Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0046

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Tematika dwar il-Ħamrija u attivitajiet kontinwi

    /* COM/2012/046 final */

    52012DC0046

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Tematika dwar il-Ħamrija u attivitajiet kontinwi /* COM/2012/046 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Tematika dwar il-Ħamrija u attivitajiet kontinwi

    1. Daħla

    Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija[1] sa mill-adozzjoni tagħha f’Settembru 2006. L-objettiv tal-Istrateġija huwa li titħares il-ħamrija filwaqt li tintuża b’mod sostenibbli, permezz tal-prevenzjoni ta’ aktar degradazzjoni, tal-preservazzjoni tal-funzjoni tal-ħamrija u tar-restawr ta’ ħamrija degradata. Dan ir-rapport jippreżenta wkoll xejriet kurrenti ta’ degradazzjoni tal-ħamrija kemm fl-Ewropa u globalment, kif ukoll sfidi għall-ġejjieni biex ikun żgurat il-ħarsien.

    2. L-erba’ pilastri tal-Istrateġija – aġġornament 2.1. Sensibilizzazzjoni

    Il-funzjonijiet tal-ħamrija – minkejja l-irwol fundamentali tagħhom għall-ekosistema u għall-ekonomija, u mhux bħall-arja u l-ilma – inqisuhom daqslikieku kienu l-iktar ħaġa ovvja u naħsbu li huma abbundanti. Id-degradazzjoni tal-ħamrija ġeneralment ma nindunawx biha minħabba li hija proċess bil-mod li fih rari jseħħu effetti drammatiċi immedjati. Għal dawn ir-raġunijiet, is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħamrija tippreżenta sfida partikolari. Dan l-aħħar ġiet megħjuna minn diversi films u dokumentarji[2].

    Il-Kummissjoni organizzat diversi avvenimenti pubbliċi dedikati għall-ħamrija, inklużi konferenzi ewlenin dwar il-ħamrija, it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità, kontribuzzjonijiet għal laqgħat dwar il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, u diversi taħditiet fil-Ġimgħa l-Ħadra. Barra minn dan, kienu disponibbli fuljetti u pamflets f’għadd ta’ lingwi tal-UE[3]. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll għadd ta’ atlasijiet dwar il-ħamrija, inklużi l-Atlas tal-Ħamrija tal-Ewropa u l-Atlas Ewropew tal-Bijodiversità tal-Ħamrija. Il-Kummissjoni waqqfet ukoll grupp ta’ ħidma dwar is-Sensibilizzazzjoni u l-Edukazzjoni fil-kuntest tan-Netwerk Ewropew tal-Bureau għall-Ħamrija (ESBN)[4].

    L-Istrateġija aġixxiet ukoll bħala kawża importanti biex ikun hemm diversi għodod u netwerks ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-ħamrija li żviluppaw fl-Istati Membri, inkluż in-Netwerk Ewropew għal Sensibilizzazzjoni dwar il-Ħamrija (ENSA).

    2.2. Riċerka

    Mill-adozzjoni tal-Istrateġija ’l hawn, ġew iffinanzjati madwar 25 proġett ta’ riċerka skont is-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka[5] speċifikatament biex jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar il-ħamrija u tiġi megħjuna titlesta l-bażi ta’ tagħrif għal azzjoni. Pereżempju, RAMSOIL identifika għadd ta’ metodoloġiji ta’ valutazzjoni tar-riskju għal proċessi ta’ degradazzjoni tal-ħamrija, billi wera komparabbiltà fost metodoloġiji differenti; ENVASSO ppropona rekwiżiti minimi għal armonizzazzjoni gradwali ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-ħamrija u għal indikaturi tal-ħamrija rilevanti għall-politika; SOILSERVICE fassal xenarji fit-tul għal tibdil fl-użu tal-artijiet u indika li produzzjoni agrikola intensiva li ma tagħtix attenzjoni xierqa lill-bijodiversità tal-ħamrija u lill-funzjonijiet tal-ħamrija tista’ ma tkunx ta’ profitt ekonomikament wara l-2050, jekk ma titteħidx azzjoni korrettiva.

    Huma mistennija riżultati interessanti minn LUCAS, stħarriġ dwar kopertura ta’ artijiet, użu ta’ artijiet u indikaturi agroambjentali[6]. Fl-istħarriġ tal-2009 u tal-2012, modulu speċifiku ta’ ħamrija kien integrat biex jipprovdi statistika u indikaturi għaċ-Ċentru Ewropew ta’ Dejta dwar il-Ħamrija (ESDAC)[7] li huwa mmexxi miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni. Dan jista’ jkun punt ta’ tluq għal monitoraġġ armonizzat Ewropew ta’ parametri tal-ħamrija għal firxa sħiħa ta’ finijiet ta’ statistika, riċerka u politika.

    Il-proġett BIOSOIL, imniedi fil-kuntest tar-Regolament Forest Focus[8], irrapporta żieda ta’ karbonju organiku f’xi ħamrija tal-foresti Ewropej.

