Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0220

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-infiq tal-FAEG Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-3/2012

/* COM/2012/0220 final */

52012DC0220

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-infiq tal-FAEG Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-3/2012 /* COM/2012/0220 final */


WERREJ

1........... Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG għall-2012..................................................................... 2

2........... Dħul assenjat lill-FAEG................................................................................................... 2

3........... Dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor)........................ 3

4........... Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżjonali tal-baġit tal-FAEG għall-2012................. 4

5........... Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG................................................................... 6

6........... Implimentazzjoni tad-dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor) 6

7........... Implimentazzjoni tal-Fond għar-Ristrutturar taz-Zokkor................................................... 7

8........... Konklużjonijiet............................................................................................................... 7

anness 1 anness 2: || Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG għall-2012 Il-konsum proviżjonali tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sal-31/01/2012

1. Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG għall-2012

Il-proċedura tal-baġit għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) għall-2012 u l-ammonti korrispondenti tal-approprjazzjonijiet involuti f’kull stadju tal-proċedura qed jingħataw fil-qosor fit-tabella mogħtija fl-Anness 1.

Il-baġit tal-FAEG għall-2012 ġie adottat mill-Awtorità tal-Baġit fl-1 ta’ Diċembru 2011. Il-baġit jinkludi approprjazzjonijiet għall-impenji u approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li jammontaw għal:

– EUR 43 603.4 miljun u EUR 43 601.3 miljun rispettivament għall-miżuri tas-suq agrikolu u għal għajnuniet diretti (il-qasam ta’ politika nru 05).

– EUR 335.8 miljun u EUR 245.5 miljun rispettivament għall-miżuri veterinarji u fitosanitarji (il-qasam tal-politika nru 17).

– EUR 30.5 miljun u EUR 29.1 miljun rispettivament għas-sajd (il-qasam tal-politika nru 11).

L-ammont totali tal-approprjazzjonijiet għall-impenji fil-baġit għall-FAEG kienu jammontaw għal EUR 43 969.6 miljun u l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet tiegħu kienu jammontaw għal EUR 43 876 miljun. Id-differenza bejn l-approprjazzjonijiet għall-impenji u l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet tirriżulta mill-fatt li, għal ċerti miżuri li huma implimentati direttament mill-Kummissjoni, jintużaw approprjazzjonijiet divrenzjati. Dawn l-iskemi għandhom x’jaqsmu prinċipalment mal-promozzjoni tal-prodotti agrikoli, mal-istrateġija politika u l-miżuri ta’ koordinazzjoni għall-agrikoltura kif ukoll mas-sajd u mal-miżuri veterinarji u fitosanitarji.

2. Dħul assenjat lill-FAEG

Abbażi tar-regoli tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, id-dħul li joriġina mill-korrezzjonijiet finanzjarji taħt id-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità, minn irregolaritajiet u mill-imposta fuq il-ħalib, huwa allokat bħala dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG. Skont dawn ir-regoli, dħul assenjat jista’ jintuża biex ikopri l-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG li saret mill-Istati Membri. F'każ li parti minn dan id-dħul ma tintużax, din il-parti tiġi trasferita awtomatikament għas-sena baġitarja ta' wara[1].

Il-baġit tal-FAEG għall-2012 inkluda kemm l-istima l-aktar riċenti tal-Kummissjoni dwar l-ammont ta’ approprjazzjonijiet, li tkun meħtieġa biex tkun iffinanzjata n-nefqa mistennija għall-miżuri tas-suq u għall-għajnuniet diretti, kif ukoll l-istimi tad-dħul assenjat, li huwa mistenni jinġabar matul is-sena baġitarja inkwistjoni u t-trasferiment tal-bilanċ tad-dħul assenjat li jkun għad baqa’ disponibbli mis-sena baġitarja ta’ qabel. Fil-proposta tagħha għall-ammont ta’ approprjazzjonijiet tal-FAEG għall-baġit tal-2012, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni u talbet li l-livell tal-approprjazzjonijiet fl-2012 jiġi kkalkulat billi d-dħul assenjat stmat jitnaqqas mill-istima tagħha tan-nefqa. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit il-ġdid tal-FAEG filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.

