This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011IP0256
Seventh EU programme for research, technological development and demonstration European Parliament resolution of 8 June 2011 on the mid-term review of the Seventh Framework Programme of the European Union for research, technological development and demonstration activities (2011/2043(INI))
Is-seba' programm tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 8 ta’ Ġunju 2011 dwar l-evalwazzjoni intermedjarja tas-seba' programm tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni (2011/2043(INI))
Is-seba' programm tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 8 ta’ Ġunju 2011 dwar l-evalwazzjoni intermedjarja tas-seba' programm tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni (2011/2043(INI))
ĠU C 380E, 11.12.2012, p. 9–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 380/9 |
L-Erbgħa 8 ta’ Ġunju 2011
Is-seba' programm tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni
P7_TA(2011)0256
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar l-evalwazzjoni intermedjarja tas-seba' programm tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni (2011/2043(INI))
2012/C 380 E/03
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-artikoli li jirrigwardaw ir-riċerka, |
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm [Qafas] tal-Komunità Ewropea (li, minn wara t-Trattat ta’ Lisbona, saret l-Unjoni Ewropea) għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (1), |
— |
wara li kkunsidra, b'mod partikolari, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq fir-rigward tal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rieżami tas-Seba' Programm Qafas, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 182(2) TFUE dwar l-adattament tal-programm qafas skont kif tinbidel is-sitwazzjoni, |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Frar 2011 intitolata "Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Reazzjoni għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm [Qafas] għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji" (COM(2011)0052), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Qafas għall-Attivitajiet ta’ Riċerka (FP7), inkluż il-faċilità ta’ finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji, sat-3074 laqgħa tal-Kunsill tal-UE dwar il-kompetittività (Is-Suq Intern, l-Industrija, ir-Riċerka u l-Ispazju) tad-9 ta’ Marzu 2011, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta’ Esperti "Interim Evaluation of the Seventh Framework Programme" tat-12 ta’ Novembru 2010, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ Programmi Qafas tar-Riċerka (2), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Esperti "Evaluation of the Sixth Framework Programmes for Research and Technological Development 2002-2006" ta’ Frar 2009, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta’ Esperti "Towards a world class Frontier research Organisation - Review of the European Research Council's Structures and Mechanisms" tat-23 ta’ Lulju 2009, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Esperti indipendenti "Mid-Term Evaluation of the Risk-Sharing Financial Facility (RSFF)" tal-31 ta’ Lulju 2010, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta’ Esperti "First Interim Evaluation of the Innovative Medicines Initiative Joint Undertaking" tal-20 ta’ Diċembru 2010, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta’ Esperti "First Interim Evaluation of the ARTEMIS and ENIAC Joint Technology Initiatives" tat-30 ta’ Lulju 2010, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta’ Esperti indipendenti "Interim Evaluation of the Ambient Assisted Living Joint Programme" ta’ Diċembru 2010, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni li l-Kumitat tar-Reġjuni adotta f'sessjoni plenarja fis-27 u t-28 ta’ Jannar 2011 u li tirrigwarda s-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-Fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni (3), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 9/2007 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-22 ta’ Novembru 2007 dwar “L-evalwazzjoni tal-programmi qafas tal-UE dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku - L-approċċ tal-Kummissjoni jista’ jittejjeb?”, |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 8/2009 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar "Netwerks ta’ eċċellenza" u "Proġetti integrati" fil-politika tar-riċerka tal-Komunità, |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 2/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-effettività tal-iskemi ta’ sostenn għall-Istudji fid-Disinn u l-Kostruzzjoni ta’ Infrastrutturi Ġodda taħt is-Sitt Programm Qafas għar-Riċerka, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ewkonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni “Is-Simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka”, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0160/2011), |
A. |
billi s-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (is-Seba' Programm Qafas) hu l-istrument l-aktar estensiv għall-appoġġ tar-riċerka fil-livell globali u jikkostitwixxi l-għodda ewlenija tal-politika ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea, |
B. |
billi huwa meħtieġ li jiġu awtorizzati żviluppi li jirriżultaw mis-Seba’ Programm Qafas jerġa’ jiġi eżaminat f’nofs it-terminu tiegħu minħabba l-għadd ta’ bidliet li seħħew minn mindu ġie nnegozjat u adottat fl-2006 (istituzzjonijiet ġodda, awtoritajiet politiċi ġodda, kriżi ekonomika), imma anke minħabba l-ammonti finanzjarji sinifikanti li għadhom disponibbli sa meta jilħaq it-terminu tiegħu, |
C. |
billi, it-Trattat ta’ Lisbona jintroduċi l-kisba taż-Żona ta’ Riċerka Ewropea bħala mezz speċifiku tal-politika Ewropea, |
D. |
billi l-Istrateġija Ewropa 2020 għamlet mir-riċerka u l-innovazzjoni element ċentrali ta’ tkabbir b'intelliġenza, sostenibilità u solidarjetà, |
E. |
billi r-riċerka hija l-proċess tal-bidla tal-potenza ekonomika f’għarfien, filwaqt li l-innovazzjoni hija l-proċess bil-maqlub tat-trasformazzjoni tal-għarfien f’potenza ekonomika, |
F. |
billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jarmaw irwieħhom bil-mezzi biex jirrispondu b’mod konġunt għall-isfidi soċjetali, ekonomiċi, ambjentali, demografiċi u etiċi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-popli Ewropej bħat-tixjiħ demografiku, is-saħħa, il-provvista tal-ikel, l-iżvilupp sostenibbli, l-isfidi ambjentali ewlenin eċċ, u billi s-soluzzjonijiet li jirriżultaw minn dan għandhom jimmotivaw lill-individwi biex jerfgħu r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom, |
G. |
billi l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huwa l-aħjar reazzjoni possibbli fit-tul għall-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, li jippermetti lill-UE ssir soċjetà b’kompetenzi li huma kompetittivi fuq livell dinji, |
H. |
billi l-Ewropa qed tikkompeti ma’ setgħat ekonomiċi bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, l-Awstralja, l-Istati Uniti u r-Russja u billi l-kapaċità tagħna li ngħaqqdu u nikkoordinaw l-isforzi tagħna, partikolarment fir-riċerka, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Membru tikkundizzjona ħafna l-kompetittività ekonomika tagħna u, għalhekk il-possibilità li niffinanzjaw l-ambizzjonijiet soċjali tagħna u r-rispett tal-impenji tagħna rigward il-benesseri taċ-ċittadini Ewropej u l-ħarsien tal-ambjent, |
I. |
billi n-nefqa fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp hija baxxa metqa mqabbel ma’ setgħat globali oħra, fost affarijiet oħra minħabba nuqqas ta’ investiment privat u kundizzjonijiet ta’ qafas favur l-innovazzjoni; billi l-ġibda tas-Seba’ Programm Qafas għas-settur industrijali u l-użu tar-riċerka għall-benefiċċju tal-ekonomija mhumiex kompletament ċari; billi apparti l-ammonti involuti, tidher ukoll ċara l-ħtieġa ta’ koordinament aħjar u kofinanzjament bejn l-Unjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni, b’rispett totali għall-ispeċifiċitajiet u l-għażliet etiċi magħmula mill-Istati Membri, |
J. |
billi livell relattivament baxx biss tal-investiment pubbliku fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huwa s-soġġett ta’ kooperazzjoni Ewropea, |
K. |
billi relazzjoni aħjar bejn l-isfera akkademika, tar-riċerka u dik industrijali hi indispensabbli biex ir-riżultati tar-riċerka jkunu jistgħu jiġu ttrasformati aħjar fi prodotti u servizzi li jiġġeneraw it-tkabbir ekonomiku u l-benefiċċji għas-soċjetà b’mod ġenerali, |
L. |
billi s-Seba’ Programm Qafas għandu jkun mibni fuq l-istess prinċipji ġenerali bħaż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), |
M. |
billi, mill-EUR 54.6 biljun tal-programm, 25,8 ġew impenjati fuq l-ewwel erba’ snin (mill-2007 sal-2010); jiġifieri medja ta’ 6,5 biljuni fis-sena u billi għad fadal 28,8 biljun fuq l-aħħar tliet snin (mill-2011 sal-2013), jiġifieri medja ta’ 9,6 biljuni fis-sena, |
N. |
billi s-snin mill-2011 sal-2013 huma snin fraġli li jeħtieġu attenzjoni partikolari immedjata f’dak li għandu x’jaqsam mal-fatturi ta’ kompetittività u koeżjoni soċjali, li r-riċerka u l-innovazzjoni huma komponenti essenzjali tagħhom, |
O. |
billi l-kumplessità tal-ġestjoni amministrattiva, il-burokrazija konsiderevoli, in-nuqqas ta’ trasparenza, l-ineffiċjenza u d-dewmien mhux ġustifikat jiqbgħu jkunu l-iżvantaġġi prinċipali tas-Seba’ Programm Qafas, li ma jipprovdu ebda inkoraġġiment għar-riċerkaturi, l-industrija u l-SMEs biex jipparteċipaw fil-programm u għalhekk il-kisba ta’ qabża kbira fis-simplifikazzjoni għandha tkun tal-ogħla prijorità, |
P. |
billi l-objettiv tal-parteċipazzjoni ta’ 40 % riċerkaturi nisa fis-Seba’ Programm Qafas huwa objettiv ambizzjuż u korrett; billi l-parteċipazzjoni attwali tar-riċerkaturi nisa fil-proġetti ta’ riċerka tas-Seba’ Programm Qafas b’diżappunt kbir hija ta’ 25,5 %, |
1. |
Jifraħ bil-kwalità tar-rapporti tal-esperti dwar il-valutazzjoni intermedja tas-Seba’ Programm Qafas u tal-faċilità ta’ finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji, li tkopri l-kwalità tal-attivitajiet, l-implimentazzjoni u r-riżultati miksuba, minkejja n-natura ġenerali tal-mandat mogħti lill-gruppi tal-esperti; jindika, madankolllu li l-valutazzjoni ma kkunsidratx l-azzjonijiet tal-Istati Membri u dawk tal-Unjoni flimkien kollha kemm huma; |
2. |
Ma jafx jispjega d-dewmien tal-Kummissjoni, li ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha fid-9 ta’Frar 2011, minkejja li kienet obbligata li tagħmel dan sa mhux aktar tard mill-2010, u jiddispjaċih dwar id-dgħufija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni meta wieħed iqis l-isfidi attwali b’mod partikolari is-sitwazzjoni attwali tal-kriżi ekonomika, l-ammonti li jifdal biex jiġu impenjati skont is-Seba’ Programm Qafas eċċ.; |
3. |
Jitlob lill-Kummissjoni ssegwi b’mod partikolari l-għaxar rakkomandazzjonijiet speċifiċi li saru mill-grupp ta’ esperti; |
4. |
Jissottolinja n-natura relattiva tal-konklużjonijiet meħuda mill-valutazzjoni intermedja, peress li l-maġġoranza tal-fondi tas-Seba’ Programm Qafas għadhom ma ġewx allokati, il-proġetti li nbdew għadhom għaddejjin u oħrajn iffinanzjati taħt is-Seba’ Programm Qafas se jdumu iktar mit-terminu ta’ żmien tiegħu; |
Ir-riżultati tas-Seba' Programm Qafas
5. |
Hu tal-opinjoni li, minkejja l-fatt li l-Ewropa dejjem tibqa’ pass lura mill-Istati Uniti u qed titlef il-post li kellha bħala l-mexxej fuq ekonomiji emerġenti, ir-riżultati milħuqa mis-Seba’ Programm Qafas juru valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mar-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha fil-komunikazzjoni tar-riżultati tajbin lill-Istati Membri, lill-komunità xjentifika u liċ-ċittadini Ewropej; |
6. |
Jiddeplora n-nuqqas ta’ metodu għall-valutazzjoni ta’ kemm avvanzjaw fl-għarfien xjentifiku il-proġetti ffinanzjati mis-Seba’ Programm Qafas; |
7. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħhom rigward is-Seba’ Programm Qafas (inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda, bħal servizzi ta’ informazzjoni ta’ riċerka intelliġenti), biex b’hekk jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni, jitħabbru l-isfidi ta’ riċerka tal-ġejjieni, u jinxterdu r-riżultati tar-riċerka; jappoġġa l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-aċċess miftuħ tar-riċerka ffinanzjata pubblikament, fejn ikun rilevanti u fattibbli b'rabta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; |
8. |
