EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0494

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu

/* COM/2012/0494 final */

52012DC0494

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu /* COM/2012/0494 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-Tkabbir Blu:

opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Jekk ngħoddu l-attivitajiet ekonomiċi kollha li jiddependu fuq il-baħar, l-ekonomija blu tal-UE[1] tirrappreżenta 5.4 miljun impjieg u valur miżjud gross ta’ ftit anqas minn EUR 500 biljun fis-sena[2] B’kollox, 75 % tal-kummerċ estern Ewropew[3] u 37 % tal-kummerċ fl-UE[4] ġej mill-baħar. Ħafna minn din l-attività hija kkonċentrata madwar il-kosti tal-Ewropa, iżda mhux kollha. Ċerti pajjiżi maqtugħa mill-baħar jospitaw manifatturi tat-tagħmir tal-baħar ta’ suċċess kbir.

Il-baħar u l-kosti jixprunaw l-ekonomija. Minħabba l-ġeografija tħares ’il barra tagħhom, il-portijiet u l-komunitajiet kostali tradizzjonalment kienu ċentri għal ideat ġodda għall-innovazzjoni. Barra minn din l-inklinazzjoni tradizzjonali għall-innovazzjoni, issa hemm involuti tliet fatturi ġodda.

– L-ewwel, kien hemm progress teknoloġiku mgħaġġel fix-xogħol lil hinn mill-kosta f’ilmijiet dejjem aktar fondi. Ir-robotika, il-vidjo-sorveljanza u t-teknoloġija sommerġibbli issa qed jiġu ppakkjati b’mod regolari f’makkinarju għal operazzjonijiet li għaxar snin ilu ma kinux vijabbli.

– It-tieni, qed insiru dejjem aktar konxji li l-art u l-ilma ħelu huma riżorsi limitati. Il-qerda akbar ta’ foresti u t-tnixxif ta’ artijiet mistagħdra ser iċaħħdu l-ġenerazzjonijiet futuri mill-benefiċċji ipprovduti minnhom. Irridu nħarsu lejn kif 71 % tal-pjaneta li hija oċean tista’ tipprovdi bżonnijiet umani bħall-ikel u l-enerġija b’mod aktar sostenibbli. L-ilħuq tal-miri ambjentali jista’ jkun ukoll sors ta' innovazzjoni u tkabbir.

– It-tielet, il-bżonn li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ma wassalx biss għall-użu ta’ installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, iżda pprovda impetu ulterjuri għall-iffrankar tal-enerġija u raġuni addizzjonali biex wieħed jiffavorixxi t-trasport bil-baħar aktar mit-trasport fuq l-art minħabba l-emissjonijiet baxxi tiegħu kull tunnellata-kilometru. Hemm potenzjal sinifikanti biex jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet li huma responsabbli għal madwar 3 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra, billi tittejjeb aktar l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti.

Dan fetaħ opportunità għat-tkabbir blu – inizjattiva għall-użu tal-potenzjal , li għadu ma ġiex sfruttat, tal-oċeani, l-ibħra u l-kosti Ewropej, għall-impjiegi u għat-tkabbir. Il-potenzjal huwa wieħed sinifikanti, dejjem jekk isiru l-investimenti u r-riċerka xierqa. It-tkabbir fl-ekonomija blu joffri modi ġodda u innovattivi li jgħinu l-UE toħroġ mill-kriżi ekonomika attwali tagħha. Jirrappreżenta d-dimensjoni marittima tal-istrateġija Ewropa 2020. Jista' jikkontribwixxi għall-kompetittività internazzjonali tal-UE, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi[5], il-ħolqien tax-xogħol u sorsi ġodda ta' tkabbir waqt li jissalvagwardja l-bijodiversità u jħares l-ambjent tal-baħar, u b'hekk jippreserva s-servizzi li jipprovdu ekosistemi tal-baħar u tal-kosti b’saħħithom u reżiljenti.

Din il-Komunikazzjoni tixpruna ’l quddiem il-Politika Marittima Integrata tal-Kummissjoni u tniedi proċess li ser jiffissa l-pożizzjoni tal-ekonomija blu fuq l-aġenda tal-Istati Membri, ir-reġjuni, l-intrapriżi u s-soċjetà ċivili. Tiddeskrivi kif l-Istati Membri u l-politiki tal-UE diġà qegħdin jappoġġjaw l-ekonomija blu. Imbagħad tidentifika oqsma speċifiċi fejn l-azzjoni mmirata tista’ tipprovdi stimolu addizzjonali. Sussegwentement ser jiġi mniedi sett ta' inizjattivi bil-għan li jesplora u jiżviluppa l-potenzjal tat-tkabbir f'dawn l-oqsma.

2            X’inhi L-Ekonomija Blu?

Is-setturi individwali tal-ekonomija blu huma interdipendenti. Dawn jiddependu fuq ħiliet komuni u infrastruttura kondiviża bħall-portijiet u n-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Jiddependu wkoll fuq li oħrajn jużaw il-baħar b'mod sostenibbli.

Figura 1 L-impjiegi u d-daqs ekonomiku tal-attivitajiet ekonomiċi marittimi u tal-baħar. Jekk jogħġbok innota l-iskala logaritmika.

Figura 1 turi l-ktajjen tal-valur tal-ekonomija blu f’termini ta' valur miżjud gross u l-impjiegi. Dan jinkludi l-attivitajiet minn isfel għal fuq (‘upstream’) u minn fuq għal isfel (‘downstream’). Pereżempju, l-attività tas-setturi importanti tal-bini tal-bastimenti u t-tagħmir tal-baħar tqassmet fost il-ktajjen tal-valur relevanti.

