EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0345

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI ANNUAL REPORT 2010_ON RELATIONS BETWEEN THE EUROPEAN COMMISSION AND NATIONAL PARLIAMENTS_

/* KUMM/2011/0345 finali */

52011DC0345




DAħLA

Ir-relazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-Parlamenti nazzjonali fl-2010 ġew influwenzati minn serje ta’ avvenimenti istituzzjonali u politiċi sinifikanti.

L-2010 kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona l-ġdid. Wara d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-aħħar parti tal-2009, ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali ġie msaħħaħ b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari, bil-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà ġdid, li huwa parti prominenti ħafna fost id-drittijiet il-ġodda tal-Parlamenti nazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 12 tat-TUE (Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).

Barra dan, fl-2010 il-Kummissjoni l-ġdida ħadet il-kariga fid-9 ta’ Frar, kważi fl-istess żmien li fih il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà beda jiġi implimentat. Meta l-Kulleġġ il-ġdid kellu l-ewwel skambju profond ta’ opinjonijiet dwar din il-kwistjoni, il-President Barroso u l-Viċi President Šefčovič enfasizzaw l-importanza tal-Parlamenti nazzjonali u saħqu li din il-kwistjoni ser tingħata prominenza fl-aġenda politika tal-Kummissjoni[1].

Finalment, is-sena 2010 kienet ikkaratterizzata mill-kriżi ekonomika u mill-isforzi konġunti sabiex tinstab soluzzjoni adegwata għaliha. Din il-kwistjoni tqajmet b’mod regolari fl-aġenda tad-diskussjonijiet bejn il-Parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni, kemm fil-kuntest ta’ COSAC, kif ukoll fil-Laqgħat Parlamentari Konġunti jew iż-żjarat numerużi mill-Viċi President Šefčovič fil-Parlamenti nazzjonali. Il-governanza ekonomika kien suġġett ewlieni ieħor li fuqu kienu ffokati l-opinjonijiet tal-Parlamenti nazzjonali fil-kuntest tad-djalogu politiku.

Dan is-sitt rapport annwali jagħti ħarsa lejn kif il-Kummissjoni implimentat id-dispożizzjonijiet ġodda hawn fuq imsemmija tat-Trattat ta’ Lisbona u jippreżenta l-ewwel rendikont tal-funzjonament tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà (Taqsima 2)[2]. Fit-Taqsima 3, ir-rapport jagħti deskrizzjoni ġenerali ta’ kif id-djalogu politiku, imniedi mill-President Barroso fl-2006, evolva fl-2010, għal dak li jirrigwarda mhux biss is-suġġetti ewlenin li dwarhom saru kummenti mill-Parlamenti nazzjonali, iżda wkoll il-kuntatti varji bejn il-Parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni. Finalment, ir-rapport jagħti ħarsa lejn kif il-Kummissjoni tħares lejn l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tagħha mal-Parlamenti nazzjonali fil-ġejjieni qrib (Taqsima 4).

IMPLIMENTAZZJONI TAT-TRATTAT TA’ LISBONA: IL-MEKKANIżMU L-ġDID TA' KONTROLL TAS-SUSSIDJARJETÀ

Il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà mexa mingħajr tfixkil matul l-2010, grazzi mhux biss għall-preparazzjoni bir-reqqa taż-żewġ naħat waqt is-sena ta’ qabel, iżda wkoll minħabba l-kooperazzjoni eċċellenti u l-kuntatti kostruttivi bejn il-Kummissjoni u l-Parlamenti nazzjonali matul is-sena kollha. Bħala segwitu tal-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2009[3], li fiha l-Kummissjoni għarrfet lill-Parlamenti nazzjonali u lill-istituzzjonijiet l-oħra dwar kif kellha l-ħsieb li tqiegħed fil-prattika l-mekkaniżmu l-ġdid, il-Kummissjoni, fis-6 ta’ Frar, bagħtet l-ewwel proposta li taqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà lill-Parlamenti nazzjonali[4]. L-ewwel opinjoni motivata li qajmet tħassib b’mod formali dwar il-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà waslet fid-29 t’April[5].

Parteċipazzjoni u l-fokus tal-Parlamenti nazzjonali

Matul l-2010, il-Kummissjoni bagħtet lill-Parlamenti nazzjonali 82 abbozz ta’ atti leġiżlattivi li jaqgħu taħt il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà, u rċeviet total ta’ 211 opinjoni relatati ma’ dawn il-proposti. Madwar tliet kwarti ta’ dawn l-opinjonijiet waslu fi żmien tmien ġimgħat wara li l-ittra formali tat-trażmissjoni (‘lettre de saisine’) kienet intbagħtet, li juri biċ-ċar li l-Parlamenti nazzjonali kienu tejbu l-kapaċitajiet tagħhom b'reazzjoni għat-Trattat il-ġdid u kienu f’pożizzjoni li jirreaġixxu ħafna iktar malajr minn qabel għall-proposti tal-Kummissjoni. Minn dawn il-211-il opinjoni, 34[6] (madwar 15%) kienu opinjonijiet motivati li kienu jikkonkludu li proposta, jew xi parti minnha, kienet qiegħda tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà[7]. Kważi dawn l-opinjonijiet kollha (30 minn 34) waslu matul l-aħħar tliet xhur tas-sena.

