EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR1112

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ninnovaw għal tkabbir sostenibbli: bijoekonomija għall-Ewropa”

ĠU C 17, 19.1.2013, p. 45–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 17/45


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ninnovaw għal tkabbir sostenibbli: bijoekonomija għall-Ewropa”

2013/C 17/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI jinnota li:

ix-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-għanijiet ta’ politika essenzjali tal-UE fil-qasam tas-saħħa, l-iżvilupp sostenibbli u ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi;

it-transizzjoni lejn il-bijoekonomija hija prerekwiżit biex l-Ewropa ssir mexxejja dinjija fil-bijoekonomija, speċjalment fir-rigward tal-innovazzjoni u l-kompetittività;

il-bijoekonomija, flimkien mas-sigurtà tal-ikel u l-agrikoltura sostenibbli, tissemma bħala “sfida tas-soċjetà” f’Orizzont 2020, b’baġit propost mill-Kummissjoni ta’ EUR 4,5 biljuni; il-KtR jilqa’ dan;

iridu jgħaddu mill-inqas 25 sena qabel ma l-bijoekonomija tkun tista’ tikkompeti mal-ekonomija bbażata fuq il-fjuwils fossili u li dan jirrikjedi investiment (fir-Riċerka u l-Iżvilupp), strateġiji (lil hinn mill-2020) u kooperazzjoni fit-tul bejn il-partijiet interessati kollha tul il-katina tal-valur bil-għan li jsir trasferiment ta’ għarfien kooperattiv;

il-bijoekonomija ser tipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ negozju u ta’ innovazzjoni għall-katina tal-valur tal-Ewropa, inkluż is-settur agrikolu;

l-istrumenti tal-ippjanar territorjali huma importanti għall-konservazzjoni tal-art li tintuża għall-agrikoltura u l-forestrija;

il-pjan ta’ azzjoni propost mill-Kummissjoni ma jipprevedi l-ebda miżura għal żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi naturali.

Relatur

Is-Sur VAN DER SANDE (NL/ALDE), Membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Provinċja ta’ Zuid-Holland

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa

COM(2012) 60 final

I.   IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Messaġġi prinċipali

1.

jilqa’ din il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea (minn issa ’l quddiem “il-Kummissjoni”) li tipproponi bidla lejn użu ikbar u iktar sostenibbli tar-riżorsi rinnovabbli u li tappella għal transizzjoni minn soċjetà bbażata fuq il-fjuwils fossili għal bijosoċjetà (“biobased society”) bl-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni;

2.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-bijoekonomija hija element prinċipali għat-tkabbir intelliġenti u ekoloġiku u tagħti kontribut biex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija UE 2020 u l-inizjattivi ewlenin tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza; itenni li x-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-għanijiet ta’ politika essenzjali tal-UE fil-qasam tas-saħħa, l-iżvilupp sostenibbli u ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi (1);

3.

jagħraf li t-transizzjoni lejn il-bijoekonomija hija prerekwiżit biex l-Ewropa ssir mexxejja dinjija fil-bijoekonomija, speċjalment fir-rigward tal-innovazzjoni u l-kompetittività; jenfasizza li l-bijoekonomija toffri potenzjal enormi għall-ħolqien tal-impjiegi, u mhux biss fis-setturi tal-agrikoltura; josserva li r-riżorsi naturali tad-dinja qed jonqsu u li l-Ewropa ser ikollha tħaffef il-pass sabiex tibqa’ kompetittiva fil-bijoekonomija peress li pajjiżi oħra madwar id-dinja qed joħolqu strateġiji simili u qed jistimolaw b’mod attiv l-inizjattivi tas-suq (pereżempju ċ-Ċina, l-Istati Uniti); jemmen li l-Ewropa teħtieġ reazzjoni Ewropea b’saħħitha bbażata fuq l-innovazzjoni li tappoġġja l-bijoekonomija;

4.

