EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0068

Ewropa 2020 (Kunsill tar-Rebbiegħa 2011) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Frar 2011 dwar l-Istrateġija Ewropa 2020

ĠU C 188E, 28.6.2012, p. 42–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 188/42


Il-Ħamis 17 ta’ Frar 2011
Ewropa 2020 (Kunsill tar-Rebbiegħa 2011)

P7_TA(2011)0068

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Frar 2011 dwar l-Istrateġija Ewropa 2020

2012/C 188 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi”,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17–18 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew li saru f'Marzu 2000, 2001, 2005, 2006 u 2007 u f'Diċembru 2009,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar il-governanza ekonomika (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta’ nofs il-perjodu) (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet biex tiġi protetta l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni, adottata fis-7 ta’ Lulju 2010,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tgħin lill-Ewropa tirkupra mill-kriżi u toħroġ aktar b'saħħitha, permezz tal-ħolqien tal-impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv imsejjes fuq ħames miri ewlenin tal-UE fir-rigward tal-promozzjoni tal-impjiegi, it-titjib tal-kondizzjonijiet għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-titjib tal-livelli edukattivi u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar,

Il-governanza tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tissaħħaħ

1.

Jenfasizza li l-azzjonijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandhom importanza kruċjali għall-prospetti futuri taċ-ċittadini Ewropej kollha, peress li jipprovdu impjiegi sostenibbli, tkabbir ekonomiku fit-tul u progress soċjali; jibża' li l-Istrateġija Ewropa 2020 mhux se tkun tista' tissodisfa dak li wegħdet minħabba l-istruttura ta’ governanza dgħajfa tagħha u għaldaqstant iħeġġeġ b'mod qawwi lill-Kunsill isaħħaħ il-metodu Komunitarju; itenni l-importanza li l-objettivi tal-Istrateġija UE 2020 jiġu integrati fil-qafas tal-governanza ekonomika u jitlob biex is-Simestru Ewropew isir parti mill-pakkett ta’ governanza leġiżlattiv, waqt li jiġu inklużi l-parlamenti nazzjonali u s-sħab soċjali minn stadju bikri sabiex jitrawmu r-responsabilità demokratika, is-sjieda u l-leġittimità; jisħaq fuq il-fatt li l-kisba tal-Istrateġija Ewropa 2020 hi essenzjali u mhux fakultattiva;

2.

Jikkunsidra li l-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir u l-qafas tas-Simestru Ewropew huma għodda kruċjali għal koordinament mtejjeb tal-politiki ekonomiċi; jenfasizza, madankollu, li dawn m'għandhomx jieħdu post u lanqas inaqqsu l-importanza tal-għodda eżistenti prevista mit-Trattat, b'mod partikulari l-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika u l-linji gwida għall-impjiegi tal-Istati Membri, fejn il-Parlament huwa involut u kkonsultat ħafna; jenfasizza l-ħtieġa għal konsistenza mal-kisba tal-ħames miri ewlenin għall-Istrateġija Ewropa 2020 miftehma mill-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni bl-intenzjoni li jiġi żgurat is-suċċess tagħha;

Il-baġit tal-UE u l-baġits nazzjonali għandhom jirriflettu aħjar l-ambizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020

3.

Jenfasizza li l-Istrateġija Ewropa 2020 trid tnaqqas id-distakk bejn l-ambizzjonijiet iddikjarati tagħha, ir-riżorsi disponibbli u l-metodoloġija użata; jitlob li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss jirrifletti l-ambizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara d-dimensjoni baġitarja tal-Inzjattivi Emblematiċi, minħabba li dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni prijioritarja jinvolvu l-politiki kollha ffinanzjati permezz tal-baġit tal-UE; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummisjosni tressaq proposti dwar it-twaqqif ta’ riżorsi proprji ġodda sabiex l-Unjoni tingħata riżorsi finanzjarji reali u awtonomi;

4.

