EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0205(05)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 37, 5.2.2011, p. 24–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/24


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 37/12

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“COPPA DI PARMA”

Nru tal-KE: IT-PGI-0005-0602-04.05.2007

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Coppa di Parma”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.2.

Prodotti tal-laħam (imsaaħħnin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:

Meta tinħareġ għall-konsum, il-“Coppa di Parma” IĠP tiġi ppreżentata f'forma ċilindrika u mhux mgħaffġa. Id-daqsijiet ivarjaw minn madwar 25 sa 40 ċm tul, u l-piż għandu jkun mill-inqas ta' 1,3 Kg. Meta tinqata', il-fetta ma għandux ikollha partijiet bix-xaħam ta' kulur isfar jew partijiet rotob, li juru maturazzjoni ħażina. Lanqas ma għandu jkun hemm moffa fuq in-naħa ta' ġewwa. Il-“Coppa di Parma” IĠP tippreżenta l-karatteristiċi li ġejjin:

 

Karatterisitiċi organolettiċi: it-togħma tipika ta' prodott tal-laħam li jkollu biżżejjed degradazzjoni proteolitika fil-parti tad-dgħejf u lipolitika fil-parti tax-xaħam, li jirriżultaw minn maturazzjoni li saret b'mod tajjeb, ma jkunx fiha togħmiet strambi ta' aċidu feniku, ta' ħut imqadded mitħun jew oħrajn, u għandu jkollha grad tajjeb ta' benna; ir-riħa u l-fwieħa pjaċevoli karatteristika tal-fwieħa tal-prodott, joħorġu meta tiddaħħal labra magħmula minn għadma ta' żiemel fejn il-vina ewlenija, fil-partijiet tax-xaħam u mhux f'dawk tad-dgħejf; il-konsistenza tal-prodott meta jintmess u jinqata' hija medja, faċli biex jinqalgħu l-intestini, ma ddellikx u mingħajr patina fil-wiċċ, tippreżenta omoġenjità bejn il-partijiet esterni u dawk interni, li jindika deidratazzjoni u maturazzjoni li saru gradwalment; il-kulur tal-fetta jkun uniformi u mingħajr tbajja'; il-parti tad-dgħejf tkun ta' kulur aħmar li jagħti fir-roża fil-parti tax-xaħam. Il-“Coppa di Parma” hija prodott li jipprevedi perjodu ta' maturazzjoni ta' mill-inqas 60 jum.

 

Karatteristiċi kimiċi u kimikofiżiċi:

Melħ

< 5 %

Total ta' proteini

minimu 22 %

Proporzjon ilma/proteini

massimu 2,00

pH

> 5,7

 

Parametri mikrobijoloġiċi:

Total ta' enterobatterji

u.f.c/g < 10

E. Coli

u.f.c/g < 10

Stafilococcus Aureus

u.f.c/g < 100

L-ingredjenti li jintużaw għall-preparazzjoni tal-“Coppa di Parma” huma perċentwal li jvarja bejn 2,6 u 3,5 ta' melħ u aromi naturali, u/jew bżar u/jew il-possibbiltà ta' ħwawar oħra. Barra minn hekk jistgħu jintużaw ukoll: inbid, destrożju u/jew fruttożju u/jew sukrożju, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi, kulturi li jagħtu bidu skont prattika tajba, nitrit tas-sodju/potassju, nitrat tas-sodju/potassju, aċidu askorbiku u l-melħ tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

L-użu tradizzjonali ta' laħam li ġej mill-majjal ta' piż tqil tipiku Taljan huwa fundamentali fil-preparazzjoni tal-Coppa di Parma. Dan il-majjal li huwa tipiku taż-żona tal-Italja ċentrali u tat-Tramuntana, fil-fatt jippreżenta ġenetika speċifika u jitrabba għal mill-inqas 9 xhur f'kundizzjonijiet partikolari li jippermettulu li jilħaq piżijiet għoljin u li jkollu laħam b'livell għoli ta' xaħam bejn il-muskoli u livelli għoljin ta' enżimi, partikolarment il-katepsinili huma fundamentali għall-maturazzjoni tal-Coppa di Parma.

Il-“Coppa di Parma” IĠP tinkiseb minn laħam tal-majjal kif deskritt hawn taħt:

Huma permessi annimali ta' razza pura jew ġejjin mir-razez tradizzjonali bbażati fuq il-Large White u l-Landrac, kif imtejba mir-Reġistru tar-Razza Taljan.

