This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE2417
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — A Decent Life for All: ending poverty and giving the world a sustainable future’ COM(2013) 92 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli” COM(2013) 92 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli” COM(2013) 92 final
ĠU C 271, 19.9.2013, p. 144–150
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.9.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 271/144 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli”
COM(2013) 92 final
2013/C 271/28
Relatur: is-Sinjura PICHENOT
Nhar it-18 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:
Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli
COM(2013) 92 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ April 2013.
Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’103 voti favur u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-konverġenza fil-qafas għal wara l-2015: żewġ proċessi paralleli MDG/SDG
1.1.1 |
Għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, il-bniedem għandu aċċess għal għarfien, riżorsi ekonomiċi u mezzi tekniċi biex jeqred il-faqar fil-livell dinji sal-2030. Din hija ta’ tama kbira għal iktar minn biljun persuna li għadhom vittmi tal-faqar estrem. Għall-ewwel darba wkoll, l-Istati Membri huma marbuta biex sal-2050 flimkien jiġġestixxu aħjar il-kapital naturali tal-pjaneta li huwa magħruf li hu riżorsa limitata, biex jipproteġiha u jaqsamha mal-ġenerazzjonijiet futuri. |
1.1.2 |
Il-qalba tan-negozjar intergovernattiv li ser jitnieda f’Settembru 2013 fin-NU tikkonsisti f’li tinstab definizzjoni tal-Għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli (SDG) biex fil-perjodu fit-tul jinstab bilanċ bejn il-ġlieda kontra l-faqar, il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali. Dan il-proċess għandu jkun inklużiv u konverġenti biex tiġi integrata r-reviżjoni prevista għall-2015 tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDG). L-atturi tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-Istati Membri fi ħdan in-NU qed jieħdu azzjoni minn issa biex jitħejjew u jakkumpanjaw dan in-negozjar internazzjonali. Mill-Konferenza Rio+20 (1) ’l hawn, il-KESE daħal f’dan id-dibattitu biex jikkontribwixxi għad-definizzjoni tar-rwol tas-soċjetà ċivili fil-konfront ta’ dawn l-isfidi. Huwa ser ikompli f’din it-triq sal-2015 permezz ta’ Opinjonijiet (2) u inizjattivi oħrajn. |
1.1.3 |
Il-Kumitat jaqbel mad-direzzjoni li ħadet il-Kummissjoni li tniedi d-dibattitu Ewropew dwar il-ħtieġa li tinstab konverġenza bejn il-proċessi MDG/SDG u responsabilizzazzjoni tal-pajjiżi, b’Komunikazzjoni intitolata “Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli”. Għad li jista’ jiġi rikonoxxut li l-Għanijiet tal-Millennju ġabu magħhom progress fl-għanijiet soċjali, għadu kmieni biex jiġu speċifikati l-għanijiet ambjentali u dan filwaqt li jiġu definiti għanijiet ekonomiċi aċċettabbli għal kull pajjiż fid-dinja. Il-Kumitat iqis li għandna nifhmu aħjar kif it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli jinteraġixxu biex jinstabu soluzzjonijiet ġusti, sobrji u effettivi. |
1.2 Rakkomandazzjonijiet għal proċess konverġenti u inklużiv
1.2.1 |
Fil-fażi ta’ tħejjija ta’ pożizzjoni komuni Ewropea għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kumitat iqis li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bħala element importanti biex jiġi appoġġjat id-dibattitu fl-istituzzjonijiet u fl-Istati Membri. Il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-ħidma konġunta tad-DĠ Ambjent u tad-DEVCO (3), prova ta’ armonizzazzjoni li tħaddan ukoll l-appoġġ tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fir-rigward tas-sigurtà fit-tħejjija ta’ din il-komunikazzjoni li madankollu kien ikun aħjar kieku ġiet integrata aħjar fil-politika kummerċjali u agrikola. Il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari l-ħidma koordinata fi ħdan il-Kunsill Ewropew, u jħeġġu biex joħroġ dokument uniku tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin ta’ Mejju/Ġunju 2013. |
1.2.2 |
Il-Kumitat jenfasizza li din l-għażla ta’ qafas uniku u globali fejn l-għanijiet għandhom japplikaw f’kull pajjiż jistħoqqilha kunsens intern mifrux biex tkun ippreżentata lill-pajjiżi oħra msieħba fil-komunità internazzjonali u jiġi żgurat trattament indaqs b’mod partikolari mal-pajjiżi l-iktar fqar, u l-mijiet ta’ pajjiżi bi dħul intermedju, fosthom il-pajjiżi emerġenti, li minn issa ’l quddiem ser ikollhom rwol predominanti fin-negozjati internazzjonali. Minħabba l-kumplessità tan-negozjar, il-Kumitat iqis il-pożizzjoni Ewropea bħala element importanti fil-proċess diplomatiku li jmur lil hinn mid-distinzjoni antika bejn il-pajjiżi żviluppati u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw. |
1.2.3 |
