Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0193

    Miżuri interim proposti għall-iffriżar u l-iżvelar tal-assi tad-debituri f'każijiet transkonfinali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2011 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar miżuri interim proposti għall-iffriżar u l-iżvelar tal-assi tad-debituri f'każijiet transkonfinali (2009/2169(INI))
    ANNESS

    ĠU C 377E, 7.12.2012, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 377/1


    It-Tlieta 10 ta’ Mejju 2011
    Miżuri interim proposti għall-iffriżar u l-iżvelar tal-assi tad-debituri f'każijiet transkonfinali

    P7_TA(2011)0193

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2011 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar miżuri interim proposti għall-iffriżar u l-iżvelar tal-assi tad-debituri f'każijiet transkonfinali (2009/2169(INI))

    2012/C 377 E/01

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar il-Green Paper dwar titjib fl-effiċjenza tal-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: is-sekwestru ta’ kontijiet bankarji (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ April 2009 dwar l-infurzar effikaċi tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: it-trasparenza tal-assi tad-debituri (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – il-programm ta’ Stokkolma (3),

    wara li kkunsidra l-Programm ta’ Stokkolma għall-2010-2014 – Ewropa Miftuħa u Sigura għas-Servizz u l-Protezzjoni taċ-Ċittadini (4), adottat mill-Kunsill Ewropew fil-10 ta’ Diċembru 2009 (5), u b'mod partikolari l-punt 3.4.2 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0147/2011),

    A.

    billi l-aktar għodda importanti tal-Unjoni fil-promozzjoni tat-tkabbir wara l-kriżi finanzjarja hija s-suq intern tagħha; billi huwa essenzjali li l-miljuni ta’ negozji u ċittadini li jagħmlu użu mis-suq intern u mid-dritt li jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw fl-UE ikollhom rimedji effikaċi fil-każ li jkollhom ilment kontra ċittadin jew negozju ieħor,

    B.

    billi s-suq intern u ż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jsiru realtà għaċ-ċittadini u n-negozji jekk kemm-il darba d-Dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, jiġi applikat b’mod effikaċi, mit-traspożizzjoni u t-tqajjim tal-kuxjenza għall-applikazzjoni u l-infurzar,

    C.

    billi l-livell attwali ta’ ġbir b’suċċess ta’ djun bejn il-fruntieri huwa baxx ħafna, kemm f'dawk li huma beni ta’ persuni naturali kif ukoll dawk ta’ impriżi; billi kif inhuma l-affarijiet din is-sitwazzjoni tiskoraġġixxi l-kummerċ bejn il-fruntieri, tibgħat messaġġ ta’ impunità lid-debituri inadempjenti u xxekkel il-prestazzjoni ekonomika tal-Unjoni,

    D.

    billi l-ispiża tal-ġbir tad-djun transkonfinali hija bħalissa projbittiva għall-kredituri f’każijiet fejn id-debitur ikollu beni f’bosta Stati Membri; billi wasal iż-żmien li jiġi ssimplifikat u mħaffef dan il-proċess ta’ ġbir,

    E.

    billi spejjeż projbittivi bħal dawn għandhom impatt negattiv fuq l-estensjoni tas-self transkonfinali u saħansitra tranżazzjonijiet kummerċjali transkonfinali, li jirrappreżentaw ostakolu ewlieni għall-funzjonament sħiħ tas-suq intern,

    F.

    billi l-eżekuzzjoni transkonfinali għandha tkun ta’ prijorità fis-suq intern u l-qrati għandu jkollhom il-ħila jaġixxu b'ħeffa ħalli jiffriżaw il-beni tad-debitur jew l-allegat debitur; billi fin-nuqqas ta’ tali faċilità kummerċjanti diżonesti u oħrajn li deliberatament jippruvaw jaħarbu mir-responsabilitajiet tagħhom jistgħu iċaqalqu l-beni tagħhom lejn ġurisdizzjonijiet oħrajn, u b'hekk iġiegħlu liċ-ċittadini u n-negozji ż-żgħar li diġà kellhom favur tagħhom deċiżjoni tal-qorti jmorru fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biex jirkupraw il-beni,

    G.

