Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0831

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” COM(2011) 571 finali

    ĠU C 181, 21.6.2012, p. 163–168 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 181/163


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi”

    COM(2011) 571 finali

    2012/C 181/29

    Relatur: is-Sinjura EGAN

    Nhar l-20 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi

    COM(2011) 571 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-14 ta’ Marzu 2012.

    Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta ta' …), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'146 vot favur, 5 voti kontra u 4 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   L-għan tal-Istrateġija 2020 u l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'Użu Effiċjenti ta’ Riżorsi” tal-Kummissjoni huwa li l-ekonomiji tal-Ewropa jsiru aktar b'saħħithom u sostenibbli permezz ta’ użu ħafna aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali. Il-Kumitat preċedentement appoġġja l-inizjattiva ewlenija u issa jilqa' l-Pjan Direzzjonali iktar iddettaljat għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi tal-Kummissjoni li jistabbilixxi miri għat-trasformazzjoni u jipprovdi qafas għall-politiki meħtieġa biex jitnieda dan il-proċess.

    1.2   Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha, lill-mexxejja Ewropej, lill-intrapriżi u l-imsieħba soċjali Ewropej u lis-soċjetà Ewropea b'mod ġenerali biex jingħaqdu f'moviment politiku u soċjetali wiesa' li jappoġġja t-trasformazzjoni ewlenija meħtieġa, u biex jużaw il-qafas provdut mill-Pjan Direzzjonali biex jiggwidaw u jimmonitorjaw il-progress.

    1.3   Il-KESE jħeġġeġ il-ħolqien ta’ mekkaniżmu b'saħħtu ta’ koordinazzjoni ta’ livell għoli fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri individwali biex jiġi mmonitorjat u stimolat il-progress fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet proposti fil-Pjan Direzzjonali.

    1.4   Fil-livell tal-Istati Membri, il-KESE jħeġġeġ l-adozzjoni ta’ strateġiji komprensivi dwar l-effiċjenza tar-riżorsi inklużi r-riformi fiskali, l-eliminazzjoni ta’ sussidji perversi, regolamentazzjoni b'saħħitha tal-istandards tal-prodotti, programmi għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet, u impenn sħiħ tal-gvern reġjonali u lokali, l-intrapriżi, l-imsieħba soċjali, il-konsumaturi u organizzazzjonijiet u ċittadini oħra. L-istrateġiji għandhom jinkludu miżuri ta’ politika attivi li jiżguraw tranżizzjoni soċjlament ġusta, inklużi edukazzjoni u taħriġ għall-impjegati u l-involviment tagħhom fl-adattament tal-intrapriżi f'intrapriżi ġodda li jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi.

    1.5   Fil-livell Ewropew, il-KESE jappoġġja l-miżuri kollha proposti fil-Pjan Direzzjonali u jħeġġeġ li tingħata attenzjoni partikolari:

    lill-iżvilupp rapidu ta’ indikaturi adatti, inkluż indikatur ġenerali tal-livell ta’ effiċjenzja fl-użu tar-riżorsi fl-ekonomija nazzjonali rakkomandati mill-Pjan Direzzjonali, miżura “lil hinn mill-PDG” tal-benesseri fl-ekonomija, u miżuri oħra li jkunu aktar speċifiċi għas-settur;

    mekkaniżmu effettiv biex l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tingħata profil għoli fir-rapporti annwali ta’ riforma nazzjonali u r-reviżjoni tagħhom mal-Kummissjoni u l-pari fil-proċess tas-Semestru li qed jiġi żviluppat għall-Istrateġija 2020;

    reviżjoni u aġġornament tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli wara s-Summit Dinji ta’ Rio f'Ġunju 2012 b'enfasi fuq l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u r-relazzjoni tagħha ma’ objettivi oħra tas-sostenibbiltà;

    analiżi dettaljata tal-interazzjoni bejn l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-miri ambjentali, bħal fis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali;

    mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni biex jiġi żgurat li l-progress jinżamm b'mod ġenerali fl-20 inizjattiva separata identifikati mill-Kummissjoni bħala inizjattivi li jikkontribwixxu għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u oħrajn li jistgħu jiżdiedu ma’ din il-lista;

    l-inkorporazzjoni ta’ objettivi għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fil-kriterji għall-programmi kollha tal-infiq Ewropej u fl-akkwist pubbliku;

    impenn sħiħ mas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ regolari u r-reviżjoni tal-progress.

