EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE2514

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard online” COM(2012) 596 final

ĠU C 271, 19.9.2013, p. 48–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard online”

COM(2012) 596 final

2013/C 271/09

Relatur: is-Sinjura RONDINELLI

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard online

COM(2012) 596 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta' April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-22 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’122 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jikkonferma u jtenni dak li diġà qal fl-Opinjoni tiegħu (1) dwar il-Green Paper dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern (2), u jinnota li l-Kummissjoni laqgħet parti biss mill-konklużjonijiet maħruġa. Jenfasizza b’mod partikolari li l-ġlieda kontra l-logħob illegali, li huwa t-theddida prinċipali għall-protezzjoni tal-konsumatur, mhijiex il-prijorità tal-Komunikazzjoni.

1.2

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra, fost il-prijoritajiet li l-Komunikazzjoni għandha l-intenzjoni li twieġeb dwarhom, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-protezzjoni tal-impjiegi fis-settur, il-kwalità tagħhom u t-telf potenzjali tal-impjiegi tal-logħob tal-azzard fiżiku għal benefiċċji ta' dak onlajn.

1.3

Il-logħob tal-azzard jikkontribwixxi għal żieda fid-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri. Permezz tal-lotteriji nazzjonali u l-casinos, il-finanzjament ta’ kawżi tajba jappoġġja attivitajiet għall-ġbir ta’ flus għall-karità u dawk soċjali u sportivi, il-promozzjoni tat-turiżmu u jissalvagwardja l-patrimonju kulturali, artistiku u arkeoloġiku. Il-KESE jemmen li kull attività fil-logħob fil-livell Ewropew għandha sseħħ skont mudell soċjali Ewropew li jippermetti li ċ-ċittadini jiddevertu b’mod san u bbilanċjat.

1.4

Il-KESE jesprimi tħassib qawwi dwar ir-riskji għoljin għas-saħħa pubblika li l-logħob tal-azzard iġib miegħu. Għalhekk, jikkonferma t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex isiru riċerka u monitoraġġ fit-territorju kollu tal-UE dwar id-dipendenzi u l-mard marbuta mal-logħob onlajn, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw parti mit-taxxi miġbura għall-finanzjament ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, miżuri preventivi u trattamenti terapewtiċi kontra l-mard assoċjat mal-logħob.

1.5

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva u tagħmel skambju ta’ informazzjoni, esperjenzi u prattiki tajba fost l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji.

1.6

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-għan li kull Stat Membru għandu jkollu awtorità regolatorja b’kompetenzi preċiżi u li tiżgura kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet ekwivalenti tal-Istati l-oħra.

1.7

Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li jinstab ekwlibriju bejn il-karattru ta' teknoloġija għolja u għalhekk transkonfinali tas-settur u r-riskji konnessi miegħu marbuta mal-ordni pubbliku u soċjali, il-legalità, it-trasparenza u s-saħħa taċ-ċittadini permezz ta' inizjattivi iktar vinkolanti mir-rakkomandazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni.

1.8

Il-KESE jinnota li attwalment mhix konċepibbli leġislazzjoni tal-UE speċifika għas-settur tal-logħob tal-azzard onlajn. Filwaqt li jappoġġja l-inizjattivi li l-Kummissjoni qed tipproponi għal kooperazzjoni effikaċi bejn l-Istati Membri, il-Kumitat jittama li f’ċerti oqsma, li għalihom il-kompetenzi huma kondiviżi, taġixxi bi strumenti leġislattivi aktar effikaċi, preferibbilment direttivi, sabiex jipproteġu lill-konsumaturi u l-gruppi l-aktar vulnerabbli u jiġġieldu kontra l-operaturi illegali u kontra l-ħasil tal-flus.B'dan il-mod jinħoloq sett ta' liġijiet minimi għall-protezzjoni tal-konsumaturi. Hemm bżonn li l-Istati Membri jibqa' jkollhom id-dritt li jistabilixxu standards iktar għolja għall-protezzjoni tal-konsumaturi għas-suq nazzjonali tagħhom jekk jixtiequ, u li jkomplu japplikaw il-liġijiet iktar favorevoli li diġà hemm (3).

Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jintervjenu, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fil-każijiet li ġejjin:

il-protezzjoni tal-konsumaturi u tas-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini, speċjalment tal-minorenni u tal-gruppi vulnerabbli;

reklamar responsabbli;

miżuri kontra l-logħob tal-imħatri frodulenti marbuta mal-isports;

garanziji ta’ legalità u trasparenza tal-logħob onlajn flimkien mal-impenn tal-Istati Membri li jintroduċu sanzjonijiet adegwati li jipprovdu, f’każ ta’ ksur, l-imblukkar, l-għeluq, is-sekwestru jew it-tneħħija tas-siti illegali.

