EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE1697

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa” COM(2013) 37 final

ĠU C 327, 12.11.2013, p. 26–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/26


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa”

COM(2013) 37 final

2013/C 327/06

Relatur: is-Sur ŠARMÍR

Nhar it-18 ta' Marzu 2013 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa

COM(2013) 37 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’140 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jieħu nota tal-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta' dan il-Green Paper u jaħseb li jirrifletti bidla pożittiva u ċara fl-approċċ tal-Kummissjoni għal prattiki kummerċjali inġusti (UTPs).

1.2

Il-KESE jqis l-użu ta' prattiki kummerċjali inġusti bħala mhux biss "inġusti" jew "mhux etiċi" iżda wkoll li jmorru kontra l-prinċipji legali fundamentali u kontra l-interess tal-provvista u d-domanda. Peress li dan ifisser, bħala fatt, l-abbuż ta' pożizzjoni fis-suq aktar b'saħħitha b'mod sinifikanti, nirrakkomandaw l-użu tat-terminu "prattiki kummerċjali abbużivi", li jintuża ta' spiss bil-Franċiż u bl-Ingliż, pereżempju.

1.3

Il-Kumitat iqis li fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-wisgħa u l-profondità attwali tal-prattiki kummerċjali inġusti huma r-riżultat tal-fużjonijiet u l-akkwisti li saru f'dawn id-deċennji reċenti.

1.4

Fil-fehma tal-Kumitat, ir-riżultati s'issa tal-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel mhumiex ċari l-approċċi proposti mhux suffiċjenti sabiex tiġi solvuta l-problema ta' prattiki inġusti. Għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ b'aktar inizjattivi.

1.5

Filwaqt li l-KESE ma jiddubitax li prattiki inġusti jistgħu jintużaw fi kwalunkwe tip ta' relazzjoni kuntrattwali, huwa konvint li s-sitwazzjoni hija partikularment gravi fir-rigward tan-negozju mas-supermarkets fuq naħa, u l-SMEs tal-biedja u tal-ikel min-naħa l-oħra. Hawnhekk hawn tipi u gradi differenti ta' abbuż li ma jidhru mkien ieħor.

1.6

Il-KESE huwa partikolarment kuntent li l-Kummissjoni tesprimi d-dubji tagħha b'mod espliċitu fil-Green Paper fir-rigward tal-eżistenza ta' libertà kuntrattwali vera u proprja fejn relazzjonijiet huma inugwali ħafna, u b'hekk taqbel mal-fehma tal-KESE.

1.7

Il-Kumitat jaħseb li l-Green Paper tal-Kummissjoni jaqbad b'mod tajjeb ħafna l-essenza u t-tipi ewlenin ta' prattiki kummerċjali inġusti. Madankollu, huwa tal-fehma soda li l-Kummissjoni għandha tipprovdi definizzjoni uniformi tal-UTPs simili għal dik diġà stabbilita fid-Direttiva 2005/29/KE, peress li l-prattiki msemmija fil-Green Paper jixbhu xi ftit "prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni" (1).

1.8

Il-UTPs huma iktar importanti fi ħdan "klima ta' biża'" fejn il-parti kontraenti l-iktar dgħajfa tibża' li titlef in-negozju tal-parti b'saħħitha. Hemm ukoll fost l-oħrajn il-każ fejn il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar jagħmlu pressjoni inġusta fuq il-fornituri tagħhom u/jew jgħaddu prezzijiet għoljin wisq lill-bejjiegħa bl-imnut u għalhekk lill-konsumaturi.

1.9

Fil-fehma tal-KESE, il-konsegwenzi ta' prattiki kummerċjali inġusti m'humiex ristretti għal relazzjonijiet bejn negozju u ieħor; u lanqas ma jaffettwaw biss il-partijiet kontraenti l-iktar dgħajfa. Il-konsumaturi huma vittmi wkoll, kif ukoll l-interessi ekonomiċi nazzjonali – dan il-fatt ma jiġix enfasizzat biżżejjed fil-Green Paper.

1.10

Il-KESE jaħseb li l-liġijiet li jwaqqfu prattiki kummerċjali inġusti adottati f'diversi Stati Membri jirriflettu l-fatt li s-sitwazzjoni attwali mhijiex aċċettabbli. Għalkemm għal diversi raġunijiet dawn il-liġijiet ma pproduċewx riżultati sodisfaċenti, ma jkunx minnu li ngħidu li ma sar xejn. Suċċess wieħed huwa trasparenza ikbar fil-qsim tal-benefiċċji u t-twaqqif tal-prattiki ta' estorsjoni l-iżjed esaġerati.

