This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012IP0083
Enlargement report for the former Yugoslav Republic of Macedonia European Parliament resolution of 14 March 2012 on the 2011 progress report on the former Yugoslav Republic of Macedonia (2011/2887(RSP))
Rapport dwar it-tkabbir għal Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 14 ta' Marzu 2012 dwar ir-rapport ta’ progress 2011 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2011/2887(RSP))
Rapport dwar it-tkabbir għal Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 14 ta' Marzu 2012 dwar ir-rapport ta’ progress 2011 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2011/2887(RSP))
ĠU C 251E, 31.8.2013, pp. 52–61
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
31.8.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 251/52 |
L-Erbgħa 14 ta’ Marzu 2012
Rapport dwar it-tkabbir għal Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
P7_TA(2012)0083
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2012 dwar ir-rapport ta’ progress 2011 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2011/2887(RSP))
2013/C 251 E/10
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 biex jagħti l-istatus ta' pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE lill-pajjiż u l-Konklużjonijiet tal-Presidenza li ħarġu wara l-Kunsilli Ewropej tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 u tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 845 (1993) u 817 (1993), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 47/225 (1993) u l-Ftehim Interim tal-1995, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-Applikazzjoni tal-Ftehim Interim tat-13 ta’ Settembru 1995 (Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja vs il-Greċja), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2011 tal-Kummissjoni (SEC(2011)1203) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011 bit-titolu ‘Strateġija ta’ Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012’ (COM(2011)0666), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Parlamentari Konġunt tal-4 ta’ Novembru 2011, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet OKSE/ODIHR għall-elezzjonijiet parlamentari bikrija tal-5 ta' Ġunju 2011, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2008/212/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni mal-pajjiż, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u tal-Affarijiet Barranin tat-13 u tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-5 ta' Diċembru 2011, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, sar impenn mal-Istati kollha tal-Balkani tal-Punent li 'l quddiem kienu se jissieħbu mal-Unjoni Ewropea u dan l-impenn ittenna fil-Laqgħa ta’ Livell Għoli dwar il-Balkani tal-Punent f’Sarajevo fit-2 ta’ Ġunju 2010; |
|
B. |
billi l-Kummissjoni fir-Rapport ta’ Progress tal-2011 tagħha żammet ir-rakkomandazzjoni tagħha tal-2009 li tibda n-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE mal-pajjiż; |
|
C. |
billi l-Kummissjoni fl-Istrateġija ta' Tkabbir tagħha tal-2011 ikkonfermat li "l-politika tat-tkabbir tat prova li hi għodda qawwija għat-trasformazzjoni tas-soċjetà" u li "l-impenn, il-kundizzjonalità u l-kredibbiltà tpoġġew fil-qalba tal-proċess ta' adeżjoni u tas-suċċess tiegħu"; |
|
D. |
billi s-Sħubija ta' Assoċjazzjoni rrikjediet l-intensifikazzjoni tal-isforzi, ibbażat fuq approċċ kostruttiv, biex tinstab soluzzjoni nnegozjata u aċċettata reċiprokament għall-kwistjoni dwar l-isem mal-Greċja, fil-qafas tar-Riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u biex jiġu evitati azzjonijiet li jistgħu jaffetwaw tali sforzi b'mod negattiv; billi kemm il-Kummissjoni u kemm il-Kunsill enfasizzaw ripetutament li ż-żamma ta’ relazzjonijiet tajbin mal-viċinat, inkluża l-ħidma għal soluzzjoni nnegozjata u aċċettata reċiprokament rigward il-kwistjoni tal-isem, taħt l-awspiċju tan-NU, hija essenzjali; |
|
E. |
billi l-kwistjonijiet bilaterali m’għandhomx jirrappreżentaw u jintużaw bħala ostakolu fil-proċess ta’ adeżjoni, iżda għandhom jiġu indirizzati fi spirtu kostruttiv kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li jitqiesu l-interessi u l-valuri ġenerali tal-UE; |
|
F. |
billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin mal-viċinat jibqgħu partijiet essenzjali tal-proċess ta' tkabbir u s-sejbien ta' kompromessi fuq kwistjonijiet kontestati huwa l-aħjar mod biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali, fl-interess taż-żamma tal-paċi u tar-relazzjonijiet tajbin mal-viċinat fil-Balkani tal-Punent; billi t-tkomplija tal-proċess ta’ adeżjoni jikkontribwixxi għall-istabilità tal-pajjiż u jsaħħaħ ulterjorment ir-relazzjonijiet interetniċi; |
|
G. |
billi kull pajjiż kandidat għandu l-livell ta' progress u d-dinamika tal-adeżjoni partikolari tiegħu; billi l-UE għandha r-responsabilità li ma tħalli l-ebda pajjiż lura u l-kredibilità tal-proċess ta' adeżjoni tal-UE tista' tiġi pperikolata minn dewmien kontinwu fil-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni; |
|
H. |
billi dan kien fost l-ewwel pajjiżi tar-reġjun li ngħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat, huwa l-pajjiż bl-ogħla appoġġ pubbliku nazzjonali għall-adeżjoni mal-UE, u issa gawda minn rakkomandazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni biex tiġi stabbilita data għall-ftuħ tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE għal tliet snin konsekuttivi; |
|
I. |
billi l-pajjiżi kollha kandidati u dawk potenzjalment kandidati għandhom jiġu kkunsidrati fil-proċess ta' integrazzjoni skont il-merti proprji tagħhom; |