Jifraħ bil-livell ta’ parteċipazzjoni u ta’ eċċellenza fl-għażla tal-proġetti; jiddispjaċih, madankollu, li r-rata ta’ suċċess ta’ dan il-programm ġeneralment għadha pjuttost dgħajfa u skoraġġanti, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li għandhom rwol importanti fil-bidla tar-riżultati tar-riċerka fi prodotti u servizzi; jemmen li s-simplifikazzjoni ta’ regoli amministrattivi u finanzjarji, kif ukoll proġetti u proċeduri iktar xierqa għall-ħtiġijiet tal-SMEs jistgħu jtejbu din is-sitwazzjoni; |
9. |
Jinnota li l-għadd dejjem jiżdied ta’ objettivi u t-temi koperti u d-diversifikazzjoni tal-istrumenti kabbru l-ambitu ta’ applikazzjoni tas-Seba' Programm Qafas u naqqsu l-kapaċità tiegħu li jaqdi objettiv Ewropew speċifiku; |
10. |
Japprova t-tisħiħ tal-programm speċifiku għall-“Kooperazzjoni”, li għadu relevanti biex jiġu affrontati l-isfidi xjentifiċi u teknoloġiċi attwali; jenfasizza r-rwol tiegħu fl-iżvilupp tal-massa kritika tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tat-tip li ma jistax jinkiseb fil-livell nazzjonali/reġjonali, biex b'hekk jintwera l-valur miżjud tal-Ewropa; jemmen li r-riċerka transnazzjonali kollaborattiva għandha tibqa’ prijorità; jirrakkomanda li tiġi implimentata l-iskema “Teknoloġiji tal-Ġejjieni u Emerġenti” u li jiġi estiż l-użu ta’ “pjanijiet direzzjonali” għall-oqsma tematiċi kollha; jitlob ukoll għal iktar flessibilità fid-definizzjoni tat-temi u tal-limiti minimi u massimi ta’ finanzjament li jiddistingwu l-proġetti l-kbar miż-żgħar; jissottolinja li l-programm attwali ta’ Kooperazzjoni huwa ristrett wisq u s-suġġetti huma ħafna drabi speċifiċi wisq biex jindirizzaw sfidi soċjetali kbar; jirrakkomanda li l-Programm Qafas li jmiss jipprovdi għal sejħiet b’ambitu tematiku iktar wiesa’; |
11. |
Jenfasizza li se jkunu meħtieġa wkoll perspettivi interdixxiplinari iktar wiesa’ sabiex l-isfidi soċjetali li dejjem jikbru jiġu ttrattati b’mod effikaċi; jissottolinja li x-xjenzi soċjali u l-umanitajiet għandhom rwol vitali fir-reazzjoni għall-isfidi kbar li qed taffaċċja l-UE; jiddispjaċih li s-sejħiet speċifiċi u ristretti ħafna fil-kapitolu Kooperazzjoni dwar ix-xjenzi soċjoekonomiċi u l-umanitajiet jagħmluha diffiċli ħafna li wieħed jagħmel riċerka ġdida u innovattiva f’dan il-qasam; |
12. |
Jipproponi li, sabiex tissodisfa l-objettivi tal-istrateġija tal-UE 2020, ir-riċerka appoġġata mis-Seba’ Programm Qafas għandha tiffoka fuq l-indirizzar tal-isfidi l-iktar urġenti tal-UE, fis-setturi identifikati fil-Kapitolu “Kooperazzjoni” tas-Seba’ Programm Qafas: is-saħħa (inkluż ir-riċerka klinika u preventiva u t-teknoloġiji mediċi), l-ikel u l-bijoteknoloġija (inkluż is-sikurezza tal-ikel), it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, in-nanoxjenzi u n-nanoteknoloġiji, l-enerġija (inkluż l-effiċjenza fl-enerġija, netwerks intelliġenti, l-enerġija rinnovabbli, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, il-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika u l-użu tal-bijogass), l-ambjent (inklużi t-tibdil fil-klima, l-ilma, il-ħamrija, il-boskijiet u l-foresti), it-trasport sostenibbli, ix-xjenzi ekonomiċi, soċjali u umani, l-ispazju, u s-sigurtà; |
13. |
Jipproponi li tiġi rrinforzata r-riċerka kollaborattiva bħall-attivitajiet iffinanzjati fil-programm speċifiku “Kooperazzjoni”; jitlob il-possibbiltà li jiġu ffurmati proġetti u konsorzji ta’ sħab iżgħar u ta’ daqs medju li jippermettu l-koordinazzjoni effiċjenti, minbarra li jsaħħu l-kwalità xjentifika; jenfasizza li l-approċċ tar-riċerka kollaborattiva għandu jibqa’ l-element ewlieni tal-Programm Qafas; |
14. |
Jifraħ, fil-kapitolu “Ideat”, bir-riżultati promettenti li kiseb il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (KER) u r-rwol tiegħu fit-tisħiħ tal-viżibilità u l-ġibda tar-riċerka Ewropea; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni u involviment mis-settur privat fil-KER; jitlob lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament għall-KER (li jżid ukoll ir-rata ta’ suċċess), kif ukoll tivvaluta l-għażliet għal iktar titjib tal-istrutturi u l-mekkaniżmi tagħha, inkluż li l-KER isir entità legali indipendenti ddotata b’setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, u direttament responsabbli għall-istrateġija xjentifika tagħha u l-ġestjoni amministrattiva tagħha, li jista’ jkun utli wkoll bħala mudell għal iktar indipendenza ta’ aġenziji ta’ finanzjament oħrajn għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; jappoġġja iktar trasparenza fil-proċess tal-ħatra tal-Kunsill Xjentifiku u fil-kompożizzjoni tal-panels tar-rieżami; jirrakkomanda li l-KER iżomm appoġġ qawwi għax-xjentisti individwali ta’ kwalità; madankollu jitlob lill-KER biex jipprovdi wkoll possibbiltà għal appoġġ ta’ proġetti fuq bażi ta’ timijiet, dejjem sakemm tali proġetti jiġu ffurmati permezz ta’ proċessi minn isfel għal fuq; |
15. |
Jappoġġa, fi ħdan il-kapitolu “Nies”, l-azzjonijiet ‘Marie Curie’, li huma ta’ valur kbir għar-riċerkaturi fil-karriera tagħhom, jiżguraw ir-riċerka individwalizzata minn isfel għal fuq f’medda wiesgħa ħafna ta’ suġġetti, iwaqqfu il-“brain drain”, iġiegħlu l-karrieri ta’ riċerka jiġbdu iktar riċerkaturi żgħażagħ promettenti ħafna kemm mill-Ewropa u pajjiżi terzi; b'kunsiderazzjoni tal-livell relattivament ta’ applikazzjonijiet żejda, jirrakomanda li l-programm Marie Curie għall-mobilità jitkompla b’riżorsi estiżi fi ħdan is-Seba’ Programm Qafas sabiex jissaħħu iktar il-possibilitajiet għall-mobilità ta’ riċerkaturi u studenti tad-Dottorati (inkluż bejn is-settur privat u dak akkademiku jew bejn l-Istati Membri, pereżempju billi tiġi introdotta skema ta’ vawċer ta’ riċerka bil-flus għal-riċerkaturi); madankollu jemmen li fl-Azzjonijiet “Marie Curie” tista’ ssir ukoll simplifikazzjoni f’għadd ta’ azzjonijiet; jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tax-xogħol xjentifiku li sar fl-UE għadu jsir f’kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji; |
16. |
Iqis li sabiex jiżdiedu r-riżorsi umani ddedikati għar-riċerka fl-Ewropa, huwa meħtieġ li l-karrieri professjonali f’dan il-qasam isiru iktar attraenti billi jiġu eliminati l-ostakoli amministrattivi u jiġi rikonoxxut il-mertu u l-ħin ta’ taħriġ u ħidma fi kwlaunkwe ċentru ta’ riċerka; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema komuni biex jevalwaw l-eċċellenza u l-karriera tar-riċerki, kif ukoll biex jevalwaw ir-rendiment tal-universitajiet; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet u tar-rabta bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni; |
