EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0249

Ftehim kummerċjali tal-UE mal-Kolombja u l-Perù Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Ġunju 2012 dwar il-ftehim kummerċjali tal-UE mal-Kolombja u l-Perù (2012/2628(RSP))

ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 52–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 332/52


L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2012
Ftehim kummerċjali tal-UE mal-Kolombja u l-Perù

P7_TA(2012)0249

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar il-ftehim kummerċjali tal-UE mal-Kolombja u l-Perù (2012/2628(RSP))

2013/C 332 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-tmiem tan-negozjati rigward Ftehim Kummerċjali bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù fl-1 ta' Marzu 2010 u l-tħabbira tal-konklużjoni tan-negozjati kummerċjali fid-19 ta' Mejju 2010,

wara li kkunsidra t-tnedija tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù fl-23 ta' Marzu 2011,

wara li kkunsidra l-approvazzjoni uffiċjali tal-Ftehim Kummerċjali mit-tliet partijiet fit-13 ta' April 2011,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù (COM(2011)0570),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina (1) u tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni Ewropea mal-Amerika Latina (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, u b’mod partikolari dik tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-prospetti għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina,

wara li kkunsidra l-mistoqsija tas-26 ta' April 2012 lill-Kummissjoni dwar il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea fuq naħa u l-Kolombja u l-Perù fuq in-naħa l-oħra (O-000107/2012 – B7-0114/2012),

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, meta titqies l-importanza tar-rabtiet storiċi u kulturali, il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù għandu l-għan li jiftaħ is-swieq, inter alia, għall-prodotti, is-servizzi, l-akkwisti pubbliċi u l-investiment u li jippromwovi l-integrazzjoni ekonomika bejn il-partijiet u żvilupp ekonomiku komprensiv bl-għan li jnaqqas il-faqar, joħloq opportunitajiet ġodda ta' impjieg, itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jżid l-istandards tal-għajxien billi jilliberalizza u jespandi l-kummerċ u l-investiment bejn it-territorji tagħhom, kif ukoll jinkoraġġixxi impenn favur l-implimentazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali f'konformità mal-objettiv ta' żvilupp sostenibbli, inklużi l-promozzjoni tal-progress ekonomiku, ir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-ambjent, bi qbil mal-impenji internazzjonali adottati mill-partijiet;

B.

billi l-Unjoni Ewropea hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-Kolombja u l-Perù, u billi l-Ftehim Kummerċjali ppjanat jipprovdi għal liberalizzazzjoni totali tal-kummerċ fil-prodotti industrijali u fis-sajd, ħaġa li tista' żżid il-PGD Kolombjan b'massimu ta' 1,3 % u l-PGD Peruvjan b'0,7 % fuq perjodu twil, iżda li tista’ tħalli wkoll impatt negattiv konsiderevoli fil-livelli ambjentali u soċjali, skont studju indipendenti ta' valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibilità;

C.

billi bid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Kummerċjali, il-Kolombja u l-Perù joħorġu mill-iskema ta' arranġament ta' inċentiv speċjali tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati tal-UE (GSP+), li bħalissa qed tiġi riveduta;

D.

billi skont l-iskema GSP+ attwali kemm il-Kolombja kif ukoll il-Perù jirċievu preferenzi kummerċjali talli jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi ta' 27 konvenzjoni dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u dwar l-ambjent, inklużi l-erba' Standards Fundamentali tax-Xogħol tal-ILO;

E.

billi skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-azzjoni tal-UE fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha, u li tipprova tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-Istat ta’ dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali; billi l-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubija mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew globali, li jikkondividu l-prinċipji msemmija aktar 'il fuq;

F.

