Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0233

    Akkwist pubbliku Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta’ Mejju 2011 dwar l-aċċess ugwali għas-swieq tas-settur pubbliku fl-UE u f'pajjiżi terzi u dwar ir-reviżjoni tal-qafas legali tal-akkwist pubbliku inklużi l-konċessjonijet

    ĠU C 377E, 7.12.2012, p. 99–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 377/99


    Il-Ħamis 12 ta’ Mejju 2011
    Akkwist pubbliku

    P7_TA(2011)0233

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar l-aċċess ugwali għas-swieq tas-settur pubbliku fl-UE u f'pajjiżi terzi u dwar ir-reviżjoni tal-qafas legali tal-akkwist pubbliku inklużi l-konċessjonijet

    2012/C 377 E/12

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Direttivi 2004/18/KE u 2004/17/KE dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u d-Direttivi 89/665/KEE, 92/13/KEE u 2007/66/KE rigward il-proċeduri ta’ rieżami dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar żviluppi ġodda fl-akkwisti pubbliċi (1),

    wara li kkunsidra r-rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, mill-Professur Mario Monti, bit-titlu ‘Strateġija ġdida għas-Suq Uniku – għas-servizz tal-Ekonomija u s-Soċjetà Ewropea’,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titlu ‘Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna’ (COM(2010)0608),

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku - ‘Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti’ (COM (2011)0015),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi suq tal-akkwist pubbliku li jopera tajjeb hu ta’ importanza essenzjali sabiex jissaħħaħ is-Suq Uniku, tkun stimolata l-innovazzjoni, jitrawmu t-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività, ikun promoss livell ogħla ta’ ħarsien ambjentali, tal-klima u tad-drittijiet soċjali fl-UE u jinkiseb valur ottimali għall-awtoritajiet pubbliċi, ċ-ċittadini u dawk li jħallsu t-taxxi,

    B.

    billi speċjalment fil-perspettiva tas-superament tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-ħarsien kontra kull kriżi futura, l-akkwist pubbliku huwa ta’ rilevanza kruċjali, billi jservi ta’ katalist għar-rivitalizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE u għaldaqstant għall-impjiegi u l-benessri fl-UE,

    C.

    billi proċess sod u maħsub tajjeb ta’ titjib tal-qafas legali għall-akkwist pubbliku hu ta’ importanza vitali għall-benessri taċ-ċittadini tal-UE, għall-konsumaturi tal-UE u għan-negozji tal-UE, għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali u għaldaqstant għall-approvazzjoni tal-UE bħala entità,

    D.

    billi f'dak li għandu x'jaqsam ma’ kwantità ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tar-rieżami tal-liġi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, għandhom jitqiesu l-prijoritajiet differenti f'termini ta’ urġenza kif ukoll ta’ rabta tematika, minħabba żviluppi politiċi li għaddejjin bħalissa fuq livell Ewropew u internazzjonali,

    E.

    billi sett estensiv ta’ mistoqsijiet fi ħdan il-qafas tradizzjonali tal-akkwist pubbliku u l-kwistjoni marbuta mill-qrib mal-konċessjonijiet jeħtieġu valutazzjoni koerenti bbażata fuq konsultazzjoni konsistenti mal-partijiet ikkonċernati,

    F.

    billi l-kwistjoni speċifika tas-salvagwardja tat-trattament ugwali u l-kompetizzjoni ġusta fis-swieq tal-akkwist pubbliku fl-UE u f'pajjiżi terzi teħtieġ b'mod urġenti aktar attenzjoni politika, speċjalment fid-dawl tal-problemi attwali marbuta mal-aċċess għas-swieq tas-settur pubbliku f'pajjiżi terzi, il-progress kajman fin-negozjati dwar ir-rieżami tal-ftehim dwar il-kuntratti pubbliċi (GPA) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u r-riluttanza ċara ta’ bosta pajjiżi terzi li jingħaqdu mal-GPA,

    1.

    Jirreferi għall-kummenti tiegħu li jinsabu fir-riżoluzzjoni tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar żviluppi ġodda fl-akkwist pubbliku, u speċjalment fil-paragrafu 46 ta’ din ir-riżoluzzjoni li fiha jintqal li, waqt li jargumenta bis-saħħa kontra miżuri protezzjonisti fil-qasam tal-akkwist pubbliku fuq livell globali, jemmen bil-qawwa fil-prinċipju ta’ reċiproċità, benefiċċju reċiproku u proporzjonalità f'dak il-qasam; u jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi dettaljata tal-benefiċċji potenzjali u l-problemi assoċjati bl-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet proporzjonali u mmirati dwar aċċess għal partijiet tas-swieq tal-akkwist tal-UE, kif ukoll valutazzjoni tal-impatt li tanalizza meta tista' tintuża u valutazzjoni tal-bażi legali li strument bħal dan għandu jadotta għal dawk is-sħab kummerċjali li jibbenefikaw minn ftuħ tas-suq tal-UE iżda li ma urew ebda intenzjoni li jiftħu s-swieq tagħhom għall-kumpaniji tal-UE, filwaqt li jkompli jħeġġeġ is-sħab tal-UE biex joffru arranġamenti għal aċċess tas-suq reċiproku u proporzjonali għall-kumpaniji Ewropej qabel ma jkun propost kwalunkwe test ieħor fil-qasam tal-akkwist pibbliku;

    2.

