This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012PC0143
Proposal for a COUNCIL DECISION on the signing, on behalf of the European Union, of the Agreement between the European Union and Canada on customs cooperation with respect to matters related to supply chain security
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista
/* COM/2012/0143 final - 2012/0072 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista /* COM/2012/0143 final - 2012/0072 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Il-kuntest tal-proposta Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada fil-qasam
doganali huma bbażati fuq il-Ftehim dwar kooperazzjoni doganali u
assistenza reċiproka fi kwistjonijiet doganali[1] (is-CMAA) li daħal
fi-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1998. F’Diċembru 2005, l-aġenzija
għas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada (CBSA) uriet l-interess tagħha
biex nimxu 'l quddiem b'kooperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Kanada dwar
is-sigurtà tal-katina tal-provvista. Wara serje ta' skambji ta' fehmiet, instab
ftehim bejn il-Kummissjoni u s-CBSA dwar il-kamp ta' applikazzjoni possibbli
tal-Ftehim il-ġdid li jespandi l-kooperazzjoni doganali bejn l-UE u
l-Kanada. Fis-26 ta’ Novembru 2009,
il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ
negozjati mal-Kanada. In-negozjati tnedew f’Mejju 2011. In-negozjati rriżultaw fl-abbozz tal-Ftehim
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward
kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista (l-abbozz
tal-Ftehim) li jibni fuq u jespandi s-CMAA. L-abbozz tal-ftehim se
jistabbilixxi bażi legali għall-kooperazzjoni doganali bejn l-UE u
l-Kanada dwar kwistjonijiet tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u
l-ġestjoni tar-riskji, inkluż it-tisħiħ tal-aspetti
relatati mad-dwana għall-garanzija tal-katina loġistika
tal-kummerċ internazzjonali filwaqt li fl-istess ħin jiffaċilita
l-kummerċ leġittimu; jistabbilixxu standards minimi, safejn huwa
prattikabbli, għal tekniki tal-ġestjoni tar-riskji u r-rekwiżiti
u programmi relatati; jaħdmu lejn u, fejn xieraq, jistabbilixxu
rikonoxximent reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji,
standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà, sigurtà tal-kontejners u programmi
ta' sħubija kummerċjali inklużi miżuri ta'
faċilitazzjoni tal-kummerċ ekwivalenti; jiskambjaw informazzjoni
għas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskji soġġetta
għall-kunfidenzjalità tar-rekwiżiti tal-informazzjoni u l-protezzjoni
tad-dejta personali stabbiliti fl-Artikolu 16 tas-CMAA u
fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Partijiet Kontraenti; jistabbilixxi
punti ta' kuntatt għal dan il-għan; jintroduċu, fejn xieraq,
interfaċċja għall-iskambju tad-dejta, inkluż dejta
għal qabel il-wasla jew qabel it-tluq; jiżviluppaw strateġija li
tippermetti lill-awtoritajiet doganali jaħdmu f'kooperazzjoni fil-qasam
tal-ispezzjoni tal-merkanzija; jikkollaboraw, safejn prattikabbli, fi kwalunkwe
fora multilaterali fejn kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina
tal-provvista jistgħu adegwatament jitqajmu u jiġu diskussi. L-abbozz tal-ftehim jikkostitwixxi espansjoni
tas-CMAA skont l-Artikolu 23 tas-CMAA, li jistipula li l-Partijiet
Kontraenti jistgħu jespandu s-CMAA bil-ħsieb li jżidu l-livelli
tal-kooperazzjoni doganali u jissupplimentawhom permezz ta' ftehim fuq setturi
jew affarijiet speċifiċi. Is-CMAA se jibqa' l-kappa ġenerali
għall-kooperazzjoni doganali bejn il-Partijiet Kontraenti u l-istruttura
istituzzjonali tas-CMAA huwa propost li tiġi estiża biex tkopri wkoll
l-abbozz tal-Ftehim. Fil-prattika, il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni
Doganali UE-Kanada (KKKD), stabbilit taħt l-Artikolu 20 tas-CMAA, se
jamministra ż-żewġ Ftehimiet u se jingħata s-setgħa li
jadotta deċiżjonijiet implimentattivi meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni
domestika rispettiva tal-Partijiet Kontraenti[2],
eż. dwar l-għarfien reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni
tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà u programmi