Il-parti l-kbira tal-opinjonijiet li qajmu tħassib dwar is-sussidjarjetà, kienu jirreferu għall-proposti leġiżlattivi adottati fl-oqsma tal-politika tal-Agrikoltura (13) [8], l-Affarijiet Interni (9) u s-Suq Intern u s-Servizzi (7). Għandu jiġi nnotat li l-opinjonijiet li waslu matul l-ewwel tliet xhur tal-2011 jikkonfermaw li l-eżerċizzju ta’ allinjament fil-qasam tal-Agrikoltura attwalment huwa wieħed mill-oqsma ewlenin li fuqu l-Parlamenti nazzjonali jqajmu tħassib dwar is-sussidjarjetà. Il-proposta tal-Kummissjoni li sa issa kienet is-suġġett tal-ikbar numru ta’ opinjonijiet motivati dwar is-sussidjarjetà hija d-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali[9], b’total ta’ disa' kmamar[10] jissenjalaw problemi ta’ sussidjarjetà. Apparti dak, kien hemm it-tendenza li l-fokus tal-Parlamenti nazzjonali jkun iżjed imxerred u inqas koordinat milli kien il-każ taħt il-verifiki tas-sussidjarjetà tal-COSAC, li ma tkomplewx wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

Il-kmamar li qajmu l-iktar tħassib dwar is-sussidjarjetà fl-2010 kienu s-Senat Pollakk (4), ir- Riksdag Svediż (3), il-House of Commons tar-Renju Unit (3), is-Senat Franċiż (3) u l-Kamra tad-Deputati tal-Lussemburgu (3). Il-bidu tal-2011 juri wkoll li ż-żewġ kmamar Pollakki (is- Sejm u s-Senat) u l-Parlament tal-Lussumburgu għadhom attivi b’mod partikolari f’termini tal-ħruġ ta’ opinjonijiet motivati rigward il-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Kontenut u forma tal-opinjonijiet tal-Parlamenti nazzjonali

Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tal-opinjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà, l-34 opinjoni motivata li waslu matul l-2010 jirriflettu, minbarra tħassib speċifiku ħafna, ċertu thassib orizzontali jew istituzzjonali. Min-naħa waħda dawn għandhom x’jaqsmu man-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà jew l-insuffiċjenza tagħha fil-memoranda ta’ spjegazzjoni tal-proposti rilevanti[11], li wħud mill-Parlamenti nazzjonali jaraw bħala ksur formali tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; u min-naħa l-oħra mar-reġim il-ġdid tal-atti delegati. Dwar din il-kwistjoni, il-Parlamenti nazzjonali qegħdin iqajmu dubji dwar l-oġġettività tal-kriterji sottostanti għall-għażla ta’ din l-għotja tas-setgħa lill-Kummissjoni. Huma jikkunsidraw li f’ċerti każijiet l-użu ta’ atti delegati għandu jittrasferixxi setgħat lill-Kummissjoni li fl-opinjoni tagħhom għandhom jibqgħu taħt il-kontroll tal-Istati Membri. [12] Dawn il-kummenti ġew imtennija f’bosta mill-opinjonijiet motivati li waslu matul l-ewwel tliet xhur tal-2011.

Waqt li xi Parlamenti nazzjonali jippreferu jibagħtu opinjonijiet taħt il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà f’dawk il-każijiet limitati biss fejn huma jaraw ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà (pereżempju l-House of Commons u l-House of Lords tar-Renju Unit, ir- Riksdag Svediż, is-Senat u s- Sejm Pollakki, u s-Senat Franċiż), oħrajn (pereżempju l-Parlament Portugiż u dak Rumen kif ukoll is-Senat u l-Kamra tad-Deputati Taljani) jgħarrfu wkoll lil-Kummissjoni dwar l-opinjonijiet pożittivi tagħhom.

Il-Kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà

Waqt l-ewwel nofs tal-2010, saru ħafna skambji, kemm bil-miktub kif ukoll verbalment, bejn il-Kummissjoni u l-Parlamenti nazzjonali rigward il-kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà. Bħala tweġiba għall-mistoqsijiet speċifiċi magħmula mill-Parlamenti nazzjonali, il-Kummissjoni kienet kapaċi tiċċara li l-mekkaniżmu l-ġdid ikopri biss abbozzi ta’ atti leġiżlattivi, jiġifieri proposti soġġetti jew għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew għal waħda speċjali[13], bil-kundizzjoni li ma jaqgħux taħt il-kompetenza speċifika tal-Unjoni[14]. Din l-interpretazzjoni hija kondiviża mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Madankollu, il-Kummissjoni, fit-tweġibiet tagħha lill-Parlamenti nazzjonali, għamlitha ċara ħafna li fil-kuntest tad-djalogu politiku għandha, mingħajr dubju, tikkunsidra wkoll opinjonijiet dwar proposti li mhumiex abbozzi ta’ atti leġiżlattivi, u għandha tipprovdi evalwazzjoni politika u tweġiba għalihom ukoll.

Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet

Rigward l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, ġew stabbiliti kuntatti mill-qrib u skambji mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew, fejn it-tnejn li huma stabbilixxew il-proċeduri tagħhom stess sabiex jimplimentaw il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà u jittrattaw l-opinjonijiet li rċivew mill-Parlamenti nazzjonali. Minkejja li t-tliet istituzzjonijiet jittrattaw b’mod relattivament indipendenti mal-mekkaniżmu l-ġdid u jżommu relazzjonijiet speċifiċi ħafna mal-Parlamenti nazzjonali, għandu jiġi sottolineat li fil-Ftehim Qafas rivedut bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew t’Ottubru 2010, iż-żewġ istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw fuq l-implimentazzjoni tal-Protokoll 2 għat-Trattat ta’ Lisbona.

Sovrappożizzjoni bejn il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà u d-djalogu politiku

Billi fil-każijiet kollha msemmija hawn fuq il-limiti indikati fil-Protokoll 2 għall-bidu tal-hekk imsejħa ‘kard safra’ jew ‘kard oranġjo’ kienu għadhom ‘il bogħod milli jintlaħqu, il-Kummissjoni wieġbet għal kull waħda mill-opinjonijiet, li qajmet tħassib dwar is-sussidjarjetà, b'mod individwali, fil-kuntest tad-djalogu politiku. L-esperjenza miksuba bil-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tiegħu turi li r-rekwiżiti tat-Trattat biex il-Parlamenti nazzjonali jagħtu bidu għall-proċess tal-‘kard safra’ jew il-'kard oranġjo’ huma pjuttost stretti, u tikkonferma dak li diġà ġie osservat fis-snin li għaddew: perċentwal relattivament żgħir ta’ opinjonijiet mibgħuta lill-Kummissjoni jqajmu kwistjonijiet dwar is-sussidjarjetà, fejn il-Parlamenti nazzjonali huma fuq kollox interessati li jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-Kummissjoni dwar is-sustanza tal-proposti u l-inizjattivi tagħha.