    2.3. Integrazzjoni

    Il-politiki differenti tal-Unjoni jaqdu rwol ewlieni fil-ħidma lejn l-objettiv ta’ użu sostenibbli tal-ħamrija. Sa minn meta kienet adottata l-istrateġija, il-Kummissjoni kompliet il-ħidma tagħha għall-integrazzjoni tal-ħamrija, l-aktar fil-kuntest ta’ dan li ġej:

    · Politika Agrikola Komuni (PAK). L-aspetti ta’ ħarsien tal-ħamrija kienu parti integrali mill-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin (KAAT) sa minn meta kienet introdotta l-kundizzjonalità fl-2003. Kienet saret enfażi fuq li tkun limitata l-erożjoni, tinżamm u titjieb il-materja organika, u jkun evitat it-tirsis. Waqt li qieset l-esperjenza miksuba, f’Ottubru 2011 il-Kummissjoni proponiet li tikkjarifika u tispeċifika ulterjorment standards relatati mal-ħamrija fil-kuntest tar-riforma globali tal-PAK sal-2020[9]. B’mod partikolari, hija pproponiet KAAT ġodda għall-ħarsien ta’ materja organika, inkluża projbizzjoni ta’ ħruq ta’ qasbija fir-raba’ tal-ħrit u obbligu li ma jinħartux artijiet mistagħdra u ħamrija li jkollha ħafna karbonju. L-Istati Membri għandhom marġni wiesgħa ta’ prudenza meta jiġu biex jiddeterminaw obbligi nazzjonali ta’ KAAT għall-bdiewa bil-kondizzjoni li jkun irrispettat il-qafas tal-UE[10]. Il-kundizzjonalità tipprovdi kundizzjonijiet minimi ta’ ħarsien tal-ħamrija u, min-natura tagħha, ma tistax tindirizza l-proċessi kollha ta’ degradazzjoni tal-ħamrija. L-Iżvilupp Rurali[11] jipprovdi għal skemi agroambjentali li jistgħu speċifikatament jgħinu operazzjonijiet protettivi għall-ħamrija (8.8 % tal-baġit minfuq fl-2007-2008[12]). Huwa mistenni li 21.4 % tal-erja agrikola utilizzata tkun koperta minn miżuri mmirati lejn il-kwalità tal-ħamrija fil-perjodu 2007-2013, kif imqabbel ma’ 30.7 % ddedikati biex tkun evitata l-marġinalizzazzjoni u 33.0 % biex titħares il-bijodiversità[13]. Hemm skop, għalhekk, li jittieħdu aktar miżuri biex titjieb il-kwalità tal-ħamrija u biex tkun estiża l-erja tal-wiċċ koperta. Barra minn dan, il-proposta l-ġdida tal-Iżvilupp Rurali tinkludi l-objettivi ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u ta’ mitigazzjoni tal-klima u adattament għaliha, inkluż permezz ta’ ġestjoni aħjar tal-ħamrija u sekwestru msaħħaħ tal-karbonju fl-agrikoltura u l-forestrija. L-ewwel pilastru tal-PAK, magħmul aktar ekoloġiku, kif propost mill-Kummissjoni, għandu jtejjeb aktar is-sitwazzjoni, l-aktar b’rabta mal-erożjoni u l-materja organika tal-ħamrija.

    · Stallazzjonijiet industrijali. Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED)[14], adottata dan l-aħħar, introduċiet dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li l-operazzjoni ta’ stallazzjoni ma twassalx għal degradazzjoni fil-kwalità tal-ħamrija (u tal-ilma ta’ taħt l-art). Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxi tip ta’ politika ta’ "tolleranza żero" għal tniġġis ġdid u jsaħħu l-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’. Madankollu, għadd kbir ta’ attivitajiet li potenzjalment jistgħu jniġġsu mhumiex fl-ambitu tal-IED, li f’kull każ tkopri biss stallazzjonijiet attivi. Għodda li hija potenzjalment importanti biex ikunu intraċċjati sustanzi industrijali li jniġġsu hija r-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferimenti ta’ Inkwinanti (E-PRTR)[15]. Madankollu, fl-2009 144 stallazzjoni biss irrapportaw rilaxx ta’ sustanzi li jniġġsu fil-ħamrija, imqabbla ma’ madwar 3 000 fl-ilma u aktar minn 11 000 fl-arja.

    · Politika ta’ Koeżjoni. Minkejja l-fatt li m’hemmx bażi legali speċifika tal-UE għall-ħarsien tal-ħamrija, madwar EUR 3.1 biljun ġew allokati għar-riabilitazzjoni ta’ siti industrijali u ta’ art kontaminata bħala parti mill-Politika ta’ Koeżjoni fil-perjodu 2007-2013 minn total ta’ madwar EUR 49.6 biljun ta’ investimenti ppjanati tal-UE skont it-tema tal-Ambjent[16]. L-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja allokaw l-akbar finanzjament (EUR 475, 371, u 332 miljun rispettivament). Sa tmiem l-2010, l-Istati Membri kienu allokaw madwar 28 % tal-fondi għal proġetti speċifiċi. B’hekk, riżorsi konsiderevoli huma disponibbli biex ikun ittrattat il-wirt industrijali tal-UE f’reġjuni eliġibbli (ara l-Figura 1). Il-Kummissjoni pproponiet li l-Fondi ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandhom ikomplu jgħinu r-riġenerazzjoni ta’ siti abbandunati fil-perjodu ta’ programmar li jmiss 2014-2020[17]. Barra minn dan, l-istrateġiji makroreġjonali tal-UE jinkludu xi azzjonijiet speċifiċi dwar ħarsien tal-ħamrija (partikolarment dwar skart solidu).