    1.6   Il-KESE beħsiebu jaqdi r-rwol sħiħ tiegħu biex jinvolvi lill-partijiet interessati u jimmonitorja l-progress dwar dan is-suġġett kruċjali u bi pjaċir ser jaħdem mal-istituzzjonijiet l-oħra biex jagħmel dan.

    2.   Sfond

    2.1   F'Jannar 2011, il-Kummissjoni ppubblikat “Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi”, waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin il-ġodda li jiffurmaw parti mill-Istrateġija Ewropa 2020 (1). Din kienet maħsuba biex tniedi trasformazzjoni kbira fil-mod kif jintużaw ir-riżorsi materjali fil-partijiet kollha tal-ekonomija Ewropea – billi l-benesseri ekonomiku jiġi separat mill-konsum tar-riżorsi.

    2.2   F'opinjoni preċedenti tal-KESE dwar l-Inizjattiva Ewlenija għall-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi l-KESE laqa' l-objettivi ġenerali tal-istrateġija dwar l-effiċjenza tar-riżorsi u talab biex din tiġi inkluża f'verżjoni riveduta u aġġornata tal-Istrateġija Ewropea komprensiva għall-Iżvilupp Sostenibbli (2). Il-Kumitat ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi aktar dettalji fis-segwitu ta’ inizjattivi individwali f'oqsma partikolari u tal-Pjan Direzzjonali.

    2.3   Matul l-2011, il-Kummissjoni nediet għadd ta’ inizjattivi separati (3) intiżi biex jippromovu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi f'setturi partikolari. Il-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni għal Ewropa li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi issa jiġbor dawn l-attiviatijiet kollha f'daqqa. Jippreżenta viżjoni tal-ekonomija trasformata li għandha tinkiseb sal-2050 b'miri ewlenin li għandhom jinkisbu sal-2020 u jindika oqsma fejn ser tkun meħtieġa aktar azzjoni mill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni dwar l-importanza kruċjali għall-Ewropa u d-dinja li tinkiseb effiċjenza akbar fl-użu tar-riżorsi. L-effiċjenza miżjuda fl-użu tar-riżorsi għandha rwol ewlieni x'taqdi fir-rikonċiljazzjoni tat-tfittxija kontinwa għat-tkabbir ekonomiku mal-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta n-natura finita ta’ ħafna riżorsi naturali tad-dinja u l-limiti li dawn ir-restrizzjonijiet tal-pjaneta joħolqu fuq l-espansjoni kontinwa tal-produzzjoni fiżika u l-konsum. Din hija kruċjali wkoll biex tiġi limitata ż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra u sustanzi oħra li jniġġsu, u biex jitħarsu r-riżorsi bijotiċi u l-benefiċċji pubbliċi tal-ekosistemi. Il-progress fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi għandu jkun fil-qalba tal-ġestjoni tal-ekonomiji tad-dinja u tan-negozji prinċipali tad-dinja.

    3.2   In-negozji ta’ kull tip minn dejjem kellhom l-inċentivi diretti tas-suq tagħhom biex jużaw ir-riżorsi kollha b'mod kemm jista' jkun effiċjenti fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom bil-għan li jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom. Iżda min-naħa tar-riżultati dejjem kellhom inċentiv oppost – li jħeġġu lill-konsumaturi tagħhom jikkonsmaw kemm jista' jkun biex jimmassimizzaw il-bejgħ tagħhom. Li t-trasformazzjoni lejn l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi ssir permezz tal-proċessi ta’ kummerċ tas-soltu x'aktarx mhux ser ikun biżżejjed biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet minħabba popolazzjoni globali li qed tikber b'mod rapidu, l-espansjoni rapida tal-aspirazzjonijiet konsumeristiċi speċjalment fl-ekonomiji emerġenti u l-problemi dejjem akbar tat-tnaqqis tar-riżorsi u t-tniġġis. Għandna bżonn forma oħra ta’ tkabbir “sostenibbli” jew “ekoloġiku” fejn it-tkabbir tal-attività ekonomika u tal-benesseri jew tal-prosperità ma tkunx assoċjata mat-tkabbir tal-konsum tar-riżorsi u li jkun jista' jinkiseb permezz ta’ livelli aktar baxxi ta’ konsum tar-riżorsi.

