Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR1669

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-faċilità Nikkollegaw l-Ewropa”

    ĠU C 277, 13.9.2012, p. 125–136 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 277/125


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-faċilità Nikkollegaw l-Ewropa”

    2012/C 277/12

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    ifakkar dwar l-importanza tal-politika Ewropea fil-qasam tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni bħala strument ewlieni biex tiġi żgurata ż-żieda fil-kompetittività tal-bliet u r-reġjuni u biex tikkontribwixxi għall-ksib tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE;

    jappoġġja l-ħolqien tal-istrument il-ġdid tal-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” (FNE) bħala qafas legali komuni u bħala strument uniku ta’ finanzjament għas-settur tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni;

    jilqa' l-enfasi tagħha li tindirizza l-konnessjonijiet neqsin, it-tneħħija tal-punti ta’ konġestjoni u l-provvista ta’ konnessjonijiet transkonfinali adegwati kif ukoll l-introduzzjoni ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, sabiex jiġi żgurat l-ikbar effett ta’ lieva tal-infiq pubbliku u ċ-ċittadini tal-UE jingħataw valur miżjud ogħla;

    jappella sabiex l-implimentazzjoni ssir f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-atturi fil-livell lokali b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    iqis li l-implimentazzjoni tal-FNE għandha tkun konformi wkoll mal-għanijiet kemm tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll il-politika ta’ Koeżjoni, u komplementari u konsistenti mal-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni;

    jinsisti li l-fondi jiġu allokati b'mod ġust bejn l-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-UE filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi territorjali speċifiċi tal-UE;

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara li l-EUR 10 biljun li għandhom jiġu trasferiti mill-Fond ta’ Koeżjoni jkunu jirrispettaw ir-Regolament għall-Fond tal-Koeżjoni, inklużi l-kwoti nazzjonali li japplikaw għall-Istati Membri.

    Relatur

    Is-Sur ŽAGAR (SI/PPE), Sindku ta’ Slovenska Bistrica

    Dokumenti ta’ referenza

     

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

    COM(2011) 665 final/3 – 2011/0302 (COD)

     

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija

    COM (2011)659 final/2 – 2011/0301 (COD)

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Valutazzjoni ġenerali

    1.

    ifakkar li l-politika Ewropea dwar it-trasport, it-telekomunikazzjonijiet u l-faċilitajiet diġitali għandha titfassal bħala strument ewlieni maħsub biex jiżgura ż-żieda tal-kompetittività tal-bliet u r-reġjuni, il-moviment liberu tal-merkanzija u l-persuni, l-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE u l-konnessjoni tagħha mal-bqija tad-dinja;

    2.

    jilqa' r-rwol potenzjali tal-Faċilità “Nikkolegaw l-Ewropa” sabiex issaħħaħ it-tkabbir u l-impjiegi u tagħmel l-Ewropa iktar kompetittiva (1) u jappoġġja l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-ħolqien tal-konnessjonijiet neqsin, it-tneħħija tal-punti ta’ konġestjoni u l-provvista ta’ konnessjonijiet transkonfinali adegwati;

    3.

    jappoġġja l-ħolqien tal-istrument il-ġdid tal-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” (FNE) bħala qafas legali komuni u bħala strument ta’ finanzjament għas-setturi tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet;

    4.

    jappella sabiex l-implimentazzjoni ssir f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-atturi fil-livell lokali b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    5.

    jappella għal approċċ aktar trasparenti, koerenti u semplifikat lejn il-finanzjament tal-UE li jkun kapaċi jattira l-finanzjament tas-settur privat li llum il-ġurnata huwa neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE;

    6.

    iqis li l-implimentazzjoni tal-FNE għandha tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-għanijiet ekonomiċi, soċjali u territorjali tal-politika ta’ koeżjoni u li għandha tkun interkonnessa mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni sabiex ikunu kumplementari għal xulxin u konsistenti bejniethom;

    7.

    jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni sabiex talloka EUR 10 biljun mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-FNE sabiex tappoġġja l-implimentazzjoni kkoordinata ta’ proġetti dwar l-infrastruttura tat-trasport fuq in-netwerk ewlieni TEN-T fl-Istati Membri ta’ Koeżjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rrispettati, kemm jista' jkun, l-allokazzjonijiet nazzjonali skont il-Fond ta’ Koeżjoni, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ appoġġ finanzjarju favorevoli, kif stabbilit mill-Fond ta’ Koeżjoni, għat-tipi kollha ta’ proġetti eliġibbli, inklużu proġetti transkonfinali dwar it-toroq;

    8.

    iqis li l-proġetti tal-FNE għandhom isegwu l-prijoritajiet ta’ tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli – l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    9.

    jisħaq fuq id-diffikultà li jiffaċċjaw ħafna Stati Membru biex jiżviluppaw waħedhom proġetti kumplessi ta’ infrastruttura tat-trasport transkonfinali, filwaqt li fil-livell tal-UE hemm volum kritiku ta’ domanda għal aktar sinerġiji bejn diversi programmi ta’ finanzjament u setturi ta’ politika li jridu jiżguraw l-ogħla effett ta’ lieva tal-infiq pubbliku li jippreżenta valur miżjud ogħla għaċ-ċittadini tal-UE;

    Qafas legali

    FNE – Kuntest ġenerali

    10.

    jappoġġja l-ħolqien tal-istrument il-ġdid tal-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” (FNE) bħala qafas legali komuni u bħala strument uniku ta’ finanzjament għas-settur tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni;

    11.

