Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0224

    Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mal-Indja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta’ Mejju 2011 dwar l-istat attwali tan-negozjati tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja

    ĠU C 377E, 7.12.2012, p. 13–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 377/13


    L-Erbgħa 11 ta’ Mejju 2011
    Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mal-Indja

    P7_TA(2011)0224

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar l-istat attwali tan-negozjati tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja

    2012/C 377 E/03

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar Impriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministri tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta’ Novembru 2001 f'Doha, u b'mod partikolari l-paragrafu 44 tagħha, rigward Trattament Speċjali u Differenzjali (SDT),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Settembru 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja: Sħubija Strateġika (1),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-4 ta’ Ottubru 2006 bit-titolu 'L-Ewropa Globali: Kompetizzjoni Dinjija. Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi' (COM(2006)0567),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar il-Ftehim TRIPS u l-aċċess għall-mediċini (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2007 dwar l-Ewropa Globali: l-aspetti esterni tal-kompetittività (4),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija tal-Pajjiż li jikkonċerna l-Indja (2007-2013),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tagħti prijorità lil sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, stabbilita permezz tad-WTO, li toffri l-aħjar prospetti għal kummerċ internazzjonali miftuħ u ekwu billi tistabbilixxi regoli xierqa u tassigura konformità magħhom,

    B.

    billi konklużjoni ta’ suċċess u bilanċjata tal-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp (DDA) hija ta’ importanza kruċjali kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Indja, u billi t-tali ftehim ma jipprekludix ftehim bilaterali WTO+ li jista' jkun kumplimentari għar-regoli multilaterali,

    C.

    billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar għajn ta’ Investiment Barrani Dirett (IBD) għall-Indja, li jirrappreżenta 27 % tal-IBD totali fl-2009; billi, iżda, is-sehem tal-UE matul dawn l-aħħar tliet snin naqas, minn 37 % tal-IBD totali fl-2007 għal 32 % fl-2008 u 27 % fl-2009, filwaqt li l-ħruġ tal-IBD tal-UE lejn iċ-Ċina fl-2009 kien notevolment ogħla minn dak lejn l-Indja, li jirrappreżenta EUR 5.3 biljun meta mqabbel ma’ EUR 3.1 biljun lejn l-Indja,

    D.

    billi l-Indja kienet is-sbatax-il sieħba kummerċjali l-aktar importanti tal-Unjoni Ewropea fl-2000 u fl-2010 kienet tikklassifika fit-tmien post (meta t-tali kummerċ kien jiswa EUR 67.8 biljun); billi, iżda, is-sehem relattiv tal-UE fis-suq Indjan naqas minn 23,2 % fl-1999 għal 14,5 % fl-2009, filwaqt li s-sehem fis-suq Ċiniż żdied b'erba' darbiet matul l-istess perjodu ta’ żmien, minn 2,6 % fl-1999 għal 11,3 % fl-2009,

    E.

    billi l-Indja hija l-akbar benefiċjarju tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SPĠ); billi l-importazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mill-Indja b'rati preferenzjali jew mingħajr dazju kienu jiswew EUR 19.9 biljun fl-2009 u rrappreżentaw 83 % tal-importazzjonijiet totali tal-UE mill-Indja,

    F.

    billi ż-żewġ partijiet jistennew li jassiguraw benefiċċji konsiderevoli mill-eliminazzjoni tat-tariffi, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi u tal-istabbiliment u jerġgħu jaffermaw l-impenn tagħhom favur it-tnaqqis tat-tariffi u t-tkomplija tal-liberalizzazzjoni tal-istabbiliment u tal-kummerċ tas-servizzi,

    G.

    billi l-aċċess għas-suq għandu bżonn ikun akkumpanjat b'regoli u standards trasparenti u xierqa li jassiguraw li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tkun ta’ benefiċċju,

    H.