    billi ordni għall-kxif ta’ informazzjoni dwar il-beni hija meħtieġa, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi li l-kredituri jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom huma u jaċċedu għall-informazzjoni dwar id-debituri minn sorsi pubbliċi jew privati f’kuntest transkonfinali,

    H.

    billi l-azzjoni leġiżlattiva rikjesta f’din ir-riżoluzzjoni għandha tkun imsejsa fuq valutazzjonijiet dettaljati tal-impatt, kif rikjest mill-Parlament,

    I.

    billi l-informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri għall-infurzar ta’ ilmenti f’kull Stat Membru għandha tkun disponibbli permezz tal-portal Ewropew tal-e-Justice; billi għandha tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar fl-Istati Membri biex jitħaffef l-irkupru tad-dejn,

    J.

    billi l-istrumenti proposti għandhom jikkumplimentaw l-liġi u l-inizjattivi tal-Unjoni eżistenti, partikolarment id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (6), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (7), ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (8), ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (9), u l-portal Ewropew e-Justice,

    K.

    billi l-istrumenti għandhom ikunu sempliċi u għandhom jevitaw id-dewmien u l-ispejjeż mhux neċessarji; billi għandhom ikunu disponibbli fejn xieraq ex parte, b’‘effett ta’ sorpriża’; billi l-jeddijiet tad-debituri u tal-allegati debituri għandhom ikunu ssalvagwardati kif għandu jkun ħalli jkun evitat kull użu ħażin tal-miżuri rikjesti,

    1.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta malajr lill-Parlament, abbażi tal-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposti leġiżlattivi dwar miżuri għall-iffriżar u l-kxif tal-beni tad-debituri u l-allegati debituri f’każijiet transkonfinali, wara r-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt;

    2.

    Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

    3.

    Iqis li l-proposta mitluba ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja għall-baġit tal-Unjoni;

    4.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonati dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.


    (1)  ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 655.

    (2)  ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 7.

    (3)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 12.

    (4)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

    (5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 10-11 ta’ Diċembru 2009 – EUCO 6/09.

    (6)  ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.

    (7)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

    (8)  ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1.

    (9)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1.


    It-Tlieta 10 ta’ Mejju 2011
    ANNESS

    RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI U L-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MRESSQA

       

    Rakkomandazzjoni 1 (dwar il-forma u x-xorta tal-istrumenti li għandhom ikunu adottati)

    Il-Parlament Ewropew jitlob l-istrumenti li ġejjin: ordni Ewropea għall-preservazzjoni tal-beni (EOPA) u ordni Ewropea għall-kxif tal-beni (EODA). Il-forma tal-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun dik ta’ regolament. Iż-żewġ strumenti għandhom jikkostitwixxu rimedji awtonomi addizzjonali għal dawk disponibbli fid-dritt nazzjonali. Għandhom japplikaw biss għal każijiet transkonfinali.

       

    Rakkomandazzjoni 2 (dwar il-ġurisdizzjoni għall-ħruġ ta’ tali ordni)

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-istrumenti mitlubin għandu jkun fihom regoli ġurisdizzjonali uniformi li jispeċifikaw liema qrati nazzjonali huma kompetenti għall-ħruġ tagħhom. Dawn ir-regoli uniformi għandhom iqisu l-fatt li l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni sostantiva skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (1) hija ġeneralment dik fl-aħjar qagħda li tittratta ordnijiet bħal dawn. Għandhom ukoll iqisu l-istadju li jkun intlaħaq fil-mori tal-proċedimenti ewlenin li fihom tintalab l-ordni.

    Rakkomandazzjoni 3 (dwar il-ġurisdizzjoni għas-smigħ tal-eċċezzjonijiet għall-ordnijiet)

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-qorti li tkun bdiet l-EOPA jew l-EODA għandu jkollha l-ġurisdizzjoni esklussiva li tisma' l-eċċezzjonijiet għalihom meta tali eċċezzjonijiet ikunu jikkonċernaw l-effett fl-UE kollha ta’ ordni. Fejn l-eċċezzjoni tikkonċerna l-effett ta’ ordni fi Stat Membru speċifiku li ma jkunx dak tal-qorti li ħarġitu, din ir-regola tista' tittaffa, biex ikunu protetti d-debituri, l-allegati debituri u terzi, billi tingħata ġurisdizzjoni wkoll lill-qrati tal-Istat Membru li fih jinsabu l-beni. Il-kriterji għall-eċċezzjonijiet għall-ordnijiet għandhom ikunu elenkati b'mod eżawstiv fl-istrumenti mitlubin.