    3.3   Għaldaqstant, il-gvernijiet u s-soċjetà b'mod ġenerali ser ikollhom jaqdu rwol kbir biex it-trasformazzjoni tkun tal-iskala meħtieġa u li din issir bir-rata li hemm bżonn matul il-ġenerazzjonijiet li jmiss. Hemm bżonn ukoll ta’ azzjoni governattiva bil-għan li:

    jiġi żgurat prezzar adatt tal-esternalitajiet permezz ta’ miżuri fiskali;

    jiġu eliminati s-sussidji mhux adatti;

    jiġu stabbiliti standards minimi għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi għal setturi partikolari permezz ta’ regolamentazzjoni adatta;

    jiġu appoġġjati r-riċerka u l-iżvilupp adatti;

    jitħeġġeġ l-investiment fil-proċessi li jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi u jiġu skoraġġuti prattiki ineffiċjenti;

    jiġi promoss fehim tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi permezz tal-mezzi tax-xandir, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

    3.4   It-trasformazzjoni tal-iskala u r-ritmu meħtieġ żgur ser ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol. In-negozji li ma jagħmlux użu effiċjenti mir-riżorsi jew li jipproduċu prodotti li jaħlu ser jitqiegħdu taħt pressjoni u jista' jkun li jkollhom ikeċċu xi impjegati. Iżda n-negozji li jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi u jipproduċu prodotti u servizzi effiċjenti għandhom jiżviluppaw hekk kif tirkupra l-ekonomija u joħolqu impjiegi ġodda. Il-pajjiżi li jwittu t-triq f'din il-bidla ser jiksbu l-aktar suċċess u jkunu l-aktar kompetittivi fid-dinja l-ġdida ta’ provvisti limitati ta’ riżorsi naturali, u ser jiksbu l-aktar suċċess fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f'din l-ekonomija ekoloġika ġdida.

    3.5   Sabiex jiġi żgurat li din il-bidla tkun waħda ġusta u li tassew toħloq impjiegi ġodda u tgħin fit-taħriġ mill-ġdid, jistgħu jkunu meħtieġa programmi attivi ta’ taħriġ u tqassim mill-ġdid assistit (4). Dan u aspetti oħrajn tad-dimensjoni soċjali huma attwalment neqsin fil-Pjan Direzzjonali u jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar.

    3.6   Iż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fuq l-iskala meħtieġa hija sfida kbira u urġenti għall-partijiet kollha tal-Ewropa u s-setturi kollha tas-soċjetà. Dan ser jeħtieġ impenn politiku u soċjali qawwi fil-livelli kollha, u programm ambizzjuż u fuq skala kbira ta’ inizjattivi u azzjonijiet mill-UE u mill-Istati Membri individwali fil-livell nazzjonali u lokali.

    3.7   Il-Pjan Direzzjonali għandu jipprovdi l-qafas għall-ħolqien ta’ dan il-momentum politiku trans-Ewropew, u viżjoni ispiranti ta’ dak li jista' jikseb. Il-Kumitat jilqa' l-approċċ ġenerali tiegħu u l-viżjoni proposta għall-2050.

    3.8   L-implimentazzjoni hija kruċjali. Il-passi prinċipali speċifiċi li l-Pjan Direzzjonali jipproponi għall-2020 huma għodda utli biex il-viżjoni fit-tul tinbidel f'objettivi aktar konkreti u immedjati li jridu jinkisbu mill-ewwel. Għad fadal ħafna xi jsir biex issir il-bidla kruċjali tal-politika ekonomika, l-istrateġiji tal-industrija u l-flussi tal-investiment li huma meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali. Il-Kummissjoni identifikat l-importanza kruċjali tat-trasformazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi l-Kunsill Ambjent appoġġjaha (Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri għall-Ambjent tad-19 ta’ Diċembru 2011). Iżda l-implimentazzjoni effettiva tat-trasformazzjoni ser tirrikjedi l-parteċipazzjoni u l-impenn sħiħ tal-partijiet kollha tal-Kummissjonij u l-gvernijiet tal-Istati Membri. Il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi għandha tingħata aktar prijortià fuq l-aġendi tal-Kapijiet ta’ Gvern u tal-Kunsill Ewropew u l-kompożizzjonijiet kollha tiegħu fejn il-viżjoni ġenerali kif ukoll il-passi meħtieġa biex dan jinkiseb jirrikjedu li s-setturi kollha jiġu appoġġjati b'mod attiv u determinazzjoni biex jinkisbu d-diversi passi ewlenin identifikati.

