EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1000

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali” COM(2010) 758 finali

ĠU C 248, 25.8.2011, p. 130–134 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/130


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali”

COM(2010) 758 finali

2011/C 248/22

Relatur: is-Sinjura O'NEILL

Nhar is-16 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali

COM(2010) 758 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet.

L-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali torbot tajjeb mal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-Opinjoni tenfasizza l-approċċ globali ġdid li jorbotha mill-qrib mal-inizjattivi ewlenin l-oħra u l-ħames miri ewlenin tal-UE. Hija tenfasizza wkoll il-bżonn li jkun hemm konsistenza bejn il-livell tal-UE u l-politiki nazzjonali kif ukoll l-involviment u r-rwol ewlieni tal-partijiet nongovernattivi (1).

1.   Rakkomandazzjonijiet

Il-KESE jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Billi l-faqar jirrappreżenta ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-gvernijiet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom jaqsmu r-responsabbiltà biex jinqered;

Għandu jkun hemm koerenza bejn il-miżuri ekonomiċi, finanzjarji, soċjali u tal-impjieg fl-Istrateġija 2020 u lkoll għandhom jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali;

Il-miżuri ta’ awsterità m’għandhomx iżidu r-riskju tal-faqar u għandha ssir u tiġi diskussa analiżi effettiva tal-impatt soċjali;

L-Istrateġija għall-Inklużjoni Attiva għandha tiġi implimentata bħala approċċ integrat sabiex ikun żgurat appoġġ adegwat għad-dħul, suq tax-xogħol inklużiv u aċċess għal impjieg u servizzi ta’ kwalità;

Għandu jkun hemm enfasi aktar qawwija fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem inklużi d-distribuzzjoni iktar ġusta tad-dħul u l-implimentazzjoni tal-klawsoli soċjali stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona;

Għandu jkun hemm enfasi akbar fuq l-investiment fil-kapital uman permezz tat-tagħlim tul il-ħajja fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-titjib fit-taħriġ tal-ħiliet li jissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u barra;

Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili fil-Pjattaforma, inklużi persuni li qed jesperjenzaw il-faqar, NGOs u msieħba soċjali, għandha tissaħħaħ permezz ta’ djalogu strutturat fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u għandha tiġi appoġġjata mill-fondi adatti tal-UE; il-KESE għandu jkollu rwol attiv u kooperattiv f’dan id-djalogu u fil-Konvenzjoni Annwali;

Il-fondi tal-UE, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali, immirati lejn it-tnaqqis tal-faqar, għandhom jiżdiedu u għandha tingħata enfasi lis-semplifikazzjoni tal-proċeduri, iż-żieda fit-trasparenza u l-monitoraġġ ta’ twettiq effettiv;

Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) Soċjali għandu jissaħħaħ. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali għas-sigurtà soċjali u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll pjani ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali u lokali. Ir-rabta tiegħu mal-inizjattiva ewlenija dwar il-faqar għandha tiġi ċċarata.

2.   Kuntest

Persuni huma meqjusa li qed jgħixu fil-faqar jekk id-dħul u r-riżorsi tagħhom tant huma inadegwati li ma jippermettulhomx li jkollhom livell tal-għajxien meqjus aċċettabbli fis-soċjetà fejn jgħixu. Minħabba l-faqar tagħhom, dawn jistgħu jesperjenzaw għadd ta’ żvantaġġi minħabba l-qgħad, dħul baxx, kundizzjonijiet ħżiena ta’ djar, kura inadegwata tas-saħħa u ostakli għal tagħlim, kultura, sport u rikreazzjoni tul il-ħajja. Ħafna drabi dawn jiġu esklużi u marġinalizzati milli jipparteċipaw f’attivitajiet (ekonomiċi, soċjali u kulturali) li għal persuni oħra huma attivitajiet tas-soltu, u jista’ jkun limitat l-aċċess tagħhom għal drittijiet fundamentali.  (2)

2.1   Aktar minn 80 miljun persuna madwar l-UE jgħixu taħt il-linja tal-faqar (3); aktar minn 50 % minn dawn huma nisa filwaqt li 20 miljun minnhom huma tfal. Filwaqt li d-data statistika dwar il-faqar materjali hija importanti, l-eżistenza tal-faqar immaterjali, bħall-analfabetiżmu, għandha tiġi rikonoxxuta wkoll. Il-kriżi ekonomika attwali laqtet l-agħar lill-membri l-aktar vulnerabbli u żvantaġġjati tal-komunitajiet tagħna.