billi l-ewwel artikolu tal-Ftehim Kummerċjali jinkludi dispożizzjonijiet estensivi u vinkolanti li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jgħid li "ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif stipulati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u tal-prinċipju tal-Istat ta' dritt, huwa element fundamentali tal-politiki interni u internazzjonali tal-partijiet. Ir-rispett ta' dawn il-prinċipji huwa element essenzjali tal-Ftehim"; billi n-nuqqas li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi jikkostitwixxi "ksur materjali" tal-Ftehim Kummerċjali li, skont id-dritt internazzjonali pubbliku, jagħti lok għall-adozzjoni ta' miżuri xierqa, inkluża l-possibilità li l-Ftehim jitwaqqaf jew jiġi sospiż parzjalment jew għalkollox; billi l-monitoraġġ xieraq tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet firmatarji kollha għandu jiġi żgurat u l-infurzabbiltà fil-prattika tal-Klawsola tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha tiġi garantita;

G.

billi l-Ftehim Kummerċjali joffri garanziji biex jiġi żgurat li l-istruttura l-ġdida tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE taħdem favur protezzjoni soċjali u ambjentali estensiva u żvilupp sostenibbli billi tippromwovi u tippreserva livell għoli ta' standards ta' protezzjoni tal-ħaddiema u tal-ambjent fuq in-naħat kollha, peress li fiha kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli;

H.

billi kemm il-Kolombja kif ukoll il-Perù għamlu sforzi kbar f'dawn l-aħħar snin biex itejbu l-kundizzjoni ġenerali ta' ħajjet iċ-ċittadini tagħhom, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol;

I.

billi, minkejja dawn l-isforzi enormi, biex jintlaħqu għalkollox l-istandards għolja stabbiliti u mitluba miċ-ċittadini individwali, mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mill-partiti fl-oppożizzjoni u mill-gvern, għad fadal xogħol sostanzjali xi jsir kemm fil-Kolombja kif ukoll fil-Perù, speċjalment rigward l-implimentazzjoni effikaċi tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid, li għandu l-għan li jsolvi problemi antiki li għadhom ma ġewx solvuti għalkollox, relatati ma' problemi li ilhom jeżistu ta' faqar, vjolenza u korruzzjoni, kunflitti armati interni (li jmorru lura għal iktar minn 50 sena fil-każ tal-Kolombja), gruppi armati illegali, traffikar ta' drogi, impunità u esproprjazzjoni ta' art;

J.

billi, minkejja dawn l-isforzi kbar, il-Kolombja għadha l-pajjiż bl-ogħla rata ta' qtil ta' trejdjunjonisti fid-dinja, u billi, minkejja l-aħħar titjib fundamentali fl-infurzar tal-liġi, aktar minn 90 % ta' dawn id-delitti għadhom ma ġewx ikkastigati; billi kważi 4 miljun persuna huma spustati internament; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, għalkemm irrikonoxxa r-rikonoxximent mill-Istat tal-Kolombja tad-drittijiet tal-popli indiġeni, ħeġġeġ lill-Kolombja tistieden lill-Konsulent Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju biex jimmonitorja s-sitwazzjoni tal-komunitajiet indiġeni li jsibu ruħhom mhedda b'qerda kulturali jew fiżika minħabba l-kunflitt armat li ilu għaddej fil-pajjiż;

1.

Jiddispjaċih li, għalkemm il-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jinkludi dispożizzjonijiet legalment vinkolanti, m'hemm ebda mekkaniżmu vinkolanti għas-soluzzjoni tat-tilwimiet għal dan il-kapitolu fil-Ftehim Kummerċjali, u li l-użu tal-miżuri u s-sanzjonijiet previsti fil-mekkaniżmu vinkolanti ġenerali tal-Ftehim Kummerċjali għas-soluzzjoni tat-tilwimiet huwa eskluż fil-każ ta' ksur tal-istandards stipulati fil-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, b'mod li l-kundizzjonijiet vinkolanti attwali fl-iskema GSP+ tal-UE jiddgħajfu;

2.

Jilqa' bi pjaċir kbir l-impenn espress mill-partijiet kollha involuti fir-rigward tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-Istat ta' dritt, kif ikkonfermat bl-inklużjoni fl-ewwel artikolu tal-Ftehim Kummerċjali ta' dispożizzjonijiet estensivi u vinkolanti dwar dawn il-prinċipji fundamentali;

3.