    · Għajnuniet mill-Istat għal rimedju għall-kontaminazzjoni tal-ħamrija. L-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat biex jesegwixxu rimedju għall-ħamrija skont il-linji gwida ta’ għajnuna Ambjentali[18]. Madanakollu, għajnuna bħal din tista’ tingħata biss jekk il-prinċipju ‘min iniġġes iħallas’ ikun rispettat b’mod sħiħ, jiġifieri min iniġġes u jkun responsabbli għall-kontaminazzjoni ma jkunx magħruf jew ma jkunx f’qagħda li jħallas l-ispejjeż. Fil-perjodu 2005-2010, il-Kummissjoni qieset diversi skemi jew miżuri speċifiċi bil-għan li jkun hemm rimedju għal siti kontaminati fl-Awstrija, fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fil-Ġermanja, fl-Olanda, fis-Slovakkja u fir-Renju Unit bħala kompatibbli mat-Trattat. Hija vverifikat li l-prinċipju ‘min iniġġes iħallas’ kien applikat sewwa, partikolarment billi żgurat li r-responsabbiltajiet ambjentali kienu jkunu ttrasferiti b’mod korrett. L-għajnuna totali hekk approvata kienet ta’ aktar minn EUR 8 biljun[19].

    Figura 1: Erjas eliġibbli skont il-Fondi Strutturali (2007-2013)[20]

    || Reġjuni ta’ Konverġenza || || Reġjuni ta’ Introduzzjoni Progressiva

    || Reġjuni ta’ Eliminazzjoni Gradwali || || Reġjuni ta’ Kompetittività u Impjiegi

    2.4. Leġiżlazzjoni

    Abbażi tal-ħtieġa li jkunu ttrattati l-produttività tal-ħamrija, ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, u biex jiġu pprovduti opportunitajiet għal mitigazzjoni tal-klima u adattament għaliha, kif ukoll biex ikunu stimulati opportunitajiet ta’ negozju għal rimedju għall-ħamrija, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva Qafas għall-Ħamrija[21] fl-2006, li tindirizza wkoll in-natura transkonfinali tad-degradazzjoni tal-ħamrija. Il-Parlament Ewropew adotta l-ewwel qari tagħha dwar il-proposta f’Novembru 2007 b’maġġoranza ta’ madwar żewġ terzi. Fil-Kunsill Ambjent ta’ Marzu 2010, minoranza tal-Istati Membri bblukkaw milli jkun hemm aktar progress għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà, spiża eċċessiva u piż amministrattiv. Ma sar l-ebda progress minn dak iż-żmien ’l hawn mill-Kunsill. Il-proposta tibqa’ fuq l-aġenda tal-Kunsill.

    3. Id-degradazzjoni tal-ħamrija tkompli…

    Id-degradation tal-artijiet fl-għamliet varji tagħha hija problema fundamentali u persistenti. Il-qagħda fl-Ewropa hija riflessa u mkabbra f’ħafna nħawi tad-dinja. Hija wkoll kwistjoni ta’ żvilupp globali, billi d-degradazzjoni tal-ħamrija, il-faqar u l-mitigazzjoni jirrinfurzaw lilhom infushom b’mod reċiproku, iżda ġeneralment dan sikwit jiġi injorat, għaliex l-impatti osservati huma gradwali.

    3.1. … globalment…

    Id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-artijiet u n-nixfa jaffettwaw aktar minn 1.5 biljun persuna f’aktar minn 110 pajjiż, li 90 % minnhom jgħixu f’żoni ta’ dħul baxx. Skont UNEP[22], sa 50 000 km² jintilfu kull sena minħabba d-degradazzjoni ta’ artijiet, l-aktar minħabba l-erożjoni tal-ħamrija. Kull sena, il-pjaneta titlef 24 biljun tunnellata mis-saff ta’ fuq tal-ħamrija. Tul dawn l-aħħar żewġ għexieren ta’ snin, intilef biżżejjed biex ikopri r-raba’ kollu tal-Istati Uniti. Id-deżertifikazzjoni tiswa lid-dinja aktar minn $ 40 biljun fis-sena fi produttività mitlufa[23].

    Id-degradazzjoni tal-ħamrija kkawżata minn attivitajiet tal-bniedem tikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima. Kien minħabba fiha li 20 % tal-karbonju ħareġ fl-atmosfera bejn l-1850 u l-1998[24]. L-iskular u l-konverżjoni tal-artijiet tal-pit fid-dinja waħedhom jikkawżaw emissjonijiet sa 0.8 biljun tunnellata ta’ karbonju fis-sena, li ħafna minnu jista’ jkun evitat permezz tar-restawr[25].