L-istampa tista’ tieħu xejra different sal-2020. Irridu nħejju għal progress teknoloġiku, tibdil demografiku, skarsezza dejjem tiżdied ta’ riżorsi naturali u tkabbir f’ekonomiji li s’issa għadhom sottożviluppati, inkluż il-pajjiżi ġirien tagħna. Għadd ta’ attivitajiet tradizzjonali ser jibqgħu impjegaturi sinifikanti, filwaqt li setturi emerġenti ser jipprovdu impjiegi ġodda.

L-ekonomija blu għandha bżonn tkun sostenibbli u tirrispetta t-tħassib ambjentali potenzjali minħabba n-natura fraġli tal-ambjent tal-baħar. Hemm bżonn ta’ sforzi biex jitnaqqsu l-impatti ambjentali negattivi tal-attivitajiet marittimi bħall-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa u r-rimi ta’ sustanzi perikolużi.

3            Appoġġ Mill-Istati Membri Lill-Ekonomija Blu

L-Istati Membri diġà qed jagħmlu investimenti strateġiċi biex jisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija blu. Dawn jinkludu l-programm Irlandiż INFOMAR[6] bil-għan li jimmappja r-riżorsi tal-baħar u jirranġa mill-ġdid il-port ta’ Bremerhaven biex dan ikun jista’ jilħaq il-bżonnijiet tal-manifatturi u l-fornituri tal-industrija tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Il-proġett ta’ EUR 8 biljun MOSE li qed jiġi żviluppat bħalissa, huwa mmirat lejn il-ħarsien tal-belt ta' Venezja mill-għargħar u d-degradazzjoni morfoloġika.

Il-miżuri leġiżlattivi li jassiguraw lill-investituri li mhu ser ikun hemm l-ebda dewmien mhux previst fil-proċessi tal-ippjanar jew il-konnessjonijiet infrastrutturali, jistgħu jagħtu impetu għall-investiment daqs l-appoġġ finanzjarju. London Gateway ingħata setgħat statutorji bħala port u ċentru ta’ distribuzzjoni permezz ta’ ‘Ordni għall-Għoti ta' Setgħa lill-Portijiet' mid-Dipartiment għat-Trasport tar-Renju Unit. Dan l-investiment privat ta’ £1.5 biljun mhux biss ser inaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju billi jressaq il-kontejners aktar qrib id-destinazzjoni finali tagħhom, iżda sa tmiem l-2013 ser joħloq ukoll madwar 12000 impjieg ġdid.

In-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi u ta’ ħaddiema mħarrġa kif xieraq ġew identifikati bħala xkiel għat-tkabbir fi kważi s-setturi ekonomiċi kollha. Fl-ekonomija blu, l-Istati Membri qed jaffaċċjaw dawn il-problemi bl-iżvilupp ta’ gruppi marittimi. Dawn huma gruppi ta' industriji akbar, fornituri iżgħar u stabbilimenti edukattivi li jsaħħu lil xulxin permezz tal-prossimità viċina tagħhom. Il-komunikazzjoni aħjar li ġġib magħha prossimità ġeografika tfisser li l-korsijiet edukattivi u r-riċerka jistgħu jilħqu l-bżonnijiet tal-industrija lokali u l-fornituri jistgħu jifhmu s-suq u jbassru xejriet futuri. Eżempji jinkludu l-industrija tal-enerġija lil hinn mill-kosta fl-Iskozja u n-negozju tat-tiswija tal-bastimenti fi Brest li jospita l-akbar grupp marittimu Franċiż, il-'Pôle de competitivité mer'. Ostend għamel l-art u l-mollijiet disponibbli għall-kumpaniji tal-enerġija rinnovabbli qrib l-istituti tar-riċerka; u l-Istitut tal-Baħar f'Galway qed jiżviluppa ideat ġodda għall-osservazzjoni u l-komunikazzjoni marittima ma' negozji multinazzjonali kbar u żgħar fil-proġett tiegħu SmartBay.

Sabiex ikun hemm risposta għall-mistoqsijiet il-kbar tar-riċerka b’mod aktar effiċjenti permezz ta’ programmi ta’ ħidma li dwarhom hemm qbil komuni, l-Istati Membri qed jikkollaboraw f’Inizjattiva ta’ Programmar Konġunt dwar “Ibħra u Oċeani b’Saħħithom u Produttivi”.

4            Inizjattivi tal-UE Li Għadhom Għaddejjin

Il-politiki tal-UE tfasslu biex isaħħu l-isforzi tal-Istati Membri u r-reġjuni u jipprovdu elementi kostitwenti komuni għal ekonomija blu ta' suċċess. Dawn jinkludu:

(1) Inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tat-territorju marittimu spazjali u l-ġestjoni integrata taż-żoni kostali li għandhom jipprovdu negozju biċ-ċertezza legali li għandu bżonn biex jinvesti.

(2) L-inizjattiva “Għarfien dwar il-Baħar 2020”[7].Din ser tipprovdi infrastruttura integrata tal-għarfien ibbażata fuq sistemi nazzjonali tal-ġbir tad-dejta li jwasslu prodotti tad-dejta fuq livell Ewropew permezz tal-internet. Sal-2020, din ser tinkludi mappa ewlenija diġitali b'riżoluzzjoni multipla ta’ qiegħ il-baħar tal-ilmijiet Ewropej, kif ukoll informazzjoni aġġornata dwar il-kolonna tal-ilma. Mistennija benefiċċji ta’ mill-anqas EUR 500 miljun fis-sena[8] permezz ta’ żieda fl-effiċjenza u l-innovazzjoni.

(3) Ambjent Komuni ta' Kondiviżjoni tal-Informazzjoni (CISE)[9] għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE. Dan ser jippermetti lill-awtoritajiet marittimi responsabbli minn attivitajiet bħan-navigazzjoni sigura jew il-kontroll tas-sajd biex jikkondividu informazzjoni dwar ir-riskji u t-theddid. Dan inaqqas l-ispejjeż tagħhom u r-riskji għal negozji li joperaw fuq il-baħar.