    billi l-aċċess għas-suq qiegħed ikun imxekkel minn ostakoli non-tariffarji (ONT) għall-kummerċ, bħal rekwiżiti tas-saħħa u sikurezza jew ostakoli tekniċi, restrizzjonijiet kwantitattivi, proċeduri ta’ konformità, mekkaniżmi ta’ difiża kummerċjali, proċeduri doganali, tassazzjoni interna u nuqqas ta’ adozzjoni ta’ normi u standards internazzjonali;

    I.

    billi għandhom jitqiesu saħansitra aktar l-elementi dwar ir-rikonoxximent, il-protezzjoni xierqa u effikaċi, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-drittitjiet ta’ proprjetà intellettwali (IPRs), inklużi privattivi, trade marks jew service marks, id-dritt tal-awtur u drittijiet simili, l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) (inklużi tikketti ta’ oriġini), id-disinn industrijali u t-topografiji taċ-ċirkwiti integrati,

    J.

    billi l-mediċini falsifikati potenzjalment jistgħu jikkawżaw ħsara lis-saħħa; billi l-UE u l-Indja għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex isibu tarf din il-problema,

    K.

    billi l-Indja tikkostitwixxi waħda mill-produtturi u esportaturi ewlenin ta’ mediċini ġeneriċi,

    L.

    billi s-suċċess u s-sostenibilità tal-programmi tas-saħħa jiddependu fil-biċċa l-kbira mid-disponibilità kontinwa ta’ mediċini ġeneriċi ta’ kwalità u bi prezz baxx; wara li kkunsidra li l-Indja għandha rwol kritiku bħala fornitur ta’ prodotti bħal dawn u li kien stabbilit li r-regoli dwar il-proprjetà intelletwali TRIPS+ għandhom impatt negattiv fuq id-disponibilità tal-mediċini ġeneriċi,

    M.

    billi l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni jipprevedi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi; billi dan jikkostitwixxi element essenzjali tal-ftehim,

    N.

    billi l-aċċess min-naħa tal-impriżi tal-UE għas-suq Indjan għadu qiegħed ikun imxekkel minn bosta ostakoli non-tariffarji (ONT), bħal rekwiżiti onerużi tas-saħħa u sikurezza jew ostakoli tekniċi, restrizzjonijiet kwantitattivi, proċeduri ta’ konformità, mekkaniżmi ta’ difiża kummerċjali, proċedura doganali, tassazzjoni interna, u nuqqas ta’ adozzjoni ta’ normi u standards internazzjonali;

    Kwistjonijiet ġenerali

    1.

    Jemmen li l-FTA għandu jkun bilanċjat u kumpatibbli mar-regoli u l-obbligi tad-WTO; iqis li l-prijorità kummerċjali tal-Unjoni Ewropea għadha s-suċċess tad-DDA u li n-negozjati mal-Indja dwar l-FTA għandhom għalhekk ikunu kumplimentari għar-regoli multilaterali;

    2.

    Jilqa' pożittivament l-eżitu tas-samit UE-Indja li sar f'Diċembru 2010 u jinkoraġġixxi l-partijiet fin-negozjati jaċċeleraw in-negozjati u jkomplu jikkonsultaw il-partijiet interessati ewlenin; ifakkar fl-impenn li ħadu l-UE u l-Indja biex iħaffu t-taħdidiet tal-FTA u biex jagħmlu progress sostanzjali u effiċjenti lejn konklużjoni bikrija ta’ ftehim ambizzjuż, bilanċjat u vast dwar il-kummerċ u l-investimenti; huwa diżappuntat li n-negozjati qed jimxu bil-mod; jistieden liż-żewġ partijiet jagħmlu sforz biex jikkonkludu FTA komprensiv, ambizzjuż u bilanċjat sal-aħħar tal-2011;

    3.

    Iħeġġeġ lill-gvernijiet statali u federali tal-Indja jissinkronizzaw il-politiki u l-proċeduri sabiex jippermettu li jkunu massimizzati l-profitti potenzjali;

    4.