Jenfasizza li l-Istrateġija Ewropa 2020 tirrikjedi riformi u investimenti pubbliċi u privati sostanzjali ħafna u minn kmieni f'firxa estensiva ta’ proġetti; jinnota li dawn jirrikjedu l-mobilizzazzjoni kemm tal-istrumenti u d-dħul innovattivi eżistenti, kif ukoll dawk ġodda;

5.

Jitlob b'insistenza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipproduċu qafas ta’ finanzjament kredibbli, u li l-Kunsill Ewropew jikkunsidra l-ħtiġijiet ta’ finanzjament bħala parti mir-rieżami tiegħu dwar il-governanza ekonomika; jikkunsidra li l-finanzjament tal-Istrateġija Ewropa 2020 jirrikjedi sett miftiehem ta’ inizjattivi politiċi, li jkunu jinvolvu lill-istituzzjonijiet Ewropej, bħall-BEI u l-BERŻ; jenfasizza, barra minn hekk, li l-finanzjament mis-settur privat se jkun indispensabbli u jirrikjedi oqfsa legali li jindirizzaw ir-riskji fit-tul involuti;

6.

Jinsab konvint li, bil-qafas politiku korrett u b'riżorsi tal-baġit adegwati, l-agrikoltura u l-forestrija jistgħu jiżvolġu rwol importanti fi strateġija Ewropea ġenerali mfassla biex tiggarantixxi l-irkupru ekonomiku, filwaqt li fl-istess ħin jikkontribwixxu għas-sikurezza tal-ikel fl-UE u madwar id-dinja, jikkonservaw il-pajsaġġ rurali li jirrappreżenta 90 % tat-territorju tal-UE, jiżguraw benefiċċji ambjentali u jagħtu kontribut importanti għat-tfittxija għal sorsi alternattivi tal-enerġija;

7.

Jikkunsidra li politika ta’ koeżjoni b'saħħitha u ffinanzjata sew li tiġbor fiha r-reġjuni Ewropej kollha għandha tkun element kumplimentari fundamentali tal-Istrateġija Ewropa 2020; hu tal-fehma li din il-politika, bl-approċċ orizzontali tagħha, hija prekundizzjoni biex l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 jintlaħqu b'suċċess, kif ukoll biex tinkiseb il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

Att kuraġġuż dwar is-Suq Uniku u dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-ħolqien tal-impjiegi

8.

Jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jagħtu l-ogħla prijorità lill-ġlieda kontra l-qgħad u lill-prevenzjoni tal-esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol fil-Programmi tagħhom ta’ Riforma Nazzjonali; jemmen li dan għandu jingħaqad ma’ miżuri biex ikunu żgurati aktar ħolqien ta’ impjiegi, impjiegi aħjar u livelli għoljin ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja fuq żmien medju u twil;

9.

Jisħaq fuq ir-rwol vitali ta’ approċċ olistiku għat-tnedija mill-ġdida tal-Att dwar is-Suq Uniku biex jiġu żgurati rendiment ekonomiku aħjar u dimensjoni soċjali mssaħħa filwaqt li terġa' tinbena l-fiduċja billi ċ-ċittadin jitqiegħed fil-qalba tas-Suq Uniku; jemmen li, biex tirnexxi t-tnedija mill-ġdida tas-Suq Uniku, huma kruċjali gwida komprensiva mill-ogħla livell politiku u l-appoġġ mill-Kunsill Ewropew;

10.

Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li r-Regolamentazzjoni Intelliġenti tista' tiżvolġi fit-titjib tal-qafas regolatorju li fih joperaw in-negozji; jemmen li l-proposti li jinsabu fiha jistgħu jgħinu biex jinħoloq ambjent kummerċjali b'saħħtu li jiffaċilita t-tkabbir u l-innovazzjoni, iżda jinnota li s-sħab kollha fil-proċess leġiżlattiv iridu jassumu r-responsabbiltà biex jipproduċu regolamenti aktar effikaċi u anqas ta’ piż;

11.

