Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0478

Proposal for a COUNCIL RECOMMENDATION Youth on the move – promoting the learning mobility of young people

52010DC0478




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 15.9.2010

KUMM(2010) 478 finali

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Żgħażagħ mobbli – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ

{SEG(2010) 1048}{SEG(2010) 1049}{SEG(2010) 1050}

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Rakkomandazzjoni proposta hija part minn Żgħażagħ Mobbli, li hija inizjattiva prinċipali tal-UE għall-appoġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020. Żgħażagħ Mobbli timmira li " tittejjeb il-prestazzjoni u l-effett ta' ġibda tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa u tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE, li jibdew ilaqqgħu l-eċċellenza u l-ekwità, billi ssir promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u ta' min jitħarreġ, u tittejjeb is-sitwazzjoni tal-impjiegi għaż-żgħażagħ "[1].

Waħda mil-linji ta' azzjoni prinċipali fl-inizjattiva Żgħażagħ Mobbli hija l-appoġġ għall-iżvilupp ta' mobbiltà transnazzjonali fit-tagħlim għaż-żgħażagħ. Il-mobbiltà fit-tagħlim hija mezz importanti kif iż-żgħażagħ jistgħu jtejbu l-impjegabbiltà futura tagħhom u jiksbu kompetenzi professjonali ġodda filwaqt li jtejbu l-iżvilupp tagħhom bħala ċittadini attivi. Din tgħinhom jiksbu aċċess għal għarfien ġdid u jiżviluppaw kompetenzi lingwistiċi u interkulturali ġodda. L-Ewropej li jkunu mobbli bħala studenti żgħażagħ għandhom aktar probabbiltà li jkunu mobbli bħala ħaddiema iktar tard f'ħajjithom. Min iħaddem jagħraf u japprezza dawn il-benefiċċji. Il-mobbiltà fit-tagħlim kellha wkoll rwol important biex għamlet is-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ iktar miftuħa, iktar Ewropej u internazzjonali, iktar aċċessibbli u iktar effiċjenti[2].

L-UE għandha rekord twil u ta' suċċessi ta' appoġġ tal-mobbiltà fit-tagħlim permezz ta' għadd ta' programmi u inizjattivi, liema minnhom l-iktar wieħed magħruf huwa l-Programm Erasmus. Il-Fondi Strutturali wkoll jappoġġjaw il-mobbiltà fit-tagħlim[3]. Il-Fondi Strutturali jappoġġjaw ukoll il-mobbiltà għat-tagħlim. Żgħażagh Mobbli se tappoġġja l-aspirazzjoni li sal-2020 iż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa għandu jkollhom il-possibbiltà li jqattgħu parti mill-vjaġġ edukattiv tagħhom barra minn pajjiżhom, inkluż taħriġ f'post tax-xogħol[4].

Il- Green paper dwar il-Mobbiltà fit-Tagħlim tal-Kummissjoni (Lulju 2009)[5] nediet konsultazzjoni pubblika dwar x'inhi l-aħjar soluzzjoni għall-ostakoli għall-mobbiltà u x'inhu l-aħjar biex jinħolqu iktar opportunitajiet ta' tagħlim f'pajjiżi barranin. Dan wassal għal 'il fuq minn 3,000 rispons, inkluż minn Gvernijiet nazzjonali u reġjonali u partijiet interessati oħra[6]. Dawn juru li hemm xewqa mifruxa li l-mobbiltà fit-tagħlim tingħata spinta fl-oqsma kollha tas-sistema edukattiva (edukazzjoni għolja, skejjel, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV), iżda anke f'xenarji ta' tagħlim mhux formali u informali, bħall-volontarjat. Fl-istess waqt, dan ir-rispons jikkonferma li għad hemm ħafna ostakoli għall-mobbiltà. Huwa għalhekk li, flimkien mal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni Żgħażagħ Mobbli[7], il-Kummissjoni qed tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Mobbiltà fit-Tagħlim bħala bażi għal kampanja konġunta ġdida bejn l-Istati Membri biex finalment ineħħu l-ostakoli għall-mobbiltà. Il-monitoraġġ tal-progress se jkun rifless f''Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobbiltà', li se tipprovdi stampa komparattiva tal-progress tal-Istati Membri fit-tneħħija ta' dawn l-ostakoli.

Ir-Rakkomandazzjoni attwali hi segwitu tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2001/613/KE tal-10 ta' Lulju 2001 dwar il-mobbiltà fil-Komunità għall-istudenti, persuni li jkunu qed isegwu taħriġ, volontiera, għalliema u min iħarreġ.[8] Ir-Rakkomandazzjoni stiednet lill-Istati Membri jieħdu l-passi xierqa biex ineħħu l-ostakoli għall-mobbiltà ta' dawn il-gruppi. Bħala riżultat, mill-2001 'il hawn ġew żviluppati diversi strumenti u ttieħdu inizjattivi politiċi:

- F'Diċembru 2004, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw deċiżjoni dwar qafas Komunitarju uniku għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi[9] – il-Europass. Jista' jintuża fuq bażi volontarja minn individwi għal komunikazzjoni u preżentazzjoni aħjar tal-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom madwar l-Ewropa.

- Il-mobbiltà fit-tagħlim tista' tikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern billi tforni liż-żgħażagħ Ewropej b'ħiliet aħjar fil-lingwi barranin u dawk interkulturali għall-ħajja professjonali tagħhom. Dan, imbagħad, jista' jiffaċilita r-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali bejn l-Istati Membri skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005[10].

- Karta Ewropea ta' Kwalità dwar il-Mobbiltà kienet proposta fir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2006/961/KE tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta' edukazzjoni u taħriġ[11].

- Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja[12], introdott b'Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-23 ta' April 2008, qed jibda jservi ta' mezz ta' traduzzjoni biex il-kwalifiki nazzjonali jiġu interpretati aħjar madwar l-Ewropa.

- Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà: sfidi u opportunitajiet għas-sistemi tal-edukazzjoni tal-UE ta' Lulju 2008[13] trattat il-kwistjoni ta' kif il-politiki tal-edukazzjoni jistgħu jindirizzaw aħjar l-isfidi ppreżentati mill-immigrazzjoni u l-flussi ta' mobbiltà interni fl-UE.

- Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2008 dwar kif l-iggwidar tul il-ħajja jista' jiġi integrat aħjar fl-istrateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja[14] innutat il-potenzjal għall-mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll fis-suq tax-xogħol, u stiednet lill-Istati Membri, inter alia , biex jiżguraw aċċess għal servizzi ta' gwida għaċ-ċittadini kollha.

- Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobbiltà ta' voluntiera żgħażagħ madwar l-UE ta' Novembru 2008[15] għarfet li l-mobbiltà transkonfinali fl-Ewropa tista' tkun għodda importanti għall-promozzjoni tal-edukazzjoni, l-impjieg u l-koeżjoni reġjonali u soċjali, u li tista' ttejjeb il-fehim reċiproku u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà. Irrakkomandat li iktar żgħżagħ jingħataw l-opportunità li jivvolontarjaw f'pajjiż ieħor tal-UE.

- Il-Bordeaux Communiqué dwar Kooperazzjoni Ewropea Mtejba fit-Taħriġ Vokazzjonali (Proċess ta' Kopenħagen) ta' Diċembru 2008[16], kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati[17], enfasizzaw li l-mobbiltà tal-ħaddiema, tal-istudenti u tal-għalliema, minn sistema ta' taħriġ għal oħra u minn pajjiż għal ieħor għandha tiġi promossa fis-sistemi tal-ETV.

- Il-Communiqué tal-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-edukazzjoni għolja fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (il-Proċess ta' Bolonja) ta' April 2009[18] stipulat il-mira li sal-2020, tal-inqas 20 fil-mija ta' dawk li jiggradwaw fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja għandu jkollhom perjodu ta' studju jew taħriġ f'pajjiż barrani.

- Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020") tat-12 ta' Mejju 2009[19], stabbilixxew għan strateġiku li t-tagħlim barra għandu jkun "ir-regola u mhux l-eċċezzjoni". Stiednet lill-Kummissjoni twettaq xogħol dwar proposti għal punti ta' referenza possibbli, inkluż fiż-żona ta' mobbiltà, li inizjalment jiffoka fuq il-qasam tal-edukazzjoni għolja kif ukoll jistudja l-possibbiltà li jitwaqqfu punti ta' referenza għall-edukazzjoni vokazzjonali u l-mobbiltà tal-għalliema.

- Il-promozzjoni tal-mobbiltà kienet ukoll fost il-prijoritajiet prinċipali li tressqu mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-impjieg ta' Ġunju 2009 'Impenn Kondiviż tal-UE għall-Impjieg'[20].

- Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Novembru 2009 dwar l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-kapijiet tal-iskejjel[21], stiednu lill-Istati Membri biex jippromwovu b'mod attiv l-opportunitajiet offruti minn skemi ta' skambju u ta' mobbiltà kemm f'livell nazzjonali u kemm f'dak internazzjonali.

- L-importanza tar-rikonoxximent ta' attivitajiet volontarji kienet enfasizzata wkoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/37/KE tas-27 ta' Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011)[22].

- Il-mobbiltà tar-riċerkaturi żgħażagħ għandha titħeġġeġ ukoll biex jiġi żgurat li l-UE tlaħħaq mal-kompetituri tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2008 dwar "Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: sħubija Ewropea għar-riċerkaturi"[23] proponiet sett ta' azzjonijiet biex jiġi żgurat li r-riċerkaturi madwar l-UE jibbenefikaw mit-taħriġ adegwat, karrieri attraenti u tneħħija tal-ostakoli għall-mobbiltà tagħhom, filwaqt li l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2010 dwar "Il-mobbiltà u l-karrieri tar-Riċerkaturi Ewropej"[24] identifikaw konsiderazzjonijiet konkreti dwar kif tista' tittejjeb il-mobbiltà tar-riċerkaturi u identifikaw diversi oqsma għal azzjoni.

Bħala riżultat ta' dawn l-attivitajiet, inkisbu ħafna affarijiet iżda għad hemm iktar xi jsir. L-istrateġija Żgħażagħ Mobbli tħabbar azzjonijiet prinċipali ġodda relatati mal-mobbiltà għaż-żgħażagħ fil-kuntesti kollha tat-tagħlim f'livelli tal-UE u nazzjonali, filwaqt li tirrinforza attivitajiet eżistenti, filwaqt li tiżgura l-implimentazzjoni ta' oħrajn u tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà . Madankollu, huwa ċar li l-programmi tal-UE waħedhom ma jistgħux jilħqu l-ambizzjonijiet għolja li hemm wara din l-inizjattiva. Għal dik ir-raġuni, l-appoġġ għall-programmi tal-UE għandu jkun ikkumplementat minn mobilizzazzjoni tal-isforzi tal-Istati Membri u operaturi oħra bħala appoġġ għall-mobbiltà fit-tagħlim. Element importanti se jinvolvi sforzi biex jiġu identifikati u eliminati l-ostakoli għall-mobbiltà.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tipprovdi gwida speċifika fir-rigward tal-ostakoli amministrattivi, istituzzjonali u legali għall-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ. Din tikkumplementa l-Linji gwida Integrati usa' ta' Ewropa 2020, partikolarment il-Linji gwida dwar l-Impjieg.