    Rakkomandazzjoni 4 (dwar il-formula standard għat-talbiet għal ordnijiet u dwar ir-rapportaġġ)

    Il-Parlament Ewoprew iqis li ż-żewġ ordnijiet għandhom ikunu jistgħu jintalbu permezz ta’ formula multilingwi, inkluż permezz tal-portal Ewropew e-Justice. Il-formola għandha tkun sempliċi kemm jista' jkun. Il-komunikazzjoni għandha wkoll tkun standardizzata b'konnessjoni mal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet (eż. fil-każ ta’ EOPA: ir-risposta tal-bank lill-awtorità infurzanti f'dak li għandu x'jaqsam mas-suċċess tal-mandat ta’ qbid, in-notifika tad-debitur, eċċ.).

    Rakkomandazzjoni 5 (dwar ir-rapportaġġ)

    Il-Kummissjoni għandha jkollha l-obbligu tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti mitlubin u, b'mod partikolari, kemm qabad l-użu tagħhom.

       

    Rakkomandazzjoni 6 (dwar l-istadju tal-proċedimenti ewlenin li fih tali ordni tista' tinkiseb)

    Il-Parlament Ewropew huwa tal-fehma li huwa essenzjali li tkun tista' tinkseb EOPA ex parte, jiġifieri mingħajr ma n-notifika inizjali tiġi notifikata lill-parti li l-beni tiegħu huma l-oġġett tan-notifika. L-ordni għandha tkun disponibbli qabel, matul, u wara l-proċedimenti ewlenin.

    Rakkomandazzjoni 7 (dwar l-argumentazzjoni tal-kreditur)

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-għoti ta’ EOPA minn qorti nazzjonali għandu jkun fid-diskrezzjoni tal-qorti. Barra minn hekk, l-oneru tal-prova għandu jkun fuq l-attur li għandu jressaq każ prima facie tajjeb (fumus boni juris) u jistabbilixxi l-urġenza (periculum in mora). Dawn il-kriterji għandhom jiġu evalwati minn qrati nazzjonali abbażi tal-każistika eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Rakkomandazzjoni 8 (dwar l-ammont minimu ta’ tagħrif neċessarju għall-ħruġ ta’ EOPA)

    Il-Parlament Ewropew huwa tal-fehma li għandu jkun hemm biżżejjed tagħrif preċiż dwar id-debitur jew l-allegat debitur, mingħajr ħtieġa ta’ numri ta’ kontijiet bankarji. Tali tagħrif għandu jkun biżżejjed għall-prevenzjoni ta’ konfużjoni f'każ ta’ omonimija.

    Rakkomandazzjoni 9 (dwar l-eżegwibilità ta’ tali ordni)

    Jekk l-ordni tkun inkisbet qabel id-deċiżjoni li tikkostitwixxi d-debitu, kif jiġri ħafna drabi, tali ordni għandha tkun eżegwibbli fl-UE kollha soġġetta għall-miżuri intermedji minimi neċessarji. Bil-kontra, jekk l-ordni tkun inkisbet wara deċiżjoni li tikkostitwixxi debitu, allura għandha tkun eżegwita fl-UE kollha mingħajr il-ħtieġa ta’ miżuri intermedji.

    Rakkomandazzjoni 10 (dwar l-effett ta’ tali ordni)

    Il-Parlament Ewropew huwa tal-opinjoni li l-effett tal-EOPA għandu jkun konfinat għall-mandat ta’ qbid tal-kontijiet bankarji u għall-iffriżar temporanju tad-depożiti bankarji, u lill-kreditur ma għandu jagħtih l-ebda forma ta’ proprjetà tal-beni. Għandha titqies ukoll il-kwestjoni ta’ jekk l-ordni tkunx tkopri tipi oħrajn ta’ beni, bħalma huma l-immobbli jew beni futuri (pretiża li daqt tkun pagabbli jew wirt).