Jesprimi d-diżappunt tiegħu li, sentejn wara l-adozzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, il-Kummissjoni għadha nieqsa f'dawk li huma azzjonijiet u inizjattivi konkreti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu ambjent aktar favorevoli għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-użu trasparenti ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku prekummerċjali għat-teknoloġiji innovattivi u “ħodor”;

12.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal koperazzjoni msaħħa fir-rigward tat-twaqqif ta’ privattiva Ewropea u jitlob li tiġi adottata malajr mill-Parlament u l-Kunsill;

13.

Jinsisti li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija mira ewlenija biex tintlaħaq l-ambizzjoni tal-EU 2020; isejjaħ għaldaqstant għal parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol u għall-inklużjoni sħiħa ta’ ħaddiema nisa fit-taħriġ vokazzjonali; isejjaħ ukoll għal aġenda sabiex tinqered id-differenza eżistenti fil-ħlas bejn in-nisa u l-irġiel;

Inizjattivi emblematiċi

Kummenti ġenerali

14.

Jenfasizza li l-kontenut attwali tal-Istrateġija Ewropa 2020, bħall-miri ewlenin, il-proposti emblematiċi, l-konġestjonijiet u l-indikaturi għadhom ta’ natura ġenerali ħafna; jenfasizza li dan is-sett ta’ inizjattivi jista' jinkiseb biss permezz ta’ impenji konkreti mill-Istati Membri fil-Programmi tagħhom ta’ Riforma Nazzjonali u proposti leġiżlattivi konkreti u konsistenti;

L-Inizjattiva Emblematika, “Unjoni ta’ Innovazzjoni”

15.

Jilqa' l-inizjattiva emblematika dwar “Unjoni ta’ Innovazzjoni” bħala mutur fundamentali biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, li tindirizza l-isfidi soċjetali ewlenin bħas-sigurtà tal-enerġija u tal-ikel, it-tibdil fil-klima, is-saħħa u popolazzjoni li qed tixjiħ; ifakkar li l-mira ta’ 3 % tikkonsisti minn sehem ta’ 2 % (infiq privat) u sehem ta’ 1 % (infiq pubbliku); jinnota li għad fadal nuqqasijiet partikulari fil-qasam tal-infiq għar-riċerka privata li jistgħu jintgħelbu biss billi l-ambjent regolatorju jiġi adattat għall-kumpaniji, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; jilqa', għaldaqstant, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-innovazzjoni tan-negozji, b'mod partikulari fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali;

16.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ, jiġi stimolat u jiġi żgurat il-finanzjament tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp fl-UE peremzz ta’ żieda sinifikanti fl-infiq relevanti wara l-2013; jindika l-importanza li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jkollhom aċċess għall-Programm Qafas u l-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni; jitlob Regolament Finanzjarju rivedut biex jiffaċilita l-applikazzjonijiet tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; jenfasizza n-nuqqas ta’ fondi għal strumenti kruċjali għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-użu li ġa ġew adottati, bħall-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika; jenfasizza l-kontribut importanti li jagħti l-Programm Qafas għar-Riċerka għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jindika l-kontribut importanti li jagħtu l-fondi strutturali biex jistimolaw ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji bejn il-finanzjament strutturali u dak tal-Programm Qafas;

17.

Jemmen li mhumiex is-sussidji li l-kumpaniji Ewropej innovattivi jeħtieġu, iżda aktar libertà u aċċess aħjar għall-kapital ta’ riskju; jikkunsidra li l-Unjoni Ewropea għandha takkomoda din il-ħtieġa billi tespandi l-prodotti permanenti għall-kondiviżjoni tar-riskji offruti mill-Bank Ewropew tal-Investiment via l-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji; jikkunsidra li hemm potenzjal sinifikanti mhux sfruttat għall-promozzjoni tal-innovazzjoni permezz tal-akkwist pubbliku;

L-Inizjattiva Emblematika, “Żgħażagħ Mobbli”

18.

