EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XG1220(04)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-attivitajiet volontarji fl-isport għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva

ĠU C 372, 20.12.2011, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 372/24


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-attivitajiet volontarji fl-isport għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva

2011/C 372/06

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JFAKKAR:

Id-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fil-5 ta’ Mejju 2003, dwar “il-valur soċjali tal-isport għaż-żgħażagħ” (1).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/37/KE tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011) (2), li tenfasizza l-objettivi li ġejjin:

Naħdmu lejn ambjent li jippermetti u jiffaċilita l-volontarjat fl-UE;

Nagħtu s-setgħa lill-organizzazzjonijiet volontarji u ntejbu l-kwalità tal-volontarjat;

Nippremjaw u nirrikonoxxu l-attivitajiet volontarji;

Noħolqu sensibilizzazzjoni dwar il-valur u l-importanza tal-volontarjat.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rwol tal-isport bħala sors u mutur tal-inklużjoni soċjali attiva (3).

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (4), u l-istudju tas-sena 2010 dwar “Il-Volontarjat fl-Unjoni Ewropea”, li jagħtu xhieda ta’ livell għoli ħafna ta’ diversità fil-volontarjat fl-isport madwar l-UE u li jiffukaw fuq l-arranġamenti legali u s-sorsi ta’ finanzjament f'dan il-qasam, jiġbdu wkoll l-attenzjoni għall-ħtieġa tat-taħriġ tal-voluntiera.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat: “Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali” (5).

Ir-Riżoluzzjoni tal-20 ta’ Mejju 2011 tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014 (6).

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2011 dwar ir-rwol ta’ attivitajiet volontarji fil-politika soċjali (7).

Il-Konferenza ta’ Esperti “Mill-Volontarjat għat-Tmexxija fl-Isport”, li nżammet f'Varsavja, il-Polonja fit-13-14 ta’ Settembru 2011, u matulha ngħatat attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li ġejjin:

Il-legat, il-wirt u l-esperjenza ta’ avvenimenti sportivi kbar u kif huma jistgħu jiġu sfruttati suċċessivament fl-attivitajiet volontarji ta’ kuljum fl-isport;

Il-possibbiltajiet li jsir użu minn gruppi ta’ voluntiera li diġà jeżistu fil-proċess ta’ reklutaġġ għal avvenimenti sportivi li ġejjin;

Il-ħtieġa li jiġu appoġġati r-rikonoxximent u l-validazzjoni ta’ attivitajiet volontarji fl-isport;

Il-ħtieġa li t-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki jiġu mħeġġa.

JIRRIKONOXXI LI:

1.

B'kont debitu meħud tal-partikolaritajiet tas-sitwazzjoni f'kull Stat Membru u tal-forom kollha tal-volontarjat, it-terminu “attivitajiet volontarji” jirreferi għal kull xorta ta’ attività volontarja, sew jekk formali, non-formali jew informali, li persuna twettaq minn rajha, b'għażla jew motivazzjoni tagħha stess, u mingħajr ħsieb ta’ gwadann finanzjarju. Dawn jibbenefikaw lill-volontier individwali, lill-komunitajiet u lis-soċjetà b'mod ġenerali. Huma wkoll strument li jippermetti lil individwi u assoċjazzjonijiet jindirizzaw il-ħtiġijiet u t-tħassib umani, soċjali, interġenerazzjonali jew ambjentali, u spiss jitwettqu b'appoġġ għal organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ jew inizjattiva bbażata fuq il-komunità (8);

2.

Jeħtieġ li l-attivitajiet volontarji jkunu distinti b'mod ċar mill-impjieg imħallas u ma għandhom bl-ebda mod jieħdu postu (9). Huma ma għandhomx jipperpetwaw inugwaljanzi bejn is-sessi f'impjieg imħallas u mhux imħallas u ma għandhomx jinkoraġġixxu xi tnaqqis fil-ħin tax-xogħol tal-impjegati jew l-irtirar ta’ impjegati joħorġu mis-suq tax-xogħol;

3.

L-attivitajiet volontarji ma jistgħux jieħdu post ir-responsabbiltà ġenerali tal-istat sabiex ikunu żgurati u jiġu pprovduti drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

4.

Sabiex jiġi żgurat l-istat tad-dritt u r-rispett sħiħ għall-integrità tal-individwu, attivitajiet volontarji għandhom ikunu soġġetti għal-leġislazzjoni attwali u jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-liberatijiet universali u fundamentali;

WAQT LI JIKKUNSIDRA LI:

1.

L-isport huwa l-akbar moviment tas-soċjetà ċivili fl-UE. Attivitajiet u strutturi mingħajr skop ta’ qligħ ibbażati fuq attivitajiet volontarji huma kundizzjoni fundamentali biex jiġi pprovdut l-isport fil-maġġoranza tal-Istati Membri.

2.