    jenfasizza li fil-kuntest tal-proġetti tat-trasport, għandha titqies l-interkonnessjoni tagħhom ma’ forom oħra ta’ trasport li jinvolvu punti fokali, pereżempju t-trasport bl-ajru, il-metro, eċċ.; għandu jiġi pprovdut aċċess għal netwerk u servizzi rapidi ta’ broadband, b'mod partikolari f'żoni li mhumiex attraenti mil-lat kummerċjali, bħalma huma ż-żoni rurali b'densità tal-popolazzjoni baxxa, fejn it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) jistgħu jagħmluha aktar faċli li jiġu pprovduti servizzi pubbliċi u jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-popolazzjoni rurali u għall-koeżjoni territorjali;

    12.

    jixtieq li jiġi ċċarat it-trattament tar-reġjuni li għandhom indiċi ta’ żvilupp differenti sabiex jirriflettu sitwazzjonijiet speċifiċi territorjali tal-UE, inklużi reġjuni bi żvantaġġi demografiċi u naturali gravi u permanenti u d-dimensjoni ultraperiferika, u jkopru r-reġjuni tal-Ewropa b'mod bilanċjat;

    Għanijiet settorjali

    13.

    jappoġġja l-isforzi favur il-promozzjoni ta’ sistemi tat-trasport nodfa u sostenibbli – speċjalment it-trasport bil-ferrovija u bil-baħar – li huma modi effikaċi u kompetittivi li għandhom jingħataw infrastruttura adegwata u servizzi organizzati. Sabiex jiġi żgurat li dawn il-modi ta’ trasport sostenibbli jaħdmu tajjeb, hemm bżonn ukoll li jiġu żviluppati nodi loġistiċi interni li jippermettu l-aqwa skambju intermodali possibbli u l-effikaċja tas-sistema kollha kemm hi;

    14.

    huwa tal-fehma li jeħtieġ li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari ta’ firxa ta’ żoni differenti fl-UE, inklużi r-reġjuni fl-Istati Membri l-ġodda b'infrastruttura li s'issa ġiet żviluppata b'mod dgħajjef u kienet nieqsa minn finanzjament adegwat, b'mod partikolari fejn dan iġib miegħu valur miżjud reġjonali kbir, pereżempju, għat-trasport transkonfinali;

    15.

    jisħaq fuq il-bżonn li jiġu promossi l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija u l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija fl-UE u jirrikonoxxi l-indipendenza tal-UE fil-qasam tal-enerġija bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta’ dan l-istrument u li tiġi xprunata s-sigurtà tal-provvista;

    16.

    jisħaq fuq il-fatt li l-investimenti fin-netwerk tat-telekomunikazzjoni broadband u fil-pjattaformi tal-infrastruttura ta’ servizzi diġitali huma essenzjali biex tinkiseb l-Aġenda Diġitali tal-UE u biex jingħata kontribut għall-għanijiet tal-UE 2020, kif ukoll biex jiġu pprovduti s-servizzi pubbliċi Ewropej;

    Kwistjonijiet baġitarji

    17.

    jilqa' l-ħolqien tal-istrument tal-FNE u r-riżorsi finanzjarji tiegħu li m'għandhux ikun hemm dubji dwarhom, sabiex jiġi żgurat FNE effikaċi u b'effett ta’ lieva fuq sorsi oħra ta’ finanzjament pubbliku u privat, iżda jwissi kontra kull sforz li jista' jkun ta’ ħsara għall-Fondi Strutturali;

    18.

    minħabba l-qagħda tas-swieq finanzjarji, jinsab imħasseb dwar l-impatt u l-effett ta’ lieva mistennijin tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-FNE fuq il-finanzjament pubbliku reġjonali u lokali ppjanat għall-investiment fl-infrastruttura;

    19.

    jinsisti li l-finanzjament għandu jiġi allokat b'mod ġust bejn l-Istati Membri u r-reġjuni kollha, u jqis il-kwalità u l-valur miżjud tal-proġetti finanzjati mill-FNE fin-netwerks tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni għar-reġjuni l-iktar dgħajfa, inklużi dawk bi żvantaġġi ġeografiċi u naturali permanenti, ir-reġjuni b'densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u dawk insulari, transkonfinali u muntanjużi, b'konsiderazzjoni adatta għall-effettività u l-effett ta’ lieva tal-proġetti proposti;

    20.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara li l-EUR 10 biljun li għandhom jiġu trasferiti mill-Fond ta’ Koeżjoni jkunu jirrispettaw ir-Regolament għall-Fond tal-Koeżjoni, inklużi l-kwoti nazzjonali li japplikaw għall-Istati Membri;

    21.

    jisħaq fuq il-fatt li r-regoli ta’ eliġibbiltà għandhom jiġu estiżi għall-ispejjeż amministrattivi;

    Forom ta’ finanzjament u dispożizzjonijiet finanzjarji

    22.

    jappoġġja approċċ aktar trasparenti, koerenti u semplifikat lejn il-finanzjament tal-UE sabiex ikun jista' jiġi attirat il-finanzjament tas-settur privat; għalhekk, jitlob li l-ispejjeż amministrattivi jiġu inklużi fl-ispejjeż eliġibbli sabiex l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu b'mod aktar effettiv u jenfasizza li sorsi ġodda ta’ finanzjament m'għandhom bl-ebda mod jieħdu post il-finanzjament tradizzjonali tal-UE, iżda pjuttost jikkomplementawh;

    23.

    jilqa' l-introduzzjoni ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, b'mod partikolari l-użu ta’ bonds tal-proġetti tal-UE, li ser jattiraw l-investituri privati u jħeġġu s-sħubijiet pubbliċi-privati fl-UE. Meta wieħed iqis il-qagħda tas-swieq finanjarji, il-garanzija għal dawn il-bonds għandha tkun f'idejn il-Kummissjoni;

    24.