Jilqa' l-inizjattiva emblematika, “Żgħażagħ Mobbli”; jinsisti li l-kwalità u l-aċċess għal edukazzjoni relevanti huma prerekwiżit kostanti għal ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli; jenfasizza, konsegwentement, li jekk l-Istati Membri jimmiraw li jiksbu l-miri komuni tal-iżvilupp ekonomiku u dawk stabbiliti għall-edukazzjoni, l-investiment proprju se jkun kruċjali fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tagħhom, inkluż fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; jiddispjaċih madankollu, li l-inizjattiva emblematika ma tindirizzax xi suġġetti fundamentali, bħall-parteċipazzjoni fis-soċjetà jew il-faqar taż-żgħażagħ; jitlob għal proposti iktar b'saħħithom dwar l-inklużjoni;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiffinanzja b'mod xieraq il-programmi eżistenti dwar il-mobilità u ż-żgħażagħ bħal Tagħlim tul il-Ħajja (Erasmus, Leonardo, Comenius, Grundtwig), Żgħażagħ fl-Azzjoni u Marie Curie; jemmen li dan jagħti kontribut importanti għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex tintlaħaq rata ta’ impjiegi ta’ 75 %;

20.

Jenfasizza li l-inizjattiva Żgħażagħ Mobbli ma tistax taffronta waħedha r-rata allarmanti ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa kollha; jistieden lill-Istati Membri kollha jistabilixxu, bħala parti mill-Programmi tagħhom ta’ Riforma Nazzjonali, strateġija nazzjonali biex jaffrontaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ; jenfasizza li l-politiki dwar iż-żgħażagħ għandhom jitqiesu b'rabta mal-politiki dwar l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali; jappoġġa bil-qawwa l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ u jħeġġeġ lill-Kunsill jadottaha mill-iktar fis possibbli;

L-Inizjattiva Emblematika, “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”

21.

Jilqa' l-proposti ambizzjużi tal-Kummissjoni dwar “l-Aġenda Diġitali”, imma jħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-adozzjoni tal-proposti relatati mas-suq diġitali uniku, bħal dawk dwar il-kummerċ elettroniku, il-proprjetà intellettwali, il-fiduċja u s-sigurtà fuq l-internet, ir-roaming u l-awtentikazzjoni elettronika; jitlob lill-partijiet kollha jagħlmlu l-ewwel politika dwar l-ispettru tar-radju realtà; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-kontenut u l-għerf, “il-ħames libertà”;

22.

Jisħaq li midja pluralista u indipendenti hi pilastru tad-demokrazija Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-pluraliżmu medjatiku; jemmen li l-protezzjoni tal-privatezza tikkostitwixxi valur fundamentali u jitlob li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data tiġi adattata għall-ambjent diġitali attwali sabiex jiġi żgurat li kull ċittadin ikollu l-kontroll tad-data personali tiegħu;

L-Inizjattiva Emblematika, “Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi”

23.

Jilqa' l-inizjattiva emblematika tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli b'ħidmitha dwar il-formulazzjoni ta’ politiki konkreti biex tiżgura tranżizzjoni għal ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti u bbażata fuq enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa parametri ta’ riferiment konkreti u tiżgura li jintlaħqu l-miri miftehma u li jistgħu jiġu mmonitorati fi ħdan il-qafas tas-Simestru Ewropew għall-koordinament politiku tal-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi mmodernizzata u aġġornata l-infrastruttura Ewropea tal-enerġija, li jiġu żviluppati grids intelliġenti u jinbnew interkonnessjonijiet, li huma meħtieġa għat-twettiq tas-suq intern tal-enerġija, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista, l-ilħuq tal-miri tagħna rigward l-enerġija u l-klima u t-tħaffif tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni;

24.