|
1. |
Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill li jistabbilixxi data għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mal-pajjiż mingħajr iżjed dewmien; |
|
2. |
Jaqbel mal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fir-rapport ta' progress tagħha tal-2011 rigward l-ilħuq kontinwu tal-kriterji politiċi min-naħa tal-pajjiż; jiddispjaċih li għat-tielet sena konsekuttiva, il-Kunsill ma segwiex ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u li waqt il-laqgħa tiegħu fid-9 ta' Diċembru 2011, ma ddeċidiex li jiftaħ in-negozjati ta' adeżjoni mal-pajjiż; |
|
3. |
Jenfasizza l-importanza tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż u tal-isforzi kollha għall-appoġġ ta' dan il-għan, b'mod partikolari l-bidu tal-iscreening preliminari tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni mal-acquis u l-implimentazzjoni tat-tieni fażi tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; |
|
4. |
Jinsab imħasseb, filwaqt li ma jixtieqx iżomm lura l-progress tant milqugħ lejn l-adeżjoni mal-UE li sar minn pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent, li l-perċezzjoni li l-progress tal-pajjiż 'jinqabeż minn ħaddieħor' tista’ tostakola t-titjib kontinwu fir-relazzjonijiet interetniċi fil-pajjiż u li n-nuqqas min-naħa ta' kwalunkwe pajjiż fir-reġjun li jikseb progress konsistenti lejn l-adeżjoni mal-UE fl-aħħar mill-aħħar, thedded l-istabilità u s-sigurtà tagħhom kollha; |
|
5. |
Jindika li, filwaqt li kull pajjiż kandidat għandu l-livell ta' progress u d-dinamika tal-adeżjoni partikolari tiegħu, l-UE għandha r-responsabilità li ma tħalli l-ebda pajjiż lura; |
|
6. |
Jinnota l-kumment tal-Kummissarju Ewropew għat-Tkabbir u l-Politika tal-Viċinat tal-5 ta' Settembru 2011, li r-rakkomandazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni Ewropea mhix imnaqqxa fil-ġebel; jindika madankollu, li d-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jsegwix ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ħolqot frustrazzjoni u nuqqas ta' sodisfazzjon leġittimi fl-opinjoni pubblika tal-pajjiż u jinnota li l-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhom qatt jagħmlu fatta l-perspettiva Ewropea ta' kwalunkwe pajjiż applikant u għandhom jagħmlu sforzi ugwali sabiex jaċċeleraw il-proċess ta' adeżjoni fi spirtu sinċier ta' sħubija; |
|
7. |
Jilqa' l-ħatra tal-Kap il-ġdid tad-Delegazzjoni tal-UE u jittama li din il-ħatra se ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiż; |
|
8. |
Jilqa' l-bidu, fil-15 ta' Marzu 2012, tad-Djalogu dwar l-Adeżjoni ta' Livell Għoli mal-Kummissjoni Ewropea, bħala pass 'il quddiem fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE bl-għan li jsir progress fl-aġenda tar-riforma permezz ta' skambju ta' fehmiet sostanzjali u konsultazzjonijiet tekniċi regolari f'ħames oqsma ewlenin tal-politika – il-libertà tal-espressjoni, l-istat tad-dritt, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, ir-riforma elettorali, u l-kriterji ekonomiċi; huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-Gvern li d-djalogu għandu jqiegħed enfasi fuq il-Kapitolu 23 - Il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u fuq il-Kapitolu 24 - Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, biex ikompli jsir progress fil-livell ta' applikazzjoni tal-kriterji u l-istandards ta' adeżjoni mal-UE; jistenna li din il-forma avvanzata ta' djalogu tkompli f'oqsma oħra li huma kruċjali għall-proċess ta' adeżjoni mal-UE; iqis li dan id-djalogu se joħloq impenn ġdid favur ir-riformi u jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħna permezz ta' laqgħat darbtejn fis-sena fuq livell politiku; |
|
9. |
Jirrikonoxxi li s-sħubija man-NATO kif ukoll mal-Unjoni Ewropea t-tnejn huma essenzjali għall-approċċ Ewro-Atlantiku adottat mill-pajjiż, u jinnota li s-Samit tan-NATO f’Chicago f’Mejju 2012 kif ukoll it-tnedija tad-Djalogu dwar l-Adeżjoni ta' Livell Għoli u l-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012 jipprovdu opportunitajiet importanti oħra għal aktar progress; ifakkar fid-dikjarazzjoni reċenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO li hekk kif tinstab soluzzjoni aċċettata reċiprokament għall-kwistjoni dwar l-isem, tiġi estiża stedina lill-pajjiż; |
|
10. |
Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet u lill-midja sabiex jaħdmu għall-ħolqien ta' atmosfera pożittiva li se tgħin fl-iżvilupp ta' relazzjonijiet ma' pajjiżi ġirien u mhux tinkoraġġixxi diskors ta' mibgħeda; |
|
11. |
Jinnota d-deċiżjoni tal-Gvern iffurmata f'Lulju 2011, sabiex tiġi applikata l-Liġi dwar l-amnestija għall-erba' każijiet relatati mad-delitti tal-gwerra li ġew riassenjati lill-ġurisdizzjoni domestika mit-Tribunal Internazzjonali Kriminali għal dik li kienet il-Jugoslavja fl-2008; jitlob lill-Gvern jinvestiga l-għażliet alternattivi sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja u l-kumpens għall-vittmi ta' dawn id-delitti u għall-familji tagħhom skont l-obbligi tal-liġi umanitarja internazzjonali; |
It-tilwima dwar l-isem
|
12. |
Jinnota d-deċiżjoni tal-5 ta' Diċembru 2011 tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja rigward it-tilwima dwar l-isem; huwa tal-fehma li din id-deċiżjoni għandha tagħti impetu ġdid biex jiġi żgurat li jsir kull sforz possibbli sabiex tissolva t-tilwima dwar l-isem taħt il-patroċinju tan-NU, u jistieden lill-partijiet jikkonformaw ġenwinament mas-sentenza u jużawha biex jintensifikaw id-djalogu, b'enfasi fl-istess waqt tal-ħtieġa ta' kompromess aċċettat b'mod reċiproku; jilqa' f'dan ir-rigward id-dikjarazzjoni tal-medjatur maħtur min-NU u t-talba tiegħu lill-partijiet biex iqisu dan il-fatt bħala opportunità sabiex jaħsbu b'mod kostruttiv dwar ir-relazzjoni reċiproka tagħhom u jikkunsidraw inizjattiva mġedda bil-għan li jilħqu soluzzjoni definittiva dwar din il-kwistjoni; |