1.11

Għalkemm il-KESE m'għandux għalfejn jaħseb li l-adozzjoni ta' dawn il-liġijiet mill-Istati Membri xxekkel il-moviment ħieles ta' prodotti fl-UE, jista' jkun li jkun hemm xi restrizzjonijiet. Madankollu, l-ebda minn dawn il-liġijiet hija protezzjonista min-natura tagħha, u kollha japplikaw b'mod ugwali għan-negozji domestiċi u għal dawk minn Stati Membri oħra.

1.12

Il-KESE jirrakkomanda li kwalunkwe ħsieb dwar kif għandha tiġi indirizzata l-problema tal-UTPs għandu jibda min-nuqqas ta' libertà kuntrattwali f'uħud mir-relazzjonijiet.

1.13

Il-KESE jirrakkomanda li kull proposta fil-ġejjieni biex jiġu regolati r-relazzjonijiet kummerċjali mhux ugwali tqis ukoll il-"fattur tal-biża'". Għandha tiżgura l-bilanċ meħtieġ bejn il-partijiet sabiex ikun jista' jkollhom relazzjoni ġusta. Għal din ir-raġuni, l-għan ewlieni tar-regolazzjoni tal-UTPs ma jistax ikun biss li tiġi protetta l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa, iżda wkoll l-interess ekonomiku nazzjonali. Dan ifisser, pereżempju, li l-fornituri tal-ikel affettwati ma jkollhomx jieħdu sehem attiv fil-proċeduri amministrattivi u legali.

1.14

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropa biex tipproponi leġislazzjoni li tipprojbixxi l-UTPs. Din għandha tkun ibbażata fuq lista indikattiva tal-prattiki l-iżjed tipiċi li jużaw il-partijiet kontraenti l-iżjed b'saħħithom u maħsuba biex jittrasferixxu l-ispejjeż u r-riskji normali tagħhom għall-parti l-iktar dgħajfa.

1.15

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex taħdem mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali sabiex ifasslu, abbażi tal-esperjenza konkreta mġarrba tul id-deċennji li għaddew, reviżjoni radikali tar-regoli tal-kompetizzjoni attwali – u evidentement skaduti – sabiex jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta bbażata wkoll fuq skambju ġust ta' informazzjoni rilevanti f'dan il-qasam biex jirrifletti l-pożizzjonijiet dominanti reali.

2.   Daħla

2.1

Il-Green Paper joħloq distinzjoni bejn il-katini tal-provvista/distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel, li hija totalment ġustifikata peress li tal-ewwel għandha l-aspetti partikolari tagħha meta mqabbla ma' oħrajn.

2.2

Saret konsolidazzjoni sostanzjali fost il-kumpaniji li jagħmlu parti mill-katini ta' provvista/distribuzzjoni tul dawn l-aħħar żewġ deċennji, li wasslet għall-ħolqien ta' entitajiet li huma vera u proprja oligarkiji. Safejn huma kkonċernati l-katini ta' provvista/distribuzzjoni tal-ikel, dan huwa partikolarment vera fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, xi ftit inqas fl-industrija tal-ipproċessar, u l-inqas fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli. Dan irriżulta fi żbilanċji kbar fil-katina tal-provvista tal-ikel, peress li l-oligopolji għandhom saħħa ta' negozjar enormi ħdejn l-imsieħba kummerċjali tagħhom, li huma ħafna iżjed ifframmentati.

2.3

Il-KESE huwa konvint li l-iżbilanċji strutturali li ħarġu fid-dieher iwasslu biex jintużaw l-UTPs f'xi każijiet u li dawn il-prattiki ta' sikwit ma jmorrux biss kontra l-ġustizzja, l-onestà u l-etika, iżda wkoll kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi.

2.4

Il-Green Paper huwa żbaljat meta jgħid li l-UTPs ġew diskussi l-ewwel darba fil-livell tal-UE biss fl-2009. Din hija s-sena fejn dehru l-ewwel darba fuq l-aġenda uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Anke lura fl-2005, madankollu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien ħareġ opinjoni importanti (2) li – fi żmien meta l-kwistjoni tal-UTPs kienet għadha tabu – enfasizzat u kkritikat għadd ta' aspetti negattivi tal-imġieba tal-katini tal-bejgħ bl-imnut. Wieħed għandu jsemmi wkoll ir-rwol importanti li qdiet id-dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż tal-poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea (3) fl-2007, fejn il-Kummissjoni Ewropea ssejħet b'mod dirett biex tieħu l-passi meħtieġa sabiex titranġa s-sitwazzjoni.