1.9

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni laqgħet it-talba tiegħu biex il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kontra l-ħasil tal-flus jiġi estiż għat-tipi kollha tal-logħob tal-azzard (4).

1.10

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-possibbilitajiet li joffri r-regolament għall-użu tal-IMI (5) u jittama li dan iservi biex titjieb il-kooperazzjoni amministrattiva bejn ir-regolaturi nazzjonali u l-iskambju ta’ data bejn il-korpi rilevanti nazzjonali u Ewropej.

1.11

Il-KESE jemmen li l-valutazzjoni li ser twettaq il-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ skambju tad-data personali bejn l-Istati Membri hija pożittiva billi l-parti l-kbira tad-data rreġistrata mill-operaturi tista’ tiġi kondiviża b’mod li tkun tista’ tiġi mqabbla ma’ data oħra u b’hekk jiġu ffaċilitati l-kontrolli li jsiru mill-awtoritajiet kompetenti.

1.12

Il-KESE jqis essenzjali li l-Istati Membri, flimkien mar-regolaturi, iniedu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni għall-konsumaturi biex jindirizzaw id-domanda għal-logħob onlajn legali. Din l-azzjoni għandha tkun ikkompletata permezz ta’ miżuri li jiġġieldu kontra l-operaturi illegali bħal pereżempju l-pubblikazzjoni ta’ listi suwed u/jew bojod imfassla mir-regolaturi nazzjonali sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħrfu aħjar is-siti awtorizzati, bis-saħħa tal-logo tal-awtorità regolatorja nazzjonali fuq il-homepage tas-sit tal-imħatri u dawk illegali.

1.13

Biex tiġi garantita l-protezzjoni tal-konsumatur, il-KESE jitlob li s-software li jintuża għal-logħob tal-azzard onlajn ikollu ċertifikazzjoni minima komuni tal-UE maħruġa minn entitajiet esterni speċjalizzati abbażi tal-istess standards u parametri. Barra minn dan, jistieden lill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri jadottaw standard minimu Ewropew għall-pjattaformi tal-IT tal-logħob tal-azzard u jappella lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri għall-protezzjoni tad-data tal-lagħaba u jawtorizzaw biss il-mezzi ta’ pagament li joffru l-aħjar garanziji ta’ sigurtà u traċċabilità fit-transazzjonijiet marbuta mal-logħob onlajn.

1.14

Il-KESE jqis pożittiv ħafna l-esperiment li niedet il-Kummissjoni bit-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti tal-logħob onlajn, li jaqsmu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin tagħhom dwar iċ-ċiberkriminalità, għaliex għalkemm għadu fi stadju bikri ħafna, dan huwa strument utli biex tinħoloq kooperazzjoni effikaċi bejn l-Istati Membri. Il-KESE jittama li n-natura informali attwali ta’ dan il-grupp tinbidel sabiex il-grupp jiżviluppa f’wieħed b’setgħat u kompiti ċari.

1.15

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri jippromovu t-taħriġ adegwat tal-ġudikatura fir-rigward tal-kwistjonijiet inerenti fil-frodi u l-ħasil tal-flus marbutin mal-logħob tal-azzard.

1.16

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tagħha taġġorna u tirrevedi r-regoli stabbiliti fiha li jirrigwardjaw l-interventi li għandhom isiru, fid-dawl tal-iżviluppi fl-implimentazzjoni tar-regoli min-naħa tal-Istati Membri – liema minnhom implimentaw u kif, u x’inhuma r-riżultati miksuba fil-livell nazzjonali.

1.17

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja u tappoġġja attivament l-abbozz ta’ konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-integrità sportiva, li n-negozjati tagħha ser jitnedew fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa.

2.   Daħla

2.1

Il-Komunikazzjoni tindirizza kemm il-ħtieġa li tiġi rispettata l-leġislazzjoni Ewropea dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll dik tal-protezzjoni ta’ gruppi partikolari.

2.2

L-użu tal-istrumenti tal-IT b’aċċess dirett għan-netwerks ippermetta żieda qawwija fil-logħob tal-azzard onlajn, li qed jikber b’rata mgħaġġla. Fl-2011, id-dħul totali fl-UE mil-logħob tal-azzard onlajn fis-27 pajjiż kien ta’ EUR 9,3 biljun, li huma ekwivalenti għal 10,9 % tas-suq Ewropew tal-logħob tal-azzard, u huwa stmat li sal-2015 din iċ-ċifra ser tiżdied għal EUR 13-il biljun.