Il-Kumitat jappella biex l-UE ssemma leħinha fil-fora internazzjonali abbażi ta’ dan il-qafas ta’ konverġenza tal-MDG/SDG, inkluż permezz tal-Istati Membri fin-NU. Kull pajjiż, bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, għandu jħejji strateġija nazzjonali inklużiva għall-iżvilupp li tqis il-livell inizjali u tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet komuni tal-iżvilupp sostenibbli. Għall-Kumitat din l-għażla ser tinvolvi proċeduri ta’ evalwazzjoni u segwitu tal-impenji nazzjonali li jiddaħħlu f’reġistru globali bit-titjib meħtieġ tal-indikaturi ta’ statistika komplementari għall-PDG. |
1.2.4 |
L-Unjoni Ewropea għandha l-valuri tagħha: il-prattika ta’ kunsens tagħha u vantaġġi li, jekk ikun hemm ir-rieda politika, għandhom jippermettulha tieħu impenn sod fit-tranżizzjoni lejn l-iżvilupp sostenibbli, u anki twitti t-triq għall-imsieħba internazzjonali tagħha. L-Unjoni Ewropea għadha punt ta’ riferiment bħal-livell ta’ impenji konkreti fl-anness importanti ħafna ta’ din il-komunikazzjoni fl-oqsma ta’ politika ambjentali, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, it-trasferimenti interni favur il-koeżjoni territorjali jew ir-ridistribuzzjoni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali. L-anness jinkludi qafas għas-segwitu tal-impenji ta’ Rio+20 fil-livell Ewropew u dak internazzjonali. |
1.2.5 |
Imfassla bħala għanijiet universali, l-MDG għandhom jissarrfu f’politiki Ewropej u programmi nazzjonali ta’ riforma tal-Istati Membri. Il-Kumitat jirrakkomanda li dan l-aspett jiġi kkunsidrat fit-tħejjija tar-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija UE2020, b’konformità mas-segwitu tal-impenji Rio+20. L-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew mistennija tingħata ħajja mill-ġdid (4). Għall-Kumitat dan ifisser fużjoni mal-Istrateġija UE 2020 u mal-Istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll li tiġi kkunsidrata dimensjoni soċjali (5) marbuta mill-qrib mal-Unjoni ekonomika u monetarja Ewropea. |
1.2.6 |
Element distintiv tal-SDGs il-ġodda huwa li huma maħsuba b'tali mod li jkunu universali, applikabbli għall-pajjiżi kollha u li jikkunsidraw il-limiti tal-pjaneta. Fid-dawl tan-natura finita tal-limiti fiżiċi tal-art, l-ilma frisk, il-foresti u ħafna riżorsi naturali oħra fid-dinja jeħtieġ li l-SDGs jinkludu għanijiet biex dawn ir-riżorsi jintużaw b'mod aktar effiċjenti u biex jinqasmu b'mod aktar ġust. Bl-istess mod, l-SDGs għandhom jistabbilixxu miri bbażati fuq l-ugwaljanza biex inaqqsu l-piż tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u forom oħra ta' tniġġis. Tali miri għandhom jikkwantifikaw u jistabbilixxu skedi għall-objettiv globali li ilu li ġie miftiehem dwar il-mixja lejn tendenzi aktar sostenibbli ta' produzzjoni u konsum. Sakemm din it-tranżizzjoni lejn ekonomija globali aktar sostenibbli ma tinkisibx madwar id-dinja kollha jista' jagħti l-każ li jkun impossibbli li jinkisbu l-għanijiet għall-iżvilupp tat-tip tal-MDG fil-każ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li attwalment it-titijib ta' xi objettivi għall-iżvilupp tradizzjonali sikwit jiddgħajjef minħabba l-problemi li kulma jmur jikbru madwar id-dinja tat-tnaqqis tar-riżorsi, it-tibdil fil-klima u forom oħra ta' tniġġis. |
1.2.7 |
Pajjiżi żviluppati u emerġenti huma responsabbli għall-ikbar parti tal-problemi li qed jiżdiedu ta' konsum żejjed, skart u tgħawwir tar-riżorsi naturali u t-tniġġis. Għaldaqstant, l-SDGs li jirriferu għal xejriet ta' konsum u produzzjoni iktar sostenibbli se jkunu partikolarment rilevanti għalihom u għandhom jistabbilixxu miri li jitolbu iktar sforzi u li huma ta' sfida ikbar għal titjib tul il-15-il sena li ġejjin. L-Unjoni Ewropea minn dejjem kienet attiva f'dan il-qasam u għandha tippreżenta lilha nfisha fuq quddiem nett fl-identifikar ta' miri adatti tal-SDGs għad-dinja żviluppata. |
1.3 Rakkomandazzjonijiet għal proċess parteċipattiv miftuħ għas-soċjetà ċivili
1.3.1 |
Il-Kumitat ifakkar li permezz tal-opinjonijiet kollha kkwotati nħolqot bażi soda għar-rakkomandazzjonijiet dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-governanza tajba, l-appoġġ għal tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku ġdid, il-protezzjoni tal-iktar fqar u l-iktar vulnerabbli, l-akkumpanjament waqt il-bidliet għall-ħaddiema kif ukoll il-kunsiderazzjoni tal-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima u l-limiti tar-riżorsi tal-Pjaneta. Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li soċjetà ċivili awtonoma u b’saħħitha, flimkien ma’ sistema legali bħala garantur tal-indipendenza tagħha jifformaw il-bażi fundamentali tad-demokratizzazzjoni, ta’ stat tad-dritt, u tikkontribwixxi għall-istabbiltà neċessarja għall-investiment u t-tkabbir sostenibbli (6). |
1.3.2 |
Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu lis-soċjetà ċivili matul il-proċess sħiħ tat-tħejjija u l-implimentazzjoni u s-segwitu, b’mod partikolari fir-rigward tal-SDG fejn din il-parteċipazzjoni għadha mhijiex suffiċjenti. Fl-2013 u l-2014, id-dibattiti nazzjonali, inkluż dawk fi ħdan il-kunsilli ekonomiċi, soċjali u ambjentali u/jew il-kunsilli tal-iżvilupp sostenibbli, inklużi l-elementi kollha fis-soċjetà ċivili u d-dibattiti organizzati mas-soċjetà ċivili Ewropew u dik tal-pajjiżi msieħba ser ikollhom jikkontribwixxu u jagħmlu parti mit-tħejjija tas-Sena Ewropea 2015 għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli biex tinħoloq viżjoni kondiviża ta’ dinja futura u biex jissaħħaħ il-profil tal-azzjoni esterna Ewropea fost iċ-ċittadini (7). Fid-dawl ta’ din is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex timmobilizza riżorsi suffiċjenti, biex jiġi żgurat impenn attiv mis-soċjetà ċivili, biex tingħata prijorità lill-inizjattivi eżistenti u dawk imressqa mill-imsieħba involuti f’din is-Sena Ewropea, u fl-aħħar nett biex jiġu mħeġġa d-dibattiti profondi dwar it-temi mressqa f’din l-Opinjoni tal-KESE. |
1.3.3 |
Is-soċjetà ċivili għandha rwol li titlob lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u d-diplomatiċi internazzjonali biex jiżguraw mudell ekonomiku ieħor, bil-għan li fil-livell tal-attivitajiet ekonomiċi l-iżvilupp tal-bniedem jiġi separat mill-impatt ambjentali. Il-Kumitat jirrakkomanda li jinqasmu l-kompetenzi u l-apprendistati, b’mod partikolari matul is-sena tematika 2015, mas-soċjetajiet ċivili oħrajn tal-pajjiżi u r-reġjuni msieħba. Dan huwa qasam fejn il-KESE għandu esperjenza ta’ skambju fil-wisa’. |
1.3.4 |
Il-Kumitat jistieden lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jieħdu sehem u jagħmlu tagħhom ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet internazzjonali, nazzjonali u tematiċi, b’mod partikolari dawk li tnedew attwalment għas-sostenibbiltà ambjentali mill-UNDP u l-UNEP, li huma aċċessibbli fis-sit www.worldwewant2015.org/sustainability |
1.3.5 |
Il-Kumitat jirrakkomanda li l-aġenda għal wara l-2015 tkun ibbażata b’mod iktar sistematiku fuq l-istudji tal-impatt u fuq is-segwitu li jkun sar b’mod partikolari bl-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (pereżempju dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ekosistemi jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol). Bl-istess mod, l-integrazzjoni tad-djalogu soċjali bejn l-imsieħba soċjali, wieħed mill-indikaturi tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol, hija strument essenzjali għall-implimentazzjoni u s-segwitu tal-MDG/SDG. |
1.3.6 |
Is-soċjetà ċivili ser ikollha rwol maġġuri fl-ippjanar, is-segwitu u l-valutazzjoni. Is-soċjetà ċivili Ewropea għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti biex tkun tista’ taġixxi permezz ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tal-koerenza tal-politiki Ewropej favur l-iżvilupp, prinċipju stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona. Il-Kumitat jirrakkomanda li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fil-proċess tal-għażla tal-indikaturi komplementari għall-PDG, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fin-negozjati marbuta mal-proċess tal-paċi u fit-tħejjija tal-pjani strateġiċi nazzjonali u fl-iżvilupp tal-innovazzjonijiet soċjali u jqis li dawn għandhom joħorġu b’mod prammatiku. |
1.3.7 |
Sabiex jiġi appoġġjat rwol ta’ tmexxija Ewropea lejn mudell ekonomiku ieħor, il-Kumitat jirrakkomanda li jinħoloq forum (8) ta’ konsultazzjoni li jiġbor ħafna mill-partijiet involuti dedikat għall-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fi ħdan l-UE. F’kull settur huwa indispensabbli li jiġu definiti stadji intermedji ta’ tranżizzjoni negozjata b’miżuri ta’ akkumpanjament għas-setturi, l-intrapriżi, it-territorji u l-ħaddiema konċernati. |
1.3.8 |
Fl-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda futura, il-Kumitat jirrakkomanda approċċ ibbażat fuq it-tisħiħ tas-sħubijiet bejn l-atturi, pereżempju fl-ugwaljanza bejn is-sessi. Kooperazzjonijiet ibbażati fuq l-istabbiliment ta’ kuntratti/sħubija volontarja bejn l-atturi għal għanijiet li jimpenjaw il-livelli kollha territorjali jistgħu jiġu mħeġġa. Pereżempju, inizjattivi mfassla f’sinerġija, bejn atturi privati, pubbliċi jew assoċjati li jieħdu impenn konġunt biex jinkisbu għanijiet speċifiċi f’qasam territorjali jew urban. Dawn l-approċċi innovattivi jidhru indispensabbli biex jitqies l-aspett multidimensjonali tal-faqar. L-istabbiliment ta’ kuntratti bħal dawn iħeġġeġ ukoll il-kooperazzjoni Nofsinhar/Nofsinhar bl-appoġġ finanzjarju mit-Tramuntana. |
1.4 Rakkomandazzjonijiet dwar il-perspettivi ta’ aġenda għal wara l-2015
1.4.1 |
L-aġenda għal wara l-2015 tirrappreżenta bidla fil-mudell lil hinn mill-għajnuna u l-kooperazzjoni internazzjonali. Hija għandha titfassal bħala proċess li jimpenja l-pajjiżi kollha fit-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku inklużiv u ekoloġiku, bidla lejn ekonomija dekarbonizzata. Il-Kumitat jappoġġja l-analiżi tal-Komunikazzjoni li tqis li “Il-progress lejn ekonomija ekoloġika inklużiva permezz ta’ xejriet ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli u l-effiċjenza tar-riżorsi, inkluż b'mod partikolari f’sistemi tal-enerġija b’emissjoni baxxa, huwa għalhekk essenzjali.” |
1.4.2 |