2. RIŻULTATI TA' KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-Unjoni Ewropea għandha rekord twil u ammirevoli ta' promozzjoni u appoġġ tal-mobbiltà fit-tagħlim – qasam ta' benefiċċju dirett u tanġibbli għaċ-ċittadini Ewropej. Inizjattivi bħall-programm Erasmus għamluha possibbli li aktar minn żewġ miljun ruħ jistudjaw f'pajjiż ieħor u li dawn l-istudji jiġu rikonoxxuti formalment. Għodod prattiċi, inkluża s-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS), ġew implimentati biex jiġi ffaċilitat dan.

Madankollu, il-mobbiltà fit-tagħlim għadha mhix opportunità realistika għal għadd kbir wisq ta' żgħażagħ Ewropej. In-numru ta' żgħażagħ li jibbenefikaw mill-benefiċċji ta' esperjenza ta' tagħlim barra minn pajjiżhom għadu relattivament żgħir u ċerti gruppi, bħal pereżempju żgħażagħ minn familji żvantaġġjati huma partikolarment sottorappreżentati. L-ostakoli lingwistiċi, kulturali, finanzjarji, legali u amministrattivi jibqgħu jippersistu, partikolarment barra mill-programmi strutturati tal-UE għall-mobbiltà. Filwaqt li riżorsi addizzjonali kemm f'livelli nazzjonali u Ewropej (permezz ta' programmi eżistenti) jistgħu jagħtu spinta lill-mobbiltà, fondi addizzjonali biss mhux se jkunu biżżejjed biex tiġi rrealizzata l-viżjoni tal-mobbiltà bħala opportunità realistika għal kulħadd. L-Istati Membri għandhom jistinkaw iktar biex ineħħu l-ostakoli li qed jippersistu fil-livelli nazzjonali u reġjonali.

Teżisti Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2001 dwar il-mobbiltà fil-Komunità għall-istudenti, persuni li qed isegwu taħriġ, voluntiera, għalliema u min iħarreġ, iżda din ma baqgħetx tintuża u issa għandha bżonn ta' aġġornament. Hemm ħtieġa urġenti biex din ir-Rakkomandazzjoni tiġi aġġornata, iffukata mill-ġdid u rrivitalizzata biex il-mobbiltà fit-tagħlim tiġi promossa bħala 'opportunità għaż-żgħażagħ kollha' fl-Ewropa.

Bħala l-ewwel pass il-Kummissjoni Ewropea, f'Lulju tal-2009, ippubblikat Green Paper dwar il- Promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim fiż-żgħażagħ [25] L-għan tal-Green Paper kien li tniedi konsultazzjoni pubblika mifruxa li tidentifika l-iktar ostakoli importanti għall-mobbiltà u l-modi kif dawn jistgħu jingħelbu. Feġġ kunsens ċar fl-Ewropa fil-livell politiku dwar il-mira li l-opportunitajiet ta' mobbiltà jiġu estiżi għaż-żgħażagħ. L-għan tal-Green Paper kien li d-dibattitu dwar kif jistgħu jiġu rrealizzati dawn l-ambizzjonijiet jinfetaħ għall-partijiet interessati u għall-pubbliku ġenerali

Il-Green Paper enfasizzat il-benefiċċji tal-mobbiltà fl-appoġġ tal-kisba ta' għarfien u ħiliet ġodda. Enfasizzat ukoll il-kontribut tagħha lejn il-ftuħ ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għal dinja usa' u udjenzi differenti ta' studenti u konsegwentement il-kontribut lejn it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Benefiċċji oħra li ġew innutati kienu l-ġlieda kontra l-iżolazzjoni, il-protezzjoniżmu u l-ksenofobija.

Il-konsultazzjoni pubblika ngħalqet fil-15 ta' Diċembru 2009 u kellha rispons tajjeb ħafna. B'kollox kien hemm 2798 rispons onlajn, prinċiplament minn żgħażagħ, u waslu 258 rispons bil-miktub, minn varjetà wiesgħa ta' partijiet interessati, inklużi mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, awtoritajiet reġjonali u lokali, assoċjazzjonijiet Ewropej u nazzjonali, imsieħba soċjali, akkademiċi u individwi.

Barra mill-konsultazzjoni msemmija fuq, saret valutazzjoni tal-impatt li kkunsidrat tliet alternattivi . Il-ħtieġa li titwessa' u tiġi promossa l-mobbiltà fit-tagħlim permezz tat-tneħħija tal-ostakoli hija komuni għat-tliet alternattivi (pereżempju permezz tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali biex tippermetti l-portabbiltà tal-konċessjonijiet u s-self ta' flus, proċessi ta' rikonoxximent u validazzjoni mtejba għal studji li jsiru barra mill-pajjiż tal-oriġini, servizzi aħjar ta' pariri għal studenti u voluntiera li jkunu qed jikkunsidraw perjodu barra minn pajjiżhom), iżda l-qafas għal kif dan għandu jkompli jiġi żviluppat jvarja bejn l-alternattivi:

Alternattiva 1: L-ebda azzjoni mill-UE/Status Quo;

Alternattiva 2: Rakkomandazzjoni tal-Kunsill: Żgħażagħ Mobbli: Il-promozzjoni tal-mobilità fit-tagħlim għaż-żgħażagħ

Alternattiva 3: Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni ġdid għall-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ

Il-valutazzjoni tal-impatt wasslet għall-konklużjoni li l-Alternattiva 2 (Rakkomandazzjoni tal-Kunsill: Żgħażagħ Mobbli: Il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim għaż-żgħażagħ) tippreżenta l-aħjar kumbinazzjoni ta' impatt mistenni mal-piż tal-ispejjeż u dak amministrattiv.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-proposta tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u ma tinkludi l-ebda element legali vinkolanti, iżda rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar kif għandhom ineħħu l-ostakoli għall-mobbiltà u jżidu l-opportunitajiet fir-rigward tal-mobbiltà fit-tagħlim għaż-żgħażagħ kollha. Huwa f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu kif l-aħjar li jiksbu dan.