    Ifakkar li l-objettivi tal-politika kummerċjali komuni għandhom ikunu kkoordinati bis-sħiħ mal-objettivi globali tal-Unjoni Ewropea, u li skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politika kummerċjali komuni tal-UE għandha ssir "fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni", u li, skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, hija għandha tikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għall-iżvilupp sostenibbli, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

    5.

    Jirrimarka, fid-dawl tal-komplimentarjetà taż-żewġ ekonomiji, il-potenzjal ta’ żieda fil-kummerċ u l-investimenti bejn l-UE u l-Indja u ta’ opportunijiet kummerċjali li joħorġu mill-FTA; iqis li l-FTA bejn l-UE u l-Indja huwa ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat, iżda jirrakkomanda li ssir evalwazzjoni tal-ispeċifiċitajiet settorjali eżistenti bil-għan li jiġu identifikati l-iżvantaġġi potenzjali tal-FTA għas-setturi sensittivi tal-UE;

    6.

    Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi kapitolu dwar żvilupp sostenibbli ambizzjuż bħala parti essenzjali tal-FTA;

    Kummerċ tal-prodotti

    7.

    Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati ta’ ħafna simulazzjonijiet ta’ kummerċ ħieles li juru li l-FTA jwassal għal żieda fl-esportazzjonijiet u fl-importazzjonijiet kumplessivi kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Indja; jenfasizza li, bir-rata medja attwali ta’ tkabbir, il-kummerċ bilaterali mistenni jiżdied għal EUR 160.6 biljun sal-2015;

    8.

    Josserva li t-tariffi medji applikati tal-Indja niżlu iżda għadhom konsiderevolment ogħla mit-tariffi tal-Unjoni Ewropea; jiġbed b'mod partikolari l-attenzjoni għall-fatt li t-tariffa medja tal-Indja għall-Aċċess għas-Suq għall-Prodotti mhux Agrikoli (NAMA) bħalissa hija 10,1 % meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 4 %, filwaqt li t-tariffa medja tal-Indja għall-agrikoltura hija 31,8 % meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 13,5 %;

    9.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv għall-kummerċ industrijali għandu jkun l-eliminazzjoni reċiproka totali tad-dazji, b'asimmetrija fl-għażla taż-żmien, u li kwalunkwe eċċezzjoni possibbli għal dan l-objettiv għandha tkun limitata u suġġetta għal rieżami u ma għandhiex tinvolvi l-esklużjoni ta’ setturi ta’ importanza għaż-żewġ naħat, ngħidu aħna l-karozzi tal-passiġġieri;

    10.

    Josserva li l-ftehim għandu jirrispetta s-sensitivitajiet marbuta mal-kummerċ agrikolu, iżda dan ma għandux jipprevjeni l-ftuħ tas-suq f'setturi ta’ komplimentarjetà;

    11.

    Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif xieraq kwalunkwe impatt negattiv fuq l-agrikoltura Ewropea, partikolarment fis-setturi tal-ftuħ tas-swieq, l-OĠM, il-ħalib, iċ-ċanga, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u t-tikkettar ta’ oriġini;

    12.

    Iqis li hu importanti li l-FTA jinkludi kapitoli ambizzjużi dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ u s-sanità kif ukoll miżuri fitosanitarji; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza, f'dan ir-rigward, kwistjonijiet pendenti bħall-benesseri tal-annimali;

    13.

    Jistieden liż-żewġ partijiet jiżguraw li r-regolamentazzjoni u l-ONT jitmexxew b'tali mod li l-kummerċ ġenerali ma jkunx imxekkel; jistieden kemm l-UE kif ukoll l-Indja jiżviluppaw dixxiplini effikaċi għall-prevenzjoni tal-emerġenza ta’ ostakoli ta’ regolamentazzjoni bla bżonn fil-konfront tal-kummerċ u jegħlbu l-ostakoli eżistenti filwaqt li jirrispettaw id-dritt ta’ regolamentazzjoni taż-żewġ naħat;

    14.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-FTA għandu jinkludi mekkaniżmu vinkolanti ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-istati u dispożizzjoni dwar il-medjazzjoni dwar l-ONT, kif ukoll klawżola ta’ salvagwardja effikaċi;

    Kummerċ tas-servizzi, stabbiliment

    15.