2.3

Bis-saħħa tal-internet, iċ-ċittadin Ewropew jista’ fil-fatt ikollu aċċess u jkun espost, fl-Istat ta’ residenza tiegħu, għas-servizzi illegali offruti minn wieħed jew aktar mill-operaturi awtorizzati b’liċenzja fi Stat ieħor, Stat Membru jew mhuwiex. Minħabba n-natura ekstraterritorjali u internazzjonali ta’ din is-sitwazzjoni, ma tistax tiġi indirizzata mill-Istati individwali, imma jinħtieġ intervent integrat u kooperazzjoni akbar. Sabiex jiġu mħarsa ċ-ċittadini u l-konsumaturi huwa essenzjali li tiġi adottata definizzjoni komuni tal-logħob illegali. Intennu li l-provvista mhux awtorizzata ta’ logħob fil-pajjiż ta’ residenza tal-lagħaba, jew l-offerta ta' logħob mingħajr il-liċenzja nazzjonali mitluba hija illegali, anke jekk is-servizz ikun provdut minn operatur ibbażat jew awtorizzat f’pajjiż tal-UE jew pajjiż terz (6). Bl-istess mod li bih huwa illegali l-operatur li la hu kontrollat u lanqas regolamentat.

2.4

Rigward id-differenza bejn “operatur mhux awtorizzat” u “operatur illegali”, ikkonsulta n-nota 15 tal-Komunikazzjoni.

2.5

Jitqies pożittiv li l-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti dwar il-logħob tal-azzard għall-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki bejn l-Istati Membri, l-istudju tal-problemi li jinħolqu minħabba l-logħob illegali, it-taħriġ speċifiku u aġġornat tal-ġudikatura, it-titjib fl-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi u ż-żieda fid-disponibbiltà tal-logħob legali.

2.6

Dawn l-interventi huma l-ewwel pass utli fil-ġlieda kontra l-operaturi illegali involuti fi frodi, il-kriminalità u l-ħasil tal-flus.

3.   Sommarju tad-dokument tal-Kummissjoni

3.1

Il-Komunikazzjoni tenfasizza d-differenzi li hemm bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali, u tipproponi azzjonijiet li jistabbilixxu miżuri prijoritarji fil-livell nazzjonali u tal-UE u azzjonijiet ta’ kollaborazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati. Il-Komunikazzjon tindika l-miżuri possibbli u tagħmel rakkomandazzjonijiet, mhux l-anqas fir-rigward tal-koordinazzjoni u l-integrazzjoni amministrattiva bejn l-Istati.

3.2

L-għan ewlieni huwa li jiġi żgurat li l-leġislazzjoni Ewropea tiġi mħarsa u applikata mil-leġislazzjonijiet nazzjonali permezz ta’ azzjonijiet diretti u rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri. Għal dan il-għan il-Kummissjoni ser:

tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-logħob tal-azzard fl-Istati Membri;

teżamina l-proċeduri possibbli għall-imblukkar tas-siti illegali;

tippromovi s-suq legali tal-logħob tal-azzard, anke permezz ta’ djalogu mal-pajjiżi terzi;

tipproteġi l-konsumaturi, b’mod partikolari l-minorenni u l-gruppi vulnerabbli, anke permezz ta’ kontrolli fuq l-istrumenti li jikkontrollaw l-aċċess għall-internet;

tistudja l-effetti tal-vizzju tal-logħob tal-azzard fil-livell Ewropew;

tevalwa l-prestazzjoni tas-suq tas-servizzi tal-logħob tal-azzard;

tadotta r-rakkomandazzjonijiet dwar il-prattiki tajba għall-prevenzjoni tal-imħatri illegali u l-ġlieda kontrihom.

3.3

Il-Kummissjoni ttenni li huwa fl-interess tal-Istati Membri li jistabbilixxu politika effikaċja kontra l-frodi u l-ħasil tal-flus, u li jipproteġu l-integrità tal-isports kontra l-fenomenu tal-logħob, partiti u kompetizzjonijiet mixtrijin, anke permezz tal-iskambju tal-esperjenzi fir-rigward tal-kriminalità u n-netwerks tal-IT.

4.   Kummenti

4.1   Inġibu l-leġislazzjoni nazzjonali konformi mal-liġi tal-UE

4.1.1

L-ewwel nett, il-KESE jenfasizza t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fil-logħob tal-azzard onlajn u ż-żieda esponenzjali tal-offerta tal-logħob, li numru dejjem jiżdied tal-popolazzjoni qed jipparteċipa fih b’konsegwenzi serji fuq id-dħul tal-familji. Għalhekk hemm bżonn ta’ restrizzjonijiet effettivi fuq it-tipi diversi ta’ reklamar, b’mod partikolari dak televiżiv, onlajn u fuq il-mezzi tat-trasport.