    Il-wirt ta’ siti kontaminati huwa komuni fil-partijiet kollha antiki l-aktar importanti ta’ żoni industrijali, iżda jaffettwa wkoll pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi b’ekonomiji fi tranżizzjoni. Rapport reċenti jistma l-għadd ta’ siti kontaminati (l-aktar f’postijiet ta’ rimi ta’ skart) fl-Indja[26] għal 36 000; l-esperti jsostnu li hemm bejn 300 000 u 600 000 sit kontaminat fiċ-Ċina[27].

    3.2. … u fl-UE

    L-Istatus tal-2010 tar-Rapport dwar l-Ambjent tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent juri li d-degradazzjoni tal-ħamrija qed tiżdied[28], kif juru l-eżempji li ġejjin:

    · Issiġillar tal-ħamrija (il-kopertura permanenti tal-ħamrija b’materjal impermeabbli) u t-teħid assoċjat tal-artijiet iwasslu għat-telf ta’ funzjonijiet importanti tal-ħamrija (bħall-filtrazzjoni u l-ħżin tal-ilma, u l-produzzjoni tal-ikel). Bejn l-1990 u l-2000, mill-anqas 275 ettaru ta’ ħamrija ntilfu kuljum fl-UE, li jammontaw għal 1 000 km² fis-sena. Bejn l-2000 u l-2006, it-telf medju fl-UE żdied bi 3 %, iżda b’14 % fl-Irlanda u f’Ċipru, u bi 15 % fi Spanja[29]. Fil-perjodu 1990-2006, 19-il Stat Membru tilfu kapaċità tal-produzzjoni agrikola potenzjali ekwivalenti għal total ta’ 6.1 miljun tunnellata ta’ qamħ, b’varjazzjonijiet reġjonali kbar (ara l-Figura 2). Din il-figura tmur lil hinn minn waħda insinifikanti, meta jitqies l-istabbilizzar taż-żidiet fil-produttività agrikola li diġà nħassu u l-fatt li, biex ikun hemm kumpens għat-telf ta’ ettaru wieħed ta’ art fertili fl-Ewropa, ikun meħtieġ li tibda tintuża erja sa għaxar darbiet akbar f’parti oħra tad-dinja[30].

    Figura 2: Telfiet potenzjali ta’ rendiment ta’ qamħ (%) f’19-il pajjiż tal-UE (1990-2006).

    · Mudell ġdid reċenti ta’ erożjoni tal-ħamrija mill-ilma kostruwit mill-JRC stima l-erja tal-wiċċ affettwata fl-UE-27 għal 1.3 miljun km² (ara l-Figura 3). Kważi 20 % tagħha tbati minn telf ta’ ħamrija ta’ aktar minn 10 t/ha/y. L-erożjoni mhux biss hija problema serja għall-funzjonijiet tal-ħamrija (stmata li tiswa EUR 53 miljun fis-sena fir-Renju Unit biss[31]); iżda tħalli wkoll impatt fuq il-kwalità tal-ilma frisk, minħabba li tittrasferixxi nutrijenti u pestiċidi lill-korpi tal-ilma. Pereżempju, it-telfiet agrikoli tal-fosfru jaqbżu 0.1 kg/ha/y f'ħafna mill-Ewropa, iżda jilħqu livelli ta’ aktar minn 1.0 kg/ha/y f’postijiet magħrufa[32]. L-indirizzar tal-erożjoni, għalhekk, se jkun kontribuzzjoni ewlenija għall-kisba ta’ objettivi tal-UE dwar l-ilma. L-erożjoni tal-ħamrija hija partikolarment intensiva fiż-żoni tan-nirien tal-foresti, stmati għal 500 000 ha/y mis-Sistema Ewropea tal-Informazzjoni dwar in-Nirien Forestali (EFFIS)[33].

    Figura 3: Erożjoni tal-ħamrija mill-ilma fl-UE (t/ha/y).

    · Bħala għamla estrema ta’ degradazzjoni ta’ artijiet, id-deżertifikazzjoni ġġib magħha taħsir serju tal-funzjonijiet kollha tal-ħamrija. Waqt li m’hemmx valutazzjoni soda xjentifikament f’livell Ewropew, fattur wieħed li jikkontribwixxi għad-deżertifikazzjoni huwa xejra sfavorevoli fil-kapaċità produttiva. Il-Figura 4, prodotta mill-JRC fit-tħejjija tal-Atlas Dinji ta’ Deżertifikazzjoni[34], turi ż-żoni fejn il-kapaċità produttiva kienet qed tonqos b’mod kostanti fl-aħħar ftit għexieren ta’ snin. Jekk dan ikun ikkonfermat minn fatturi oħra, dan jista’ jindika deżertifikazzjoni li qed tiżdied fl-Ewropa kollha.