2.5

Fil-fehma tal-KESE, ir-riżultati s'issa tal-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel huma xi ftit inċerti, peress li l-qafas propost għall-implimentazzjoni tal-prattika tajba ma wassalx għal ftehim dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-UTPs, kwistjoni li dwarha tliet Kummissarji esprimew id-dispjaċir tagħhom (4).

2.6

Ir-rapport tan-Netwerk tal-Kompetizzjoni Ewropew (ECN) jikkonferma li l-użu tal-UTPs huwa realtà, speċjalment fis-settur tal-ikel. Dan jaqbel mal-konvinzjoni tal-KESE li l-abbuż ta' pożizzjoni ekonomika iktar b'saħħitha mis-supermarkets fir-rigward tal-SMEs li huma produtturi u proċessuri tal-ikel huwa ħafna iżjed gravi milli huwa f'relazzjoni kuntrattwali oħrajn. Prova oħra ta' dan hija l-fatt li għal bosta snin kienu biss il-fornituri tal-ikel lill-katini l-kbar tal-bejgħ bl-imnut li lmentaw, u ħadd iżjed.

2.7

Il-KESE jieħu nota tal-istqarrija tal-Kummissjoni li l-UTPs jagħmlu ħsara lill-ekonomija tal-UE u mhux biss lir-relazzjoni kuntrattwali bejn żewġ intrapriżi.

3.   Definizzjoni ta' prattiki kummerċjali inġusti

3.1   Il-kunċett ta' prattiki kummerċjali inġusti

3.1.1

S'issa ħadd ma tefa' d-dubju b'mod uffiċjali fuq l-eżistenza tal-libertà kuntrattwali fir-relazzjonijiet kummerċjali - lanqas bejn is-supermarkets u l-SMEs li jipproduċu l-ikel. Sa reċentement, din il-libertà kienet wieħed mill-argumenti ewlenin mhux biss tas-supermarkets iżda wkoll tal-awtoritajiet pubbliċi kontra r-regolazzjoni tal-UTPs, li allegatament kienet se xxekkel din il-libertà. Il-KESE jaħseb li huwa sinifikanti ħafna li l-Green Paper abbanduna din il-pożizzjoni u jirrikonoxxi b'mod espliċitu li ma teżisti l-ebda libertà kuntrattwali meta jkun hemm inugwaljanza ċara fis-saħħa ekonomika bejn żewġ partijiet kontraenti.

3.1.2

Għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dan l-għarfien tan-nuqqas ta' libertà kuntrattwali huwa l-prerekwiżit fundamentali biex jinstabu soluzzjonijiet b'mod effettiv għall-problemi li jinħolqu min żbilanċji eżistenti fin-netwerk tal-provvista/distribuzzjoni, fuq kollox fil-każ tal-ikel.

3.1.3

F'din it-taqsima tal-Green Paper il-Kummissjoni Ewropea taqbad b'mod tajjeb ħafna l-essenza u t-tipi ewlenin ta' UTPs. F'relazzjonijiet bejn is-supermarkets u l-fornituri tal-ikel b'mod partikolari, il-parti l-iżjed dgħajfa m'għandhiex għażla alternattiva, peress li huma ftit ħafna l-klijenti ewlenin fis-suq, u iżjed importanti, kollha jittrattaw il-fornituri b'mod simili ħafna.

3.1.4

Diversi eżempji ta' UTPs imsemmija fil-Green Paper joħorġu fid-dieher li xi xerrejja ma joqogħdux lura milli jużaw kwalunkwe mezz possibbli biex jiksbu benefiċċji żejda u kompletament mhux mistħoqqa bi ħsara għall-parti l-oħra. Forma ta' pagament partikolari hija għal servizzi fittizji jew servizzi li ma ntalbux u li m'għandhomx l-ebda valur għall-parti l-oħra.

3.1.5

Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:

Mistoqsija 1: Il-KESE jaħseb li l-Green Paper għandu joffri definizzjoni tal-UTPs simili għal dik li diġà ngħatat fid-Direttiva 2005/29/KE. Madankollu, jaqbel mal-elementi u l-parametri li, skont il-Green Paper, huma l-karatteristiċi ewlenin ta' sitwazzjonijiet bil-UTPs.

Mistoqsija 3: Il-kunċett tal-UTPs m'għandux ikun limitat għal negozjati kuntrattwali, iżda għandu jkopri t-tul kollu tar-relazzjoni kummerċjali.