4.1.2

Il-provvista u l-użu tas-servizzi transnazzjonali tal-logħob tal-azzard huma attività ekonomika li hija koperta mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu previst fis-suq intern (Artikolu 56 tat-TFUE). Minkejja dan, l-Artikolu 52(1) tat-TFUE jippermetti restrizzjonijiet fuq il-provvista libera tas-servizzi garantiti mill-Artikolu 56 għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

4.1.3

Il-KESE jfakkar li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija tal-organizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-logħob tal-azzard fit-territorju tagħhom. Il-logħob huwa attività potenzjalment perikoluża ħafna għall-konsumaturi u huwa ugwalment suxxettibbli għall-użu kriminali, bħall-ħasil tal-flus, jekk dan ma akunx regolat kif suppost jew jekk ir-regolamentazzjoni ma tkunx infurzata b’mod strett. F’dan il-kuntest, għalkemm il-logħob tal-azzard huwa kopert mil-libertà fil-provvista tas-servizzi, skont l-Artikolu 49 KE (7), attwalment ma tistax tiġi prevista leġislazzjoni tal-UE dwar il-logħob tal-azzard onlajn minħabba d-differenzi bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali. Filwaqt li jappoġġja l-inizjattivi li qed tipproponi l-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kooperazzjoni effikaċi bejn l-Istati Membri, il-KESE jittama li f’ċerti oqsma (ara 1.8), ikun hemm strumenti aktar effettivi – preferibbilment direttivi – għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, u kontra l-operaturi illegali u l-ħasil tal-flus.

4.1.4

Skont ġurisprudenza abbundanti stabbilita fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard jistgħu jkunu ġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħalma huma l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni tal-frodi u tal-inċitament taċ-ċittadini sabiex jonfqu ammonti eċċessivi ta’ flus fuq il-logħob (8). L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu jew jillimitaw il-provvista transkonfinali tas-servizzi tal-logħob tal-azzard kollha jew ta' wħud minnhom bil-għan li tingħata protezzjoni mil-logħob tal-azzard fl-interess pubbliku (9).

4.1.5

Is-servizzi tal-logħob tal-azzard mhumiex suġġetti għal leġislazzjoni uniformi fl-UE u l-leġislazzjonijiet nazzjonali jvarjaw b’mod sinifikanti minħabba l-karatteristiċi kulturali, soċjali u storiċi ta’ kull pajjiż. Uħud mill-Istati Membri ma jippermettux logħob onlajn, oħrajn jippermettu biss ċertu logħob, u oħrajn għandhom monopolju mmaniġġjat esklużivament minn operatur pubbliku jew privat. Fin-nuqqas ta’ data aġġornata dwar is-sitwazzjonijiet diversi nazzjonali (10), il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex twettaq eżerċizzju ta’ pjan dettaljat (mapping exercise) bejn l-Istati Membri.

4.1.6

Kif għamlet ċar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri li jagħżlu l-liberalizzazzjoni kontrollata tas-settur, jistgħu leġittimament jistabbilixxu skema għall-permessi – li tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni amministrattiva – ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u li ma jiddiskriminawx kontra n-nazzjonalità (11).

4.1.7

Peress illi fil-logħob tal-azzard onlajn ma hemmx relazzjoni diretta bejn il-konsumatur u l-operatur, ir-riskju tal-frodi min-naħa tal-operatur għad-dannu tal-konsumatur huwa akbar (12). Id-disponibbiltà tas-servizzi tal-logħob illegali, u b’hekk mhux kontrollati, hija theddida serja għall-konsumaturi. Għalhekk, l-applikazzjoni rigoruża mill-Istati Membri tal-miżuri li jiġġieldu kontra l-operaturi illegali tipprovdi l-garanzija primarja u l-aħjar strument għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

4.1.8

L-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom dwar il-logħob tal-azzard u jiddefinixxu l-livell ta’ protezzjoni. Minkejja dan, ir-restrizzjonijiet li jimponu jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u għandhom ikunu proporzjonati, mhux diskriminatorji, u jiffurmaw parti minn politika li hija applikata b’mod sistematiku u koerenti.

4.1.9

Peress illi l-leġislazzjoni fl-Istati Membri individwali tvarja, u li s'issa impossibbli ssir regolamentazzjoni tal-UE tal-logħob tal-azzard onlajn, hemm bżonn li ssir armonizzazzjoni tal-liġijiet u l-Istati Membri hemm bżonn jiġu megħjuna jinfurzaw ir-rispett tal-liġijiet eżistenti biex tiġi garantita ċertezza tad-dritt akbar fl-ambitu tal-konsumaturi, tal-minorenni u l-gruppi vulnerabbli, tar-reklamar u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu skambju tal-prattiki tajba fil-ġlieda kontra l-operaturi illegali.