Dan juri biċ-ċar l-importanza u l-valur miżjud tat-tkomplija tad-djalogu politiku, li, sakemm il-limiti tal-Protokoll 2 ma jiġux milħuqa u l-mekkaniżmu formali tat-Trattat għall-analiżi tal-proposti ma jinbediex, jirrappreżenta l-qafas ewlieni għall-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Parlamenti nazzjonali.

DJALOGU POLITIKU

Opinjonijiet mill-Parlamenti nazzjonali u t-tweġibiet tal-Kummissjoni

Parteċipazzjoni

Ir-relazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-Parlamenti nazzjonali għadhom jiffokaw fuq id-djalogu politiku, fejn il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà jikkostitwixxi biss parti waħda. Imniedi mill-President Barroso fl-2006, il-proċess tal-iskambju bil-miktub ta’ opinjonijiet u tweġibiet baqa’ jiżdied fl-intensità għal dawn l-aħħar snin. In-numru totali ta’ opinjonijiet irċevuti mill-Parlamenti nazzjonali fl-2010, inkluż l-opinjonijiet mibgħuta fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà, laħaq it-387. Dan jirrappreżenta żieda ta' iżjed minn 55% meta mqabbel mas-sena ta' qabel. Din it-tendenza ċara 'l fuq kompliet fl-2011, meta sal-aħħar ta' Mejju 2011 kienu waslu iktar minn 250 opinjoni.

Rigward il-grad tal-parteċipazzjoni tal-Parlamenti nazzjonali f’dan id-djalogu matul l-2010[15], u meta dan jitqabbel mas-sitwazzjoni qabel id-dħul fis-seħ tat-Trattat ta’ Lisbona, madwar terz tal-kmamar ipparteċipaw b’mod iżjed attiv fl-iskambji mal-Kummissjoni, inkluż ċerti kmamar li lanqas ma kienu pparteċipaw fis-sena ta’ qabel (pereżempju ż-żewġ kmamar Pollakki, il-House of Commons tar-Renju Unit u l-Parlament Finlandiż). Għandu jiġi nnotat li l-opinjonijiet, b’mod partikolari mis-Senat Taljan, iżda wkoll mill-Kamra tad-Deputati Taljana u n- Nationalrat Awstrijak, immultiplikaw matul l-2010, sena li fiha anke l-Parlament nazzjonali Rumen u dak Spanjol ipparteċipaw għall-ewwel darba fid-djalogu politiku.

Għal terz ieħor tal-kmamar, il-livell ta’ parteċipazzjoni ma nbidilx b’mod konsiderevoli fl-2010, waqt li t-terz li jifdal ipparteċipaw b'mod inqas attiv minn qabel. Il-Kummissjoni tkompli tinkoraġġixxi lil dawk il-Parlamenti li, għal raġunijiet differenti, sa issa għażlu li ma jipparteċipawx b’mod attiv ħafna fi skambju dirett mal-Kummissjoni, sabiex jinvolvu ruħhom f’dan id-djalogu politiku, li jservi sabiex jikkumplimenta l-iskrutinju tal-gvernijiet tagħhom stess b’dimensjoni ġdida ta’ komunikazzjoni u dibattitu fuq livell Ewropew.

Kamp ta' Applikazzjoni

It-387 opinjoni li waslu fl-2010 dwar iżjed minn 170 dokument differenti tal-Kummissjoni, li jikkonferma dak li diġà ġie nnotat fis-snin ta’ qabel, prinċipalment li l-fokus tal-Parlamenti nazzjonali huwa wiesa'. Il-parti l-kbira tad-dokumenti kienu jirrikjedu bejn 1 u 3 opinjonijiet, u saru kummenti fuq 25 proposta jew inizjattiva biss min-naħa ta’ iżjed minn erbat ikmamar u 10 biss min-naħa ta’ sitt ikmamar jew iżjed[16].

Fil-kuntest tad-djalogu politiku, dawk li dwarhom sar l-ikbar numru ta’ kummenti fl-2010 kienu jinkludu dawk li kienu jirrikjedu wkoll l-ogħla numru ta’ opinjonijiet motivati fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà, prinċipalment id-direttiva dwar il-ħaddiema staġjonali[17] u d-direttiva dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti[18]. Inizjattivi oħra li fuqhom iffokaw l-opinjonijiet tal-Parlamenti nazzjonali kienu, pereżempju, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini[19], il-Green Paper dwar is-sistema Ewropea tal-pensjonijiet[20] u Ewropa 2020[21]. Il-governanza ekonomika kienet kwistjoni ewlenija oħra li fuqha ffokaw l-opinjonijiet tal-Parlamenti nazzjonali fl-2010, u bl-istess mod fil-bidu tal-2011[22].

L-oqsma tal-politika li, fl-2010, kienu soġġetti għall-parti l-kbira tal-opinjonijiet mill-Parlamenti nazzjonali fil-kuntest tad-djalogu politiku kienu l-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, is-Suq Intern u s-Servizzi, u l-Agrikoltura[23]. Ftit inqas minn 10% tat-387 opinjoni għamlu referenza għal dokumenti li jkopru l-programmazzjoni, kwistjonijiet istituzzjonali jew relazzjonijiet interistituzzjonali, fejn numru żgħir ħafna ta’ Parlamenti nazzjonali esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni.