jemmen li l-pjan ta’ azzjoni stabbilit fil-Komunikazzjoni għad jonqsu miżuri u strumenti prattiċi biex jiġu indirizzati l-ostakli jew ir-riskji li jistgħu jinqalgħu matul il-bidla lejn il-bijoekonomija; għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-regolamenti doppji jew konfliġġenti u d-disponibbiltà tal-kapital ta’ riskju;

5.

jilqa’ l-fatt li l-bijoekonomija, flimkien mas-sigurtà tal-ikel u l-agrikoltura sostenibbli, tissemma bħala “sfida tas-soċjetà” f’Orizzont 2020 (2), b’baġit propost mill-Kummissjoni ta’ EUR 4,5 biljuni; dan jagħti lok għal miżuri innovattivi, intiżi biex jindirizzaw is-sigurtà tal-ikel, l-iskarsezza tar-riżorsi naturali, l-agrikoltura sostenibbli, id-dipendenza mir-riżorsi fossili, il-fertilità tal-ħamrija u t-tibdil fil-klima, filwaqt li jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli. Madankollu, jinnota li r-restrizzjoni ta’ dawn il-fondi għall-oqsma tas-“sigurtà tal-ikel, is-sostenibbiltà agrikola, ir-riċerka marittima u marina u l-bijoekonomija” tfisser limitazzjoni kbira fir-rigward tas-setturi li l-Kummissjoni ssemmi fil-Komunikazzjoni bħala setturi relatati mal-bijoekonomija; jenfasizza li jridu jgħaddu mill-inqas 25 sena qabel ma l-bijoekonomija tkun tista’ tikkompeti mal-ekonomija bbażata fuq il-fjuwils fossili u li dan jirrikjedi investiment (fir-Riċerka u l-Iżvilupp), strateġiji (lil hinn mill-2020) u kooperazzjoni fit-tul bejn il-partijiet interessati kollha tul il-katina tal-valur bil-għan li jsir trasferiment ta’ għarfien kooperattiv;

6.

jemmen li minħabba t-transizzjoni minn ekonomija bbażata fuq il-fjuwils fossili għal bijoekonomija, is-settur agrikolu, li jipprovdi s-sigurtà tal-ikel mingħajr ma jikkomprometti ir-rwol primarju tiegħu bħala provveditur tal-ikel, jista’ jsir fl-istess ħin provveditur ta’ varjetà ta’ bijoprodotti (mhux tal-ikel), ħaġa li tista’ twassal għal settur agrikolu iżjed sostenibbli. Il-bijoekonomija ser tipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ negozju u ta’ innovazzjoni għall-katina tal-valur tal-Ewropa, inkluż is-settur agrikolu; jemmen li sabiex isir l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi naturali, jeħtieġ li jkun hemm interazzjoni (3) mill-qrib bejn is-setturi tal-agrikoltura, tal-bijoekonomija u tax-xjenzi biex jinħoloq settur agrikolu sostenibbli u iktar effiċjenti; jemmen li kwalunkwe intensifikazzjoni tal-produzzjoni primarja ma tistax tmur kontra l-prinċipju tas-sostenibbiltà, u għalhekk jenfasizza l-importanza tal-istrumenti tal-ippjanar territorjali għall-konservazzjoni tal-art li tintuża għall-agrikoltura u l-forestrija;

7.

jaqbel li sabiex titħaffef it-transizzjoni lejn bijoekonomija Ewropea sostenibbli, jeħtieġ li l-ewwel jiġu żgurati provvista sigura u suffiċjenti ta’ bijoprodotti siguri u ta’ kwalità għolja kif ukoll sistemi ta’ produzzjoni primarja li jużaw ir-riżorsi b’effiċjenza; madankollu, ifakkar li l-pjan ta’ azzjoni propost mill-Kummissjoni ma jipprevedi l-ebda miżura għal żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi naturali;

L-implimentazzjoni tal-bijoekonomija (transsettorjali)

8.

