EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE2442

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għal pagamenti diretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013” COM(2013) 159 final — 2013/0087 (COD)

ĠU C 271, 19.9.2013, p. 143–143 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/143


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għal pagamenti diretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013”

COM(2013) 159 final — 2013/0087 (COD)

2013/C 271/27

Relatur Ġenerali: is-Sinjura SLAVOVA

Nhar it-8 u nhar is-16 ta’ April 2013, il- Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għal pagamenti diretti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013

COM(2013) 159 final — 2013/0087 (COD).

Nhar is-16 ta' April 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-22 ta' Mejju) li jaħtar lis-Sinjura SLAVOVA bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b'124 vot favur, u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-iffissar tar-rata ta' aġġustament tal-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja fir-rigward tal-2013 b'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 (1). Madankollu, hu jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni, ibbażata fuq il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li ntlaħaq qbil dwaru fil-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 (2), mhijiex legalment valida mingħajr il-qbil tal-Parlament Ewropew.

1.2

Il-KESE jaħseb li l-Kummissjoni u l-Parlament jistgħu jistħarrġu dwar il-possibilitajiet biex riżerva futura għal kriżijiet ma tużax iżżejjed ir-riżorsi mill-baġit tal-PAK. Jekk ir-riżerva kellha tiġi inklużu taħt l-intestatura 2 tal-QFP, għandi tiġi żgurata minn finanzjament addizzjonali. Konsegwentement, ir-rata ta’ aġġustament għal pagamenti diretti tista’ tirriżulta minn perċentwali iktar baxxa minn dik proposta mill-Kummissjoni, għall-benefiċċju tal-bdiewa.

1.3

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jagħmlu kull sforz meħtieġ biex jilħqu kompromess finali fi żmien qasir, u b'hekk jipprovdu ċ-ċertezza legali li mhux biss il-bdiewa iżda l-operaturi kollha f'kull settur tal-ekonomija tal-UE għandhom bżonn għall-ippjanar finanzjarju tagħhom.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1

Sabiex jiġi żgurat li l-ammonti għall-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ikunu konformi mal-QFP, jintuża mekkaniżmu ta' dixxiplina finanzjarja li jaġġusta l-livell tal-pagamenti diretti meta jkun imbassar li ser jinqabżu s-sottolimiti annwali għan-nefqa marbuta mas-suq u l-pagamenti diretti taħt l-intestatura 2 tal-QFP.

2.2

Bħala regola, il-bdiewa li jissottomettu applikazzjoni għall-għajnuna permezz ta' pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu f'perjodu fiss ta' pagament li jaqa' taħt is-sena finanzjarja (N+1). Fil-każ tas-sena kalendarja 2013, dan ifisser li l-perjodu ta' pagament ser ikun parti mill-QFP 2014-2020, li għadu ma ġiex adottat.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fid-dawl tal-implikazzjonijiet tad-distribuzzjoni mhux ugwali tal-pagamenti diretti bejn il-benefiċjarji żgħar u kbar, il-KESE jpoġġi importanza kbira fuq il-fatt li t-tnaqqis ikompli jiġi applikat biss għal ammonti li jaqbżu l-EUR 5 000.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(2)  EUCO 37/13.


Top