4.1.10

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà l-UE għandha tieħu azzjoni meta l-aġir tagħha jista’ jtejjeb is-sitwazzjoni u tiggarantixxi valur miżjud fis-sistemi ta’ regolamentazzjoni tal-Istati Membri. Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-settur u tat-tibdiliet marbuta mal-użu tal-internet, il-KESE huwa tal-fehma li din l-azzjoni tal-UE għandha ssir permezz ta’ kooperazzjoni kontinwa bejn l-Istati Membri u l-promozzjoni ta’ prattiki tajba fil-ġlieda kontra l-operaturi illegali, ġlieda li tirrikjedi azzjoni transnazzjonali.

4.2   Kooperazzjoni amministrattiva u l-applikazzjoni effettiva tal-liġi

4.2.1

L-UE għandha ssaħħaħ il-kontroll, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-applikazzjoni reali tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard onlajn, u l-Istati jridu jikkollaboraw bejniethom biex jitwettaq dan.

4.2.2

Sabiex il-kontrolli jkunu faċilitati, huwa importanti li d-data personali rreġistrata mill-operaturi tkun disponibbli u kondiviża, filwaqt li tkun garantita l-protezzjoni tagħha. Il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni ġenerali u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki għandha tiġi mħeġġa sabiex isir l-aħjar skambju ta’ għarfien u esperjenzi biex jinħoloq sens reċiprokuta’ fiduċja u interess.

4.2.3

Iċ-ċertifikazzjoni tal-pjattaformi tal-IT remoti tal-logħob fil-livell nazzjonali tiggarantixxi s-sorveljanza tas-suq tal-logħob tal-azzard. Huwa importanti li ssir kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membru u li f’kull Stat tiġi stabbilita awtorità li tirregola l-logħob tal-azzard onlajn b’kompetenzi preċiżi u li tssigura koordinazzjoni mill-qrib fil-livell tal-UE.

4.2.4

Hemm bżonn li tiġi evalwata l-koerenza tal-politiki nazzjonali mal-leġislazzjoni u l-ġurisprudenza tal-UE, kif ukoll it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni tas-sistemi ta’ liċenzjar. F’każ ta’ nonkonformità, għandu jkun hemm proċeduri ta’ ksur.

4.2.5

Il-KESE huwa tal-fehma li l-miżuri preventivi u repressivi li ġew adottati sa issa mill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-logħob tal-azzard onlajn, provdut minn operaturi mingħajr liċenzja, jiġifieri illegali, mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw din il-problema. Għalhekk jissuġġerixxi t-tfassil ta’ qafas regolatorju nazzjonali ta’ prinċipji li jiggarantixxi l-legalità u t-trasparenza tas-siti, u li jipprevedi: l-identifikazzjoni tas-siti awtorizzati skont il-leġislazzjoni proprja ta’ Stat Membru u l-inklużjoni tagħhom f’“lista bajda”; l-imblukkar, l-għeluq, is-sekwestru u t-tneħħija tas-siti illegali (13); l-imblukkar tal-flussi finanzjarji minn u lejn dawn is-siti; il-projbizzjoni tal-komunikazzjonijiet kummerċjali u r-reklamar tal-logħob illegali.

4.3   Il-konsumaturi

4.3.1

Il-KESE jiddispjaċih li t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għal miżuri inċiżivi li jiġġieldu b’mod effettiv kontra l-operaturi illegali, li huma l-akbar theddida għall-konsumaturi, tħalliet mingħajr risposta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk jerġa’ jitlob li jiġu adottati mill-aktar fis possibbli miżuri inċiżivi biex jiġu mwettqa prattiki tajba fir-rigward tal-prevenzjoni tal-logħob illegali u l-ġlieda kontrih.

4.3.2

Il-Kummissjoni tipprevedi li, fl-2013, tadotta rakkomandazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u r-reklamar reponsabbli tal-logħob tal-azzard u tiddentifika erba’ oqsma ta’ azzjoni: li tbiegħed lill-konsumaturi mis-servizzi mhux regolati u li huma potenzjalment ta’ dannu; tipproteġi lill-minorenni mill-aċċess għas-siti; tipproteġi l-gruppi vulnerabbli l-oħra u timpedixxi l-iżvilupp ta’ mard marbut mal-logħob tal-azzard. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinkludi f’din ir-rakkomandazzjoni l-prattiki tajba fir-rigward tal-ġlieda kontra l-logħob illegali u l-prevenzjoni tiegħu, wara li ssir evalwazzjoni fil-livell ta’ kull Stat Membru dwar it-tipi ta’ logħob l-aktar ta’ ħsara għall-konsumaturi.