jenfasizza li jeħtieġ li niffokaw iżjed f’termini ta’ strateġija u politika, regolazzjoni u inċentivi fil-qasam tal-bijoekonomija; jisħaq li hemm bżonn koordinazzjoni kontinwa, impenn politiku ċar u integrazzjoni ikbar bejn is-setturi u l-politiki Ewropej (Orizzont 2020, il-politika ta’ koeżjoni, il-PAK, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart) sabiex jiġu evitati l-kontradizzjonijiet fl-għanijiet ta’ politika u tiġi żgurata sitwazzjoni b’kundizzjonijiet indaqs għall-atturi kollha;

9.

jilqa’ l-isforzi u l-ambizzjoni tal-Kummissjoni għal approċċ ta’ politika integrat, transsettorjali u interdixxiplinari għall-bijoekonomija; jinnota li hemm bżonn koordinazzjoni ta’ politika soda min-naħa tal-Kummissjoni u li l-ambizzjonijiet għadhom ma jqisux il-livell ta’ implimentazzjoni prattika meħtieġ fil-livell reġjonali u lokali;

10.

jappoġġja t-tentattiv tal-Kummissjoni li tistabbilixxi definizzjoni komuni u wiesgħa tal-bijoekonomija; jemmen li minħabba n-natura transsettorjali tal-bijoekonomija t-tifsira tagħha taf tvarja fost id-diversi partijiet interessati Ewropej, nazzjonali u reġjonali attivi fis-settur tal-bijoekonomija; jissuġġerixxi li l-piramida tal-bijomassa (Figura 1) (4) tista’ toffri qafas għad-diskussjoni dwar il-valuri u l-użu preferut tal-bijomassa b’mod iktar strutturat;

11.

jemmen li l-Ewropa għandha tiżviluppa u timplimenta viżjoni proprja ċara u fit-tul għall-bijoekonomija, ibbażata fuq id-diversi segmenti tal-piramida tal-bijomassa (ara Figura 1), fejn l-ogħla segmenti jirrappreżentaw l-ogħla valuri; jemmen li l-Ewropa għandha ssegwi “strateġija ta’ valur” li tiffoka fuq l-ogħla segmenti fil-piramida tal-bijomassa u li tagħti preferenza lill-użu ta’ bijomassa tat-tieni u eventwalment tat-tielet ġenerazzjoni (5); jirrikonoxxi li l-investiment fil-bijomassa tal-ewwel ġenerazzjoni huwa pass neċessarju fit-transizzjoni lejn il-bijomassa tat-tieni u eventwalment tat-tielet ġenerazzjoni; jemmen li dawn l-għanijiet Ewropej għandhom ikunu mnaqqxa fil-politiki transsettorjali kollha relatati mal-bijoekonomija;

Image

12.

jemmen li l-Ewropa għandha tkun u tibqa’ fuq quddiem nett fl-iżvilupp tal-kriterji tas-sostenibbiltà sabiex jiġu ottimizzati l-provvista u d-domanda tal-bijomassa (jew “riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli”) u fil-promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-art, fid-dawl taż-żieda fil-kapaċità produttiva agrikola u l-użu mħaffef tal-bijomassa tat-tieni u eventwalment tat-tielet ġenerazzjoni, filwaqt li tnaqqas kemm jista’ jkun l-effetti negattivi potenzjali tal-użu mhux sostenibbli tal-bijomassa tal-ewwel ġenerazzjoni u tipparteċipa fid-dibattitu tal-ikel kontra l-fjuwil;

13.

jagħti parir lill-Kummissjoni biex tiżviluppa pjan direzzjonali komuni dwar il-bijoekonomija li jipprovdi analiżi tal-passi li jmiss li huma meħtieġa għall-iżvilupp ta’ bijoekonomija Ewropea, filwaqt li jqis l-approċċ tal-katina tal-valur u l-ħidma attwali, u li jqis il-ħidma attwali (tal-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija, l-OECD u oħrajn); jappella biex jiġu inklużi miżuri u strumenti prattiċi, filwaqt li jitqiesu d-diversi profili li jkollhom ir-reġjuni; jenfasizza l-potenzjal tal-kooperazzjoni interreġjonali għall-katina tal-valur;

