Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0542

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija” COM(2010) 726 finali

    ĠU C 132, 3.5.2011, p. 108–112 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 132/108


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija”

    COM(2010) 726 finali

    2011/C 132/21

    Relatur ġenerali: is-Sur IOZIA

    Nhar it-22 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija

    COM(2010) 726 finali.

    Nhar it-18 ta’ Jannar 2011, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

    Fid-dawl tan-natura urġenti tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, ħatar lis-Sur IOZIA bħala relatur ġenerali matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tas-16 ta’ Marzu) u adotta din l-opinjoni b’150 vot favur u ħames astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE):

    1.1

    jappoġġja u japprova l-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni biex tippromovi miżuri kontra l-manipulazzjoni tas-swieq bl-ingrossa tal-enerġija u biex tagħmilhom aktar trasparenti. Din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq studju konġunt li ntalab li jsir bejn il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (Committee of European Securities Regulators – CESR) u l-Grupp Ewropew tar-Regolaturi għall-Elettriku u l-Gass (European Regulators Group for Electricity and Gas – ERGEG), li fih ġew identifikati xi lakuni regolatorji fir-rigward tas-suq bl-ingrossa tal-gass u tal-enerġija.

    1.2

    jikkunsidra l-għażla tal-istrument ta’ regolamentazzjoni, fuq il-bażi legali tal-Artikolu 194 tat-TFUE, bħala aċċettabbli kemm għall-ħtieġa ta’ leġislazzjoni kompletament komuni, kif ukoll għall-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-artikolu l-ġdid definit fit-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-enerġija inġenerali u l-iżvilupp tas-suq intern b’mod partikolari, kif stipulat fil-punt 2.

    1.3

    jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni li jintużaw l-atti delegati, li jiċċaraw uħud mill-punti ewlenin tar-regolament, bħad-definizzjoni u l-perjodu ta’ żmien stabbilit għall-ġbir tad-data, b’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE li jipprevedi dan l-istrument amministrattiv ġdid biex jitħaffef ix-xogħol tal-istituzzjonijiet Ewropej. Atti delegati bħal dawn għandhom jinħarġu b’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u għandhom jiġu ppubbliċizzati b’mod adegwat. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien għall-adozzjoni tal-atti delegati, kif jipprevedi l-istess Artikolu, biex ir-regolament jiġi implimentat b’mod rapidu u uniformi. Mingħajr l-atti delegati, il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tas-suq tkun diffiċli fil-ġejjieni. Jirrakkomanda li l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili jiġu involuti fit-tħejjija tal-atti delegati u jissuġġerixi li jiddaħħlu xi eżempji fil-premessi preliminari.

    1.4

    huwa tal-fehma li l-effiċjenza tas-swieq transkonfinali ssaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, l-aħjar ġestjoni possibbli tal-kriżijiet u t-tnaqqis fir-riskju ta’ żidiet fl-ispejjeż, li dejjem jaqgħu fuq l-utent aħħari. It-titjib gradwali tas-suq intern tal-enerġija jippermetti li jinkiseb tfaddil sinifikanti għall-benefiċċju tan-negozji u l-utenti privati.

    1.5

    huwa tal-fehma li s-setgħat li għandhom jingħataw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma komprensivi u penetranti u jitlob li tiġi definita proċedura bil-għan li, fi żmien raġonevolment qasir, tiġi kontrollata l-garanzija effettiva li l-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali biex ikollhom setgħat ta’ spezzjoni u investigazzjoni effettivi, li għandhom jissejsu fuq elementi komuni u armonizzati. In-nuqqas ta’ uniformità regolatorja kien u għadu wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għad-dewmien fit-twettiq tas-suq uniku tal-enerġija.

    1.6

    jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li r-regolament għandu l-għan li jsaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali li jirregolaw is-swieq tal-enerġija, l-awtoritajiet li jirregolaw is-swieq finanzjarji, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija u l-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli. Il-KESE ilu żmien jitlob għal dan il-proċess gradwali ta’ integrazzjoni u kooperazzjoni.