4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

L-ispejjeż assoċjati mal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni mill-Istati Membri se jinkludu, pereżempju, adattazzjoni tal-leġiżlazzjoni biex il-konċessjonijiet u s-self ta' flus ikunu iktar portabbli, l-għoti ta' iktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta' mobbiltà permezz ta' uffiċċji ta' gwida/konsulenza dwar il-karrieri u l-istudju. Il-piż amministrattiv tal-monitoraġġ tal-progress huwa mistenni li se jkun, ġeneralment, newtrali peress li se jitwettaq fil-qafas tal-Istrateġija usa' Ewropa 2020 u l-programmi Nazzjonali ta' Riforma, l-arranġamenti eżistenti għall-Qafas Strateġiku għal Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020) u l-Istrateġija għaż-Żgħażagħ tal-UE.

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Żgħażagħ mobbli – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Billi:

(1) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 għal Ewropa 2020 – Starteġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv[26] tistabbilixxi bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha l-iżvilupp ta' ekonomija bbażata fuq l-għerf u l-innovazzjoni ("tkabbir intelliġenti") u tenfasizza inizjattiva prinċipali ("Żgħażagħ Mobbli") biex tenfasizza il-prestazzjoni u l-attraenza internazzjonali tal-istituzzjonijiet Ewropej ta' edukazzjoni għolja u tgħolli l-kwalità ġenerali tal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE, bil-kumbinazzjoni kemm tal-eċċellenza u kemm tal-ekwità, bil-promozzjoni tal-mobbiltà taż-żgħażagħ u t-titjib tas-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-impjegabbiltà. Din ir-Rakkomandazzjoni hija parti mill-inizjattiva "Żgħażagħ Mobbli".

(2) Il-mobbiltà fit-tagħlim, jiġifieri l-mobbilità transnazzjonali għall-iskop tal-kisba ta' ħiliet ġodda hija waħda mill-modi fundamentali li bih l-individwi ż-żgħażagħ jistgħu jsaħħu l-impjegabbiltà futura tagħhom kif ukoll l-iżvilupp personali tagħhom u ċ-ċittadinanza attiva. L-Ewropej li jkunu mobbli bħala studenti żgħażagħ huwa aktar probabbli li jkunu mobbli bħala ħaddiema iktar tard f'ħajjithom. Il-mobbiltà fit-tagħlim tista' tagħmel is-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ aktar miftuħa, aktar Ewropej u internazzjonali, aktar aċċessibbli u aktar effiċjenti. Tista' ttejjeb ukoll il-kompetittività tal-Ewropa billi tgħin fil-bini ta' soċjetà ffukata fuq l-għerf[27].

(3) Il-benefiċċji tal-mobbiltà kienu enfasizzati mir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2001/613/KE tal-10 ta' Lulju 2001 dwar il-mobbiltà fil-Komunità għall-istudenti, persuni li jkunu qed isegwu taħriġ, voluntiera, għalliema u min iħarreġ.[28] Ir-Rakkomandazzjoni stiednet lill-Istati Membri jieħdu l-passi xierqa biex ineħħu l-ostakoli għall-mobbiltà ta' dawn il-gruppi.

(4) Id-dispożizzjonijiet legali relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea kienu enfasizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni adottata fit-13 ta' Lulju 2010 li "Ittenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġuri"[29]

(5) Kien hemm ħafna kisbiet fil-qasam tal-mobbiltà taż-żgħażagħ wara r-Rakkomandazzjoni tal-2001. Madankollu, mhux l-istrumenti u l-għodod kollha jiġu sfruttati u għad hemm ħafna ostakoli. Barra min hekk, il-kuntest kollu tal-mobbiltà fit-tagħlim inbidel konsiderevolment fl-aħħar deċennju, inter alia, minħabba l-globalizzazzjoni, il-progress teknoloġiku, inklużi t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICTs) u enfasi ikbar fuq l-impjegabbiltà u fuq id-dimensjoni soċjali.

(6) F'Novembru 2008, il-Kunsill stieden lill-Istati Membri jadottaw il-mira li gradwalment il-perjodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż isiru r-regola u mhux l-eċċezzjoni għaż-żgħażagħ Ewropej kollha. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta' ħidma li jinkludi miżuri ta' mobbiltà transkonfinali fil-programmi Ewropej kollha u tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-mobbiltà[30].

(7) Il-Kummissjoni ppubblikat il-Green Paper dwar "il-promozzjoni tal-mobbiltà taż-żgħażagħ" f'Lulju 2009[31] li nediet konsultazzjoni pubblika dwar diversi kwistjonijiet, bħal pereżempju: kif l-aħjar li jingħataw spinta opportunitajiet ta' mobbiltà għaż-żgħażagħ Ewropej, liema ostakoli għall-mobbiltà għadhom iridu jingħelbu u kif l-operaturi kollha involuti jistgħu jingħaqdu flimkien fi sħubiji ġodda għall-mobbiltà fit-tagħlim. Ir-rispons għal din il-konsultazzjoni kien ta' kontribut kbir għal din ir-Rakkomandazzjoni, kif kienu wkoll l-opinjonijiet li waslu mingħand il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.