2.2   Il-Kummissjoni tal-UE poġġiet it-tnaqqis tal-faqar fil-qalba tal-aġenda ekonomika, tax-xogħol u soċjali tagħha – l-Istrateġija Ewropa 2020 (4). Il-Kapijiet tal-Istati u l-Gvern laħqu ftehim politiku dwar mira komuni biex, fl-għaxar snin li ġejjin, tal-inqas 20 miljun ruħ jintrefgħu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. L-inizjattiva ewlenija tal-Pjattaforma kontra l-Faqar tagħmel parti integrali mill-istrateġija, flimkien mal-Linja gwida 10, li ser ikunu l-bażi tal-kontribut tal-Istati Membri meta jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

2.3   Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali enfasizzat il-kumplessità u l-aspetti multidimensjonali ta’ kif jiġi indirizzat il-faqar u l-ħtieġa urġenti għal azzjoni kontra l-faqar fid-dawl tal-kriżi ekonomika u l-miżuri ta’ awsterità.

2.4   Iż-żgħażagħ, il-migranti u dawk b’livell baxx ta’ ħiliet qed jiffaċċjaw qgħad li qiegħed dejjem jiggrava. Il-“ħaddiema fqar” li mhux qed ikunu jistgħu jaqilgħu paga biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum, kif ukoll persuni mdaħħla fl-età u familji bi dħul imnaqqas, qed jiffaċċjaw tiċħid materjali li jaffettwa lil 8 % tal-Ewropej. Din ir-rata titla’ sa 30 % f’uħud mill-Istati Membri (5).

2.5   Il-Kunsill Ewropew qabel li l-mira ewlenija għat-tnaqqis tal-faqar fil-kuntest tal-Istrateġija 2020 għandha tkun ibbażata fuq tliet indikaturi: ir-rata tar-riskju ta’ faqar, it-tiċħid materjali qawwi, u l-persentaġġ ta’ persuni li jgħixu f’dar b’persuni mingħajr xogħol. Il-miri għat-tnaqqis tal-faqar għandhom ikunu rilevanti għall-prijoritajiet lokali u reġjonali.

3.   Il-Pjattaforma kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali

3.1   Il-Pjattaforma proposta hija waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin għall-azzjoni fl-Istrateġija Ewropa 2020 li għandha tliet prijoritajiet biex tinkiseb rata għolja ta’ impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali:

Tkabbir intelliġenti

Tkabbir sostenibbli

Tkabbir inklużiv.

3.2   L-għan tal-Pjattaforma huwa li jinħoloq impenn konġunt fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-partijiet interessati importanti biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali billi jiġi stabbilit “qafas għall-azzjoni dinamiku” għall-koeżjoni soċjali u territorjali sabiex jiġi żgurat li l-impjiegi, it-tkabbir u l-inklużjoni soċjali jinqasmu b’mod iktar ugwali fl-UE.

3.3   Biex jintlaħaq dan il-għan, il-Kummissjoni identifikat l-oqsma li ġejjin fejn għandha tittieħed l-azzjoni:

Twettiq ta’ azzjonijiet mifruxa fl-ispettru politiku

Użu ikbar u iktar effettiv tal-fondi tal-UE għall-appoġġ tal-inklużjoni soċjali

Promozzjoni ta’ innovazzjoni soċjali bbażata fuq l-evidenza mir-riżultati

Ħidma fi sħubija u l-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-ekonomija soċjali

Koordinazzjoni politika mtejba bejn l-Istati Membri.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-faqar mhuwiex aċċettabbli fl-Ewropa tas-seklu 21 u jirrappreżenta ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jilqa’ l-impenn għat-tnaqqis tal-faqar u l-mira li mill-inqas 20 miljun persuna jinħarġu mill-faqar (6) flimkien mat-twaqqif tal-Pjattaforma u l-miżuri biex jitnaqqas il-faqar, li ħafna minnhom jirriflettu Opinjonijiet preċedenti tal-KESE, iżda jħeġġeġ li jittieħdu iktar azzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati l-kawżi kif ukoll il-konsegwenzi tal-faqar u li jiġu implimentati d-drittijiet tal-bniedem.