17. |
Hu xettiku dwar kemm huma eteroġenji l-objettivi tal-kapitolu “Kapaċitajiet” u d-diffikultajiet li jirriżultaw minħabba f'hekk, speċifikament fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-progress fuq l-Infrastrutturi tar-Riċerka ewlenin (ESFRI); iqis li hemm ħtieġa ċara għal azzjonijiet favur l-SMEs u l-SMEs innovattivi, u jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm tal-inqas dawn l-azzjonijiet u l-baġit assoċjat magħhom, filwaqt li tieħu passi biex ittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom; iqis madankollu li l-proġetti ERA-NET, ERA-NET+ “Infrastruttura” u l-inizjattivi bbażati fuq l-Artikolu 185 jissodisfaw ir-rwol tagħhom biex tinbena ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER); |
18. |
Jirrikonoxxi li l-“inizjattivi teknoloġiċi konġunti” (ITK) huma ta’ utilità għall-kompetittività tal-industrija Ewropea; jiddispjaċih dwar l-ostakli legali u amministrattivi (personalità ġuridika, regoli finanzjarji u, f’xi każijiet ukoll, proprjetà intellettwali), li jistgħu jiskoraġġixxu għadd kbir ta’ atturi ta’ riċerka ewlenin u SMEs milli jipparteċipaw; jiddispjaċih ukoll dwar il-governanza eteroġenja u l-istrutturi legali u l-ispejjeż għoljin biex l-ITK jibdew jiffunzjonaw kif suppost; jitlob lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligazzjonijiet tagħhom ladarba jkunu qablu li jikkofinanzjaw l-ITK; jitlob lill-Kummissjoni tissimplifika r-regoli u r-rati tal-finanzjament għal kategoriji simili ta’ parteċipanti fl-ITK kollha li jsegwu l-mudell tas-Seba’ Programm Qafas, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kofinanzjament nazzjonali; jitlob li jiġi involut iktar mill-qrib fil-kontroll politiku ta’ dawn l-istrumenti b’mod partikolari biex jiġi żgurat bilanċ adegwat bejn il-parteċipazzjoni u l-attivitajiet; jenfasizza li dawn l-inizjattivi ma għandhomx iwasslu għall-esternalizzazzjoni tal-finanzjament pubbliku u għandhom jibqgħu fi ħdan il-limiti legali rigward l-għajnuna tal-istat u l-prekompetizzjoni; |
19. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti lill-Parlament informazzjoni ċara u dettaljata dwar il-funzjonament tal-ITKs, filwaqt li tiddikjara f’kull każ l-istatus legali tagħhom, in-nies li jikkostitwixxu l-bord governattiv, u l-attivitajiet imwettqa; |
20. |
Jirrikonoxxi l-użu aktar sistematiku ta’ sejħiet għal proposti miftuħin wisq (approċċ minn isfel għal fuq) biex tkun żgurata kapaċità għal riċerka fit-tul; jissuġġerixxi, għaldaqstant, il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn iż-żewġ approċċi (minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel), li jissodisfaw ħtiġijiet speċifiċi; jenfasizza l-ħtieġa li ssir konsulenza u ħidma flimkien mar-riċerkaturi, l-atturi tal-industrija u tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu stabbiliti l-aġendi tar-riċerka; |
21. |
Jemmen li, fil-kuntest ta’, b’mod partikolari, l-istrateġija UE 2020 u l-objettiv tat-“tkabbir intelliġenti”, huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-oqsma tar-riċerka komuni fost dawk li jidhru l-iktar promettenti f’termini ta’ applikazzjonijiet konkreti li jippermettu l-ogħla estent ta’ kondiviżjoni f’kuntest etiku; jindika li tali oqsma jistgħu jiffurmaw parti minn pjattaforma ta’ riċerka komuni ffinanzjata mill-UE u appoġġjata minn netwerk komuni għall-iskambju tad-data, li għandha tiġi ttrattata bħala li għandha importanza ewlenija u interess prijoritarju; |
22. |
Jiddeplora l-fatt li l-finanzjament għar-riċerka għadu frammentat ħafna fl-Ewropa, b’diversi sorsi ta’ finanzjament mill-Istati Membri u l-Komunità li għandhom prijoritajiet, kriterji ta’ evalwazzjoni, definizzjonijiet u proċeduri differenti li jwassal għal-irduppjar mhux meħtieġ, konfużjoni, żbalji u nuqqas ta’ massa kritika; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqiegħdu l-kwistjonijiet dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn id-diversi programmi tal-UE u nazzjonali fuq nett fl-aġenda tagħhom; jitlob li l-Kummissjoni twettaq analiżi biex ittejjeb ir-rabta bejn l-azzjonijiet Ewropej u nazzjonali, inkluż il-koordinazzjoni possibbli fil-fażijiet tat-tfassil ta’ sejħiet għal proposti u proġetti ta’ evalwazzjoni, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ regoli nazzjonali jew liġijiet li jostakolaw jew jikkumplikaw il-ġestjoni finanzjarja ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni ta’ riċerka internazzjonali; jitlob li s-sejħiet għal proposti, inklużi dawk ta’ Lulju 2011, jinħarġu flimkien mal-Istati Membri, mingħajr ma jiddupplikaw jew jikkompetu mal-inizjattivi nazzjonali, imma li jkunu komplementari għalihom; f’dan ir-rigward, iqis li l-iskema ERA-Net għandha tiġi msaħħa bħala għodda sabiex tappoġġja l-kwalità u l-iżvilupp ta’ kriterji għal indikaturi ta’ kwalità li jikkostitwixxi l-bażi għall-koordinazzjoniment bejn programmi jew impriżi konġunti; jissuġġerixxi li s-Seba’ Programm Qafas għandu jikkumplimenta l-isforzi tal-atturi li jimmaniġġjaw il-programmi nazzjonali involuti fl-ipprogrammar konġunt, biex il-Programmi ta’ Qafas RŻT jevolvu minn loġika ta’ ġestjoni ta’ proġett għal waħda ta’ ġestjoni ta’ programm iżda mingħajr ma jinjoraw il-ġestjoni ta’ proġetti żgħar; jemmen li sabiex l-Ipprogrammazzjoni Konġunta tirnexxi, il-proġetti għandhom jintgħażlu abbażi tal-kwalità, li jitfasslu skont il-karatteristiċi ta’ kull settur, ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni għandu jissaħħaħ, u l-Istati Membri li jipparteċipaw għandhom jirrispettaw l-obbligi finanzjarji tagħhom; jitlob li l-aħħar tliet snin tas-Seba’ Programm Qafas jiġu ddedikati biex jikkontribwixxu għall-bini taż-ŻER; |
23. |
Huwa xettiku dwar il-fatt li ħafna drabi huwa possibbli biss li tiġi ffinanzjata proposta waħda – u waħda biss – għal kull sejħa, li jwassal għal ħela ta’ riżorsi investiti fit-tħejjija u l-valutazzjoni ta’ proposti ta’ kwalità u n-nuqqas ta’ finanzjament ta’ ċerti ideat ta’ kwalità; jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibbiltà li tiffinanzja proposti ta’ riċerka ta’ kwalità, mhux magħżula, permezz ta’ baġit ta’ riċerka addizzjonali (fondi ta’ riċerka pariġġ) li se jikkontribwixxu għalihom l-Istati Membri, il-fondi reġjonali u strutturali u s-settur privat; |