(8) Il-mobbiltà tar-riċerkaturi żgħażagħ għandha titħeġġeġ ukoll biex jiġi żgurat li l-UE tlaħħaq mal-kompetituri tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2008 dwar "Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: sħubija Ewropea għar-riċerkaturi"[32] proponiet sett ta' azzjonijiet biex jiġi żgurat li r-riċerkaturi madwar l-UE jibbenefikaw mit-taħriġ adegwat, karrieri attraenti u tneħħija tal-ostakoli għall-mobbiltà tagħhom, filwaqt li l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2010 dwar "Il-mobbiltà u l-karrieri tar-Riċerkaturi Ewropej"[33] identifikaw konsiderazzjonijiet konkreti dwar kif tista' tittejjeb il-mobbiltà tar-riċerkaturi u identifikaw diversi oqsma għal azzjoni.

(9) Din ir-Rakkomandazzjoni tirreferi għaż-żgħażagħ fil-kuntesti kollha ta' tagħlim u taħriġ, jiġifieri fl-iskejjel, f'taħriġ vokazzjonali (fi skola jew apprendistati) u fi studji universitarji (f'livell ta' baċellerat, ta' master u ta' dottorat) kif ukoll fi skambji taż-żgħażagħ, attivitajiet voluntarji jew taħriġ, fl-Unjoni Ewropa u barra mill-Unjoni. Il-grupp ta' etajiet prinċipali previst se jkun minn 16 sa 35 sena. Il-mobbiltà fit-tagħlim titqies bħala rilevanti fid-dixxiplini u l-oqsma kollha, bħalma huma l-kultura, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-arti u l-isport, kif ukoll għall-intraprendituri u r-riċerkaturi żgħażagħ. Fi ħdan it-tifsira ta' din ir-Rakkomandazzjoni, it-tagħlim ikopri t-tagħlim formali, informali u mhux formali.

(10) Din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu l-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ u jneħħu l-ostakoli li qed itellfu l-progress f'dan il-qasam. Fl-istess waqt, tirrispetta kompletament ir-responsabbiltajiet tagħhom fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

(11) Tħeġġiġhom ukoll jisfruttaw il-potenzjal tal-istrumenti eżistenti biex jiffaċilitaw il-mobbiltà, partikolarment il-Karta ta' Kwalità dwar il-Mobbiltà, il-Europass, is-Suppliment tad-Diploma, il-Youthpass, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment tal-Krediti, is-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.

(12) Il-programmi tal-UE, jipprovdu mhux biss appoġġ sostanzjali għall-mobbiltà, iżda ppermettew ukoll l-iżvilupp f'livell tal-UE ta' prattiki u għodod tajba f'livell tal-UE li jimmiraw li jiffaċilitaw il-mobbiltà taż-żgħażagħ fil-kuntesti kollha ta' tagħlim u taħriġ.

(13) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tipprovdi gwida speċifika fir-rigward tal-ostakoli amministrattivi, istituzzjonali u legali għall-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ. Din tikkumplimenta l-Linji gwida Integrati usa' ta' Ewropa 2020, partikolarment il-Linji gwida dwar l-Impjieg.

B’DAN TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

(1) Informazzjoni u gwida dwar opportunitajiet ta' mobbiltà

a) Itejbu l-kwalità tal-informazzjoni u l-pariri dwar l-opportunitajiet ta' mobbiltà nazzjonali u reġjonali u d-disponibbiltà tal-konċessjonijiet, u jimmirawhom lejn gruppi speċifiċi ta' studenti, kemm fl-UE u kemm barra mill-UE. L-Istati Membri għandhom jużaw modi ġodda, kreattivi u interattivi biex ixerrdu l-informazzjoni, jikkomunikaw u jagħmlu skambji maż-żgħażagħ, inkluż bl-użu tal-ICTs u n-netwerks soċjali.

b) Jagħmlu l-informazzjoni aċċessibbli faċilment għaż-żgħażagħ kollha interessati fil-mobbilta fit-tagħlim pereżempju permezz ta' portali fuq l-internet ċentralizzati, ċentri ta' appoġġ (bħal "uffiċċji Ewropej") u servizzi ta' għoti ta' pariri f'livell istituzzjonali. L-użu ta' servizzi bbażati fuq l-internet jista' jkun utli wkoll. Huwa rakkomandat li jintuża n-netwerk Euroguidance[34] f'dan il-kuntest.

c) Jikkooperaw mal-Kummissjoni biex ikomplu jizviluppaw il-portal PLOTEUS tal-opportunitajiet tat-tagħlim, prattikament billi jżidu l-ammont ta' riżorsi ta' informazzjoni nazzjonali li ċ-ċittadini jistgħu jaċċessaw direttament permezz tal-pjattaforma multilingwi PLOTEUS.

d) Jinkoraġġixxu lill-aġenziji nazzjonali u reġjonali jiżguraw li x-xogħol tagħhom jiġi integrat ma' dak tal-partijiet interessati fil-mobbiltà fit-tagħlim biex jiżguraw fluss ta' informazzjoni ċara, koerenti u sempliċi.