4.2   Bħalissa hemm nuqqas ta’ koerenza bejn il-politiki ekonomiċi, finanzjarji u soċjali fil-livell tal-UE u r-realtajiet esperjenzati fil-livell tal-Istati Membri. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ approċċ koerenti u integrat u jinsab imħasseb b’mod partikolari li l-politiki li jiffokaw fuq il-governanza ekonomika, it-tkabbir u l-impjieg fil-kuntest tal-kriżi m’għandhomx iżidu r-riskju tal-faqar. Il-KESE jappella għal analiżi effettiva tal-impatt soċjali ta’ dawn il-miżuri li għandhom jiġu diskussi bis-sħiħ.

4.3   Matul it-tħejjija tal-Opinjoni tal-KESE, tqiesu dawn l-effetti tal-faqar: il-faqar iżid l-emigrazzjoni ekonomika u soċjali u, fil-livell tad-diversi Stati Membri, jolqot ħażin ir-rendiment mill-investiment fir-riżorsi umani. Il-fqar li ma jistgħux jiddefendu l-interessi tagħhom jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni iktar żvantaġġjuża jekk huma u jitfasslu, ir-riformi ekonomiċi, fiskali, soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni intiżi biex inaqqsu l-infiq tal-Istat, ma jqisux il-ħarsien tal-fqar. Iż-żieda fl-għadd ta’ persuni li waqgħu taħt il-linja tal-faqar tista’ tagħmel iktar urġenti r-ridistribuzzjoni tal-fondi pubbliċi.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-ħarsien soċjali

5.1.1   Il-KESE jagħraf l-importanza tal-miżuri biex jiżdiedu l-impjiegi u għall-ħolqien tal-impjiegi, iżda jisħaq li huwa kruċjali li jissaħħaħ il-ħarsien soċjali u li ma jitnaqqasx l-għoti tal-għajnuna soċjali jew tiżdied il-pressjoni fuq il-pagi, b’tali mod li l-ifqar persuni jintlaqtu b’mod sproporzjonat.

5.1.2   Is-sistemi tal-ħarsien soċjali jnaqqsu r-riskju tal-faqar b’terz (7) u huma essenzjali għall-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem. Huma jaġixxu bħala stabbilizzaturi ekonomiċi awtomatiċi li jtaffu l-effetti tal-faqar u jħeġġu l-koeżjoni ekonomika u soċjali, jippromovu t-tkabbir u huma kruċjali biex jiġi żgurat l-appoġġ tal-opinjoni pubblika għall-Proġett Ewropew (8).

5.1.3   Il-KESE jappoġġja t-tħassib tal-Kummissjoni li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ħarsien soċjali u l-pensjonijiet tal-Istati Membri biex jiġi żgurat dħul adegwat matul iċ-ċiklu tal-ħajja, inkluż fix-xjuħija (9).

5.2   L-istrateġiji għall-inklużjoni attiva

5.2.1   Għandu jkun hemm enfasi kontinwa u koordinata fuq strateġija integrata għall-inklużjoni attiva li tħaddan it-tliet pilastri ta’ suq tax-xogħol inklużiv, l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità u l-appoġġ adegwat għad-dħul  (10) sabiex jiġu indirizzati l-ostakli ffaċċjati minn dawk il-persuni għaddejjin mill-faqar.