Koerenza bejn il-politika finanzjarja u l-politika ekonomika u tal-migrazzjoni. Minbarra l-elementi ekonomiċi, huwa imperattiv li jiġu implimentati, skont il-prinċipju ta’ koerenza, politiki oħra li għandhom impatt maġġuri fuq tibdil fl-approċċ lejn l-iżvilupp sostenibbli bħat-tassazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-miżuri kollha għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima, miżura li tħeġġeġ l-immigrazzjoni temporanja jew ċirkolari mill-pajjiżi fqar, il-kontroll strett tal-bejgħ tal-armi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u regolazzjoni finanzjarja biex jitnaqqas il-ħasil tal-flus u tinqered l-evażjoni fiskali. |
1.4.3 |
Waħda mid-definizzjonijiet tal-Għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli għandha tkun li titkejjel it-tensjoni bejn il-kwistjonijiet tal-iżvilupp individwali u kollettivi u l-kwistjonijiet ta’ preservazzjoni tal-bilanċ ambjentali tal-pjaneta. Fil-fehma tal-Kumitat, sabiex tiġi riżolta din it-tensjoni u jinstab bilanċ bejn it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, għandhom jiġu preservati l-beni komuni globali minn politiki pubbliċi globali ġestiti minn komunità internazzjonali magħmula minn pajjiżi sovrani. Din hija l-isfida l-kbira tal-aġenda futura. |
1.4.4 |
Din it-tema ta’ beni pubbliċi globali identifikati bħala sfida maġġuri wara l-2015 teħtieġ koerenza ikbar bejn l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-politiki dinjin. L-Unjoni Ewropea għandha tagħmel parti minn dan. F’xi Opinjonijiet il-KESE nieda reazzjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-beni pubbliċi globali bħas-sigurtà alimentari (9), il-bażi tal-protezzjoni soċjali jew ir-regolazzjoni multilaterali tal-kummerċ u l-investimenti, il-klima jew il-bijodiversità. |
1.4.5 |
Il-Kumitat jiddispjaċih għar-referenzi indiretti għal dan is-suġġett fil-Komunikazzjoni “Ħajja diċenti għal kulħadd” u jqis li l-komunikazzjoni li jmiss dwar ir-riżorsi finanzjarji mħabbra f’nofs l-2013 għandha tinkludi din il-kwistjoni biex jiġi żgurat li jkun hemm riżorsi finanzjarji adegwati. L-għajnuna pubblika għall-iżvilupp għandha tibqa’ dedikata għall-ġlieda kontra l-faqar. Parti kbira mill-proċess ta' konsultazzjoni tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji li għandha tidħol fl-2013, li fiha se jieħdu sehem ħdax-il pajjiż inizjalment, għandha tkun dedikata lill-kummenti globali. |
1.4.6 |
L-istennija ta’ ftehim internazzjonali dwar id-definizzjoni tal-SDG bl-ebda mod ma tista’ sservi bħala skuża biex jiġu differiti jew jitnaqqsu l-impenji tal-għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi żviluppati. Il-Kumitat huwa ferm imħasseb minħabba r-riskju li tiġi interrotta l-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-żvilupp jekk ma jintlaħaqx ftehim fl-2015. Sabiex jitnaqqas dan ir-riskju, huwa jirrakkomanda li l-MDG riveduti b’mod imperattiv ikollhom il-fondi suffiċjenti għal dan il-għan (10). Għad li ninsabu fi żmien ta’ diffikultajiet baġitarji, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri jżommu l-impenji tagħhom u jagħmlu dak li hemm bżonn biex jiksbu medja ta’ 0,7 % sa mill-fażi l-ġdida. |
1.4.7 |
L-għanijiet tal-Millennju jeħtieġu aġġornament u adattar għall-kwistjonijiet il-ġodda tas-Seklu 21 filwaqt li jitqiesu r-riżultati u l-lezzjonijiet li nsiltu mill-esperjenza. Fil-fehma tal-KESE diġà kellhom jiddaħħlu mill-inqas tliet għanijiet għall-aċċess għall-enerġija għal kulħadd (11), id-dritt għall-ikel u għall-ilma, u l-ħolqien ta’ protezzjoni soċjali bażika (12). Barra minn hekk, ix-xogħol diċenti li ġie inkorporat wara r-reviżjoni tal-2006 għandu jiġi affermat mill-ġdid bħala prijorità u ħtieġa imperattiva u l-iżvilupp agrikolu għandu jerġa’ jitqiegħed fil-qalba tal-ġlieda kontra l-faqar. Ukoll, il-konverġenza bejn iż-żewġ aġendi tista’ titfassal abbażi ta’ din ir-reviżjoni li ser tkun biss l-ewwel stadju ta’ aġenda globali futura. Għandha tiġi rikonoxxuta t-tensjoni attwali u l-inċertezza bejn l-ambizzjoni ta’ aġenda “ideali” u r-realtà tal-“possibbiltajiet”. |
1.4.8 |
F’din ir-reviżjoni tal-MDG, il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġi żviluppat approċċ speċifiku għall-iżvilupp għall-Istati fraġli jew affettwati mill-kunflitti billi l-irkupru istituzzjonali jitqiegħed fil-qalba tal-għanijiet fundamentali għal dawn il-pajjiżi sabiex mill-bidu nett ikun hemm sforz ta’ sigurtà u ġustizzja mill-qrib. |
2. Nisiltu t-tagħlimiet mill-għanijiet tal-Millennju
2.1 |
Ir-rilevanza dejjiema tal-Dikjarazzjoni tal-Millennju. Din id-dikjarazzjoni żżomm il-valur sħiħ tagħha, kemm politiku kif ukoll simboliku, bħala patt għal impenn anki wara l-2015, bejn il-pajjiżi kollha, fqar u għonja. Hija għandha tibqa’ s-sies ta’ aġenda futura billi tirrappreżenta l-karatteristiċi tal-isfidi l-kbar u l-valuri fundamentali li għandhom jirfdu r-relazzjonijiet internazzjonali fis-seklu XXI: il-paċi, is-sigurtà u d-diżarm, il-ħarsien tal-ambjent komuni tagħna, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba, il-ħarsien tal-gruppi vulnerabbli u t-tweġiba għall-bżonnijiet speċifiċi tal-Afrika, kif ukoll id-dritt għall-iżvilupp u l-ħtieġa li jinħoloq ambjent favorevoli għall-iżvilupp. Din id-dikjarazzjoni diġà kienet stabbiliet linja ċara bejn id-dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, ħaġa li tirrifletti d-Dikjarazzjoni ta’ Rio li saret fl-1992. |
