Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR1749

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni: produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu”

    ĠU C 17, 19.1.2013, p. 51–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 17/51


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni: produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu”

    2013/C 17/10

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI jagħti parir lill-Kummissjoni Ewropea biex:

    tirrikonoxxi l-pożizzjoni fundamentali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati biex jagħmlu suċċess mill-EIP għall-Produttività u s-Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu;

    tinvolvi b’mod sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istrutturi ta’ governanza mwaqqfa biex jistimulaw u jissorveljaw din l-inizjattiva;

    tiddefinixxi “ż-żieda fil-produttività” bħala “żieda fil-produzzjoni u żieda fil-kwalità b’inqas”;

    tippermetti, fid-dawl tal-fatt li l-EIP għandha tindirizza s-suġġetti li ġejjin, firxa wiesgħa ta’ suġġetti fil-qasam tal-produzzjoni primarja, il-ġestjoni tar-riżorsi, il-bijoekonomija, il-katina tal-provvista, il-kwalità, is-sikurezza tal-ikel u l-konsumaturi;

    tipprijoritizza l-programmi għall-innovazzjoni, filwaqt li tiżgura ż-żamma tal-attivitajiet agrikoli fl-Ewropa kollha, tiżgura li l-ħidma fil-qasam tar-riċerka li tibbenefika r-reġjuni involuti fit-trobbija tal-annimali, ir-reġjuni periurbani, iż-żoni soġġetti għal restrizzjonijiet naturali u żoni agrikoli lokali tiġi inkluża;

    tiffavorixxi inizjattivi dwar l-innovazzjoni tal-SMEs minn isfel għal fuq pjuttost milli dawk tal-industrija, sabiex tiġġieled l-iżbilanċ eżistenti fil-parteċipazzjoni, minħabba livelli differenti ta’ organizzazzjoni u kapaċità;

    tkompli tħabrek biex ittejjeb il-pożizzjoni tal-produtturi primarji fil-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel;

    tippermetti lill-gruppi operattivi jużaw ukoll l-appoġġ tal-FAEŻR għall-ispejjeż tal-bidu, pereżempju għall-iżvilupp ta’ approċċ biex tiġi indirizzata kwistjoni teknika jew xjentifika jew biex jintużaw is-servizzi ta’ intermedjarju fil-qasam tal-innovazzjoni u l-għarfien.

    Relatur

    Is-Sur BRINK (NL/ALDE) Membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Provinċja ta’ Drenthe

    Dokument ta’ referenza

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu”

    COM(2012) 79 final

    I.   SFIDI U GĦANIJIET

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    L-inizjattiva ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 “Unjoni tal-Innovazzjoni”

    jappoġġja l-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u huwa konxju li:

    1.

    biex jirnexxielha tkun kompetittiva fil-livell dinji, jeħtieġ li l-Ewropa żżid l-isforzi tagħha biex iżżomm u ttejjeb il-pożizzjoni tagħha fil-kummerċ, it-tmexxija industrijali u l-eċċellenza fil-bażi xjentifika;

    2.

    L-għarfien Ewropew dwar il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel, inkluż l-għarfien dwar il-ġestjoni tal-irziezet, is-soluzzjonijiet fil-qasam tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), is-sikurezza tal-ikel, l-agrobijoteknoloġija, it-teknoloġija tat-tkabbir, il-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’, l-ilma, ir-residwi, il-ġestjoni tal-enerġija u tal-iskart u l-agrisoċjoloġija huwa apprezzat ħafna fid-dinja kollha u għandu potenzjal qawwi għall-kummerċjalizzazzjoni fi swieq li qed jinħolqu u jiżviluppaw b’ritmu mgħaġġel fi ħdan u lil hinn mill-Ewropa.

    3.

    biex jirnexxielha tiġġenera valur minn dan l-għarfien, l-Ewropa teħtieġ 1) SMEs iżjed innovattivi għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi, 2) iżjed investiment privat, 3) innovazzjoni miksuba fis-setturi eżistenti u dawk emerġenti, 4) kollaborazzjonijiet multidixxiplinari għall-ħolqien ta’ soluzzjonijiet innovattivi u 5) partijiet interessati li huma ħerqana li jittestjaw, juru, u jimplimentaw fuq skala usa’ s-soluzzjonijiet promettenti.