    jitlob lill-Kummissjoni tipprevedi miżuri għall-bini tal-kapaċitajiet għall-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, sabiex tappoġġja l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li m'għandhomx l-għarfien espert meħtieġ, speċjalment fil-livell reġjonali u lokali; jilqa' l-adozzjoni fis-6 ta’ Lulju 2012 tar-Regolament li jniedi l-fażi pilota 2012-2013 tal-inizjattiva tal-bonds għall-proġetti tal-UE bil-għan li jiġu mobilizzati sa EUR 4,5 biljun f'finanzjament mis-settur privat għall-proġetti ta’ infrastruttura strateġiċi prinċipali (2); jappoġġja li jekk tkun ta’ suċċess, il-fażi pilota tiġi segwita minn fażi operattiva matul il-perjodu 2014-2020 fil-qafas tal-faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”;

    Għotjiet ta’ flus

    25.

    jilqa' l-programmi ta’ ħidma bħala strumenti li jużaw il-forma ta’ għotjiet li jintużaw fil-każ ta’ miżuri partikolari;

    26.

    jistqarr li l-eliġibbiltà tal-infiq, kif definita mill-FNE, tista' tkun fattur li jillimita l-implimentazzjoni tal-proġetti; għalhekk, għandha tiġi emendata rigward id-dati tal-eliġibbiltà u aspetti partikolari tal-ispejjeż eliġibbli, bħall-ispejjeż ta’ tħejjija, VAT li ma tistax tiġi rkuprata, ix-xiri ta’ bini;

    27.

    jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta l-allokazzjonijiet nazzjonali u r-rati ta’ finanzjament fil-qafas tal-Fond ta’ Koeżjoni u jitlob li l-lista indikattiva tal-proġetti definita fil-programmi operattivi tiġi ffinanzjata permezz tal-Fond ta’ Koeżjoni;

    28.

    jenfasizza li, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni attwali li qed jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-benefiċjarji mhux ser ikunu jistgħu jibdew il-ħidma tagħhom fil-ħin. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kanċellazzjoni tal-proġetti m'għandhomx ikunu restrittivi wisq u b'hekk għandu jkun hemm perjodu ta’ tliet snin minflok sentejn kif propost mill-Kummissjoni Ewropea;

    Akkwist

    29.

    ifakkar li l-EUR 10 biljun li se jitwarrbu mill-Fond ta’ Koeżjoni se jiġu trattati skont ir-regoli ta’ ġestjoni diretta u mhux skont il-“prinċipju ta’ min ikun applika l-ewwel jinqeda l-ewwel”; jenfasizza li l-approċċ “min ikun applika l-ewwel jinqeda l-ewwel” jista' jkollu r-riskju li jżid l-iżbilanċ tal-pajjiżi li jibbenefikaw mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-UE, li jiffaċċjaw aktar diffikultajiet rigward kundizzjonijiet amministrattivi, umani u finanzjarji; dan jista' jfixkel lil xi Stati Membri u reġjuni milli jippreżentaw proġetti maturi;

    30.

    jipproponi li r-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa tal-EUR 10 biljun li għandhom jiġu trasferiti mill-Fond ta’ Koeżjoni għandhom ikunu konformi mar-regolament li japplika għal dan il-Fond;

    Strumenti finanzjarji

    31.

    jitlob li, mingħajr preġudizzju għall-kwistjonijiet ta’ kompetenza, l-appoġġ finanzjarju għal proġetti li ma jkunux laħqu l-livell tan-netwerks trans-Ewropej għandu jkun konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    Programmar, implimentazzjoni u kontroll

    32.

    jappoġġja l-programmi ta’ ħidma multiannwali li għandhom jiġu komunikati lill-partijiet kkonċernati kollha. B'konformità mal-prinċipji tal-governanza f'diversi livelli, it-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma għandhom jinvolvu l-imsieħba fil-livelli kollha;

    Governanza f'diversi livelli

    33.

    jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma legalment responsabbli għal ħafna mill-oqsma koperti mill-FNE u li huma affettwati direttament mill-miżuri proposti għall-finanzjament tal-infrastrutturi trans-Ewropej tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni; għalhekk, huwa vitali li l-prinċipji tal-governanza f'diversi livelli jiġu rispettati sabiex jiġi żgurat żvilupp territorjali bbilanċjat;

    34.

    iqis li l-proposta tal-FNE ma tidhirx li tqajjem xi kwistjoni fir-rigward tal-konformità tagħha mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà (3); ifakkar li, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, il-proġetti tal-FNE jistgħu jinvolvu d-dimensjoni transnazzjonali u għaldaqstant iridu jinkisbu fl-iktar livell xieraq tagħhom: UE, nazzjonali, reġjonali jew lokali;

    35.

    jinsisti li l-awtoritajiet reġjonali u lokali u partijiet interessati oħra għandhom jiġu inklużi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-ippjanar fi ħdan l-Istati Membri rigward il-lista indikattiva tal-proġetti tal-FNE li potenzjalment jistgħu jiġu ffinanzjati;

    36.

    jinsisti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu informati kmieni kemm jista' jkun dwar il-proposti tal-FNE u għandhom jiġu appoġġjati b'mod attiv sabiex jiġu integrati fit-tħejjija tal-proġetti u l-istrateġiji territorjali għall-iżvilupp. Huwa vitali wkoll li l-partijiet interessati kollha tar-reġjuni individwali jikkooperaw fit-tħejjija tal-proġetti futuri tal-FNE u fl-implimentazzjoni tagħhom;

    37.

    huwa tal-fehma li sa tmiem l-2012 għandhom jiġu żviluppati miżuri strateġiċi sabiex l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali jitħeġġu biex iħejju l-listi ta’ investimenti proposti fl-oqsma tal-enerġija u t-telekomunikazzjoni, għax hekk biss jista' jifdal ħin biżżejjed għall-Istati Membri individwali biex iħejju d-dokumenti tagħhom rigward il-proġetti;