tas-sħubija kummerċjali. 2. Riżultati
tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u valutazzjonijiet tal-impatt L-Istati Membri ġew ikkonsultati fil-qafas
tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Unjoni Doganali. M'hemmx bżonn ta' valutazzjoni tal-impatt. 3. Elementi legali tal-proposta Il-Kunsill hu mitlub li jadotta
deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-abbozz tal-Ftehim
ibbażata fuq l-Artikolu 207(4) l-ewwel subparagrafu, flimkien
mal-Artikolu 218(5)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea. Il-proposta taqa’ taħt il-politika komuni
tal-kummerċ, li hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk,
il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. 4. Implikazzjonijiet
baġitarji Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni
baġitarja għall-baġit tal-Unjoni. 5. Kwistjoni orħra L-abbozz tal-Ftehim huwa konsistenti
mal-għanijiet u l-azzjonijiet identifikati mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni
tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE.[3] Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-abbozz ta' Ftehim hija ppreżentata
fl-istess waqt li qed titressaq din il-proposta għal deċiżjoni
tal-Kunsill fuq il-konklużjoni tal-abbozz tal-Ftehim. 2012/0072 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea,
tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali
rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4)
l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) L-Unjoni Ewropea u l-Kanada
għandhom jespandu l-kooperazzjoni doganali tagħhom biex tkopri
materji tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskji
relatati bil-ħsieb li jżidu s-sigurtà tat-totalità tal-katina loġistika
u fl-istess ħin jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu. (2) Għal dan il-għan,
fis-26 ta' Novembru 2009 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni
biex tiftaħ negozjati mal-Kanada. Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem
l-Unjoni, Ftehim dwar kooperazzjoni doganali dwar affarijiet relatati ma'
sigurtà tal-katina tal-provvista u ġestjoni tar-riskji relatati. (3) Il-Ftehim għandu jkun
iffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni
tiegħu f'data ulterjuri, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u
l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati ma'
sigurtà tal-katina tal-provvista huwa hawnhekk approvat f'isem l-Unjoni, soġġett
għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi. It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din
id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill se
jistabilixxi l-istrument ta' setgħat sħaħ biex jiffirma
l-Ftehim, suġġett għall-konklużjoni tiegħu,
għall-persuna/i indikata/i min-negozjatur tal-Ftehim. Artikolu 3 Din
id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil- […]. Magħmula fi Brussel, Għall-Kunsill Il-President ANNESS ABBOZZ TA' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar
il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina
tal-provvista L-UNJONI EWROPEA u l-KANADA, ("il-Partijiet
Kontraenti"), Jirrikonoxxu l-ħtieġa biex
iżidu s-sigurtà tat-totalità tal-katina loġistika għall-Kanada u
l-Unjoni Ewropea u fl-istess ħin jiġi ffaċilitat il-kummerċ
leġittimu; Jirrikonoxxu r-relazzjonijiet fit-tul,
mill-qrib u produttivi bejn l-awtoritajiet doganali tal-Kanada u tal-Unjoni
Ewropea; Jirrikonoxxu li dawn ir-relazzjonijiet
jistgħu jittejbu permezz ta' kooperazzjoni eqreb dwar is-sigurtà
tal-kontejners u kwistjonijiet oħra relatati mas-sigurtà tal-katina
tal-provvista bbażati, safejn prattikabbli, fuq ir-rikonoxximent
reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskji,
kontrolli tas-sigurtà u programmi ta' sħubija kummerċali; Jimmiraw li jipprovdu qafas biex jiġu
esplorati mezzi kooperattivi futuri sabiex jissaħħu l-prattiċi
tas-sigurtà tal-katina tal-provvista li għandu jżid l-effiċjenzi
relatati mad-dwana sabiex tkun żgurata s-sigurtà tat-totalità tal-katina
loġistika u biex jitħaffef il-kummerċ leġittimu
għall-benefiċċju tal-komunitajiet kummerċjali rispettivi
tagħhom; Bil-għan li tiżviluppa