Meta ġie stabbilit il-baġit għall-2012, l-istimi tal-Kummissjoni għad-dħul assenjat disponibbli kienu jammontaw għal EUR 1 010 miljun. B’mod speċifiku:

– Ġie stmat li d-dħul assenjat li mistenni jiġi ġġenerat matul is-sena baġitarja 2012 se jkun ta’ EUR 805 miljun. Kienu mistennija ammonti ta’ EUR 600 miljun u ta’ EUR 150 miljun mill-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità u mill-irregolaritajiet rispettivament. Ġie stmat li d-dħul mill-imposta fuq il-ħalib ikun ta’ EUR 55 miljun.

– Ġie stmat li d-dħul assenjat li mistenni jiġi ttrasferit mis-sena baġitarja tal-2011 għall-2012 se jammonta għal EUR 205 miljun.

Fil-baġit tal-2012, il-Kummissjoni assenjat dan id-dħul ta' EUR 1 010 miljun għal żewġ skemi. B’mod speċifiku:

– EUR 310 miljun ġew assenjati għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix, u

– EUR 700 miljun ġew assenjati għall-iskema ta’ pagament uniku.

Għal dawn iż-żewġ skemi, l-Awtorità tal-Baġit eventwalment ivvutat għal approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 496 miljun u EUR 30 472 miljun rispettivament, skont il-proposta tal-Kummissjoni. Is-somma tal-approprjazzjonijiet ivvutati u d-dħul assenjat imsemmi hawn fuq jikkorrispondu għal stima totali tal-approprjazzjonijiet disponibbli ta’ EUR 806 miljun għall-fondi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix u ta’ EUR 31 172 miljun għall-iskema ta’ pagament uniku.

Fl-Anness 2, li jippreżenta l-użu proviżjonali tal-baġit għall-2012 għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2012, iċ-ċifri tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għas-settur tal-frott u l-ħaxix u għas-settur ta’ għajnuniet diretti diżakkoppjati, ippreżentaw approprjazzjonijiet ivvutati għal dawn iż-żewġ skemi, li jammontaw, rispettivament, għal EUR 788 miljun u għal EUR 37 189 miljun, mingħajr ma jitqies id-dħul assenjat imsemmi hawn fuq. Wara li jiġi inkluż id-dħul assenjat lil dawn is-setturi, l-approprjazzjonijiet totali previsti fil-baġit tal-2012 jammontaw għal EUR 1 098 miljun għall-frott u l-ħaxix u għal EUR 37 889 miljun għall-għajnuniet diretti diżakkoppjati.

3. Dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor)

L-ammonti temporanji għar-ristrutturar fis-settur taz-zokkor jitqiesu bħala dħul assenjat maħsub biex jiffinanzja l-għajnuna għar-ristrutturar tas-settur taz-zokkor u l-għajnuniet l-oħra previsti mill-Fond għar-Ristrutturar taz-Zokkor. Għat-tliet snin tas-suq 2006/07, 2007/08 u 2008/09, dawn l-ammonti li kienu relatati mal-kwoti kwantitattivi taz-zokkor, tal-ġulepp tal-inulina u tal-isoglukożju miżmuma mill-operaturi f’kull Stat Membru, tħallsu lill-Fond. Fiż-żmien meta kien sar il-baġit tal-2012, kien mistenni li ammont ta’ EUR 832.2 miljun ikun ittrasferit mis-sena baġitarja 2011 għal dik tal-2012.

4. Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżjonali tal-baġit tal-FAEG għall-2012

Il-livell tal-implimentazzjoni proviżjonali tal-baġit għall-perjodu mis-16 ta’ Ottubru 2011 sal-31 ta’ Jannar 2012 huwa mogħti fl-Anness 2. Dan il-livell ta’ implimentazzjoni ġie mqabbel mal-profil tan-nefqa bbażat fuq l-indikatur, li ġie stabbilit abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005. Hawn taħt qed jingħata kummentarju qasir dwar ċerti artikoli tal-baġit, li juru d-diverġenzi l-aktar sinifikanti bejn il-livell tal-implimentazzjoni attwali u dak mistenni għall-baġit tal-2012.