(4) Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[10] li tintroduċi approċċ abbażi ta’ ekosistema, timmira li tassigura li l-pressjoni kollettiva tal-attivitajiet umani fuq l-ambjent tinżamm fil-livelli kompatibbli mal-kisba ta' status ambjentali tajjeb sal-2020. L-impenni tas-Summit Rio+20 jindirizzaw ukoll l-użu sostenibbli ta’ ekosistema varjata tal-baħar.

(5) Iż-Żona Ewropea tat-Trasport Marittimu mingħajr Konfini, li timmira li tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għat-trasport marittimu[11] u li għandha tiġi żviluppata aktar fi “Blue Belt” ta’ moviment marittimu ħieles fl-Ewropa u madwarha.

(6) Pjan ta’ Azzjoni sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għat-23 miljun SMEs Ewropej adottat mill-Kummissjoni f'Diċembru 2011[12] u proposta għal qafas ġdid tal-UE li joħloq suq uniku ġenwin għal fondi ta’ kapital ta’ riskju[13]

(7) Azzjonijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ iffinanzjati mill-'Programm Erasmus għal Kulħadd’, bħall-Alleanzi tal-Għarfien u l-Alleanzi tal-Ħiliet tas-Settur; strumenti biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tal-ħiliet u l-kwalifiki bħall-Oqfsa Ewropej tal-Kwalifiki; u antiċipazzjoni aħjar ta’ ħiliet u ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol permezz tal-Kunsilli tal-Ħiliet tas-Setturi Ewropej u l-Panorama tal-Ħiliet tal-UE.

(8) Il-programmi tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-baħar u marittimi[14] ffinanzjati permezz tal-programm ta’ qafas. Dawn jinkludu inizjattivi dedikati, bħas-sejħiet tas-Seba' (7) Programm Kwadru ‘L-Oċeani ta’ Għada’, għal aktar fehim tal-ambjent tal-baħar u tal-aġenti li jikkawżaw stress klimatiku u mhux klimatiku u biex jippromovu l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Il-programm futur Orizzont 2020 ser jiffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-sigurtà tal-provvista tal-ikel, l-enerġija nadifa, it-trasport ekoloġiku, l-azzjoni klimatika u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, kif ukoll ir-riċerka intertematika tal-baħar u dik marittima.

(9) L-inizjattiva LeaderSHIP 2015 li bħalissa qed tiġi eżaminata bil-għan li din l-istrateġija tiġi adattata biex l-isfidi l-ġodda li s-settur tal-bini tal-bastimenti tal-UE qed jaffaċċja jiġu ttrattati aħjar[15]

Il-finanzjament tal-UE taħt il-qafas finanzjarju 2014-2020 jista’ jsaħħaħ dawn l-isforzi. L-Istati Membri u r-reġjuni ser ikunu kapaċi jiffukaw l-investiment iffinanzjat mill-UE fuq attivitajiet ekonomiċi marittimi li jippromettu u l-infrastrutturi ta’ appoġġ tagħhom.

L-istrateġiji għall-baċiri tal-baħar, bħal dawk għall-Baltiku, l-Atlantiku u l-Adrijatiku-Jonju, jikkomplimentaw it-tħejjijiet għall-qafas finanzjarju l-ġdid billi jidentifikaw il-kwistjonijiet, is-soluzzjonijiet u l-azzjonijiet komuni. Joffru pjattaforma għall-Istati Membri sabiex dawn jimpenjaw ruħhom fi stadju bikri biex jiddefinixxu l-prijoritajiet. Pereżempju, permezz tal-istrateġija Atlantika tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tul il-kosta tal-Atlantiku qed jidentifikaw liema investimenti ta' prijorità jistgħu jiġu ffinanzjati taħt il-pakkett tal-baġit strutturali 2014-2020 u liema distakki fl-għarfien jistgħu jimtlew permezz tar-riċerka fl-inizjattiva Orizzont 2020. L-introduzzjoni tal-finanzjament tas-settur privat, inkluż permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment ser jgħin ukoll biex jiġi realizzat il-potenzjal tal-ekonomija blu.

5            Oqsma ta’ Attenzjoni tat-Tkabbir Blu

Analiżi tal-potenzjal tal-ħolqien tax-xogħol[16], kif ukoll il-potenzjal għar-riċerka u l-iżvilupp biex jitwettaq titjib teknoloġiku u innovazzjoni u l-bżonn għall-azzjoni fil-livell tal-UE, issuġġeriet li l-ħames ktajjen ta' valur li ġejjin jistgħu jipprovdu tkabbir sostenibbli u impjiegi lill-ekonomija blu. Jistgħu għalhekk jibbenefikaw minn tfassil ta' politika b’viżjoni ċara, u b’hekk jippermettu lis-settur privat ikollu rwol ewlieni fl-għajnuna tiegħu sabiex l-ekonomija blu tilħaq il-potenzjal ta' tkabbir sostenibbli tagħha. Din il-lista ma għandhiex titqies bħala kompluta. Inizjattivi tal-UE li għadhom għaddejjin diġà qed iħeġġu l-innovazzjoni f’setturi bħat-trasport marittimu. Ktajjen oħrajn ta’ valur jistgħu jitfaċċaw tul iż-żmien bħala oqsma xierqa għal attenzjoni ulterjuri rigward il-politika.