    3.9   Jeħtieġ ukoll li l-pubbliku ġenerali u l-konsumaturi, kif ukoll in-negozji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta’ kull tip jifhmu b'mod usa' l-ħtieġa assoluta ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi u din għandha tiġi appoġġjata b'kull mezz disponibbli flimkien mat-twaqqif ta’ strutturi għad-djalogu biex jiffaċilitaw il-bidla (5).

    3.10   Il-Pjan Direzzjonali ser jirnexxi jew ifalli skont kemm ikun jista' jistimola aktar determinazzjoni politika u impenn biex jinkiseb użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Jeħtieġ li jġib miegħu bidla reali fil-qalba tal-ġestjoni ekonomika. Mekkaniżmu ta’ segwitu kkoordinat ċentralment għandu jgħin sabiex jipprovdi momentum għall-inizjattivi separati kollha li diġà ġew identifikati fil-Pjan Direzzjonali, biex jingħeleb kwalunkwe ostaklu li jista' jirriżulta għalihom, u biex jiġi spjegat għalfejn għandu jkun hemm aktar azzjoni kull meta l-progress lejn l-għanijiet ikun qiegħed lura.

    4.   L-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri

    4.1   F'diversi pajjiżi Ewropej sar bidu tajjeb fil-progress lil hinn minn dipendenza eċċessiva minn provvisti finiti ta’ karburanti fossili, bl-iżvilupp ta’ aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, it-tnaqqis tal-iskart, il-promozzjoni ta’ bini u vetturi aktar effiċjenti eċċ. Iżda l-progress kien irregolari, u l-investiment attwalment jinsab fil-periklu li jaqbad ritmu anqas mgħaġġel f'xi pajjiżi f'dan il-mument kruċjali minħabba l-irtirar bikri tal-inċentivi meħtieġa għall-bidla. Il-KESE jirrakkomanda li jinġabru u jitqassmu b'mod sistematiku esperjenzi tajba u eżempji ta’ impenji li diġà ttieħdu bil-għan li jħallu impatt mill-aktar fis possibbli fil-pajjiżi u s-setturi li s'issa għadhom ma wrewx sinjal li kisbu l-progress mixtieq.

    4.2   L-Istati Membri jeħtieġ li jintegraw l-isforz għall-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-qalba tal-istrateġiji u l-programmi ekonomiċi nazzjonali tagħhom, u jmexxuh 'il quddiem fis-setturi kollha tal-ekonomiji tagħhom. Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li jiġu stabbiliti direzzjoni politika ta’ livell għoli u mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni f'kull Stat Membru biex jiġi żgurat li tingħata spinta lill-progress b'mod aktar urġenti, kontinwu u konsistenti milli hu l-każ fil-preżent.

    4.3   Il-kampanja għall-użu effiċjenti tar-riżorsi fl-aħħar mill-aħħar tiddependi minn din il-bidla tal-aspirazzjonijiet pubbliċi u d-domanda tal-konsumaturi daqs kemm tiddependi mill-bidla fil-metodi ta’ produzzjoni.

    4.4   L-Istati Membri għandhom iniedu djalogu intensiv ma’ dawk li jsawru l-opinjoni, inklużi l-mezzi tax-xandir dwar kif l-aħjar li jiġi promoss il-messaġġ kruċjali tal-ħtieġa tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi biex il-preferenzi u l-għażliet tal-pubbliku jinbidlu maż-żmien favur prodotti u servizzi li jagħmlu użu aktar effiċjenti mir-riżorsi u kontra prodotti li jagħmlu użu intensiv għal xejn mir-riżorsi u li jaħlu ħafna.