24. |
Jissottolinja l-importanza tal-azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli, il-kompetittività u s-sigurtà u s-sikurezza tal-enerġija nukleari; |
25. |
Jirrikonoxxi l-importanza tal-proġett tal-BSI (Interkonnessjoni għall-Baħar l-Iswed) f’termini ta’ ħolqien ta’ netwerk ta’ riċerka reġjonali u edukazzjoni fl-ikbar żona tal-Baħar l-Iswed u l-konnessjoni tagħha mal-GEANT, u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja proġetti ta’ riċerka fil-BSR (Ir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed) bħall-HP-SEE, SEE-GRID, SCENE, CAREN u BSRN; |
26. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura, fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas u l-qafas finanzjarju futur, livell xieraq ta’ finanzjament ta’ Riċerka u Żvilupp għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS); |
27. |
Jenfasizza li r-riċerka kollha mwettqa fis-Seba’ Programm Qafas għandha tiġi mwettqa skont id-drittijiet fundamentali kif espressi fil-Karta Ewropea; għalhekk, iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex minnufih tagħmel id-dokumenti kollha relatati ma’ INDECT (proġett ta’ riċerka ffinanzjat mis-Seba’ Programm Qafas immirat biex jiżviluppa sistema ta’ osservazzjoni awtomatizzata li tissorvelja b’mod kostanti websajts, kameras ta’ sorveljanza u sistemi individwali tal-kompjuter) disponibbli u tiddefinixxi mandat ċar u strett għall-għan tar-riċerka, l-applikazzjoni u l-utenti finali ta’ INDECT; jenfasizza li qabel ma ssir investigazzjoni bir-reqqa dwar l-impatti possibbli kollha fuq id-drittijiet fundamentali, INDECT m’għandux jirċievi fondi mis-Seba’ Programm Qafas; |
Parteċipazzjoni fis-Seba' Programm Qafas
28. |
Jenfasizza li ma jidhirx li l-industrija qed tippreżenta rati ta’ parteċipazzjoni ogħla meta mqabbla mal-programmi qafas preċedenti, speċjalment fil-kapitolu “Kooperazzjoni”; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tfassal analiżi dettaljata dwar il-kapaċità tal-Programm li jagħti spinta ikbar lill-investimenti tas-settur privat; |
29. |
Jemmen li l-proċeduri tas-sejħiet kompetittivi għal sħab addizzjonali għandhom ikunu bbażati fuq il-premessa bażika li l-kumpaniji u r-riċerkaturi involuti jkollhom l-iktar għarfien profond possibbli dwar il-proġett u dwar liema msieħeb l-iktar li għandhom bżonn u li, minflok tobbligahom isegwu l-listi ta’ klassifikazzjoni tal-esperti ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa ġustifikazzjoni bil-miktub tal-għażla magħmula mill-konsorzju; |
30. |
Jifraħ bir-riżultati tas-Seba’ Programm Qafas għall-benefiċċju tal-SMEs, kemm f’dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs fil-kapitolu “Kapċità”, il-programm “Eurostars” u l-objettiv ta’ 15 % stabbilit fil-kapitolu “Kooperazzjoni”; sabiex tkun iffaċilitata iktar il-parteċipazzjoni tal-SMEs, jitlob li jiġu ppubblikati iktar sejħiet mhux tematiċi għall-SMEs, jiġu ppubblikati iktar ta’ spiss sejħiet għal proposti għal attivitajiet speċifiċi għal SMEs (jew li jkun hemm sejħa miftuħa permanenti), iktar simplifikazzjoni tar-regoli (inkluż regoli għall-programm “Eurostars”) u t-tnaqqis tal-perjodu ta’ żmien li fih jistgħu jingħataw il-fondi; jirrakkomanda li l-SMEs huma iktar involuti b’mod attiv fil-proċess tal-isfruttar tar-riżultati miksuba; |
31. |
Jemmen li l-parteċipazzjoni ta’ xjentisti żgħażagħ f’timijiet ta’ proġetti fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ riċerka kollaborattivi mill-organizzazzjoni tal-industrija u tax-xjenza għandha tiġi inċentivata; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri speċifiċi mfassla biex iżidu l-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi żgħażagħ fil-programmi ta’ qafas; jitlob lill-Kummissjoni biex tuża r-rieżami ta’ nofs it-terminu tas-Seba’ Programm Qafas biex tippromwovi l-impjieg ta’ xjentisti żgħażagħ billi tfassal ir-regoli u l-modi ta’ parteċipazzjoni b’tali mod li tiddedika porzjon sostanzjali tal-finanzjament għall-impjieg ta’ riċerkaturi żgħażagħ; |
32. |
Jinnota bi tħassib il-parteċipazzjoni relattivament baxxa ta’ ċerti Stati Membri fis-Seba’ Programm Qafas, li ma tikkontribwixxix għall-koeżjoni territorjali u żvilupp ibbilanċjat fl-Ewropa; hu tal-fehma li koordinazzjoni aħjar, koerenza u sinerġija tas-Seba’ Programm Qafas mal-Fondi Strutturali ta’ Koeżjoni, kif ukoll l-użu aħjar tal-programm People, jistgħu jtejbu l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri sottorappreżentati; jemmen li bl-użu tal-Fondi Strutturali biex tissaħħaħ l-infrastruttura tar-riċerka u jitkattar il-bini tal-kapaċità fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-Istati Membri kollha jistgħu jiksbu livell ogħla ta’ kwalità (il-passaġġ għall-eċċellenza); jilqa’ għalhekk l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sinerġiji (SEG), li ġie stabbiliti sabiex jintlaħqu sinerġiji bejn is-Seba’ Programm Qafas, il-Fondi Strutturali u l-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP); madankollu jenfasizza l-ħtieġa assoluta li ssir distinzjoni bejn kriterji għas-Seba’ Programm Qafas u l-Fondi Strutturali, peress li l-prinċipju tal-eċċellenza (taħt it-tmexxija unika u l-koordinazzjoni tal-Kummissjoni) għandu jieħu preċedenza meta jiġu allokati l-fondi tas-Seba’ Programm Qafas u b’hekk jiġi żgurat valur miżjud massimu għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-Ewropa; jindika b’sodisfazzjoni li, għall-perjodu 2007-2013, fil-Fondi ta’ Koeżjoni EUR 86 biljun huma allokati għall-appoġġ tal-innovazzjoni (25 % tal-ammont totali), li minnhom l-allokazzjoni għar-riċerka ewlenija u l-iżvilupp teknoloġiku tammonta għal EUR 50 biljun, ekwivalenti għall-baġit totali tas-Seba’ Programm Qafas; jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni territorjali tar-riċerka u l-iżvilupp, billi jitiqesu l-ħtiġijiet speċifiċi u l-kapaċitajiet tat-territorji meta jitfasslu politiki (“speċjalizzazzjoni intelliġenti”); għalhekk, iqis l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali bħala kruċjali fit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni tar-reġjun tagħhom; jirrakkomanda li l-fondi attwali li għadhom ma ntefqux li għadhom fil-baġit tal-UE u li se jibqgħu sa tmiem l-2013 u dawk ipprogrammati għall-perjodu 2014-2020 jiġu orjentati b’mod iktar qawwi lejn l-innovazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka, kemm f’termini ta’ riżorsi umani u żvilupp, kif ukoll infrastruttura; |