    Hu tal-opinjoni li l-ispirtu ta’ reċiproċità pożittiva u trasparenza fil-fatt se jiżgura ftuħ akbar tas-swieq tal-akkwist pubbliku u jevita miżuri protezzjonistiċi bl-użu tal-għodda eżistenti kollha disponibbli;

    3.

    Jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni tipprovdi d-data dwar il-livell ta’ ftuħ tal-akkwist pubbliku u tiggarantixxi r-reċiproċità mal-pajjiżi industrijalizzati u mal-ekonomiji emerġenti ewlenin l-oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tistudja modi ġodda kif ittejjeb l-aċċess tal-impriżi Ewropej għas-swieq tal-akkwist pubbliku barra mill-UE, bil-għan li jiġu garantiti kundizzjonijiet ta’ parità kemm għall-impriżi Ewropej kif ukoll għal dawk barranin li jikkompetu fl-aġġudikazzjoni tal-appalti pubbliċi; jipproponi, f'termini aktar ġenerali, li l-ftehimiet kummerċjali futuri nnegozjati mill-Unjoni għandhom jinkludu kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli, ispirat mill-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji kif definit mill-aġġornament tal-2010 tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali;

    4.

    Konvint li sabiex ikunu evitati miżuri protezzjonisti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi tal-esportaturi tal-UE anki f'oqsma differenti mis-swieq tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni għandha tfittex li tindividwa miżuri adegwati li ma jippermettux kontromiżuri nazzjonali jew Komunitarji ġenerali, iżda li dawn ikunu bbażati fuq għodda xierqa fil-qasam tal-akkwist pubbliku;

    5.

    F'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-problemi assoċjati ma’ offerti straordinarjament baxxi u biex jiġu proposti soluzzjonijiet xierqa;

    6.

    Jirrakomanda lill-awtoritajiet kontraenti jipprovdu tagħrif bikri u suffiċjenti lill-offerenti l-oħra f'każ ta’ offerti baxxi mhux normali, sabiex ikun jistgħu jevalwaw jekk hemmx bażi għal ftuħ ta’ proċedura ta’ rieżami;

    7.

    Iqis bħala bżonn urġenti li l-UE tikseb koerenza akbar bejn il-politika komuni tal-kummerċ estern tal-UE u l-prattiki fi Stati Membri li jaċċettaw offerti eċċezzjonalment baxxi ta’ kumpaniji minn pajjiżi li mhumiex firmatarji tal-GPA, bi żvantaġġ għall-kumpaniji tal-UE u standards tax-xogħol, soċjali u ambjentali eżistenti fl-Istati Membri tal-UE;

    8.

    Minħabba l-mistoqsija 114 tal-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbbliku li titlob għal klassifikazzjoni fl-importanza u għall-prijoritajiet ewlenin fost il-bosta kwistjonijiet imqajma fil-Green Paper, l-isostni importanza li jinkisbu soluzzjonijiet effikaċi dwar il-bżonn ta’ aċċess tas-suq ġust, miftuħ u bilanċjat minkejja l-indirizzar fil-ħin ta’ kwistjonijiet urġenti, bħas-semplifikazzjoni u l-kjarifika tar-regoli, it-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-appalti pubbliċi, il-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku u sussegwentement il-kunsiderazzjoni ta’ aspetti oħrajn tar-rieżami tal-akkwist pubbliku fir-rigward tal-konċessjonijiet; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex qabel kollox tindirizza l-kwistjoni tas-semplifikazzjoni tar-regoli, il-kisba ta’ aċċess bilanċjat tajjeb għas-swieq tas-settur pubbliku, titjieb tal-aċċess għall-SMEs, u biex wara twettaq rieżami tal-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet, sabiex tippermetti għal involviment validu meħtieġ tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri, iżda anki taċ-ċittadini u n-negozji, bil-għan li jinkiseb ir-rikonoxximent meħtieġ ta’ dawn il-kwistjonijiet importanti kollha marbuta mas-Suq Uniku, li huma ferm rilevanti għall-benessri ġenerali tal-UE;

    9.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u l-Kummissjoni.


    (1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0173.


    Top