Huma wkoll permessi annimali ġejjin mir-razza Duroc, kif imtejba mir-Reġistru tar-Razza Taljan.

Barra minn hekk huma wkoll permessi annimali ta' razez oħra, imħalltin jew ibridi, dejjem jekk ikunu ġejjin minn skemi ta' selezzjoni jew tgħammir li l-għanijiet tagħhom ma jkunux inkompatibbli ma' dawk tar-Reġistru tar-Razza Taljan, għall-produzzjoni tal-ħanżir tqil.

Skont it-tradizzjoni, bhejjem li jġorru karatteristiċi antitetiċi, b'referenza partikolari għal dawk suxxettibbli għall-istress (PSS), li llum jinstabu oġġettivament anke fuq annimali post mortem u fuq prodotti mmaturati, ma għandhomx jiġu inklużi.

Annimali tar-razez puri Landrace Belga, Hampshire, Pietrain, Duroc u Spotted Poland fl-ebda każ ma jiġu inklużi.

It-tipi ġenetiċi użati għandhom jiżguraw li jintlaħqu piżijiet għoljin b'rendiment tajjeb u li, fi kwalunwe każ, il-piż medju għandu jkun ta' bejn 160 b'10 % iktar jew inqas għal kull lott (piż ħaj).

L-età minima tal-qatla hija ta' disa' xhur.

Huwa eskluż l-użu ta' ħnieżer tal-għalel u ħnieżer nisa.

Il-ħnieżer għandhom jinqatlu meta jkunu fi stat eċċellenti ta' saħħa u għandhom jiġu żvinati b'mod perfett.

Il-qatgħat tal-laħam li jintużaw fil-produzzjoni tal-“Coppa di Parma” IĠP huma magħmulin minn parti mill-muskolu tal-għonq, li jkun imiss mal-għadam tal-għonq u ma’ ftit mill-għadam toraċiku (il-massa tal-muskoli li tinsab bejn il-ħofra ffurmata mill-irkiekel f’dahar l-annimal, mill-ikbar partijiet tas-sinsla u mill-kustilji tan-nofs).

Il-laħmijiet użati ma għandhom ikunu għaddew minn ebda proċess ta' ffriżar.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Għandhom jiġu rrispettati regoli dettaljati dwar l-użu u l-kompożizzjoni tar-razzjon tal-għalf. L-għalf tal-ħnieżer għandu jinqasam f'żewġ fażijiet u huwa bbażat l-iktar fuq il-produzzjoni taċ-ċereali u s-sottoprodotti minn attivitajiet marbutin mal-produzzjoni tal-ġobon. Preferibbilment l-għalf, ibbażat fuq iċ-ċereali, jiġi ppreżentat f'forma likwida (brodu jew maxx) u, tradizzjonalment, bix-xorrox tal-ħalib. B'mod speċifiku, l-għalf jikkonsisti fi:

Il-fażi sa 80 kilogramma ta' piż ħaj: Jintuża l-għalf maħsub għall-fażi tat-tismin li tiġi wara kif ukoll l-għalf imsemmi hawn taħt f'ordni fejn l-ammont jonqos. Dqiq minn estrazzjoni tas-sojja; qamħirrum ippriservat; smid tal-gluten tal-qamħirrum u/jew corn gluten feed; ħarrub mingħajr żerriegħa, distillaturi; lipidi li l-punt tat-tidwib tagħhom ikun iktar minn 36 °C; ħut imqadded mitħun, liżati tal-proteina; xorrox tal-butir. Il-preżenza ta' sustanza niexfa taċ-ċereali fl-ebda każ ma għandha tkun inqas minn 45 % tat-total.

