Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0812

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni” COM (2010) 738 finali – 2010/0354 (COD)

    ĠU C 218, 23.7.2011, p. 118–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 218/118


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni”

    COM (2010) 738 finali – 2010/0354 (COD)

    2011/C 218/23

    Relatur: is-Sur POLICA

    Nhar is-27 ta’ Jannar 2011, il-Parlament Ewropew, u nhar it-18 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) u, għat-Titolu II, l-Artikolu 118(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni

    COM(2010) 738 finali – 2010/0354 (COD)

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ April 2011.

    Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’152 vot favur, 5 voti kontra u 10 astensjonijiet.

    1.   Sinteżi tal-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE

    1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni mfassla biex tidħol fis-seħħ politika koerenti dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli li għandha l-għan li tgħin lill-bdiewa jikkomunikaw aħjar il-kwalitajiet, il-karatteristiċi u l-attributi tal-prodotti agrikoli u li tiżgura li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni xierqa. Barra minn hekk il-Kumitat huwa konvint li l-pakkett ta’ kwalità jista’ jikkontribwixxi biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ xogħol mal-intrapriża fiż-żoni rurali b’mod li jiġġieled it-tnaqqis fil-popolazzjoni, jikkontribwixxi għaż-żamma tal-karatteristiċi kulturali, titjieb ir-relazzjoni bejn il-bniedem u l-ambjent u jkun hemm ġestjoni aktar korretta tar-riżorsi naturali.

    1.2   Il-Kumitat jaqbel mat-titjib fis-sistemi tal-karatteristiċi agroalimentari (denominazzjonijiet tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti), b’mod li r-rekwiżiti jiġu semplifikati u mħeffa u jissaħħaħ il-mudell tagħhom. Il-Kumitat daqstant ieħor jittama li jissaħħaħ il-ħarsien minn prattiki kummerċjali inġusti u jqis li implimentazzjoni mifruxa b’mod ġenerali tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tista’ tikkontribwixxi għal dan it-titjib.

    1.3   Kif indika f’opinjonijiet preċedenti (1), il-Kumitat iqis it-traċċabbiltà, fis-sens tal-possibbiltà li prodott jiġi segwit tul il-katina mill-produzzjoni sal-bejgħ, bħala strument importanti li jista’ jippermetti implimentazzjoni serja tal-indikazzjonijiet kollha li ser jiddaħħlu darba jiġu adottati standards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni. L-indikazzjonijiet li jidhru fuq it-tikketta waħedhom, mhumiex jitqiesu li huma biżżejjed, u trid tiġi ggarantita l-possibbiltà ta’ kontroll oġġettiv ta’ dak li jkun hemm miktub.

    1.4   Barra milli tiġi ggarantita l-awtentiċità tal-informazzjoni, permezz ta’ strumenti ta’ traċċabbiltà effikaċi, hemm bżonn li tikber u tiġi implimentata l-effikaċja, billi fuq it-tikketta titpoġġa informazzjoni ċara, kompluta u li tinftiehem u jinstab bilanċ ġust bejn id-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni kompluta, il-leġġibbiltà effettiva, minħabba fid-daqs tal-ittri stampati, u b’hekk jiġu evitati l-kumplessità żejda, it-tekniċiżmi u t-tul li jistgħu jħawdu jew jaqtgħu qalb in-nies milli jaqrawha.

    1.5   Biex tkun garantita l-adegwatezza u tiżdied l-effikaċja tal-kontrolli, huwa rakkomandat li anke l-irċevuti u b’mod ġenerali d-dokumenti kollha li jakkumpanjaw il-prodotti, jkollhom l-informazzjoni bażika li tinsab fl-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tas-settur speċifiku jew tal-prodott. Trid tingħata attenzjoni partikolari lill-prodotti ta’ pajjiżi terzi li jiġu importati fl-Unjoni Ewropea biex jiġu miġġielda u skuraġġuti prattiki kummerċjali mhux ġusti (2).

    1.6   In-netwerk ta’ kontroll, meħtieġ biex jivverifika l-konformità tal-prodotti mad-dispożizzjonijiet stabbiliti u li jridu jiġu stabbiliti u biex japplika s-sanzjonijiet amministrattivi adatti fil-każ ta’ ksur tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, għandu jiġi akkumpanjat minn sforz u inizjattivi biex l-atturi fis-settur ikollhom responsabbiltà akbar u tissaħħaħ kultura dejjem aktar mifruxa tar-rispett tar-regoli.