4.3.3

Il-KESE japprezza l-attenzjoni li ngħatat fil-Komunikazzjoni lill-protezzjoni tal-konsumaturi u l-gruppi ta’ persuni vulnerabbli, anke fir-rigward tar-reklamar u l-vizzju tal-logħob. Jenfasizza l-ħtieġa li f’dan ir-rigward jiġu adottati miżuri b’livell għoli ta’ protezzjoni u jinnota li l-istrumenti previsti huma dgħajfa wisq. Għalhekk jissuġġerixxi l-adozzjoni ta’ strumenti aktar stretti. Fil-fatt, is-servizzi disponibbli tal-logħob illegali, li min-natura tagħhom huma mingħajr kontroll u perikolużi, jirrappreżentaw l-akbar theddida għall-konsumaturi. Hemm bżonn li f’kull Stat Membru jiġu identifikati miżuri sodi li jiġġieldu kontra l-operaturi illegali li ma jirrispettawx il-leġislazzjoni nazzjonali, li hija l-ewwel u l-aqwa garanzija għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

4.3.4

L-għan fundamentali tal-azzjoni tal-Kummissjoni għandu jkun il-garanzija li l-Istati Membri jeżerċitaw is-setgħat u r-responsabbiltajiet kollha tagħhom u li tistabbilixxi qafas regolatorju għall-UE kollha u għall-operaturi awtorizzati kollha li jipprovdu dan it-tip ta’ servizz. Dan sabiex jiġi evitat il-logħob tal-azzard problematiku u jiġu introdotti rekwiżiti rigward l-età minima li tagħti-aċċess għal-logħob kollu, u l-projbizzjoni tal-logħob bil-kreditu għal-logħob u l-imħatri li huma l-aktar perikolużi (każinò onlajn, spread betting, betting exchange), u tipi ta’ reklamar immirati lejn il-minorenni u l-gruppi vulnerabbli.

4.3.5

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni kontra s-servizzi illegali tal-logħob skont il-kompetenzi tagħhom b’mod effettiv u bil-qawwa. Jitlob li l-Istati Membri jadottaw miżuri bħal-“lista sewda” u l-imblukkar tas-siti illegali, il-ħolqien ta’ tipi ta’ pagamenti sikuri u traċċabbli, l-imblukkar ta’ transazzjonijiet finanzjarji, u l-projbizzjoni assoluta tar-reklamar illegali. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-effikaċja ta’ dawn il-miżuri tiddependi ħafna mit-teħid ta’ azzjoni konġunta, li ssaħħaħ l-effett tagħhom kontra l-operaturi illegali.

4.3.6

Idealment, f’kull Stat Membru għandha tinħoloq awtorità regolatorja li jkollha responsabbiltajiet speċifiċi biex tissorvelja u tiżgura l-implimentazzjoni tal-liġijiet Ewropej u nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ġlieda kontra l-logħob illegali. L-eżistenza ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali hija prerekwiżit għat-twettiq ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni amministrattivi effettivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema regolatorja tagħhom, abbażi tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali u l-qafas regolatorju tagħhom, tkun kapaċi timplimenta dan. Il-KESE jittama li kull Stat Membru jagħti lill-awtorità regolatorja l-kompetenza li tistabbilixxi hi l-kriterji għall-għoti ta’ liċenzji fis-suq tiegħu stess.

4.3.7

F'kull Stat membru, il-konsumaturi tal-UE għandhom ikunu jistgħu jiddistingwu bejn is-siti legali u illegali, anke sabiex ikunu jistgħu jressqu lment. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakommanda li kull Stat jobbliga lill-operaturi kollha li huma awtorizzati jipprovdu logħob onlajn juru fuq il-websajt tagħhom, b’mod prominenti u permanenti, in-numru tal-awtorizzazzjoni u tikketta mill-awtorità regolatorja nazzjonali li turi li l-operatur għandu liċenzja f’dak l-Istat Membru.

4.3.8

Il-KESE jappella għall-adozzjoni tal-akbar garanzija leġislattiva possibbli għall-protezzjoni tal-minorenni, li tipprevedi strumenti adatti għall-verifikazzjoni tal-età u li tassigura li l-operaturi jagħmlu kontrolli effettivi f’dan ir-rigward. Il-ġenituri għandhom ikunu sensibilizzati dwar ir-riskji tal-użu tal-internet u dwar il-filtraġġ tal-programmi fid-dar. Garanziji adatti għandhom jiġu adottati għall-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli li jqattgħu ħafna ħin id-dar: il-pensjonanti, in-nisa tad-dar u l-persuni qiegħda.

4.3.9

Il-kriżi attwali qed tiġbed dejjem aktar nies lejn il-logħob onlajn, li jagħtihom l-illużjoni li jistgħu jsolvu l-problemi ekonomiċi tagħhom b’rebħiet faċli. Dan iġib miegħu riskji kbar għall-benesseri psikoloġiku tagħhomk għax iwassal għall-vizzju u l-imġiba ossessiva-kompulsiva. Biex jiġu miġġielda dawn it-tipi ta’ mard, il-KESE jirrakommanda li parti mit-taxxi miġbura jiġu allokati għall-finanzjament ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, miżuri preventivi u trattamenti terapewtiċi kontra l-mard assoċjat mal-logħob.