Jenfasizza l-importanza li jinżamm djalogu kostruttiv mal-pajjiżi sħab tagħna dwar l-implimentazzjoni effikaċi ta' standards ogħla tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' bi pjaċir kbir il-Mekkaniżmu ta' Djalogu Reċiproku dwar id-drittijiet tal-bniedem (Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Kolombja), li kien stabbilit b'mod volontarju fl-2009 bejn il-Kolombja u l-Unjoni Ewropea u li minn dak iż-żmien 'l hawn sar darbtejn fis-sena u li huwa prova ċara li l-Gvern Kolombjan huwa miftuħ għal djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-UE, kif ukoll ma' sħab internazzjonali oħrajn; jiddispjaċih, madankollu, li l-Parlament Ewropew la jiġi infurmat qabel u lanqas wara b'mod regolari u komprensiv dwar l-aġenda u l-eżitu tiegħu;

4.

Jappoġġa b'mod qawwi l-inklużjoni ta' kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-Ftehim Kummerċjali u l-ħolqien ta' mekkaniżmi domestiċi u d-djalogu mas-soċjetà ċivili, li se jinvolvi ċ-ċittadini, sew jekk b'mod individwali u sew jekk b'mod kollettiv organizzat;

5.

Jistieden lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Pajjiżi Andini u fl-Unjoni Ewropea, biex jipparteċipaw fil-mekkaniżmi ta' monitoraġġ stabbiliti fil-Ftehim Kummerċjali, fit-titolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli; jistieden lill-gvernijiet involuti jistabbilixxu, malajr kemm jista' jkun, il-qafas legali għall-mekkaniżmi domestiċi u d-djalogu mas-soċjetà ċivili jekk għadhom ma jeżistux, inkluża kampanja sostanzjali ta' informazzjoni u promozzjoni biex tiġi massimizzata l-parteċipazzjoni tal-gruppi jew il-persuni interessati fir-rigward tal-qafas ta' monitoraġġ tal-Mekkaniżmu tas-Soċjetà Ċivili; jissuġġerixxi li dawn il-proċeduri jiġu stabbiliti fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, minflok sena kif kien stipulat fil-Ftehim Kummerċjali (3);

6.

Ifakkar fl-importanza li jiġu stabbiliti mekkaniżmi konsultattivi domestiċi rappreżentattivi, kif stabbilit fl-Artikolu 281 tal-Ftehim Kummerċjali, bil-parteċipazzjoni tat-trejdjunjins, ir-rappreżentanti ta' min iħaddem jew partijiet interessati oħrajn bħall-NGOs, li għandu jkollhom sehem obbligatorju fl-osservazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali, speċjalment fl-oqsma tax-xogħol u l-iżvilupp sostenibbli, bid-dritt li jiġu kkonsultati regolarment u li jressqu lmenti permezz ta' mekkaniżmu ta' lmenti obbligatorju u istituzzjonalizzat, kif ukoll li jagħmlu rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti, inkluża l-proposta li jkun hemm skambju ta' opinjonijiet indipendenti mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE;

7.

Biex jintlaħqu għalkollox l-istandards għolja tad-drittijiet tal-bniedem promossi fil-Ftehim Kummerċjali, li kemm il-gvernijiet Andini kif ukoll l-Unjoni Ewropea huma impenjati fir-rigward tagħhom, jissuġġerixxi li l-partijiet involuti jistabbilixxu malajr grupp konsultattiv domestiku (GKD) ddedikat dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li għandu jakkumpanja u jimmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim Kummerċjali u oħrajn u jaħdem bħala korp konsultattiv intern effikaċi għall-uffiċċji domestiċi li jipparteċipaw fil-Kumitat għall-Kummerċ tal-Ftehim Kummerċjali, filwaqt li juża, bħala mudell għall-funzjonament tiegħu, il-qafas legali previst fil-Ftehim Kummerċjali għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fis-Sottokumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli; jistieden lill-partijiet fil-Ftehim Kummerċjali jiggarantixxu lil dawn il-GKD l-istess livell ta' involviment vinkolanti għas-soċjetà ċivili bħal fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles mal-Korea t'Isfel, inkluż mekkaniżmu formalizzat u istituzzjonalizzat għall-ilmenti; jistieden barra minn hekk lill-partijiet jiżguraw l-indipendenza sħiħa tal-GKD, inkluż fir-rigward tal-għażla tagħhom tal-membri tal-GKD;

8.