Għandu jiġi nnotat li mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ' hawn, jidher li l-Parlamenti nazzjonali qegħdin jagħtu iżjed attenzjoni lid-dokumenti leġiżlattivi. Is-sehem tad-dokumenti mhux leġiżlattivi (bħall-Komunikazzjonijiet, il-Green Papers jew il-White Papers) naqas għal inqas minn terz meta mqabbel man-nofs tas-snin ta’ qabel. Madankollu s-Senat Ċek, il-Kamra tad-Deputati Taljana, il- Bundesrat u l- Bundestag Ġermaniżi, il-House of Lords tar-Renju Unit kif ukoll il-Parlamenti Svediżi u Daniżi għadhom jikkummentaw iżjed ta’ spiss dwar id-dokumenti mhux leġiżlattivi milli dwar dawk leġiżlattivi. Il-Kummissjoni qiegħda tistieden b’mod espliċitu lill-Parlamenti nazzjonali sabiex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar id-dokumenti pre-leġiżlattivi, kif ukoll sabiex jipparteċipaw b'mod attiv fil-konsultazzjonijiet bil-miftuħ[24], billi tikkunsidra dan bħala mod partikolarment effettiv għall-Parlamenti nazzjonali sabiex jikkontribwixxu b’mod kostruttiv u pożittiv għall-iffurmar tal-inizjattivi u l-leġiżlazzjoni tal-UE tal-ġejjieni. Il-Kummissjoni ttenni l-impenn tagħha li tikkunsidra l-kontributi tal-Parlamenti nazzjonali li waslu matul il-fażi pre-leġiżlattiva.

Fl-2010 l-Kummissjoni kompliet twieġeb, skont il-proċeduri interni tagħha stabbiliti sew[25], l-opinjonijiet kollha tal-Parlamenti nazzjonali li qajmu kummenti jew mistoqsijiet sostantivi. It-tweġibiet huma ffirmati mill-Viċi President Šefčovič fil-qafas tar-responsabbiltajiet interistituzzjonali tiegħu. Il-Kummissjoni tagħmel mill-aħjar li tista’ sabiex twieġeb f'limitu ta’ żmien ta’ tliet xhur li hija imponiet fuqha nfisha.

Id-djalogu politiku dwar suġġetti ewlenin:

Waqt li wieħed għandu jikkunsidra li għad hemm ftit ħafna dokumenti tal-Kummissjoni li dwarhom ikkummentaw iżjed minn erba' jew ħames kmamar fil-kuntest tad-djalogu politiku, id-deskrizzjoni fil-qosor li ġejja tiffoka fuq inizjattivi u politiki ewlenin magħżula li b’mod partikolari ġibdu l-attenzjoni tal-Parlamenti nazzjonali fl-2010.

- Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

B’mod ġenerali l-Parlamenti nazzjonali esprimew appoġġ qawwi għall-inizjattiva, kemm fl-opinjonijiet tagħhom dwar il-Green Paper kif ukoll dwar il-proposta leġiżlattiva. Rigward in-numru minimu ta’ Stati Membri li minnhom għandhom jiġu l-firmatarji ta’ inizjattiva taċ-ċittadini, il-kmamar kollha li pprovdew kummenti permezz tad-djalogu politiku, iddikjaraw li l-limitu ta’ terz kien għoli wisq, u ħafna minnhom riedu li jitnaqqas għal kwart, li fl-aħħarnett kienet l-opzjoni miżmuma fit-test finali. Barra dan, skont il-parti l-kbira tal-Parlamenti nazzjonali li kkummentaw dwar din l-inizjattiva, sena għall-ġbir tal-firem kienet biżżejjed, u żewġt ikmamar biss riedu li l-perjodu jkun ta’ 18-il xahar. Ir-regolament finali jipprovdi limitu ta’ żmien ta’ sena. Maġġoranza netta tal-Parlamenti nazzjonali li bagħtu opinjonijiet dwar il-Green Paper, kienu wkoll tal-fehma li għandu jiġi pprovdut limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur sabiex il-Kummissjoni teżamina inizjattiva taċ-ċittadini, kif wara ġie propost mill-Kummissjoni fil-proposta leġiżlattiva tagħha (inkluż xahrejn sabiex il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-inizjattiva). Il-limitu ta’ żmien sabiex tiġi eżaminata inizjattiva taċ-ċittadini u sabiex tiġi sottomessa komunikazzjoni dwar miżuri maħsuba tnaqqas b’xahar ieħor fir-regolament finali.

- Ħaddiema Staġjonali

Din hija l-proposta li dwarha l-Kummissjoni rċeviet l-ogħla numru kumplessiv ta’ opinjonijiet mill-Parlamenti nazzjonali. Disa' kmamar iddikjaraw ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi sabu li s-suġġett huwa diġà rregolat biżżejjed fuq livell nazzjonali, li l-UE ma tistax tindirizza b’mod adegwat l-ispeċifitajiet nazzjonali u li l-proposta tista’ ma tilħaqx l-għan tal-ġestjoni tal-flussi migratorji, billi l-Istati Membri għadhom jikkontrollow il-volumi taċ-ċittadini ammessi ta' pajjiżi terzi[26]. Fl-istess ħin, disa' kmamar esprimew opinjonijiet fil-kuntest tad-djalogu politiku[27], waqt li għamlu bosta kummenti u mistoqsijiet oħra dwar is-sustanza tal-proposta. Dawn kienu jikkonċernaw b’mod prinċipali r-rekwiżiti tal-permess ta' residenza. Kamra waħda talbet għal iktar dispożizzjonijiet legali, inkluż deskrizzjoni uniformi tal-permess u regola li għandha tapplika biss għal Stat Membru wieħed. Kamra oħra talbet għad-disassoċjazzjoni tal-validità tal-permess ta’ residenza mill-kuntratt tax-xogħol. Xi kmamar qajmu dubji dwar il-ħtiega li jinħareġ permess multi-staġjonali. Barra dan, żewġ kmamar kienu favur estensjoni tat-tul taż-żmien tal-permess minn 6 xhur għal massimu ta’ 9 xhur, waqt li kamra waħda esprimiet l-opinjoni li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandu jkollhom id-dritt li jaħdmu fi Stati Membri oħra fuq il-bażi tal-permess tal-ħaddiem staġjonali maħruġ minn Stat Membru ieħor. Parlament nazzjonali wieħed enfasizza nuqqasijiet ta’ konformità potenzjali mal-leġiżlazzjoni tax-xogħol, is-servizzi tal-impjieg u s-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali. Sa issa fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew saru biss diskussjonijiet preliminari, fil-livell ta’ grupp ta’ ħidma u kumitat rispettivament. Dawn irriflettew bosta mill-kwistjonijiet imqajma mill-Parlamenti nazzjonali fl-opinjonijiet tagħhom, bħal definizzjonijiet, it-tul taż-żmien tal-permess jew id-dokumenti li jawtorizzaw il-permanenza. B’mod ġenerali, għandu jiġi enfasizzat li xi wħud mill-opinjonijiet irċevuti mill-Parlamenti nazzjonali dwar din il-proposta servew bħala “twissija bikrija” effettiva għall-Kummissjoni rigward kwistjonijiet li probabbilment se jitqajmu matul il-proċess leġiżlattiv.