Mistoqsija 4: Fit-teorija, il-UTPs jistgħu jseħħu fi kwalunkwe stadju tal-katina tal-provvista/distribuzzjoni, iżda jistgħu jseħħu biss fil-forma li qed tiġi diskussa f'relazzjonijiet bejn supermarkets u SMEs li huma produtturi u proċessuri tal-ikel. M'hemmx indikazzjoni, pereżempju, li kumpaniji multinazzjonali tal-ikel, li huma wkoll oligopolji, jitolbu lill-fornituri tagħhom għal miżati għal listi jew ħlas għal servizzi fittizji. Madankollu, jridu jissemmew ukoll każijiet fejn kumpaniji multinazzjonali tal-ikel jagħmlu mod li l-provvista tal-prodotti (mixtieqa) tagħhom tkun fuq il-kundizzjoni li prodotti simili ma jinkisbux mill-kompetituri tagħhom.

Mistoqsija 5: Il-fattur tal-biża' huwa realtà familjari, b'mod partikolari fir-relazzjonijiet bejn il-katini tal-bejgħ bl-imnut u l-SMEs li huma produtturi tal-ikel. Din il-biża' ġejja mit-theddida espliċita jew impliċita li l-kummerċ mal-fornitur jitwaqqaf u b'hekk jinħolqu diffikultajiet ekonomiċi serji b'konsegwenza għall-fornitur. Kwalunkwe sforz biex jiġu regolati l-UTPs irid iqis il-fattur tal-biża', għaliex dan jgħawweġ kull aspettattiva li l-fornitur se jilmenta, jew jagħti evidenza, fil-każ ta' proċeduri amministrattivi jew legali.

3.2   Eżempji ta' prattiki kummerċjali inġusti

3.2.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea hawnhekk qed tuża informazzjoni minn għadd ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali. Barra minn dawk imsemmija, nirrakkomandaw b'mod partikolari l-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Franċiżu u Ċeki, li għandhom esperjenza diretta fl-implimentazzjoni tal-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-UTPs. Huma u jwettqu l-ispezzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet dwar il-liġi kontra l-monopolji għandhom id-dritt li jeżaminaw id-dokumenti tal-kontabilità (kuntratti, fatturi, dikjarazzjonijiet bankarji, eċċ.) li jistgħu jagħtu prova diretta tal-użu ta' UTPs.

3.2.2

Dawn l-eżempji mogħtija mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit, ta' Spanja u tal-Irlanda juru li huwa żball li wieħed jirriferi għal ħafna mill-prattiki li jintużaw biss bħala "mhux etiċi", peress li huwa ċar li jmorru lil hinn mil-legalità (b'mod speċjali fejn huma involuti "ibbulljar u intimidazzjoni").

3.3   Effetti potenzjali ta' prattiki kummerċjali inġusti

3.3.1

M'hemmx dubji dwar l-impatt negattiv tal-użu mill-parti l-iżjed b'saħħitha tal-UTPs kontra l-parti l-iktar dgħajfa, u s-soffokar tal-investiment u tal-innovazzjoni fil-produzzjoni huwa l-konsegwenza loġika ta' dan. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, l-impatt fuq il-konsumaturi ma jintweriex b'mod adegwat, peress li jfisser ħafna iżjed minn sempliċiment li l-innovazzjoni tixxekkel. Minkejja dan, din it-taqsima tinjora għal kollox it-theddida għall-interessi ekonomiċi nazzjonali, li tissemma xi ftit qabel fil-Green Paper. Din it-theddida tidher l-iżjed fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, fejn is-supermarkets huma kompletament f'idejn l-intrapriżi minn Stati Membri oħra. Meta wieħed iqis li produtturi domestiċi - il-maġġoranza kbira tagħhom SMEs - mhumiex kapaċi jlaħħqu ma' kondizzjonijiet li ta' spiss isarrfu f'estorsjoni vera u proprja, is-settur agroalimentari kollu f'dan ir-reġjun qed jikkollassa u pajjiżi li tradizzjonalment kienu awtosuffiċjenti fil-produzzjoni tal-ikel ewlieni tagħhom fil-biċċa l-kbira tagħhom tilfu s-sigurtà tal-ikel tagħhom. B'hekk importazzjonijiet li ta' sikwit huma ta' kwalità dubjuża qed jieħdu post il-produzzjoni domestika.

3.3.2

Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:

Mistoqsija 6: Il-UTPs jintużaw bħala rutina fis-settur tal-ikel, b'mod speċjali mis-supermarkets, fir-relazzjonijiet kummerċjali ta' kuljum.