    Ġestjoni u implimentazzjoni

    38.

    jenfasizza li teknoloġiji ġodda (eż. infrastruttura għal karburanti alternattivi) għandhom iktar ostakli għad-dħul mill-infrastruttura tradizzjonali bħat-toroq u l-ferroviji u għaldaqstant l-għotjiet se jkunu permessi sa 50 % flok 20 %;

    39.

    jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-FNE mill-aġenzija eżekuttiva tal-Kummissjoni Ewropea bħala awtorità tal-ġestjoni għandha titwettaq f'kooperazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet pubbliċi rilevanti oħrajn. Għandhom jiġu evitati spejjeż addizzjonali għat-twaqqif u t-tħaddim tal-aġenzija;

    40.

    jenfasizza li r-regoli li jirregolaw il-fondi tal-FNE għandhom jiġu definiti, meta msieħba individwali minn Stati Membri differenti ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ proġett individwali;

    41.

    għaldaqstant, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tanalizza l-utilità tar-REKT sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati d-diffikultajiet potenzjali fl-implimentazzjoni ta’ proġetti transkonfinali minħabba leġislazzjonijiet nazzjonali differenti u li jiġu kkombinati sorsi finanzjarji differenti definiti f'regolamenti varji;

    Konformità ma’ politiki oħra tal-UE – il-politika ta’ koeżjoni

    42.

    jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żgurata kompatibbiltà koerenti bejn proġetti ffinanzjati permezz tal-Fondi Strutturali, il-Fond tal-Koeżjoni u l-FNE u l-impatt mistenni tal-FNE fuq il-proġetti ż-żgħar;

    43.

    jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi miżuri ċari li jiggarantixxu koordinazzjoni u kompatibbiltà bejn ir-regolamenti li japplikaw għall-Fondi Strutturali, speċjalment fir-rigward tal-abbozzar tal-Qafas Strateġiku Komuni u l-Kuntratti ta’ Sħubija, iżda wkoll rigward ir-regoli ta’ eliġibbiltà u l-irduppjar potenzjali ta’ proġetti ffinanzjati;

    44.

    jiġbed l-attenzjoni għall-impatt tal-FNE fuq l-ippjanar territorjali u l-istrateġiji għall-iżvilupp reġjonali u lokali u jappoġġja l-miżuri ta’ bini tal-kapaċitajiet biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom l-appoġġ meħtieġ bil-għan li jkunu mħejjija bl-aħjar mod possibbli biex iressqu proġetti maturi li jkunu jridu jiġu ffinanzjati permezz tal-FNE;

    45.

    jinsisti li l-programmi operattivi u r-regolamenti għall-perjodu ta’ pprogrammar 2014-2020 għandhom jiġu approvati fil-ħin, sabiex l-implimentazzjoni tal-proġetti tkun tista' tibda fil-bidu tal-2014;

    Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

    46.

    jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tersaq lejn approċċ aktar orjentat lejn ir-riżultati permezz tal-użu ta’ miri ċari u miżurabbli u indikaturi ta’ suċċess miftiehma minn qabel. Għandhom jiġu definiti ftit indikaturi ċari u affidabbli. L-indikaturi għandhom ikunu ġenerali, ġusti, proporzjonali u bbażati fuq il-prinċipju tat-trattament indaqs. Għalhekk, strumenti għall-ippjanar strateġiku għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li jiġi evitat piż amministrattiv addizzjonali rigward ir-rappurtar, li jżid ħtieġa ta’ valutazzjoni li tinkludi l-impatt fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

    47.

    jitlob li l-Istati Membri jagħmlu aktar użu mill-għajnuna teknika li hija disponibbli għall-programmi operattivi sabiex jittejbu l-kapaċitajiet tal-korpi lokali u reġjonali u ta’ parteċipanti oħra li jibbenefikaw mill-fondi tal-UE. Fil-qafas tal-istrument tal-FNE, huwa partikolarment importanti li l-Istati Membri l-anqas żviluppati jħejju wkoll proġetti ta’ kwalità bl-għajnuna ta’ riżorsi ta’ assistenza teknika u b'hekk ikunu jistgħu jikkompetu bl-istess saħħa ma’ Stati Membri oħra huma u japplikaw għas-sejħiet għall-proposti mmirati lejn il-kofinanzjament mill-UE;

    48.

    jitlob definizzjoni aktar iddettaljata fir-rigward tat-tħejjija tad-dokumenti rigward il-proġetti, it-tħejjija tal-proġetti, il-proċeduri ta’ tnedija u l-applikazzjonijiet ta’ parteċipanti individwali (il-qsim tal-kompiti bejn il-korpi nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali) fil-qafas tal-istrument FNE.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

    COM(2011) 665 finali/3

    Emenda 1

    Żid premessa ġdida wara l-punt 2:

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

     

    Raġuni

    Il-koeżjoni territorjali u soċjali fl-Ewropa ġeneralment tiddependi minn kemm l-UE hija kapaċi tikseb bilanċ bejn id-diversi oqsma u żżomm rabta bejniethom. Meta r-reġjuni tal-Ewropa jiġu strutturati fuq netwerks tat-trasport kbar u ambjentalment sostenibbli, m'għandux jitqies biss il-bżonn li jinħolqu konnessjonijiet bejn iż-żoni li huma diġà żviluppati: il-konnessjonijiet tat-telekomunikazzjoni stess għandhom jipprovdu fokus li jsaħħaħ l-iktar żoni żvantaġġati mil-lat soċjoekonomiku. L-implimentazzjoni tal-faċilitajiet Nikkollegaw l-Ewropa għandhom ikunu wkoll fattur ewlieni fl-ippjanar spazjali tat-territorju u l-bilanċ bejn ir-reġjuni.