    Figura 4: Evoluzzjoni tal-produttività primarja netta (1982-2006).

    || Sfavorevoli || || Favorevoli

    || Titla’ u tinżel (negattiva) || || Titla’ u tinżel (pożittiva)

    || Erjas mikxufin ||

    · Waqt li l-ħamrija li jkun fiha l-melħ b'mod naturali teżisti f’ċerti partijiet tal-Ewropa, l-ilma għat-tisqija – anke jekk ikun ta’ kwalità għolja – jinkludi l-minerali u l-melħ li jinġabru bil-mod fil-ħamrija, u jikkawżaw is-salinizzazzjoni. L-espansjoni kontinwa tat-tisqija – bi problemi relatati ta’ skarsezza tal-ilma u ż-żieda fl-użu tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ kwalità marġinali – tħaffef is-salinizzazzjoni, biex b’hekk tintlaqat il-produttività tal-ħamrija. Madanakollu, m’hemmx dejta sistematika disponibbli dwar ix-xejriet fl-Ewropa kollha.

    · Id-depożizzjoni ta’ sustanzi ta’ aċidifikazzjoni li jniġġsu l-arja (eż. ammonja, diossidu tal-kubrit u ossidi tan-nitroġenu) tikkontribwixxi għall-aċidifikazzjoni tal-ħamrija, li tnaqqas il-pH tal-ħamrija, u b’hekk timmodifika l-ekosistema tal-ħamrija, timmobilizza l-metalli tqal u tnaqqas ir-rendiment tal-għelejjel. Filwaqt li l-mudelli tad-depożizzjoni tal-arja jipprevedu titjib sinifikanti fil-perjodu 1990-2010, mill-anqas kwart tal-kampjuni mkejla f’valutazzjoni reċenti ta’ ħbula ta’ monitoraġġ tal-foresti wera li l-limiti kritiċi għal sustanzi ta’ aċidifikazzjoni kienu qed jinqabżu fi gradi sustanzjali. Is-sitwazzjoni għal tipi oħra ta’ kopertura tal-ħamrija mhix magħrufa, minħabba li m’hemmx monitoraġġ sistematiku tal-aċidifikazzjoni tal-ħamrija fl-Ewropa kollha għal ħamrija mhux tal-foresti[35].

    · Il-bijodiversità tal-ħamrija tipprovdi bosta servizzi essenzjali, inklużi r-rilaxx ta’ nutrijenti f’għamliet li jistgħu jintużaw minn pjanti u organiżmi oħra, it-tisfija tal-ilma bit-tneħħija ta’ kontaminanti u patoġeni, il-kontribuzzjoni għall-kompożizzjoni tal-atmosfera billi tipparteċipa fiċ-ċiklu tal-karbonju, u l-provvediment ta’ sors maġġuri ta’ riżorsi ġenetiċi u kimiċi (eż. l-antibijotiċi). Mappa abbażi tal-indikaturi mħejjija mill-JRC[36] (ara l-Figura 5) turi valutazzjoni preliminari ta’ fejn il-bijodiversità tal-ħamrija hija mhedda. Din tinkludi żoni ta’ densità għolja ta’ popolazzjoni u/jew attività agrikola intensa (eż. iċ-ċereali u l-għelejjel industrijali, it-trobbija tal-annimali, is-serer, il-ġonna tas-siġar tal-frott, il-vinji u l-ortikultura).

    · L-uqigħ tal-art (landslides) huwa theddida kbira f’żoni muntanjużi u bl-għoljiet fl-Ewropa kollha (l-abbandun tal-artijiet ikun fattur li jaggrava l-qagħda), li sikwit ikollu impatti serji fuq il-popolazzjoni, il-propjetà u l-infrastruttura. Bħalissa aktar minn 630 000 uqigħ tal-art huma reġistrati f’bażijiet tad-dejta nazzjonali. Iż-żoni fejn hemm it-tendenza tal-uqigħ tal-art huma murija fil-Figura 6.

    · Huwa diffiċli li jkun ikkwantifikat b’mod komplet kemm tkun il-kontaminazzjoni tal-ħamrija lokalment, minħabba li l-maġġoranza vasta tal-Istati Membri ma għandhomx inventarji komprensivi, għalkemm dan huwa kopert mid-Direttiva Qafas għall-Ħamrija proposta. Fl-2006, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent stmat li kien hemm total ta’ tliet miljun sit potenzjalment kontaminati fl-UE, li minnhom 250 000 kienu fil-fatt kontaminati. Ir-rimedju qed jagħmel progress, għalkemm jeżistu varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri, li jirriflettu l-preżenza jew in-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali. Kien stmat li, fl-2004, il-fatturat tal-industrija tar-rimedju għall-ħamrija fl-UE-27 kien jammonta għal EUR 5.2 biljun, li minnhom 21.6 % ntefqu fil-Ġermanja, 20.5 % fil-Pajjiżi l-Bazzi, u 5.9 % fi Franza u fir-Renju Unit kull wieħed[37].