Fażi tat-tismin: l-għalf awtorizzat u li jidher f'ordni fejn l-ammont jonqos huwa: Qamħirrum u maxx tal-ħbub tal-qamħ u/jew żbul; sorgu, xgħir; qamħ, qamħ triticale, ħafur u ċereali minuri; qxur u prodotti oħrajn li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-qamħ; patata deidratata, polpa tal-pitravi magħsur u insilati, dqiq mill-estrazzjoni tas-sojja. dqiq tal-ġirasol; manjoka, għasel iswed, dqiq estratt mill-ġewż tal-indi, dqiq estratt mill-ħbub tal-qamħirrum, piżelli e/jew żerriegħa oħra tal-legumi; polpa niexfa maħruġa mill-pitravi; dqiq tal-ġunġlien; estratt taż-żerriegħa tal-kittien, residwi mill-qxur tat-tuffieħ u tal-lanġas, qxur tal-għeneb jew tat-tadam fosthom aġenti li jaġixxu bħala integraturi, dqiq deidratat tal-alfalfa, ħmira tal-birra u/jew ħmira tal-ġenus torula, lipidi li l-punt tat-tidwib tagħhom ikun iktar minn 40° grad ċentigrad; xorrox tal-ħalib; xorrox tal-butir. Il-preżenza ta' sustanza niexfa taċ-ċereali fil-fażi tat-tismin ma għandhiex tkun inqas minn 55 % tat-total.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

L-istadji speċifiċi fil-produzzjoni tal-“Coppa di Parma” li ġejjin għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika ddefinita:

Preparazzjoni tat-tqattigħ li huwa maħsub għall-ipproċessar

Tmelliħ, li jista' jsir kemm manwalment kif ukoll mekkanikament u jista' jdum minn 6 sa 14-il jum

It-tqegħid tal-mili fl-intestini, li jipprevedi l-użu ta' intestini naturali għall-prodott maħsub għal bejgħ tali kwali u f'biċċiet, jew f'intestini naturali li jiġu rikostitwiti bit-twaħħil ma' xulxin ta' għadd ta' biċċiet anatomiċi, għall-prodott maħsub sabiex ikun kummerċjalizzat qabel jitqatta' f'fetet.

L-irbit, li jitwettaq permezz ta' spaga mhux b'forma ta' xibka fil-każ tal-prodott tali kwali u f'biċċiet, jew permezz ta' xibka ta' ħajt elastiċċizzat fil-każ ta' prodott maħsub sabiex ikun kummerċjalizzat qabel jitqatta' f'fetet.

Fawra għal tul ta' ħin li jvarja bejn tmien (8) u għaxar (10) sigħat

It-tnixxif għal tul taż-żmien li ma jkunx inqas minn15-il ġurnata komplessivament

Il-maturazzjoni għal perjodu minimu ta' żmien li jvarja bejn 60 u 90 ġuranta skont il-piż tal-“coppa”.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

L-operazzjonijiet tat-tqattigħ f'fetet u tal-ippakkjar tal-“Coppa di Parma” (IĠP jistgħu jsiru biss fi strutturi li jinsabu fit-territorju tal-produzzjoni indikat fil-punt 4 li ġej u taħt il-kontroll tal-organu awtorizzat skont il-modalitajiet previsti mill-pjan tal-kontrolli.

Għall-“Coppa di Parma” IĠP li toħroġ fuq is-suq għall-konsum sħiħa, it-tqattigħ jista' jsir biss f'livell tal-bejjiegħ bl-imnut fuq il-bank tat-tqattigħ u fil-preżenza tal-konsumatur aħħari.

Fil-fatt, minħabba d-delikatezza tal-prodott, li huwa rikk fl-aċidi tax-xaħam mhux saturi u li ma tantx fih konservanti, u minħabba li l-fażi tat-tqattigħ u tal-ippakkjar tista' tkun stressanti, jaf ikun meħtieġ li dawn l-operazzjonijiet jitwettqu minn persunal ikkwalifikat b'għarfien speċifiku tal-prodott. B'mod partikolari, jeħtieġ li l-ħin li matulu l-fetta ddum f'kuntatt mal-arja jkun qasir kemm jista' jkun, sabiex jiġu evitati fenomeni fejn il-kulur jiskura.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Il-“Coppa di Parma” IĠP tista' tinħareġ għall-konsum: sħiħa, bit-tikketta biss; f'biċċiet, f'vakwu jew f'atmosfera protettiva; imqatta' fetet, f'vakwu jew f'atmosfera protettiva;

L-isem “Coppa di Parma” segwita bit-tismija tal-“Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jew bl-akronimu “IĠP” (tradott bil-lingwa tal-Pajjiż fejn jiġi prodott u kummerċjalizzat) għandu jidher fuq it-tikketta b'tipa ċara u li ma titħassarx, li tidher distinta minn kull kitba oħra li tkun tidher fuq l-istess tikketta, segwita bis-simbolu grafiku komunitarju u mill-marka tal-azjenda.