    Emenda 2

    Artikolu 3(a)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv billi tiżviluppa netwerks trans-Ewropej moderni u bi prestazzjonijiet tajbin ħafna, u b'hekk toħroġ benefiċċji għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi f'termini ta’ kompetittività u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdan is-Suq Uniku u billi toħloq ambjent illi jgħin il-ħolqien ta’ investiment privat u pubbliku permezz ta’ taħlita ta’ strumenti finanzjarji u għajnuna diretta mill-Unjoni u billi jiġu użati bl-aqwa mod s-sinerġiji bejn is-setturi kollha.

    li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv billi tiżviluppa netwerks trans-Ewropej moderni u bi prestazzjonijiet tajbin ħafna, u b'hekk toħroġ benefiċċji għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi f'termini ta’ kompetittività u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdan is-Suq Uniku u billi toħloq ambjent illi jgħin il-ħolqien ta’ investiment privat u pubbliku permezz ta’ taħlita ta’ strumenti finanzjarji u għajnuna diretta mill-Unjoni u billi jiġu użati bl-aqwa mod s-sinerġiji bejn is-setturi kollha.

    Raġuni

    Ara l-punt 12.

    Emenda 3

    Artikolu 5(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-pakkett finanzjarju tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jista' jkopri spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma’ attivitajiet ta’ preparazzjoni, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm u l-kisba tal-objettivi tiegħu, b'mod partikolari studji, laqgħat ta’ esperti, sakemm huma relatati mal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament, spejjeż marbuta ma’ networks tal-IT li jiffokaw fuq ipproċessar u skambju ta’ informazzjoni, flimkien mal-ispiża ta’ kull assistenza teknika u amministrattiva oħra mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm.

    Il-pakkett finanzjarju tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jista' jkopri spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma’ attivitajiet ta’ preparazzjoni, monitoraġġ, kontroll, awditjar, evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm u l-kisba tal-objettivi tiegħu, b'mod partikolari studji, laqgħat ta’ esperti, sakemm huma relatati mal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament, spejjeż marbuta ma’ networks tal-IT li jiffokaw fuq ipproċessar u skambju ta’ informazzjoni, flimkien mal-ispiża ta’ kull assistenza teknika u amministrattiva oħra mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm.

    […]

    […]

    Raġuni

    Ara l-punt 22.

    Emenda 4

    Artikolu 7(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Fil-qasam tat-trasport, huma biss azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-proġetti ta’ interess komuni skont ir-Regolament (UE) Nru XXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T] u azzjonijiet ta’ appoġġ għall-programmi, li huma eliġibbli għal appoġġ permezz ta’ għajnuna finanzjarja mill-UE f'għamla ta’ akkwisti u strumenti finanzjarji taħt dan ir-Regolament. F'għamla ta’ għotjiet ta’ flus, huma biss dawn l-azzjonijiet li ġejjin illi għandhom ikunu eliġibbli li jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Unjoni skont dan ir-Regolament:

    Fil-qasam tat-trasport, huma biss azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-proġetti ta’ interess komuni skont ir-Regolament (UE) Nru XXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T] u azzjonijiet ta’ appoġġ għall-programmi, li huma eliġibbli għal appoġġ permezz ta’ għajnuna finanzjarja mill-UE f'għamla ta’ akkwisti u strumenti finanzjarji taħt dan ir-Regolament. F'għamla ta’ għotjiet ta’ flus, huma biss dawn l-azzjonijiet li ġejjin illi għandhom ikunu eliġibbli li jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Unjoni skont dan ir-Regolament:

    (a)

    azzjonijiet li jimplimentaw in-netwerk ewlieni skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru XXXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T], inkluż it-tħaddim ta’ teknoloġiji ġodda u innovazzjoni skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru XXXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T];

    (a)

    azzjonijiet li jimplimentaw in-netwerk ewlieni skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru XXXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T], inkluż it-tħaddim ta’ teknoloġiji ġodda u innovazzjoni skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru XXXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T];

    (b)

    studji għal proġetti ta’ interess komuni kif definiti fl-Artikolu 8(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru XXXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T];

    (c)

    azzjonijiet ta’ appoġġ għall-proġetti ta’ interess komuni kif definiti fl-Artikolu 8(1)(a) u (d) tar-Regolament (UE) Nru XXXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T];

    ()

    studji għal proġetti ta’ interess komuni kif definiti fl-Artikolu 8(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru XXXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T];

    (d)

    azzjonijiet ta’ appoġġ għas-sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru XXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T];

    ()

    azzjonijiet ta’ appoġġ għall-proġetti ta’ interess komuni kif definiti fl-Artikolu 8(1)(a) u (d) tar-Regolament (UE) Nru XXXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T];

    (e)

    azzjonijiet ta’ appoġġ għas-servizzi tal-ġarr ta’ merkanzija skont l-Artikolu 38 tar-Regolament XXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T];

    ()

    azzjonijiet ta’ appoġġ għas-sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru XXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T];

    (f)

    azzjonijiet sabiex jitnaqqas l-istorjbu li joħroġ mill-ferroviji li jġorru l-merkanzija permezz ta’ twaħħil ta’ tagħmir apposta mal-vetturi kollha li joperaw fuq il-linji tal-ferroviji;

    ()

    azzjonijiet ta’ appoġġ għas-servizzi tal-ġarr ta’ merkanzija skont l-Artikolu 38 tar-Regolament XXX/2012 [Linji Gwida tat-TEN-T];

    (g)

    azzjonijiet ta’ appoġġ għall-programmi.