    Figura 5: Theddidiet potenzjali għall-bijodiversità tal-ħamrija.

    || Baxxi wisq || || Għoljin

    || Baxxi ħafna || || Għoljin ħafna

    || Baxxi || || Għoljin wisq

    || Intermedji / moderati ||

    Figura 6: Suxxettibbiltà għall-uqigħ tal-art fl-UE u f’pajjiżi ġirien (mappa preliminari)[38].

    || Baxxa ħafna || || Għolja moderatament

    || Baxxa || || Għolja għal għolja ħafna

    || Baxxa moderatament ||

    4. Sfidi attwali u imminenti

    Kemm fl-UE kif ukoll fid-dinja kollha, id-degradazzjoni tal-ħamrija żdiedet fl-aħħar għaxar snin. Din ix-xejra x’aktarx tissokta jekk diversi fatturi ma jkunux indirizzati:

    · L-użu tal-art. It-tkabbir fil-popolazzjoni tad-dinja, iż-żieda fil-konsum ta’ prodotti tal-laħam u tal-ħalib fl-ekonomiji emerġenti, u aktar użu tal-bijomassa għall-enerġija u għall-finijiet industrijali oħra, għandhom ilkoll iwasslu għal żieda fl-użu globali tal-artijiet u għad-degradazzjoni potenzjali tal-ħamrija. Fl-istess waqt, dak li jiġri fit-temp b’rabta mat-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni u t-teħid tal-art għall-bini tal-bliet u għall-infrastruttura għandhom iħarrxu din ix-xejra. L-Ewropa jimpurtaha minn dan għaliex il-kompetizzjoni għar-riżorsi tal-art u l-ilma toħloq riskji serji ta’ żbilanċi ġeopolitiċi. Barra minn dan, id-degradazzjoni tal-artijiet twassal għal nuqqas globali fl-ammont tal-art multifunzjonali. L-UE b’hekk tkun ukoll aktar dipendenti għall-ġejjieni fuq ir-riżorsi finiti tagħha tal-art – li jinkludu tipi ta’ ħamrija l-aktar fertili fid-dinja – u fuq l-użu sostenibbli tagħhom.

    · Il-preservazzjoni tal-materja organika tal-ħamrija. Il-ħamrija tal-UE fiha aktar minn 70 biljun tunnellata ta’ karbonju organiku, li huma ekwivalenti għal kważi 50 darba iktar mill-emissjonijiet tagħna tal-gass b’effett ta’ serra kull sena. Iżda l-produzzjoni intensiva u kontinwa tar-raba’ li jinħadem tista’ twassal għal tnaqqis ta’ materja organika fil-ħamrija. Fl-2009, l-emissjonijiet minn raba’ Ewropew kienu medja ta’ 0.45 tunnellata ta’ CO2 għal kull ettaru (li ħafna minnhom ġew mill-konverżjoni tal-artijiet)[39]. Il-konverżjoni tal-artijiet tal-pit u l-użu tagħhom jagħtu partikolarment lok għat-tħassib. Pereżempju, għalkemm 8 % biss tal-art agrikola fil-Ġermanja tinsab f’art tal-pit, hija taħti għal madwar 30 % tat-total tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra mis-settur kollu tagħha tal-biedja[40]. Madankollu, bi prattiki ta’ ġestjoni xierqa, il-materja organika fil-ħamrija tista’ tinżamm u wkoll tiżdied. Minbarra għall-artijiet tal-pit, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-preservazzjoni tal-mergħat permanenti u għall-ġestjoni tal-ħamrija forestali, minħabba li ż-żmien li jkollu l-karbonju f’din tal-aħħar jista’ jkun ħafna, sa 400-1 000 sena[41]. Għalhekk, huwa, essenzjali li l-istokkijiet tal-karbonju jinżammu biex jitħarsu l-impenji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għall-preżent u għall-ġejjieni.

    · Użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. L-agrikoltura tiddependi ħafna fuq ħamrija fertili u fuq id-disponibbiltà tan-nutrijenti. Pereżempju, tul dawn l-aħħar tletin sena hija użat 20-30 miljun tunnellata ta’ fosfru fis-sena, li ħafna minnu ġie minn barra l-UE. Filfatt, il-fertilizzanti tal-fosfat użati fl-UE għandhom impuritajiet tal-kadmju, li jinġabru fil-ħamrija. Fl-istess waqt, kull sena jkunu prodotti ammonti kbar ta’ demel, bijoskart u ħama tal-iskular, u kultant jintremew minkejja l-fatt li jkun fihom in-nutrijenti u l-materja organika. Mod biex jiġu indirizzati s-sigurtà tal-provvista, jitjiebu l-kondizzjonijiet tal-ħamrija u jkun limitat it-tniġġis mill-kadmju huwa li jkunu żgurati ġbir, trattament u użu sewwa ta’ dan l-iskart u r-residwi.

    5. Attivitajiet kontinwi

    L-isfidi msemmijin fil-qosor hawn fuq u l-fatt li d-degradazzjoni tal-ħamrija fl-Ewropa tkompli, jagħmluha importanti li l-UE ttejjeb il-mod li bih tittratta kwistjonijiet relatati mal-ħamrija, partikolarment fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Filwaqt li l-Istrateġija Tematika dwar il-Ħamrija għenet biex tkabbar il-profil ta’ dawn il-kwistjonijiet, ħames snin wara l-adozzjoni tagħha għad m’hemmx monitoraġġ u ħarsien b’mod sistematiku tal-kwalità tal-ħamrija fl-Ewropa kollha. Dan ifisser li t-tagħrif dwar l-istat u l-kwalità tal-ħamrija jibqa’ frammentat u l-ħarsien tal-ħamrija ma jsirx b’mod effikaċi u koerenti fl-Istati Membri kollha.