14.

jinnota li l-bijoekonomija tħaddan firxa ta’ oqsma ta’ politika fil-Kummissjoni. Għalhekk, sabiex jiġi faċilitat aktar l-aċċess għall-inizjattivi u programmi tal-UE relatati mal-bijoekonomija, jissuġġerixxi approċċ ta’ one-stop shop, fejn il-mistoqsijiet jiġu proċessati minn punt uniku fil-Kummissjoni;

L-istrumenti tal-governanza f’diversi livelli u s-sussidjarjetà

15.

jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tqis id-dimensjoni reġjonali tal-bijoekonomija u jqis li l-Komunikazzjoni u l-proposti kollha tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijoekonomija huma konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

16.

jinnota li fl-Ewropa ftit Stati Membri qed iwettqu attivitajiet li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-bijoekonomija, u li l-istrateġiji hawnhekk jiġu żviluppati l-iktar mill-gvernijiet nazzjonali; eżempju tajjeb huwa l-istrateġija reġjonali komuni għall-bijoekonomija Biobased Delta Europe (fil-Lbiċ tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Fjandri); jemmen li hemm bżonn qafas integrat u approċċ Ewropew iżjed kooperattiv; jemmen li rridu nsaħħu l-inizjattivi lokali u reġjonali permezz tal-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-bijoekonomija fil-livelli kollha ta’ kooperazzjoni (UE, nazzjonali, reġjonali, lokali) u l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet transsettorjali. Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi għall-koordinazzjoni tal-oqsma ta’ politika (transsettorjali) kollha rilevanti relatati mal-bijoekonomija fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE;

17.

japprova l-proposta tal-Kummissjoni li jitwaqqaf Panel tal-Bijoekonomija, li jgħin itejjeb is-sinerġiji u l-koerenza bejn il-politiki, u jiddiskuti u jevalwa l-impatt prattiku tal-azzjonijiet ta’ politika marbuta mal-bijoekonomija; iqis li l-għan preċiż tal-Panel għadu mhuwiex ċar, u lanqas mhu ċar kif ser jaħdem fil-prattika u kif ser ikunu involuti r-reġjuni; jenfasizza li l-Panel għandu jkun forum ta’ partijiet interessati differenti fejn ir-rappreżentanti jinġabru fil-kuntest tat-tliet spirali (Triple-Helix) (intrapriżi, istituti ta’ riċerka u awtoritajiet lokali u reġjonali) biex jaqsmu l-għarfien u l-ideat u jiddiskutu soluzzjonijiet għall-bijosoċjetà kif ukoll sforzi prattiċi biex issir il-bidla minn ekonomija bbażata fuq il-karburati fossili għal bijoekonomija; jemmen li għandu jkun hemm rappreżentanza tajba ta’ firxa wiesgħa ta’ setturi fil-pjattaforma, ħaġa li tipprovdi bażi tajba biex jiġi faċilitat approċċ transsettorjali lejn il-bijoekonomija;

18.

jemmen li t-tħaddim u r-rwol tal-pjattaformi tal-bijoekonomija nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jvarjaw; jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi linji gwida speċifiċi li jiddeskrivu l-kompetenzi tal-panels tal-bijoekonomija nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li l-panels tal-bijoekonomija għandhom iwettqu kompiti ta’ koordinazzjoni bejn il-komunitajiet politiċi, xjentifiċi u kummerċjali bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fl-istadju ta’ qabel il-kompetizzjoni; jappella għal approċċ skont il-post, approċċ li jqis iċ-ċirkostanzi u l-prijoritajiet rispettivi tal-ġeografija, tal-iżvilupp, tal-ambjent u tar-reġjun u l-inizjattivi reġjonali eżistenti; jemmen li kull reġjun għandu jkun jista’ “jippreżenta l-istorja tiegħu” u jiżviluppa strateġija reġjonali proprja dwar il-bijoekonomija;