    4.5   L-użu effiċjenti tar-riżorsi għandu jkun għan importanti fil-livell lokali u reġjonali kif ukoll fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri jridu jikkunsidraw kif l-aħjar jippromovu dan l-objettiv mal-gvernijiet reġjonali u lokali tagħhom.

    4.6   It-tranżizzjoni ser teħtieġ l-użu tal-istrumenti ta’ politika kollha disponibbli għall-gvernijiet. Il-politiki fiskali jridu jingħataw sura ġdida biex jiġi ppenalizzat l-użu mhux effiċjenti tal-enerġija u ta’ riżorsi oħrajn, u biex jiġi ppremjat użu aktar effiċjenti. Ir-riformi fiskali newtrali maħsuba biex iżidu l-ammont ta’ taxxi fuq l-idrokarburi u riżorsi naturali oħra, filwaqt li jippromovu l-impjieg u sigurtà soċjali mtejba, jaqdu rwol essenzjali biex jiggwidaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju, li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi (6) u lejn il-ħolqien tal-impjiegi (7). Sussidji perversi li jinkoraġġixxu jew jissanzjonaw l-użu mhux effiċjenti tal-enerġija u l-ġestjoni ħażina ta’ riżorsi oħra bil-mod il-mod iridu jiġu eliminati – għan li sikwit jiġi ddikjarat iżda li mhuwiex implimentat bis-sħiħ. Jinħtieġu rekwiżiti regolatorji b'saħħithom biex jinfurzaw l-użu effiċjenti tar-riżorsi f'setturi ewlenin bħall-bini, it-trasport u l-agrikoltura. Jinħtieġu politiki b'saħħithom dwar il-ġestjoni tal-iskart biex jiġi promoss aktar tnaqqis tal-iskart u l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ ta’ materjal mormi. L-edukazzjoni, il-programmi ta’ informazzjoni pubblika, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-innovazzjoni huma kollha meħtieġa biex jitwassal il-messaġġ lill-partijiet kollha tas-soċjetà. Biex dan isir, ser tkun meħtieġa azzjoni konġunta bejn l-Istati Membri u l-UE f'ambitu wiesa'.

    4.7   L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom pubblikament biex jirrapportaw b'mod miftuħ u regolarment il-progress fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u kif il-politika u l-flussi tal-investiment pubbliku u privat qed jappoġġjaw it-tranżizzjoni. Il-Kummissjoni tista' tgħin billi tanalizza l-metodi differenti adottati fl-Istati Membri differenti biex jippromovu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u billi tinkoraġixxi użu aktar mifrux u konsistenti tal-aħjar metodi.

    5.   Implimentazzjoni fil-livell Ewropew

    5.1   L-UE għandha rwol kruċjali x'taqdi kemm biex tħeġġeġ u tappoġġja l-azzjoni fil-livell tal-Istati Membri, kif ukoll biex tippromovi inizjattivi fil-livell Ewropew li jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Il-KESE jappoġġja l-politiki u l-inizjattivi kollha msemmija b'mod ċar fil-Pjan Direzzjonali u jressaq il-kummenti tiegħu dwar il-punti li ġejjin:

    Kejl u indikaturi

    L-Integrazzjoni mal-Istrateġija 2020 u l-proċess tas-Semestru

    L-Istrateġija Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali

    L-20 inizjattiva speċifika u t-tliet setturi ewlenin fil-Pjan Direzzjonali

    Programmi ta’ nfiq Ewropej u l-Akkwist Pubbliku

    Impenn mas-soċjetà ċivili u l-pubbliku.

    5.2   Kejl, indikaturi, miri u passi ewlenin

    Il-proċess ser ikollu bżonn jidentifika indikaturi speċifiċi ta’ progress dwar l-aspetti differenti tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, u jiżgura li tkun disponibbli informazzjoni affidabbli, konsistenti u f'waqtha dwar dawn l-indikaturi. Fil-fehma tal-KESE, il-monitoraġġ għandu jirreġistra progress fir-rigward:

    tal-elementi ewlenin tal-politika meħtieġa għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi (miżuri fiskali, miżuri regolatorji, eċċ.);

    ta' kemm qed jiġu bbilanċjati l-flussi ta’ investiment pubbliku u privat biex jiġu appoġġjati l-produzzjoni u l-konsum li jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi u biex jiġu skoraġġuti proċessi ineffiċjenti u li jaħlu;

    ta' kemm l-impjiegi qed jiġu rijorjentati lejn xogħlijiet li jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi u li joħolqu prodotti u servizzi li jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi u l-iżvilupp ta’ taħriġ u miżuri oħra biex tiġi appoġġjati din il-bidla.