2.2 |
Minkejja riżultat modest, permezz tas-sempliċità u ċ-ċarezza tagħhom, l-SDG ikkontribwew għas-sensibilizzazzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika fil-pajjiżi żviluppati. Għad irid jintwera li dan l-appoġġ għall-opinjonijiet issarraf b’mod effettiv f’żieda fl-ammont ta’ għajnuna, fi ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni, f’tibdil fl-approċċ lejn il-pajjiżi l-inqas żviluppati, jiġifieri li ġew adattati għall-pajjiżi fi stat ta’ gwerra jew li jkunu ddgħajfu minħabba kunflitti interni. |
2.3 |
Territorji, inugwaljanzi u faqar. Fir-rigward tal-indiċi tal-faqar, il-Kumitat għandu r-riżervi tiegħu dwar l-indikatur ta’ dħul inqas minn $ 1,25 kuljum biex jiġi stmat it-tnaqqis tal-faqar estrem u r-rikors għall-mezzi nazzjonali. Dawn l-istrumenti jaħbu l-inugwaljanzi interni profondi fis-soċjetajiet nazzjonali kif ukoll id-differenzi territorjali, b’mod partikolari għad-detriment taż-żoni rurali li għandhom ikunu jistgħu jmantnu lilhom infushom fil-kampanja u bl-iżvilupp rurali jilqgħu parti mit-tkabbir demografiku tad-deċennji futuri. Min-naħa l-oħra, l-urbanizzazzjoni ġestita b’mod ħażin tenfasizza u tikkontribwixxi għall-faqar urban dejjem ikbar u teħtieġ analiżi iktar kwalitattivi. |
2.4 |
L-ugwaljanza bejn is-sessi għadha kundizzjoni essenzjali għal kull bidla (13), mhux biss minħabba s-sitwazzjoni tan-nisa imma anke għaliex din il-kwistjoni tinsab fil-qalba tal-inugwaljanzi kollha l-oħra u r-raġuni għalfejn il-konsegwenzi jiħraxu. Ir-reazzjoni għan-nondiskriminazzjoni, jiġifieri d-drittijiet tan-nisa, huma essenzjali fit-tranżizzjoni tas-soċjetajiet tagħna. Il-kontribut tan-nisa għall-paċi, l-iżvilupp, l-attivitajiet ekonomiċi u s-sigurtà, sar wieħed mill-vantaġġi maġġuri ta’ aġenda futura. Dawn il-valuri għandhom ikunu rikonoxxuti minn kulħadd, sew nisa u sew irġiel. |
2.5 |
Riżultati kwantitattivi u strumenti metodoloġiċi. Il-pjan direzzjonali f’din id-dikjarazzjoni għandu jissarraf f’għanijiet u indikaturi ta’ progress rilevanti. Bil-pubblikazzjoni regolari tar-rapporti ta’ monitoraġġ tal-MDG ħarġu fid-dieher riżultati sostanzjali u n-nuqqasijiet. Il-kwalità tal-evalwazzjonijiet hija fattur determinanti għal din il-metodoloġija ta’ governanza skont l-għanijiet. L-aġenda tal-ġejjieni ser tirrikjedi titjib u armonizzazzjoni tal-istrumenti tal-istatistika nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni abbażi tas-sessi u l-persuni b’diżabbiltà. Għalhekk għandhom jittejbu s-servizzi tal-istat ċivili u jiġi provdut stħarriġ kwalitattiv, b’mod partikolari dwar l-edukazzjoni. |
2.6 |
Lil hinn mill-PDG. Għall-aġenda wara l-2015, l-indikaturi għall-iżvilupp (14) sostenibbli li jiddefinixxu l-benesseri għandhom jinġabru f’tabella ta’ indikaturi ekonomiċi, soċjali u ambjentali milli f’indikatur wieħed aggregat. Huwa possibbli li nassoċjaw indikaturi oħra mal-PDG fil-livell internazzjonali kif diġà sar għad-definizzjoni tal-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDC) li jinkludu l-kriterji ta’ dewmien fl-iżvilupp tal-bniedem u l-vulnerabbiltà ekonomika jew l-indikatur tal-iżvilupp tal-bniedem u iktar riċenti l-indikatur dwar l-inugwaljanzi żviluppat mill-UNDP. Biex jiġi indirizzat id-distakk bejn il-politiki ekonomiċi, il-benesseri u l-progress soċjali, għandna nibbażaw fuq l-indikaturi komplementari għall-PDG. Approċċ ġdid jeħtieġ deskrizzjoni tal-elementi tal-progress filwaqt li nipprovaw inwessgħu l-kontabbiltà nazzjonali għad-dimensjonijiet soċjali u ambjentali, nużaw l-indikaturi komposti u noħolqu indikaturi ewlenin. Madankollu, l-element nieqes jinstab fl-iżvilupp tal-istrumenti ta’ effikaċja u responsabbiltà li huma meħtieġa biex l-għażliet ta’ politika u dawk baġitarji jiġu abbinati mar-riżultati tal-indikaturi. Il-kejl tal-benesseri u l-progress mhuwiex esklużivament problema teknika. It-tfassil stess tal-idea tal-benesseri juri l-preferenzi kollettivi u l-valuri fundamentali ta’ soċjetà partikolari. Wieħed mill-mezzi li bih jista’ jsir progress fl-għażla tal-indikaturi huwa li fil-ħidma akkademika jiġu involuti ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex dawn jiġu definiti u jiġi analizzat l-użu tagħhom. |
2.7 |
L-awtoritajiet pubbliċi, il-gvern ċentrali u l-awtoritajiet lokali għandhom jiżguraw il-prestazzjoni effettiva ta’ protezzjoni soċjali bażika biex jiġu ffaċċjati r-riskji maġġuri tal-ħajja, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u d-diżabbiltà, l-irtirar u l-qgħad. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (l-unjins, l-NGOs, il-fundazzjonijiet, il-mutwalitajiet, il-kooperattivi, l-SMEs u l-assoċjazzjonijiet tal-familja jew tal-konsumatur), jistgħu jagħmlu kuntratti mal-awtoritajiet pubbliċi biex jaqdu rwol deċiżiv fl-ippjanar, is-segwitu, fl-għoti tas-servizzi u għandhom jibbenefikaw mill-għajnuna pubblika, l-iktar fil-każ tal-pajjiżi inqas żviluppati. |
3. Id-drittijiet tal-bniedem, l-involviment tas-soċjetajiet ċivili, id-demokratizzazzjoni u l-istabbiliment ta’ kuntratti/sħubija bejn l-atturi, fil-qalba tal-aġenda għal wara l-2015