    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni qed tkompli bl-attivitajiet li ġejjin b'konformità mal-Istrateġija:

    · Inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni (eż. konferenzi, pubblikazzjonijiet, kampanji pubbliċi), taħriġ għar-riċerkaturi żgħażagħ, integrazzjoni tal-ħamrija u aspetti ta’ ħarsien tal-ħamrija f’avvenimenti ta’ informazzjoni u taħriġ iffinanzjati mill-UE, u kompiti li għandhom jitwettqu għall-Presidenzi ta’ rotazzjoni tal-Kunsill (eż. materjal ta’ informazzjoni dwar tipi nazzjonali ta’ ħamrija).

    · Appoġġ għal proġetti ta’ riċerka, partikolarment fl-oqsma tal-uqigħ tal-art, l-issiġillar tal-ħamrija, il-funzjonijiet tal-ħamrija u r-rabta tagħhom mal-bijodiversità, iċ-ċikli tal-karbonju u tan-nitroġenu fil-ħamrija (b’konċentrazzjoni fuq ir-restawr tal-artijiet tal-pit), il-fertilità tal-ħamrija, u r-riċiklaġġ tan-nutrijenti fl-agrikoltura. Għandhom jitkomplew jespandu l-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew tad-Dejta dwar il-Ħamrija li jżomm id-dejta u l-informazzjoni dwar il-ħamrija f’livell Ewropew.

    · Biex ikun ikkonsolidat il-monitoraġġ armonizzat tal-ħamrija għal varjetà ta’ finijiet, inklużi s-sigurtà u s-sigurezza tal-ikel, il-kontaminazzjoni mifruxa, u l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qed tqis li ttenni l-investigazzjonijiet dwar il-ħamrija f’intervalli regolari (kull ħames sa għaxar snin), ukoll billi tuża tekniki ta’ telerilevament. Dan il-monitoraġġ armonizzat għandu jkun implimentat f’sinerġija mad-Deċiżjoni li tikkonċerna l-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ[42] li attwalment qed tkun riveduta. Il-programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES)[43] għandu wkoll ikun għajn ta’ informazzjoni, partikolarment dwar l-issiġillar tal-ħamrija.

    · L-integrazzjoni ulterjuri tal-ħarsien tal-ħamrija f’politiki differenti. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa Sħubija Ewropea ta’ Innovazzjoni dwar is-Sostenibbiltà u l-Produttività fl-Agrikoltura b’konċentrazzjoni partikolari fuq il-ġestjoni tal-artijiet, inklużi l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-użu sostenibbli tal-ħamrija agrikola. Għandha taħdem fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020[44] biex ittejjeb it-tagħrif u s-sensibilizzazzjoni dwar il-bijodiversità tal-ħamrija. Il-Kummissjoni hija involuta b'mod attiv mal-Istati Membri fid-diskussjoni dwar il-miżuri relatati mal-ħamrija fil-Pjan Direzzjonali b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[45], fil-PAK u fil-Politika Reġjonali. Fl-aħħar nett, hija għandha tiffinalizza linji gwida dwar kif għandu jiġi llimitat, immitigat u kkumpensat l-issiġillar tal-ħamrija, li għandhom ikunu ta’ għajnuna għall-iżvilupp tal-Programm Ġenerali għas-Salvagwardja tal-Ilma tal-Ewropa[46] u għandhom jintużaw fl-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni.

    · Dwar il-leġiżlazzjoni, fl-2012 il-Kummissjoni għandha terġa’ teżamina d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali[47], li għandha tagħti opportunità għal integrazzjoni aħjar ta’ tħassib dwar il-ħamrija fi stadju bikri tal-ippjanar tal-proġetti. Barra minn dan, hija għandha tqis kif toħloq inċentivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u tinżamm il-materja organika fil-ħamrija billi jittieħed kont tas-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) bħala parti mill-impenn tal-UE għat-tibdil fil-klima għall-2020.

    · Barra mill-azzjoni domestika, il-Kummissjoni ser taħdem fil-livell internazzjonali biex tippromwovi t-twaqqif ta’ bord intergovernattiv dwar il-ħamrija fil-kuntest tas-Sħubija Globali dwar il-Ħamrija sponsorjata mill-FAO[48]. Flimkien mal-Ġermanja u s-Segretarjat tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD), il-Kummissjoni qed tappoġġja attivament inizjattiva dwar l-ekonomiji tad-degradazzjoni tal-artijiet[49] biex tibda inċentivi għall-investiment f’politiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-artijiet. Barra minn dan, hija għandha tivvaluta x-xewqa li l-UE tkun iddikjarata parti affettwata skont dik il-Konvenzjoni[50].

    Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni huma mistiedna jibagħtu l-fehmiet tagħhom dwar dan ir-rapport biex titħares il-ħamrija Ewropea, waqt li fl-istess ħin ikun żgurat l-użu sostenibbli tagħha.

    [1]               COM(2006) 231.

    [2]               Pereżempju Dirt (USA), Humus (l-Awstrija), Solutions locales pour un désastre global (Franza), u Il suolo minacciato (l-Italja).

    [3]               Aktar informazzjoni fis-sit elettroniku http://ec.europa.eu/environment/soil/index_en.htm.