    1.7

    huwa konvint li jeħtieġ li tiżdied il-fiduċja fis-suq fost il-parteċipanti, li għandhom ikunu żguri li qed jaħdmu f’suq li jikkastiga l-abbuż tas-suq permezz ta’ sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tar-regolament min-naħa tal-Istati Membri, li għandhom jaħdmu flimkien biex jiġi evitat li dak li seħħ fis-swieq finanzjarji permezz tal-arbitraġġ regolatorju jseħħ ukoll fis-suq tal-enerġija. Li ġara f’dan il-każ kien li l-operazzjonijiet finanzjarji saru f’postijiet fejn ir-regolamentazzjoni hija aktar flessibbli jew tolleranti fir-rigward tas-sistema tas-sanzjonijiet.

    1.8

    Il-KESE jistaqsi wkoll jekk l-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni tar-regolament għandhomx jitħallsu mill-pubbliku jew jekk għandhomx jikkontribwixxu għalihom anke l-operaturi tas-suq, bħal kif pereżempju jiġri f’xi pajjiżi fil-kuntest tal-iffinanzjar tal-awtoritajiet superviżorji tas-swieq finanzjarji, li huma parzjalment iffinanzjati mill-entitajiet sorveljati.

    1.9

    Iqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni. It-twaqqif tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (European Network of Transmission System Operators – ENTSO) mistenni jagħti spinta deċiżiva lill-possibilità li jinħolqu kodiċijiet tan-netwerk li jiżguraw aċċess effettiv u trasparenti għan-netwerks ta’ trażmissjoni. Dawn il-kodiċijiet tan-netwerk għandhom ikunu konsistenti mal-linji gwida qafas, li mhumiex vinkolanti, li għandha toħroġ l-Aġenzija.

    1.10

    josserva li fis-swieq bl-ingrossa tal-enerġija tal-Unjoni għad hemm kundizzjonijiet mhux uniformi u diskriminazzjonijiet. Minħabba l-iżbilanċ strutturali fin-netwerk, iżda b’mod partikolari minħabba l-interkonnessjoni transkonfinali, l-integrazzjoni tas-swieq hija totalment inadegwata. Għad hemm ostakli kbar li jxekklu l-possibilità ta’ aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk u għall-bejgħ tal-enerġija elettrika. Il-kontrolli mir-regolaturi għadhom ma laħqux livell ta’ effettività konsistenti u wħud mis-swieq għadhom iżolati u mhux aċċessibbli għal operaturi oħra.

    1.11

    għalhekk, jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-ostakoli għall-ħolqien ta’ suq intern effiċjenti u integrat, li l-benefiċċji tiegħu għandhom jinqasmu bejn il-produtturi, l-operaturi u l-konsumaturi.

    1.12

    iqis li huwa essenzjali li jkomplu l-isforzi favur il-bini ta’ Ewropa tal-enerġija, li fiha jitħarsu l-interessi ġenerali tal-Unjoni u tal-konsumaturi, tiġi garantitia l-provvista tal-enerġija u jiġu protetti, permezz ta’ politiki adegwati li jqassmu l-benefiċċji b’mod ekwu u jiżguraw l-adegwatezza tal-ispejjeż, is-sostenibilità soċjali, ambjentali u ekonomika kif ukoll l-integrità tas-suq bħala fattur essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali tas-suq.

    1.13

    konxju tal-iffinanzjar gradwali tas-swieq tal-enerġija permezz tas-swieq finanzjarji, jikkunsidra li huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji differenti u l-awtoritajiet Ewropej, li huwa fl-interess tagħhom li jiddefendu u jipproteġu s-swieq u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-regolament dwar il-manipulazzjoni u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija elettrika u tal-gass ġie ispirat mir-regoli ġenerali kontra l-abbuż tas-suq, li diġà huma fis-seħħ fis-settur finanzjarju u li dalwaqt se jiġu aġġornati. Għal dan il-għan iqis li jkun xieraq li dan ir-regolament jiġi kkoordinat mal-proċess ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq (Market Abuse Directive – MAD).

