ipprojjetta li l-ekonomija Olandiża se tiċkien b’4,5 % fl-2009, segwita minn irkupru modest fl-2010 u l-2011, bi tkabbir fil-PDG ta’ ¼% u 1½ % rispettivament. Is-snin 2012 u 2013 kienu lil hinn mill-perjodu tat-tbassir, iżda taħt l-ipotesi tal-għeluq gradwali tad-distakk negattiv kbir fil-produzzjoni sal-2015, għall-2012 u l-2013, kien mistenni, tkabbir ogħla minn dak tal-2011. It-tkabbir tal-PDG fl-2009 naqas bi 3.7 %, anqas milli mistenni fit-Tbassir tal-Ħarifa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, u fl-2010 l-irkupru immexxi mill-esportazzjoni kien ta' 1.6 % u kien aktar b’saħħtu, iżda fl-2011 it-tkabbir ekonomiku naqas għal 1% u fl-2012 l-ekonomija Olandiża marret lura għar-riċessjoni. Fl-2011, il-Pajjiżi l-Baxxi, diġà kienu rreġistraw rati ta’ tkabbir negattivi ta' kull tliet xhur fil-kwarti kollha minbarra l-ewwel kwart, u fl-2012, l-ekonomija Olandiża ċkienet b’1 %. It-tkabbir kwart fuq kwart kien kemxejn pożittiv fl-ewwel nofs tas-sena, iżda minn hemm’il quddiem waqa' sew. Globalment, it-tkabbir tal-PDG irriżulta notevolment aktar baxx milli seta’ kien mistenni skont il-mudell ta’ rkupru ċikliku normali u l-kontrazzjoni mdaqqsa tal-ekonomija affettwat b’mod negattiv l-impjiegi; il-qgħad żdied, it-tkabbir reali tal-pagi qaleb għan-negattiv u d-domanda domestika naqset.

(8)       It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni pprojjetta li l-PDG reali se jkompli jonqos b’0.8% fl-2013, għalkemm it-tkabbir huwa mistenni li jerġa’ lura gradwalment għal territorju pożittiv mit-tieni nofs tas-sena 'l quddiem. L-iżviluppi kummerċjali huma mistennija li jikkontribwixxu għall-irkupru, filwaqt li d-domanda domestika hi mistennija li tibqa' ħażina fl-2013. L-inċertezza fir-rigward tal-perspettiva ekonomika ġenerali, l-implimentazzjoni tal-proposti ta' riforma u l-miżuri ta' konsolidazzjoni addizzjonali possibbli jpoġġu piż addizzjonali fuq id-domanda domestika. Fl-2014, kemm l-esportazzjonijiet kif ukoll l-importazzjonijiet huma mistennija li jerġgħu jaqbdu r-ritmu u d-domanda domestika għandha tibda tirkupra bil-mod, biex b'hekk tappoġġja rkupru fraġli, bil-PDG reali jiżdied b'0.9 %.

(9)       Il-Pajjiżi l-Baxxi kienu għażlu li jdewmu l-aġġustament fiskali sal-2011. Dan l-approċċ ġie endorsjat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 li speċifikament rrakkomandat li l-baġit tal-2010 jkun implimentat filwaqt li l-konsolidazzjoni għandha tibda biss fl-2011. Bi tweġiba, il-Pajjiżi l-Baxxi fasslu pakkett pluriennali ta' miżuri fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq in-nefqa matul il-perjodu 2011-2015. L-implimentazzjoni tal-miżuri sal-2013 fil-biċċa l-kbira tagħha qiegħda fit-triq it-tajba. Wara xi sopraprestazzjoni tal-PDG reali fl-2009 u fl-2010 meta mqabbel mat-Tbassir tal-Ħarifa tal-2009 tas-Servizzi tal-Kummissjoni tal-2009 sottostanti għar-Rakkomandazzjoni tal-EDP, il-prestazzjoni ekonomika fil-Pajjiżi l-Baxxi marret għall-agħar b’mod sinifikanti mill-2011 ’il quddiem. Dan irriżulta fi żvilupp simili fil-finanzi pubbliċi, b’xi sovraprestazzjoni inizjali għall-miri baġitarji sal-2011 bis-sena inkluża. Fl-2011, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika laħaq l-4.5 % tal-PDG u sussegwentement, tjieb sa -4.1 % tal-PDG fl-2012. Meta mmorru għall-forzi li xprunaw id-defiċit, iċ-ċaqliq fit-tkabbir ekonomiku affettwa l-aktar id-dħul tal-gvern. L-irkupru inizjali mill-kriżi finanzjarja, b’attività ekonomika akbar milli mistennija fl-2010 u l-ewwel parti tal-2011, għall-bidu wassal għal prestazzjoni pjuttost b’saħħitha fejn jirrigwarda d-dħul. Madankollu, sussegwentement id-dħul ma laħaqx dak li kien mistenni, b’mod partikolari fit-tieni nofs tal-2011 u fl-2012, b’riżultat ta’ tkabbir ekonomiku bati. Dan il-mudell negattiv mistenni jissokta, u b'mod ġenerali jmexxi miegħu il-prospettiva dgħajfa tad-defiċit. Ix-xejriet ġenerali jirriflettu sensittività ċiklika tad-dħul li l-Pajjiżi l-Baxxi tipikament jesibixxu.