5.2.2   Il-KESE jaqbel li ssir enfasi kbira kemm fuq il-prevenzjoni kif ukoll il-qerda tal-faqar permezz ta’ tkabbir sostenibbli għall-ġlieda kontra l-faqar. L-impjiegi ta’ kwalità u s-sistemi tal-ħarsien soċjali moderni u effettivi flimkien ma’ soluzzjoni għall-inugwaljanzi fid-dħul, il-ġid u l-aċċess għas-servizzi huma kruċjali. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali tal-Kummissjoni (2011) enfasizza li “Ma jista’ jsir l-ebda tkabbir sostenibbli jekk il-benefiċċji tiegħu ma jilħqux lis-segmenti kollha tas-soċjetà” u “li t-tkabbir u l-koeżjoni soċjali jimxu id f’id” (11).

5.2.3   Filwaqt li huwa kruċjali li jiġu stabbiliti politiki fil-livell tal-UE, ir-rwol tal-Istati Membri, u b’mod partikolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jissaħħaħ biex jiġi żgurat li t-tibdil isir. Il-KESE jixtieq jikkoopera f’dan il-qasam mal-Kumitat tar-Reġjuni.

5.2.4   Il-KESE jenfasizza li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, inklużi l-kooperattivi, għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fl-iżvilupp tas-suq tax-xogħol inklużiv u fil-promozzjoni ta’ tqassim iktar ġust tad-dħul bħala kontribut prinċipali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2020.

5.2.5   Il-KESE jappella għal enfasi iktar qawwija fuq il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli u għal miżuri biex jiġġieldu l-faqar tal-ħaddiema, inklużi l-pagi li jiggarantixxu l-għajxien, kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u t-tnaqqis kemm jista’ jkun tan-nases tal-faqar fit-transizzjoni bejn is-sigurtà soċjali u x-xogħol.

5.2.6   Għandhom jittieħdu azzjonijiet speċifiċi biex jinħoloq suq tax-xogħol (12) inklużiv sabiex jingħelbu l-ostakli għall-aċċess ta’ gruppi partikolari inklużi ż-żgħażagħ u l-persuni mdaħħla fiż-żmien, il-minoritajiet etniċi inklużi r-Roma, il-migranti, in-nisa, il-ġenituri waħidhom u l-persuni b’diżabbiltà (13) bħala parti mill-Istrateġija tal-UE għall-Inklużjoni Attiva.

5.2.7   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tax-xogħol dikjarat għal kulħadd u jinsab imħasseb dwar l-impatt tax-xogħol mhux dikjarat u tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fuq il-finanzjament sostenibbli tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u fuq l-impjieg u d-drittijiet soċjali. Hemm bżonn ta’ azzjoni integrata fil-livell tal-UE flimkien ma’ taħlita ta’ sanzjonijiet u kontrolli effettivi, kif ukoll l-għoti ta’ inċentivi għax-xogħol dikjarat.

5.2.8   Il-KESE jappella għal pjan ta’ direzzjoni dettaljat għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-inklużjoni attiva fil-livell lokali. Huwa jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew biex il-Kummissjoni tistudja l-impatt ta’ proposta leġislattiva biex jiddaħħal livell minimu adegwat għad-dħul ta’ mill-inqas 60 % tad-dħul medjan f’kull Stat Membru.

5.2.9   Il-KESE jħeġġeġ li tinġabar data kumparabbli u indikaturi mtejba sabiex jiġu riflessi l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tal-qerda tal-faqar kif ukoll il-konsegwenzi jekk ma tittiħidx azzjoni.

5.3   L-involviment tal-partijiet interessati

5.3.1   Il-KESE jqis l-involviment tal-partijiet interessati prinċipali fid-djalogu regolari strutturat, fil-livell tal-UE u l-livell nazzjonali, bħala ħaġa kruċjali biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi u biex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tal-programm tal-Pjattaforma.

5.3.2   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex taħdem mal-istituzzjonijiet tal-UE, mal-persuni għaddejjin mill-faqar, mal-NGOs, mal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, mal-imsieħba soċjali u ma’ atturi oħra tas-soċjetà ċivili f’Konvenzjoni Annwali biex jiġi valutat il-progress bħala parti mid-djalogu soċjali msemmi hawn fuq, fil-livell tal-UE u l-livell nazzjonali. Dan għandu jinkludi valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir u tal-progress li jkun sar.