    [4]               http://eusoils.jrc.ec.europa.eu/esbn/Esbn_overview.html.

    [5]               http://cordis.europa.eu/fp7/projects_en.html.

    [6]               Id-Deċiżjoni Nru 1578/2007/KE.

    [7]               http://esdac.jrc.ec.europa.eu/.

    [8]               Ir-Regolament (KE) Nru 2152/2003.

    [9]               http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/legal-proposals/index_en.htm.

    [10]             http://ec.europa.eu/environment/soil/study1_en.htm.

    [11]             Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

    [12]             Sistema ta’ Informazzjoni għall-Iżvilupp Rurali-Monitoraġġ ta’ Informazzjoni ta’ Bażi tad-Dejta tal-Indikaturi.

    [13]             COM(2011) 450.

    [14]             Id-Direttiva 2010/75/UE.

    [15]             http://prtr.ec.europa.eu/.

    [16]             SEC(2010) 360.

    [17]             COM(2011) 612 u COM(2011) 614.

    [18]             ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1–33.

    [19]             Għajnuna ’l fuq mil-limitu de minimis (attwalment iffissata għal EUR 200 000 fuq tliet snin) ipprovduta bir-Regolament (KE) Nru 1998/2006.

    [20]             http://ec.europa.eu/regional_policy/atlas2007/index_mt.htm.

    [21]             COM(2006) 232.

    [22]             http://www.unep.org/geo/GEO4/report/GEO-4_Report_Full_en.pdf.

    [23]             http://www.nyo.unep.org/action/15f.htm.

    [24]             R. Lal (2004), Soil Carbon Sequestration Impacts on Global Climate Change and Food Security, Science (Impatti ta’ Sekwestru ta’ Karbonju fil-Ħamrija fuq it-Tibdil Globali fil-Klima u s-Sigurtà fl-Ikel, Xjenza) 304, 1623-1627.

    [25]             http://ec.europa.eu/environment/soil/pdf/report_conf.pdf.

    [26]             Remediation of contaminated sites. Sharing experiences and international practice feasible for India, APSF (Rimedju għal Siti Kontaminati, Qsim ta’ esperjenzi u prattika internazzjonali adatta għall-Indja, APSF), 2011 (http://apsfenvironment.in/).

    [27]             http://www.chinadaily.com.cn/2011-03/10/content_12146168_2.htm.

    [28]             http://www.eea.europa.eu/soer.

    [29]             http://ec.europa.eu/environment/soil/sealing.htm.

    [30]             C. Gardi, P. Panagos, C. Bosco and D. de Brogniez, Soil Sealing, Land Take and Food Security: Impact assessment of land take in the production of the agricultural sector in Europe (Issiġillar tal-Ħamrija, Teħid tal-Artijiet u Sigurtà fl-Ikel: Valutazzjoni tal-impatt ta’ teħid ta’ artijiet fil-produzzjoni tas-settur agrikolu fl-Ewropa), JRC, 2011 (reviżjoni mill-esperti).

    [31]             Safeguarding our Soils. A Strategy for England (Insalvaw il-Ħamrija tagħna. Strateġija għall-Ingilterra), DEFRA, 2009, p. 11.

    [32]             http://www.eea.europa.eu/soer/europe/freshwater-quality.

    [33]             http://effis.jrc.ec.europa.eu.

    [34]             http://wad.jrc.ec.europa.eu. L-Atlas għandu joħroġ fl-aħħar tal-2012.

    [35]             http://www.eea.europa.eu/soer/europe/soil, p. 16.

    [36]             http://eusoils.jrc.ec.europa.eu/library/maps/biodiversity_atlas/index.html, p. 62-63.

    [37]             http://ec.europa.eu/environment/enveco/eco_industry/pdf/ecoindustry2006.pdf (It-Tabella 3, p. 30).

    [38]             A. Günther, M. Van Den Eeckhaut, P. Reichenbach, J. Hervás, J.P. Malet, C. Foster, F. Guzzetti, (Żviluppi ġodda fl-immappjar armonizzat tas-suxxettibbiltà għall-uqigħ tal-art fl-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija Tematika Ewropea għall-Ħamrija. Proc. It-Tieni Forum Dinji dwar l-Uqigħ tal-Art, Ruma, 3-7 ta’ Ottubru 2011) (qed jiġi stampat).

    [39]             http://www.eea.europa.eu/publications/european-union-greenhouse-gas-inventory-2011.

    [40]             http://ec.europa.eu/environment/soil/pdf/report_conf.pdf, p. 17.

    [41]             Ibid., p. 13.

    [42]             Id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE.

    [43]             Ir-Regolament (UE) Nru 911/2010.

    [44]             COM(2011) 244.

    [45]             COM(2011) 571.

    [46]             http://ec.europa.eu/environment/water/blueprint/index_en.htm.

    [47]             Id-Direttiva 85/337/KEE.

    [48]             http://www.fao.org/news/story/en/item/89277/icode/.

    [49]             http://www.ifpri.org/blog/economics-land-degradation.

    [50]             Il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja ddikjaraw li huma affettwati minn deżertifikazzjoni skont il-UNCCD.

    Top