    1.7   Il-Kumitat jifhem li l-użu tal-istrument tal-atti delegati biex jirregola l-qasam tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, li jinsab fil-proposta, b’konformità mal-approċċ tas-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni li ddaħħlet fit-Trattat ta’ Lisbona, huwa konformi mad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 290 tat-TFUE, koerenti ma’ approċċ li s’issa ġie adottat spiss mill-Kummissjoni u aċċettat f’sitwazzjonijiet simili mill-Kumitat (3). Madankollu, jirrakkomanda li dawn l-istrumenti jiġu użati b’attenzjoni, peress li jekk ma jintużawx għal każijiet speċifiċi kif meħtieġa, jistgħu jfixklu setturi li diġà għandhom standards ta’ kummerċjalizzazzjoni preċiżi, l-ewwel fosthom is-settur tal-frott u l-ħaxix frisk (4);

    1.8   F’dak li jirrigwarda l-informazzjoni li bilfors trid tidher fuq it-tikketta, hija ċertament pożittiva l-introduzzjoni ta’ bażi legali li fis-setturi kollha toħloq l-obbligu li fit-tikketta jiġi indikat “il-post tal-produzzjoni” (5), li tirrispondi għall-aspettattivi tal-konsumaturi fil-qasam tat-trasparenza u l-informazzjoni u b’hekk tevita referenzi oħra li jistgħu jqarqu. Għall-kuntrarju ma tantx tidher koerenti l-previżjoni tal-“livell ġeografiku adegwat” li għandu jiġi deċiż għal kull każ. Pjuttost, huwa preferibbli li, kif xi ftit diġà qal fil-passat il-Kumitat (6), fuq it-tikketta għandu jkun hemm “il-post tal-produzzjoni” fis-sens tal-post fejn il-prodott jiġi kkultivat jew imrobbi, jiġifieri l-pajjiż minn fejn jiġi l-prodott agrikolu mhux ipproċessat jew użat fit-tħejjija ta’ prodott tal-ikel.

    1.9   Il-Parlament u l-Kunsill, b’mod ċar esprimew ir-rieda li jirregolaw u jagħtu ħarsien legali lill-prodotti bażiċi għall-ikel taċ-ċittadini Ewropej: għal dan il-għan l-Unjoni diġà għamlet ħafna fil-passat u għandha l-aktar kompetenzi wiesgħa tekniċi u legali biex tkompli tagħmel dan. B’mod partikolari, il-Kumitat huwa kontra l-adozzjoni awtomatika ta’ standards ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ organizzazzjonijiet oħra internazzjonali (7) mingħajr ma qabel ma ssir analiżi u valutazzjoni li jistabbilixxu l-effikaċja u l-koerenza mal-qafas regolatorju l-ġdid.

    1.10   Il-KESE jaqbel mal-prinċipju tal-proporzjonalità li hemm fil-parti legali tal-proposta, iżda huwa preokkupat li l-implimentazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-indikazzjonijiet fakultattivi ta’ kwalità tista’ ddaħħal kontrolli anqas stretti u twassal għal tnaqqis fil-livell tal-osservanza tal-istess standards. L-għan għandu jkun li l-burokrazija titħaffef u titnaqqas, filwaqt li tinżamm sistema ta’ kontroll adegwata li tħares lill-konsumaturi.

    1.11   Il-miżuri li hemm fil-proposta jkunu aktar effikaċi jekk ikunu kkomunikati b’mod mifrux u mmirati direttament lejn il-konsumaturi jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, il-mezzi tax-xandir jiġu utilizzati ħafna biex iħajru għax-xiri, iżda mhux biżżejjed biex iċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu informati aħjar dwar l-istandards li jħarsuhom u biex ikunu aktar sensibilizzati fl-għażliet tagħhom huma u jixtru.

    2.   Daħla – id-dokument tal-Kummissjoni

    2.1   Il-pakkett tal-kwalità għandu l-għan li jtejjeb kemm id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli, kif ukoll it-tħaddim ta’ skemi taċ-ċertifikazzjoni nazzjonali u privati, sabiex dawn isiru iktar sempliċi, iktar trasparenti u iktar faċli biex wieħed jifhimhom, u jkunu jistgħu jiġu adattati iktar għall-innovazzjoni kif ukoll inqas ta’ piż għall-produtturi u għall-amministrazzjonijiet.