L-attivitajiet volontarji fl-isport huma fost il-forom l-aktar attraenti u popolari ta’ attività soċjali fl-Ewropa u jiffurmaw parti mill-wirt soċjali tal-isport. L-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi – inkluż dawk organizzati minn korpi sportivi professjonali u kummerċjali — kif ukoll l-attivitajiet ta’ kuljum imwettqin fl-isport f'ħafna Stati Membri jiddependu fuq voluntiera u attivitajiet volontarji.

3.

L-attivitajiet volontarji fl-isport jikkontribwixxu għal ċittadinanza attiva u għall-integrazzjoni ta’ ċittadini minn ambjenti differenti billi joħolqu fehim aħjar u rispett permezz tal-lingwa universali tal-isport, kif ukoll jikkontribbwixxu għall-implimentazzjoni tal-valuri u l-prinċipji bażiċi tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri: is-solidarjetà, l-iżvilupp sostenibbli, id-dinjità umana, l-ugwaljanza u s-sussidjarjetà biex b'hekk tiġi promossa l-identità Ewropea.

4.

L-involviment f'attivitajiet volontarji fl-isport jipprovdi ħiliet ġodda liċ-ċittadini, u b'hekk jikkontribwixxi b'mod pożittiv, fost l-oħrajn, għall-kapaċità tagħhom għall-impjieg u t-tisħiħ tas-sens tagħhom ta’ appartenenza fis-soċjetà, u jista' jkun katalizzatur għall-bidla soċjali.

5.

Attivitajiet volontarji fl-isport jistgħu jikkontribwixxi għat-tkabbir u t-tisħiħ tal-kapital soċjali permezz tal-iżvilupp ta’ netwerk soċjali bbażat fuq il-fiduċja u l-kooperazzjoni.

6.

Attivitajiet volontarji fl-isport jippromwovu attitudnijiet soċjali pożittivi bbażati fuq valuri żviluppati permezz tal-isport, bħal:

korrettezza,

ħidma fi grupp,

persistenza,

responsabbiltà,

tmexxija,

tolleranza,

rispett għall-oħrajn, u

kapaċità li jintgħelbu l-ostakli.

7.

Is-settur tal-isport, flimkien mal-attivitajiet volontarji fl-isport, jikkostitwixxi valur ekonomiku u soċjali sinifikanti u li jista' jitkejjel fl-ekonomiji nazzjonali, li għandu l-potenzjal li jistimola r-rati ta’ tkabbir u ta’ impieg fl-Unjoni Ewropea kollha.

8.

Il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-attivitajiet volontarji fl-isport issegwi l-objettivi tas-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat 2011 u tkompli tissodisfa l-objettivi tas-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010 kif ukoll tikkontribwixxi għall-għanjiet tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv 2012.

9.

L-attivitajiet volontarji fl-isport jistgħu jkunu ta’ impetu għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ attività fiżika f'kull livell, li ġġib magħha titjib fil-benesseri taċ-ċittadini u tnaqqis fil-mard relatat mal-istil ta’ ħajja.

10.

L-attivitajiet volontarji fl-isport huma sinifikanti bħala fattur li jikkontribwixxi għall-mobbiltà taċ-ċittadini permezz tal-bini ta’ kompetenzi u tal-approfondiment ta’ esperjenzi f'attivitajiet relatati mal-isport fi Stati Membri oħra, kif ukoll fl-iżvilupp tal-identità Ewropea u tal-promozzjoni tal-valuri tal-UE lil hinn mill-fruntieri tagħha.

11.

L-attivitajiet volontarji fl-isport jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jżidu l-mobbiltà u permezz ta’ attivitajiet li jsaħħu l-kapaċità għall-impjieg, li jtejbu s-saħħa pubblika, u li jippromwovu l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-tixjiħ attiv.

F'DAN IL-KUNTEST, JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE U L-PARTIJIET INTERESSATI FL-ISPORT, WAQT LI JAĠIXXU FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI TAGĦHOM U WAQT LI JIKKUNSIDRAW L-AWTONOMIJA TAL-ORGANIZZAZZJONIJIET SPORTIVI, BIEX:

1.

Joħolqu kondizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta’ attivitajiet volontarji fl-isport fuq il-bażi ta', b'mod partikolari:

l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet sportivi,

ir-rispett tal-awtonomija tal-organizzazzjonijiet sportivi, filwaqt li jiġi żgurat appoġġ adegwat għal dawn l-organizzazzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri,

il-ħtieġa li jiġi żgurat li voluntiera fl-isport jiġu offruti t-taħriġ neċessarju u li tingħatalhom l-opportunità li jgawdu l-benefiċċji tal-volontarjat b'mod sigur.

2.

Jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ immaġni pożittiva tal-voluntiera fl-isport u tal-attivitajiet volontarji fl-isport.

3.