5.3.3   Il-KESE jixtieq jara tisħiħ fir-rwol li jista’ jaqdi l-Parlament tal-UE biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-programm tal-Pjattaforma fl-Istati Membri. Dan jikkonforma mal-proposti li ħarġu mill-AGORA taċ-ċittadini tal-Parlament Ewropew.

5.3.4   Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-proposta fil-Pjattaforma ewlenija għal linji gwida volontarji għall-involviment tal-partijiet interessati fil-livell tal-UE u fil-Programmi Nazzjonali tar-Riforma.

5.3.5   Il-KESE għandu jkun imsieħeb attiv fit-twettiq tal-għanijiet tal-Pjattaforma u għandu jaqdi rwol ewlieni biex jingħaqdu l-interessi tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn jistgħu jinkludu:

l-organizzazzjoni ta’ seduta annwali li tirrifletti fuq il-progress li jkun sar lejn il-mira relatata mal-faqar;

il-kontribut għar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu fl-2014 fil-kuntest tal-Ewropa 2020;

il-kontribut għall-Konvenzjoni Annwali;

il-parteċipazzjoni fi djalogu regolari ma’ partijiet interessati oħrajn, inkluż il-Kumitat tar-Reġjuni, il-KES nazzjonali u t-tħejjija ta’ opinjonijiet dwar prijoritajiet ewlenin.

5.4   Nindirizzaw l-inugwaljanzi

5.4.1   Il-KESE jilqa’ l-enfasi li saret fuq ħidmet il-Pjattaform fl-antidiskriminazzjoni, l-ugwaljanza u l-integrazzjoni biex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-persuni b’diżabbiltà jew bi problemi ta’ saħħa mentali, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-persuni mill-kommunitajiet migranti, inklużi r-Roma u l-iżvilupp tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (14). Il-KESE jenfasizza l-bżonn li tiddaħħal referenza trasversali għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u għal proposti konkreti biex jiġu implimentati l-klawsoli soċjali orizzontali fl-Artikoli 5, 8, 9 u 10 tat-TFUE.

5.4.2   Il-KESE jappoġġja l-prijorità li ngħatat lill-ġlieda kontra l-esklużjoni mid-djar u l-problema tal-persuni mingħajr dar kif ukoll il-faqar tal-enerġija u l-esklużjoni finanzjarja. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġi promoss l-aċċess affordabbli għas-servizzi ta’ kwalità, inkluż l-IT. Dawn iridu jiġu żviluppati permezz ta’ Strateġiji Nazzjonali għall-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali bħala parti minn MMK Soċjali mtejjeb.

5.4.3   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jsir investiment fil-kapital uman u jenfasizza kemm huma importanti l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħiliet fl-impjieg, l-iżvilupp personali u l-inklużjoni soċjali. Dan għandu jkopri l-ewwel snin tal-ħajja, l-iskola, l-edukazzjoni avvanzata, vokazzjonali u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol bħala parti mill-impenn għat-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd.

5.4.4   Ir-rapporti tal-OECD u l-Kummissjoni jenfasizzaw l-inugwaljanzi dejjem ikbar fit-tqassim tad-dħul u l-ġid, kif ukoll in-nuqqas ta’ ugwaljanza fl-aċċess għas-servizzi, inkluża s-saħħa, fl-Istati Membri u bejniethom. Barra minn hekk, il-faqar huwa wieħed mill-influwenzi soċjali prinċipali tas-saħħa dgħajfa u l-politika tal-UE għandha turi obbligu morali li ssalva l-ħajja. Hemm evidenza konvinċenti li tenfasizza li s-soċjetajiet iktar ugwali kważi dejjem imorru aħjar. Il-Pjattaforma għandha tagħti prijorità li jiġu żviluppati strateġiji integrati u miżuri konkreti biex jitnaqqas id-distakk b’tali mod li tinħoloq soċjetà iktar ġusta (15).