|
13. |
Jiddispjaċih ħafna li t-tilwima dwar l-isem qed tkompli xxekkel it-triq tal-pajjiż lejn l-adeżjoni mal-UE u b’hekk qed tostakola l-proċess ta’ tkabbir innifsu; jenfasizza li relazzjonijiet tajbin mal-viċinat huma kriterju ewlieni għall-proċess ta’ tkabbir tal-UE u jistieden lill-gvernijiet ikkonċernati jevitaw ġesti u azzjonijiet kontroversjali u dikjarazzjonijiet li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet; |
|
14. |
Itenni t-talba tiegħu lill-Viċi-President/Rappreżentant Għoli u lill-Kummissarju responsabbli għat-tkabbir biex jiffaċilitaw il-ftehim rigward il-kwistjoni dwar l-isem u joffru gwida politika; huwa tal-fehma barra minn hekk, li t-tmexxija tal-pajjiż u l-Unjoni Ewropea għandhom b'mod kostanti jispjegaw lill-pubbliku l-benefiċċji tas-soluzzjoni meta din tintlaħaq, qabel ir-referendum dwar il-kwistjoni; |
|
15. |
Jiddispjaċih dwar in-nuqqas tat-terminu 'Maċedonjan' fir-Rapport ta' Progress tal-2011 u mill-2009, irrispettivament mill-fatt li din hija n-norma f'referenzi għal-lingwa, il-kultura u l-identità tal-pajjiż fit-testi tan-Nazzjonijiet Uniti; jiġbed l-attenzjoni għar-reazzjonijiet negattivi li ħoloq dan l-aspett fl-opinjoni pubblika matul din is-sena u jistieden lill-Kummissjoni tqis dan fit-tħejjija ta’ rapporti futuri; ifakkar li l-Ftehim Qafas ta' Ohrid huwa bbażat fuq il-prinċipju tar-rispett għall-identità etnika tal-komunitajiet kollha; |
|
16. |
Jenfasizza l-importanza li jinżamm 'ir-ritmu' tal-proċess ta’ adeżjoni; f’dan ir-rigward jilqa’ l-offerta tal-Gvern tal-pajjiż li jistabbilixxi skadenza għal soluzzjoni b’suċċess tat-tilwima dwar l-isem sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-proċess ta’ screening li għandu jsir mill-Kummissjoni hekk kif jinfetħu n-negozjati; jemmen li sforzi ġenwini mill-Gvern u t-twettiq tar-riformi tal-UE tul il-qasam kollu tal-kwistjonijiet rilevanti jistgħu jgħinu fil-ħolqien ta' ambjent politiku li jwassal sabiex jiġu solvuti kwistjonijiet bilaterali, kif intwera minn proċessi ta' tkabbir oħrajn; jindika li l-proċess parallel li tissolva l-kwistjoni bilaterali u t-tkomplija tan-negozjati ta' adeżjoni, fuq l-istess bażi bħall-mudell Slovenja-Kroazja, se jkun ta' benefiċċju kemm għall-pajjiż u kemm għall-UE; |
|
17. |
Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, bi qbil mat-Trattati tal-UE, jibdew jiżviluppaw mekkaniżmu ta’ arbitraġġ b'applikazzjoni ġenerali mmirat li jsolvi l-kwistjonijiet bilaterali bejn il-pajjiżi ta’ tkabbir u l-Istati Membri; |
Il-kooperazzjoni parlamentari
|
18. |
Jilqa' l-elezzjoni tal-parlament il-ġdid u l-ħolqien rapidu tal-gvern ta' koalizzjoni, li rriżulta mill-elezzjonijiet parlamentari bikrija; jitlob it-tisħiħ tad-djalogu politiku, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni lejn il-parlament bħala istituzzjoni demokratika ewlenija għad-diskussjoni u s-soluzzjoni tal-kwistjonijiet li jirriżultaw minn differenzi politiċi; jinnota li r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Nazzjonali laqgħet ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta' Progress ta' din is-sena u ġiet adottata b'kunsens; jistieden lill-atturi politiċi kollha fil-pajjiż jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex ikomplu bir-riformi neċessarji, inkluża l-implimentazzjoni effikaċi u s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni; |
|
19. |
Jifraħ lill-pajjiż dwar kif tmexxew l-elezzjonijiet parlamentari bikrija tal-5 ta’ Ġunju 2011 u jilqa’ l-valutazzjoni tal-OSKE/ODHIR li skontha kienu kompetittivi, trasparenti u amministrati tajjeb fil-pajjiż kollu; jiġbed l-attenzjoni madankollu għal xi nuqqasijiet, u jistieden lill-awtoritajiet isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet OSKE/ODHIR u tal-osservaturi nazzjonali mill-assoċjazzjoni Most, bħall-aġġornament tal-lista tal-votanti, il-garanzija ta' trattament bilanċjat min-naħa tal-istampa, inkluż mix-xandir pubbliku, kemm tal-Gvern u kemm tal-partiti fl-oppożizzjoni, il-protezzjoni tal-ħaddiema fiċ-ċivil kontra kull xorta ta' pressjonijiet politiċi, l-iżgurar ta' monitoraġġ effikaċi tal-finanzjament tal-partiti u finanzjament pubbliku trasparenti, arranġamenti għall-votazzjoni barra mill-pajjiż, u r-rispett sħiħ għas-separazzjoni bejn l-istrutturi tal-istat u tal-partit; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fil-futur qrib; |
|
20. |
Jilqa’ t-tmiem tal-bojkotts parlamentari u jemmen li t-tisħiħ ulterjuri tad-demokrazija fil-pajjiż jista’ jinkiseb biss permezz ta' spirtu mtejjeb tad-djalogu politiku fi ħdan istituzzjonijiet demokratiċi stabbiliti, li jinkorpora l-partiti politiċi kollha; jitlob it-tisħiħ tar-rwol ta' sorveljanza tal-parlament fir-rigward tal-Gvern u l-aġenziji tiegħu; jitlob id-disponibilità tal-finanzjament neċessarju u l-ħatra tal-persunal addizzjonali neċessarju sabiex ikun possibbli l-istabbiliment sħiħ tal-Istitut Parlamentari; iħeġġeġ il-progress li sar permezz tal-istabbiliment ta' smigħ parlamentari ta' kontroll u jappoġġa l-isforzi addizzjonali mill-Unjoni Ewropea biex tkun provduta assistenza teknika għall-Assemblea Nazzjonali biex tiżviluppa l-prattiki tagħha; iħeġġeġ it-tkomplija tax-xogħol tal-Kumitat Parlamentari Konġunt mal-Parlament Ewropew; |