(10)     Skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa tal-2013, id-defiċit tal-ammnistrazzjoni pubblika huwa mistenni li jkompli jitjieb għal 3.6 % tal-PDG fl-2013, minħabba miżuri ta’ konsolidazzjoni mdaqqsa l-aktar fuq in-naħa tad-dħul, notevolment iż-żieda fir-rata tal-VAT u żieda fis-sisa, filwaqt li fuq in-naħa tan-nefqa l-iffriżar ta-pagi għall-impjegati taċ-ċivil u n-nuqqas ta' indiċjar tal-kategoriji tat-taxxa fuq l-introjtu se jikkontribwixxu għall-konsolidazzjoni. Barra minn hekk, fl-2013 operazzjonijiet sinifikanti ta’ darba se jkollhom impatt fuq id-defiċit[3]. Il-bejgħ tal-liċenzji ta’ telefonija mobbli 4G u n-nazzjonalizzazzjoni ta’ SNS Reaal (li t-tnejn se jkollhom impatt fl-2013) b'mod ġenerali jikkanċellaw lil xulxin. Madankollu, kollox ma’ kollox, il-miżuri ta’ darba għandhom impatt ta' tnaqqis fuq id-defiċit ta’ madwar 0.2 % tal-PDG, b’mod partikolari dawk relatati mal-pagamenti tad-dividendi tad-De Nederlandsche Bank u r-restituzzjoni minn Havenbedrijf Rotterdam tal-kontribuzzjonijiet tal-istat għat-tkabbir tal-port. Miżuri speċifiċi u miftiehma li jkunu integrati fil-projezzjonijiet fiskali pluriennali jġorru magħhom iffrankar kontinwu fl-2014. Barra minn hekk, miżuri ta’ darba li joħorġu minn għejun ta' dividendi minn De Nederlandsche Bank u imposta tal-kriżi fuq il-banek se jkollhom effett l-isfel fuq id-defiċit nominali. Minkejja dan, peress li d-dħul hu mistenni li jibqa' bati fid-dawl ta' rkupru kajman, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika hu pprojjettat li jistabbilizza fil-livell ta’ 3.6 % tal-PDG fl-2014. It-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni ma jinkorporax il-pakkett ta’ konsolidament għall-2014 propost mill-gvern f’Marzu 2013 iżda imbagħad jitneħħa temporanjament b’reazzjoni għall-ftehim li ntlaħaq bejn l-imsieħba soċjali f’April 2013.