4.1. Miżuri tas-suq

L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-interventi fis-swieq agrikoli kien ogħla meta mqabbel mal-livell tal-approprjazzjonijiet ivvutati mill-baġit, kif stabbilit mil-livell tal-indikatur fil-31 ta’ Jannar 2012, b’EUR 176.9 miljun. Din id-diverġenza hija attribwita primarjament għas-setturi tal-inbid u tal-frott u l-ħaxix. Fl-istess waqt, bħala total, setturi oħra jippreżentaw sottoimplimentazzjoni żgħira.

4.1.1. Frott u ħaxix (+ EUR 55.5 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)

F'dak li jirrigwarda l-approprazzjonijiet ivvutati, dan il-livell ta’ implimentazzjoni huwa attribwit primarjament għan-nefqa għall-fondi operattivi għall-iskema tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li huma ffinanzjati kemm mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, kif ukoll mid-dħul assenjat għal din l-iskema fil-baġit tal-2012 (nota: għal iktar dettalji jekk jogħġbok ara l-punt 2 hawn fuq). Dan il-livell ta’ implimentazzjoni huwa r-riżultat tal-applikazzjoni tal-indikatur għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2012 għall-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, li ma jinkludux id-dħul assenjat għal dan is-settur. Barra minn hekk, għall-perjodu kkunsidrat, l-Istati Membri wettqu pagamenti b'ritmu iktar mgħaġġel mil-livell tal-indikatur stabbilit għall-għajnuna lill-gruppi tal-produtturi għall-iskema tar-rikonoxximent preliminari.

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li l-approprjazzjonijiet totali disponibbli għal dan is-settur se jkunu suffiċjenti sabiex ikopru n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri mistennija fl-2012.

Mill-2010, għall-benefiċċju tal-qarrej, il-Kummissjoni introduċiet nota f’qiegħ il-paġna * għat-tabella ta’ użu proviżjonali li tidher fl-Anness 2. Din in-nota f’qiegħ il-paġna turi x’kienet tkun is-sitwazzjoni li kieku fil-31 ta’ Jannar 2012 ġie applikat l-indikatur għall-approprjazzjonijiet totali, li huma mistennija li jkunu disponibbli biex jiġi ffinanzjat dan is-settur. Kif huwa nnutat fil-punt 2 hawn fuq, il-finanzjament totali li mistenni jkun disponibbli għal dan is-settur huwa kompost mill-approprjazzjonijiet tal-baġit ivvutati ta’ EUR 788 miljun u mid-dħul assenjat għal dan is-settur li huwa stmat li jammonta għal EUR 310 miljun. Għaldaqstant, kieku l-indikatur kien applikat għall-finanzjament totali ta’ EUR 1 098 miljun li mistennija jkunu disponibbli għal dan is-settur, allura jkun jidher li hemm eżekuzzjoni nieqsa ta’ EUR 10 miljun. Din l-eżekuzzjoni nieqsa hija dovuta għal ritmu ta' pagament ftit iktar kajman għall-iskemi li jinvolvu kemm il-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi kif ukoll għad-distribuzzjoni tal-frott fl-iskejjel, meta mqabbel mal-livell korrispondenti tagħhom tal-indikatur. F’dan l-istadju, din is-sitwazzjoni hija meqjusa bħala temporanja għaż-żewġ skemi.

4.1.2. Il-prodotti tas-settur tal-inbid (+ EUR 127. miljun)

Meta mqabbel mal-livell tal-eżekuzzjoni ssenjalat mill-indikatur fil-31 ta' Jannar 2012, is-sopraimplimentazzjoni hija dovuta għall-aċċellerazzjoni tar-ritmu tal-pagamenti mwettqa mill-Istati Membri għall-programmi ta' appoġġ nazzjonali għas-settur tal-inbid. Ta’ min jinnota li din l-implimentazzjoni iktar rapida għal dawk il-programmi ma tikkostitwixxi l-ebda riskju ta’ qbiż tal-approprjazzjonijiet tal-baġit, billi huma msejsa fuq livelli massimi finanzjarji stabbiliti mill-leġiżlazzjoni għal dawn il-programmi. 