    ()

    azzjonijiet sabiex jitnaqqas l-istorbju li joħroġ mill-ferroviji li jġorru l-merkanzija permezz ta t-twaħħil ta’ tagħmir apposta mal-vetturi kollha li joperaw fuq il-linji tal-ferroviji;

     

    (h)

    azzjonijiet ta’ appoġġ għall-programmi.

    […]

    Emenda 5

    Artikolu 7(4)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, l-azzjonijiet kollha li jimplimentaw proġetti ta’ interess komuni u l-azzjonijiet kollha ta’ appoġġ għall-programmi stabbiliti fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru XXXX/2012 [Linji Gwida tal-INFSO] għandhom ikunu eliġibbli li jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Unjoni fl-għamla ta’ għotja ta’ flus, akkwist u strumenti finanzjarji taħt dan ir-Regolament.

    Fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, l-azzjonijiet kollha li jimplimentaw proġetti ta’ interess komuni u l-azzjonijiet kollha ta’ appoġġ għall-programmi stabbiliti fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru XXXX/2012 [Linji Gwida tal-INFSO] għandhom ikunu eliġibbli li jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Unjoni fl-għamla ta’ għotja ta’ flus, akkwist u strumenti finanzjarji taħt dan ir-Regolament.

     

    Raġuni

    Skont l-Artikolu 2(9) tal-Proposta għal Regolament, il-korpi pubbliċi jistgħu jibbenefikaw direttament ukoll mill-assistenza finanzjarja. Dan il-pass għandu jintlaqa'. Ir-riżorsi għandhom ikunu wkoll disponibbli għall-Istati Membri u r-reġjuni bħala appoġġ finanzjarju għall-iskemi ta’ espansjoni tal-broadband.

    Emenda 6

    Artikolu 8(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    In-nefqa tista' tkun eliġibbli mid-data li fiha tkun tressqet l-applikazzjoni għall-għajnuna. [In-nefqa għall-azzjonijiet li jirriżultaw minn proġetti inklużi fil-ewwel programm multiannwali tista' tkun eliġibbli sa mill-1 ta’ Jannar 2014].

    In-nefqa tista' tkun eliġibbli mid-data li fiha tkun tressqet l-applikazzjoni għall-għajnuna. [In-nefqa għall-azzjonijiet li jirriżultaw minn proġetti inklużi fil-ewwel programm multiannwali tista' tkun eliġibbli sa mill-1 ta’ Jannar 2014].

     

    Raġuni

    Ara l-punt 26.

    Emenda 7

    Artikolu 8(6)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Nefqa marbuta max-xiri ta’ art ma għandhiex titqies bħala spiża eliġibbli.

    Nefqa marbuta max-xiri ta’ art ma għandhiex għandha titqies bħala spiża eliġibbli .

    Raġuni

    Ara l-punt 26.

    Emenda 8

    Artikolu 8(7)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-VAT ma għandhiex titqies bħala spiża eliġibbli.

    Il-VAT għandh titqies bħala spiża eliġibbli.

    Raġuni

    Ara l-punt 26.

    Emenda 9

    Artikolu 9(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Proposti jistgħu jiġu mressqa minn wieħed jew bosta Stati Membri, organizzazzjonijiet internazzjonali, impriżi konġunti, jew impriżi pubbliċi jew privati jew korpi stabbiliti fl-Istati Membri.

    Proposti jistgħu jiġu mressqa minn wieħed jew bosta Stati Membri, organizzazzjonijiet internazzjonali, impriżi konġunti , jew impriżi pubbliċi jew privati jew korpi stabbiliti fl-Istati Membri.

    Raġuni

    Ara l-punt 27.

    Emenda 10

    Artikolu 10(2)(b)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    fir-rigward ta’ għotjiet ta’ flus għal xogħlijiet:

    i)

    ferroviji u passaġġi tal-ilma fuq l-art: l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni ma għandux jaqbeż l-20 %tal-ispiża eliġibbli; ir-rata ta’ finanzjament tista' tiġi miżjuda għal 30 % għal azzjonijiet li jindirizzaw il-konġestjonijiet; ir-rata ta’ finanzjament tista' tiġi miżjuda għal 40 % għal azzjonijiet li jikkonċernaw sezzjonijiet transkonfinali;

    fir-rigward ta’ għotjiet ta’ flus għal xogħlijiet:

    i)

    ferroviji u passaġġi tal-ilma fuq l-art: l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni ma għandux jaqbeż l-20 %tal-ispiża eliġibbli; ir-rata ta’ finanzjament tista' tiġi miżjuda għal 30 % għal azzjonijiet li jindirizzaw il-konġestjonijiet; ir-rata ta’ finanzjament tista' tiġi miżjuda għal 40 % għal azzjonijiet li jikkonċernaw sezzjonijiet transkonfinali ;

    […]

    […]