strateġija li tippermetti lill-Kanada u lill-Unjoni Ewropea jikkooperaw
fil-qasam ta' spezzjoni tal-merkanzija; Il-Ftehim ser jibni fuq l-elementi tal-qalba
tal-Qafas ta' Standards li Jiżguraw u Jiffaċilitaw il-Kummerċ
Globali (SAFE) tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana. B'referenza għall-Ftehim bejn il-Kanada u
l-Komunità Ewropea dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Għajnuna
Reċiproka f'Affarijiet Doganali, li daħal fis-seħħ
fl-1 ta' Jannar 1998 ("is-CMAA"), u bix-xewqa li
jespandu l-ambitu ta' dak il-Ftehim permezz ta' ftehim fuq kwistjoni
speċifika, skont l-Artikolu 23 tas-CMAA; Waqt li jagħrfu li Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni
Doganali (KKKD) ġie stabbilit skont l-Artikolu 20 tas-CMAA biex
jiżgura l-funzjonament tas-CMAA u, fost oħrajn, jieħu
l-miżuri meħtieġa għall-kooperazzjoni doganali skont
l-għanijiet tas-CMAA u għall-espansjoni tas-CMAA bil-ħsieb li
jiżdied il-livell tal-kooperazzjoni doganali u li jiġi ssupplimentat
f'setturi jew materji speċifiki; FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 Għall-għan ta' dan il-Ftehim,
"Awtorità Doganali" tfisser: - fl-Unjoni Ewropea: is-servizzi kompetenti
tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni
Ewropea; - fil-Kanada: l-Amministrazzjoni governattiva
maħtura mill-Kanada bħala responsabbli għall-amministrazzjoni
tal-liġijiet doganali tagħha. Artikolu 2 Il-Partijiet Kontraenti għandhom
jikkooperaw dwar kwistjonijiet ta' sigurtà tal-katina tal-provvista u
tal-ġestjoni tar-riskji relatati. Artikolu 3 Il-Partijiet Kontraenti għandhom
jamministraw din il-kooperazzjoni permezz tal-Awtoritajiet Doganali rispettivi
tagħhom. Artikolu 4 Il-Partijiet Kontraenti għandhom
jikkooperaw billi: (a)
isaħħu l-aspetti relatati mad-dwana
għar-rinfurzar tal-katina loġistika tal-kummerċ internazzjonali
filwaqt li fl-istess ħin jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu; (b)
jistabbilixxu standards minimi, safejn huwa
prattikabbli, għal tekniki tal-ġestjoni tar-riskji u r-rekwiżiti
u programmi relatati; (c)
jaħdmu lejn u, fejn xieraq, jistabbilixxu
rikonoxximent reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji,
standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà, sigurtà tal-kontejners u programmi
ta' sħubija kummerċjali inklużi miżuri ta'
faċilitazzjoni tal-kummerċ ekwivalenti; (d)
jiskambjaw informazzjoni għas-sigurtà
tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskji; kwalunkwe skambju ta'
informazzjoni taħt dan il-Ftehim għandu jkun soġġetti
għar-rekwiżit tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u l-protezzjoni
tad-dejta personali stabbiliti fl-Artikolu 16 tas-CMAA kif ukoll kwalunkwe
rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u l-privatezza stipulati
fil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti; (e)
jistabbilixxu punti ta' kuntatt għall-iskambju
ta' informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista; (f)
jintroduċu, fejn xieraq, interfaċċja
għall-iskambju tad-dejta, inkluż dejta għal qabel il-wasla jew
qabel it-tluq; (g)
jiżviluppaw strateġija li tippermetti
lill-awtoritajiet doganali jikkooperaw fil-qasam ta' spezzjoni tal-merkanzija; (h)
jikkollaboraw, safejn prattikabbli, fi kwalunkwe
fora multilaterali fejn kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina
tal-provvista jistgħu adegwatament jitqajmu u jiġu diskussi. Artikolu 5 Il-KKKD, stabbilit
taħt l-Artikolu 20 tas-CMAA, għandu jara li dan il-Ftehim
jaħdem kif jixraq u għandu jeżamina l-kwistjonijiet kollha li
jinħolqu mill-applikazzjoni tiegħu. Għandu jingħata
s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet li jimplimentaw dan il-Ftehim
skont il-leġiżlazzjoni domestika rispettiva tal-Partijiet Kontraenti,
dwar aspetti, bħal trażmissjoni tad-dejta u l-benefiċċji
miftiehma reċiprokament, ta': rikonoxximent reċiproku ta' tekniki
tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà u programmi
ta' sħubija kummerċjali. Artikolu 6 Il-KKKD
għandu jwaqqaf mekkaniżmi tax-xogħol xierqa, inkluż gruppi
ta' ħidma, sabiex jappoġġjaw il-ħidma tiegħu
għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u biex jindirizza partikolarment