Japprova l-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi kollha meħuda miż-żewġ pajjiżi Andini biex jiġġieldu l-faqar, il-forom kollha ta' vjolenza, l-impunità, il-korruzzjoni u t-traffikar tad-drogi, biex jiżguraw id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, speċjalment fir-rigward tat-tħaddim tat-tfal, biex jimxu fit-triq tal-iżvilupp sostenibbli bħala l-uniku futur vijabbli għall-pjaneta tagħna, biex jippromwovu d-drittijiet tal-popli indiġeni, djalogu usa' u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess leġiżlattiv u biex jerġgħu jistabbilixxu l-ġustizzja;

9.

Jikkundanna bil-qawwa l-qtil tat-trejdjunjonisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iċ-ċivili, il-popli indiġeni, il-vittmi kollha tal-kunflitt armat intern, l-uffiċjali tal-pulizija u l-persunal tal-armata, li qed iseħħ b'mod speċjali fil-Kolombja; madankollu jinnota li kien hemm tnaqqis fil-każijiet ta' qtil ta' trejdjunjonisti rrappurtati fl-aħħar sentejn;

10.

Jappoġġa l-isforzi tal-Gvern Kolombjan biex jiġġieled kontra l-impunità u l-qtil ta' trejdjunjonisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, liema sforzi ssarrfu, pereżempju, f'żieda fin-numru ta' investigaturi fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (FGN), li żdiedu minn 100 fl-2010 għal 243 fl-2011 speċifikatament għall-investigazzjoni ta' delitti mwettqa kontra t-trejdjunjonisti; barra minn hekk, skont l-ILO, bejn l-2010 u Ġunju 2011 kien hemm 355 arrest, u nqatgħu 88 sentenza u 483 persuna ġew ikkundannati għal delitti kontra trejdjunjonisti; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza tal-Programm ta' Protezzjoni Speċjali (PPS), li bħalissa qed jagħti protezzjoni statali lil iktar minn 8 500 persuna, inklużi trejdjunjonisti (13 %), kunsilliera muniċipali (30 %) u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (15 %); jinnota li l-baġit għal dan il-programm żdied minn EUR 10.5 miljun fl-2002 għal iktar minn EUR 120 miljun fl-2011;

11.

Jilqa' r-referenza għall-importanza tal-kunċetti ta' "kummerċ għal żvilupp sostenibbli" u tal-"promozzjoni ta' kummerċ ġust u ekwitabbli", fl-Artikoli 271 u 324 rispettivament tal-Ftehim Kummerċjali; jitlob lill-partijiet jiffaċilitaw il-kummerċ fil-prodotti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli, inklużi prodotti li huma s-suġġett ta' skemi bħall-kummerċ ġust u etiku u dawk li jinvolvu r-responsabilità u r-rendikont soċjali tal-kumpaniji, bħall-iskemi "kummerċ ġust", "rainforest alliance", "UTZ Certified", "BSCI" u skemi oħrajn simili;

12.

Jistieden lill-partijiet involuti jipprovdu biżżejjed kapaċità teknika u finanzjarja biex jiggarantixxu l-konformità sħiħa mal-istandards ta' sostenibilità fil-Ftehim Kummerċjali u jipprovdu għal rieżami, monitoraġġ u valutazzjoni sħaħ tal-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli sa mhux iżjed tard minn tliet snin wara li jkun daħal fis-seħħ il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles;

13.

Jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza li tiġi promossa r-responsabilità soċjali korporattiva (RSK) u jilqa' l-inklużjoni tagħha fil-Ftehim Kummerċjali; jitlob lill-partijiet kollha jippromwovu l-aħjar prattiki kummerċjali relatati mar-RSK bi qbil mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida tal-OECD dwar ir-RSK u l-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681); jemmen b'mod qawwi li standards ogħla tal-għajxien jistgħu jintlaħqu biss permezz ta' sħubijiet attivi bejn l-imprendituri, il-ħaddiema, l-NGOs u l-Istat, jew fil-livell ċentrali, jew reġjonali jew f'dak tal-komunità; jerġa' jafferma, għalhekk, l-importanza tal-involviment tal-partijiet kollha li huma involuti, speċjalment il-gvernijiet, li għandu jkollhom rwol essenzjali fl-implimentazzjoni effettiva tar-RSK fil-pajjiżi tagħhom; jistieden lill-UE u lill-pajjiżi Andini jaħdmu favur l-implimentazzjoni globali ta' Prinċipji Gwida tan-NU dwar ir-RSK;

14.