- Green Paper dwar il-Pensjonijiet

Is-sitt kmamar kollha fil-kummenti tagħhom dwar din il-Green Paper osservaw li kellhom kompetenza esklussiva għad-definizzjoni tal-prinċipji fundamentali tas-sistema tas-sigurtà soċjali, inkluż prinċipji bażiċi tas-sistemi tal-pensjoni. Xi wħud minnhom semmew ukoll li fit-tfassil tas-sistemi tal-pensjoni, l-għanijiet tal-politika finanzjarja u ekonomika m'għandhomx ikunu l-uniċi kunsiderazzjonijiet. B’eċċezzjoni waħda, il-kmamar kollha rrifjutaw kwalunkwe tentattiv mill-Kummissjoni biex tiddefinixxi standards għal pensjoni adegwata fl-Ewropa. Erba' kmamar semmew li s-sistemi tal-pensjoni tagħhom ma jeħtiġux iżjed aġġustamenti f’dan l-istadju. Kamra waħda irrikonoxxiet b’mod espliċitu li l-UE jista’ jkollha rwol f'dak li jikkonċerna s-sostenibbiltà, u stiednet lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra sistema ta’ rapportar tal-ispejjeż speċifiċi għar-riformi tal-pensjoni, li ma jkunux inklużi fid-defiċit ġenerali tal-kalkolu tal-baġits pubbliċi fil-Patt dwar l-Istabbiltà u l-Iżvilupp. L-idea ta’ mekkaniżmu awtomatiku tal-aġġustament relatat mal-età pensjonabbli pprovokat reazzjonijiet fuq iż-żewġ naħat tal-argument, b’mod partikolari minn Parlament wieħed li pprefera li jenfasizza l-importanza tat-titjib tar-regoli tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-kmamar kollha minbarra waħda qablu li l-iżgurar tal-portabbiltà tal-intitolamenti tal-pensjoni kif ukoll l-armonizzazzjoni tar-regolazzjoni tal-impriżi attivi fis-suq tal-pensjoni jistgħu jiġu indirizzati f’livell tal-UE. Bħala segwitu għall-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni ppjanat White Paper dwar il-Pensjonijiet għat-tielet kwart tas-sena u reviżjoni tad-Direttiva IORP (Istituzzjoni għall-Provvista ta’Rtirar Okkupazzjonali ) għall-2012. F’dan il-kuntest, għandha tikkunsidra l-kontributi li bagħtu l-Parlamenti nazzjonali.

- Atti delegati

Għandu jiġi nnotat ukoll li fl-opinjonijiet tagħha dwar dawk il-proposti, li jipprovdu għal atti delegati, kamra waħda tikkontesta b’mod sistematiku l-fatt li s-setgħat delegati jingħataw lill-Kummissjoni għal perjodu mhux determinat. Fl-opinjoni tagħha dan mhuwiex konformi mal-Artikolu 290 tat-TFUE (Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Parlamenti nazzjonali oħra huma ta’ din l-opinjoni dwar fajls leġiżlattivi speċifiċi. Il-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha saħqet li l-għanijiet ta’ effiċjenza u tħaffif tal-proċeduri, li l-ewwelnett jiġġustifikaw l-użu ta’ atti delegati, għandhom jipprevalu u li reviżjoni frekwenti wisq tista’ tmur kontra l-għan innifsu tad-delegazzjoni. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-Fehim Komuni miftiehem mill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-atti delegati jirreferi b’mod espliċitu għall-possibbiltà li l-Kummissjoni tingħata setgħat delegati għal perjodu ta’ żmien mhux determinat, li l-Kummissjoni tipproponi b’mod sistematiku kull darba li tippreżenta abbozz ta’ leġiżlazzjoni li fiha jkun hemm atti delegati. Madankollu, waqt il-proċess leġiżlattiv il-leġiżlaturi xi drabi għażlu li jillimitaw it-tul taż-żmien tad-delegazzjoni għal ħames snin b’estensjoni taċita għall-istess perjodu bil-kundizzjoni li jiġi ppreżentat rapport mill-Kummissjoni.

Kuntatti u Żjarat

Bħal fis-snin ta’ qabel, firxa wiesgħa ta’ kuntatti personali u laqgħat, kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tas-servizzi, ikkumplimentaw l-iskambju ta’ opinjonijiet u tweġibiet bil-miktub bejn il-Parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni. Sa mill-bidu tal-inkarigu tal-Kummissjoni l-ġdida fil-bidu tal-2009, il-President Barroso u l-Viċi President Šefčovič inkoraġġixxew lill-Kummissarji biex iżidu l-kuntatti tagħhom mar-rappreżentanti tal-Parlamenti nazzjonali waqt iż-żjarat tagħhom fl-Istati Membri[28] u twaqqfet sistema internament sabiex jiġi żgurat li kollha kemm huma jinżammu informati dwar il-laqgħat numerużi li jkunu qegħdin isiru bejn il-Kummissarji u l-Parlamenti nazzjonali.