    L-EOPA ma għandhiex taffettwa aktar kontijiet bankarji minn kemm ikun neċessarju, u għandha tkun limitata għall-ammont tad-debitu flimkien mad-drittijiet legali u l-imgħax. Għandu jkun possibbli għall-qorti li toħroġha li tillimita l-ordni fiż-żmien billi tara kull każ x'ikun jirrikjedi u x'inhuma l-meriti tiegħu.

    Rakkomandazzjoni 11 (dwar l-ipproċessar tal-EOPAs)

    Il-Parlament Ewropew kieku jippreferi l-użu tas-sistema tat-trażmissjoni elettronika li tikkonnetti lill-qorti emittenti mal-bank li jkollu l-kontijiet, aċċessibbli permezz tal-portal Ewropew tal-e-Justice. B'danakollu, imma, xorta jibqa' miftuħ għal kull alternattiva.

    Il-Parlament Ewropew huwa tal-fehma li l-EOPA għandha timponi fuq il-banek l-obbligu li jagħtu effett immedjat lill-ordni (jiġifieri f'termini ta’ żmien strettament definiti) u l-obbligu wkoll li jinformaw lill-awtorità infurzanti dwar jekk il-mandat ta’ qbid irnexxiex jew le. Dan l-ipproċessar għandu jkun konformi mar-regoli applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

    Il-Parlament Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal l-istrument mitlub b'mod li tkun imminimizzata l-ispiża tal-użu tiegħu. Minħabba d-differenzi sostanzjali fl-ispiża tal-mandati ta’ qbid għall-banek bejn l-Istati Membri, għandha titqies il-kwestjoni ta’ jekk l-istrument mitlub għandux jimmira li jarmonizza tali spejjeż, jew jekk għandux iħalli d-deċiżjoni fil-livell tal-Istati Membri. F'kull każ, tali spejjeż ma għandhomx jaqbżu massimu li jkun jinsab fir-regolament, għandhom ikunu trasaprenti, non-diskriminatorji, għandhom jirrflettu l-ispejjeż tabilħaqq inkorsi u għandhom iqisu t-twaqqif taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro u l-fatt li tali proċeduri għandhom kemm jista' jkun ikunu standardizzati.

    Il-Parlament jitlob li jkun hemm qies dettaljat tal-kwestjoni ta’ min għandu jinkorri l-ispiża tal-ipproċessar ta’ EOPA, inkluż l-eżami tal-aqwa prattika f'livell nazzjonali u reġjonali.

    Rakkomandazzjoni 12 (dwar is-salvagwardji proċedurali għad-debituri u l-allegati debituri)

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-istrument mitlub għandu jinkludi ġabra komprensiva ta’ salvagwardji għad-debituri u l-allegati debituri.

    A.

    Meta mitlub qabel deċiżjoni li tikkostitwixxi debitu, l-għoti ta’ EOPA għandu jkun bil-kondizzjoni li l-attur jagħti xi tip ta’ garanzija fid-diskrezzjoni tal-qorti li toħroġha, ħalli jiġi kkompensat il-konvenut u kull terz għal danni mġarrba. Il-konvenut għandu ikun jista' jittermina l-EOPA billi jagħti garanzija. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk id-dispożizzjonijiet ma jkunux ta’ xkiel għall-aċċess għal dawk b'mezzi finanzjarji limitati.

    B.

    Jekk EOPA tingħata mingħajr avviż (ex parte), il-konvenut għandu jkun formalment notifikat u għandu jingħatalu t-tagħrif kollu rikjest ħalli jħejji sottomissjoni ta’ eċċezzjonijiet għall-Ordni mingħajr dewmien wara l-eżekuzzjoni.

    C.

    Il-konvenut għandu jkollu l-jedd li jissottometti eċċezzjoni ex post għal EOPA. Il-kriterji għal tali eċċezzjoni għandhom ikunu armonizzati fl-istrument mitlub. Il-ġurisdizzjoni għas-smigħ ta’ tali eċċezzjoni għandha wkoll tkun armonizzata fl-istrument.

    D.

    Għandu jiġi prefiss terminu ċar għall-EOPA. B'mod partikolari, jekk il-proċedimenti ewlenin ma jkunux ġew intavolati, għandu jkun hemm terminu prefiss mill-qorti emittenti.

    E.

