Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0518

    Eġittu, b'mod partikolari l-każ tal-blogger Alaa Abdel Fatah Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Novembru 2011 dwar l-Eġittu, b'mod partikolari l-kawża tal-blogger Alaa Abd el-Fattah

    ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 162–164 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 153/162


    Il-Ħamis 17 ta’ Novembru 2011
    Eġittu, b'mod partikolari l-każ tal-blogger Alaa Abdel Fatah

    P7_TA(2011)0518

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-Eġittu, b'mod partikolari l-kawża tal-blogger Alaa Abd el-Fattah

    2013/C 153 E/22

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Frar 2011 (1) dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u tas-27 ta' Ottubru 2011 (2) dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u fis-Sirja, b'mod partikolari tal-komunitajiet Insara,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 10, 18 u 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-1948,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 14(1) u 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li fih l-Eġittu huwa parti,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tal-1950,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

    wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2011 mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, dwar il-vjolenza fl-Eġittu,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-21 ta' Frar 2011 li fihom ir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, intalbet tirrapporta dwar il-miżuri adottati u l-proposti konkreti li saru biex ikomplu jsaħħu l-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni u d-difiża tar-reliġjon u l-libertà ta' twemmin,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-10 ta' Ottubru 2011, kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Eġittu tat-23 ta' Ottubru 2011,

    wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali tal-2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fit-30 ta' Ottubru 2011, il-Prosekutur Militari talab li s-Sur Alaa Abd el-Fattah jiġi interrogat u aktar tard ordna l-arrest provviżorju tiegħu għal 15-il ġurnata fil-ħabs tal-appelli ta' Bab El Khalq fil-Kajr, wara li akkużah li "inċita għal vjolenza kontra l-forzi armati", "ħebb għal persunal militari u ddanneġġja proprjetà militari", matul il-kunflitti reċenti f'Maspero, li bdew b’dimostrazzjoni paċifika favur id-drittijiet tal-Insara Kopti li saret fid-9 ta' Ottubru 2011 fil-Kajr, fejn tal-anqas 25 ċittadin Eġizzjan nqatlu u aktar minn 300 sfaw midruba; billi 30 ċittadin ieħor ġew arrestati fl-istess kawża;

    B.

    billi fit-3 ta' Novembru 2011, il-Qorti tal-Appelli Militari kkonfermat l-arrest tas-Sur Alaa Abd el-Fattah għal perjodu ta' 15-il ġurnata u wara ġie trasferit għall-ħabs ta' Tora u fit-13 ta' Novembru l-arrest tiegħu ġġedded għal 15-il ġurnata oħra fl-istennija ta' investigazzjoni ulterjuri,

    C.

    billi s-Sur Alaa Abd el-Fattah irrifjuta li jwieġeb għal kwalunkwe mistoqsija tal-Qorti Militari dwar l-avvenimenti, filwaqt li stqarr li kien se jwieġeb biss qorti ċivili imparzjali u sostna li l-Qorti ma kellhiex il-leġittmità u l-ġurisdizzjoni meħtieġa biex tinterroga lil persuni ċivili;

    D.

    billi kulħadd għandu jkun intitolat għal smigħ ġust u pubbliku quddiem tribunal kompetenti, independenti u imparzjali stabbilit mil-liġi;

    E.

    billi Alaa Abd el-Fattah kien diġà ġie arrestat taħt ir-reġim ta' Mubarak għal 45 ġurnata fl-2006, wara li pparteċipa fi protesta favur ġudikatura independenti,

    F.

    billi l-blogger Maikel Nabil Sanad, li huwa miżmum il-ħabs, għadu għaddej bl-istrajk tal-ġuħ tiegħu u jinsab f'kundizzjoni tas-saħħa kritika; billi fil-11 ta' Ottubru 2011 il-Qorti tal-Appelli Militari ddeċidiet li tħassar is-sentenza tiegħu ta' tliet snin ħabs u ordnat li l-proċess jinbeda mill-ġdid; billi, fit-tieni seduta ta' dan il-proċess il-ġdid fl-1 ta' Novembru 2011, il-kawża tiegħu ġiet posposta għat-13 ta' Novembru 2011 u mbagħad f’dik id-data posposta għal darba oħra sas-27 ta' Novembru 2011, peress li rega' rrifjuta li jikkoopera mat-tribunal militari fuq il-bażi li huwa kontra li ċ-ċittadini jitressqu quddiem qrati militari;