4.2. Għajnuniet diretti

L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-għajnuniet diretti meta mqabbel mal-livell tal-indikatur fil-31 ta' Jannar 2012 kien ogħla b’EUR 1 636.8 miljun.

4.2.1. Għajnuniet diretti diżakkoppjati (+ EUR 1 532.3 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)

F'dak li jirrigwarda l-approprjazzjonijiet ivvutati, l-iskema ta’ pagament uniku (SPU) tippreżenta sopraimplimentazzjoni li tirriżulta kemm mill-applikazzjoni tal-indikatur għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2012 għall-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit li ma jinkludux id-dħul assenjat għal dan is-settur, kif ukoll mill-awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija mill-Kummissjoni lill-Istati Membri biex iħallsu avvanzi ta’ għajnuniet diretta sa mis-16 ta’ Ottubru 2011. Barra minn hekk, l-iskema l-oħra kollha f'dan is-settur, jiġifieri SAPS, pagament separat għaz-zokkor u għall-frott u l-ħaxix, bl-eċċezzjoni tal-appoġġ speċifiku (l-Artikolu 68), ippreżentat ritmu aċċellerat ta’ pagamenti meta mqabbel mal-livell tal-indikatur.

Tabilħaqq, l-Istati Membri s'issa diġà ħallsu madwar 91 % tal-ħtiġijiet stmati fil-baġit, imqabbel ma’ 87 % fl-istess żmien għall-pretensjonijiet tal-2010 mħallsin fl-2011.

Mill-2010, għall-benefiċċju tal-qarrej, il-Kummissjoni introduċiet nota f’qiegħ il-paġna * għat-tabella ta’ użu proviżjonali li tidher fl-Anness 2. Din in-nota f’qiegħ il-paġna turi xi tkun is-sitwazzjoni li kieku fil-31 ta’ Jannar 2012 ġie applikat l-indikatur għall-approprjazzjonijiet totali, li huma mistennija li jkunu disponibbli biex ikunu ffinanzjati l-għajnuniet diretti diżakkopjati. Kif huwa nnutat fil-punt 2 hawn fuq, il-finanzjament totali li mistenni jkun disponibbli għall-għajnuniet diretti diżakkopjati huwa magħmul mill-approprjazzjonijiet ivvotati tal-baġit ta’ EUR 37 189 miljun u mid-dħul assenjat għall-għajnuniet diretti diżakkopjati, li huwa stmat li jkun dak ta' EUR 700 miljun. Għaldaqstant, kieku l-indikatur kien applikat għall-finanzjament totali ta’ EUR 37 889 miljun li mistennija jkunu disponibbli għall-għajnuniet diretti diżakkopjati, l-eżekuzzjoni eċċessiva kienet tkun limitata għal EUR 914.3 miljun.

4.2.2. Għajnuniet diretti oħrajn (+ EUR 104.8 miljun)

Wara l-awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija mill-Kummissjoni lill-Istati Membri biex iħallsu avvanzi ta’ għajnuniet diretti sa mis-16 ta’ Ottubru 2011, twettqu pagamenti b'ritmu iktar mgħaġġel meta mqabbel mal-livell tal-indikatur fil-31 ta’ Jannar 2012 għal ċerti skemi, bħalma huma il-primjums għall-baqar li jreddgħu u l-primjums speċjali għaċ-ċanga, kif ukoll għall-għajnuniet għall-produtturi tal-patata tal-lamtu, u għall-pagamenti għar-ross skont l-erja. F’dan l-istadju, din is-sitwazzjoni mistennija tkun temporanja.  

5. Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG

It-tabella fl-Anness 2 turi li d-dħul assenjat li jammonta għal EUR 456.2 miljun, inġabar sal-31 ta’ Jannar 2012. B’mod speċifiku:

– id-dħul mill-korrezzjonijiet ibbażat fuq deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità kien jammonta għal madwar EUR 345.7 miljun b’ammonti addizzjonali mistennija sa tmiem is-sena baġitarja;

– id-dħul mill-irregolaritajiet kien jammonta għal madwar EUR 55.4 miljun, b’ammonti addizzjonali wkoll mistennija sa tmiem is-sena baġitarja;, u

– f'dan l-istadju, inġabar kważi d-dħul kollu mill-imposta fuq il-ħalib, u dan jammonta għal madwar EUR 55.1 miljun;

Fl-aħħar nett, l-ammont tad-dħul assenjat li finalment ġie ttrasferit mill-2011 għall-2012 kien ta’ EUR 441.5 miljun, li huwa sostanzjalment ogħla mill-ammont stmat inizjalment għal EUR 205 miljun.

Għaldaqstant, l-ammont ta’ dħul assenjat disponibbli għall-iffinanzjar tan-nefqa tal-FAEG, fil-31 ta’ Jannar 2012, jammonta għal EUR 897.7 miljun. F’dan l-istadju, il-Kummissjoni tistma li l-ammont ta’ dħul assenjat li għad irid jinġabar ikun jammonta għal EUR 348.8 miljun (id-dħul assenjat li se jiġi ġġenerat fil-baġit tal-2012 huwa stmat li hu EUR 805 miljun, li minnu nġabru EUR 456.2 miljun).

6. Implimentazzjoni tad-dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor)

F’konformità mal-leġiżlazzjoni, l-ebda ammont ġdid ta’ ristrutturar temporanju ma nġabar mill-Istati Membri minn Novembru 2009. Għaldaqstant, l-ammont totali tad-dħul assenjat disponibbli għall-Fond għar-Ristrutturar taz-Zokkor huwa ugwali għall-ammont ittrasferit mill-baġit tal-2011, li għall-kuntrarju tal-estimi inizjali, jammonta għal EUR 856.8 miljun (ogħla mill-EUR 832.2 miljun previsti fil-baġit tal-2012 minħabba pagamenti aktar baxxi milli mistennija, imwettqa fl-aħħar tal-2011).

7. Implimentazzjoni tal-Fond għar-Ristrutturar taz-zokkor

Fl-aħħar ta’ Jannar 2012, l-Istati Membri kienu għamlu pagamenti insinifikanti ta’ EUR 0.4 miljun għall-għajnuniet marbutin mal-miżuri ta' ristrutturar, għall-għajnuniet għad-diversifikazzjoni jew għall-għajnuniet għar-raffinar taz-zokkor.

8. Konklużjonijiet

L-użu proviżjonali tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2012, għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2012, juri li r-rimborżi ta’ kull xahar lill-Istati Membri qabżu l-profil tan-nefqa għall-użu tal-baġit abbażi tal-indikatur, b’madwar EUR 1 765.6 miljun. Dan kien dovut l-iktar għall-awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija mill-Kummissjoni biex jitħallsu avvanzi ta’ għajnuniet diretti sa mis-16 ta’ Ottubru 2011, sitwazzjoni li wasslet għal ritmu iktar mgħaġġel ta' pagamenti għal dawn l-għajnuniet. Dan ir-ritmu mistenni jsir iktar kajman hekk kif toqrob l-iskadenza tat-30 ta' Ġunju 2012 għall-pagament ta' dawn l-għajnuniet.

Huwa disponibbli dħul assenjat li jammonta għal EUR 897.7 miljun, u għad fadal ammont ta’ EUR 348.8 miljun mistenni li jinġabar fl-2012. F'dan l-istadju, il-Kummissjoni tistenna li l-ammont ta’ dħul assenjat disponibbli, flimkien ma’ dak li se jsir disponibbli matul is-sena, se jkunu biżżejjed biex ikopru l-finanzjament tal-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-iskema ta’ pagament uniku, kif kien mistenni oriġinalment meta tfassal il-baġit tal-2012; b'hekk, l-ebda ħtieġa baġitarja addizzjonali mhi mistennija.

 

[1]               Id-dħul assenjat riportat għandu jintuża l-ewwel, u dan ifisser qabel l-approprjazzjonijiet ivvutati mill-Awtorità tal-Baġit jew id-dħul assenjat iġġenerat fis-sena (l-Artikolu 10 tar-Regolament Finanzjarju).

Top