    5.3   Il-KESE jilqa' l-introduzzjoni proposta ta’ indikatur ġdid ewlieni tal-produttività tar-riżorsi bħala miżura globali ta’ progress biex il-benesseri ekonomiku jiġi separat mill-konsum tar-riżorsi materjali. Iħeġġeġ li tingħata prijorità indaqs lill-iżvilupp ta’ indikaturi robusti tal-kapital naturali u soċjali u d-disponibbiltà u l-kundizzjoni tar-riżorsi naturali.

    5.4   Il-KESE jqis li l-passi prinċipali proposti dwar is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, dwar il-bijodiversità u dwar it-tliet setturi ewlenin tal-ikel, il-bini u l-mobilità għadhom mhumiex ikkaratterizzati b'mod adegwat u jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar. Il-programm għall-iżvilupp ta’ indikaturi għandu jingħata prijorità akbar u riżorsi adegwati biex iħaffef l-iżvilupp.

    5.5   Neħtieġu b'mod partikolari kejl aħjar tal-prestazzjoni tal-ekonomija nazzjonali li ser juri kif titjib fl-użu effiċjenti tar-riżorsi fl-ekonomija jirrappreżenta progress reali fil-benesseri ġenerali ta’ dik is-soċjetà u s-sostenibbiltà tad-dinja. Fl-opinjoni tagħna l-istudji li ilhom għaddejjin dwar alternattivi aħjar għall-PDG iridu jiġu konklużi u implimentati sabiex inkunu nistgħu nikkalibraw kif suppost il-progress globali fl-avvanz lejn użu aktar effiċjenti tal-enerġija u t-titjib assoċjat fil-benesseri u s-sostenibbiltà (8).

    5.6   L-Integrazzjoni mal-Istrateġija 2020 u l-proċess tas-Semestru

    Minħabba n-natura trasversali tal-inizjattiva dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi u biex jiġi żgurat li l-użu effiċjenti tar-riżorsi jkompli jingħata profil politiku għoli, irid ikun appoġġjat fil-livell Ewropew minn struttura ta’ governanza tal-implimentazzjoni effettiva, ikkoordinata ċentralment u li jkollha biżżejjed riżorsi, li topera b'mod miftuħ u trasparenti b'rata massima ta’ parteċipazzjoni mill-partijiet interessati.

    5.7   Il-KESE jilqa' l-objettiv li jintuża l-proċess ta’ reviżjoni tas-Semestru biex jiġi żgurat li l-użu effiċjenti tar-riżorsi jseħħ fil-qalba tat-tfassil tal-politika ekonomika fil-Kunsill Ewropew u fid-djalogu tal-ogħla livell mal-Istati Membri. Aħna nemmnu li r-rappurtar għandu jkun ibbażat fuq rekwiżiti ta’ monitoraġġ preċiżi u definiti b'mod rigoruż li jagħtu stampa preċiża u aġġornata tal-progress fir-rigward tal-użu effiċjenti tar-riżorsi. Fejn ma jkunx sar biżżejjed progress dwar kwistjonijiet partikolari, dan irid jiġi identifikat mill-ewwel u għandha tittieħed azzjoni korrettiva.

    5.8   Maħniex kuntenti bil-fatt li l-pajjiżi tal-program huma eżentati mill-proċess ta’ rappurtar tas-Semestru. Filwaqt li nagħrfu li bħalissa qed jesperjenzaw problemi speċjali ta’ aġġustament ekonomiku, nemmnu li jistgħu jibbenefikaw mill-integrazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi mal-programmi ta’ rkupru tagħhom u li għandhom ikunu involuti bis-sħiħ f'dan l-aspett tal-proċess tas-Semestru sa mill-bidu nett.