    G.

    billi l-Eġittu għaddej minn perjodu kritiku ta' tranżizzjoni demokratika u qed jaffaċċja ħafna sfidi u diffikultajiet f'dan il-proċess;

    H.

    billi l-midja soċjali għandha rwol importanti f'avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija, inkluż fl-Eġittu; billi bloggers, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom fil-mira ta' fastidju u intimidazzjoni fl-Eġittu;

    I.

    billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li minn Marzu 2011 'l hawn aktar minn 12 000 ċittadin ittellgħu quddiem tribunali militari fl-Eġittu; billi cittadini li ġew arrestati skont il-liġi ta' emerġenza għadhom qegħdin jitressqu quddiem il-qrati militari, li ma jissodisfawx standards minimi għal proċessi ġusti u d-dritt għad-difiża, fil-pajjiż; billi l-maġġoranza kbira tal-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem, l-assoċjazzjonijiet tal-avukati u persuni politiċi mill-gruppi politiċi kollha fl-Eġittu insistew li ċ-ċittadini għandhom jitressqu quddiem qrati ċivili sabiex jiġi żgurat proċess ġust u xieraq;

    J.

    billi l-Unjoni Ewropea darba wara l-oħra esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha;

    1.

    Iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu minnufih lis-Sur Alaa Sur Abd el-Fattah, li jinsab fil-ħabs minħabba li rrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet li sarulu mill-Qorti Militari dwar l-avvenimenti li seħħew fid-9 ta' Ottubru 2011, peress li ma jqishiex qorti imparzjali u leġittima; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiggarantixxu li l-ebda blogger, ġurnalist jew difensur tad-drittijiet tal-bniedem ma jkun soġġett għal fastidju dirett jew indirett jew għal intimidazzjoni fil-pajjiż;

    2.

    Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni ġudizzjarja kontra s-Sur Alaa Abd el-Fattah min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji militari; itenni t-talba tiegħu lill-iSCAF biex itemm mingħajr dewmien il-liġi ta' emerġenza u l-prattika li biha ċittadini jitressqu quddiem qrati militari, u biex jeħles minnufih il-priġunieri tal-kuxjenza kollha u l-priġunieri politiċi miżmuma mill-qrati militari; jenfasizza li ċ-ċittadini ma għandhomx jitressqu quddiem qrati militari, peress li dawn ma jissodisfawx standards baziċi għal proċessi ġusti;

    3.

    Jistieden lill-Awtoritajiet Eġizzjani jiggarantixxu tribunali imparzjali kif jistipula l-Artikolu 10 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948: "Kulħadd huwa intitolat, bla ebda diskriminazzjoni, għal smigħ ġust u pubbliku quddiem tribunal independenti u imparzjali, għad-determinazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tiegħu u ta' kwalunkwe akkuża kriminali kontrih";

    4.

    Itenni t-talba tiegħu għal investigazzjoni independenti, trasparenti u bir-reqqa tal-kunflitti f'Maspero li bdew b' dimostrazzjoni paċifika favur id-drittijiet tal-Insara Kopti, fid-9 ta’ Ottubru 2011 fil-Kajr, li għandha ssir minn ġudikatura ċivili indipendenti u imparzjali, sabiex issir ġustizzja minn dawk kollha responsabbli, u għal darba oħra jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi u lil qrabathom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jiggarantixxu l-indipendenza u l-imparzjalità tad-diversi investigazzjonijiet, billi jippermettu sorveljanza adegwata;

    5.

    Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu kritiku u diffiċli ta' tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż u jkompli jappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi ta’ dak il-poplu; jistieden lill-Awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-użu tal-internet, il-libertà tal-assemblea paċifika u l-libertà ta' assoċjazzjoni;

    6.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.


    (1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0064.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0471.


    Top