    Jirrikonoxxi li s-servizzi huma l-iktar parti tal-ekonomija Indjana li qed tikber b'rata mgħaġġla; jinnota li l-Indja għandha interessi offensivi fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-Mode 1 u l-Mode 4 tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS); jinnota li l-UE tixtieq tikkonkludi l-liberalizzazzjoni tal-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali fl-ambitu ta’ Mode 3 f'ħafna mis-servizzi; jinnota li l-ambizzjonijiet sħaħ tal-FTA ma jistgħux jintlaħqu mingħajr l-impenji fl-ambitu ta’ Mode 4; jenfasizza li hemm benefiċċji kbar ħafna konnessi mal-akkreditament nazzjonali u fl-UE kollha tal-kwalifiki professjonali u ftehimiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku u r-rekwiżiti tal-għoti ta’ liċenzji fi ħdan is-servizzi professjonali kemm fl-UE kif ukoll fl-Indja, li jistgħu jkunu koperti faċilment mill-FTA; jitlob, madankollu, li ssir analiżi bir-reqqa fir-rigward tal-Istati Membri individwali bil-għan li jiġu evitati konsegwenzi negattivi għas-suq tax-xogħol tal-UE, filwaqt li jkunu permessi, fl-ambitu ta’ Mode 4, permanenzi termporanji tal-professjonisti kkwalifikati meħtieġa;

    16.

    Jiġbed l-attenzjoni li l-liberalizzazzjoni tas-servizzi bl-ebda mod ma għandha tfixkel id-dritt ta’ regolamentazzjoni tas-servizzi, fosthom is-servizzi pubbliċi;

    17.

    Josserva li l-kummerċ bejn l-UE u l-Indja huwa relattivament żbilanċjat, billi l-UE tesporta 1,9 % tas-servizzi tagħha lejn l-Indja u din tal-aħħar tibgħat 11,6 % tal-esportazzjonijiet totali tagħha lejn l-UE;

    18.

    Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Indja tiżviluppa leġiżlazzjoni xierqa dwar il-protezzjoni tad-data li tkun tippermettilha tilħaq l-istatus ta’ pajjiż b'livell adegwat ta’ protezzjoni, b'hekk tħalli jew tippermetti t-trasferiment ta’ data personali mill-UE fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u f'konformità magħha;

    19.

    Iqis li l-kunsens li joperaw fl-Indja mogħti lill-kumpaniji barranin ta’ avukati u tal-kontabilità jaf iwassal għal benefiċċji sinifikanti għall-ekonomija u l-professjonijiet Indjani, kif anki għall-kumpaniji Ewropej b'kompetenzi fid-dritt internazzjonali u fil-kontabilità kif ukoll għall-klijenti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mal-awtoritajiet Indjani l-opportunità u l-ambitu tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi ġuridiċi u dawk tal-kontabilità fl-FTA;

    20.

    Iħeġġeġ lill-Indja tkompli tiftaħ s-settur bankarju, tal-assigurazzjoni u tal-imnut tagħha konformement mar-riformi mħabbra mill-awtoritajiet Indjani fir-rikonoxximent tal-fatt li l-leġiżlazzjoni finanzjarja adegwata hija importanti biex tiggarantixxi sorveljanza tas-servizzi finanzjarji, tnaqqas ir-riskju sistemiku u tagħti l-ogħla livell possibbli ta’ ħarsien tal-konsumatur;