19.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol essenzjali fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-bijoekonomija; jagħraf li dawn l-awtoritajiet huma kruċjali biex jiġu definiti r-riskji u l-ostakli potenzjali għall-implimentazzjoni fil-prattika, u għalhekk iħeġġeġ bil-qawwa l-involviment u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fit-twaqqif, l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Panel tal-Bijoekonomija; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi biżżejjed flessibbiltà u biex tiċċara l-funzjoni u r-rwol tal-panels reġjonali u/jew nazzjonali, il-mod kif jinteraġixxu u kif l-esperjenzi reġjonali u/jew lokali ser jiġu riflessi fil-Panel tal-Bijoekonomija tal-UE;

20.

jemmen li s-suċċess tat-transizzjoni lejn il-bijoekonomija ser jiddependi mill-impenn attiv tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta’ pjanar u implimentazzjoni; jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tenfasizza r-relazzjoni bejn ix-xjenza, is-soċjetà u t-tfassil tal-politika, u r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’din it-transizzjoni;

21.

jemmen li t-transizzjoni lejn bijoekonomija tista’ tkun ta’ suċċess biss fi ħdan “bijosoċjetà”; għalhekk jissuġġerixxi li l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jaqdu rwol kbir fl-istadji bikrija tat-transizzjoni u għandhom ikunu rappreżentati fuq il-panels;

22.

jenfasizza l-potenzjal tal-bijoekonomija għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa; jemmen li dan jirrikjedi ħaddiema bi kwalifiki għoljin biex jiżviluppaw l-innovazzjonijiet u l-bażi tal-għarfien li jsawru l-bijoekonomija; jenfasizza li huwa importanti li l-iżviluppi relatati mal-bijoekonomija jiġu inkorporati fil-kurrikulu regolari tal-edukazzjoni primarja u l-edukazzjoni għolja u vokazzjonali, permezz ta’ studji u korsijiet dwar l-agrikoltura, il-kimika u l-ikel. Madankollu, skont l-Artikolu 165 tat-TFUE, l-edukazzjoni hija kompitu tal-Istati Membri u għalhekk fil-livell tal-UE ma jista’ jiġi stabbilit l-ebda rekwiżit f’dan il-qasam;

23.

jemmen li l-kooperazzjoni bbażata fuq il-kunċett tat-tliet spirali hija kruċjali għall-innovazzjoni u l-applikazzjoni tal-għarfien fil-bijoekonomija. Jeħtieġ ukoll li jiġi modernizzat u żviluppat il-kunċett ta’ tliet spirali bil-għan li jkun hemm ekosistemi innovattivi reġjonali li jaħdmu b’mod effettiv. Dan il-qasam naturalment jibbenefika minn parteċipazzjoni wiesgħa u pożittiva taċ-ċittadini u għalhekk qiegħed f’pożizzjoni tajba biex ikun xprun fl-Ewropa f’termini ta’ attività ta’ innovazzjoni b’riċerka intensiva iżda mmexxija mill-utenti;

Bijoekonomija sostenibbli fis-suq intern u fis-swieq globali

24.

jenfasizza r-rwol importanti tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPP) biex titħaffef it-transizzjoni lejn bijoekonomija; jemmen li l-SMEs jaqdu rwol kruċjali biex ir-riċerka xjentifika tissarraf f’applikazzjonijiet u fit-tqegħid fis-suq bħala prodotti jew tekniki ġodda; ir-rwol tal-SMEs reġjonali fl-innovazzjoni ma jistax jiġi enfasizzat biżżejjed u hemm bżonn appoġġ sod u strutturat biex jiġu xprunati l-attivitajiet tagħhom;

25.

jemmen li huwa meħtieġ li l-SMEs jingħataw aċċess aħjar għall-finanzi permezz tal-investiment fl-istart-ups, fil-kapital ta’ riskju u fl-appoġġ għat-trasferiment tat-teknoloġija, u regolamenti inqas kumplessi u l-applikazzjoni tal-għarfien fil-qasam tal-bijoekonomija; jissuġġerixxi li jitwaqqaf panel tal-SMEs biex jagħti parir lill-Panel tal-Bijoekonomija u jiżgura approċċ influwenzat mill-intrapriżi;