(11)     Riskji ta’ implimentazzjoni mhux negliġibbli huma mehmuża mal-prospetti fiskali għall-2014 u lil hinn. Fir-rigward ta’ miżuri integrati fil-ftehim ta' koalizzjoni, dawn ir-riskji joriġinaw prinċipalment minn kisbiet previsti fl-effiċjenza ppjanati li jintlaħqu permezz tad-deċentralizzazzjoni tal-kompiti lill-muniċipalitajiet. Fil-Pajjiżi l-Baxxi, ftehimiet ta’ koalizzjoni kienu tradizzjonalment jiġu implimentati fil-parti l-kbira mingħajr tibdil. Riċentement, kien hemm diversi eżempji ta’ bidliet sostantivi, b'reazzjoni pereżempju għar-rivalutazzjoni tal-pjanijiet oriġinali mis-sħab tal-koalizzjoni jew il-ftehim mas-sħab soċjali. Fi kwalunkwe każ, id-defiċit nominali previst għall-2014 jissuġġerixxi li hemm bżonn ta’ miżuri addizzjonali sostanzjali sabiex id-defiċit nominali jinġieb taħt it-3 % tal-PDG fl-2014.

(12)     Skont it-tbassir aġġornat tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-Rebbiegħa tal-2013, il-bilanċ strutturali huwa mistenni li jitjieb b’madwar 0,7 % tal-PDG kull sena bħala medja matul il-perjodu ta’ aġġustament 2010-2013 iżda huwa mbassar li jiddeterjora fl-2014 b’madwar 0,3 pp. Fuq il-bażi tal-SF2013, l-isforz fiskali annwali matul il-perjodu 2011-2013 għalhekk ikun qrib it-¾% tal-PDG meħtieġa. Meta aġġustat għar-reviżjoni sinifikanti 'l isfel fit-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni miż-żmien meta ħarġet ir-rakkomandazzjoni tal-PŻE fl-2009 u għall-impatt tar-reviżjonijiet dwar il-kompożizzjoni tat-tkabbir ekonomiku fuq id-dħul, l-isforz strutturali annwali medju (1.1 % tal-PDG) jaqbeż l-isforz fiskali annwali medju rakkomandat (¾% tal-PDG) matul l-2011-2013 meħtieġ skont ir-rakkomandazzjoni tal-EDP tal-Kunsill tal-2009 b’marġni sostanzjali. Il-Pajjiżi l-Baxxi jistgħu għalhekk jitqiesu li ħadu azzjoni effettiva f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Għall-perjodu 2011-2013, l-isforz fiskali ġenerali skont approċċ minn isfel għal fuq jammonta għal 4% tal-PDG, jew madwar 1.3 % tal-PDG kull sena, ġeneralment maqsuma ugwalment bejn il-miżuri ta’ dħul u dawk tan-nefqa. Il-valutazzjoni minn isfel għal fuq tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali li ttieħdu fis-snin 2010-2013 għalhekk tikkonferma l-konklużjoni li ttieħdet azzjoni effettiva mill-Pajjiżi l-Baxxi.

(13)     Id-dinamika tad-dejn fil-Pajjiżi l-Baxxi kienet sfavorevoli. Fl-2008, l-operazzjonijiet sinifikanti tal-gvern biex jappoġġja l-banek Olandiżi kienu fattur ewlieni li kompla jgħolli l-proporzjon tad-dejn tal-gvern, li żieduh għall-58.5 % minn 45,3 % tal-PDG fl-2007. Fil-perjodu 2008-2012 żdied b’mod sostnut għal 71.2% fl-2012. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn mistenni li jitla' aktar sa 74.6% tal-PDG fl-2013 u jilħaq 75.8% tal-PDG fl-2014. Fil-biċċa l-kbira dan huwa r-riżultat tad-defiċits noninali persistenti flimkien ma' tkabbir baxx tal-PDG nominali, filwaqt li l-operazzjonijiet tal-EFSF u l-ESM attribwiti għad-dejn tal-gvern għandhom biss effett ta' tkabbir relattivament żgħir. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn gross mistennija għall-2013 tinkludi operazzjonjijiet jkabbru d-djun ekwivalenti għal madwar 1% tal-PDG marbuta man-nazzjonalizzazzjoni ta’ SNS Reaal fil-bidu tal-2013 (minbarra miżuri li jżidu d-defiċit li jammontaw għal madwar 0,6 % tal-PDG).

(14)     Konsistenti mar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, meta wieħed iqis dawn il-fatturi kollha, partikolarment id-deterjorament sostanzjali fil-pożizzjoni baġitarja li tirriżulta minn pożizzjoni ġenerali aktar dgħajfa tal-ekonomija sottostanti meta mqabbla ma’ dik sottostanti tar-rakkomandazzjoni oriġinali tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) TFUE, tissuġġerixxi li data ta’ skadenza ġdida hija xierqa għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Olanda sal-2014.