    2.1.1   Il-pakkett tal-kwalità huwa konsistenti mal-politiki l-oħra tal-Unjoni. Filfatt, il-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar il-PAK ta’ wara l-2013 identifikat, fost affarijiet oħra, il-ħtieġa li tinżamm id-diversità tal-attivitajiet agrikoli fiż-żoni rurali u li tissaħħaħ il-kompetittività. Anke l-Komunikazzjoni, filwaqt li indikat il-prijoritajiet tal-UE, ippuntat lejn l-għan tal-promozzjoni ta’ kompetittività ekonomika akbar għall-ekonomija bħala għan strateġiku fid-dawl tal-fatt li l-kwalità hija waħda mill-punti b’saħħithom tal-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea.

    2.2   Fl-2009, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar il-politika ta’ kwalità tal-prodotti agrikoli (COM(2009) 234 finali) li l-miri strateġiċi tagħha kienu:

    titjib fil-komunikazzjoni bejn il-bdiewa, ix-xerrejja u l-konsumaturi dwar il-kwalitajiet tal-prodotti agrikoli,

    żieda fil-koerenza tal-istrumenti użati fil-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli,

    tnaqqis tal-kumplessità biex ikun aktar faċli għall-bdiewa, il-produtturi u l-konsumaturi li jużaw u jifhmu d-diversi skemi u rekwiżiti tat-tikkettar.

    2.3   Il-Pakkett tal-Kwalità jinkludi:

    2.3.1

    proposta ta’ regolament bil-għan li tissemplifika l-ġestjoni tas-sistemi ta’ kwalità billi tgħaqqadhom fi strument legali wieħed. Dan ir-regolament jiżgura l-koerenza bejn l-istrumenti differenti u jagħmilha iktar faċli għall-partijiet interessati li jifhmu l-iskemi;

    2.3.2

    proposta ta’ regolament dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni bil-għan li tikber it-trasparenza u tissemplifika il-proċeduri applikabbli;

    2.3.3

    linji gwida li jistabbilixxu l-aħjar prattika għall-iżvilupp u t-tħaddim ta’ skemi taċ-ċertifikazzjoni marbutin mal-prodotti agrikoli u mal-oġġetti tal-ikel;

    2.3.4

    linji gwida dwar it-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel li jużaw ingredjenti b’Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini (DPO) u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (IĠP).

    2.4   Id-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi:

    Il-proposta żżomm u ssaħħaħ l-iskema għall-prodotti agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel, ħlief għall-iskemi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbejjed, għax-xorb aromatizzati, u għall-ispirti. Barra minn hekk, il-proċedura attwali ta’ reġistrazzjoni tantiċipa l-iskadenzi previsti, iddaħħal għadd ta’ standards minimi komuni fuq il-kontrolli uffiċjali u żżomm l-istess ambitu tal-applikazzjoni tar-regolament (prodotti għall-konsum mill-bniedem u prodotti oħra).

    2.5   L-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti:

    Il-proposta żżomm l-iskema għar-riservar tal-ismijiet ta’ speċjalitajiet tradizzjonali, iżda tneħħi l-għażla li wieħed jirreġistra ismijiet mingħajr ma jirriżervahom. Is-sistema tar-reġistrazzjoni hija semplifikata, il-kriterju tat-tradizzjoni ġie estiż għal 50 sena u s-sistema hija limitata għall-pjatti lesti u għall-prodotti pproċessati.

    2.6   Indikazzjoni tal-kwalità fakultattivi:

    Il-proposta hija maħsuba li tinkludi l-indikazzjonijiet ta’ kwalità fakultattivi fir-regolament, peress li għandhom kwalitajiet li jimplikaw valur miżjud, u biex jappoġġjaw xi standards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni (laħam tat-tjur imrobbija fil-miftuħ, għasel tal-fjuri, żejt taż-żebbuġa tal-ewwel għasra kiesħa), b’adattament għall-qafas leġislattiv tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

    2.7   L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni:

    Il-proposta tipprevedi, bħar-regolament ġenerali, li l-Kummissjoni tadotta n-normi tal-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-atti delegati. Ser titwaqqaf bażi legali għas-setturi kollha li tobbliga li fuq it-tikketta jiġi indikat il-post tal-produzzjoni, fil-livell ġeografiku adattat, b’konformità mal-ispeċifiċità ta’ kull settur. Ser isir studju għal kull każ, li ser jibda bis-settur tal-ħalib.