26.

jinsab imħasseb li l-qafas politiku u ekonomiku attwali fl-UE ma jappoġġjax l-użu industrijali tal-bijomassa bħala materja (prima);

27.

jenfasizza li t-transizzjoni lejn il-bijoekonomija trid tkun konsistenti mal-implimentazzjoni tas-suq intern u l-politika kummerċjali;

Eżempji reġjonali u strumenti ta’ finanzjament

28.

jilqa’ l-ħolqien tan-netwerks Ewropej ewlenin tar-reġjuni u l-clusters fil-bijoekonomija; xi eżempji huma l-kooperazzjoni bejn il-Fjandri (il-Belġju) u l-Lbiċ tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Majjistral ta’ Franza, Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja), ir-reġjun ta’ Ħelsinki (il-Finlandja), Styria (l-Awstrija) u l-inizjattivi fl-Isvezja, l-Estonja u l-Ungerija; jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja t-tali netwerks u clusters biex jiġi promoss l-iskambju tal-esperjenzi u l-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-proġetti flimkien mar-reġjuni Ewropej u tinvolvihom fil-Panel tal-Bijoekonomija; jemmen li t-tagħlim reċiproku dwar it-twaqqif ta’ fondi tal-investiment u t-trasferiment teknoloġiku huwa importanti;

29.

huwa tal-fehma li l-inizjattivi minn isfel għal fuq (bottom-up) huma importanti fil-ħolqien ta’ bijosoċjetà, u li l-approċċ immexxi min-negozju u d-domanda, flimkien ma’ wieħed immexxi mill-gvern, huwa kruċjali;

30.

jinnota li r-reġjuni li jipproduċu l-bijomassa għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-innovazzjoni teknoloġika u mhux jitqiesu biss bħala provvedituri tal-bijomassa; għalhekk hemm bżonn li tingħata attenzjoni speċifika għat-trasferiment tat-teknoloġija u l-applikazzjoni tal-għarfien; jemmen li r-rabtiet mill-qrib bejn ir-reġuni urbani u agrikoli huma importanti biex jiġi stabbilit it-trasferiment tat-teknoloġija u l-applikazzjoni tal-għarfien;

31.

jemmen li parti mill-fondi tal-PAK għandhom jappoġġjaw – flimkien ma’ Orizzont 2020 – is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu” biex jingħalaq id-distakk bejn ir-riċerka u l-iżvilupp u l-prattika tal-biedja bil-għan li jitwessgħu l-bażi tal-għarfien u l-applikazzjoni tal-għarfien (6);

32.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tiffaċilita l-informazzjoni ġenerali u t-tixrid tal-aħjar prattiki, l-attivitajiet eżistenti u l-bijoprodotti disponibbli tal-clusters reġjonali u r-reġjuni, billi tibni fuq ix-xogħol u r-riżultati tal-programmi eżistenti, bħall-ABC-Europe, Cluster-IP iffinanzjat mid-DĠ ENTR (7) u l-programmi tal-Interreg u r-Reġjuni tal-Għarfien iffinanzjati taħt il-politika reġjonali u l-FP7 (8) rispettivament, u tippromovi l-programmazzjoni b’diversi fondi;

33.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tiġi assenjata għal proġetti ta’ “ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju” fir-reġjuni inqas żviluppati, fir-reġjuni fi transizzjoni u fir-reġjuni iktar għonja; jemmen li dan ikollu impatt pożittiv fuq it-transizzjoni lejn bijosoċjetà Ewropea; jenfasizza l-potenzjal tal-Istrateġiji tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (Smart Specialisation Strategies – S3) biex ir-reġjuni jkunu jistgħu jadottaw approċċ iktar strateġiku u integrat għall-bijoekonomija;

34.