L-iżvilupp ekonomiku
|
21. |
Ifaħħar lill-pajjiż għall-prestazzjoni ekonomika tajba tiegħu u talli żamm l-istabilità makroekonomika; jifraħ lill-Gvern talli l-pajjiż, skont ir-Rapport tal-Bank Dinji 'Doing Business' għal dawn l-aħħar ħames snin kien t-tielet l-aktar pajjiż ta’ suċċess fid-dinja fir-rigward tat-teħid ta’ riformi regolatorji; jinnota li t-tnaqqis ekonomiku globali affetwa l-Investiment Barrani Dirett, li għadu f'livell baxx ħafna; jemmen li l-potenzjal għall-investiment, il-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku jibqa’ l-argument deċiżiv għat-tkomplija tal-proċess ta’ adeżjoni tal-pajjiż mal-UE; |
|
22. |
Jinnota li l-prevedibilità legali u l-infurzar effiċjenti tal-liġijiet huma essenzjali għat-titjib ulterjuri tal-ambjent kummerċjali għall-kumpaniji domestiċi u l-investituri barranin; jistieden lill-Gvern għaldaqstant, jgħaġġel fl-isforzi sabiex tiġi żgurata ġudikatura effikaċi u indipendenti, kif ukoll amministrazzjoni professjonali, kompetenti u imparzjali, inklużi passi għat-tisħiħ tal-indipendenza u tal-kapaċitajiet ta' aġenziji regolatorji u superviżorji; |
|
23. |
Jirrikonoxxi l-isfidi tal-qgħad għoli u l-faqar, li jkomplu jirrappreżentaw piż qawwi fuq il-pajjiż; jilqa' d-dibattitu dwar il-paga minima li għaddej attwalment fil-parlament; ifakkar li fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-NU, il-pajjiż qiegħed fi grad baxx u jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali; jenfasizza, filwaqt li jistieden lill-Gvern jagħmel aktar sforzi sabiex jindirizza l-qgħad strutturali u jipproteġi l-gruppi vulnerabbli, li soluzzjoni għal problema serja ta' livelli għoljin ta' qgħad persistenti fil-pajjiż tista' tkun biss tkabbir ekonomiku sostenibbli permezz tal-ħolqien ta' ambjent li jħeġġeġ lin-negozji jinvestu aktar; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Gvern jappoġġa intrapriżi żgħar u medji billi jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u jħeġġu jkompli bil-prattika tajba tiegħu li jikkonsulta r-rappreżentanti tal-komunità tal-kummerċ; |
|
24. |
Jilqa' l-fatt li tul l-aħħar ħames snin, il-pajjiż telgħa erbgħin post 'il fuq fl-indiċi kontra l-korruzzjoni ta' Transparency International; ifaħħar l-emendi li saru fil-qafas legali għal politika kontra l-korruzzjoni skont ir-rakkomandazzjonijiet GRECO; jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni madankollu, li l-korruzzjoni għadha 'tħassib serju'; iħeġġeġ sforzi kontinwi sabiex jiġi stabbilit bilanċ ta' suċċess fir-rigward ta' kundanni imparzjali għall-każijiet ta' korruzzjoni, b'mod partikolari dawk ta' livell għoli u f'oqsma ewlenin ta' tħassib bħall-akkwist pubbliku; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar trasparenza fir-rigward tan-nefqa pubblika u l-finanzjament ta' partiti politiċi; jistieden lill-investituri u l-impriżi tal-Unjoni Ewropea li għandhom rapporti kummerċjali mal-pajjiż biex ikollhom rwol ta’ tmexxija tal-pari akbar mas-sħab lokali tagħhom fi stqarrijiet bil-miftuħ kontra l-korruzzjoni; |
|
25. |
Jinnota s-sejba tar-Rapport ta’ Progress li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni għadhom fraġli; jitlob protezzjoni legali u istituzzjonali aktar b'saħħitha għal dawk li jirrappurtaw; jilqa' l-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali l-ġdid, adottat fil-qafas ta' Riforma Ġudizzjarja Kriminali usa', li għandu jtejjeb il-proċeduri investigattivi għal każijiet ta' kriminalità organizzata u korruzzjoni kumplessi; jilqa’ l-ħatra mis-sena li ġejja ta’ tim investigattiv li jaħdem direttament għall-Prosekutur Pubbliku u jittama li dan se jippermetti li aktar każijiet mgħoddija mill-Kummissjoni jwasslu realment għall-kundanni; jistieden lill-Gvern jipprovdi lill-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni bil-fondi u l-persunal neċessarju; jenfasizza li r-rieda politika hija kruċjali biex tiġi ttrattata l-korruzzjoni sistematika; |
|
26. |
Jinnota l-adozzjoni ta' pakkett legali b'ambitu wiesa' mmirat li jsaħħaħ ulterjorment l-effiċjenza u l-indipendenza tal-ġudikatura; jilqa' f'dan ir-rigward il-ħidma effiċjenti tal-Akkademja tal-Imħallfin u l-Prosekuturi Pubbliċi u l-implimentazzjoni tad-distribuzzjoni arbitrarja tal-każijiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli biex ikomplu jimplimentaw leġiżlazzjoni li tiġġieled il-korruzzjoni, u jtejbu l-indipendenza, l-effiċjenza u r-riżorsi tal-ġudikatura; jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' sistema tal-qorti li tiffunzjona mingħajr indħil politiku; jilqa' l-isforzi biex jiżdiedu l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistema tal-qorti; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm bilanċ tal-infurzar ta’ prosekuzzjonijiet u kundanni li permezz tiegħu jista’ jitkejjel il-progress; jitlob l-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, biex jiġu żgurati sistema ġudizzjarja prevedibbli u l-fiduċja taċ-ċittadini; |
Il-ftehim qafas ta' ohrid
|
27. |
Jifraħ lill-pajjiż fl-20 anniversarju mill-indipendenza tiegħu u fl-10 anniversarju tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid imfakkra fl-2011; jenfasizza li l-ftehim jista' jkun mudell ta’ riżoluzzjoni ta' suċċess ta' kunflitti interetniċi, filwaqt li jżomm l-integrità territorjali u jirriforma l-istrutturi tal-Istat; jenfasizza madankollu, li jinħtieġu sforzi ulterjuri u aktar b'saħħithom sabiex tinkiseb rikonċiljazzjoni sħiħa bejn il-partijiet u tiġi stabbilita l-bażi għall-konsolidazzjoni ta' istituzzjonijiet demokratiċi mhux partiġjani u interetniċi; |