3.1 |
Id-demokratizzazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem, il-bażi tat-tranżizzjonijiet lejn soċjetajiet inklużivi u ekonomiji sostenibbli. L-appoġġ permanenti għall-isforzi tad-demokratizzazzjoni għadu l-aħjar triq lejn soċjetajiet trasparenti u li huma responsabbli lejn iċ-ċittadini tagħhom. Fis-soċjetajiet miftuħa tas-Seklu 21, ma tista’ tinkiseb l-ebda bidla mifruxa mingħajr il-parteċipazzjoni, ir-responsabbiltà, is-sħubija u l-koresponsabbiltà tal-atturi konċernati. Fil-qafas tal-istrument finanzjarju għall-promozzjoni tad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Komunikazzjoni dwar ir-rwol tas-soċjetajiet ċivili fl-iżvilupp, il-Kumitat bi pjaċir jinnota l-importanza kbira li ngħatat lill-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili indipendenti (15), ħaġa li tippermetti wkoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni minn kwalunkwe sors, il-garanzija tar-responsabbiltà għaċ-ċittadini, l-involviment tal-atturi ekonomiċi fl-istudji tal-impatt, fis-segwitu tal-ftehimiet kummerċjali jew il-konsolidazzjoni tal-kapaċità għat-twissija tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa jew anke l-appoġġ tad-difensuri tal-ambjent. |
3.2 |
It-trasparenza u d-dejn tal-pajjiżi msieħba, elementi fundamentali tal-aġenda futura. L-MDG u l-aġenda għall-effikaċja tal-għajnuna li rriżultat minnhom (il-Prinċipji ta’ Pariġi, Accra, Busan) ikkontribwew għat-tisħiħ tad-dejn fil-pajjiżi msieħba u l-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet partikolari tal-pajjiżi fraġli. Madankollu, biex jiġu korreġuti n-nuqqasijiet maġġuri tal-kooperazzjoni, l-aġenda futura għandha tippermetti lill-pajjiżi benefiċjarji li jkunu atturi fuq livell indaqs mal-pajjiżi donaturi. L-ewwel nett għandu jitqies l-aspett speċifiku tas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitti interni jew ta’ gwerra u l-fraġilità relatata mal-katastrofijiet naturali billi jitħejjew reazzjonijiet speċifiċi għal dawn il-pajjiżi permezz ta’ għanijiet stabbiliti minn qabel u prijoritarji għall-irkupru tal-istituzzjonijiet u l-garanzija tas-sigurtà, il-pulizija u l-ġustizzja. |
3.3 |
Kooperazzjoni bejn is-soċjetajiet u l-iżvilupp tal-iskambji ta’ partijiet interessati u n-netwerks internazzjonali. L-approċċ li jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ ħafna atturi jħeġġeġ lill-imsieħba tal-iżvilupp tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar imorru lil hinn mill-qafas diplomatiku tradizzjonali ta’ impenji bejn il-gvernijiet. Viżjoni iktar inklużiva tas-soċjetà ċivili tiddependi mill-istabbiliment ta’ kuntratti jew sħubija formalizzata b’kuntratt tal-għanijiet u l-mezzi bejn id-diversi atturi. Din il-viżjoni tissarraf f’kunsiderazzjoni tal-inizjattivi tal-bliet u l-awtoritajiet lokali (in-netwerks ta’ bliet ekoloġiċi, il-moviment tal-bliet fi tranżizzjoni), kif ukoll dawk tal-NGOs (id-diplomazija nongovernattiva bħal dik fis-Summit ta’ Rio) jew tal-intrapriżi ta’ kull forma (id-dinja tal-kummerċ bħan-netwerks ta’ intrapriżi responsabbli jew tal-ekonomija soċjali) jew il-konfederazzjonijiet tal-unjins internazzjonali (atturi ewlenin biex jitwettaq l-għan tax-xogħol diċenti) jew anki l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka sa mit-tfassil tal-għanijiet imma anke għall-implimentazzjoni u s-segwitu tagħhom. Il-Kumitat jirrakkomanda li fl-aġenda futura jiġu rikonoxxuti u żviluppati l-ftehimiet kuntrattwali bejn l-imsieħba privati u pubbliċi u dawk assoċjati mingħajr ma jiġu injorati l-ħafna inizjattivi ta’ solidarjetà internazzjonali li jinbtu miċ-ċittadini stess. L-integrazzjoni ta’ din id-diversità ta’ atturi fuq livell indaqs hija kundizzjoni essenzjali għal governanza iktar effikaċi u iktar inklużiva li tqis leħen l-ifqar persuni. |
3.4 |
Għalhekk, il-Kumitat, bħal għadd kbir ta’ osservaturi oħrajn, jirrakkomanda li jsir titjib kruċjali fir-rigward tal-governanza tajba u l-istituzzjonijiet demokratiċi biex jiżdiedu l-allokazzjonijiet lill-pajjiżi msieħba u tissaħħaħ l-istrateġija nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp. Bis-saħħa tal-MDG ċerti soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw setgħu jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom bħala atturi jew li jistaqsu lill-gvernijiet tagħhom dwar l-għażliet ta’ investiment u nfiq pubbliku. Fl-aġenda futura iktar inklużiva, il-parteċipazzjoni tagħhom għandha tissaħħaħ fit-tħejjija ta’ dawn id-dokumenti strateġiċi dwar it-tnaqqis tal-faqar u twassal biex jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda għax-xogħol diċenti jew il-protezzjoni soċjali filwaqt li jakkwistaw esperjenza speċifika u kapaċità għall-ippjanar, elementi li jikkontribwixxu għal governanza aħjar tal-pajjiżi. Il-Kumitat jirrakkomanda li parti minn din l-għajnuna tiġi allokata lill-kummerċ biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam kummerċjali sabiex jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-kummerċ u s-sigurtà alimentari fl-istrateġija nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp. |