    Sfidi fil-qasam tal-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u r-riżorsi naturali

    jinnota li:

    4.

    bħalissa, id-dinja qed tiffaċċja sensiela ta’ sfidi differenti u sostanzjali: tkabbir kontinwu tal-popolazzjoni u tkabbir fil-kapaċità tal-akkwist, liema ħaġa tiġġenera tibdil fid-dieta u żieda fid-domada għal prodotti primarji, flimkien ma’ theddid għall-kapaċità tal-produzzjoni agrikola fil-livell dinji minħabba t-tibdil fil-klima;

    5.

    dawn l-isfidi huma akkumpanjati mit-theddida tal-iskarsezza tal-ikel, tal-għalf, tal-karburanti fossili, tal-materja prima, tal-fibri u tal-ilma ħelu, minħabba ż-żieda fid-degradazzjoni tal-ħamrija u t-telf tal-bijodiversità, kif ukoll minħabba l-periklu dejjem jiżdied tal-falliment tas-swieq finanzjarji, ta’ żbilanċ politiku u ta’ kunflitti armati;

    6.

    jeħtieġ li l-agrikoltura u l-provvista tal-ikel fil-ġejjieni jużaw inqas ilma u karburanti fossili, kif ukoll inqas prodotti fertilizzanti u fitosanitarji, u jkunu iktar diversifikati u intelliġenti biex jagħmlu l-aqwa użu possibbli mis-sinerġiji bejn il-biedja tal-ħrit, it-trobbija tal-annimali, il-ġestjoni tal-iskart organiku, il-flussi tar-residwi u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

    u josserva li:

    7.

    l-Istati Membri u l-partijiet interessati kemm-il darba esprimew interess qawwi fil-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-agrikoltura permezz ta’ aproċċ fil-livell tal-UE, u li l-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ġunju 2008 diġà osserva li “Jeħtieġ li titkompla l-ħidma dwar l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola, partikolarment biex jitjiebu l-effiċjenza fl-enerġija, it-tkabbir fil-produttività u l-abbiltà tagħha li tadatta għat-tibdil fil-klima”;

    8.

    konklużjonijiet simili ntlaħqu minn organizzazzjonijiet agrikoli u Kmamar tal-Agrikoltura, u li d-dikjarazzjoni tal-G20 ta’ Cannes tenfasizza l-ħtieġa primordjali li jsir investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni agrikoli.

    Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni:

    9.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fis-settur tal-biedja bit-twaqqif ta’ Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (European Innovation Partnership – EIP) dwar Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu u ż-żewġ għanijiet prinċipali tagħha huma: 1) li tgħin lis-settur tal-biedja jsir iżjed produttiv u effiċjenti (billi jsir titjib fit-tnaqqis reċenti osservat fil-livelli ta’ żieda tal-produttività sal-2020) u 2) tippromovi l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura (billi jiġi żgurat użu adatt tal-art sal-2020);

    10.

    jilqa’ b’sodisfazzjon partikolari l-fatt li s-sistemi lokali tal-ikel u l-biedja huma riflessi fis-suġġetti msemmija bħala li huma intitolati għall-kooperazzjoni, jiġifieri kooperazzjoni orizzontali u vertikali fost l-atturi tal-ktajjen tal-provvista għat-twaqqif ta’ pjattformi tal-loġistika għall-promozzjoni ta’ ktajjen qosra tal-provvista u swieq lokali, u attivitajiet ta’ promozzjoni f’kuntest lokali relatati mal-iżvilupp ta’ ktajjen qosra tal-provvista u swieq lokali;

    11.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li talloka EUR 4,5 biljun lir-riċerka u l-innovazzjoni dwar is-sigurtà tal-ikel, il-bijoekonomija u l-agrikoltura sostenibbli (taħt l-Orizzont 2020);

    12.