(2) Motivazzjoni għal parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' mobbiltà transnazzjonali

a) Jenfasizzaw il-valur miżjud tal-mobbiltà fit-tagħlim mil-lat ta' żvilupp ta' ħiliet professjonali u interkulturali u impjegabbiltà futura, partikolarment fil-kuntest ta' suq tax-xogħol li kull ma jmur qed isir iktar globali.

b) Jinkoraġġixxu n-netwerking bejn l-aġenziji, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-servizzi pubbliċi ta' impjieg, l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, ir-riċerkaturi, min iħarreġ u min jaħdem maż-żgħażagħ, min ifassal il-politika, min iħaddem u ż-żgħażagħ biex jiżguraw approċċ koordinat lejn il-motivazzjoni taż-żgħażagħ.

c) Jinkoraġġixxu "skambji inter pares " bejn studenti mobbli u dawk li għadhom mhumiex biex itejbu l-motivazzjoni. Ġranet li fihom il-bibien tal-istituzzjonijiet fejn tiġi promossa l-mobbiltà jinfetħu għall-pubbliku, jistgħu jipprovdu forum għal skambji inter pares bħal dawn.

d) Jippromwovu l-valur tal-mobbiltà fit-tagħlim għall-istudenti, il-familji tagħhom u min iħaddem bl-integrazzjoni tal-mobbiltà fil-kurrikulu jew fi programmi ta' taħriġ, fejn ikun adegwat. L-għoti ta' opportunitajiet ta' perjodi qosra ta' mobbiltà jista' jgħin ukoll biex jipperswadi iktar żgħażagħ ikunu mobbli.

(3) Tħejjija ta' opportunitajiet ta' mobbiltà, partikolarment fir-rigward tal-ħiliet fil-lingwi barranin

a) Jirrikonoxxu l-importanza tat-tagħlim tal-lingwi fl-istadji bikrija tal-edukazzjoni. It-tħejjija lingwistika u kulturali għall-mobbiltà għandha ssir il-qalba tal-kurrikuli, kemm fl-edukazzjoni ġenerali u kemm f'dik vokazzjonali.

b) L-użu ta' metodi iktar kreattivi biex jiġu mgħallma l-lingwi, inklużi l-ICTs. Attenzjoni partikolari għandha tingħata lil studenti fi żvantaġġ u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

c) Trawwim tal-kisba ta' ħiliet elettroniċi bażiċi (kompetenzi diġitali) miż-żgħażagħ biex ikun żgurat li l-mobbiltà tagħhom titħejja fl-aqwa kundizzjonijiet.

d) Jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' sħubiji u skambji bejn l-istituzzjonijiet edukattivi biex iħejju aħjar perjodi ta' mobbiltà.

(4) Ostakoli legali u istituzzjonali relatati mal-perjodu ta' tagħlim f'pajjiż barrani

a) Jindirizzaw il-kwistjonijiet legali li jikkawżaw diffikultajiet fil-ħruġ ta' viża jew permess ta' residenza għal persuni mhux ċittadini tal-UE li jkunu jixtiequ jieħdu opportunità ta' tagħlim fi Stat Membru.

b) Jindirizzaw kwistjonijiet li jirriżultaw minn regoli legali differenti madwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-minuri fl-iskemi ta' mobbiltà.

c) Jiddefinixxu sistemi ċari għall-apprendisti biex jagħmlu perjodi ta' mobbiltà. Biex titrawwem il-mobbiltà kemm tal-apprendisti u kemm tar-riċerkaturi żgħażagħ u biex jitneħħew l-inċertezzi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw livelli adegwati ta' protezzjoni f'termini ta' assigurazzjoni, livelli tax-xogħol, rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà, arranġamenti tas-sigurtà soċjali u l-pensjoni.

d) Jinkoraġġixxu b'mod attiv programmi ta' edukazzjoni u taħriġ li jkunu żviluppati u mwasslin b'mod konġunt ma' istituzzjonijiet f'pajjiżi oħra. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet nazzjonali ma jimpedixxux programmi u lawrji konġunti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, bħal dawk li jispeċifikaw li l-programmi għandhom jitfasslu u jiġu vvalutati fil-lingwa nazzjonali.

e) Inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u legali biex jippromwovu l-mobbiltà fit-tagħlim lejn u mill-Unjoni Ewropea. Kooperazzjoni ikbar u sħubiji ma' pajjiżi terzi, ftehimiet bejn l-awtoritajiet rilevanti madwar l-Istati Membri u ftehimiet bilaterali bejn l-istituzzjonijiet jiffaċilitaw il-mobbiltà fit-tagħlim bejn l-UE u partijiet oħra tad-dinja.

(5) Portabbiltà ta' konċessjonijiet u self ta' flus

a) Jiżguraw il-portabbiltà tal-konċessjonijiet, is-self tal-flus u l-aċċess għall-benefiċċji biex jippromwovu l-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ.

(6) Kwalità tal-mobbiltà

a) Jużaw karti ta' kwalità eżistenti, bħal pereżempju l-Karta Ewropea ta' Kwalità dwar il-Mobbiltà, biex jiżguraw li l-mobbiltà tkun ta' kwalità għolja, u jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' proċeduri li jiżguraw il-kwalità għal kull aspett tal-mobbiltà.

b) Jinkoraġġixxu djalogu kontinwu u arranġamenti ċari bejn l-istituzzjonijiet li jibgħatu u dawk ospitanti, pereżempju bl-użu ta' arranġamenti ta' tagħlim. Jinkoraġġixxu proċeduri ta' għażla trasparenti, skambju bejn il-pari u appoġġ strutturat għall-istudenti.

c) Jorganizzaw rappurtaġġ regolari, mekkaniżmi ta' stocktaking u ta' rispons biex jiżguraw kwalità għolja fl-esperjenza ta' mobbiltà.

d) Jinkoraġġixxu skemi ta' konsulenza u ta' tagħlim bejn il-pari biex jiżguraw l-integrazzjoni tal-istudenti mobbli fil-pajjiż/istituzzjoni ospitanti.

e) Jinkoraġġixxu d-disponibbiltà ta' faċilitajiet konvenjenti u bi prezzijiet raġonevoli għall-istudenti mobbli.

f) Jipprovdu gwida lill-istudenti mobbli meta jirritornaw lejn pajjiżhom dwar kif jużaw il-kompetenzi li jkunu kisbu waqt iż-żjara tagħhom f'pajjiż barrani. Jipprovdu għajnuna għall-integrazzjoni mill-ġdid wara waqfa twila f'pajjiż barrani.