    2.8   Il-proposta tipprevedi li s-superviżjoni tal-iskemi kollha tiġi fdata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti: barra minn hekk, is-superviżjoni tal-attivitajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri individwali trid issir fl-ogħla livell possibbli, jiġifieri fil-livell tal-Unjoni sabiex tinżamm il-kredibbiltà tal-liġi dwar l-ikel fl-Unjoni Ewropea kollha, skont il-prinċipji stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li għandha l-għan li toffri lill-produtturi l-għodod adatti biex jikkomunikaw max-xerrejja u mal-konsumaturi l-karatteristiċi u l-metodi tal-produzzjoni u tħares lill-produtturi minn prattiki kummerċjali inġusti, hija pass importanti f’sensiela ta’ deċiżjonijiet dwar il-kwalità.

    3.2   It-traċċabbiltà hija strument importanti biex prodott jiġi segwit tul il-katina u b’mod parallel tikkontribwixxi għall-informazzjoni li jkun hemm fuq it-tikketta, biex il-konsumaturi jkollhom informazzjoni ċara, kompluta u li tinftiehem dwar il-prodott għall-bejgħ. Għaldaqstant, l-istrument tat-traċċabbiltà ser ikun il-pakkett sħiħ ta’ ċertifikati, reġistrazzjonijiet u dokumenti kummerċjali li huma evidenza tal-proċessi u t-trasferimenti miżmuma mill-atturi kollha fil-katina tal-produzzjoni u murija meta mitluba mill-korpi ta’ kontroll.

    3.3   Il-proposta tipprevedi li l-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki, ibbażati fuq l-analiżi tar-riskju, biex jaraw jekk il-prodotti humiex konformi mar-regoli stabbiliti, u li jridu jiġu stabbiliti, u japplikaw pieni amministrattivi adatti. Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ netwerk effikaċi ta’ kontroll, li jwessa’ u jimplimenta l-kompetenzi tal-Awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali rispettivi li minn issa diġà huma inkarigati mill-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fis-setturi li diġà jippreveduh.

    3.4   Jirrakkomanda li flimkien mal-attività ta’ superviżjoni permezz ta’ sistema ta’ kontroll, u permezz tal-analiżi, isiru sforzi u jittieħdu inizjattivi biex l-atturi fis-settur jiġu responsabbilizzati aktar u biex tissaħħaħ u tinfirex dejjem aktar kultura ta’ rispett tar-regoli.

    3.5   Għal dak li jirrigwarda l-indikazzjonijiet tal-“post tal-produzzjoni”, li bilfors iridu jidhru fuq it-tikketta, il-proposta hija xi ftit ġenerika wisq, u tipprevedi “il-livell ġeografiku adatt” li jkun deċiż għal kull każ. Filfatt, jekk jinżamm dan il-parametru, jista’ jiġri, f’każ estrem, li oġġett tal-ikel fuq it-tikketta jkollu biss “prodott fl-UE”: dan jeskludi l-oriġini minn pajjiż terz, iżda xorta waħda jista’ ma jkunx koerenti mal-isforz tajjeb ħafna ta’ informazzjoni u trasparenza favur il-konsumaturi li l-istandards il-ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni qed iwasslu.

    3.6   L-użu mifrux b’mod ġenerali tal-istrument tal-atti delegati, kif jinsab fil-proposta ta’ modifika/supplement tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni attwali u dawk li jridu jiġu approvati, ma tippermettix, bħalissa, li r-regolamentazzjoni tiġi vvalutata fil-fond biżżejjed u b’mod kumplessiv. Hija ħaġa pożittiva ferm li l-kontenut ġenerali tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni futuri ġew indikati bi preċiżjoni u li stabbilew minn issa qafas ta’ data, informazzjoni u indikazzjonijiet li jkopru l-aspetti kollha, proċessar u trasport, li jirrigwardaw il-prodott għall-bejgħ. Madankollu, mal-valutazzjoni ċertament pożittiva dwar l-applikabbiltà tagħhom, imsaħħa mill-valutazzjoni tal-impatt li saret, s’issa għad m’hemmx valutazzjoni dwar l-applikazzjoni effettiva tagħhom, speċjalment dwar l-effikaċja għal kull kategorija jew prodott. Din il-valutazzjoni tista’ ssir biss wara li l-istandards jiġu implimentati fil-fatt.