Għandu jiġi enfasizzat li sa mill-bidu tal-mandat, il-Kummissarji kollha żaru mill-inqas Parlament nazzjonali wieħed, u ħafna minnhom attendew b'mod regolari l-laqgħat tal-kmamar differenti. Meta sar Viċi President għar-relazzjonijiet internazzjonali, is-Sur Šefčovič ħabbar l-intenzjoni li jiltaqa’ mal-Parlamenti nazzjonali kollha mill-inqas darba waqt il-mandat tiegħu. Sal-aħħar ta’ Mejju 2011, kien diġà żar madwar nofshom.

Il-Kummissjoni kienet irrappreżentata f’livell politiku fil-laqgħat interparlamentari importanti kollha li saru matul l-2010, inklużi l-laqgħat tal-COSAC, il-Konferenza tal-Ispikers kif ukoll il-Laqgħat Parlamentari Konġunti. Rigward il-COFACC[29], ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà/ il-Viċi President tal-Kummissjoni jiġi mistieden regolarment sabiex jieħu sehem f’dawn il-laqgħat. Is-servizzi tal-Kummissjoni komplew ukoll il-prattika tagħhom li jixhdu quddiem il-kumitati tal-Parlamenti nazzjonali, meta jintalbu jagħmlu dan, u li jiltaqgħu b’mod regolari mar-rappreżentanti tal-Parlamenti nazzjonali bbażati fi Brussell sabiex jiddiskutu diversi inizjattivi li ġejjin jew fajls miftuħa. Fl-2010 il-President Šefčovič iltaqa’ darbtejn ma’ dan in-netwerk ta’ rappreżentanti tal-Parlamenti nazzjonali.

Billi kompliet tibni fuq il-kuntatti mill-qrib u kostruttivi li jeżistu diġà bejn il-Kummissjoni u l-IPEX[30], f’Ottubru tal-2010 il-Kummissjoni aċċettat stedina formali sabiex issir osservatur permanenti tal-Bord tal-IPEX u minn dakinhar qiegħda tieħu sehem b’mod regolari fil-laqgħat ta’ dan il-korp.

ĦARSA ĠENERALI

Ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fix-xena interistituzzjonali Ewropea qiegħed jikber. Is-sena 2010 uriet biċ-ċar li huma ppreparati tajjeb u lesti biex jassumu r-responsabbiltajiet ġodda tagħhom. Il-Kummissjoni tilqa’ bis-sħiħ dan l-iżvilupp. Fl-aħħar mill-aħħar dan mhux biss isaħħaħ id-dimensjoni demokratika tal-UE iżda jappoġġja wkoll applikazzjoni u effettività aħjar tal-liġi tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li tapprofondixxi d-djalogu politiku mal-Parlamentari nazzjonali, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-bilanċ istituzzjonali f’livell tal-UE.

Il-President Barroso u l-Viċi President Šefčovič diġà għamlu xi proposti konkreti fl-2010 rigward is-suġġetti li jistgħu jkunu argument ta’ diskussjonijiet iżjed regolari u profondi bejn il-Kummissjoni u l-Parlamenti nazzjonali kif ukoll rigward segwitu iżjed sistematiku u strutturat, immmirat b’mod partikolari lejn il-kwistjoni tal-governanza ekonomika, inkluż is-Semestru Ewropew u Ewropa 2020, iżda wkoll lejn il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni.

Rigward il-governanza ekonomika, il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li l-Presidenza Ungeriża tal-COSAC qablet li tiffoka d-diskussjonijiet u d-deliberazzjonijiet matul l-ewwel nofs tal-2011 fuq dan is-suġġett u tilqa' l-15-il rapport biannwali li ġie fil-laqgħa plenarja tal-COSAC f’Budapest f’Mejju. Il-Kummissjoni tistenna li r-riżultati ta’ dawn id-diskussjonijiet iwittu t-triq biex tkun ottimizzata iktar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Parlamenti nazzjonali, u b’mod partikolari għat-tisħiħ tar-rwol ta’ dawn tal-aħħar, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni qiegħda titħeġġeġ ukoll mill-interess li qed juru l-Parlamenti nazzjonali fil-kwistjoni tal-governanza ekonomika u l-Ewropa 2020, fil-kuntest tad-djalogu politiku, u hija konvinta li r-rwol tagħhom huwa essenzjali sabiex din is-sistema taħdem. Il-Parlamenti nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiżguraw li l-miżuri nazzjonali jkunu proporzjonati u konsistenti mal-impenji Ewropej, u jippermettu li l-miri jinkisbu; jistgħu jinkoraġġixxu lill-gvernijiet tagħhom stess biex ikunu ambizzjużi kemm jista’ jkun fit-twaqqif tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali; u huma jistgħu jużaw dawn il-programmi aktar tard għall-monitoraġġ tal-progress lejn il-miri, u b'hekk jużawhom bħala għodda reali għal parteċipazzjoni demokratika.

Rigward il-Programm ta’ Ħidma tagħha, il-Kummissjoni tixtieq ittenni l-impenn tagħha li tikkunsidra l-prijoritajiet tal-Parlamenti nazzjonali fl-ippjanar strateġiku. Hija konvinta li l-Parlamenti nazzjonali għandhom jinstemgħu mhux biss fil-proċess tal-implimentazzjoni, iżda wkoll fil-proċess tal-preparazzjoni. Opinjonijiet individwali jew kontributi kollettivi permezz tal-COSAC għandhom jiġu sottomessi fil-ħin sabiex jiġu inklużi fil-preparazzjonijiet tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, b’mod parallel mad-djalogu tal-Kummissjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Għalhekk il-Parlamenti nazzjonali jistgħu jgħinu sabiex jinbena kunsens reali dwar fejn l-UE għandha tiffoka l-politika tagħha għas-snin li ġejjin.