Jilqa’ l-liġijiet ambjentali robusti li ddaħħlu fil-leġiżlazzjoni mill-awtoritajiet Kolombjani iżda jenfasizza l-ħtieġa għall-infurzar sħiħ u korrett ta’ dawn il-liġijiet; jenfasizza l-problemi ambjentali potenzjali, inklużi ż-żieda fid-deforestazzjoni u t-tniġġis industrijali, agrikolu u dak ikkawżat mill-mini, li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fuq il-provvisti sikuri tal-ilma u l-protezzjoni tal-bijodiversità;

15.

Jistieden lill-pajjiżi Andini jiżguraw li jiġi stabbilit pjan direzzjonali trasparenti u li jorbot għad-drittijiet tal-bniedem, dawk ambjentali u dawk tal-ħaddiema, li essenzjalment għandu jkollu bħala mira s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem, it-tisħiħ u t-titjib tad-drittijiet tat-trejdjunjonisti u l-ħarsien ambjentali; jissuġġerixxi li jitqies il-Pjan ta' Azzjoni relatat mad-Drittijiet tal-Ħaddiema bejn il-Kolombja u l-Istati Uniti, b’referenza partikolari għal dan li ġej:

l-infurzar u l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni u miżuri politiċi li jiggarantixxu l-libertà tal-assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv, mingħajr lakuni, b'mod partikolari għal ħaddiema fis-settur informali, u speċjalment permezz tal-eliminazzjoni tal-użu ta' kooperattivi, patti kollettivi jew miżuri oħra li għandhom l-iskop jew l-effett li jċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet trejdjunjonistiċi tagħhom jew mill-benefiċċji ta' relazzjoni ta' impjieg diretta;

it-twettiq ta' spezzjonijiet tax-xogħol stretti li jwasslu għal pieni f'każ ta' diskriminazzjoni, tkeċċijiet mhux ġustifikati, intimidazzjoni u theddid kontra l-ħaddiema;

passi ċari u verifikabbli biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali fil-livell reġjonali u lokali kif ukoll min-naħa tal-impriżi;

l-introduzzjoni ta' miżuri biex jiġi garantit l-infurzar effikaċi tal-leġiżlazzjoni li tipproteġi l-ambjent u l-bijodiversità, partikolarment mill-effetti negattivi tad-deforestazzjoni u l-estrazzjoni ta’ materja prima;

it-teħid tal-passi meħtieġa biex tintemm l-impunità u sabiex dawk l-aktar responsabbli kemm intellettwalment kif ukoll materjalment għall-atti kriminali mwettqa fil-Kolombja jiġu investigati, ipproċessati u kkastigati fil-qrati ċivili;

il-kisba ta' miri ċari, marbutin b’perjodu ta’ żmien u bbażati fuq ir-riżultati f’kull qasam minn dawk imsemmija hawn fuq;

il-Kummissjoni Ewropea tintalab tibda tgħin immedjatament lill-Kolombja u lill-Perù fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-proċess imsemmi hawn fuq, u tiġi mħeġġa tipproduċi rapport regolari li għandu jiġi ppreżentat u vvalutat mill-Parlament Ewropew;

l-enfasi tal-fatt li xi wħud mill-miri ta' dan il-pjan direzzjonali għandhom preferibbilment jidħlu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja dawn il-miżuri permezz ta’ programmi ta’ kooperazzjoni fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kooperazzjoni regolatorja, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet Andini biex jipproponu, jinfurzaw u jivvalutaw b’mod effikaċi l-leġiżlazzjoni ambjentali; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

17.