    Raġuni

    F'ċerti pajjiżi bħal Spanja, irid isir sforz kbir biex jintlaħqu l-istandards tal-interoperabbiltà tal-ferroviji Ewropej, fid-dawl tas-sitwazzjoni inizjali b'gejġ differenti u sistema ta’ elettrifikazzjoni differenti fost l-oħrajn. F'dan ir-rigward jitqies essenzjali li l-miżjuri li jippermettu li effettivament ikun hemm bidu ta’ interoperabbiltà jingħataw prijorità bid-dħul ta’ operaturi ġodda min-naħa tan-negozji tas-setturi tat-trasport u tal-loġistika li jkollhom jużaw in-netwerks li qed jinħolqu, jipprovdu ferroviji, vetturi u tagħmir tal-aħħar ġenerazzjoni eċċ. B'hekk jinħass li l-introduzzjoni li diġà qed isseħħ, ta’ soluzzjonijiet tekniċi bħat-“tielet ferrovija” (tliet ferroviji għal kull linja – three rails per track - li jippermettu żewġ gejġijiet) fuq ir-rotot attwali, ser joħolqu servizzi ta’ trasport interoperabbli mingħajr ma jkun hemm għalfejn nistennew it-tkomplija ta’ kurituri li ġew disinjati apposta għal dawn l-istandards, li jfisser li dawn is-servizzi ma’ jibdewx qabel l-2020. Dawn l-inizjattivi għandhom jidhru bħala inizjattivi tal-bidu biex tintlaħaq l-interoperabbiltà sħiħa tal-kurituri futuri li jitlestew fuq perjodu twil, u għalhekk għandhom jingħataw prijorità fl-istrumenti finanzjarji. Soluzzjoni waħda tista' tkun li dawn l-azzjonijiet jingħataw l-istess status tas-sezzjonijiet transkonfinali. Fi kwalunkwe każ din il-proposta hija konformi mal-punt 17 tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika, peress li f'termini ferrovjarji Spanja hija waħda mill-aktar reġjuni dgħajfa u mir-reġjuni bl-akbar problemi peress li għandha gejġ tal-linja differenti. Din il-proposta taqbel ukoll mal-punt 26 peress li fin-netwerk ferrovjarju konvenzjonali, Spanja hija parti mill-grupp tar-reġjuni li jinsabu lura minħabba fil-gejġ tal-linji differenti.

    Emenda 11

    Artikolu 10(4)(a)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    azzjonijiet fil-qasam tan-netwerks tal-broadband: l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni ma għandux jaqbeż il-50 % tal-ispiża eliġibbli;

    azzjonijiet fil-qasam tan-netwerks tal-broadband: l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni ma għandux jaqbeż il- % tal-ispiża eliġibbli;

    Raġuni

    Jeħtieġ investiment finanzjarju konsiderevoli biex jinfirxu n-netwerks tal-broadband fiż-żoni b'popolazzjoni baxxa, u l-operaturi ekonomiċi bilkemm għandhom inċentiv li jestendu l-attivitajiet kummerċjali għal dawn iż-żoni. Is-settur tal-komunikazzjoni elettronika għalhekk ser isibha diffiċli li jikseb l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali għall-aċċess għall-broadband fuq il-bażi tar-rata ta’ kofinanzjament li ġiet proposta.

    Emenda 12

    Artikolu 10(5)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Ir-rati ta’ kofinanzjament imsemmija hawn fuq jistgħu jiġu miżjuda b'sa mhux aktar minn 10 punti perċentwali għal azzjonijiet li għandhom sinerġiji transsettorjali, li jilħqu l-objettivi ta’ mitigazzjoni fil-klima, li jtejbu r-reżiljenza għall-klima jew li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra. Din iż-żieda ma għandhiex tapplika għar-rati ta’ kofinanzjament imsemmija fl-Artikolu 11.

    Ir-rati ta’ kofinanzjament imsemmija hawn fuq jistgħu jiġu miżjuda b'sa mhux aktar minn 10 punti perċentwali għal azzjonijiet li għandhom sinerġiji transsettorjali, li jilħqu l-objettivi ta’ mitigazzjoni fil-klima, li jtejbu r-reżiljenza għall-klima jew li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra . Din iż-żieda ma għandhiex tapplika għar-rati ta’ kofinanzjament imsemmija fl-Artikolu 11.

    Raġuni

    Hemm bżonn li jiġi introdott trattament differenzjat kemm għar-reġjuni inqas żviluppati kif ukoll dawk b'diffikultajiet demografiċi u naturali serji u permanenti, peress li dawn il-kriterji kollha jolqtu l-iżvilupp reġjonali, u għalhekk għandhom jitqiesu b'mod ugwali meta jiġu vvalutati r-rati ta’ kofinanzjament. Għaldaqstant il-Kummissjoni Ewropea introduċiet dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiżgura li d-diffikultajiet speċifiċi tar-reġjuni b'dawn il-karatteristiċi territorjali partikolari jingħataw attenzjoni speċjali fil-proposta tagħha għal regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss fuq il-bażi tal-Artikolu 174 tat-TFUE.

    Emenda 13

    Artikolu 11(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Ir-regoli applikabbli għas-settur tat-trasport skont dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal dawn is-sejħiet speċifiċi. Meta jkun il-waqt li jiġu implimentati dawn is-sejħiet, għandha tingħata l-ogħla prijorità possibbli lill-proġetti li jirrispettaw l-allokazzjonijiet nazzjonali taħt il-Fond ta’ Koeżjoni.

    Ir-regoli applikabbli għas-settur tat-trasport skont dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal dawn is-sejħiet speċifiċi. Meta jkun il-waqt li jiġu implimentati dawn is-sejħiet, għandha tingħata l l-allokazzjonijiet nazzjonali taħt il-Fond ta’ Koeżjoni .

    Raġuni

    Ara l-punt 7.

    Emenda 14

    Artikolu 12(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-Kummissjoni għandha tirrevoka, ħlief f'każijiet debitament ġustifikati, l-għajnuna finanzjarja mogħtija għal azzjonijiet li jkunu għadhom ma nbdewx fi żmien sena wara d-data li suppost bdiet fiha l-azzjoni stabbilita fil-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-għajnuna.

    Il-Kummissjoni għandha tirrevoka, ħlief f'każijiet debitament ġustifikati, l-għajnuna finanzjarja mogħtija għal azzjonijiet li jkunu għadhom ma nbdewx fi żmien wara d-data li suppost bdiet fiha l-azzjoni stabbilita fil-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-għajnuna.

    Raġuni

    Dan jassigura flessibbiltà akbar li hija meħtieġa biex tgħin lill-benefiċjarji ħalli jegħlbu l-limitazzjonijiet tal-implimentazzjoni.