|
28. |
Ifaħħar id-diskors tal-Prim Ministru fil-5 ta’ Settembru 2011, li laqa’ l-multikulturaliżmu bħala l-mudell soċjali u politiku tal-pajjiż u enfasizza l-ħtieġa tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid u l-istabbiliment tal-objettiv ta' integrazzjoni mingħajr assimilazzjoni; jappoġġa l-impenji li ttieħdu lejn it-tieni deċennju tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid; |
|
29. |
Jirrikonoxxi l-adozzjoni reċenti ta’ bosta liġijiet, b’mod partikolari l-emendi għal-Liġi dwar il-Lingwi u l-użu ta’ simboli; jitlob appoġġ attiv fil-lokalitajiet kollha għall-Kumitati għar-relazzjonijiet fost il-komunitajiet; |
|
30. |
Jinnota bi tħassib l-użu ta' argumenti storiċi fid-dibattitu attwali, inkluż il-fenomenu tal-hekk imsejħa antikwiżazzjoni, li thedded li żżid it-tensjonijiet mal-pajjiżi ġirien u toħloq qasmiet interni ġodda; |
|
31. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta' preparazzjoni u organizzazzjoni operattiva adegwati taċ-ċensiment skont il-liġi u l-istandards tal-Eurostat; jistieden lill-Gvern jippreżenta pjan kredibbli għall-implimentazzjoni tal-proċess; jinnota l-importanza tal-limitu ta’ 20% għall-attivazzjoni ta’ ċerti drittijiet skont il-Ftehim Qafas ta' Ohrid, iżda jinsisti li l-ebda forma ta' diskriminazzjoni lejn il-komunità Albaniża jew kwalunkwe komunità etnika ta' minoranza oħra ma tista' tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-proporzjon tagħhom fil-popolazzjoni; |
|
32. |
Jitlob sforzi sinifikament imtejba għall-ġlieda kontra s-separazzjoni ta' tfal ta' gruppi etniċi differenti fis-sistema tal-edukazzjoni, filwaqt li jappoġġa d-dritt ta' kulħadd għal edukazzjoni fil-lingwa nattiva proprja; għal dan il-għan, jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati kotba tal-iskola ġodda bil-għan li tittejjeb il-komprensjoni reċiproka u tiġi fit-tmiem il-prattika ta' rotazzjoni etnika li għadha ssir f’xi skejjel; jitlob, fid-dawl tal-importanza kbira tal-edukazzjoni għall-pajjiż, li jingħata appoġġ akbar lil dan is-settur mill-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, bil-kundizzjoni li s-segregazzjoni fl-edukazzjoni tiġi ttrattata b'mod effikaċi; |
Id-deċentralizzazzjoni
|
33. |
Jappoġġa l-passi deċiżivi lejn id-deċentralizzazzjoni politika fil-pajjiż, li ġew deskritti mill-Gvern bħala l-pilastru ewlieni tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid, u li hija fl-interess ta' amministrazzjoni pubblika tajba; jilqa’ l-approvazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni biex dan jinkiseb; |
|
34. |
Japprova r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jingħata impetu aktar qawwi għall-proċess ta’ deċentralizzazzjoni; jitlob għal bilanċjar sinifikanti mill-ġdid bejn il-baġits ċentrali u lokali biex tinkiseb din id-deċentralizzazzjoni; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza, l-oġġettività u l-imparzjalità fid-distribuzzjoni tal-għotjiet lill-muniċipalitajiet; jesprimi t-tħassib tiegħu li xi muniċipalitajiet se jesperjenzaw problemi finanzjarji minħabba nuqqas ta' kapaċitajiet ta' ġestjoni finanzjarja, u jħeġġeġ lill-Gvern bl-appoġġ tal-Kummissjoni fejn meħtieġ, biex jipprovdilhom l-assistenza teknika xierqa; |
|
35. |
Ifaħħar il-programm ta’ kooperazzjoni ta' suċċess bejn il-muċipalitajiet, bl-assistenza tal-UNDP, u jistieden lill-UE ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għal din il-prattika; |
Id-drittijiet fundamentali
|
36. |
Jinsab imħasseb ħafna dwar l-iżviluppi reċenti fil-midja u dwar il-fatt li s-sjieda tal-midja għadha mhux trasparenti u kkonċentrata ħafna; iħeġġeġ lill-pajjiż juri impenn assolut lejn il-libertajiet tal-midja u l-pluraliżmu, inkluż dibattitu infurmat u pluralistiku dwar il-kwistjonijiet ta' riforma identifikati fir-Rapport ta' Progress; jilqa’ l-istedina tar-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja biex jieħu sehem fil-laqgħat ta' diskussjoni stabbiliti dan l-aħħar dwar il-libertà tal-midja u japprova l-istqarrija tagħha li, filwaqt li l-kumpaniji tal-midja kollha għandhom jirrispettaw r-regoli ġuridiċi u finanzjarji applikabbli biex isir il-kummerċ, il-midja kritika fil-konfront ta' partit wieħed ma tistax tkun partikolarment fil-mira tas-sistema legali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw ir-rispett għall-istat ta' dritt u l-libertà tal-midja fil-pajjiż, u b'hekk jiżguraw li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tibqa' pożittiva fil-futur; |
|
37. |
Jitlob għad-distribuzzjoni ekwa u trasparenti tad-dħul mir-riklami tal-Istat bejn ix-xandara nazzjonali kollha mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni tal-kontenut editorjali jew il-ġibda politika; japprova ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal azzjoni li tiżgura li l-istazzjon televiżiv tal-Istat jissodisfa l-objettivi u għandu rwol imparzjali ta’ xandar tas-servizz pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet jadottaw il-bidliet neċessarji sabiex jallinjaw il-Liġi dwar ix-xandir mal-leġiżlazzjoni tal-UE; |
|
38. |
Jitlob sforzi biex ikun evitat l-abbuż ta’ azzjonijiet ta’ libell kontra ġurnalisti għal raġunijiet politiċi; jilqa' l-istqarrija reċenti tal-Gvern li l-liġi dwar il-malafama għandha titneħħa mill-kodiċi kriminali u l-kawżi pendenti kontra ġurnalisti għandhom jiġu sospiżi;; jenfasizza li l-libertà tal-midja hija l-pedament tad-demokrazija u hija essenzjali għal kull pajjiż li jaspira li jsir Stat Membru tal-UE; huwa tal-fehma li s-settur tal-midja għandu jelabora u jimplimenta standards professjonali għoljin għall-ġurnalisti u jimxi mar-regoli tal-etika ġurnalistika; jistieden lill-awtoritajiet ifasslu leġiżlazzjoni antitrust fil-qasam tal-midja, kif ukoll miżuri li jevitaw l-influwenza politika fis-settur tal-midja; |