(7) Rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim

a) Jiżguraw l-implimentazzjoni u l-użu ta' strumenti eżistenti tal-UE li jiffaċilitaw it-trasferiment u l-validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim mill-esperjenzi ta' mobbiltà bejn l-Istati Membri (bħal pereżempju l-Mobbiltà Europass, il-Youthpass, l-ECTS, l-ECVET u l-QKE kif ukoll il-Passaport tal-Ħiliet Ewropew futur). Dawn l-istrumenti għandhom ikunu promossi aħjar, speċjalment fost dawk li jħaddmu.

b) Itejbu l-proċeduri u l-linji gwida għall-validazzjoni u r-rikonoxximent kemm tat-tagħlim informali u kemm dak li mhux formali sabiex jiffaċilitaw iktar mobbiltà (pereżempju fil-volontarjat u x-xogħol maż-żgħażagħ).

c) Jindirizzaw il-kwistjoni tal-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-għerf, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba waqt pejodi ta' mobbiltà f'pajjiż barrani (pereżempju ħiliet f'lingwi barranin).

d) Jistabbilixxu punti ta' kuntatt viżibbli, li bihom l-individwi jkunu jistgħu jgawdu minn rikonoxximent u ċertifikazzjoni tal-kwalifiki tagħhom wara li jirritornaw lejn pajjiżhom.

(8) Studenti żvantaġġjati

a) Jipprovdu lill-istudenti żvataġġjati b'informazzjoni mmirata dwar il-programmi u l-appoġġ li titfassal apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

b) Jiżviluppaw "kultura ta' mobbiltà", jiġifieri l-popolarizzazzjoni tal-opportunitajiet ta' mobbiltà fil-kuntesti kollha tat-tagħlim, bl-involviment tal-għalliema, ta' min iħarreġ u tal-ħaddiema maż-żgħażagħ eċċ. Dan se jkun ta' benefiċċju għall-istudenti kollha, partikolarment gruppi zvataġġjati li jistgħu jħossuhom esklużi mill-opportunitajiet ta' mobbiltà.

(9) Sħubijiet u fondi

a) Jinkoraġġixxu sħubijiet ta' mobbiltà ma' operaturi kemm pubbliċi u kemm privati li joperaw fil-livell lokali. Il-kmamar tal-kummerċ, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju u l-NGOs jistgħu jkunu sħab siewja f'dan il-kuntest. Barra minn hekk, għandhom jitħeġġu netwerks ta' skejjel u universitajiet li jiskambjaw l-informazzjoni, l-aħbarijiet u l-esperjenzi.

b) Jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet reġjonali biex jilagħbu rwol dejjem ikbar fil-promozzjoni tal-mobbiltà billi jsejsu fuq netwerks eżistenti u joħolqu sħubiji ġodda.

c) Jistimulaw kooperazzjoni u komunikazzjoni attivi (inklużi tqajjim ta' kuxjenza u appoġġ għall-valur tal-mobbiltà) bejn is-settur tal-edukazzjoni u l-kummerċ peress li l-involviment tan-negozji huwa fattur importanti fit-tisħiħ tal-mobbiltà taż-żgħażagħ, pereżempju bil-provvediment ta' esperjenzi fuq il-post tax-xogħol. Jipprovdu inċentivi, pereżempju konċessjonijiet speċjali lin-negozji, f'konformità mal-liġi tal-UE, biex jinkoraġġixxu l-involviment tagħhom fil-provvista ta' taħriġ, taħriġ fuq il-post tax-xogħol u apprendistati.

d) Jiżguraw il-koerenza u l-kumplimentarjetà ta' programmi nazzjonali u Ewropej, biex joħolqu sinerġiji u jtejbu l-effiċjenza tal-programmi ta' mobbiltà.

(10) Ir-rwol tal-multiplikaturi

a) Jinkoraġġixxu l-użu tal-‘multiplikaturi’ bħal għalliema, dawk li jħarrġu, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u żgħażagħ li diġà għamlu esperjenza ta' mobbiltà biex jinspiraw u jimmotivaw liż-żgħażagħ biex ikunu mobbli. Jinkoraġġixxu lil min iħaddem fil-qasam tal-edukazzjoni biex jirrikonoxxi u jippremja l-impenn tal-għalliema, ta' min iħarreġ u ta' dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ lejn il-mobbiltà fit-tagħlim. Jippromwovu u jappoġġjaw il-mobbiltà tal-għalliema, ta' min iħarreġ u ta' dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ bħala opportunità għal avvanz professjonali.

b) Jippromwovu l-mobbiltà bħala komponent mit-taħriġ tal-għalliema, ta' min iħarreġ u ta' dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ.

(11) Monitoraġġ tal-progress – 'Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobbiltà'

a) Rapport lill-Kummissjoni dwar il-progress fit-tneħħija tal-ostakoli għall-mobbiltà fil-qafas usa' tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, l-arranġamenti eżistenti għall-Qafas Strateġiku għal kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020) u l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Dan se jservi bħala bażi għall-valutazzjoni biennali tal-progress fl-Istati Membri fil-format ta' 'Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobbiltà' .

b) Itejbu d-disponibbiltà u l-kwalità tas-sorsi nazzjoanli ta' statistika dwar il-mobbiltà transnazzjonali taż-żgħażagħ.