    jaqbel li l-fondi mill-PAK, flimkien mal-fondi mill-programm qafas għar-riċerka, għandhom jappoġġjaw l-EIP dwar il-produttività u s-sostenibbiltà fil-qasam agrikolu biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn id-dinja tar-riċerka u l-biedja fil-prattika;

    13.

    huwa tal-fehma li l-bidla meħtieġa mis-settur agrikolu, minħabba l-urġenza dejjem tikber li jkun hemm effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, ser twassal biex, primarjament, jiġi prodott iżjed ikel b’mod iżjed sostenibbli, iżda wkoll fil-provvista ta’ firxa ta’ servizzi soċjetali differenti u prodotti bijoloġiċi marbutin mas-saħħa, id-divertiment, il-ġestjoni tat-territorju, il-ġestjoni tal-iskart, l-għalf, il-fibri u l-enerġija rinnovabbli. Dan l-ambitu iżjed wiesa’ għandu jibbenefika kemm lis-settur kif ukoll lis-soċjetà, bil-kundizzjoni li jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn il-produzzjoni tal-ikel kif ukoll dik ta’ prodotti mhux tal-ikel, li l-enfasi tas-settur agrikolu tkun fuq il-prijoritajiet definiti mill-ġdid tal-PAK u li l-awtoritajiet ikunu konsistenti huma u jfittxu li jwettqu dawn il-prijoritajiet;

    14.

    huwa tal-fehma li dan is-settur agrikolu definit mill-ġdid jipprovdi opportunitajiet ġodda fil-qasam tan-negozju u l-innovazzjoni għall-katina Ewropea tal-valur;

    15.

    huwa tal-fehma li, sabiex isir l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi naturali, jeħtieġ li jkun hemm interazzjoni mill-qrib bejn is-setturi tal-agrikoltura, tal-bijoekonomija u tax-xjenzi (1) biex jinħoloq settur agrikolu iżjed sostenibbli u effiċjenti. Fir-rigward tal-agrikoltura bħala fornitur tal-bijomassa għall-produzzjoni tal-enerġija, jeħtieġ li jinżamm bilanċ bejn il-produzzjoni tal-ikel u tal-bijomassa;

    II.   PREOKKUPAZZJONIJIET/FATTURI EWLENIN GĦAS-SUĊĊESS

    Preokkupazzjonijiet

    josserva li:

    16.

    l-isforz biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-prattika u x-xjenza huwa kruċjali, imma s-sempliċi fatt tal-eżistenza tal-EIP ma jsolvix id-distakk kulturali u professjonali bejn żewġ perspettivi li huma importanti ndaqs: 1) il-perspettiva tal-komunità xjentifika, li għandha t-tendenza li tiffoka fuq l-eċċellenza fil-qasam xjentifiku, fuq ir-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien, it-teknoloġiji futuri u dawk emerġenti, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-iżvilupp tal-karriera, u l-infrastruttura tar-riċerka; u 2) il-perspettiva tal-intraprendituri u dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika, li jeżaminaw modi li jiġġeneraw il-valur mill-għarfien u jfittxu soluzzjonijiet li jgħinu jindirizzaw il-bżonnijiet tas-soċjetà u l-opportunitajiet ta’ negozju. Ser ikun hemm bżonn ta’ komunikazzjoni u inċentivi fuq iż-żewġ naħat;

    17.

    il-FAEŻR propost joffri għadd ta’ inċentivi, kif stabbiliti fl-Artikoli 15, 16, 18, 20, 33, 36, 46, 53, 61, 62 u 63, iżda dawn mhux ser jintlaqgħu tajjeb sakemm intermedjarju tal-għarfien fil-qasam tal-EIP ma jikkomunikax il-possibbiltajiet fil-livell tal-Istati Membri qabel ma jiġu finalizzati l-kuntratti ta’ sħubija u matul il-proċess tal-abbozzar tal-programmi operattivi nazzjonali u/jew reġjonali għall-iżvilupp rurali;

    18.