    Investimenti

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja kapitolu dwar l-investimenti bħala parti mill-FTA, b'hekk tippermetti li l-proċess ta’ investimenti fis-suq ta’ xulxin isir mingħajr intoppi billi tippromwovi u tipproteġi l-ftehimiet ta’ investimenti filwaqt li teżamina opportunitajiet immedjati; jissuġġerixxi li t-tali kapitolu dwar l-investimenti jaf jipprevedi t-twaqqif ta’ sistema ta’ punti uniċi ta’ informazzjoni għall-investituri fiż-żewġ ekonomiji, bil-għan li jispjegawlhom id-differenzi fir-regoli u l-prattiki marbuta mal-investimenti u jagħtu informazzjoni dwar l-aspetti ġuridiċi kollha;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investimenti ma jnaqqsux il-kapaċità tal-partijiet li joħorġu liċenzji obbligatorji jew ixekklu l-politiki tas-saħħa pubblika l-oħrajn;

    Akkwist pubbliku

    23.

    Jilqa' favorevolment il-fatt li l-Indja qablet li tinkludi l-akkwist pubbliku fl-FTA; jiddispjaċih, iżda, li dan seħħ biss f'livell federali; jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja sistemi ta’ akkwist effikaċi u trasparenti; jistieden lill-Indja tapplika proċeduri trasparenti u ġusti meta taġġudika appalti pubbliċi u biex tagħti aċċess lis-sistemi ta’ akkwist pubbliku għall-impriżi Ewropej; jistieden lill-Indja tiggarantixxi l-aktar kopertura estiża possibbli, inkluż, b'mod partikolari, fl-impriżi tas-settur pubbliku;

    Kummerċ u kompetizzjoni

    24.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fl-iżvilupp ta’ kapitolu dwar il-kummerċ u l-kompetizzjoni fl-FTA UE-Indja, u jistieden liż-żewġ partijiet jintensifikaw il-kooperazzjoni ta’ bejniethom fi kwistjonijiet marbuta mal-kompetizzjoni relatati mal-kummerċ, fid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u fil-politika industrijali u kummerċjali;

    25.

    Jilqa' pożittivament l-impenn tal-Indja favur reġim tal-IPRs sod u favur l-użu ta’ flessibilitajiet tal-ftehim TRIPS fil-leġiżlazzjoni internazzjonali u nazzjonali biex jiġu sodisfatti l-obbligi tagħha rigward is-saħħa pubblika b'rabta partikolari mal-aċċess għall-mediċini essenzjali; iħeġġeġ lill-Indja timplimenta u tinforza b'rigorożità t-tali reġim, filwaqt li ttejjeb l-aċċess għall-mediċini essenzjali; jistieden lill-UE u lill-Indja jiżguraw li l-impenji fl-ambitu tal-FTA ma jipprekludux l-aċċess għal mediċini essenzjali waqt li l-Indja qiegħda tiżviluppa l-kapaċità tagħha li tinbidel minn industrija ġenerika għal waħda bbażata fuq ir-riċerka; isostni l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Indja fl-industriji farmaċewtiċi rispettivi tagħhom ibbażati fuq ir-riċerka, bil-għan li jiġi aċċertat tkabbir benefiku reċiproku fihom;

    26.

    Jitlob lill-Kummissjoni ma titlobx esklussività tad-data fil-kuntest tan-negozjati dwar id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali kif imniżżel fir-Riżoluzzjoni tal-PE tat-12 ta’ Lulju 2007, u biex tagħraf li l-esklussività tad-data jkollha konsegwenzi kbar għall-produzzjoni ta’ mediċini ġeneriċi u b'hekk hija ta’ detriment għall-aċċess għal mediċini u għall-politika tas-saħħa pubblika ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Indjani konċernati jelaboraw flimkien definizzjoni komuni tal-mediċini falsifikati b'mod li jkunx ixekkel l-aċċess għall-mediċini essenzjali, u jikkoordinaw l-azzjoni biex jiġġieldu b'mod effikaċi l-falsifikazzjoni u, partikolarment, mediċini falsifikati li jikkawżaw ħsara lil saħħet il-pazjenti;

    28.