    1.14

    jittama li l-prinċipji gwida li fuqhom hija bbażata l-proposta għad-direttiva l-ġdida – MAD – jiġu inklużi fit-test finali ttar-regolament li qed jiġi diskuss. B’mod partikolari, jitlob li jiġu kkunsidrati: iż-żieda fl-integrità tas-suq, it-tisħiħ tal-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni kontra l-abbuż tas-suq, it-tnaqqis fl-indiskrezzjoni nazzjonali fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet u tal-adegwatezza u l-kapaċità dissważiva tagħhom, l-introduzzjoni ta’ standards armonizzati u t-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi li mhumiex meħtieġa, b’mod partikolari għall-SMEs, u l-ħtieġa għal żieda fit-trasparenza u l-effiċjenza tal-awtoritajiet superviżorji.

    1.15

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi u jinsab sodisfatt li l-Aġenzija għandha dawn ir-relazzjonijiet u li tista’ tikkonkludi ftehimiet mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi terzi.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Kien hemm bidliet sinifikanti fis-suq intern tal-enerġija elettrika u tal-gass, u waħda mill-aktar importanti minnhom hija bla dubju li ngħatat l-opportunità ta’ aċċess għall-iskambji ta’ enerġija lil firxa ta’ partijiet interessati, u li nxtered il-kummerċ transkonfinali fl-Unjoni, li kkontribwixxa biex jiġi ottimizzat l-użu tal-produzzjoni tal-enerġija, li wassal għat-twessigħ tal-bażi tad-domanda.

    2.2   Għad hemm ħafna ostakli li jxekklu l-ħolqien ta’ suq intern effiċjenti, funzjonali u bi prezzijiet raġonevoli. Il-konsumaturi ma gawdew minn l-ebda benefiċċju partikolari mill-iżvilupp tas-suq intern, li qed isibha bi tqila jibda jopera minħabba r-reżistenza ta’ xi operaturi diġà stabbiliti li huma appoġġati mill-gvernijiet nazzjonali tagħhom. Id-diskussjoni kollha dwar is-separazzjoni (unbundling) tal-proprjetà tal-ġenerazzjoni u dik tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni hija waħda emblematika, li llum jidher li għadha ma ġietx solvuta f’uħud mill-pajjiżi ewlenin tal-UE u li, madankollu, għandha tiġi solvuta qabel it-3 ta’ Marzu 2013.

    2.3   Il-ħames miżuri regolatorji fil-qasam tal-enerġija u l-gass, magħrufa bħala t-“tielet pakkett”, li l-implimentazzjoni tagħhom fis-sistemi nazzjonali hija mistennija li sseħħ qabel it-3 ta’ Marzu 2011, iservu biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aħjar għall-ħolqien tas-suq intern.

    2.4   Minħabba, fost affarijiet oħrajn, it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija elettrika u tal-gass, qed ikun hemm dewmien sinifikanti fil-programm ta’ żvilupp tal-interkonnessjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-Unjoni u l-imsieħba minn pajjiżi terzi. Din hija waħda mill-kawżi prinċipali li jimpedixxu l-ħolqien tas-suq intern u li l-Aġenzija għandha tissorvelja b’mod kontinwu.

    2.5   Id-dewmien regolatorju ħoloq sitwazzjoni li fiha s-suq bl-ingrossa tal-enerġija elettrika u tal-gass kien espost għall-possibbiltà ta’ manipulazzjoni u qed ibati minn nuqqas ta’ trasparenza, li fuq perjodu twil ta’ żmien idgħajjef il-kredibilità tas-suq innifsu kif ukoll il-fiduċja tal-operaturi fil-qasam, u jwassal għal ħsara oġġettiva.

    2.6   L-effiċjenza tas-swieq transkonfinali ssaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, l-aħjar ġestjoni possibbli tal-kriżijiet u t-tnaqqis fir-riskju ta’ żidiet fl-ispejjeż, li dejjem jaqgħu fuq l-utent aħħari. It-titjib gradwali tas-suq intern tal-enerġija jippermetti li jinkiseb tfaddil sinifikanti għall-benefiċċju tan-negozji u l-utenti privati, fid-dawl tal-fatt li l-produzzjoni tkun inqas imxerrda, li l-provvista u d-domanda jkunu jistgħu jiġu ssodisfati faċilment f’suq fluwidu u effiċjenti u li l-provvisti jkunu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi.