|
39. |
Jilqa’ l-fatt li l-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon hi ġeneralment garantita; iħeġġeġ lill-Gvern ikompli bl-isforzi tiegħu għat-tisħiħ ta' politiki kontra d-diskriminazzjoni, jenfasizza l-importanza li tiġi evitata d-diskriminazzjoni għal raġunijiet etniċi, inkluża d-diskriminazzjoni kontra ċittadini li jesprimu bil-miftuħ l-identità u/jew l-oriġini etnika Bulgara tagħhom; |
|
40. |
Jilqa’ l-ħolqien tal-Kummissjoni Kontra d-Diskriminazzjoni din is-sena u jitlob lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u lin-Netwerk Equinet għall-aġenziji indipendenti Ewropej kontra d-diskriminazzjoni, jappoġġaw u jikkooperaw bis-sħiħ max-xogħol tagħha; jilqa’ l-fatt li tliet ilmenti ta’ allegata diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni sesswali mressqin mill-Koalizzjoni għad-drittijiet sesswali u tas-saħħa qed jiġu investigati mill-Kummissjoni; |
|
41. |
Jitlob għat-tisħiħ tal-politiki kontra d-diskriminazzjoni u l-implimentazzjoni effikaċi tagħhom, inklużi aktar sforzi biex jitħarsu d-drittijiet tan-nisa u tat-tfal kif ukoll dawk tal-persuni b'diżabilità; jilqa' r-rwol attiv u effikaċi tal-grupp parlamentari tan-nisa, iżda jinsab imħasseb dwar ir-rata ta' parteċipazzjoni baxxa min-naħa tan-nisa fil-ħajja politika fuq livell lokali, u jqis li programmi edukattivi mmirati li jinvolvu lin-nisa fil-ħajja ċivili u politika għandhom jittejbu u jiġu implimentati; jitlob aktar sforzi sabiex il-persuni b'diżabilità ma jibqgħux istituzzjonalizzati; jilqa' r-ratifika parlamentari tal-Konvenzjoni tan-NU għad-drittijiet tal-persuni b'diżabilitajiet fis-7 ta' Diċembru 2011; |
|
42. |
Jinsab imħasseb li sar biss progress limitat rigward l-ugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-Gvern jagħmel l-ugwaljanza tal-ġeneru prijorità politika u jżid l-appoġġ għal attivitajiet u inizjattivi li għandhom l-għan li jiġġieldu drawwiet, tradizzjonijiet u sterjotipi diskriminatorji li jdgħajfu d-drittijiet bażiċi tan-nisa; |
|
43. |
Itenni t-talba tiegħu għal modifika tal-Liġi dwar il-prevenzjoni u l-ħarsien kontra d-diskriminazzjoni biex tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażijiet kollha, skont l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jenfasizza li dan huwa prerekwiżit għall-adeżjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kotba tal-università u tal-iskola li jiddeskrivu l-omosesswalità bħala marda u jitlob il-modifika immedjata tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa programmi għal bini tal-kapaċità, immirati lejn it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili, inkluża l-komunità tal-leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru (LGBT); |
|
44. |
Jilqa’ l-presidenza attwali tal-pajjiż tad-Deċennju għall-Inklużjoni tar-Rom u jittama li dan se jispira ulterjorment il-progress fl-integrazzjoni tar-Rom fil-ħajja politika, soċjali u ekonomika; jilqa' l-progress fl-integrazzjoni tar-Rom fis-sistema edukattiva, b'żieda fir-reġistrazzjonijiet għall-edukazzjoni sekondarja u universitarja, kif ukoll ir-rappreżentazzjoni mtejba tar-Rom fis-servizz ċivili; jiġbed l-attenzjoni madankollu, għall-konklużjoni tal-Kummissjoni li jinħtieġu sforzi kontinwi biex tkun promossa l-fiduċja, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura u l-lingwa; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja diffiċli ħafna esperjenzati mill-komunità Rom u l-fatt li dawn qed ikomplu jaffaċjaw diskriminazzjoni fl-aċċess għall-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali; jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tan-nisa u t-tfal Rom li jgħixu taħt il-limitu tal-faqar u jistieden lill-awtoritajiet jieħdu passi immedjati biex jindirizzaw din il-kwistjoni; |
|
45. |
Jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-Gvern tal-Istrateġija għall-inklużjoni soċjali tar-Rom 2012-2014; jindika madankollu, li fl-2012 ma ġew allokati l-ebda fondi statali għall-implimentazzjoni tal-miżuri skont il-pjan ta' azzjoni rilevanti, u jistieden f'dan ir-rigward lill-awtoritajiet isibu r-riżorsi neċessarji; |
|
46. |
Jistieden lill-partijiet interessati kollha jippromwovu u jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili indipendenti, pluralista, interetnika, interkulturali u mhux partiġġjana fi ħdan il-pajjiż; jenfasizza madankollu li sabiex ikollhom dan ir-rwol, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jeħtiġilhom li jissaħħu kunsiderevolment u jsiru indipendenti mill-influwenzi esterni, b'mod partikolari mill-interessi politiċi, u li dan ġeneralment għadu mhux il-każ fil-pajjiż; jitlob li jkun disponibbli finanzjament nazzjonali għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi sabiex tintemm id-dipendenza żejda fuq id-donaturi barranin; |
|
47. |
Jemmen madankollu, li l-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili tal-UE għandha l-potenzjal li ssaħħaħ drammatikament l-iskambji bejn l-NGOs, in-negozji u t-trejdjunjins tal-pajjiż ma’ sħab fl-Istati Membri tal-UE għall-benefiċċju reċiproku tagħhom u bil-għan dirett li jissaħħaħ il-proċess ta’ adeżjoni tal-UE; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-appoġġ finanzjarju mill-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni biex jissaħħaħ l-iżvilupp b’mod partikolari tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi; |