    L-istrument għandu debitament iqis id-diversità tal-prattiki f'livell domestiku f'dak li għandu x'jaqsam mat-tbatija tad-debitur, inklużi l-limiti eżistenti li taħthom ma jistax ikun hemm qbid fil-kont bankarju ta’ persuna naturali. Materji bħal dawn għalhekk għandhom jitħallew għad-dritt tal-Istat Membru fejn id-debitur jew l-allegat debitur ikollu r-residenza abitwali. B'danakollu, biex ikun hemm aktar ċertezza legali, l-Istati Membri għandu jkollhom l-obbligu jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-tagħrif dwar l-eżistenza ta’ tali eżenzjonijiet, li għandhom ikunu ppubblikati.

    F.

    L-EOPA għandha tippreċiża li l-kreditur jeżegwixxi EOPA b'riskju għalih innifsu u li għandu mnejn ikollu jikkompensa lid-debitur għal kull dannu mġarrab b'riżultat tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni.

       

    Rakkomandazzjoni 13 (dwar ix-xorta ta’ tali ordni)

    Il-Parlament Ewropew iqis li għandu jkun possibbli li tintalab ordni mill-anqas wara deċiżjoni li tikkostitwixxi debitu. Il-Kummissjoni għandha tqis jekk l-ordni għandhiex tkun disponibbli fi stadju aktar bikri tal-proċedimenti, pereżempju meta l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tqis li hemm riskju reali li d-deċiżjoni tagħha ma tiġix eżeġwita, u liema salvagwardji għandhom jiġu attwati f'dan il-każ.

    Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew iqis li kull Stat Membru għandu jkun rikjest minnu li jiddeċidi liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti li jibdew EODA. Tali awtoritajiet indikati jkunu jistgħu joħorġu EODA fuq bażi tal-ħtiġiet ta’ kull każ, billi jqisu ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ.

    Rakkomandazzjoni 14 (dwar l-ambitu materjali ta’ tali ordni)

    Il-Parlament Ewropew iqis li bħala regola ġenerali d-debituri għandu jkun rikjest minnhom li jikxfu l-beni kollha li jkollhom fiz-zona tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, ħalli jagħtu lill-kreditur l-usa' għażla possibbli ta’ azzjoni.

    Rakkomandazzjoni 15 (dwar l-eżegwibilità ta’ tali ordni)

    Il-Parlament Ewropew iqis li għandha tkun biss il-qorti jew l-awtorità li tkun ħarġet l-EODA li tkun tista' timmodifikaha jew twarrabha. Tali ordni għandha tkun eżegwibbli fl-UE kollha mingħajr ebda ħtieġa ta’ miżuri intermedji.

    Rakkomandazzjoni 16 (dwar is-salvagwardji proċedurali għad-debituri u l-allegati debituri)

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-istrument mitlub għandu jinkludi ġabra komprensiva ta’ salvagwardji għad-debituri.

    A.

    L-istrument għandu jsib ekwilibriju xieraq bejn il-jedd għall-protezzjoni tad-data personali, kif tiggarantixxi d-Direttiva 95/46/KE u kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-eżekuzzjoni effikaċi tad-deċiżjonijiet. B'mod partikolari, għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji biex jipproteġu t-tagħrif żvelat bħala riżultat ta’ EODA u biex jipprevjenu l-użu ħażin tagħha.

    B.

    L-EODA għandha tistabbilixxi li l-kreditur jeżegwixxi EODA b'riskju għalih innifsu u li għandu mnejn ikollu jikkompensa lid-debitur għal kull dannu mġarrab b'riżultat tal-miżuri tal-kxif.

    C.

    Il-pagament għad-dejn għandu jwassal li l-EODA titwarrab minnufih, inkluż fuq applikazzjoni unilaterali min-naħa tad-debitur bi prova li d-dejn tħallas.

    Rakkomandazzjoni 17 (dwar il-pieni għal stqarrijiet mhux korretti fid-dikjarazzjoni)

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-istrument mitlub għandu jiddelinea qafas ta’ pieni għan-non-ottemperanza jew stqarrijiet foloz, ħalli jikseb ottemperanza effikaċi u uniformi mal-ordni fiz-żona kollha tal-libertà, sigurtà u ġustizzja.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1).


    Top