33. |
Jilqa’ l-progress mexxej iżda timidu lejn parteċipazzjoni iktar ibbilanċjata f’dak li jirrigwarda s-sessi fis-Seba’ Programm Qafas, minħabba li d-diversità hija importanti għall-kreattività u l-innovazzjoni; jindika li riċerkaturi nisa jaħdmu iktar fuq proġetti ta’ riċerka u kompiti iżgħar u inqas magħrufa u li jidher li jeżisti saqaf tal-ħġieġ problematiku ħafna għar-riċerkaturi nisa, li jwassal għal tnaqqis fis-sehem ta’ riċerkaturi nisa avvanzati, kif jidher ukoll fl-għadd baxx ta’ riċerkaturi nisa magħżula għall-għotja tal-investigatur avvanzat tal-KER; jaqbel li l-miżuri li jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa għandhom jiġu rrinforzati tul iċ-ċikli tal-ħajja tal-proġett (b’attenzjoni partikolari għas-sigħat ta’ xogħol flessibbli, faċilitajiet tal-kura tat-tfal imtejba, dispożizzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u liv tal-ġenituri) u li l-Kummissjoni għandha terġa’ ssaħħaħ l-approċċ tagħha biex tippromovi x-xjentisti nisa u għandha timmira li tiggalvanizza lill-Istati Membri biex jindirizzaw differenzi bejn is-sessi; jissottolinja li l-mira ta’ 40 % għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-Programm u l-Kumitati Konsultattivi għandha tiġi implimentata b’mod sensittiv; jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kumitat orizzontali biex jissorvelja u jagħti pariri dwar ir-rappreżentazzjoni tar-riċerkaturi nisa u tiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni tas-Sessi kif ġie rakkomandat mill-Ex Post Evalwazzjoni tas-Seba’ Programm Qafas; jitlob lill-universitajiet u lill-Istituzzjonijiet tal-UE biex jippromovu x-xjenza bħala qasam interessanti għaż-żewġ sessi mill-istadji bikrin tal-edukazzjoni, billi jippromwovu riċerkaturi nisa bħala xempji pożittivi; |
34. |
Jitlob rikonoxximent fil-livell reġjonali tar-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet intermedjarji (bħal kmamar tal-kummerċ, in-Netwerk tal-Ewropa għall-Intrapriżi u aġenziji ta’ innovazzjoni reġjonali) bħala rabta bejn l-SMEs innovattivi f’kull reġjun u l-Kummissjoni; |
35. |
Jemmen li l-programmi għandhom jinfetħu għal sħab internazzjonali; jenfasizza li l-prinċipju bażiku għandu jkun li l-programmi kollha għandhom ikunu miftuħa għall-finanzjament tal-gruppi barranin ukoll (skont il-kompetenzi speċifiċi); jirrifjuta l-idea li l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni aħjar milli r-riċerkaturi biex tiddetermina l-għażla tas-sħab għall-kooperazzjoni; |
36. |
Hu tal-opinjoni li s-Seba’ Programm Qafas għandu jafferma l-prijoritajiet tiegħu fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali; hu tal-fehma li l-għażla tal-pajjiżi u s-suġġetti mmirati għall-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali għandha titwettaq flimkien mal-Istati Membri sabiex jiżgura l-kumplimentaritajiet ta’ dawn l-azzjonijiet mal-partijiet involuti kollha; madankollu, jafferma mill-ġdid li għandha tingħata attenzjoni lill-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
Finanzjament
37. |
Jikkunsidra li mill-inqas għandu jinżamm il-livell ta’ finanzjament tas-Seba’ Programm Qafas li hu kredibbli u meħtieġ, sabiex jingħelbu l-isfidi soċjetali kbar u jfakkar li l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni hu investiment fit-tul u jikkostitwixxi element determinanti li jippermetti li jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; |
38. |
Jemmen li n-nefqa tas-Seba’ Programm Qafas, kif ukoll l-orjentazzjoni tar-riċerka ġenerali, għandhom jiġu allinjati kemm jista’ jkun bl-objettivi prominenti tal-politika stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020; jemmen li progress xjentifiku fuq sfidi kbar jeħtieġ impenn f’terminu medju jew fit-tul tal-istrumenti ta’ finanzjament li jappoġġjaw kemm ir-riċerka fundamentali kif ukoll il-kollaborazzjoni mal-industrija u sħab esterni oħra; |
39. |
Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-infrastrutturi ta’ riċerka u jenfasizza li l-iżvilupp u l-finanzjament tagħhom (abbażi tal-lista tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastruttura tar-Riċerka u inkluż l-għoti ta’ tagħmir tal-laboratorji u strumenti u l-manutenzjoni tagħhom) għandhom jibbenefikaw minn koordinazzjoni aħjar u kofinanzjament bejn is-Seba’ Programm Qafas, l-istrumenti tal-BEI, il-Fondi Strutturali u l-politiki nazzjonali u reġjonali; jemmen li d-dupplikazzjoni tal-infrastruttura tar-riċerka fi Stati Membri differenti għandha tiġi evitata u li aċċess miftuħ u bbażat fuq il-kwalità għal infrastrutturi ta’ riċerka għandu jittejjeb; jitlob li jsiru sforzi għat-tisħiħ tal-infrastrutturi tar-riċerka fis-Seba’ Programm Qafas, speċjalment fejn hemm l-ikbar kamp ta’ applikazzjoni għal valur miżjud fil-livell tal-UE; |
40. |
Iqis li l-benefiċjarji tal-finanzjament tal-infrastruttura tar-riċerka għandhom jiġġustifikaw biċ-ċar ir-rwol tagħhom u l-użu tat-tagħmir, laboratorji u riċerka jew persunal tekniku; għal dan l-għan, jemmen li għandha tinħoloq sistema ta’ monitoraġġ u spezzjoni li tivverifika l-konformità tal-ftehimiet; |
41. |
Jistieden lill-Istati Membri u l-UE jirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħhom, inkluż impenji għal azzjonijiet abbażi tal-Artikoli 185 u 187, fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tar-riċerka; |
42. |
Jitlob lill-Kummissjoni – meta wieħed iqis l-objettiv li 3 % tal-PDG jiġu ddedikati għall-iżvilupp tar-riċerka u dak teknoloġiku sal-2020 u bir-rikonoxximent li r-riċerka u l-innovazzjoni jipprovdu l-unika direzzjoni ċerta lejn l-irkupru ekonomiku fl-UE – biex tqis il-possibilità li tistabbilixxi livell interim vinkolanti ta’ finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku li jammonta għal madwar 1 % tal-PDG sal-2015; |
Ir-rwol tal-innovazzjoni
43. |