4.   Deskrizzjoni konċiża fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Coppa di Parma” IĠP hija identifikata mit-territorju amministrattiv kollu tal-Provinċji ta' Parma, Modena, Reggio Emilia, Mantova, Pavia, u mill-muniċipalitajiet mal-medda sħiħa tax-xmara Po li jagħmlu parti mit-territorju amministrattiv tal-provinċji li ġejjin:

Lodi: Senna Lodigiano, Ospedaletto Lodigiano, Orio Litta, Livraga, Borghetto Lodigiano, Brembio, Segugnago, Somaglia, Casalpusterlengo, Cotogno, Gardamiglio, San Rocco al Porto, San Fiorano, S. Stefano Lodigiano, Cavacurta, Maleo, Corno Giovine, Corno Vecchio, Maccastorna, Meleti, Castelnuovo B. D’Adda, Caselle Landi;

Milan: San Colombano al Lambro;

Cremona: Pizzighettone, Crotta d’Adda, Spinadesco, Acquanegra Cremonese, Sesto ed Uniti, Cremona, Gerre de Caprioli, Stagno Lombardo, Pieve d’Olmi, San Daniele Po, Motta Baluffi, Torricella del Pizzo, Gussola, Casalmaggiore, Martignana Po, Rivarolo del Re, Scandolara Bovara, Casteldidone, Solarolo Rainerio, S. Giovanni in Croce, San Martino del Lago, Cingia de’ Botti, Cella Dati, Tornata, Calvatone, Piadina, Voltino, Derovere, Ca’ d’Andrea, Sospiro, Bonemerse, Malagnino, Pieve S. Giacomo, Torre de’ Picenardi, Drizzona, Isola Dovarese.

Mill-aspett ġeografiku, iż-żona tal-produzzjoni hija kkaratterizzata minn żoni bl-għoljiet li jispiċċaw fi pjanura, u li jestendu sal-medda ta' maġenb ix-xmara Po tan-naħa tat-Tramuntana.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

It-territorju tal-produzzjoni tal-“Coppa di Parma” IĠP, jiddistingwi ruħu bil-preżenza ta' żoni ta' għoljiet u pjanuri u fl-istess ħin bil-preżenza ta' lagi u minjieri tal-melħ. Fuq l-għoljiet ta' Parma, minn dejjem kien possibbli li t-teknoloġija tal-pjanura titlaqqa' mal-melħ ta' Salsomaggiore. Fil-fatt, minħabba dawn il-minjieri tal-melħ, sa mill-1300, it-tmelliħ tal-laħam tal-majjal u l-ipproċessar tiegħu, irriżulta fil-produzzjoni ta prodotti li huma rikonoxxuti kemmi f'livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Fil-fatt il-“Coppa di Parma” twieldet proprju f'dan il-kuntest, bis-saħħa tat-taħriġ espert li jinsab f'din iż-żona, speċjalizzat fil-produzzjoni tagħha. Matul is-sekli din l-esperjenza kkontribwixxiet għat-tixrid tar-riċetta tal-“Coppa” lil hinn mill-konfini ta' Parma li ssodat anke fi provinċji oħrajn indikati fil-punt 4.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Il-“Coppa di Parma” IĠP tiddistingwi ruħha minn prodotti oħrajn tal-istess kategorija tas-suq minħabba t-togħma tipika bi grad tajjeb ta' benna, minħabba l-konsistenza medja li għandha, minħabba l-omoġenjità u n-nuqqas ta' xaħam, u minħabba l-uniformità f'kulurha, ħamra fil-parti tad-dgħejf u tagħti fir-roża fil-parti tax-xaħam.

Karatteristiċi oħrajn li jiddistingwu l-“Coppa di Parma” minn oħrajn li jiġu prodotti fiż-żoni tal-madwar huma l-irtubija tal-fetta u l-ammont imnaqqas ta' ħwawar li jintużaw fil-maċerazzjoni. Dawn il-karatteristiċi huma r-riżultat ta' maturazzjoni qasira u ta' nuqqas ta' regoli dettaljati dwar l-użu tal-ħwawar li jippermettu lill-“Coppa di Parma” żżomm il-fwieħa tipika tal-laħam tal-majjal u konsistenza ratba tal-fetta.

5.3.   Rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Ir-reputazzjoni tal-“Coppa di Parma” IĠP tintwera f'bosta dokumenti li fihom referenza u kwotazzjonijiet li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni.