5.4.5   Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tinħoloq rakkomandazzjoni komprensiva dwar il-faqar tat-tfal li għandha tikkontribwixxi għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar tat-tfal billi jiġi żgurat dħul adegwat għall-familja, l-investiment fil-kura u l-edukazzjoni, b’mod partikolari matul l-ewwel snin u l-għoti tas-setgħa lit-tfal, b’konformità mad-drittijiet fundamentali u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Dan għandu jiġi żviluppat fl-istess ħin ma’ approċċ koerenti lejn il-politika tal-familja. Il-monitoraġġ, l-iskambju, ir-riċerka u r-reviżjonijiet mill-pari kontinwi għandhom jiġu inklużi bħala kontribut biex jintlaħaq l-għan marbut mal-faqar tal-UE 2020 (16).

5.5   Nużaw il-fondi tal-UE biex inwettqu l-għanijiet tal-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni

5.5.1   Il-KESE bi pjaċir kbir jilqa’ l-proposti sabiex il-Fondi Strutturali jintużaw b’mod iktar effettiv biex jitnaqqas il-faqar u tiġi promossa l-koeżjoni soċjali iżda jenfasizza l-bżonn li jiżdied l-ammont ta’ finanzjament disponibbli, b’mod partikolari għall-komunitajiet deprivati. Hija ħaġa kruċjali li jsir investiment f’impjiegi ta’ kwalità u f’approċċi effettivi biex jiġi appoġġjat l-aċċess tal-gruppi esklużi, inkluż permezz tal-ekonomija soċjali. Il-finanzjament għandu jippermetti wkoll aċċess imtejjeb għas-servizzi ta’ kwalità, inklużi d-djar.

5.5.2   Il-KESE jilqa’ l-proposti biex jiġi semplifikat l-aċċess għall-Fondi Strutturali għall-organizzazzjonijiet lokali, b’mod partikolari permezz tal-għotjiet globali u l-assistenza teknika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, iżda jenfasizza l-bzonn li:

titnaqqas il-burokrazija billi l-proċeduri tal-aċċess għall-finanzjament isiru iktar flessibbli;

jiġu stabbiliti standards Ewropej għat-titjib tat-trasparenza u l-effiċjenza tal-proċeduri, inkluż l-informazzjoni semplifikata (17).

Il-Kummissjoni għandha tkun ta’ gwida, tippromovi t-tagħlim reċiproku u timmonitorja t-twettiq u b’mod partikolari tieħu t-tagħlimiet mill-użu tal-Fondi Strutturali matul il-kriżi.

5.5.3   Il-KESE jipproponi li l-programmi tal-UE, bħal PROGRESS, jintużaw biex jiffinanzjaw l-iżvilupp ta’ pjattaformi nazzjonali biex jippermettu l-involviment effettiv tal-partijiet interessati fil-Pjattaforma Ewropea u jittejjeb it-twettiq tal-prijoritajiet tiegħu.

5.6   L-innovazzjoni soċjali u r-riformi

5.6.1   Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent li qed jingħata lir-rwol tal-ekonomija soċjali u l-NGOs fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji biex jiġi indirizzat il-faqar, biex jitħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi u biex jiġu żviluppati s-servizzi li b’mod kreattiv jindirizzaw il-bżonnijiet tal-komunità. Huwa jissottolinja wkoll ir-responsabbiltà konġunta tal-atturi kollha li jaħdmu id f’id biex jiżviluppaw soluzzjonijiet effettivi, inklużi l-SMEs u l-intraprendituri.

5.6.2   Il-volontarjat jaqdi rwol b’saħħtu fl-iżvilupp tal-komunitajiet, fl-akkwist tal-ħiliet, fil-provvista tal-edukazzjoni, kemm informali u kemm nonformali u fl-għoti tas-setgħa lill-individwi. Il-KESE jinsab entużjast li jippromovi l-benefiċċji tal-volontarjat sakemm dan ma jfixkilx ix-xogħol imħallas jew is-servizzi pubbliċi.