    2.7   F’dan il-kuntest, wara li wettqet analiżi bir-reqqa, il-Kummissjoni ħarġet il-Proposta għal Regolament dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq u l-prevenzjoni tal-manipulazzjoni tagħhom.

    3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

    3.1   L-Unjoni Ewropea żgur tibbenefika jekk tkun tista’ tiddependi minn suq bl-ingrossa tal-elettriku u tal-gass fluwidu, ordnat u li jaħdem tajjeb u li fuq kollox ikun protett minn manipulazzjonijiet li għandhom effett sinifikanti fuq l-utent aħħari. L-għan li jiġi stabbilit suq bl-ingrossa tal-enerġija Ewropew effiċjenti sal-2015 jitlob li jiġu adottati miżuri li jiffavorixxu l-iżvilupp tiegħu b’mod ordnat u regolari.

    3.2   Fl-2007 il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (CESR) u lill-Grupp Ewropew tar-Regolaturi għall-Elettriku u l-Gass (ERGEG) jistudjaw in-nuqqasijiet fil-qafas regolatorju tas-swieq u jressqu proposti biex itejbu t-trasparenza u l-integrità tagħhom fit-tranżazzjonijiet u l-kuntratti għall-provvista ta’ gass u elettriku, kif ukoll fid-derivati.

    3.3   Dan l-istudju kien utli ħafna u kien il-bażi li fuqha ġiet imfassla l-proposta tal-Kummissjoni.

    3.4   Il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta’ regolament li jipprojbixxi b’mod espliċitu kull forma ta’ abbuż fis-swieq bl-ingrossa tal-elettriku u tal-gass, b’mod partikolari l-insider trading u l-abbuż tas-suq, b’konformità mad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq, iżda li ma għandux japplika għall-istrumenti finanzjarji relatati, li diġà huma regolati mid-direttiva. Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 194(1)(a) tat-TFUE, li jagħti r-responsabbiltà li s-suq intern tal-enerġija jaħdem tajjeb lill-Unjoni.

    3.5   Il-projbizzjoni tal-insider trading hija akkumpanjata mill-obbligu li l-operaturi tas-suq jikkomunikaw lill-pubbliku kull informazzjoni privileġġata (insider information) relatata man-negozju tagħhom disponibbli u li tirrigwarda l-kapaċità tal-istabbilimenti ta’ produzzjoni, ta’ ħażna, ta’ konsum jew ta’ trasport tal-enerġija elettrika jew tal-gass naturali.

    3.6   B’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-trattat il-ġdid, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, ipprevediet l-adozzjoni ta’ atti delegati, strument ġdid ta’ natura leġislattiva li jippermetti lill-Kummissjoni temenda l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ direttiva jew regolament permezz ta’ proċedura simplifikata.

    3.7   L-ispeċifikazzjonijiet marbuta mad-definizzjoni ta’ manipulazzjoni jew ta’ tentattivi ta’ manipulazzjoni tas-swieq se jiġu definiti fuq il-bażi ta’ atti delegati tal-Kummissjoni. Dawn se jikkunsidraw il-funzjonament tas-swieq, l-impatt possibbli fuq is-swieq bl-ingrossa tal-enerġija, il-produzzjoni, il-konsum, l-użu tat-trasport jew l-użu tal-kapaċità ta’ ħżin effettiv jew ippjanat, il-kodiċijiet tan-netwerks u l-linji gwida qafas adottati b’konformità mar-Regolament (KE) 714/2009 u r-Regolament (KE) 715/2009.

    3.8   Ir-regolament inkwistjoni jipprevedi li l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija tkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-attività tal-kummerċ u tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-swieq.

    3.9   L-Aġenzija tiġbor ukoll informazzjoni permezz tar-reġistru tal-operazzjonijiet fis-swieq bl-ingrossa tal-enerġija, inklużi l-ordnijiet kummerċjali. Din l-informazzjoni tinqasam bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-awtoritajiet finanzjarji, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u awtoritajiet kompetenti oħra.