Mistoqsija 7: Il-fornituri ta' komoditajiet barra minn prodotti tal-ikel evidentement huma vittmi tal-UTPs mill-katini tal-bejgħ bl-imnut, iżda mhux sal-istess punt. Dan huwa minħabba li huma inqas dipendenti fuq netwerks kbar tal-bejgħ bl-imnut, peress li l-fornituri tal-ġugarelli, tal-prodotti tal-isports jew ħwejjeġ, pereżempju, għandhom firxi ħafna ikbar ta' xerrejja potenzjali milli għandhom il-produtturi tal-ikel. Il-prattiki kummerċjali inġusti jinsabu fil-kummerċ tas-settur tal-bejgħ bl-imnut kemm alimentari kif ukoll dak mhux alimentari, u peress li jindikaw l-istess problema bħal dik deskritta fl-opinjoni dwar il-katina tat-twassil tal-ikel, insibu l-istess relazzjoni żbilanċjata bejn parti b'saħħitha (min jagħti l-franchise/ktajjeb) u ħafna partijiet dgħajfa (min jieħu l-franchise) u fejn b'konsegwenza t'hekk japplika l-istess prinċipju ta' nuqqas ta' libertà fin-negozjar tal-kuntratti (ta' negozju). Min jieħu l-franchise jiffirma kuntratt inizjali bil-kundizzjonijiet stabbiliti minn min jagħti l-franchise u m'għandu l-ebda għażla jekk irid jieħu l-kuntratt. Il-kummenti li saru dwar il-fattur tal-ansjetà, u l-ispejjeż tad-distribuzzjoni (min jagħti l-franchise) li jiġu trasferiti lill-fornituri (min jieħu l-franchise) mingħajr kumpens/valur ogħla għal min jieħu l-franchise, japplikaw hawnhekk ukoll. Matul it-twettiq tal-kuntratt, min jagħti l-franchise ħafna drabi jagħmel tibdil unilaterali għall-ftehim li jkun sar permezz ta' "struzzjonijiet", u għalhekk ma jkunux parti mill-kuntratt.

Mistoqsija 8: Il-UTPs għandhom impatt kbir fuq il-kapaċità tal-SMEs tal-biedja u tal-ikel biex jinvestu u jinnovaw. L-investiment biex jiġu protetti aspetti ta' interess pubbliku - bħall-ambjent, il-kondizzjonijiet ta' xogħol, il-benessri tal-annimali u l-klima - huwa inqas minħabba d-dipendenza fuq għadd żgħar ta' xerrejja u l-inċertezza li tinħoloq minn din is-sitwazzjoni.

Mistoqsija 9: L-impatt tal-UTPs fir-relazzjonijiet bejn intrapriża u oħra fuq il-konsumaturi huwa analizzat fid-dettall fi studju speċifku (5). Is-sistema attwali hija ta' ħsara għall-konsumaturi, b'mod partikolari fuq medda twila ta' żmien, peress li l-investiment ma jinkludix il-produzzjoni sostenibbli u l-innovazzjoni. Fuq medda twila ta' żmien, huma telliefa wkoll minħabba l-falliment tas-suq f'oqsma bħall-ambjent, il-klima, il-kondizzjonijiet ta' xogħol u l-benessri tal-annimali. Fl-interessi tal-ġlieda kontra dan, għalina jidher li huwa iżjed aċċettabbli li l-konsumaturi jħallsu ftit iżjed issa għall-ikel, peress li l-kompetizzjoni bejn il-katini tal-bejgħ bl-imnut bħalissa hija msejsa biss fuq l-inqas prezz possibbli għall-konsumatur, u kollox jiġi sagrifikat għalih.

Mistoqsija 10: M'hemmx dubju li l-UTPs għandhom effett negattiv fuq kif jopera s-suq uniku, peress li jirrestrinġu b'mod sinifikanti l-opportunitajiet għal operaturi żgħar u ta' daqs medju li jħallu l-marka tagħhom. Fil-fatt, il-bejjiegħa bl-imnut jiddeċiedu x'jista' jinbiegħ fejn, u f'ħafna każijiet il-kriterju mhuwiex l-aħjar valur għall-flus, iżda "rieda" jew "kapaċità" ikbar li jiġu aċċettati l-UTPs.

4.   Oqfsa legali dwar prattiki kummerċjali inġusti

4.1

Żewġ fatti joħorġu fid-dieher minn analiżi tal-oqfsa legali attwali fil-livell tal-Istati Membru u tal-UE. L-ewwel nett l-użu tal-UTPs minn xi atturi ekonomiċi b'saħħithom issa jafu kulħadd u huwa fatt, u l-awtoritajiet adatti f'diversi Stati Membri kkonkludew li s-sitwazzjoni attwali titlob għal regolazzjoni.