Jikkunsidraw l-attivitajiet volontarji fl-isport bħala għodda importanti għat-titjib ta’ kompetenzi u ħiliet. Għal dan il-fini hemm il-ħtieġa li:

jittieħdu passi adatti sabiex jiġu identifikati l-kompetenzi u ħiliet miksuba permezz ta’ esperjenzi ta’ tagħlim mhux formali u informali relatati ma’ attivitajiet volontarji fl-isport, u jiġu studjati l-possibbiltajiet għar-rikonoxximent u l-validazzjoni akbar tagħhom fil-qafas tas-sistemi tal-kwalifiki nazzjonali, b'referenza għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK),

tintalab konsultazzjoni mal-moviment sportiv u l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat fit-tħejjija ta’ azzjoni.

4.

Iħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-gvern u l-organizzazzjonijiet sportivi fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew, sabiex jiġu stabbiliti netwerks biex tinstab soluzzjoni għal problemi komuni li attivitajiet volontarji isibu quddiemhom.

5.

Jippromwovu attivitajiet volontarji fl-isport bħala forma ta’ tagħlim mhux formali u informali bil-ħsieb li jinkisbu ħiliet u kompetenzi ġodda kif ukoll li jiffurmaw parti, flimkien mal-edukazzjoni formali, minn karriera doppja għall-atleti.

6.

Jippromwovu attivitajiet volontarji fl-isport billi, pereżempju jagħtu bidu għal kampanji pubbliċitarji biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u biex jiġu promossi attitudnijiet pożittivi lejn il-voluntiera.

7.

Jużaw il-potenzjal tal-voluntiera involuti fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi fl-attivitajiet fit-tul f'kull livell sportiv.

8.

Jesploraw il-valur miżjud possibbli bit-twaqqif ta’ sistema ta’ premjazzjoni li tirrikonoxxi l-iżjed proġetti innovattivi tal-volontarjat fil-qasam tal-isport.

IĦEĠĠEĠ LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, WAQT LI JAĠIXXU FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI TAGĦHOM U F'KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ U WAQT LI JIEĦDU KONT TAL-ISTRUTTURA ISTITUZZJONALI TAGĦHOM, BIEX:

1.

Jistinkaw biex jeliminaw ostakoli bla bżonn għall-iżvilupp tal-attivitajiet volontarji fl-isport, inklużi piżijiet amministrattivi bla bżonn.

2.

Jistudjaw l-iżvilupp tal-isport ibbażat fuq attivitajiet volontarji fl-Unjoni Ewropea, inkluża r-riċerka dwar l-impatt ekonomiku u soċjali tiegħu.

3.

Iwettqu skambju tal-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prattiki fil-qasam tal-attivitajiet volontarji fl-isport.

4.

Jippromwovu l-iżvilupp tal-attivitajiet volontarji fl-isport fil-linji ta’ politika u l-istrateġiji nazzjonali u Ewropej rigward l-isport u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni u l-impiegi.

5.

Jesploraw il-possibbiltajiet tal-kontribut tal-attivitajiet volontarji fl-isport għal proġetti ssussidjati mill-fondi tal-UE u jiżviluppaw mekkaniżmi biex tkun tista' ssir evalwazzjoni adatta tal-attivitajiet volontarji fl-isport.

6.

Jinkorporaw, fejn adatt, aspetti tal-attivitajiet tal-volontarjat fl-isport fl-attivitajiet ta’ gruppi ta’ għarfien espert differenti mwaqqfa skont il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport.

7.

Jinkuraġġixxu l-iżvilupp ta’ attivitajiet volontarji fl-isport permezz tal-kooperazzjoni intersettorjali bejn entitajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet privati u tas-soċjetà ċivili fil-oqsma tal-isport, is-saħħa, il-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-politika soċjali fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

1.

Tagħti attenzjoni partikolari għall-attivitajiet volontarji u għall-kapaċità ta’ organizzazzjonijiet sportivi mingħajr skop ta’ qligħ li jkollhom aċċess għall-programmi tal-UE tal-ġenerazzjoni li jmiss, mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

2.

Tidentifika l-fatturi ta’ suċċess, l-aħjar prattiki u s-setturi li jeħtieġilhom kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-livell tal-UE, inkluż l-ostakli attwali għall-iżvilupp tal-attivitajiet volontarji fl-isport.

3.

Tevalwa, meta tipproponi leġislazzjoni ġdida tal-UE, l-impatt potenzjali tagħha fuq l-attività volontarja fl-isport.


(1)  ĠU C 134, 7.6.2003, p. 5.

(2)  ĠU L 17, 22.01.2010, p. 43.

(3)  ĠU C 326, 03.12.2010, p. 5.

(4)  COM(2011) 12 finali.

(5)  COM(2011) 568 finali

(6)  ĠU C 162, 1.6.2011, p 1.

(7)  Dok. 14061/1/11 REV 1.

(8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(9)  Riżoluzzjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi komuni għal attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ ĠU C 241, 20.9.2008, p. 1.


Top