    3.10   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jagħmlu l-informazzjoni tagħhom disponibbli u l-awtoritajiet finanzjarji mbagħad jipprovdu rapporti lill-Aġenzija dwar tranżazzjonijiet relatati ma’ prodotti tal-enerġija.

    3.11   Ir-regolament jipprevedi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali, kemm bejniethom kif ukoll mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority – ESMA), u bejn l-Aġenzija u l-ESMA, jekk ikollha suspett li hemm jew li kien hemm aġir li jikkostitwixxi abbuż tas-suq.

    3.12   Is-sanzjonijiet huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri, li għandhom jadottaw miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi (għad-definizzjonijiet, ara l-Artikolu 2 tar-Regolament).

    4.   Kummenti tal-KESE

    4.1   Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, li għandha l-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni mhux trasparenti tas-suq u li, b’mod indirett, tappoġġja l-iżvilupp tas-suq intern bl-ingrossa tal-enerġija elettrika u l-gass.

    4.2   Il-Kumitat jaqbel bis-sħiħ mal-bażi legali tar-regolament. L-Artikolu 194 fil-fatt jagħti mandat b’mod impliċitu lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tas-suq intern tal-enerġija. Regolament żgur li huwa l-aktar strument adattat biex jiżgura standardizzazzjoni uniformi, li jista’ jiġi applikat b’mod immedjat u huwa konsistenti mal-miri ta’ armonizzazzjoni li huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

    4.3   Fis-swieq bl-ingrossa tal-enerġija fl-Unjoni għad hemm kundizzjonijiet mhux uniformi u diskriminazzjonijiet. Minħabba l-iżbilanċ strutturali fin-netwerk, iżda b’mod partikolari minħabba l-interkonnessjoni transkonfinali, l-integrazzjoni tas-swieq hija totalment inadegwata. Għad hemm ostakli kbar li jxekklu l-possibilità ta’ aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk u għall-bejgħ tal-enerġija elettrika. Il-kontrolli mir-regolaturi għadhom ma laħqux livell ta’ effettività konsistenti u wħud mis-swieq għadhom iżolati u mhux aċċessibbli għal operaturi oħra. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tal-liġijiet Ewropej min-naħa tal-Istati Membri, filwaqt li tappoġġja l-proġetti ta’ interkonnessjoni u tneħħi l-ostakli, fost affarijiet oħra billi tippenalizza l-ostakli għat-twettiq tas-suq intern li huwa effiċjenti, trasparenti u bi spejjeż ġustifikati.

    4.4   Il-prestazzjoni tas-suq, skont l-istimi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tal-Kummissjoni, huwa limitat minħabba l-inadegwatezza tar-regoli eżistenti dwar it-trasparenza tal-aċċess għall-infrastruttura, li jagħmluha impossibbli li jkun hemm garanzija ta’ suq intern effettiv, funzjonali, miftuħ u effiċjenti.

    4.5   Il-miżuri proposti jiffaċilitaw l-iżvilupp tas-suq: il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni u l-abbuż tas-suq, l-għoti lill-operaturi ta’ kull informazzjoni sensittiva dwar l-effiċjenza u s-sitwazzjoni fiżika tas-sistema, fosthom il-ġenerazzjoni, il-provvista u d-domanda tal-enerġija elettrika, inkużi l-previżjonijiet, il-kapaċità tan-netwerk u tal-interkonnessjoni, il-konġestjoni mistennija tan-netwerk, il-flussi u l-manutenzjoni, l-ibbilanċjar u l-kapaċità ta’ riżerva.

    4.6   Id-disponibbiltà fl-istess ħin tal-informazzjoni utli kollha tippermetti lill-operaturi kollha fis-suq jivvalutaw, bl-istess strumenti, is-sitwazzjoni globali tal-provvista u d-domanda biex ikunu jistgħu jinterpretaw aħjar id-dinamika tal-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa tal-enerġija elettrika u tal-gass.