4.2

L-estent attwali tal-UTPs, b'mod speċjali f'relazzjonijiet bejn katini kbar tal-bejgħ bl-imnut u l-produtturi tal-ikel joħroġ fid-dieher l-ewwel nett li l-leġislazzjoni dwar il-kompetizzjoni hija skaduta. Xi tipi ta' UTP jenfasizzaw id-distorsjoni gravi tal-ambjent kompetittiv u l-eżistenza ta' pożizzjonijiet tabilħaqq dominanti li l-leġislazzjoni attwali dwar il-monopolji tonqos milli tindirizza.

4.3

Barra mir-reviżjoni għal-leġislazzjoni dwar il-kompetizzjoni, il-KESE jaħseb li huwa kompletament leġittimu li jiġi pprojbit fil-livell tal-UE l-użu ta' ċerti UTPs definiti u b'hekk tinħoloq l-armonizzazzjoni meħtieġa ta' ambjent legali fejn hemm ħafna differenzi. Madankollu, irid ikun hemm rabta loġika bejn ir-regolazzjonit al-UTPs u l-leġislazzjoni riveduta dwar il-monopolji sabiex jiġi żgurat li huma biss l-inizjaturi loġiċi ta' kuntratti mal-UTPs - jiġifieri l-partijiet f'pożizzjoni dominanti - li jiġu sanzjonati.

4.4

Sabiex tkun effettiva, din ir-regolazzjoni armonizzata trid tqis "it-theddida tat-tneħħija mil-lista" u b'hekk in-nuqqas ta' kapaċità tal-partijiet kontraenti iktar dgħajfa, b'mod speċjali l-SMEs li huma fornituri lis-supermarkets, biex jilmentaw; trid tkun konċepita biex tagħmel iktar minn sempliċiment tindirizza l-problemi fir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi.

4.5

Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:

Mistoqsija 11: Ir-regolazzjoni tal-UTPs li ġiet adottata f'xi Stati Membri s'issa ma wasslitx għal riżultati sodisfaċenti. Ir-raġuni għal dan, fil-fehma tal-KESE, hija parzjalment minħabba li l-biċċa l-kbira ta' din ir-regolazzjoni ġiet adottata biss relattivament reċenti (fl-Italja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u r-Rumanija), iżda wkoll minħabba li l-premessa legali warajha ma tistrieħx espliċitament fuq in-nuqqas ta' libertà kuntrattwali, għakemm ir-rikonoxximent fih innifsu li l-UTPs qed jintużaw jimplika li l-affarijiet mhumiex mexjin sew safejn hija kkonċernata l-libertà kuntrattwali. Ikun ħażin, madankollu, li wieħed jgħid li dawn il-liġijiet ma kisbu xejn. Fil-pajjiżi fejn ġew adottati, il-kondizzjonijiet kuntrattwali l-iżjed barra min-normal m'għadhomx jiġu imposti u s-supermarkets iridu jużaw metodi iktar sofistikati jekk jixtieq jiggwadanjaw vantaġġi li għalihom mhumiex intitolati. L-ikbar progess sar fi Franza fejn il-pressjoni tal-leġislazzjoni u tal-azzjoni ta' infurzar naqqset ir-ribass lill-fornituri għal livell aċċettabbli (10 għal 15 % minflok 50 sa 60 % fil-passat) (6). Ir-riżultat ta' dan huwa ħafna iżjed trasparenza fid-distribuzzjoni ta' benefiċċji fil-katina tal-provvista tal-ikel.

Mistoqsija 12: Kemm huwa urġenti li tiġi adottata liġi ddedikata jiddipendi, fost oħrajn, fuq l-iskala tal-użu tal-UTPs, iżda din tvarja minn pajjiż għal ieħor. Hemm sitwazzjonijiet differenti fin-Nofsinhar tal-Ewropa, fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kif ukoll fit-Tramuntana tal-Ewropa. Kull reġjun għandu wkoll kultura u tradizzjoni legali kemm xejn differenti minn reġjuni oħra. Huwa għalhekk li xi pajjiżi diġà għandhom qafas regolatorju (jew awtoregolatorju) filwaqt li oħrajn m'għandhomx.

Mistoqsija 14: Il-KESE huwa konvint li l-mizuri ta' armonizzazzjoni ġodda għandhom jiġu adottati fil-livell tal-UE (ara l-punti 4.2, 4.3 u 4.4. hawn fuq).