Jinnota tisħiħ tad-dimensjoni “innovazzjoni” fi programmi ta’ ħidma futuri; hu tal-fehma li, sabiex il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni jkollhom impatt ċar fuq is-suq u s-soċjetà, għandhom jitwettqu azzjonijiet li jippermettu l-isfruttar u l-kummerċjalizzazzjoni massimi ta’ riżultati ta’ riċerka, bħall-indirizzar tal-potenzjal tal-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati ta’ riċerka f’sejħiet speċifiċi jew il-kriterji tal-evalwazzjoni f’oqsma partikolari; jitlob lill-Kummissjoni tibda tiffinanzja proġetti ta’ dimostrazzjoni, pilota u li juru l-kunċett qabel tmiem is-Seba' Programm Qafas u tqis sistema ta’ finanzjament biex tippremja l-proġetti li jirnexxu u tappoġġa l-introduzzjoni tagħhom fis-suq biex jikkumplimentaw il-finanzjament minn qabel kif qed isir bħalissa; jemmen, ukoll f’dan ir-rigward, li hemm ħtieġa għall-koordinazzjoni mill-qrib bejn is-Seba' Programm Qafas, is-CIP u l-Fondi Strutturali; |
44. |
Jinnota li jekk is-Seba’ Programm Qafas ikun strutturat b’tali mod li jagħmel distinzjoni bejn ix-xjenza għall-finijiet tax-xjenza, ix-xjenza għall-kompetizzjoni, u x-xjenza għas-soċjetà, hemm riskju li t-transizzjoni gradwali mir-riċerka bażika għar-riċerka applikata u l-innovazzjoni ma tiġix meqjusa; jindika l-ħtieġa li jkun hemm prevenzjoni tal-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġetti integrati li qed jiġu ostakolati mir-riġidità strutturali; |
45. |
Jemmen li kemm is-Seba’ Programm Qafas kif ukoll it-Tmien Programm Qafas futur għandhom jagħtu kontribuzzjoni ikbar għall-iżvilupp tal-industrija fl-Ewropa, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu r-riċerka applikata; |
46. |
Filwaqt li hu rikonoxxut li s-Seba’ Programm Qafas hu mmirat primarjament lejn ir-riċerka u l-iżvilupp tekonoloġiku, jenfasizza l-importanza tat-tfassil ta’ politiki u programmi tal-UE b’tali mod li s-sinerġiji fi ħdan il-katina ta’ valur sħiħa tar-riċerka u l-iżvilupp (mir-riċerka u l-edukazzjoni, sal-innovazzjoni, għall-ħolqien tal-impjiegi) jiġu sfruttati kemm jista’ jkun; jemmen li dan huwa l-uniku mod li bih jistgħu jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-“Unjoni tal-Innovazzjoni” u biex titħaffef it-trasformazzjoni tal-Ewropa f’soċjetà bbażata fuq l-għarfien; f’dan ir-rigward, filwaqt li jintlaqa’ l-iżvilupp attwali ta’ tabella tal-innovazzjoni, jitlob għal definizzjoni wiesgħa tal-innovazzjoni (inkluż l-innovazzjoni mhux teknoloġika u dik immexxija mill-impjegati) u għall-iżvilupp ta’ mudelli iktar effikaċi, metodoloġiji u strumenti biex titkejjel l-innovazzjoni u tingħata spinta, inkluż permezz tal-akkwist pubbliku, l-istabbiliment ta’ standards u l-inġinerija tal-finanzjament; |
47. |
Jirrikonoxxi li l-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, l-ITKs u l-PPPs jikkontribwixxu għal parteċipazzjoni akbar min-naħa tas-settur industrijali u jitlob għall-konsolidazzjoni tagħhom fi programmi futuri; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati regoli adegwati għal parteċipazzjoni (inkluż regoli tal-proprjetà intellettwali) u rati ta’ finanzjament (inkluż rati ta’ finanzjament għal spejjeż indiretti), kif ukoll għall-ħidma għal iktar simplifikazzjoni, sabiex jattiraw numru ikbar ta’ SMEs, istituti ta’ riċerka pubbliċi u organizzazzjonijiet ta’ riċerka iżgħar u sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar fl-aċċess tal-partijiet interessati u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ITKs u l-PPPs; |
Monitoraġġ tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni
48. |
Jinsab imħasseb dwar il-piż amministrattiv eċċessiv tas-Seba’ Programm Qafas; jenfasizza li miżuri ta’ simplifikazzjoni li ma jeħtieġux bidla fir-regolament għandhom jiġu implimentati mill-iktar fis possibbli, filwaqt li jiġu rrispettati s-simpliċità, l-istabbiltà, il-konsistenza, iċ-ċertezza legali, it-trasparenza, l-eċċellenza u l-fiduċja, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora iktar miżuri ta’ simplifikazzjoni, inklużi kontribuzzjonijiet in natura minn applikanti, kif ukoll iktar allinjament mal-metodi ta’ kalkolu u kontabilità użati f’sistemi ta’ finanzjament nazzjonali; Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri urġenti biex tqassar b’mod sinifikanti ż-żmien mill-applikazzjoni u l-għotja, tnaqqas il-proċeduri burokratiċi għat-tħejjija, il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-proġett (inkluż permezz tal-użu ta’ portal ta’ applikazzjoni tal-UE bbażat fuq il-mudell ekwivalenti tal-Istati Uniti), tnaqqas l-għadd ta’ rapporti perjodiċi ta’ status finanzjarju u l-awditjar ta’ dokumenti għal kull perjodu ta’ rappurtar, u ssib bilanċ aħjar bejn ir-riskju u l-kontroll tar-riċerka; jenfasizza li l-kultura attwali ta’ kontra r-riskji tal-politika tar-riċerka tal-UE ma tkunx tippermetti finanzjament ta’ ideat ta’ riċerka b'riskji għolja li għandhom l-ogħla potenzjal għal skoperti ġodda, u għalhekk jissuġġerixxi approċċ ibbażat fuq il-fiduċja b'iktar permessività għar-riskju u għall-falliment, għall-kuntrarju ta’ approċċ ibbażat biss fuq il-ksib ta’ riżultati li jista' jxekkel ir-riċerka innovattiva; jirrakkomanda interpretazzjoni simplifikata u kjarifika ulterjuri tad-definizzjoni tal-ispejjeż eleġibbli; jappoġġa l-proposta għal reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri u jitlob reviżjoni u/jew interpretazzjoni estiża tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE dwar il-kwistjoni tar-responsabilità personali; jitlob għal regoli proċedurali iktar preċiżi, konsistenti u trasparenti għall-awditjar, inkluż permezz ta’ teħid ta’ kampjuni inqas spontanju u kriterji iktar realistiċi, bħall-esperjenza ta’ parteċipanti u l-isfond tal-iżbalji u l-konformità; |
49. |
Itenni l-importanza li jiddaħħlu bla dewmien miżuri ta’ semplifikazzjoni proċedurali, amministrattiva u finanzjarja fil-ġestjoni attwali tas-Seba’ Programm Qafas, kif ġew identifikati fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta’ Novembru 2010; jilqa’ d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2011 li tintroduċi tliet miżuri ta’ simplifikazzjoni, kif ukoll il-ħolqien ta’ Faċilità ta’ Reġistrazzjoni Unika; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta immedjatament dawn il-miżuri b’mod uniformiu biex tinvestiga fejn għad hemm il-possibbiltà ta’ miżuri ta’ simplikazzjoni addizzjonali; jiddispjaċih dwar il-problemi serji tal-interpretazzjoni u l-inċertezza legali għall-parteċipanti tas-Seba’ Programm Qafas u jtenni r-rieda tiegħu biex il-proċedimenti legali bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji fir-rigward tal-programmi qafas kollha jissolvew malajr waqt li jiġi rispettat il-prinċipju ta’ ġestjoni serja tal-flus pubbliċi; jitlob lill-Kummissjoni biex tippermetti lill-benefiċjarji jikkonsultaw lill-Kumitat tal-Approvazzjoni tar-Riċerka waqt jew wara proġett biex jiċċaraw kwistjonijiet relatati mal-kalkolu tal-ispejjeż, regoli għall-parteċipazzjoni u verifiki, inkluż verifiki ex post; jenfasizza l-ħtieġa li dak li jaħdem jinżamm kif inhu u jinbidlu biss ir-regoli li jeħtieġ li jiġu adattati; |