Ifakkar li l-effiċjenza fl-enerġija hija l-mod l-aktar kost-effettiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività u jitnaqqsu l-kontijiet enerġetiċi tal-konsumatur, kif ukoll biex jinħolqu l-impjiegi; jisħaq fuq il-fatt li ma jidhirx li l-Istati Membri qed jagħmlu biżżejjed sforzi biex jilħqu l-mira ta’ 20 % fl-effiċjenza tal-enerġija; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jintensifikaw il-miżuri u jilħqu l-livell ta’ din il-mira vitali li impenjaw ruħhom għaliha fl-2007; jitlob lill-Kummissjoni tifformula miżuri, flimkien mal-Istati Membri, sabiex tiżgura li l-mira tintlaħaq kif rikjest mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar “Ir-reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija” (ir-rapport Bendsten) u “Lejn Strateġija ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa 2011-2020” (ir-rapport Kolarska Bobinska);

25.

Jiddispjaċih li din il-komunikazzjoni emblematika ma tattribwixxix biżżejjed importanza għall-effiċjenza tar-riżorsi bħala priorità politika globali tal-UE; jinsisti li hemm bżonn li l-UE tibda t-tranżizzjoni lejn ekonomija ta’ riċiklaġġ, waqt li tiżgura t-tnaqqis fil-produzzjoni tal-iskart u l-valur tal-użu mill-ġdid tar-riżorsi; jisħaq fuq il-fatt li s-sostenibilità ambjentali tiddependi minn tnaqqis fl-użu tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni tfassal sett ta’ indikaturi sabiex ikunu jistgħu jiġu mmonitorati fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali;

L-Inizjattiva Emblematika, “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni”

26.

Jitlob li jkun hemm approċċ olistiku, ibbilanċjat u li jħares 'il quddiem għall-politika industrijali tal-UE, li tkun immirata lejn l-iżvilupp ta’ bażi industrijali b'saħħitha, kompetittiva, koerenti, effiċjenti u ddiversifikata, u fejn il-politiki dwar l-innovazzjoni, ir-riċerka, il-kompetizzjoni, is-Suq Uniku, il-kummerċ u l-ambjent ikunu kkoordinati; jikkunsidra li l-objettivi fundamentali għandhom ikunu l-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività internazzjonali tal-impriżi Ewropej, ir-ristrutturar intelliġenti u d-djalogu mal-impjegati, ekonomija sostenibbli u għażla libera fl-għażliet teknoloġiċi u l-mobilità tar-riċerkaturi; jitlob li jiġu applikati minnufih il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni intelliġenti fil-valutazzjonijiet tal-impatt indipedenti, inklużi “prova ta’ kompetittività” għal-leġiżlazzjoni l-ġdida, test li jqis l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju sabiex jiġi żgurat ambjent regolatorju aktar favorevoli għan-negozji ż-żgħar u anqas piżijiet amministrattivi, prova ta’ sostenibilità b'mod konformi mal-objettivi tal-UE fil-qasam tal-klima, l-enerġija, l-effiċjenza tar-riżorsi u r-riċiklaġġ, u “kontrolli tas-saħħ”ex post għal-leġiżlazzjoni eżistenti;

27.

Jisħaq fuq il-fatt li l-politiki tal-UE dwar it-trasport u l-enerġija li jkompru l-infrastruttura u s-servizzi huma fundamentali biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 jisħaq fuq il-fatt li s-settur tat-trasport se jiżgura li s-suq tal-UE jżomm postu bħala żona ta’ produzzjoni altament kwalifikata, permezz tad-dekarbonizzazzjoni tal-modi kollha ta’ trasport, l-implimentazzjoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea u t-tlestija tal-Ajru Uniku Ewropew; jitlob li jkun hemm Strateġija Ewropea dwar il-Materja Prima effikaċi sabiex jittejbu l-aċċessibilità u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija waqt li l-materjali kritiċi jiġu żgurati permezz tal-iżvilupp tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles u s-sħubiji strateġiċi; jitlob għal aċċess imtejjeb b'mod sinifikanti għall-finanzjament fl-innovazzjoni u l-infrastrutturi, speċifikament għall-grids intelliġenti, it-teknoloġiji “ħodor” is-saħħa diġitali, in-Netwerks Trans-Ewropej u l-proġetti b'valur miżjud pruvat li ma jistgħux jiġu ffinanzjati mis-suq; jitlob, f'dan ir-rigward, li jittieħdu passi biex jiġu esplorati l-opportunitajiet li joffru l-Bond Proġettwali;