    l-EIP mhux ser tiġi inkorporata fil-programmi ta’ żvilupp reġjonali, sakemm ma jiġix ipprogrammat kofinanzjament nazzjonali bil-għan li jiffinanzja l-fażijiet differenti tal-proċess tal-innovazzjoni: 1) kooperazzjoni (biex jitwaqqfu l-gruppi operattivi) għall-iżvilupp tan-negozju (biex jitnieda proġett relatat mal-innovazzjoni); 2) trasferiment tal-għarfien u servizzi ta’ konsulenza (biex jinkiseb għarfien espert u jsir użu mir-riżultati tar-riċerka eżistenti); 3) it-tnedija ta’ skemi ta’ kwalità (biex jitħeġġu l-benefiċċji tas-soċjetà u r-riżultati tan-negozju); u 4) investiment (appoġġ finanzjarju biex jintlaħqu l-għanijiet; il-produttività u s-sostenibbiltà);

    19.

    s’issa, twaqqfu ħames Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni, dwar dawn is-suġġetti:

    a.

    it-tixjiħ attiv u b’saħħtu, SEC(2011) 1028, adottata fl-1.9.2011

    b.

    il-materja prima, COM(2012) 82, adottata fid-29.2.2012

    c.

    il-produttività u s-sostenibbiltà fil-qasam agrikolu, COM(2012) 79, adottata fid-20.2.2012

    d.

    l-ilma, COM(2012) 216, adottata fl-10.5.2012

    e.

    il-bliet intelliġenti, C(2012) 4701, adottata fl-10.7.2012

    u lkoll kemm huma huma 1) importanti għall-awtoritajiet reġjonali u lokali iżda wkoll 2) dipendenti mill-ġestjoni, l-appoġġ u l-finanzjament reġjonali biex jirnexxu; madankollu, sal-lum il-ġurnata, l-awtoritajiet reġjonali ma ġewx mistiedna jkunu involuti fil-proċess.

    L-elementi importanti għas-suċċess

    josserva li:

    20.

    ir-reġjuni u l-komunitajiet rurali jistgħu jaqdu rwol deċiżiv fit-tmexxija u l-kofinanzjament tal-azzjonijiet meħudin permezz tal-FAEŻR u mezzi oħra li jistimulaw l-innovazzjoni, u issa huma indispensabbli biex jadattaw l-appoġġ għall-karatteristiċi agrikoli, ambjentali u territorjali ta’ reġjun speċifiku, li b’hekk jagħmel possibbli użu effiċjenti tal-fondi Ewropej;

    21.

    ir-reġjuni u l-komunitajiet rurali japprezzaw li jagħtu fehmiethom dwar il-prijoritajiet jew l-implimentazzjoni u l-arranġamenti tal-ġestjoni;

    22.

    huwa tal-fehma li t-twaqqif ta’ qafas ta’ governanza f’diversi livelli (Ewropej, nazzjonali, reġjonali) huwa rekwiżit essenzjali għal reviżjoni sħiħa b’suċċess tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013, inkluża l-EIP;

    23.

    il-partijiet interessati jkunu mistennija jiffurmaw grupp operattiv bażiku li jkompli jeżamina l-lakuni fl-għarfien, pereżempju rigward: it-teknoloġija, il-mudelli tan-negozju, is-sistemi ta’ organizzazzjoni, l-istrateġiji tal-kummerċjalizzazzjoni, il-bżonnijiet u l-edukazzjoni tal-konsumaturi, u minn issa jilqa’ b’sodisfazzjon il-finanzjament tal-FAEŻR għal dan il-għan; il-pass li jmiss jista’ jkun dak li jfittxu msieħba u joħolqu tim multidixxiplinari, biex jeżamina l-użu tal-kooperazzjoni transkonfinali u/jew il-bażi eżistenti tal-għarfien qabel ma jikkuntattja n-netwerk tal-EIP għal appoġġ addizzjonali, iżda dan il-pass ma għandux ikun obbligatorju;

    24.