5.1         Enerġija blu

L-enerġiji tal-baħar għandhom il-potenzjal li jsaħħu l-effiċjenza tal-ħsad tar-riżorsi Ewropej tal-enerġija, jimminimizzaw ir-rekwiżiti għall-użu tal-art tas-settur tal-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet Ewropej tal-gassijiet serra (b’madwar 65 Mt CO2 fl-2020). Grazzi għall-miri tal-UE għall-enerġija rinnovabbli u l-inċentivi għall-investimenti bħat-tariffi garantiti jew iċ-ċertifikati ekoloġiċi, il-ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tar-riħ lil hinn mill-kosta bdiet tinfirex b'rata mgħaġġla fl-Ewropa. Fl-2011, il-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta kienet tirrappreżenta 10 % tal-kapaċità installata, kienet timpjega direttament u indirettament 35000 persuna madwar l-Ewropa u kienet tirrappreżenta EUR 2.4 biljun f'investimenti annwali. Sa tmiem l-2011 il-kapaċità totali lil hinn mill-kosta kienet 3.8 GW. Abbażi tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-Istati Membri, l-elettriku prodott mill-enerġija tar-riħ fl-2020 ser ikun ta’ 494.6 TWh u minnu ser jiġu ġġenerati 133.3 TWh lil hinn mill-kosta. Sal-2030 l-installazzjoni annwali tal-kapaċità lil hinn mill-kosta tista’ taqbeż lil dik fuq l-art. Il-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta tista’ tilħaq 4 % tad-domanda għall-elettriku tal-UE sal-2020 u 14 % sal-2030. Dan ikun ifisser 170000 impjieg sal-2020, li jiżdiedu għal 300000 sal-2030. Sforzi kontinwi biex jitnaqqsu l-ispejjeż għat-teknoloġija tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta ser iħaffu dan it-tkabbir. Dan huwa għan ewlieni tal-inizjattiva Industrijali Ewropea dwar l-enerġija mir-riħ tal-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET-Plan)[17]. Diversi Stati Membri huma attivi f'dan il-pjan.

Teknoloġiji oħra tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għadhom fi stadju bikri ta' żvilupp, bl-Istati Membri jippjanaw li jinstallaw biss kapaċità moderata ta’ bejn 2 u 4 GW sal-2020. L-isfida hija li titħaffef il-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija mill-oċeani permezz ta’ tnaqqis ta' spejjeż fuq it-teknoloġija minħabba li fil-futur qarib id-domanda mad-dinja kollha mistennija tirdoppja kull sena. Kombinazzjonijiet differenti ta’ kundizzjonijiet ġeografiċi u oċeanografiċi huma adattati għal teknoloġiji differenti. Dawn it-teknoloġiji joffru provvista ta' tagħbija bażi tal-elettriku ħafna aktar prevedibbli li tikkompensa għall-provvista varjanti tar-riħ:

– Milqgħa tal-marea (tidal barrage), struttura qisha diga li tintuża biex taqbad l-enerġija, f'bajja jew estwarju, mill-volumi tal-ilma deħlin u ħerġin. L-aħjar eżempju ta’ din it-teknoloġija fl-Ewropa huwa l-impjant tal-enerġija La Rance fi Franza b’kapaċità ta’ 240MW, li huwa t-tieni l-akbar impjant tat-tip tiegħu fid-dinja.

– Bħalissa qed jiġi esebit apparat li jaħdem bl-enerġija tal-mewġ, u t-turbini ta' taħt l-ilma li jaħdmu bil-kurrenti (tal-marea jew oħrajn) qegħdin fil-qrib li jibdew jiġu kummerċjalizzati. B’kollox, fl-2012, ġew installati 22MW ta’ apparat li jiġġenera l-enerġija mill-mewġ u l-kurrenti tal-ilma.

– Il-konverżjoni tal-enerġija tal-oċeani, li tuża d-differenza fit-temperatura bejn l-ilmijiet fondi tal-oċeani aktar kesħin u l-ilmijiet aktar sħan baxxi jew tal-wiċċ tal-oċeani biex iħaddmu magna tas-sħana tista' tkun opzjoni vijabbli għat-territorji lil hinn mill-UE fil-Karibew u l-Oċean Indjan.

L-operazzjoni kummerċjali tat-teknoloġija tal-enerġija blu ser ikollha bżonn investimenti fil-konnessjonijiet mal-grilja u fil-kapaċità tat-trasmissjoni. Il-mekkaniżmi ta’ appoġġ fit-tul, li kienu ta’ suċċess fl-inkoraġġiment ta’ investiment f’tipi oħra ta’ enerġija rinnovabbli, ser ikunu meħtieġa wkoll għal teknoloġiji emerġenti tal-mewġ u tal-kurrenti tal-marea.

Kif ġie enfasizzat riċentement fil-Komunikazzjoni “Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija”[18], hemm bżonn aktar sforzi għat-tisħiħ tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-enerġija mill-oċeani. Dan għandu jgħin biex jitnaqqsu aktar l-ispejjeż, tittawwal il-ħajja operattiva tat-tagħmir u tiġi ssimplifikata l-loġistika f’teknoloġiji li ser jgħinu biex jintlaħqu l-miri tal-2020. Minħabba ż-żmien twil meħtieġ għall-proġetti ta’ riċerka tal-UE, issa għandu jiġi ddedikat sforz akbar għat-teknoloġiji bħall-mewġ u l-kurrenti li ser jilħqu l-maturità sħiħa tagħhom fid-deċennji li ġejjin.

Il-miżuri tal-UE, inkluż il-finanzjament, jista’ ikollhom rwol kruċjali fil-provvediment ta’ qafas li jagħti l-investituri il-kunfidenza biex jinvestu. Il-Bank Ewropew tal-Investiment, bejn l-2005 u l-2011, sellef EUR 3.3 biljun għal proġetti ta' ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Il-bejgħ tal-ewwel 200 miljun kwota ta’ emissjoni għall-istrument ta’ finanzjament NER300[19] ser jiġbor madwar EUR 1.5 biljun sa Ottubru 2012. Proporzjon minn dan ser iservi ta’ appoġġ għall-proġetti ta’ wiri għall-ġenerazzjoni tal-enerġija lil hinn mill-kosta fl-Istati Membri. Dawn l-isforzi f’teknoloġiji ġodda għandhom jiġu sostnuti u għandhom jintużaw fondi strutturali għall-proġetti ta’ wiri. Fl-istess ħin għandhom isiru sforzi biex il-milqiet tal-marea jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħarsien tan-natura, possibbilment fil-qafas tal-ġestjoni integrata taż-żoni mal-kosta jew l-ippjanar strateġiku.