(15)     Fl-isfond ta’ inċertezzi kbar rigward l-iżviluppi ekonomiċi u baġitarji, il-mira baġitarja rakkomandata għall-aħħar sena tal-perjodu ta’ korrezzjoni għandha tkun iffissata f’livell li jkun b’mod ċar taħt il-valur ta’ referenza, sabiex jiggarantixxi l-kisba effettiva u dewwiema tal-korrezzjoni qabel l-iskadenza mitluba.

(16)     L-għoti ta' sena addizzjonali għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv ikun jabel mal-miri intermedji tad-defiċit nominali ta' 3.6 % tal-PDG għall-2013 u 2.8% tal-PDG għall-2014. It-titjib sottostanti fil-bilanċ tal-baġit strutturali implikat minn dawn il-miri huwa 0.6 % tal-PDG fl-2013, u 0.7 % tal-PDG fl-2014. B’kollox, biex jintlaħqu l-miri strutturali msemmija hawn fuq, l-awtoritajiet Olandiżi jeħtiġilhom li jiżguraw li jitwettaq l-isforz strutturali previst fl-2013 u jadottaw miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni ta’ madwar 1 % tal-PDG fl-2014, minbarra l-miżuri li diġà huma inklużi fix-xenarju ta’ bażi. Dawn il-miri jikkunsidraw il-ħtieġa li jkun hemm kumpens għal effetti sekondarji negattivi ta’ konsolidazzjoni fiskali fuq il-finanzi pubbliċi, permezz tal-impatt fuq it-tkabbir tal-PDG.

(17)     Ir-rapport tas-sostenibbiltà fiskali tal-Kummissjoni Ewropea tal-2012 juri li l-Olanda ma taffaċċja l-ebda riskju ta’ stress fiskali fi żmien qasir. Il-pajjiż huwa f’riskju medju ta' sostenibbiltà f'terminu medju sa twil ta' żmien. Għalkemm ir-riforma tal-pensjonijiet tal-2013 huma pass pożittiv importanti, miżuri addizzjonali huma meħtieġa , b’mod partikolari dawk relatati mat-trażżin tan-nefqa tal-kura fit-tul, biex jiżguraw bis-sħiħ is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

(18)     Il-Pajjiżi l-Baxxi jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-amministrazzjoni pubblika kif stipulat fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1) L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom itemmu l-qagħda attwali ta’ defiċit eċċessiv mhux aktar tard mill-2014.

(2) Il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jilħqu mira tad-defiċit nominali ta’ 3.6 % fl-2013 u 2.8 % tal-PDG fl-2014, li hija konsistenti ma’ titjib fil-bilanċ strutturali ta’ madwar 0.6 % u 0.7 % tal-PDG rispettivament, abbażi tat-Tbassir aġġornat tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni.

(3) Il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jimplimentaw miżuri pluriennali diġà adottati fil-baġit tal-2013, filwaqt li jkunu lesti li jikkumpensaw għalihom jekk ir-rendiment tagħhom ikun inqas minn dak attwalment previst, u jimplimentaw miżuri addizzjonali suffiċjenti biex jiksbu korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-2014. Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tal-[1 ta' Ottubru] għall-Pajjiżi l-Baxxi biex jieħdu azzjoni effettiva u, skont l-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, biex jirrapportaw fid-dettall dwar l-istrateġija ta' konsolidazzjoni prevista biex jintlaħqu l-miri.

Barra min hekk, biex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali, se jkun importanti li l-konsolidazzjoni fiskali tkun appoġjata minn riformi strutturali komprensivi, f’konformità mar-rakkomandazzonijiet tal-Kunsill indirizzati lill-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tas-semestru Ewropew u b’mod partikolari dawk relatati mal-fergħa preventiva tal-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv tal-Pajiżil-Baxxi tinsab hawn:http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/netherlands_en.htm

[2]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

[3]               Din l-interpretazzjoni fuq il-klassifikazzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet ma tippreġudikax il-valutazzjoni formali tal-Eurostat.

Top