Il-Kummissjoni tkompli torbot ukoll fuq l-appoġġ tal-Parlamenti nazzjonali rigward it-traspożizzjoni tad-direttivi tal-UE fil-liġi nazzjonali u f’dan ir-rigward bdiet tagħmilhom iżjed konxji dwar l-importanza ta’ traspożizzjoni tajba tal-liġi tal-UE, sabiex b’hekk id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f’direttiva jkunu jistgħu jiġu nfurzati b’mod armonjuż madwar l-UE.

Finalment, id-diskussjonijiet u l-kuntatti bejn il-Kummissjoni u l-Parlamenti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona rigward id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-Europol u l-Eurojust[31] ċertament se jiġu intensifikati matul l-2011 u s-snin ta’ wara. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iskrutinju demokratiku tal-Europol ta’ Diċembru 2010[32], li dwarha l-Parlamenti nazzjonali bdew jikkummentaw fil-bidu tal-2011 u li kienet ukoll is-suġġett tad-diskussjoni waqt il-Konferenza tal-Ispikers f’April 2011, twitti t-triq għall-adozzjoni maħsuba ta’ regolament fl-2013. Din il-Komunikazzjoni tikkonferma wkoll li, sadattant, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li diġà tkun tejbet l-informazzjoni tal-Parlamenti nazzjonali rigward l-evalwazzjoni tal-Europol. Rigward l-Eurojust, il-Kummissjoni qiegħda tistenna, sal-aħħar tal-2011, ir-riżultat ta’ studju dwar it-tisħiħ tal-Eurojust, li għandu jittratta wkoll opzjonijiet possibbli għall-involviment tal-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali fl-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Eurojust. Il-Kummissjoni ser tikkunsidra proposti leġiżlattivi wara analiżi bir-reqqa ta’ dan l-istudju u se żżomm lill-Parlamenti nazzjonali mgħarrfa b’mod regolari u involuti mill-qrib waqt il-fażi pre-leġiżlattiva.

Anness 1 Numru ġenerali ta’ opinjonijiet irċevuti skont il-pajjiż/kamra

Parlament Nazzjonali | Kamra | Numru totali ta’ Opinjonijiet (djalogu politiku) | Opinjonijiet motivati[33] (mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà) |

Il-Portugall | Assembleia da Republica | 106 | 0 |

L-Italja | Senato della Repubblica | 71 | 1 |

Ir-Repubblika Ċeka | Senát | 29 | 1 |

L-Italja | Camera dei Deputati | 25 | 0 |

Il-Ġermanja | Bundesrat | 23 | 1 |

L-Isvezja | Riksdagen | 20 | 3 |

L-Awstrija | Bundesrat | 13 | 2 |

L-Awstrija | Nationalrat | 12 | 1 |

Ir-Renju Unit | House of Lords | 12 | 2 |

Id-Danimarka | Folketinget | 11 | 2 |

Ir-Rumanija | Senatul | 9 | 0 |

Il-Lussemburgu | Chambre des Députés | 7 | 3 |

Il-Ġermanja | Bundestag | 6 | 1 |

Il-Polonja | Senat | 5 | 4 |

Il-Greċja | Kamra tad-Deputati | 4 | 0 |

Il-Litwanja | Seimas | 4 | 2 |

Spanja | Congreso de los Diputados and Senado (iż-żewġ kmamar) | 4 | 0 |

L-Irlanda | Oireachtas (iż-żewġ kmamar) | 3 | 0 |

Ir-Repubblika Ċeka | Poslanecká sněmovna | 3 | 1 |

Franza | Sénat | 3 | 3 |

Ir-Renju Unit | House of Commons | 3 | 3 |

Il-Pajjiżi l-Baxxi | Eerste Kamer Staten Generaal | 3 | 0 |

Il-Polonja | Sejm | 2 | 2 |

Il-Pajjiżi l-Baxxi | Iż-Żewġt Ikmamar | 2 | 2 |

Ir-Rumanija | Iż-Żewġt Ikmamar | 2 | 0 |

Il-Pajjiżi l-Baxxi | Tweede Kamer Staten Generaal | 1 | 0 |

Ċipru | Kamra tar-Rappreżentanti | 1 | 0 |

Il-Latvja | Saeima | 1 | 0 |

Il-Belġju | Chambre des Représentants | 1 | 0 |

Il-Finlandja | Eduskunta | 1 | 0 |

Il-Belġju | Sénat | 0 | 0 |

Il-Bulgarija | Narodno Sabranie | 0 | 0 |

L-Estonja | Riigikogu | 0 | 0 |

Franza | Assemblée Nationale | 0 | 0 |

L-Ungerija | Országgyűlés | 0 | 0 |

Malta | Kamra tad-Deputati | 0 | 0 |

Is-Slovakkja | Národná rada | 0 | 0 |

Is-Slovenja | Državni svet | 0 | 0 |

Is-Slovenja | Državni zbor | 0 | 0 |

Ir-Rumanija | Camera Deputaților | 0 | 0 |

Total | 387 | 34 |

Anness 2 Proposti u inizjattivi tal-Kummissjoni li qegħdin jirċievu l-ogħla numru ta’ opinjonijiet fil-kuntest tad-djalogu politiku (2010)

Dokument tal-Kummissjoni | Titlu | Numru ta’ opinjonijiet |

COM(2010)379 | Proposta għal Direttiva dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg staġjonali | 16 |

COM(2009)622 COM(2010)119 | Inizjattiva taċ-Ċittadini (Green Paper u Proposta għal Regolament) | 13 |

COM(2010)368 | Proposta għal Direttiva dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti | 11 |

COM(2010)537 | Proposta għal Regolament dwar l-appoġġ għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) | 8 |

COM(2010)61 | Proposta għal Regolament li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) | 7 |