    ċerti inizjattivi minn isfel għal fuq fil-qasam tal-innovazzjoni dwar is-sostenibbiltà jew il-produttività jistgħu jintlaqgħu tajjeb f’livell reġjonali jew nazzjonali, iżda xorta waħda huma fil-periklu li ma jissodisfawx l-għażla tat-temi prijoritarji kif stabbiliti fil-Pjan Strateġiku ta’ Implimentazzjoni (SIP) u l-pjan direzzjonali multiannwali (ippubblikat mill-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli wara konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti dwa ir-Riċerka Agrikola u l-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali); madankollu, dan ma għandux ikun ta’ xkiel għall-għoti tal-appoġġ, peress li dan ikollu effett skoraġġanti qawwi fuq il-parteċipanti u jinterrompi l-proċess tal-innovazzjoni fl-iżjed punt vulnerabbli tagħha;

    25.

    is-servizzi ta’ intermedjarju fl-innovazzjoni u l-għarfien huma indispensabbli għat-tnedija ta’ proċess ta’ innovazzjoni u għat-tħeġġiġ tal-progress tiegħu.

    III.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    Lill-Kummissjoni Ewropea

    iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea biex:

    26.

    tirrikonoxxi l-pożizzjoni fundamentali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati biex jagħmlu suċċess mill-EIP għall-Produttività u s-Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu;

    27.

    tinvolvi b’mod sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istrutturi ta’ governanza mwaqqfa biex jistimulaw u jissorveljaw din l-inizjattiva;

    28.

    tistieden rappreżentant tal-Kumitat tar-Reġjuni biex jiġi involut fil-ħidma tal-grupp ta’ tmexxija ta’ livell għoli li ser jiddefinixxi strateġija għall-EIP, u fil-kumitat ta’ koordinazzjoni tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, sabiex jiġi żgurat li tiġi implimentata l-inizjattiva b’konformità mal-bżonnijiet ġenwini tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    29.

    tobbliga lill-Istati Membri jintegraw l-għanijiet transsettorjali tal-EIP fil-kuntratt ta’ sħubija;

    30.

    tiddefinixxi “ż-żieda fil-produttività” bħala “żieda fil-produzzjoni u żieda fil-kwalità b’inqas”;

    31.

    tippermetti, fid-dawl tal-fatt li l-EIP għandha tindirizza s-suġġetti li ġejjin, firxa wiesgħa ta’ suġġetti fil-qasam tal-produzzjoni primarja, il-ġestjoni tar-riżorsi, il-bijoekonomija, il-katina tal-provvista, il-kwalità, is-sikurezza tal-ikel u l-konsumaturi;

    32.

    tipprijoritizza l-programmi għall-innovazzjoni, filwaqt li tiżgura ż-żamma tal-attivitajiet agrikoli fl-Ewropa kollha, tiżgura li l-ħidma fil-qasam tar-riċerka li tibbenefika r-reġjuni involuti fit-trobbija tal-annimali, ir-reġjuni periurbani, iż-żoni soġġetti għal restrizzjonijiet naturali u żoni agrikoli lokali tiġi inkluża;

    33.

    tiffavorixxi inizjattivi dwar l-innovazzjoni tal-SMEs minn isfel għal fuq pjuttost milli dawk tal-industrija, sabiex tiġġieled l-iżbilanċ eżistenti fil-parteċipazzjoni, minħabba livelli differenti ta’ organizzazzjoni u kapaċità;

    34.

    tiffoka fuq biedja sostenibbli, fuq biedja produttiva bħala riżultat tad-disponibbiltà tat-teknoloġija moderna, fuq il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel u t-telf wara l-ħsad u fuq l-imġiba responsabbli min-naħa tal-konsumaturi flimkien maż-żieda fil-volumi tal-produzzjoni;

    35.

    tiffoka fuq l-esportazzjoni tal-UE u l-kummerċjalizzazzjoni tal-għarfien u l-(bijo)teknoloġija u fuq il-parteċipazzjoni ġusta fi produzzjoni remota (metropolitana jew fuq skala żgħira) fil-livell lokali f’pajjiżi terzi;

    36.

    tkompli tħabrek biex ittejjeb il-pożizzjoni tal-produtturi primarji fil-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel;

    37.