L-industrija tal-UE hija mexxej dinji fl-enerġija blu u tista’ tikkontribwixxi għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju barra mill-Ewropa permezz tal-esportazzjonijiet. Barra minn hekk, jistgħu jiġu esplorati wkoll sinerġiji mas-settur tal-enerġija konvenzjonali lil hinn mill-kosta, pereżempju billi jiġu trattati sfidi ta' sigurtà u infrastruttura flimkien. Il-proposta tal-Kummissjoni biex jogħlew l-istandards ta’ sigurtà fis-settur taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta madwar l-UE[20] hija inizjattiva ewlenija. Il-ħidma mas-settur tal-enerġija konvenzjonali tgħin biex ikunu assigurati provvisti ta’ enerġija bi prezz li jista’ jintlaħaq fl-UE.

5.2         Akkwakultura

Il-ħut huwa responsabbli għal madwar 15.7 % tal-proteini tal-annimali kkunsmati globalment. L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU tikkalkula[21] li l-akkwakultura tipprovdi nofs dan l-ammont u li sal-2030 ikun ilaħħaq il-65 %. Bħalissa fl-UE qiegħed 25 %. Globalment, għandha rata ta’ tkabbir ta’ 6.6 % kull sena, u dan jagħmilha l-aktar settur tal-produzzjoni tal-ikel mill-annimali li qed jikber b’rata mgħaġġla; aktar mgħaġġel miż-żieda fil-popolazzjoni globali annwali ta' 1.8 %. Għalhekk l-akkwakultura qed tikkontribwixxi għat-titjib inġenerali fid-dieta tal-bniedem. It-tkabbir fis-settur tal-akkwakultura fl-Asja, li jammonta għal aktar minn 89 % tal-produzzjoni globali huwa ta’ aktar minn 5 % fis-sena, filwaqt li t-tkabbir tas-settur fl-UE huwa staġnat.

Aktar minn 90 % tan-negozji tal-akkwakultura fl-UE huma SMEs, li jipprovdu madwar 80000 impjieg[22] L-akkwakultura għandha l-potenzjal li tikber billi tipprovdi aktar merkanzija ta’ kwalità lill-konsumaturi li lesti jagħżlu prodotti friski u ta' min jafdahom, aktar ma jgħaddi ż-żmien inkluż dawk prodotti b'mod sostenibbli u organiku. Barra minn hekk, tista’ tgħin il-komunitajiet tal-kosti ivarjaw l-attivitajiet tagħhom waqt li jtaffu l-pressjoni tas-sajd u b'hekk jgħinu fil-preservazzjoni tal-istokkjiet tal-ħut.

In-nuqqas ta’ spazju marittimu disponibbli għall-attivitajiet tal-akkwakultura, il-kompetizzjoni fis-suq globali u x-xkiel amministrattiv, b'mod partikolari rigward il-proċeduri ta' liċenzjar huma fost l-isfidi għat-tkabbir. L-akkwakultura sostenibbli għandha bżonn tikkonsidra wkoll l-impatti potenzjali fuq l-istokkijiet ta’ ħut slavaġ u l-kwalità tal-ilma. Mill-bidu tal-kriżi ekonomika preżenti, l-investiment kien limitat minħabba n-nuqqas ta’ kapital.

Bħala parti mir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd[23], il-Kummissjoni tipproponi li tippromwovi l-akkwakultura permezz ta’ 'metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni’ ibbażat fuq linji gwida strateġiċi mhux vinkolanti, pjanijiet strateġiċi nazzjonali multiannwali u l-iskambju tal-aħjar prattika. Hemm kamp ta’ applikazzjoni wiesgħa għat-titjib tal-prattiċi amministrattivi, speċjalment fil-liċenzjar. L-Istati Membri għandhom ikunu konxji ta' kif wieħed iżid il-produzzjoni permezz ta’ modi li huma sostenibbli u li jindirizzaw it-tħassib ta' utenti oħra tal-ispazju ta’ mal-kosta u tal-baħar – pereżempju, bil-bini ta’ gaġeġ flimkien ma' parks eoliċi lil hinn mix-xtut jew permezz ta’ akkwakultura multitrofika integrata. Tali miżuri ser ikunu appoġġjati finanzjarjament mill-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd propost[24] Il-programm futur għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 ukoll għandu jkollu rwol importanti fit-tisrif tal-potenzjal ta' tkabbir tal-akkwakultura Ewropea pereżempju permezz tat-trobbija ta' speċijiet ġodda jew li wieħed jitbiegħed aktar mill-kosta.

5.3         Turiżmu marittimu, kostali u tal-kruċieri

Is-sbuħija u d-diversità straordinarja tal-kosti Ewropej, kif ukoll il-medda wiesgħa ta’ faċilitajiet u attivitajiet offruti, jagħmluhom id-destinazzjoni ppreferuta għall-btajjel minn 63 % tat-turisti Ewropej[25] Is-subsettur marittimu u ta’ mal-kosti issa sar l-akbar attività ekonomika marittima unika, u jimpjega 2.35 miljun persuna, ekwivalenti għal 1.1 % tal-impjegar kollu tal-UE[26] Aktar minn 90 % tal-intrapriżi jimpjegaw anqas minn 10 persuni. F’ċerti żoni, it-turiżmu huwa sors addizzjonali ta’ dħul għall-komunitajiet kostali, iżda f’oħrajn jista’ jiddomina l-ekonomija lokali.