COM(2010)539 | Proposta għal Regolament li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa taħt il-politika agrikola komuni u li jwaqqaf ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa | 7 |

COM(2010)486 | Proposta għal Regolament rigward it-tqassim tal-prodotti tal-ikel lill-persuni l-iżjed fil-bżonn fl-Unjoni | 7 |

COM(2009)647 COM(2010)2020 | Ewropa 2020 (Dokument ta’ konsultazzjoni u Komunikazzjoni) | 7 |

COM(2010)365 | Green Paper lejn sistema Ewropea ta' pensjoni adegwata, sostenibbli u sigura | 6 |

COM(2010)289 | Proposta għal Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu | 6 |

Anness 3 Numru ta’ opinjonijiet irċevuti skont il-qasam tal-politika fl-2010

Qasam ta' Politika | Total |

Ġustizzja u Affarijiet Interni | 88 |

Politiki istituzzjonali, legali u trażversali[34] | 53 |

Suq Intern u Servizzi | 45 |

Agrikoltura u Żvilupp Rurali | 30 |

Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji | 18 |

Intrapriża u Industrija | 16 |

Soċjetà Informatika u Mezzi ta’ Komunikazzjoni | 16 |

Ambjent | 14 |

Politika dwar is-Saħħa u l-Konsumaturi | 13 |

Mobbiltà u Trasport | 13 |

Affarijiet Marittimi u Sajd | 11 |

Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs | 10 |

Eurostat | 10 |

Edukazzjoni u Kultura | 9 |

Enerġija | 7 |

Żvilupp | 7 |

Relazzjonijiet Esterni | 5 |

Baġit | 4 |

Kummerċ | 3 |

Kompetizzjoni | 3 |

Politika Reġjonali | 3 |

Tassazzjoni u Unjoni Doganali | 3 |

Azzjoni favur il-Klima | 3 |

Riċerka u Innovazzjoni | 2 |

Tkabbir | 1 |

Total | 387 |

[1] PV (2010) 1920 finali

[2] Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – it-18-il rapport dwar it-Twettiq ta’ Liġijiet Aħjar li jkopri s-sena 2010, li huwa adottat b’mod parallel ma’ dan ir-rapport, se jagħti ħarsa aktar dettaljata lejn xi każijiet, fejn tqajjem tħassib dwar is-sussidjarjetà min-naħa tal-Parlamenti nazzjonali, u għalhekk jikkumplimenta l-analiżi tal-mekkaniżmu l-ġdid ta' kontroll tas-sussidjarjetà.

[3] http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/relations/relations_other/npo/index_en.htm.

[4] Proposta dwar il-kontributi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010) – COM(2010) 12.

[5] Opinjoni tas-Senat Pollakk dwar il-proposta tal-Kummissjoni rigward ir-reviżjoni tar-Regolament tal-Frontex - http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/relations/relations_other/npo/poland/2010_en.htm.

[6] Dawn jinkludu 4 opinjonijiet li waslu wara d-data tal-iskadenza ta’ 8 ġimgħat jew ma ġewx adottati mill-kmamar rispettivi skont ir-regoli interni tagħhom.

[7] Għal lista kompleta ara r-Rapport tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – it-18-il rapport dwar it-Twettiq ta’ Liġijiet Aħjar li jkopri s-sena 2010.

[8] Il-parti l-kbira ta' dawn l-opinjonijiet kienu dwar proposti mmirati sabiex jallinejaw l-acquis agrikolu mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat ta’ Lisbona.

[9] COM(2010) 379.

[10] Iż-żewġ kmamar Olandiżi bagħtu opinjoni konġunta, li jfisser total ta’ tmien opinjonijiet minn disa' kmamar.

[11] Protokoll 2, Artikolu 5.

[12] Ara wkoll ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – it-18-il rapport dwar it-Twettiq ta’ Liġijiet Aħjar li jkopri s-sena 2010.

[13] L-Artikolu 289 jistabbilixxi li l-atti leġiżlattivi huma atti legali adottati bi proċedura leġiżlattiva, filwaqt li proċedura leġiżlattiva tista’ tkun proċedura leġiżlattiva ordinarja jew proċedura leġiżlattiva speċjali. Għalhekk, fejn il-bażi legali tat-Trattat ma ssemmix b’mod espliċitu waħda mill-proċeduri leġiżlattivi, kemm ordinarja jew speċjali, l-att inkwistjoni formalment mhuwiex att leġiżlattiv.

[14] Artikolu 3 tat-TFUE.

[15] Ara t-tabella fl-Anness 1.

[16] Ara t-tabella fl-Anness 2.

[17] COM(2010) 379.

[18] COM(2010) 368.

[19] COM(2009) 622 u COM(2010) 119.

[20] COM(2010) 365.

[21] COM (2009) 647 u COM (2010) 2020

[22] COM (2010) 250, COM (2010) 367 u COM (2010) 522-527

[23] Ara t-tabella fl-Anness 3.

[24] http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/index_en.htm.

[25] Ara r-Rapport Annwali dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Parlamenti nazzjonali tal-2009 (COM(2010) 291).

[26] Ara wkoll ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – it-18-il rapport dwar Regolamentazzjoni Aħjar li jkopri s-sena 2010.

[27] Iż-żewġ kmamar Spanjoli bagħtu opinjoni konġunta, li jfisser total ta’ tmien opinjonijiet minn disa' kmamar.

[28] PV (2010) 1920 finali

[29] Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin.

[30] Skambju ta’ Informazzjoni Interparlamentari tal-UE.

[31] L-Artikoli 88 u 85 TFUE.

[32] COM(2010) 776.

[33] Dawn jinkludu erba' opinjonijiet li waslu wara d-data tal-iskadenza ta’ 8 ġimgħat jew ma ġewx adottati mill-kmamar rispettivi skont ir-regoli interni tagħhom.

[34] Inkluż l-Inizjattiva taċ-Ċittadini u Ewropa 2020.

Top