    titlob, bħala inċentiv għax-xjentisti biex inaqqsu d-disparitajiet fl-innovazzjoni, li l-kriterju relatat mal-“livell ta’ użu prattiku tar-riżultati tar-riċerka” jintuża fil-klassifikazzjonijiet tal-istituzzjonijiet li jiżviluppaw l-għarfien;

    38.

    japprezza netwerks ewlenin ta’ reġjuni Ewropej, istituti ta’ riċerka u clusters dwar il-produttività għolja u l-agrikoltura sostenibbli, u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħraf ir-rwol ta’ dawn in-netwerks u l-clusters u tiffaċilita t-trasferiment tal-għarfien bejn l-intraprendituri kemm lokalment kif ukoll bejn ir-reġjuni;

    39.

    tippermetti lill-Istati Membri jappoġġjaw attivitajiet reġjonali u dawk ta’ fażi bikrija min-naħa ta’ gruppi operattivi – li jaħdmu fuq l-għanijiet u l-miri tal-EIP – bl-użu ta’ fondi tal-FAEŻR u kofinanzjament reġjonali, indipendentement minn jekk jirnexxilhomx jiksbu wkoll appoġġ min-Netwerk tal-EIP wara li jwieġbu s-sejħiet;

    40.

    taqbel li l-gruppi operattivi joperaw jew fi ħdan il-fruntieri ta’ Stat Membru partikolari jew ikollu membri f’għadd ta’ Stati Membri u f’pajjiżi terzi;

    41.

    tagħmel referenza għall-“bdiewa u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi” u tispeċifika li “l-bdiewa” huma intitolati, bil-għan li jkun iżjed faċli li jitwaqqaf grupp;

    42.

    tippermetti lill-gruppi operattivi jużaw ukoll l-appoġġ tal-FAEŻR għall-ispejjeż tal-bidu, pereżempju għall-iżvilupp ta’ approċċ biex tiġi indirizzata kwistjoni teknika jew xjentifika jew biex jintużaw is-servizzi ta’ intermedjarju fil-qasam tal-innovazzjoni u l-għarfien;

    43.

    taħtar tim tal-komunikazzjoni qabel ma twaqqaf il-Bord ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli, il-grupp ta’ appoġġ SHERPA, l-uffiċċju ta’ appoġġ għall-gruppi operattivi u s-segretarjat responsabbli għall-kitba tal-Pjan Strateġiku ta’ Implimentazzjoni, li jippromovi l-użu 1) tal-EIP fil-Programmi għall-Iżvilupp Rurali fil-livell Nazzjonali; 2) l-għażliet tal-Orizzont 2020 biex jappoġġjaw il-proġetti tar-riċerka, proġetti b’diversi atturi, clusters ta’ azzjonijiet fil-qasam tal-innovazzjoni, intermedjarji tal-innovazzjoni u ċentri tal-innovazzjoni; 3) il-faċilitajiet u l-kuntatti tan-Netwerk tal-EIP; u 4) manwal/linji gwida għall-gruppi lokali.

    Lill-awtoritajiet lokali u reġjonali

    jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali:

    44.

    jappoġġjaw il-parteċipazzjoni fl-EIP u l-inklużjoni tiegħu fil-programmi operattivi tal-FAEŻR, u jħejju biex iwaqqfu gruppi operattivi;

    45.

    jinkoraġġixxu lill-Istati Membri jikkunsidraw bis-serjetà l-urġenza li jindirizzaw il-produttività, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u s-sostenibbiltà, u għelhekk iħeġġiġhom jonfqu mill-inqas 10 % tal-kontribuzzjoni totali mill-FAEŻR fuq it-trawwim tat-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni fl-agrikoltura, il-forestrija u ż-żoni rurali;

    46.

    isaħħu l-parteċipazzjoni tagħhom fin-Netwerk Nazzjonali u Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

    Brussell, 30 ta’ Novembru 2012.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    (1)  CdR 1112/2012 –EDUC-V-024 “Ninnovaw għal tkabbir sostenibbli: bijoekonomija għall-Ewropa”.


    Top