    Jenfasizza li livell għoli ta’ protezzjoni tal-IĠ, sa mhux aktar tard minn meta jidħol fis-seħħ l-FTA, huwa ta’ importanza kruċjali;

    Kummerċ u żvilupp sostenibbli

    29.

    Jirrikonoxxi li kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli huwa parti essenzjali ta’ kwalunkwe FTA u jistieden liż-żewġ naħat jaqblu dwar kapitolu ambizzjuż li jirrifletti l-impenn komuni għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv abbażi ta’ valuri kondiviżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi klawżoli ġuridikament vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali u l-infurzar tagħhom, li jinkludu miżuri f'kaz ta’ ksur;

    30.

    Jitlob li dan il-kapitolu jkopri, tal-anqas, il-konformità mat-tmien konvenzjonijiet bażiċi u l-erba' konvenzjonijiet ta’ prijorità tal-ILO, kif ukoll l-istandards ambjentali li ntlaħaq ftehim internazzjonali dwarhom, u jipprovdi wkoll inċentivi lill-impriżi biex jidħlu f'impenji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva;

    31.

    Jilqa' pożittivament l-isforzi kollha tal-Gvern Indjan biex jeqred it-tħaddim tat-tfal; jistieden lill-Gvern Indjan u lill-Kummissjoni jkomplu jiffinanzjaw l-attivitajiet immirati lejn l-possibilità li t-tfal imorru l-iskola;

    32.

    Jisħaq fuq l-importanza li jiġi garantit li l-kumpaniji tal-UE li jagħmlu użu taż-Żoni Ekonomiċi Speċjali jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tax-xogħol u drittijiet tax-xogħol oħrajn ibbażati fuq il-konvenzjonijiet ILO li ġew irratifikati mill-Indja;

    33.

    Jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u s-sigurtà jikkostitwixxu elementi essenzjali tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Indja; jistieden, għaldaqstant, liż-żewġ naħat jiggarantixxu l-intensifikazzjoni tad-djalogu dwar kwistjonijiet miftuħa, b'riferiment partikolari għall-Kashmir;

    34.

    Jappoġġa bil-qawwa l-prattika tal-inklużjoni ta’ klawżoli vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali kollha tal-UE, b'mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni ċar u preċiż imfassal fuq l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou;

    Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

    35.

    Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni jippreżentaw l-FTA lill-Parlament għall-approvazzjoni tiegħu skont t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (5);

    36.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqisu bis-sħiħ it-talbiet tal-PE li ġew espressi f'din ir-riżoluzzjoni qabel jikkonkludu l-FTA; ifakkar li l-FTA jeħtieġ il-kunsens tal-PE sabiex jidħol fis-seħħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ma jipproponu l-ebda applikazzjoni proviżorja tal-ftehim qabel ma l-PE jkun ta l-kunsens tiegħu;

    Kunsiderazzjonijiet oħrajn

    37.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress ta’ kif l-Indja qed issir donatur kif ukoll benefiċjarju tal-għajnuna għall-iżvilupp;

    38.

    Jinnota li, jekk il-kooperazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Indja hija bbażata fuq sistema ta’ valuri universalment kondiviżi, tista' toħloq standard għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn;

    39.

    Iqis li l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali lis-settur tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-Indja, u għalhekk jissuġġerixxi li fil-programmi kollha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-UE u l-Indja, l-SMEs jistgħu jissaħħew permezz ta’ miżuri li jgħinu biex jiġu ffinanzjati proġetti lokali mmexxija mis-suq;

    40.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-Indja kollha qed tinxtered is-sistema tal-mikrokreditu, sistema li rebħet rikonoxximent bħala mezz effikaċi ta’ kif jinħoloq żvilupp immexxi mill-poplu;

    *

    * *

    41.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Indja.


    (1)  ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 589.

    (2)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 166.

    (3)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 591.

    (4)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 128.

    (5)  Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE.


    Top