L-Inizjattiva Emblematika, '“Aġenda għal kapaċitajiet u impjiegi ġodda”

28.

Jenfasizza l-fatt li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali b'saħħithom jipprevjenu l-esklużjoni fit-tul; jinsisti li l-investiment fil-politiki dwar suq tax-xogħol attiv u opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ biex kulħadd ikun jista' jikseb kapaċitajiet ġodda huma essenzjali biex jitnaqqas il-qgħad; jisħaq fuq l-importanza tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u t-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku f'dan ir-rigward; jappoġġja, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew tal-kwalifiki u l-inizjattiva leġiżlattiva ppjanata għar-riforma tal-kwalifiki professjonali biex ikun żgurat ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali;

29.

Jilqa' 'l-Aġenda għal kapaċitajiet u impjiegi ġodda'; jinnota li l-flessigurtà ġiet implimentata b'suċċess f'ċerti pajjiżi, imma jwissi li l-kunċetti ta’ flessigurtà ma jistgħux jisfruttaw il-potenzjal tagħhom fl-Istati Membri bi ftit possibilitajiet ta’ tisħiħ tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali minħabba limitazzjonijiet baġitarji u żbilanċji makroekonomiċi, u jikkunsidra li t-tnaqqis tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol irid jinkiseb billi tingħata s-sigurtà xierqa għall-ħaddiema taħt kull forma ta’ kuntratt, speċjalment il-gruppi vulnerabbli; ifakkar lill-Kummissjoni ma titraskurax il-bżonn li tiġi żgurata tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn suq tax-xogħol aktar sostenibbli u l-potenzjal enormi ta’ impjiegi sostenibbli; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe riforma tas-suq tax-xogħol tista' biss tiġi introdotta b'suċċess billi jintlaħaq grad għoli ta’ kunsens soċjali permezz ta’ ftehimiet mas-sħab soċjali;

L-Inizjattiva Emblematika, '“Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar'”

30.

Ifakkar li l-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi mira biex tal-anqas 20 miljun persuna li huma f'qagħda ta’ faqar u esklużjoni soċjali jew li qed jirriskjaw li jispiċċaw f'din il-qagħda, jitneħħew minn dan l-istat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw konformità sħiħa mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Klawżola Soċjali Orizzontali (Artikolu 9, TFUE) biex jiżguraw li l-politiki kollha jikkontribwixxu aktar milli jdgħajfu l-għan tat-tnaqqis tal-faqar;

31.

Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jindirizzaw il-faqar tat-tfal permezz tal-miżuri xierqa, b'tali mod li t-tfal ma jkunux ristretti fl-iżvilupp personali tagħhom u ma jkunux sottoprivileġġati meta jidħlu fil-ħajja professjonali;

32.

Jilqa' l-proposti għal Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, iżda jitlob għal azzjonijiet iktar konkreti biex ikun hemm l-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari t-tisħiħ tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni Soċjali, bħala strateġija integrata li tinvolvi l-partijiet interessati nazzjonali u lokali, inklużi dawk li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali; itenni t-talba tiegħu għal aġenda aktar estensiva għall-promozzjoni ta’ xogħol diċenti, l-iżgurar tad-drittijiet tal-ħaddiema madwar l-Ewropa u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-affrontar tal-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni, l-ġlieda kontra l-faqar ta’ dawk li għandhom xogħol;

*

* *

33.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0224.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2010)0376.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2010)0491.


Top