jissuġġerixxi li r-reġjuni avvanzati fil-qasam tal-bijoekonomija jiġu appoġġjati meta jieħdu l-passi meħtieġa mill-ktajjen tal-valur tal-bijoekonomija u meta joħolqu rabtiet ma’ reġjuni inqas avvanzati; jemmen li r-reġjuni avvanzati u dawk inqas avvanzati flimkien għandhom jixprunaw impjanti pilota fejn il-kumpaniji (start-up) ikunu jistgħu jittestjaw prodotti ġodda f’ambjent protett; jemmen li dan l-approċċ ta’ “Triq għall-Eċċellenza” iwassal għal użu effettiv tar-riżorsi, filwaqt li tiġi mħeġġa l-koeżjoni; jappoġġja l-inizjattivi bħar-Reġjuni tal-Għarfien li jipprovdu għodda utli għall-iskambju tal-għarfien, jippromovu bis-sħiħ l-aċċettazzjoni effettiva u l-applikazzjoni reġjonali tar-riżultati tar-riċerka u jiġġeneraw aktar kooperazzjoni fir-riċerka;

35.

huwa konvint li l-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) u l-Komunitajiet Reġjonali ta’ Implimentazzjoni u Innovazzjoni (KRII) qed jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà fit-tul u jidentifikaw u jindirizzaw opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni fl-Ewropa; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tniedi KKI li tiffoka fuq il-bijoekonomija fis-sensiela l-ġdida ta’ KKI fil-perjodu 2014-2020 (9);

36.

madankollu, jemmen li hemm sens ċar ta’ urġenza fost il-partijiet interessati Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali fir-rigward tal-iżvilupp ta’ ekonomija/bijoekonomija b’livell baxx ta’ karbonju; l-identifikazzjoni tat-triq li twassal għal dan il-għan u l-implimentazzjoni fil-prattika teħtieġ bdil radikali fil-modi kif naħsbu u nagħmlu l-affarijiet; peress li r-reġjuni huma essenzjali għat-twettiq fil-prattika, il-KtR joffri l-kompetenzi tiegħu u jistqarr li huwa lest li jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni biex l-istrateġija tal-bijoekonomija tkompli għall-fażi li jmiss;

37.

nitolbu lill-Kummissjoni tieħu l-passi li ġejjin fil-livell tal-UE:

a.

tkompli tiżviluppa l-Istrateġija tal-Bijoekonomija (billi tuża l-istruttura tat-tliet spirali), b’enfasi fuq l-ogħla livelli tal-piramida tal-bijomassa; tistabbilixxi Panel tal-Bijoekonomija li jinkludi rappreżentanti mill-intrapriża, mill-istituzzjonijiet tal-għarfien u l-awtoritajiet pubbliċi (fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew);

b.

tiżviluppa approċċ integrat għall-bijoekonomija li jirrikjedi u jkun ibbażat fuq strateġija ta’ finanzjament minn diversi sorsi kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak Ewropew (Orizzont 2020, il-Politika ta’ Koeżjoni, il-PAK, l-Enerġija);

c.

tissensibilizza l-pubbliku fir-reġjuni dwar il-bżonn li jkollna bijoekonomija u l-opportunitajiet li ġġib magħha;

d.

tibbaża l-approċċ integrat għall-bijoekonomija fuq regolamenti u miżuri li jixprunaw u li ma jkunux konfliġġenti (permezz ta’ sistemi ta’ ċertifikazzjoni, programmi ta’ riċerka u żvilupp integrati u speċifiċi f’diversi Direttorati Ġenerali) u l-possibbiltà li r-reġjuni jiddeterminaw it-triq li jixtiequ jieħdu rigward il-bijoekonomija u l-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti;

u li tkompli tiżviluppa strateġija Ewropea b’enfasi fuq:

l-ispeċjalizzazzjoni u l-applikazzjoni tal-għarfien tal-innovazzjonijiet fis-settur tal-bijoekonomija Ewropew sabiex nibqgħu kompetittivi fil-livell dinji;

ir-riċerka u l-iżvilupp dwar il-bijomassa tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni;

il-ktajjen tal-valur (mill-produzzjoni tal-materja prima sal-prodotti finali fis-suq);

il-prodotti b’valur miżjud għoli.