    4.7   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi servizz ta’ ġbir tad-data, iżda wkoll ta’ servizz ta’ spezzjoni, operati minn persunal speċjalizzat. Ir-regolament jipprevedi persunal addizzjonali biex jiffoka fuq il-ħtiġijiet marbuta mal-funzjonijiet il-ġodda mogħtija lill-Aġenzija.

    4.7.1   Il-KESE jitlob li, kull sena, l-Aġenzija tippubblika komunikazzjoni dwar l-inizjattivi li ħadet, ir-riżultati miksuba mir-regolament diskuss hawnhekk u l-iżvilupp tas-suq bl-ingrossa tal-enerġija.

    4.8   Il-KESE jistaqsi wkoll jekk l-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni tar-regolament għandhomx jitħallsu mill-pubbliku jew jekk għandhomx jikkontribwixxu għalihom anke l-operaturi tas-suq, bħal kif pereżempju jiġri f’xi pajjiżi fil-kuntest tal-iffinanzjar tal-awtoritajiet superviżorji tas-swieq finanzjarji, li huma parzjalment iffinanzjati mill-entitajiet sorveljati. L-interess tal-operaturi huwa evidenti u s-servizz ta’ ġbir u tixrid tad-data dwar is-suq huwa strument ta’ trasparenza, garantit mill-awtorità pubblika lil kulħadd, u li jwassal għal benefiċċju immedjat għall-operaturi. Barra minn hekk, suq solidu u żviluppat tajjeb jiflaħ għal dawn l-ispejjeż.

    4.9   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkontrollaw ukoll, fuq bażi regolari, li l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni qed josservaw ir-regoli. Il-KESE iqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-amministraturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni. It-twaqqif tal-ENTSO, li mistenni jippreżenta l-abozz ta’ statut tiegħu fir-rebbiegħa tal-2011, se tagħti spinta straordinarja lill-possibilità li jinħolqu kodiċijiet tan-netwerk li jkunu jistgħu iwasslu għal aċċess effettiv u trasparenti għal netwerks ta’ trażmissjoni, kif previst mir-Regolament (KE) 714/2009. Dawn il-kodiċijiet tan-netwerk għandhom ikunu konsistenti mal-linji gwida qafas li għandha toħroġ l-Aġenzija, li minnhom innifishom mhumiex vinkolanti.

    4.10   L-ENTSO għandu jopera b’konformità stretta mar-regoli dwar il-kompetizzjoni u jarmonizza u jintegra gradwalment il-kodiċijiet tan-netwerk transkonfinali, mingħajr ma jaqleb għall-kodiċijiet tan-netwerk nazzjonali. Il-kooperazzjoni reġjonali tista’ tiżgura l-aqwa livell ta’ progress fl-integrazzjoni tas-suq uniku tal-enerġija. Il-Kumitat jappoġġja l-possibilità li l-ENTSO jkun organizzat fil-livell reġjonali, fl-ambitu tal-kooperazzjoni ġenerali.

    4.11   Il-kooperazzjoni reġjonali diġà hija inkoraġġanti. L-Inizjattiva Reġjonali tal-Gass (Gas Regional Initiative – GRI) u l-Inizjattiva Reġjonali tal-Elettriku (Electricity Regional Initiative – ERI) qed jagħtu riżultati eċċellenti. Il-Kumitat jappoġġja u jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn li qed juru r-regolaturi u l-operaturi biex isolvu l-problemi kumplessi relatati mal-interkonnessjoni u l-ħolqien ta’ suq trasparenti u effiċjenti.

    4.12   Il-konklużjoni ta’ ftehim f’dan il-kuntest, pereżempju bejn l-awtoritajiet u l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-Italja u s-Slovenja, wittiet it-triq biex jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mal-konġestjoni u l-ibbilanċjar permezz ta’ sistemi ta’ twissija bikrija għall-inħawi kkonċernati u soluzzjonijiet bilanċjati u trasparenti permezz tal-metodu ta’ akkoppjament tas-swieq (market coupling). dan il-metodu jiġbor flimkien il-previżjonijiet tad-omanda u l-provvista permezz ta’ operatur ċentrali sabiex tkun tista’ tittejjeb l-effiċjenza tas-suq ta’ jum bil-quddiem (day-ahead market).