Mistoqsija 15: Diġà huwa apparenti ċertu effett pożittiv tar-regolazzjoni (ara hawn fuq). Hemm xi tħassib dwar l-introduzzjoni tar-regolazzjoni f'dan il-qasam, iżda dan jinvolvi l-assunzjoni ta' libertà kuntrattwali. Peress li fir-realtà din ma teżistix fir-relazzjonijiet kuntrattwali kkonċernati, dan it-tħassib huwa bla bażi.

5.   Infurzar tar-regoli kontra prattiki kummerċjali inġusti

5.1   Mekkaniżmi ta' infurzar fil-livell nazzjonali

5.1.1

Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni Ewropea li l-mekkaniżmi li qed jiġu implimentati bħalissa fil-livell nazzjonali kontra l-UTPs ġeneralment mhumiex adegwati. Dan huwa l-iżjed minħabba li jonqsu milli jqisu ċerta klima ta' biża' li tinħoloq min-nuqqas ta' libertà kuntrattwali reali u t-theddida li titneħħa mil-lista. Dawn il-problemi s'issa ġew indirizzati bl-aħjar mod fi Franza, fejn l-awtorità superviżorja tista' taġixxa abbażi ta' informazzjoni mhux uffiċjali u fuq inizjattiva proprja tagħha. Is-suppressjoni tal-UTPs hija bbażata wkoll fuq il-protezzjoni tal-interess ekonomiku nazzjonali u mhux fuq il-ħarsien tal-parti kontraenti l-iktar dgħajfa.

5.1.2

Filwaqt li xi Stati Membri għandhom liġijiet li jiġġieldu kontra l-użu ta' prattiki kuntrattwali inġusti, oħrajn m'għandhomx. Barra minn hekk, hemm differenzi sinifikattivi bejn liġi individwali. M'hemmx dubju li dawn iż-żewġ fatti jikkostitwixxu ċertu xkiel għall-kummerċ transkonfinali (mistoqsija 16).

5.1.3

Fil-fehma tal-KESE, l-uniku approċċ komuni li jagħmel sens biex jiġi indirizzat l-impatt negattiv ta' differenzi fil-leġislazzjoni applikabbli jkun li tiġi adottata leġislazzjoni armonizzata li timmira lejn l-użu tal-UTPs (mistoqsija 17).

5.2   Mekkaniżmi ta' infurzar fil-livell tal-UE

5.2.1

Il-KESE jaqbel mal-istqarrija tal-Kummissjoni li bħalissa m'hemm l-ebda mekkaniżmu speċifiku fil-livell tal-UE sabiex jiġu miġġielda l-UTPs. Huwa konvint ukoll tal-bżonn – jekk se jingħeleb il-fattur tal-biża' – li l-awtoritajiet nazzjonali f'dan il-qasam jingħataw is-setgħat biex jaġixxu fuq inizjattiva proprja tagħhom, li jirċievu ilmenti anonimi jew mhux uffiċjali u jimponu sanzjonijiet (mistoqsija 18).

6.   Tipi ta' prattiki kummerċjali inġusti

6.1

Il-KESE jaqbel li l-UTPs iseħħu matul il-katina ta' provvista alimentari u mhux alimentari, iżda huwa konvint – f'konformità ma' dak li ntqal hawn fuq – li s-sitwazzjoni tilħaq l-agħar tagħha fir-relazzjonijiet bejn is-supermarkets u l-SMEs li huma produtturi.

6.2

Fejn il-lista hija kkonċernata, mhuwiex ċar x'qed jiġi kkunsidrat għall-miżata li l-fornitur potenzjali jrid iħallas. Fil-maġġoranza kbira tal-każi, anke l-ħlas ta' din il-miżata – li hija kondizzjoni preliminarja u neċessarja ta' kull għamla ta' relazzjoni kummerċjali – ma jagħtix lill-fornitur xi garanzija li x-xerrej se jieħu l-prodotti inkwistjoni u li mhuwiex, għall-ebda raġuni, se jaqtgħu mil-lista.