Filwaqt li ħafna minn dawn it-turisti ma jitbegħdux mill-kosta, l-attivitajiet tal-ilma lil hinn mill-kosta qed jiżdiedu. It-tbaħħir bil-jott huwa mistenni jikber bi b'minn 2 % sa 3 % fis-sena. L-industrija tal-kruċieri wkoll qed tikber. Fl-Ewropa timpjega kważi 150000 persuna u tiġġenera dħul dirett ta’ EUR 14.5 biljun[27] It-tarzni tal-UE kienu ta’ suċċess fil-qadi tagħhom tas-suq speċjalizzat – kemm ma’ bastimenti tal-kruċieri u kif ukoll ma’ bastimenti żgħar tad-divertiment.

Ambjent san huwa fundamentali għal kwalunkwe forma ta’ turiżmu ‘blu’ u jiffavorixxi l-potenzjal ta’ tkabbir ta’ forom ġodda ta’ turiżmu. Ilma għall-għawm ta’ kwalità għolja u ħabitati tal-baħar u kostali nodfa għandhom valur għoli ta' rikreazzjoni. Dan iżid il-faxxinu taż-żoni kostali konsegwentement iżid il-potenzjal ta’ tkabbir ta’ attivitajiet bħat-turiżmu nawtiku u l-isport, u t-turiżmu ambjentali bħall-osservazzjoni tal-baleni. Il-varjetà kbira ta' turiżmu Ewropew tfisser li ħafna mill-inizjattivi li jiġġeneraw it-tkabbir inevitabbilment ser ikunu fuq skala lokali jew reġjonali. Kull wieħed mill-baċiri tal-baħar Ewropej jippreżenta sfidi u opportunitajiet differenti u jeħtieġ approċċi mfassla apposta. L-amministrazzjonijiet pubbliċi ser ikollhom bżonn jadottaw approċċ strateġiku rigward l-investimenti biex jippermettu l-infrastrutturi bħall-kapaċità tal-irmiġġ, il-faċilitajiet tal-portijiet u t-trasport. Il-korsijiet fl-edukazzjoni ogħla għandhom bżonn jipprovdu bażi soda fil-ħiliet speċifiċi li hemm bżonn għall-manteniment u għaż-żieda tas-sehem tas-suq f'suq globali ċar u kompetittiv. Dan għandu jiġi akkumpanjat minn miżuri li jgħinu biex l-offerta tat-turiżmu għat-turiżmu fi staġun baxx titjieb, u biex titnaqqas il-marka għolja tal-karbonju u l-impatt ambjentali tat-turiżmu kostali.

Minħabba d-daqs kbir tal-attività, il-prekarjetà u l-livell baxx ta’ ħila tal-biċċa l-kbira tal-forza attwali tax-xogħol, kif ukoll minħabba l-impatt dominanti tat-turiżmu fuq ħafna ambjenti Ewropej tal-baħar u ta’ mal-kosta, il-miżuri fil-livell ta’ baċiri tal-baħar jew tal-UE jista’ ikollhom impatt sinifikanti pożittiv. Il-koordinazzjoni transfruntiera, bħala parti mill-istrateġija tal-baċiri tal-baħar, tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' żoni turistiċi ta' valur għoli. Il-Kummissjoni diġà qed tegħleb kwistjonijiet bħall-piż regolatorju fuq l-intrapriżi żgħar u medji. Dalwaqt ser tagħti bidu għal valutazzjoni tal-miżuri speċifiċi ulterjuri biex issaħħaħ is-settur.

5.4         Riżorsi minerali tal-baħar

Bejn l-2000 u l-2010 kien hemm żieda annwali ta’ madwar 15 % fil-prezz ta’ ħafna mill-materja prima mhux enerġetika[28], l-aktar riżultat tad-domanda tal-konsumatur f’ekonomiji emerġenti. Hemm riskju ta’ nuqqas fil-provvista għal diversi minn dawn, inkluż dawk identifikati bħala kritiċi għall-ekonomija tal-Ewropa[29]

L-avvanzi fit-teknoloġija kif ukoll it-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista inkoraġġew il-kumpaniji tal-minjieri biex iqisu x’jista' jipprovdi l-baħar . L-esplojtazzjoni u l-estrazzjoni ta’ minerali, minbarra r-ramel u ż-żrar, mill-baħar għadhom kemm bdew. Il-biċċa l-kbira mill-attività attwali ssir fl-ilma baxx. Sal-2020, 5 % tal-minerali fid-dinja, inkluż il-kobalt, ir-ram u ż-żingu jistgħu jiġu minn qiegħ l-oċeani. Sal-2030 din tista' togħla għal 10 %. Id-dħul globali annwali mill-estrazzjoni tal-minerali tal-baħar mistenni jikber minn kważi xejn għal EUR 5 biljun fl-10 snin li jmiss u għal EUR 10 biljun sal-2030[30]

L-estrazzjoni ta’ minerali maħlula, bħall-boron u l-litju, mill-ilma baħar, jista’ isir ekonomikament vijabbli wkoll L-aktar depożiti li jippromettu jinsabu fis-sulfuri metalliċi li ġejjin mid-depożiti tal-minerali idrotermali (bħall-‘fumaturi suwed’ (‘black smokers’)) f’żoni ta’ attività vulkanika. It-temperaturi u l-pressjonijiet f’dawn ir-reġjuni huma estremi u l-impatt tad-disturb fuq dawn iż-żoni kritiċi tal-bijodiversità tal-baħar, li skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) għandhom jiġu protetti[31], għadu fil-biċċa l-kbira mhux magħruf. Tali operazzjonijiet bħalissa huma fil-biċċa l-kbira lokalizzati f'żoni taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali (żoni ekonomiċi esklussivi u blata kontinentali) fejn huwa eħfef li l-minerali jiġu ttrasportati għal fuq l-art. Madanakollu hemm opportunitajiet barra ż-żoni ġurisdizzjonali tal-baħar. F’dawn iż-żoni, l-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar (ISA) hija responsabbli għall-organizzazzjoni u l-attivitajiet ta’ kontroll, inkluż il-monitoraġġ tal-attivitajiet kollha relatati mal-minerali. Dan jinkludi l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS, li magħha l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha huma partijiet kuntrattwali.