5.6.3   Il-KESE jilqa’ ż-żieda fl-appoġġ għall-innovazzjoni soċjali bbażata fuq l-evidenza tar-riżultati iżda jenfasizza l-importanza li tinżamm il-prattika tajba eżistenti u li tintuża bħala sisien u jappella li l-finanzjament jitkompla.

5.7   Koordinazzjoni Politika Mtejba

5.7.1   Il-Pjani Nazzjonali ta’ Riforma u t-twaqqif ta’ miri nazzjonali huma element ewlieni fl-applikazzjoni mifruxa tal-Istrateġija 2020 u fit-twettiq tal-politiki biex jitnaqqsu l-kwistjonijiet marbuta mal-faqar. Madankollu, huwa essenzjali li dan il-proċess ikun abbinat ma’ Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) Soċjali, ibbażat fuq strateġiji nazzjonali integrati biex tiġi provduta bażi iktar b’saħħitha għall-ksib tal-għanijiet soċjali meħtieġa u biex tiġi ċċarata r-rabta tiegħu mal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar.

5.7.2   Fl-opinjoni tiegħu dwar l-MMK u l-Klawsola Soċjali, il-KESE laqa’ l-klawsola soċjali orizzontali, il-valutazzjoni tal-impatt soċjali u l-MMK Soċjali mtejjeb bħala għodod biex jiġi żgurat approċċ integrat u għall-integrazzjoni tal-għanijiet soċjali. Il-KESE jappella biex dan il-progress isir iktar viżibbli u trasparenti bl-involviment tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati ewlenin u jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati strateġiji għall-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Sentenza miżjuda fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-KESE għall-Istrateġija Ewropa 2020.

(2)  (Rapport Konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew għall-Inklużjoni Soċjali, Marzu 2004).

(3)  Il-livell limitu tar-riskju tal-faqar huwa ta’ 60 % tal-introjtu disponibbli nazzjonali ekwivalizzat medjan wara t-trasferiment soċjali speċifiku għal kull Stat Membru.

(4)  Aġġornament għall-2010 tal-Valutazzjoni Konġunta mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni Ewropea tal-impatt soċjali tal-kriżi ekonomika u tar-reazzjonijiet ta’ politika (Nov 2010). COM(2010) 2020 – Ewropa 2020 - Strateġija ġdida għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

(5)  It-tiċħid materjali huwa definit bħala dak fejn persuna tkun imċaħħda minn tal-inqas erba’ affarijiet minn disgħa. Dawn huma persuni li ma jistgħux iħallsu: il-kera jew il-kontijiet tas-servizzi bażiċi, biex iżommu d-djar tagħhom adegwatement sħan, spejjeż mhux previsti, biex jieklu laħam, ħut, jew l-ekwivalenti għal dawn fir-rigward ta’ proteini darba iva u oħra le, għal vaganza ta’ ġimgħa ’l bogħod mid-dar darba f’sena, biex jixtru karozza, biex jixtru magna tal-ħasil, biex jixtru televixin bil-kulur, jew telefown.

(6)  Ara l-istqarrija tal-KESE lill-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010.

(7)  SPC Report on Social Assessment of Europe 2020 (Frar 2011)

(8)  ĠU C 132/26, 03.05.2011

(9)  ĠU C 84/38, 17.03.2011

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol (2008.867/KE)

(11)  Ara r-Rapport ta’ Progress dwar l-Ewropa 2020 (Anness 1 tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir COM(2011) 11 - A1/2, punt 2.5.

(12)  ETUC/Business Europe et al: Ftehim qafas dwar is-swieq tax-xogħol inklużivi (Marzu 2010)

(13)  ĠU C 21/66, 21.01.2011

(14)  Ara l-messaġġ tal-KESE lill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2010 fejn jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

(15)  OECD (2008): Growing unequal: income distribution and poverty in OECD countries. Kummissjoni tal-UE, DĠ Riċerka 2010, Why socio-economic inequalities increase: facts and policy papers in Europe EUR 24 471.

(16)  ĠU C 44/34, 11.02.2011

(17)  ĠU C 132/8, 03.05.2011


Top