4. Nibnu mill-ġdid kunsens ġenerali għal bidla fl-approċċ lejn l-iżvilupp sostenibbli
4.1 |
Il-governanza dinjija u l-finanzjament tal-beni pubbliċi ambjentali, soċjali jew ekonomiċi. Peress li jikkonċernaw lill-pjaneta sħiħa, il-beni jew is-servizzi huma rikonoxxuti f’din il-Komunikazzjoni bħala “l-pilastri tal-ħajja” bħall-arja, l-ilma, l-oċeani, l-ekosistemi, ix-xogħol diċenti, il-protezzjoni soċjali, is-sigurtà alimentari jew ir-regoli kummerċjali. Dawn ilkoll jinstabu fl-anness. Dawn il-beni pubbliċi dinjija (16) għandhom jiġu integrati fl-aġenda għal wara l-2015 mill-politiki pubbliċi dinjija dwar it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Huma għandhom jiġu indirizzati f’qafas globali koordinat imma b’mod partikolari għandhom jiġu appoġġjati minn impenji internazzjonali konvenzjonali, u minn finanzi u azzjonijiet nazzjonali, maqsuma f’għadd kbir ta’ attivitajiet kollettivi u individwali iktar fil-livell lokali. |
4.2 |
Id-diversità ta’ finanzjamenti dinjija adattati għall-bidla fl-approċċ sal-2050. Skont in-Nazzjonijiet Uniti mat-EUR 800 biljun fis-sena ser ikunu meħtieġa biex jiġu indirizzati b’mod sostenibbli l-faqar u l-isfidi ambjentali, jiġifieri 1,5 % tal-PDG dinji. L-għajnuna pubblika għall-iżvilupp tkopri biss 10-15 % ta’ dawn il-bżonnijiet finanzjarji internazzjonali. Ir-riżorsi nazzjonali u internazzjonali ser ikunu indispensabbli. Fil-qafas tal-Komunikazzjoni futura dwar is-sorsi ta’ finanzjament, għandha tiġi indirizzata serjament il-kwistjoni tar-riżorsi fiskali internazzjonali li jippermettu li tittieħed l-azzjoni fit-trasparenza u l-previdibbiltà tal-fondi neċessarji biex jinqered il-faqar, biex jiġi preservat l-ambjent u biex jiġu ġestiti l-beni pubbliċi dinjija. Il-finanzi innovattivi u t-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, li jippreċedu politika ta’ dan it-tip, għandhom jingħataw prijorità f’dawn l-isfidi globali. Barra mill-mobilizzazzjoni tar-riżorsi fiskali domestiċi u l-approċċ lejn l-attività produttiva tar-ritorn tal-flus tal-migranti, għad hemm kundizzjoni indispensabbli biex isir progress lejn l-għanijiet determinati lokalment. |
4.3 |
Iktar impjiegi f’ekonomija ekoloġika u inklużiva. It-tnaqqis fl-attività ekonomika qed jhedded serjament it-twettiq tal-MDG fl-2015 minħabba l-impatt profond tiegħu fuq l-impjiegi u l-intrapriżi. Iżda l-kriżi taf tkun l-okkażjoni biex tittieħed iktar azzjoni favur ekonomija ekoloġika kapaċi li tixpruna bidliet fl-approċċ lejn l-iżvilupp sostenibbli. F’dan ir-rigward, il-Patt Dinji għall-impjieg tal-ILO huwa strument ġdid biex jitħaffef l-approċċ b’ħafna impjiegi billi jistimula d-domanda għax-xogħol u l-kwalifiki, billi jistabbilixxi bażi ta’ protezzjoni soċjali fil-livell dinji u jintegra s-settur informali mal-livell nazzjonali tax-xogħol diċenti. |
4.4 |
L-agrikoltura dinjija hija injorata b’mod partikolari mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali waqt dan l-eżerċizzju tal-Millennju. Hemm urġenza assoluta li jiġu bbilanċjati mill-ġdid l-investimenti li jwasslu għall-impjiegi favur l-agrikoltura tal-familji u dik agrobijoloġika. |
4.5 |
Ir-rwol tal-intrapriżi fit-tranżizzjoni lejn rapport annwali ta’ sostenibbiltà. Fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, is-settur privat huwa rrappreżentat mill-Patt Dinji li nħoloq fl-2000 biex jagħmel ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva strument għall-MDG. Il-Patt Dinji llum jiġbor fi ħdanu 8 700 intrapriża b’attività f’130 pajjiż li appoġġjaw impenn fid-drittijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-impenji volontarji, permezz tal-iżvilupp sostenibbli fil-livell tal-intrapriżi jistgħu jaqdu rwol maġġuri fil-ktajjen tas-sottokuntrattar. Il-Kumitat iqis li l-inizjattivi tad-disinn ekoloġiku, il-produzzjoni ekoloġika, l-għaqal ekoloġiku jew il-kummerċ ġust kif ukoll dawk effiċjenti fl-użu tar-riżorsi naturali huma soluzzjonijiet innovattivi għat-twettiq tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli (17). Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni inkluża fid-Dikjarazzjoni ta’ RIO+20 li tipprevedi t-tifrix tar-rappurtar sostenibbli permezz ta’ “Corporate Sustainability Report” annwali provdut mill-intrapriżi flimkien mar-rapport finanzjarju. |
5. L-iżvilupp ekonomiku sostenibbli: ir-responsabilizzazzjoni u l-appoġġ għall-atturi mis-settur privat
5.1 |
Minkejja t-tentazzjoni ta’ ritorn għall-protezzjoniżmu fil-bidu tal-kriżi, is-sistema internazzjonali b’mod ġenerali evitat il-prattiki kummerċjali restrittivi. Iżda l-imblokk tan-negozjar multilaterali tal-hekk imsejjaħ “Żvilupp” ħoloq skuntentizza profonda fir-rigward tad-diverġenzi fl-interess meta mqabbla mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-pajjiżi emerġenti huma l-ikbar benefiċjarji taż-żieda fl-iskambji filwaqt li dawn jenfasizzaw l-inugwaljanzi interni ħlief f’xi pajjiżi bħall-Brażil minħabba politika ridistributtiva u l-ġlieda kontra l-faqar. |
5.2 |