    3.7   Il-proposti inklużi fil-pakkett tal-kwalità jidħlu fi proġett uniku ta’ kwalità integrali. Dan ifisser li l-istrumenti differenti jridu jitqiesu bħala komplementari għal xulxin u jaħdmu kompletament flimkien. Għaldaqstant, ser ikun meħtieġ li ssir attenzjoni ħalli kull modifika li ssir lil wieħed minn dawn l-istrumenti ma jkollhiex effetti negattivi jew mhux mixtieqa fuq l-oħrajn.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1   Fir-rigward tat-twettiq tal-għan tal-politika tal-kwalità, tidher nieqsa mill-koerenza d-dispożizzjoni fl-Artikolu 112b(3) li prodott għandu jitqies a priori bħala wieħed li huwa konformi mal-istandards ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni meta l-prodott maħsub biex jiġi kkummerċjalizzat ikun konformi ma’ standard applikabbli, kif inhu xieraq, li jkun adottat minn waħda mill-organizzazzjonijiet internazzjonali mniżżlin fl-Anness XIIb. Filfatt, il-Kumitat huwa kontra din id-dispożizzjoni, li ma tippermettix li ssir kwalunkwe verifika, ġenerali u speċifika, tal-konformità fis-sustanza tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, li huma meqjusa essenzjali għall-ħarsien taċ-ċittadini Ewropej u għall-kompetizzjoni.

    4.2   Id-derogi previsti fl-Artikolu 112k, ma jidhrux li għandhom spjegazzjoni tajba biżżejjed tar-raġunijiet li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jidderogaw jew iħallu fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali, b’riferiment partikolari għall-grass tat-tidlik u l-prattiki enoloġiċi. Madankollu, jekk ir-raġuni hija dik li tikkristallizza dak li qed jiġri bħalissa bl-iskop li ma jinħolqux għadd ta’ sistemi oħra b’deroga għall-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni l-ġodda, il-Kumitat jaqbel mal-għażla iżda jitlob spjegazzjoni fit-test tal-proposta biex jikkjarifika u jikkonferma din l-interpretazzjoni.

    4.3   Fil-proposta tal-Parlament u tal-Kunsill li timmodifika r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tiddaħħal dispożizzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni li permezz tal-istrument tal-atti delegati tadotta standards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti kollha mniżżla fl-Anness I tal-istess proposta, u għall-akohol etiliku fil-produzzjoni tal-biedja. Jirrakkomanda li dawn l-istrumenti jiġu użati b’attenzjoni, li jekk ma jintużawx għal każijiet speċifiċi kif meħtieġa, jistgħu jfixklu setturi li diġà għandhom standands ta’ kummerċjalizzazzjoni preċiżi, l-ewwel fosthom is-settur tal-frott u l-ħaxix frisk.

    4.4   Fl-aħħar irid jiġbed l-attenzjoni li minħabba l-kumplessità tal-abrogazzjonijiet u l-bidliet li saru lir-Regolament oriġinali (KE) Nru 1234/2007, hemm bżonn li dawn jiġu indikati b’mod preċiż biex b’hekk ikun aktar faċli li jinqraw u jinftiehmu mill-utenti finali, l-aktar il-produtturi u l-konsumaturi biex b’hekk tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni korretta tagħhom.

    Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Ġ.U. C 18 19.01.2011 pġ. 5-10“Il-mudell agrikolu Komunitarju: kwalità tal-produzzjoni u komunikazzjoni lill-konsumaturi bħala fatturi ta’ kompetittività”.

    (2)  G.U. C 100 30.04.2009 pġ.60-64“Is-sigurtà sanitarja tal-importazzjonijiet agrikoli u alimentari”.

    (3)  NAT/489 “Appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) fil-qafas tal-PAK”.

    (4)  Regolament (KE) Nru 1580/07, kif ġie modifikat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1221/08.

    (5)  COM(2010) 738 finali. – Artikolu. 112 e (3)c.

    (6)  Ġ.U. C 77 31.03.2009 pġ. 81, punt. 1.3 u ĠU C 354 28.12.2010, pġ. 35, punt 5.5 18.

    (7)  COM(2010) 738 finali – Artikolu 112b (3) u anness XIIb.


    Top