l-aspetti li ġejjin: a) jidentifika kwalunkwe bidliet
regolatorji jew leġiżlattivi meħtieġa
għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim; b) jidentifika u jistabbilixxi
miżuri għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-iskambju
tal-informazzjoni; c) jidentifika u jistabbilixxi
l-aħjar prattiki, inklużi l-aħjar prattiki
għall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tal-informazzjoni elettronika
bil-quddiem dwar il-merkanzija ma' standards internazzjonali dwar merkanzija li
tkun dieħla, ħierġa jew fi transitu. d) jiddefinixxi u jistabbilixxi
standards tal-analiżi tar-riskju għall-informazzjoni
meħtieġa biex ikunu identifikati merkanzija li jkunu ser jiġu
impurtati, trasbordati minn, jew fi transitu mil-Kanada u l-Unjoni Ewropea; e) jiddefinixxi u jistabbilixxi
miżuri biex jiġu armonizzati l-istandards ta' valutazzjoni
tar-riskju; f) jiddefinixxu standards minimi u
metodi ta' kontroll li bihom dawk l-istandards jistgħu jiġu
sodisfatti; g) itejjeb u jistabilixxi standards
għal programmi ta' sħubija kummerċjali mfassla biex itejbu
s-sigurtà tal-katina tal-provvista u jiffaċilitaw il-moviment
tal-kummerċ leġittimu; h) jiddefinixxi u jwettaq passi
konkreti biex jistabbilixxi rikonoxximent reċiproku ta' tekniki
tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskju, kontrolli tas-sigurtà u
programmi ta' sħubija kummerċjali inklużi miżuri ta'
faċilitazzjoni tal-kummerċ ekwivalenti. Artikolu 7 1. Jekk jirriżultaw diffikultajiet jew xi
tilwim bejn il-Partijiet Kontraenti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dan
il-Ftehim, l-Awtoritajiet Doganali tal-Partijiet Kontraenti għandhom
jippruvaw isolvu l-kwistjoni permezz ta' konsultazzjoni u diskussjoni. 2. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu wkoll
jagħtu l-kunsens għal forom oħra ta' riżoluzzjoni
tat-tilwim. Artikolu 8 1. Dan il-Ftehim jista' jkun emendat bi ftehim
bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. 2. Emenda għandha tidħol
fis-seħħ 90 jum wara d-data li fiha t-tieni notifika hija
mibgħuta, permezz ta' skambju ta' noti permezz ta' mezzi diplomatiċi,
li jindikaw li l-Partijiet Kontraenti jkunu temmew il-proċeduri interni
rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul
fis-seħħ tiegħu. Artikolu 9 Dan il-Ftehim għandu jidħol
fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xhar li jsegwi d-data li fiha l-Partijiet
Kontraenti jkunu nnotifikaw lill-xulxin bit-twettieq tal-proċeduri
meħtieġa biex dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ. Artikolu 10 1. Dan il-Ftehim għandu jibqa'
fis-seħħ għal perjodu indefinit. 2. Kull Parti Kontraenti tista' ttemm dan
il-Ftehim billi tagħti avviż ta' terminazzjoni permezz ta' mezzi
diplomatiċi lill-Parti Kontraenti l-oħra. 3. Din it-terminazzjoni għandha ssir
effettiva fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta' perjodu ta' sitt xhur
wara d-data ta' meta l-Parti Kontraenti l-oħra taslilha din in-notifika
ta' terminazzjoni. 4. Jekk dan il-Ftehim jiġi tterminat,
kwalunkwe deċiżjonijiet tal-KKKD se jibqgħu fis-seħħ,
sakemm il-Partijiet Kontraenti ma jiddeċidux mod ieħor. B'Xiehda ta' dan, is-sottoskritti,
b'awtorizzazzjoni dovuta, iffirmaw dan il-Ftehim. Magħmul fi , f'żewġ kopji
oriġinali, fi ….. fi ….. jum ta' ….. , 201 … bil-bil-Bulgaru,
iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż,
il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż,
l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż,
il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan, u
l-Ungeriża, b'kull verżjoni awtentika ndaqs GĦALL-UNJONI EWROPEA GĦALL-KANADA [1] ĠU L 7, tat-13.01.98, p.38 [2] Il-pożizzjoni tal-UE dwar
id-deċiżjonijiet legalment vinkolanti tal-KKKD huwa stabbilit
mill-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. [3] Ara b'mod partikolari l-Għan Nru 4, Azzjoni 3
(Ġestjoni komuni ta' riskju għal moviment ta' oġġetti
fil-fruntieri esterni) tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill – L-Istrateġija għas-Sigurtà Interna tal-UE
fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura; COM (2010) 673 finali.