Jekk din l-espansjoni fl-estrazzjoni ta’ minerali minn qiegħ il-baħar isseħħ, il-kumpaniji Ewropej, bl-esperjenza twila tagħhom rigward bastimenti speċjalizzati u l-immaniġġjar ta' taħt l-ilma, bħalissa qegħdin f’pożizzjoni tajba ħafna biex jipprovdu prodotti u servizzi ta' kwalità għolja. Il-kompetittività kontinwa tagħhom tiddependi fuq l-aċċess għall-finanzi f'suq li minnu nnifsu huwa riskjuż, ir-riċerka immirata u l-iżvilupp f’tekniki ta’ estrazzjoni, il-kapaċità li jiksbu liċenzji f’ilmijiet internazzjonali u miżuri qawwija biex jevitaw li jagħmlu ħsara lil ekosistemi uniċi. Is-settur tal-minerali tal-baħar ser ikun jista’ jibbenefika mill-esperjenzi tas-settur taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta hawnhekk.

L-appoġġ mill-UE jista’ jinkludi miżuri li jassiguraw li l-kumpaniji Ewropej ma jitwarrbux mill-katina tal-valuri għal minerali tal-baħar minn kompetituri appoġġjati mill-istat. Dan jista’ jinkludi azzjoni pilota fil-qafas tal-Isħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima,[32] proposta appoġġjata minn sforz strutturat ta’ riċerka tal-UE li jindirizza l-isfidi ewlenin dwar it-teknoloġija. L-inkarigu tal-UE jgħin sabiex tiġi assigurata ż-żamma ta' standards ambjentali, legali u ta' sigurtà għoljin.

5.5         Bijoteknoloġija blu

In-natura ta’ taħt l-ilma għadha ma ġietx skoperta u studjata biżżejjed u dan ifisser li l-kapaċità tal-organiżmi tal-baħar minbarra l-ħut u l-frott tal-baħar bil-qoxra li jipprovdu input għall-ekonomija blu, għadha qed tibda tiġi apprezzata, parzjalment minħabba t-teknoloġiji l-ġodda tas-sekwenzar tal-ġeni għall-organiżmi ħajjin. Diġà kien hemm suċċessi. Id-drogi antivirali Zovirax u Acyclovir ittieħdu minn nukleosidi iżolati minn sponoż tal-Karibew. Yondelis, li tiżviluppa minn annimali tal-baħar żgħar u ġisimhom artab kienet l-ewwel droga li toriġina mill-baħar li tiġġieled il-kanċer. L-esplorazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar qed tgħinna nifhmu pereżempju kif l-organiżmi li kapaċi jifilħu temperaturi u pressjonijiet estremi u jikbru mingħajr dawl jistgħu jintużaw għall-iżvilupp ta’ enżimi jew farmaċewtiċi industrijali ġodda. Fl-istess ħin, it-tħassib dwar l-impatt tal-użu tal-art u l-għatx għall-ilma ta' għelejjel terrestri li jitkabbru għall-bijofjuwil qed jixprunaw l-isforzi għall-iskoperta tal-użu tal-alka bħala sors ta’ bijofjuwil, flimkien ma' kimiċi ta' valur miżjud għoli u komposti bijoattivi.

Waqt li l-livell ta’ impjiegi attwali stmat fis-settur fl-Ewropa huwa relattivament baxx, u valur miżjud gross ta' EUR 0.8 biljuni, it-tkabbir tas-settur ser joffri impjegar ta' ħiliet għoljin, speċjalment jekk jistgħu jiġu żviluppati drogi revoluzzjonarji minn organiżmi tal-baħar u opportunitajiet sinifikanti minn fuq għal isfel (‘downstream’). Fi żmien qasir ħafna, is-settur huwa mistenni jiżviluppa f’suq speċjalizzat (‘niche’) iffukat fuq prodotti ta' valur għoli għas-saħħa, kosmetiċi u setturi industrijali tal-bijomaterjali. Sal-2020, jista' jikber f’suq ta’daqs medju, li jespandi lejn il-produzzjoni ta’ metaboliti u komposti primarji (lipidi, tipi ta’ zokkor, polimeri, proteini) bħala inputs għall-industriji tal-ikel, tal-għalf u tal-kimiċi. F’tielet stadju, madwar 15-il sena mil-lum u soġġett għal revoluzzjonijiet teknoloġiċi, is-settur tal-bijoteknoloġija blu jista’ isir fornitur ta’ prodotti tas-swieq tal-massa, flimkien ma' firxa ta’ prodotti speċjalizzati ta’ valur miżjud għoli.

Jekk dan il-proċess ikun irid jitħaffef, dan jeħtieġ kombinazzjoni ta’ riċerka bażika dwar il-ħajja fl-oċeani u riċerka applikata dwar applikazzjonijiet industrijali possibbli bi probabbiltajiet baxxi iżda bi gwadann għoli għas-suċċess.

Approċċ strateġiku għar-riċerka u l-innovazzjoni jipprovdi l-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi għas-sostenn tad-deċiżjonijiet strateġiċi li jeħtieġu s-setturi industrijali emerġenti. It-tnaqqis tal-ixkiel tekniku f’dan il-qasam jagħmel is-settur kollu aktar attraenti għall-investituri. Ikun ukoll ta’ għajnuna għall-industrija tal-UE biex tiċċaqlaq mill-istadju ta’ żvilupp għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti innovattivi. Approċċ Ewropew iqajjem kuxjenza fost dawk li jfasslu l-politika, is-settur privat u l-pubbliku ġenerali dwar il-potenzjal tal-prodotti akwatiċi tal-baħar.