4.3.10

Il-KESE jqis b’mod pożittiv l-għan tal-Kummissjoni li tagħmel rakkomandazzjoni – għalkemm jixtieq li l-istrument ikun aktar inċiżiv u vinkolanti – dwar ir-reklamar responsabbli tal-logħob tal-azzard sabiex tikkomplementa d-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali inġustisabiex tingħata l-informazzjoni korretta lill-konsumaturi. Il-KESE jenfasizza li l-azzjoni f’dan ir-rigward għandha tinkludi miżuri kontra l-operaturi illegali, bħall-projbizzjoni ta’ reklamar minn operaturi li jipprovdu servizzi mingħajr liċenzja mogħtija mill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-pajjiż fejn jgħix il-konsumatur.

4.3.11

Jeħtieġ li jinsab bilanċ bejn il-bżonn ta’ tkabbir kontrollat tal-logħob awtorizzat – biex is-servizzi tal-logħob legali ikunu attraenti għall-pubbliku – u l-bżonn li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-vizzju ta’ dan il-logħob.

4.3.12

Ir-reklamar għandu jsir b’mod aktar responsabbli u regolat, b’mod speċjali għall-protezzjoni tal-minorenni, mhux biss għax huwa ta’ ħsara kbira għas-saħħa, b’mod partikolari dik mentali, iżda wkoll għaliex huwa jqarraq u jinganna, għax iġiegħel lill-pubbliku jemmen li l-logħob onlajn huwa “normali” u b’hekk jinkoraġġixxi mġiba soċjali li mhix tajba għas-saħħa.

4.3.13

Minkejja l-proġett Alice Rap (14), il-Kumitat jinnota li għad ma hemmx data affidabbli disponibbli dwar l-għadd u l-varjetajiet ta’ mard marbutin mal-logħob tal-azzard. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ monitoraġġ kontinwu u kostanti tal-fenomenu tal-vizzju u l-mard relatat sabiex tinkiseb data sodisfaċenti li tippermetti li l-leġislaturi nazzjonali u tal-UE jadottaw miżuri effettivi u mmirati biex jiġġieldu kontra din il-problema u jimpedixxuha.

4.4   Il-prevenzjoni tal-frodi u l-ħasil tal-flus

4.4.1

Il-problemi marbutin mal-identifikazzjoni ta’ individwi attivi fil-logħob onlajn permezz ta’ distribuzzjoni remota, kemm dawk li qed jirbħu bil-bosta kif ukoll dawk li qed jitilfu b’mod qawwi, u li għalhekk jista’ jkun li qed jaħbu l-attività tal-ħasil tal-flus, għandhom jiġu indirizzati permezz tal-identifikazzjoni minn qabel tal-individwi u l-ftuħ ta’ kont wieħed speċifiku għal kull individwu li qed jilgħab.

4.4.2

Is-serq tal-identità huwa problema kbira li mhix marbuta biss mal-logħob tal-azzard onlajn, iżda mas-sistema kollha tad-data u l-iskambju ta’ data fuq l-internet u t-teknoloġija onlajn.

4.4.3

Il-ġeneraturi aleatorji tan-numri (random number generators) għandhom ikunu ċertifikati b’mod qawwi sabiex ikunu konformi mal-prinċipju tan-nonprevedibilità u fl-istess ħin jassiguraw li l-avveniment verifikat huwa l-uniku wieħed possibbli u li huwa impossibbli li jkun hemm tbagħbis. B’hekk jiġi protett dak li qed jilgħab u tkun rispettata l-korrettezza tal-istandards li l-Istati Membri jiddeċiedu f’termini ta’ rebħ.

4.4.4

Biex tiġi żgurata sigurtà akbar fit-tipi ta’ software użati għal-logħob tal-azzard onlajn, il-Kumitat jipproponi ċertifikazzjoni minima fl-UE li għandha ssir minn korpi esterni speċjalizzati li jadottaw l-istess parametri u standards, u li wkoll jidentifikaw u jimpedixxu l-logħob illegali offshore.

4.4.5

Wieħed mill-modi biex jiġi protett l-aċċess għal-logħob jista’ jkun l-identifikazzjoni tal-indirizzi IP (indirizzi tal-Protokoll tal-Internet). Jekk individwu jaċċessa sistema tal-logħob ta’ wieħed mill-Istati Membri permezz ta’ indirizz IP ta’ pajjiż ieħor huwa teknikament possibbli li l-logħba tiġi mblukkata.