    Emenda 15

    Artikolu 12(2)(c)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    wara evalwazzjoni ta’ kif qed jimxi l-proġett, b'mod partikolari f'każ ta’ dewmien kbir fl-implimentazzjoni tal-azzjoni.

    wara evalwazzjoni ta’ kif qed jimxi l-proġett, b'mod partikolari f'każ ta’ dewmien kbir fl-implimentazzjoni tal-azzjoni .

    Raġuni

    Ara l-punt 28.

    Emenda 16

    Artikolu 12(3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-Kummissjoni tista' titlob ir-rimborż tal-għajnuna finanzjarja mogħtija jekk, fi żmien sentejn mid-data tat-tlestija kif stabbilita fil-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-għajnuna, l-implimentazzjoni tal-azzjoni li tirċievi l-għajnuna finanzjarja tkun għadha ma tlestietx.

    Il-Kummissjoni tista' titlob ir-rimborż tal-għajnuna finanzjarja mogħtija jekk, fi żmien mid-data tat-tlestija kif stabbilita fil-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-għajnuna, l-implimentazzjoni tal-azzjoni li tirċievi l-għajnuna finanzjarja tkun għadha ma tlestietx.

    Raġuni

    Ara l-punt 28.

    Emenda 17

    Artikolu 12(4)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Qabel ma l-Kummissjoni tieħu kwalunkwe deċiżjoni minn dawk previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3, hija għandha teżamina l-każ partikolari u tgħarraf lill-benefiċjarji kkonċernati sabiex b'hekk huma jkunu jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom saż-żmien stipulat.

    Qabel ma l-Kummissjoni tieħu kwalunkwe deċiżjoni minn dawk previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3, hija għandha teżamina l-każ partikolari u tgħarraf lill-benefiċjarji kkonċernati sabiex b'hekk huma jkunu jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom .

    Raġuni

    Ara l-punt 28.

    Emenda 18

    Artikolu 17(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-Kummissjoni għandha taddotta programmi ta’ ħidma multiannwali u annwali għal kull settur. Il-Kummissjoni tista' taddotta wkoll programmi ta’ ħidma multiannwali u annwali li jkopru aktar minn settur wieħed. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu addottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

    Il-Kummissjoni għandha taddotta programmi ta’ ħidma multiannwali u annwali għal kull settur. Il-Kummissjoni tista' taddotta wkoll programmi ta’ ħidma multiannwali u annwali li jkopru aktar minn settur wieħed. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu addottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

    Raġuni

    Ara l-punt 32.

    Emenda 19

    Artikolu 17 (punt ġdid 8)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

     

    Raġuni

    It-teknoloġiji l-ġodda (eż. infrastruttura għal karburanti alternattivi) għandhom aktar ostakli għad-dħul mill-infrastruttura tradizzjonali bħat-toroq u l-ferroviji. Dawn jagħmlu parti mil-linji gwida l-ġodda tat-TEN-T imma m'għandhomx klawsoli ta’ finanzjament fl-FNE. Dan it-tip ta’ proġetti huma iktar diffiċli li jiġu finanzjati. Mill-banda l-oħra, dawn jippromovu l-indipendenza mill-użu taż-żejt u l-għanijiet tal-White Paper tat-trasport biex il-vetturi li jużaw il-karburant tradizzjonali fil-bliet jitnaqqsu bin-nofs sal-2030. Għaldaqstant, inqisu li mhijiex ħaġa konsistenti li l-innovazzjoni fit-trasport tkun limitata għal għotjiet ta’ 20 %, l-iktar wieħed baxx mill-modi kollha.

    Emenda 20

    Artikolu 17 (punt ġdid 9)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

     

    Emenda 21

    Artikolu 26(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Sa mhux aktar tard minn nofs l-2018, il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-kisba tal-objettivi tal-miżuri kollha (fuq il-livell ta’ riżultati u impatti), l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew tagħhom, fil-perspettiva ta’ deċiżjoni li tittieħdet fuq it-tiġdid, modifika jew sospensjoni tal-miżuri. L-evalwazzjoni addizzjonalment tindirizza l-ambitu għas-simplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tagħha, ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribut tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Din għandha tikkunsidra r-riżultati li joħorġu mill-evalwazzjoni rigward l-impatt fit-tul tal-miżuri li jkunu ttieħdu qabel.

    Sa mhux aktar tard minn nofs l-2018, il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-kisba tal-objettivi tal-miżuri kollha (fuq il-livell ta’ riżultati u impatti), l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew tagħhom, fil-perspettiva ta’ deċiżjoni li tittieħdet fuq it-tiġdid, modifika jew sospensjoni tal-miżuri. L-evalwazzjoni għandha addizzjonalment tindirizza l-ambitu għas-simplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tagħha, ir-rilevanza dejjiema tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribut tal-provvedimenti għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, . Din għandha tikkunsidra r-riżultati li joħorġu mill-evalwazzjoni rigward l-impatt fit-tul tal-miżuri li jkunu ttieħdu qabel.

    Raġuni

    Ara l-punt 46.

    Brussell, 19 ta’ Lulju 2012.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    (1)  Dan ir-rwol ġie enfasizzat mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012 (paġna 11, “Il-kontribut tal-politiki Ewropej għat-tkabbir”).

    (2)  Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u l-enerġija.

    (3)  L-Opinjoni tal-KtR dwar il-FNE tqis il-konsultazzjoni tan-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà tal-Kumitat tar-Reġjuni. Ir-rapport tal-konsultazzjoni hu disponibbli fil-websajt tal-KtR: http://extranet.cor.europa.eu/subsidiarity/Pages/default.aspx.


    Top