6            Konklużjoni

Din il-Komunikazzjoni identifikat ħames oqsma fejn sforz internazzjonali fil-livell tal-UE jista’ jistimula tkabbir u impjiegi fit-tul fl-ekonomija blu, f’konformità mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. B’aktar kuxjenza dwar l-ekonomija blu, u aktar analiżi, jistgħu jitfaċċaw aktar oqsma promettenti għat-tfassil tal-politika tal-UE.

Għal kull waħda mill-ħames attivitajiet enfasizzati, il-Kummissjoni ser tanalizza l-opzjonijiet tal-politika u tikkunsidra inizjattivi ulterjuri. Dan ser jinvolvi:

– valutazzjoni tal-opzjonijiet sabiex l-industrija tingħata l-kunfidenza biex tinvesti f’enerġija rinnovabbli mill-oċeani, waqt li jitqies il-qafas ipprovdut mill-Pjan Teknoloġiku tal-Enerġija Strateġika, bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet dwar l-enerġija rinnovabbli mill-oċeani f’Komunikazzjoni fl-2013.

– ħidma f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri għall-iżvilupp tal-aħjar prattika u biex ikun hemm qbil dwar il-Linji Gwida Strateġiċi dwar l-Akkwakultura fl-UE li għandhom jiġu adottati fl-2013.

– valutazzjoni ta’ kif it-turiżmu marittimu u kostali jista’ jikkontribwixxi aktar għat-tkabbir ekonomiku u jipprovdi anqas impjiegi prekarji filwaqt li jtejjeb is-sostenibbiltà ambjentali tiegħu. Fl-2013 valutazzjoni tal-impatt ser tiġi segwita b’Komunikazzjoni.

– valutazzjoni ta’ kif l-industrija Ewropea tista’ issir kompetittiva fl-estrazzjoni tal-minerali minn qiegħ il-baħar u kif l-aħjar tassigura li din l-attività ma tipprevenix ġenerazzjonijiet futuri milli jibbenefikaw minn ekosistemi li sa issa għadhom ma ntmessewx. Fl-2014 se tingħata valutazzjoni tal-impatt segwita b’Komunikazzjoni.

– valutazzjoni tal-opzjonijiet għall-bijoteknoloġija blu biex tiġi kkontrollata d-diversità tal-ħajja tal-baħar. Fl-2014 se tingħata wkoll valutazzjoni tal-impatt segwita b’Komunikazzjoni.

F’kull wieħed minn dawn l-oqsma l-valutazzjoni tal-opzjonijiet ser tibda b’konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u l-industrija u partijiet interessati oħra relevanti sabiex jiġu żviluppati approċċi konġunti li jipprovdu l-imbuttatura żejda li l-ekonomija blu teħtieġ sabiex tipprovdi kontribuzzjoni pożittiva għall-futur tal-ekonomija tal-Ewropa, waqt li l-ambjent uniku tal-baħar jiġi ssalvagwardjat għal ġenerazzjonijiet futuri.

[1]               mingħajr ma ninkludu l-attivitajiet militari.

[2]               ibbażat fuq id-dejta mill-Istudju dwar it-Tkabbir Blu 'Scenarios and drivers for sustainable growth from the oceans, seas and coasts', ECORYS, 2012. https://webgate.ec.europa.eu/maritimeforum/content/2946.

[3]               skont il-volum.

[4]               kull tunnellata-kilometru.

[5]               Ara l-Pjan direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi KUMM(2011) 571

[6]               Immappjar Integrat għall-Iżvilupp Sostenibbli tar-Riżorsi tal-Baħar tal-Irlanda.

[7]               COM(2012) 473 final.

[8]               Valutazzjoni tal-Impatt tan-Netwerk tad-Dejta u l-Osservazzjoni Marittima Ewropea, 8.9.2010, SEC(2010) 998

[9]               KUMM(2010) 584 finali.

[10]             2008/56/KE.

[11]             KUMM (2009) 10.

[12]             KUMM (2011) 870.

[13]             KUMM (2011) 860.

[14]             KUMM (2008) 534.

[15]             COM (2003) 717.

[16]             Ara l-Istudju dwar it-Tkabbir Blu ECORYS 2012.

[17]             KUMM(2007)723 u KUMM(2009) (519).

[18]             COM(2012) 271.

[19]             http://ec.europa.eu/clima/policies/lowcarbon/ner300/index_en.htm

[20]             KUMM(2011) 688 finali.

[21]             L-Istat tas-Sajd u Akkwakultura Dinji tal-FAO tal-2010.

[22]             Taħt il-Qafas tal-Ġbir tad-Dejta tal-UE ġew irrappurtati 70258.

[23]             KUMM(2011) 417 u KUMM(2011) 425.

[24]             KUMM/2011/0804.

[25]             ‘Fatti u figuri dwar l-Ewropej fuq btala 1997-98’, l-Ewrobarometru 48, Brussell, 1998.

[26]             .ibbażat fuq dejta mill-Istudju dwar it-Tkabbir Blu.

[27]             Il-Kunsill Ewropew tal-Kruċieri (2011) http://download.ecorys.com/fuu/downloads/Europe_cruise_industry_markets_2011_ecc_jun11.pdf

[28]             WTO (2010) 'Trade growth to ease in 2011 but despite 2010 record surge, crisis hangover persists', PRESS/628, 7 April 2011.

[29]             L-Iskambju tal-Metalli ta' Londra (LME) jindika żieda fil-prezzijiet ta’ madwar 256% għall-perjodu mis-sena 2000 sal-2010 għal metalli ordinarji mhux ferrużi Ara wkoll KUMM(2011) 25 finali u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha.

[30]             ibbażat fuq estimi mogħtija mill-partijiet interessati industrijali fl-Istudju dwar it-Tkabbir Blu.

[31]             Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar, l-Artikolu 194 il-paragrafu 5.

[32]             KUMM (2012) 82

Top