50. |
Jitlob għal miżuri biex inaqqsu l-ħin sa ma tingħata l-għotja mmirati lejn it-titjib tal-perċentwal tal-għotjiet iffirmati f’inqas minn tmien xhur b’ċertu perċentwal sal-2011 u inqas minn sitt xhur waqt il-perjodu li jifdal; |
51. |
Jilqa’ pożittivament ir-rakkomandazzjonijiet biex jitqassar iż-żmien ta’ aġġudikazzjoni, u jitlob li ssir evalwazzjoni tal-istrumenti eżistenti qabel ma jinħolqu strumenti ġodda fil-qafas tas-Seba’ Programm Qafas; |
52. |
Jipproponi li l-Kummissjoni tgħin lill-korpi pubbliċi biex itejbu s-sistemi ta’ ġestjoni tagħhom billi jwettqu valutazzjonijiet mingħajr konsegwenzi finanzjarji li jinkoraġixxi lil dawn il-korpi biex iwettqu numru ta’ azzjonijiet biex itejbu l-ġestjoni tal-proġetti tagħhom u jimplimentawhom sa skadenza speċifika ta’ inqas minn sena; |
Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF)
53. |
Iqis li l-RSFF kellu rwol ta’ katalist ewlieni kemm f’termini kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi għaż-żieda tal-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fi żmien ta’ kriżi fejn is-settur bankarju ma kienx f’pożizzjoni li jwettaq dak ir-rwol, bir-riżultat ta’ EUR 8 biljun ta’ self li wasslu għal iktar minn EUR 20 biljun f’investimenti; |
54. |
Jesprimi madankollu t-tħassib tiegħu fid-dawl tal-ammonti minimi allokati għall-infrastrutturi ta’ riċerka, l-universitajiet u l-entitajiet ta’ riċerka u l-SMEs, partikolarment l-SMEs innovattivi, kif ukoll minħabba l-iżbilanċ ġeografiku u settorjali li tqies fis-self allokat; jappoġġa, għalhekk, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li saru mill-grupp espert, maħsuba għat-titjib tal-parteċipazzjoni ta’ ċerti gruppi ta’ mira li mhumiex rappreżentati biżżejjed u japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011, speċjalment it-talba tiegħu biex l-għażliet possibbli kollha jiġu esplorati fil-perspettiva tal-valorizzazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq il-livell Ewropew, b’mod partikolari biex jiffaċilita l-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-suq tal-għarfien; |
55. |
Jesprimi dispjaċir li l-proġetti tal-RSFF huma attivi biss fi 18-il Stat Membru tal-UE u żewġ pajjiżi assoċjati, u li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-universitajiet/il-korpi ta’ riċerka u l-faċilitajiet ta’ riċerka attwalment mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-RSFF; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa r-raġunijiet għaliex id-disa’ Stati Membri l-oħra tal-UE ma użawx din il-faċilità l-ġdida, li uriet li tikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex iżżid il-finanzjament tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u tiżgura l-partċipazzjoni tal-pajjiżi kollha kkonċernati; |
56. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestigaw ir-reklamar rigward id-disponibilità tas-self tal-RSFF fil-livell tal-Istati Membri u biex jiżguraw li l-parteċipanti potenzjali jkollhom informazzjoni u għajnuna adegwati biex jaċċessaw is-self tal-RSFF, speċjalment f’dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-Euro; |
57. |
Jirrakkomanda li l-applikazzjoni ta’ dan l-istrument finanzjarju innovattiv tkun segwita u intensifikata fis-Seba’ Programm Qafas u għall-futur fit-Tmien Programm Qafas biex jikkontribwixxi għat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament u biex jiffavorixxi l-investimenti privati; jenfasizza l-ħtieġa li jiżgura li dawn l-istrumenti finanzjarji huma adattati għall-SMEs; |
Konklużjoni ġenerali u orjentazzjonijiet futuri
58. |
Jitlob għall-użu tas-Seba’ Programm Qafas biex jitqiesu l-konsegwenzi differenti f’kull Stat Membru tal-kriżi ekonomika għall-aħħar snin tal-programm (2011-2013), minħabba ċ-ċifri konsiderevoli (EUR 28.8 biljun fuq tliet snin) li għad irid jiġi ppjanat, l-objettivi li għandhom jinkisbu għall-UE 2020 u t-tħejjija għaż-Żona Ewropea ta’ Riċerka u l-Unjoni tal-Innovazzjoni; b’mod partikolari, jitlob l-allinjament tal-objettivi tal-programm tas-Seba’ Programm Qafas mal-istrateġiji tal-UE dwar l-Effiċjenza tar-Riżorsi, il-Materji Primi u l-Aġenda Diġitali; |
59. |
Jemmen li s-somom li jifdal ma għandhomx jitneħħew mir-riċerka u użati għal programmi jew strumenti oħra li ma jaqgħux fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni jew l-objettivi u l-kamp ta’ applikazzjoni tas-Seba’ Programm Qafas; |
60. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ, jiġi stimulat u jiġi żgurat il-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Unjoni peremzz ta’ żieda sinifikanti fl-infiq relevanti wara l-2013; hu tal-fehma li din iż-żieda fil-finanzjament, idealment permezz tal-irduppjar tal-baġit, għandha trawwem tkabbir sostenibbli u kompetizzjoni permezz tal-eċċellenza; jenfasizza hawnhekk li din iż-żieda fil-fondi għandha tkun marbuta ma’ approċċ iktar orjentat lejn ir-riżultati, xprunati mill-prestazzjoni u b’simplifikazzjoni radikali tal-proċeduri tal-finanzjament; jappoġġa iktar kollaborazzjoni u kooperazzjoni bejn id-diversi programmi tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, pereżempju bit-titolu "Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni"; jemmen li l-kontinwità tal-programm futur, ladarba jiġi stabbilit, hija importanti għall-atturi kollha involuti; |
61. |
Jenfasizza li huwa importanti li titqies il-valutazzjoni tar-riżultati miksuba fl-oqsma kollha ddefiniti bħala prijoritajiet politiċi għall-finanzjament, u kemm kienu effikaċi, sabiex titjieb l-evalwazzjoni ta’ programmi futuri; |
*
* *
62. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. |
(1) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0401.
(3) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 104.