4.4.6

Peress illi l-logħob tal-azzard onlajn huwa suxxettibbli għall-problemi tal-ħasil ta’ flus u l-frodi, ikun tajjeb jekk il-kwantità kbira ta’ informazzjoni u data li jirreġistraw l-operaturi tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-ordni pubbliku, biex ikunu jistgħu jiġu mqabbla ma’ data oħra u jiġu ffaċilitati l-kontrolli.

4.5   L-isports u l-kompetizzjonijiet mixtrija

4.5.1

L-imħatri fuq partiti, logħob u kompetizzjonijiet mixtrija huma tip ta’ frodi speċifiku li jmur kontra l-interessi tas-soċjetajiet sportivi, tas-sapporters, tal-konsumaturi u tal-operaturi tal-logħob tal-azzard legali.

4.5.2

Il-Kummissjoni tappoġġja s-suġġeriment tal-KESE, li jqis neċessarju t-tfassil ta’ qafas għall-koordinazzjoni tal-isforzi tal-partijiet interessati kollha sabiex tiġi indirizzata l-problema b’mod globali u evitata d-duplikazzjoni tar-risorżi. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni akbar bejn l-operaturi tal-imħatri, il-korpi sportivi u l-awtoritajiet kompetenti, inklużi r-regolaturi nazzjonali u internazzjonali tal-logħob tal-azzard.

4.5.3

Il-KESE jtenni s-suġġeriment tal-ħolqien ta’ sistema li ma tkunx limitata għas-sempliċi ġbir ta’ dikjarazzjonijiet li jirrappurtaw suspetti fuq xi avveniment sportiv partikolari, imma li tieħu miżuri preventivi, edukattivi u persważivi li jistgħu jindirizzaw il-fenomenu b’mod effettiv.

4.5.4

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni li sal-2014 tiġi adottata rakkomandazzjoni dwar il-prattiki tajbin fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-imħatri marbuta mal-partiti mixtrijin, għalkemm iqis li l-istrument leġislattiv magħżul mhuwiex suffiċjenti. Il-kompetizzjonijiet mixtrijin jiksru l-prinċipju ta’ kompetizzjoni sportiva ġusta, u huma reat kriminali fl-Istati Membri kollha, minkejja li ġiet reġistrata żieda f’din l-attività illegali jew kien hemm suspett li hi tali. Għalhekk hemm bżonn azzjoni aktar inċiżiva fil-ġlieda kontra l-kompetizzjonijiet mixtrijin, bl-għajnuna ta’ strumenti, kompetenzi u riżorsi tal-Istati Membri, f’sinerġija bejniethom u mal-UE.

4.5.5

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan, li jqisu l-korruzzjoni sportiva, il-kompetizzjonijiet mixtrijin u l-manipulazzjoni tar-riżultati sportivi bħala reati, u b’hekk soġġetti għas-sanzjonijiet. Jitlob lill-Kummissjoni tilħaq ftehim mal-Istati Membri dwar definizzjoni komuni ta’ dawn ir-reati kriminali.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 85.

(2)  COM(2011) 128 final.

(3)  Ara ĠU C 24, 28.1.2012, p. 85 (konklużjonijiet: punti 1.3 u 1.6).

(4)  COM(2013) 45 final.

(5)  Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern.

(6)  Il-konklużjonijiet tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 – 9495/10 jistabilixxu li l-logħob illegali online huwa dak offrut mingħajr liċenzja u mingħajr ma jirrispetta l-liġijiet tal-pajjiż in kwistjoni u għalhekk l-operaturi tal-logħob onlajn għandhom jikkonformaw mal-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri fejn joperaw.

(7)  Sentenzi 19.07.2012 kawża C-470/11, SIA Garkalns, għadha mhux ippubblikata, punt 24; 8.09.2010 kawża C-316/07, minn C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07, Stoß u oħrajn.

(8)  Sentenzi 19.07.2012 kawża C-470/11, SIA Garkalns ċit, punt 39; 8.09.2010 kawża C-46/08 Carmen Media Group, punt 55.

(9)  Każijiet Liga Portuguesa de Futebol C-42/07 o Anomar C-6/01.

(10)  Studju dwar il-logħob tal-azzard fis-suq intern tal-UE mill-Istitut Svizzeru tal-Liġi Komparattiva (2006) http://ec.europa.eu.internal_market/services/gamblig_en.htm

(11)  Sentenza 24.01.2013 kawżi magħquda C-186/11 u C-209/11 Stanleybet International LTD u oħrajn punt 47.

(12)  Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009 kawża C-42/07 Liga Portuguesa de Futebol Profissional u oħrajn.

(13)  COM(2010) 673 final, 22.11.2010: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura”.

(14)  Addiction and Lifestyles in Contemporary Europe, Reframing Addictions Project.


Top