Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013BP0331

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali, biex iqisu l-ħtiġijiet ta’ nfiq li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0157 – C7-0074/2013 – 2013/2055(ACI))

    ĠU C 75, 26.2.2016, p. 148–150 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 75/148


    P7_TA(2013)0331

    Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali, biex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' nfiq li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali, biex iqisu l-ħtiġijiet ta’ nfiq li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0157 – C7-0074/2013 – 2013/2055(ACI))

    (2016/C 075/22)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0157),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod (1) (FII tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 29 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, kif adottat fit-12 ta’ Diċembru 2012 (2),

    wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2013 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, li l-Kummissjoni adottat fit-18 ta' Marzu 2013 (COM(2013)0156),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 1/2013, li l-Kunsill adotta fis-26 ta' Ġunju 2013 (11607/2013 – C7-0199/2013),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0247/2013),

    A.

    billi l-Kummissjoni, f’konformità mal-punt 29 tal-FII tas-17 ta’ Mejju 2006, b’mod parallel mal-baġit emendatorju Nru 1/2013, ressqet proposta lill-awtorità baġitarja li għandha l-għan li taġġusta l-qafas finanzjarju pluriennali sabiex fil-baġit 2013 jiġu inkorporati l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament meħieġa biex ikopru n-nefqa marbuta mal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni sa mill-1 ta' Lulju 2013,

    B.

    billi ż-żieda proposta ta’ EUR 666 miljun f’impenji u EUR 374 miljun f’pagamenti tirrifletti l-qbil dwar il-pakkett finanzjarju fil-Konferenza tal-Adeżjoni tat-30 ta' Ġunju 2011, għajr l-intestatura 5, peress li n-nefqa amministrattiva marbuta mal-adeżjoni tal-Kroazja hija diġà inkluża fil-baġit 2013,

    1.

    Jieħu nota tal-proposta għal deċiżjoni li temenda l-FII tas-17 ta’ Mejju 2006 kif imressqa mill-Kummissjoni, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar din il-proposta;

    2.

    Jenfasizza n-natura purament teknika ta’ din ir-reviżjoni, li sempliċement hija l-konsegwenza tal-ftehim unanimu dwar it-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (it-Trattat tal-Adeżjoni) bħala t-28 Stat Membru tal-Unjoni; jenfasizza li minħabba f'hekk ir-reviżjoni tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006 li jakkumpanja l-baġit emendatorju Nru 1/2013 inżammet separata mid-dibattitu politiku interistituzzjonali li għaddej bħalissa dwar kif għandha tkun solvuta l-kwistjoni tal-pagamenti pendenti mill-2012 u min-negozjati dwar il-baġit emendatorju Nru 2/2013;

    3.

    Ifakkar li, skont il-punt 29 tal-FII tas-17 ta’ Mejju 2006, ir-riżorsi li jiffinanzjaw l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni għandhom jiġu koperti permezz ta’ aġġustament tal-qafas finanzjarju, jiġifieri reviżjoni tal-limiti massimi tal-impenji u l-pagamenti għall-2013;

    4.

    Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-perjodu ta’ tmien ġimgħat stipulat fl-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 1) dwar ir-Rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea biex il-parlamenti nazzjonali jiġu infurmati dwar kull att leġiżlattiv ma għandux japplika għal kwistjonijiet baġitarji; jiddispjaċih, għalhekk, li minkejja t-terminu ta’ żmien ristrett ħafna għad-dħul fis-seħħ ta' dan l-aġġustament u tal-baġit emendatorju Nru 1/2013il-Kunsill xorta waħda ħalla dan il-perjodu jiskadi qabel ma adotta l-pożizzjoni tiegħu, u b’hekk naqqas iż-żmien għall-adozzjoni mill-Parlament kif provdut mit-Trattat;

    5.

    Jiddispaċih ukoll għad-diffikoltà li biha, saħansitra wara li skada t-terminu ta’ tmien ġimgħat, il-Kunsill laħaq qbil dwar din ir-reviżjoni, liema fatt wassal għal dewmien fid-disponibbiltà tal-finanzjament għall-Kroazja dovut sa mill-1 ta’ Lulju 2013; iwissi li dan jeħtieġ ma joħloqx preċedent għal tkabbir futur;

    6.

    Jilqa' l-fatt li l-Kunsill seta' eventwalment jaqbel mar-reviżjoni, mingħajr ebda kumpens, tal-limiti tal-pagamenti għall-2013 bl-ammont meħtieġ ta' EUR 374 miljun; iqis li, meta wieħed jikkunsidra l-ammont limitat ikkonċernat u n-nuqqas attwali ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-baġit 2013, dan huwa l-mod xieraq kif jiġi ssodisfat l-obbligu li ħadu l-Istati Membri huma u jiffirmaw it-Trattat ta’ Adeżjoni u kif jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tal-punt 29 tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006;

    7.

    Jiddeplora, madankollu, il-fatt li, fir-rigward tar-reviżjoni fl-impenji, il-Kunsill iddeċieda li ma jagħtix kas l-importanza politika tal-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni bħala tali, u minflok għażel li jikkumpensa l-approprjazzjonijiet meħtieġa; jikkonsidra l-fatt li dik il-pożizzjoni tikkontradixxi l-ispirtu tad-deċiżjoni unanima meħuda bl-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni kif ukoll tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006; jenfasizza li tali deċiżjoni tibgħat messaġġ politiku żbaljat mhux biss lill-Kroazja iżda wkoll lill-pajjiżi kandidati l-oħrajn; jenfasizza li dik id-deċiżjoni hija aċċettata biss għaliex tikkonċerna l-aħħar sitt xhur tal-QFP attwali (2007-2013); jindika li dan m'għandux jikkostitwixxi preċedent għal tkabbir futur li jista' jseħħ taħt il-QFP li jmiss (2014-2020);

    8.

    Jiddispjaċih li l-intestatura 5 ġiet identifikata bħala s-sors ewlieni għall-kumpens tal-impenji, peress li dan jaf iwassal għan-nuqqas ta’ riżorsi neċessarji biex ikopru l-aġġustamenti tas-salarji kkontestati fil-każ li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tasal qabel tmiem l-2013;

    9.

    Madankollu, minkejja l-importanza politika u l-urġenza ġuridika biex ikun żgurat il-finanzjament meħtieġ għall-Kroazja, jiddeċiedi li japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni hekk kif emendata mill-Kunsill;

    10.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    11.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, inklużi l-annessi, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 66, 8.3.2013.


    ANNESS

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali, biex iqisu l-ħtiġijiet ta’ nfiq li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

    (It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2013/419/UE.)


    Top