38.

aħna nemmnu li r-reġjuni jistgħu joffru:

a.

l-identifikazzjoni u d-disponibbiltà tal-aħjar prattiki dokumentati tar-reġjuni li qed jippjanaw u jimplimentaw il-bijoekonomija (jew xi aspetti tagħha) b’suċċess u jsibu modi biex jestendu u jallokaw dawn l-istrutturi f’reġjuni oħra (Triq għall-Eċċellenza);

b.

l-għajnuna fil-ħolqien ta’ strutturi tat-tliet spirali u jagħtu kontribut għall-panels tal-bijoekonomija;

c.

minħabba li huma qrib iċ-ċittadini, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jissensibilizzaw aktar lill-pubbliku dwar il-bijoekonomija (ħtieġa u benefiċċji) fil-livell lokali u reġjonali;

d.

appoġġ fil-ħolqien ta’ “Toroq għall-Eċċellenza” billi jiffaċilitaw u jagħtu bidu għall-kooperazzjoni interreġjonali bejn ir-reġjuni inqas żviluppati u dawk iktar żviluppati u jużaw approċċi ta’ finanzjament minn diversi sorsi għall-programmi u l-proġetti Ewropej.

Brussell, 30 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  CdR 174/2007 fin

(2)  COM(2011) 808 final.

(3)  CdR 1749/2012 –NAT-V-022.

(4)  Ir-rapport “De Ecopyramide – Biomassa beter benutten” (Derksen et al. 2008) u s-sommarju bl-Ingliż “The Ecopyramid – better biomass efficiency”

http://www.innovatienetwerk.org/en/bibliotheek/rapporten/342/DeEcopyramide.

(5)  Ġeneralment, il-bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni huma manifatturati mill-uċuħ tal-ikel (eż. qamħ, qamħirrum), l-uċuħ taż-żejt (eż. żejt taż-żerriegħa tal-kolza u tal-palm) u l-uċuħ taz-zokkor (eż. tal-pitrava taz-zokkor, iz-zokkor tal-kannamiela) bl-użu ta’ teknoloġija stabbilita. Ġeneralment, il-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni huma manifatturati minn materja ċelluluża (materja prima linjoċelluluża) u residwi agrikoli jew uċuħ ikkoltivati apposta (li mhumiex iddestinati għall-produzzjoni tal-ikel). Il-bijofjuwils tat-tielet ġenerazzjoni jistgħu jiġu definiti bħala bijomassa kkoltivata, mhux fil-għamla ta’ uċuħ tar-raba’ alimentari, u li jagħmlu użu effiċjenti ħafna tad-dawl u tal-art. L-alki huma l-aħjar eżempju ta’ dawn il-bijofjuwils u jipprovdu żejt u prodotti oħrajn ta’ valur għoli. Ara fost oħrajn: http://www.biofuelstp.eu/fuelproduction.html u http://biofuelsandthepoor.com/facts-and-definitions/.

(6)  Opinjoni (abbozz) tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam agrikolu”, CdR 1749/2012 (NAT-V-022).

(7)  http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/biotechnology/index_mt.htm u http://www.europe-innova.eu/web/guest/cluster-cooperation/cluster-innovation-platform.

(8)  ftp://ftp.cordis.europa.eu/pub/fp7/kbbe/docs/regional-biotech-report.pdf, http://cordis.europa.eu/fp7/kbbe/library_en.html.

(9)  L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) bil-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni tiegħu f’diversi oqsma, fl-2014 ser jindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-bijoekonomija, b’mod partikolari fil-qafas tal-KKI “Food4Future”. Ara COM(2012) 60 final; il-bijoekonomija ma tinkludix biss l-ikel iżda anke prodotti li mhumiex tal-ikel. Hawnhekk huwa importanti li jiġi inkluż ukoll l-element li mhuwiex tal-ikel bħala parti mill-katina tal-valur globali tal-bijoekonomija.


Top