|
48. |
Jenfasizza li l-pajjiż irratifika it-tmien konvenzjonijiet ta’ qofol tal-ILO dwar id-drittijiet tax-xogħol; jinsab imħasseb li sar biss progress moderat fil-qasam tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins; jistieden lill-awtoritajiet isaħħu ulterjorment id-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Gvern jiżgura biżżejjed kapaċità amministrattiva sabiex ikun hemm lok għal implimentazzjoni u infurzar xierqa tal-liġi tax-xogħol; jindika r-rwol importanti tad-djalogu soċjali u jħeġġeġ lill-Gvern iżid l-ambizzjonijiet tiegħu u jwaqqaf djalogu soċjali li jinkludi l-aspetti kollha mas-sħab relevanti; |
Il-ġustizzja u l-affarijiet interni
|
49. |
Jinnota l-progress li sar fir-riforma tal-ġudikatura; jifraħ lill-Akkademja għat-Taħriġ tal-Imħallfin u l-Prosekuturi, li issa waslet għal ħames anniversarju tagħha, għax-xogħol tagħha; jinsab imħasseb dwar in-nuqqasijiet tal-Liġi dwar l-Imħallfin, li fiha hemm lok għal influwenza politika permezz ta' proċeduri ta' tkeċċija, iżda jirrikonoxxi li hemm kunsens dwar il-ħtieġa għal aktar kriterji oġġettivi f'dan ir-rigward; jenfasizza, filwaqt li jilqa' l-fokus il-ġdid fuq il-prestazzjoni tal-imħallfin, li dan ma jistax jinkiseb mingħajr impenn ugwali lejn il-kwalità tas-sentenzi, inkluż l-impenn lejn it-taħriġ kontinwu u proċeduri ta' reklutaġġ ibbażati fuq il-mertu u lejn il-prinċipju ta' ġudikatura indipendenti; |
|
50. |
Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti ta’ trattament ħażin mill-pulizija u jitlob li jsiru investigazzjonijiet dettaljati, b'mod partikolari tal-inċident traġiku fil-lejl tal-elezzjoni u l-affermazzjonijiet li skonthom ma saritx investigazzjoni totali fuq il-post tar-reat; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-indipendenza tal-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-pulizija, b’mod partikolari s-Settur għall-Kontroll Intern u l-Istandards Professjonali fil-Ministeru tal-Intern; |
|
51. |
Iħeġġeġ il-passi li qed jittieħdu biex tittejjeb is-sitwazzjoni fil-ħabsijiet, bħall-korsijiet ta' taħriġ u ta' żvilupp professjonali ġodda għall-persunal tal-ħabs, il-bini ta' diversi ħabsijiet ġodda biex jieħdu post dawk qodma u l-inizjattiva sabiex titfassal il-liġi dwar il-probazzjoni fi sforz sabiex jiġi indirizzat l-iffullar; iħeġġeġ il-progress kontinwu fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħabs iżda jitlob li tingħata attenzjoni speċifika lill-faċilitajiet ta’ detenzjoni għall-minuri u lis-sejba tar-Rapport ta’ Progress li l-unità għall-ġlieda kontra t-trattament ħażin ma tistax twettaq il-missjoni tagħha; |
|
52. |
Ifaħħar il-kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu u jilqa' l-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni ġuridika u mal-pulizija ffirmata mal-pajjiżi ġirien; jilqa' l-konklużjoni ta' ftehim operattiv bejn il-pajjiż u l-Europol sabiex jiġi ffaċilitat b'mod sinifikanti l-iskambju ta' data analitika u tittejjeb il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu; jinnota l-Att tas-Sistematizzazzjoni u t-tibdil li jintroduċi fid-Dipartiment għall-Kriminalità Organizzata tal-Ministeru għall-Intern biex itejjeb il-funzjonalità tiegħu u l-integrazzjoni fis-sistema ta' informazzjoni nazzjonali u internazzjonali għall-investigazzjoni kriminali; jilqa' l-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali l-ġdid, li għandu jtejjeb il-proċeduri investigattivi għal każijiet ta' kriminalità organizzata u korruzzjoni kumplessi; jinsisti li s-superviżjoni għandha titwettaq b'mod proporzjonat mat-theddida ġenwina għas-sigurtà tal-pubbliku, b'kontroll ġudizzjarju mtejjeb u b’sorveljanza parlamentari msaħħa tas-servizzi ta’ informazzjoni u dawk kontroinformattivi; |
|
53. |
Jħeġġeġ lill-awtoritajiet jtemmu t-tħabbir li ilu tant mistenni tal-ismijiet tal-aġenti affiljati mas-servizzi sigrieti ta' dik li kienet il-Jugoslavja bħala pass ewlieni lejn il-firda mill-passat tal-Komuniżmu; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-mandat tal-Kummissjoni tal-Verifika tad-Data, notevolment l-indipendenza tagħha li tiżvela s-sejbiet tagħha direttament lill-pubbliku u t-trasferiment tad-dokumenti neċessarji kollha fuq bażi permanenti lejn il-bini tal-Kummissjoni; |
|
54. |
Jinnota l-miżuri meħuda biex il-flussi migratorji jkunu ġestiti b'aktar effikaċja, b’mod partikolari billi jiġi indirizzat t-tħassib dwar il-problema ta’ dawk li jitolbu ażil mingħajr bażi; jesprimi tħassib madankollu, dwar l-użu tal-profili u jitlob applikazzjoni riġida tal-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni f'tali miżuri; jitlob sforzi msaħħa biex jiġu implimentati d-drittijiet taċ-ċittadinanza għar-refuġjati eliġibbli u biex l-applikazzjonijiet għal ażil jiġu pproċessati fil-ħin u f'konformità totali mal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
55. |
Jilqa’ l-fatt li ċ-ċittadini tal-pajjiż ibbenefikaw mil-liberalizzazzjoni tal-viża sa minn Diċembru 2009; jintrabat li jiddefendi reġim ħieles mill-viżi bħala l-pedament tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiż u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll bħala miżura sinifikanti għall-promozzjoni ulterjuri u t-tisħiħ tal-kuntatti bejn persuna għal oħra; |
L-amministrazzjoni pubblika
|
56. |
Jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija dettaljata għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika sal-2015 u d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-funzjonarji pubbliċi f'April 2011; iħeġġeġ lill-Gvern jarmonizza ulterjorment il-qafas legali fil-qasam tal-impjegati ċivili u l-impjegati pubbliċi, inkluż billi jemenda l-liġijiet relevanti; jenfasizza l-passi ulterjuri li jridu jittieħdu bil-għan li jiġi żgurat servizz ċivili professjonali u imparzjali, inkluż fuq livell muniċipali; jilqa' f'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' Qorti Amministrattiva Għolja u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet responsabbli għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika jikkontribwixxu lejn l-aċċelerazzjoni tal-proċess ta' riforma; jinsisti li ħatriet fuq il-mertu u mhux skont l-affiljazzjoni politika jistgħu u jridu jinkisbu b’mod parallel mal-isforzi għal rappreżentazzjoni ekwa; |
|
57. |
Ifaħħar lill-Gvern għall-progress fil-qasam tal-iżvilupp reġjonali u għall-preparazzjoni tat-trasferiment tal-fondi ta' ġestjoni skont l-Istrument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA); jinnota b'sodisfazzjon l-akkreditazzjoni ta' awtoritajiet nazzjonali għall-komponenti tal-IPA dwar l-għajnuna għat-tranżizzjoni u l-bini tal-istituzzjonijiet, l-iżvilupp reġjonali, l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-iżvilupp rurali; jistieden lill-Gvern u lill-Kummissjoni jħaffu x-xogħol neċessarju bil-għan li jittrasferixxu l-ġestjoni tal-komponent IPA li fadal dwar il-kooperazzjoni transkonfinali; itenni l-importanza tal-IPA bħala strument ewlieni mfassal sabiex jgħin lill-pajjiż jipprepara għas-sħubija mal-UE, u jħeġġeġ lill-Gvern itejjeb ulterjorment il-koordinazzjoni interministerjali sabiex il-pajjiż ikun jista' jibbenefika bis-sħiħ mir-riżorsi disponibbli; |
Kwistjonijiet oħra ta' riforma
|
58. |
Jilqa' l-kampanja dwar l-effiċjenza fl-enerġija u jistenna aktar miżuri effikaċi għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli, skont il-potenzjal tal-pajjiż; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni effikaċi tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ambjent, sabiex ikunu protetti r-riżorsi naturali, b’mod partikolari l-ilma; jinnota li l-pajjiż għadu ma ħax impenji fir-rigward tat-tnaqqis tal-gass b'effett ta' serra u li hemm il-bżonn li jitqajjem id-dibattitu nazzjonali dwar il-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima; jitlob għal aktar sforzi biex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun allinjata mal-acquis tal-UE f'dan il-qasam; |
|
59. |
Jilqa’ l-progress li sar fl-immodernizzar tan-netwerks tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet u b'mod partikolari l-isforzi biex jitlesta l-Kuritur X; minħabba l-importanza tal-konnessjonijiet tal-ferrovija bħala alternattiva għat-trasport fit-triq, jilqa’ l-intenzjoni tal-Gvern li jtejjeb jew jibni konnessjonijiet tal-ferrovija minn Skopje għall-kapitali tal-pajjiżi ġirien u jitlob il-finalizzazzjoni tal-konnessjonijiet tal-ferrovija fil-Kuritur VIII; |
|
60. |
Jesprimi d-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta' progress f'ċelebrazzjonijiet konġunti ta' avvenimenti storiċi u figuri komuni ma' Stati Membri tal-UE ġirien, li jistgħu jikkontribwixxu għal għarfien aħjar tal-istorja u relazzjonijiet tajba mal-viċinat; iħeġġeġ it-twaqqif ta' kumitati esperti konġunti dwar l-istorja u l-edukazzjoni mal-Bulgarija u l-Greċja, li twassal għal interpretazzjoni tal-istorja oġġettiva u bbażata fuq il-fatti, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika u l-promozzjoni ta' attitudnijiet pożittivi fiż-żgħażagħ fir-rigward tal-ġirien tagħhom; |
|
61. |
Iħeġġeġ l-isforzi kontinwi għall-implimentazzjoni tal-proċess ta' Bologna fl-edukazzjoni ogħla u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra fir-reġjun biex tkun promossa l-kwalità tal-universitajiet; ifakkar l-importanza tal-prinċipju ta' libertà akkademika; |
|
62. |
Jifraħ lill-pajjiż dwar il-prestazzjoni qawwija tat-tim tiegħu fil-Kampjonat Ewropew tal-Basketball 2011; |
|
63. |
Jilqa' l-livell ogħli ta' allinjament bejn il-pajjiż u l-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE fil-qasam tal-politika għall-affarijiet barranin; iħeġġeġ l-isforzi tal-pajjiż għall-istabbiliment ta' relazzjonijiet tajba mal-viċinat tiegħu; jilqa' l-fatt li d-demarkazzjoni tal-fruntiera mal-Kosovo fl-2009 ppermettiet relazzjonijiet aktar mill-qrib u, sa minn Settembru 2011, ftehim dwar il-kontrolli konfinali konġunti; jantiċipa li dan il-ftehim se jkun qiegħed jopera totalment fil-futur qrib; jifraħ lill-awtoritajiet dwar l-organizzazzjoni reċenti ta' suċċess tal-Laqgħa tal-Ministri għall-Integrazzjoni tal-UE tal-Balkani tal-Punent li saret fi Skopje; |
|
64. |
Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali bħala parti essenzjali tal-proċess li jqarreb lejn l-Unjoni Ewropea; jilqa' l-passi lejn l-iffaċilitar tal-libertà ta' moviment fir-reġjun, inkorporat fit-trattat mal-Albanija u l-Montenegro li jippermettu liċ-ċittadini tagħhom jaqsmu l-fruntieri u jivjaġġaw liberament madwar it-tliet pajjiżi, sempliċiment permezz tal-karta tal-identità; iħeġġeġ l-estensjoni tal-inizjattiva għal aktar pajjiżi tar-reġjun; |
|
65. |
Jilqa' l-involviment internazzjonali tal-pajjiż f'diversi attivitajiet importanti, bħall-parteċipazzjoni fil-Missjoni EUFOR Althea (operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnja u Ħerżegovina), il-presidenza tiegħu tal-Proċess ta' Kooperazzjoni Ewropew 2012-2013 u l-kooperazzjoni sħiħa tiegħu mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja; |
*
* *
|
66. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-pajjiż. |