Jilqa' bi pjaċir il-Liġi l-ġdida dwar il-Vittmi u r-Restituzzjoni tal-Art (magħrufa wkoll bħala "Ley 1448") li daħlet fis-seħħ fil-Kolombja fl-1 ta' Jannar 2012, li tiggarantixxi kumpens finanzjarju u r-restituzzjoni tal-art għall-kważi 4 miljun vittma tal-kunflitt armat u tal-vjolenza fil-pajjiż tul dawn l-aħħar 50 sena; jenfasizza l-isforz finanzjarju enormi tal-Gvern Kolombjan, li huwa stmat li huwa aktar minn USD 25 biljun għall-għaxar snin li ġejjin, ammont li jirrappreżenta madwar EUR 160 miljun fix-xahar; jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ u valutazzjoni dettaljati tal-implimentazzjoni ta' din il-liġi f'konsultazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari rigward il-protezzjoni ta' dawk li jirritornaw;

18.

Jilqa’ x-xoljiment tal-aġenzija ferm kontroversjali tal-intelligence (DAS) u l-kundanna tal-ex direttur tagħha għal 25 sena ħabs bħala sinjal importanti tal-bidla fl-attitudni u l-ftuħ tal-Amministrazzjoni Kolombjana u l-indipendenza tal-ġudikatura;

19.

Jenfasizza li d-dritt għall-proprjetà huwa wkoll wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u għandu jkun imħares mill-partijiet kollha tal-Ftehim Kummerċjali; għalhekk iwissi l-partijiet kollha għall-Ftehim Kummerċjali biex ma jieħdux azzjoni unilaterali li tipperikola l-protezzjoni tal-investiment; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li jiġi infurzat mekkaniżmu xieraq għas-soluzzjoni tat-tilwimiet;

20.

Jilqa' l-fatt li l-Kolombja u l-Perù rratifikaw it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, apparti tlieta mill-erba' konvenzjonijiet dwar il-governanza, kif iddikjarat mir-rappreżentant tal-ILO waqt is-smigħ pubbliku dwar il-Ftehim Kummerċjali organizzat mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali fil-Parlament Ewropew fi Brussel fid-29 ta' Frar 2012; jinsisti dwar l-importanza ta' ratifika rapida u implimentazzjoni effikaċi tal-konvenzjonijiet kollha tal-ILO ta' dan it-tip, speċjalment C122 fil-każ tal-Kolombja u C129 fil-każ tal-Perù; jenfasizza lill-partijiet kollha l-importanza li tiġi rratifikata l-Konvenzjoni 135 tal-ILO dwar ir-rappreżentanti tal-ħaddiema; jinnota f'dan il-kuntest li 24 Stat Membru tal-UE għadhom ma rratifikawx ILO C169, il-Konvenzjoni dwar il-Popli Indiġeni u Tribali;

21.

Jenfasizza l-importanza tal-prinċipji ta' proċeduri amministrattivi u legali ġusti, ekwi u trasparenti, biex jiġu implimentati l-liġijiet nazzjonali fil-qasam tax-xogħol, inklużi spezzjonijiet stretti tax-xogħol, kif ukoll standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b’konformità mal-obbligi internazzjonali; jemmen li proċeduri amministrattivi u legali ġusti, ekwi u trasparenti huma meħtieġa wkoll biex jiġi żgurat li ma titqiegħed l-ebda restrizzjoni eċċessiva fuq il-komunikazzjoni jew il-libertà tal-espressjoni, li huma importanti ħafna sabiex jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jorganizzaw lilhom infushom;

22.

Jemmen li s-setgħat ġodda tal-Parlament Ewropew rigward il-ftehimiet internazzjonali li huma minquxa fit-Trattat ta' Lisbona jipprovdu responsabilitajiet ġodda; għalhekk jipproponi li jiġu organizzati seduti ta' smigħ pubbliku kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll f'waħda mill-kapitali Andini fl-aħħar kwart tal-2013; wara s-seduti ta' smiegħ, jitlob li jsir rapport bil-miktub li jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar ir-riżultati tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim Kummerċjali sa dik id-data;

23.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet tal-Kolombja u tal-Perù.


(1)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 54.

(2)  ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 79.

(3)  Artikolu 282(1).


Top