    5.9   Sabiex il-proċess ikollu aktar viżibbiltà pubblika u influwenza politika, il-KESE jħeġġeġ li r-rapporti nazzjonali li jiffurmaw il-bażi tal-proċess ta’ reviżjoni tas-Semestru għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni pubblika u dibattitu ma’ partijiet interessati ta’ kull tip f'kull pajjiż, u li d-djalogu tal-pari dwar kull rapport nazzjonali għandu jkun miftuħ ukoll għall-parteċipazzjoni u d-dibattitu. Il-KESE stess jista' jkun forum utli għal dibattitu regolari mal-partijiet interessati fil-livell Ewropew dwar il-progress tat-trasformazzjoni u kwalunkwe azzjoni meħtieġa f'dan ir-rigward.

    5.10   Il-KESE jqis li huwa importanti li l-Kummissjoni ma tiddependix esklużivament mill-proċess tas-Semestru biex tippromovi l-implimentazzjoni effettiva tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Huwa essenzjali li programmi u strateġiji rilevanti oħra jaqdu sehemhom ukoll.

    5.11   L-Istrateġija Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali

    L-Istrateġija dwar l-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi u l-Istrateġija 2020 huma meqjusa korrettament mill-Kummissjoni bħala kontributuri importanti għall-għanijiet komprensivi ta’ żvilupp sostenibbli. L-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi ma tinkludix l-aspetti kollha tas-sostenibbiltà u huwa importanti li l-enfasi fuqha ma twassalx biex jiġu injorati aspetti oħra tal-iżvilupp sostenibbli. Il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ din is-sena dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Rio għandha tintuża biex it-trasformazzjoni lejn l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi titqiegħed fil-qofol tal-ispinta globali lejn ekonomija aktar ekoloġika fi ħdan qafas ġenerali għall-iżvilupp sostenibbli. Fil-fehma tal-KESE, l-Istrateġija ġenerali tal-Ewropa dwar l-Iżvilupp Sostenibbli imbagħad għandha tiġi riveduta u tingħata ħajja ġdida bħala parti mis-segwitu għas-Summit ta’ Rio, b'rappurtar nazzjonali integrat dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi biex jiġi mmonitorjat il-progress fil-qasam kollu.

    5.12   Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li din is-sena toħloq is-Seba Programm ta’ Azzjoni Ambjentali għall-Ewropa, u l-Kunsill ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-programm il-ġdid jitfassal b'tali mod li jkun hemm komplementarjetà bejn il-politiki u l-pjani ambjentali u l-miri għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-pjan direzzjonali. Dan huwa objettiv li ta’ min jammirah – iżda ser ikun hemm bżonn aktar ħidma biex jingħata kontenut sinifikanti.

    5.13   L-20 inizjattiva u t-tliet setturi ewlenin

    Il-KESE huwa impenjat b'mod attiv billi jipprovdi kummenti dwar ħafna mill-20 inizjattiva separata identifikati fl-Istrateġija u jappoġġja bil-qawwi l-isforz propost fil-Pjan Direzzjonali biex kollha jibqgħu mexjin 'il quddiem simultanjament sabiex ikollhom l-akbar impatt possibbli fuq l-isfida tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Dawn għandhom jiġu riveduti regolarment b'mod individwali u flimkien biex jiġi żgurat li flimkien qed ikollhom l-impatt kumulattiv ippjanat.

    5.14   Il-KESE jaqbel li t-tliet setturi ewlenin identifikati mill-Kummissjoni (l-ikel, il-bini u l-mobilità) huma oqsma partikolarment importanti għall-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi. Il-Kumitat jemmen li l-użu tal-ilma u tal-art għandhom jiġu kkunsidrati bħala setturi kruċjali. Ser ikun importanti li l-unitajiet responsabbli għall-monitoraġġ tal-progress globali dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi jiffokaw regolarment fuq dawn is-setturi kollha sabiex jiżguraw li tassew jagħmlu l-kontribut xieraq għal bidla lejn l-użu effiċjenti tar-riżorsi.