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1   Il-KESE jappoġġja l-użu tal-atti delegati biex jiġu identifikati l-ispeċifikazzjoniet relatati mad-definizzjonijiet u mal-ġbir tad-data, li għandhom isiru b’konformità stretta mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE.Il-KESE jikkunsidra li d-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 huma ġeneriċi wisq għal regolament. Il-proċedura għall-adozzjoni tal-atti delegati li fihom se jkunu previsti l-ispeċifikazzjonijiet dwar id-definizzjonijiet ta’ informazzjoni privileġġata u ta’ manipulazzjoni tas-suq, kif stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament, għandha tipprevedi perjodu ta’ żmien speċifiku għall-adozzjoni tal-atti delegati, kif previst fl-Artikolu 290 tat-TFUE, u sistema li tiżgura li jiġu ppubbliċizzati b’mod adegwat.

    5.2   Il-KESE jħoss li, fin-nuqqas ta’ regoli uniformi ta’ interpretazzjoni, hemm ir-riskju li l-implimentazzjoni tar-regolament toħloq diżordni fis-suq jekk l-awtoritajiet nazzjonali ma jiġux megħjuna jħejju proċedura komuni ta’ valutazzjoni u jekk ma jiżviluppawx ġabra komprensiva u approvata ta’ regoli dwar l-imġiba abużiva. Il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li tistabbilixxi perjodu ta’ żmien għall-atti delegati biex tingħata ċertezza lis-suq. F’każ li jkun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ dejjem taġġorna l-atti.

    5.3   L-Artikolu 7 jqajjem l-istess problemi msemmija. Għandha tiġi ffissata data, magħżula mill-KESE, sa meta l-Kummissjoni għandha timpenja ruħha li tadotta l-atti delegati dwar il-ġbir tad-data, u l-ħin, il-forma u l-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa. Aktar ma d-data tkun qrib l-adozzjoni tar-regolament mill-korpi tal-UE responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet, aktar ir-regolament ikun effettiv.

    5.4   Il-KESE huwa tal-fehma li s-setgħat li għandhom jingħataw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma komprensivi u penetranti, iżda anke f’dan il-każ jitlob għal aktar ċertezza fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regolament u jistaqsi jekk ikunx aħjar li l-Istati Membri jingħataw żmien raġonevolment qasir li matulu jissodisfaw l-obbligu tagħhom li “jiggarantixxu” li l-awtoritajiet jingħataw dawn is-setgħat ta’ investigazzjoni. In-nuqqas ta’ uniformità regolatorja kien u għadu wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għad-dewmien fit-twettiq tas-suq uniku tal-enerġija.

    5.5   Il-KESE jittama li l-s-sanzjonijiet huma sostanzjalment allinjati fl-Istati Membri kollha u li ma jkunx hemm sitwazzjonijiet ta’ arbitraġġ regolatorju, jiġifieri li jintgħażel li l-kuntratti jiġu konklużi fil-pajjiż li jkollu riskju baxx li jimponi sanzjonijiet. Il-leġislazzjoni dwar l-abbuż tas-suq (MAD) diġà identifikat standards komuni fis-sistemi tas-sanzjonijiet u l-Kummissjoni diġà tirreferi għal dan fil-premessa 23 tar-regolament diskuss. Is-suq bl-ingrossa tal-enerġija huwa suq li fih isir skambju ta’ kwantitajiet ta’ enerġija maħsuba biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ importazzjoni/esportazzjoni u għalhekk il-post fejn isiru l-ftehimiet dwar il-lottijiet ta’ gass jew elettriku mhuwiex importanti.

    5.6   Il-KESE jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi u jinsab sodisfatt li l-Aġenzija għandha dawn ir-relazzjonijiet u li tista’ tikkonkludi ftehimiet mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi terzi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Artikolu 14 jinkiteb mill-ġdid b’tali mod li l-Aġenżija tingħata setgħa ġenerali ta’ rappreżentazzjoni, b’rabta speċifika mal-ambitu tar-regolament diskuss.

    Brussell, 16 ta’ Marzu 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    Top