Sa mill-aħħar tas-seklu XVII instabu referenzi għall-“Coppa di Parma” bħalma huma “bondiola” (tip ta' laħam ipproċċessat tipiku tal-Emilia, il-Veneto u l-Lombardia) u “salame investito”, jiġifieri imqiegħed fl-intestini. Fil-bidu tal-1700, il-“Coppa di Parma” tissemma fil-memorji tal-vjaġġaturi bħala prodott tipiku tal-post. F'inventarju li sar fil-1723, kien tħabbar li sabiex wieħed ikun jista' jsir membru fil-korporazzjoni tal-“lardaroli”, dan irid ikollu ċertu numru ta' salami e “bondiole”. Fi stima tal-uffiċjali tal-arti tal-“lardaroli” (1750) kif ukoll f'bandu tal-21 ta' April 1764 ukoll jinsabu referenzi għall-“Coppa di Parma”. Xi kuntratti irreġistrati mill-amministraturi tar-dar irjali dwar il-forniment tal-kċejjen irjali wkoll imorru lura għall-istess perjodu. Għandna tagħrif fiż-żgur dwar l-ammont tal-konsum tal-“coppa” u tal-“bondiola” fil-palazz tad-Duca Don Ferdinando Borbone. Mill-1800 'l hawn għandna tagħrif dwar il-kwantitajiet ta' “coppa” mibjugħa fis-swieq taż-żona, fl-1940 l-esportazzjoni tal-“coppa” mill-Provinċja ta' Parma kienet tammonta għal madwar 200 biċċa.

Il-karatteristiċi partikolari tal-“Coppa di Parma” huma dovuti għal għadd ta' rabtiet tassew preċiżi mal-ambjent, fis-sens wiesa' u li jinkludi fatturi ġeografiċi naturali u umani, li jirrigwardaw il-majjal, it-teknoloġija tal-preparazzjoni, l-ambjenti ta' fejn issir il-maturazzjoni u fuq kollox il-mod kif huma jaġixxu u jaffettwaw lil xulxin. Hemm fil li jgħaqqad b'mod ċar il-produzzjoni tal-“Coppa di Parma” IĠP mill-oriġini tagħha sal-lum il-ġurnata. L-industrijalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-“Coppa di Parma” IĠP żviluppat minn fażi ta' artiġjanat li żammet bla mittiefsa l-karatteristiċi tradizzjonali tal-prodott. Il-klima, bħall-karatteristiċi tal-arja (temperatura u umdità) huma dawk tipiċi taż-żona tal-għoljiet tal-pjanura Padana fejn storikament ifforma l-prodott “Coppa di Parma” IĠP. Iż-żona minn fejn tiġi l-materja prima u fejn isir il-prodott hija ddefinita minn dik li effettivament iffurmat u nżammet matul iż-żmien madwar it-tradizzjonijiet li minnhom hija ħadet il-fama.

Fost il-laħam ipproċċessat fiż-żona ġeografika, il-“Coppa di Parma” hija waħda mill-iktar magħrufa u dejjem tidher fil-listi li jiġu ssuġġeriti lill-klijenti fl-azjendi ewlenin tal-laħam ipproċċessat li jinsabu fiż-żona ġeografika. Fir-riklami kummerċjali, il-produtturi tal-“Coppa di Parma”, normalment jindikaw l-irtubija tal-fetet li meta jinqatgħu għandhom ikunu rotob u qatt xotti, bħala waħda mill-karatterisitiċi l-iktar distintivi tagħha. Dan juri li ġie rrispettat iż-żmien qasir tal-maturazzjoni u li jiggarantixxi r-riħa tipika tagħha. Minħabba li l-laħam tal-“Coppa di Parma” huwa tant artab, dan iwassal sabiex din tintuża bħala ingredjent fit-torti u l-pizez mimlijin. Bħala xhieda ta' dan hemm xi riċetti li jagħmlu referenza b'mod espliċitu u li huwa evidenti sew għal din id-denominazzjoni. Barra min hekk, il-“Coppa di Parma” hija rappreżentata notevolment fil-padiljuni tal-produtturi fil-fieri agroalimentari ewlenin li jsiru fit-territorju.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Din l-Amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Coppa di Parma” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana.

It-test ikkonsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab disponibbli:

fuq il-link http://www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

jew

billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tal-websajt tal-Ministeru (http://www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq “Prodotti di Qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin) u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE [regolamento (CE) n. 510/2006]”.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top