    5.15   Programmi ta’ nfiq Ewropej u l-Akkwist Pubbliku

    Fl-imgħoddi, il-Fondi Strutturali u l-programmi ta’ nfiq l-oħra tal-UE mhux dejjem ikkunsidraw biżżejjed l-għan tal-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi. Kull darba li dawn il-programmi jiġu riveduti huwa importanti li wieħed jieħu l-opportunità li l-użu effiċjenti tar-riżorsi jkun integrat b'mod aktar sod fil-prijoritajiet u l-kriterji tagħhom. Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-proposti baġitarji reċenti tal-Kummissjoni taw prijorità akbar lill-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-objettivi l-oħra tal-2020. Ser ikun importanti li jiġi żgurat li din il-proposta titressaq fin-negozjati dettaljati dwar il-baġit.

    5.16   B'mod partikolari, jinħtieġu aktar enfasi u azzjoni proattiva biex jiġu indirizzati inċentivi perversi, billi jiġu żgurati finanzjament u innovazzjoni fil-qasam tal-valorizzazzjoni tal-kapital naturali, u jiġu żviluppati miżuri fiskali biex jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni u jiġu ddeterminati l-ispejjeż reali għas-soċjetà. Il-miżuri speċifiċi jikkonċernaw uħud mill-20 inizjattiva u huma rilevanti wkoll għall-politika ta’ koeżjoni u oqsma ewlenin oħra tal-politika ta’ żvilupp.

    5.17   B'mod simili, il-programmi tal-akkwist pubbliku, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, jistgħu jkunu strumenti b'saħħithom biex iwasslu għal avvanz fl-użu effiċjenti tar-riżorsi billi jinsistu fuq standards effiċjenti fil-prodotti u s-servizzi kollha li jixtru u billi jippromovu din il-prijorità fil-katina kollha tal-provvista. Il-Kummissjoni għandha tagħti ħajja ġdida lill-inizjattivi ta’ politika f'dan il-qasam biex ir-rekwiżiti dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi jkunu elementi kruċjali fl-ispeċifikazzjonijiet kollha tal-akkwist pubbliku.

    5.18   L-impenn ma’ partijiet interessati, is-soċjetà ċivili u l-pubbliku

    It-trasformazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi proposta fil-Pjan Direzzjonali hija kruċjali għad-dinja u għall-Ewropa. Ma tistax tinkiseb b'mezzi tekniċi biss. Jinħtieġu fehim fundamentali u aċċettazzjoni mill-partijiet kollha tas-soċjetà dwar il-bżonn tal-bidla u dan jirrikjedi impenn konġunt.

    5.19   Il-Kumitat jinnota li hemm għadd ta’ oqsma ewlenin neqsin, ħidma eżistenti li ma ġietx identifikata u li hemm livelli differenti ta’ ambizzjoni assoċjati ma’ għadd ta’ inizjattivi. Inħeġġu li l-Kummissjoni tikkunsidra kif is-segwitu għal inizjattivi bħall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli tal-2008 (9) jista' jiġi integrat mal-ħidma ġdida dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u b'mod partikolari kif il-ħidma dwar il-promozzjoni tas-sensibbiltà tal-konsumatur dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tista' titressaq fil-livell Ewropew b'mod aktar ambizzjuż.

    5.20   Il-KESE beħsiebu jaqdi rwol sħiħ biex jinvolvi lill-partijiet interessati fil-promozzjoni ta’ livell għola ta’ effiċjenzja fl-użu tar-riżorsi. Huwa ser jimmonitorja l-progress dwar dan is-suġġett kruċjali u bi pjaċir ser jaħdem mal-istituzzjonijiet l-oħra biex jagħmel dan.

    Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  COM(2011) 571 final.

    (2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020”, ĠU C 376, 22.11.2011, p. 97-101.

    (3)  COM (2011) 21, Anness I.

    (4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima”, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 110-117.

    (5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Nibnu ekonomija sostenibbli billi nittrasformaw il-mudell tagħhna ta’ konsum”, EUĠU C 44, 11.2.2011, p. 57-61.

    (6)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju - Pjan Direzzjonali 2050”, ara punt 3.15 f), ĠU C376, 22.12.2011, p. 102-110.

    (7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar”, ara punt 4.15, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 110-116.

    (8)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli”, ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53 u l-opinjoni dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel”, ĠU C 18, 19.1.2011, p. 64.

    (9)  COM (2008) 571 final.


    Top