Għall-kuntrarju, il-ftuħ kummerċjali ma ġabx ir-riżultati mistennija f’għadd ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom rikkezza ta’ prodotti agrikoli u materja prima imma b’nuqqas ta’ diversifikazzjoni, trasformazzjoni u infrastruttura. Il-Kumitat jiddeplora l-imblokk fil-Ftehimiet tas-Sħubija Ekonomika mal-pajjiż tal-AKP. Il-Kumitat jenfasizza li l-aċċess preferenzjali (18) tal-UE għall-pajjiżi l-inqas żviluppati wassal għal riżultati ferm modesti filwaqt li l-għajnuna għall-kummerċ fil-pajjiżi l-inqas żviluppati, tip ta’ kooperazzjoni multilaterali, qed issir dejjem iktar importanti. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi mħeġġa l-adozzjoni ta’ mod kif il-kummerċ jiġi ffaċilitat li diġà ġie miftiehem mid-WTO favur il-pajjiżi inqas żviluppati u li jiġi promoss il-ftuħ kummerċjali ġenerali mingħajr dazji u mingħajr kwoti tal-pajjiżi emerġenti fost il-pajjiżi l-inqas żviluppati. |
5.3 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tintegra strutturalment il-prinċipji tad-dritt għall-ikel (19) fil-prattiki kummerċjali tagħha u li tniedi azzjoni ta’ konċertazzjoni adattata fi ħdan l-MDG u fl-imsieħba soċjali kummerċjali l-kbar biex dawn il-prinċipji jsiru parti integrali tal-politiki kummerċjali multilaterali u bilaterali. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu liberalizzati l-prodotti u s-servizzi ambjentali diżassoċjati mill-ftehim potenzjali ta’ Doha kif ukoll li jiġu faċilitati t-trasferimenti tat-teknoloġiji ekoloġiċi fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali (20). |
5.4 |
L-atturi ekonomiċi u anke l-infrastrutturi għandu jkollhom direzzjoni soda fl-iżvilupp sostenibbli. Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-infrastrutturi (21) u n-netwerks tal-iskambju jikkostitwixxu lieva kemm biex jinġibed l-investiment barrani kif ukoll biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-SMEs, tiġi promossa l-industrija tal-konverżjoni tal-materja prima u jiġi żviluppat il-kummerċ elettroniku. |
Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Konferenza tal-KESE ta’ Frar 2012 “Il-Pensjonijiet sostenibbli, ejjew inkunu responsabbli! Is-soċjetà ċivili fit-triq lejn Rio”.
(2) Opinjoni tal-KESE dwar “Rio+20: riżultat u perspettivi” (opinjoni supplimentari), ĠU C 44, 15.2.2013, p. 64-67.
(3) Żvilupp u kooperazzjoni-EuropeAid.
(4) Opinjoni tal-KESE dwar “L-ekonomija ekoloġika - inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa” (Ara paġna 18 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.).
(5) Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn dimensjoni soċjali tal-Unjoni ekonomika u monetarja Ewropea”, (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.).
(6) Opinjoni tal-KESE — Lejn politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew, relatur: Peel, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 150–154.
(7) Fil-livell internazzjonali, “Beyond 2015” hija pjattaforma ta’ assoċjazzjonijiet tal-iżvilupp li qed torganizza kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ dan id-dibattitu u tiġbor il-kontributi f’dan is-sit: www.beyond2015.org
(8) Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-UE”, relatur: Le Nouail Marlière, ĠU C 191, 29.6.2012, p. 6–10.
(9) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kummerċ u s-sigurtà alimentari”, relatur: Campli, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 1-9.
(10) Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp 2013 “Après 2015: une action mondiale pour un avenir inclusif et durable ” (Wara l-2015: azzjoni dinjija għal ġejjieni inklużiv u sostenibbli).
(11) Opinjoni tal-KESE dwar “Nikkollegaw “il-ġżejjer tal-enerġija” mal-UE: it-tkabbir, il-kompetittività, is-solidarjetà u l-iżvilupp sostenibbli fi ħdan is-suq uniku Ewropew tal-enerġija”, relatur: Coulon, ĠU C 44, 15.2.2013, p. 9–15.
(12) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-protezzjoni soċjali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea”, relatur: Zufiaur, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 82–86.
(13) L-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp 2010-2015.
(14) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-PDG u lil hinn minnu - l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari”, relatur: Palmieri, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 14–20.
(15) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja”, relatur: Iuliano, ĠU C 11, 15.1.2013, p. 81-83.
(16) L-anness tal-Komunikazzjoni jagħti tipoloġija tal-beni pubbliċi dinjija ewlenin.
(17) Studju Concord: Il-kontribut tas-settur privat għall-iżvilupp, Diċembru 2012.
(18) Opinjoni tal-KESE dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati”, relatur: Peel, ĠU C 43, 15.2.2012, p. 82-88.
(19) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kummerċ u s-sigurtà alimentari”, relatur: Campli, korelatur: Peel, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 1-9.
(20) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kummerċ internazzjonali u t-tibdil fil-klima”, relatur: Pichenot, ĠU C 21, 21.1.2011, p. 15–20.
(21) Opinjoni tal-KESE dwar “L-istrateġija UE-Afrika”, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 148–156.