6.3

Ribassi għall-fornituri huma parti li saret rutina tal-prattika attwali tal-katini l-kbar tal-bejgħ bl-imnut. Il-KESE jaħseb li mill-inqas il-benefiċċju ġenerali tagħhom huwa dubjuż. Minn naħa, ir-ribassi għall-fornituri huma simbolu tal-abbuż ta' pożizzjoni dominanti reali, peress li ta' sikwit jaħbu warajhom servizzi mhux mitluba u fittizji; min-naħa l-oħra, joħolqu nuqqas sinifikanti ta' trasparenza fir-rigward id-distribuzzjoni tal-benefiċċji. L-eżistenza ta' ribassi għall-fornituri jfisser li l-fornituri (u osservaturi minn barra) jsibuha diffiċli ħafna jaċċertaw kemm fil-fatt ħallsu għall-prodotti forniti. Fir-realtà, l-ordni biex jiġu forniti prodotti hija bil-kondizzjoni li jiġu aċċettati s-servizzi offruti mix-xerrej. Fil-fehma tal-KESE, miżati għal servizzi reali u ġustifikati pprovduti mix-xerrej lill-fornitur għandhom jiġu inklużi fil-prezz tax-xiri tal-ikel.

6.4

Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:

Mistoqsija 19: Aħna konna nżidu mal-lista tal-UTPs il-ħlas għal servizzi fittizji u mhux mitluba, pagamenti wisq għoljin għal servizzi li jiġu pprovduti u t-trasferiment lill-fornitur tar-riskju kummerċjali u l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni fis-suq.

Mistoqsija 20: Lista ta' UTPs hija prerekwiżit sabiex jiġu miġġielda dawn il-prattiki. Naturalment, din trid tkun aġġornata regolarment. Iżda listi waħedhom mhumiex biżżejjed. Definizzjoni wiesgħa biżżejjed tal-UTPs trid tiġi proposta li tkopri kwalunkwe każ li jonqos li jissodisfa d-definizzjoni wiesgħa ta' "prattika kummerċjali tajba" f'termini ta' "bona fede", "bilanċ kuntrattwali" u r-regoli komuni tan-negozji fis-setturi rilevanti tal-ekonomija.

Mistoqsija 21: Il-KESE jaħseb li kull ħolqa fil-katina tal-provvista kollha kemm hi għandha tassumi r-responsabbiltà għall-ispejjeż u r-riskji naturali tagħha, u b'hekk naslu għal sehem ġust fil-marġini ġenerali. Fi kliem ieħor, il-produttur għandu jħallas għall-ispejjeż u r-riskji involuti fil-produzzjoni, u l-bejjiegħ bl-imnut għal dawk involuti fil-bejgħ.

Mistoqsija 23: Il-KESE jaħseb li prattiki ġusti għandhom jiġu inkorporati f'qafas fil-livell tal-UE.

Mistoqsija 24: Il-KESE huwa konvint li strument leġislattiv vinkolanti bħal regolament għandu jiġi adottat fil-livell tal-UE.

Mistoqsija 25: Fil-fehma tal-KESE l-Green Paper ma jitfax biżżejjed attenzjoni fuq l-evalwazzjoni tal-impatt tal-użu tal-UTPs fir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi (B2B) fuq il-konsumaturi u fuq l-interess ekonomiku nazzjonali.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali

Henri MALOSSE


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE,"Prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni",ĠU C 271, 19.09.2013, p. 61-65

(2)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 44 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ara d-dikjarazzjoni bil-miktub tal-MPEs Nru. 0088/2007. Written declaration on investigating and remedying the abuse of power by large supermarkets operating in the European Union (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Kummissjoni Ewropea, Stqarrija għall-Istampa, Brussell, 5 ta' Diċembru 2012, Improving the functioning of the food supply chain (Intejbu kif tiffunzjona l-katina tal-provvista tal-ikel) (mhux disponibbli bil-Malti)

(5)  Consumers International, The relationship between supermarkets and suppliers: What are the implications for consumers?, 2012.

(6)  Informazzjoni mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Kompetizzjoni, Affarijiet tal-Konsumatur u Kontroll tal-Frodi, ta' Franza.


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 1.10

Ibdel it-test kif ġej:

"Il-KESE jaħseb li l-liġijiet li jwaqqfu prattiki kummerċjali inġusti adottati f'diversi Stati Membri jirriflettu l-fatt li s-sitwazzjoni attwali mhijiex aċċettabbli. Għalkemm għal diversi raġunijiet dawn il-liġijiet ma pproduċewx riżultati sodisfaċenti, ma jkunx minnu li ngħidu li ma sar xejn. Suċċess wieħed huwa Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir fir-rigward tat-trasparenza fl-iffissar tal-prezzijiet ikbar fil-qsim tal-benefiċċji u t-twaqqif tal-prattiki ta' estorsjoni l-iżjed esaġerati għadu 'l bogħod wisq milli jsir realtà."

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

54

Kontra

:

63

Astensjonijiet

:

27


Top