PERMEZZ TA' DAN JIEĦDU NOTA TAL-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

(1) Tutilizza u ssaħħaħ il-programmi tal-UE tal-edukazzjoni, it-taħriġ u taż-żgħażagħ, bħal pereżempju, Erasmus, Erasmus Mundus, Leonardo, Comenius, Grundtvig, Żgħażagħ fl-Azzjoni, Tempus u Marie Curie kif ukoll il-Fondi Strutturali u partikolarment il-Fond Soċjali Ewropew, biex testendi u tkabbar l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ b'mod ġenerali. Tistimula l-involviment attiv taż-żgħażagħ fis-soċjetà u ttejjeb l-qagħda tagħhom fir-rigward tax-xogħol.

(2) Tikkontribwixxi mal-isforzi tal-Istati Membri biex tappoġġja l-mobbiltà fit-tagħlim billi twettaq revizjoni kkoordinata ta' programmi eżistenti bil-għan li tiżviluppa approċċ integrat taħt il-Qafas Finanzjarju li jmiss (2014-2020) biex tissoda l-istrateġija Żgħażagħ Mobbli.

(3) Tipprovdi gwida lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-partijiet interessati fl-Istati Membri dwar il-każistika stabbilita mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet bħall-aċċess għall-istituzzjonijiet edukattivi, ir-rikonoxximent tad-diplomi, il-portabbiltà tal-konċessjonijiet u s-self ta' flus u drittijiet oħra ta' studenti mobbli fil-pajjiż ospitanti jew fil-pajjiż tal-oriġini.

(4) Ittejjeb il-qafas statistiku biex tkejjel u timmonitorja l-progress fit-tneħħija tax-xkiel għall-ostakoli.

(5) Tivvaluta l-progress fit-tneħħija tal-ostakoli għall-mobbiltà wara l-ewwel erba' snin mill-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni (sal-aħħar tal-2014).

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] COM(2010) 2020, 3.3.2010.

[2] Ara COM(2009) 329 finali għal referenzi għall-istudji u għar-riċerka

[3] Jinkludu dawn li ġejjin: edukazzjoni għolja (Erasmus, Erasmus Mundus, Marie Curie) għall-istudenti, kandidati għal dottorat u persunal; edukazzjoni għolja u riċerka (Marie Curie, mobbiltà f'Netwerks ta' Eċċellenza u Pjattaformi tat-Teknoloġija); minn edukazzjoni għolja għan-negozju (prattika fuq il-post fi ħdan Erasmus u Marie Curie); edukazzjoni vokazzjonali u apprendistati (Leonardo); edukazzjoni tat-tieni livell (Comenius) tagħlim għall-adulti u volontarjat ta' dawk ikbar fl-età (Grundtvig); l-isfera kulturali (il-Programm Kultura); skambji u volontarjat taż-żgħażagħ (Żgħażagħ fl-Azzjoni); volontarjat (Servizz Ewropew tal-Volontarjat fi ħdan il-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni); is-soċjetà ċivili (il-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini) u l-azzjoni preparatorja "Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ".

[4] http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/about/political/index_en.htm

[5] COM(2009) 329.

[6] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2010) 1048 għal analiżi tar-rispons li wasal

[7] COM(2010) 477.

[8] ĠU L 215, 9.8.2001, p. 30-37.

[9] ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6-20.

[10] ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22-142.

[11] ĠU L 394, 31.12.2006, p. 5-9.

[12] ĠU C111, 6.5.2008, p. 1-7.

[13] COM(2008) 423.

[14] ĠU C 319, 13.12.2008, p. 4-7.

[15] ĠU C 319, 13.12.2008, p. 8-10.

[16] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc/vocational/bordeaux_en.pdf,

[17] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc/vocational/council08_en.pdf

[18] http://www.ond.vlaanderen.be/hogeronderwijs/bologna/conference/documents/Leuven_Louvain-la-Neuve_Communiqué_April_2009.pdf

[19] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/107622.pdf

[20] COM(2009) 275

[21] ĠU C 302, 12.12.2009, p. 6-9.

[22] ĠU L 17, 22.1.2010, p. 43-49.

[23] COM(2008) 317.

[24] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/intm/113121.pdf

[25] COM(2009) 329.

[26] COM(2010) 2020.

[27] Għal evidenza dwar il-benefiċċji tal-mobbilta għall-individwi ara pereżempju. F. Maiworm u U. Teichler: L-Istudju f'Pajjiż Barrani u l-Bidu tal-Karriera: L-esperjenzi ta' dawk li kienu Studenti ta' Erasmus, 2004; stħarriġ annwali tan-Netwerk tal-Istudenti tal-Erasmus; Valutazzjoni Finali tal-Programmi tal-Komunità Socrates II, Leonardo da Vinci II u eLearning; Analiżi tal-Effetti tal-Miżuri ta' Mobilità ta' Leonardo da Vinci fuq Apprendisti Żgħażagħ, Impjegati u l-influwenza tal-fatturi soċjoekonomiċi, 2007. Għas-settur tal-edukazzjoni għolja dan il-benefiċċju sistemiku ġie ppruvat permezz ta' studju dwar "L-impatt ta' Erasmus fuq l-edukazzjoni Ewropea għolja: kwalità, trasparenza u internalizzazzjoni", Diċembru 2008,http://ec.europa.eu/education/erasmus/doc/publ/impact08.pdfAra wkoll il-valutazzjoni Interim tal-Erasmus Mundus minn SEEK (Spazju Ekonomiku Ewropew Komuni), Ġunju 2007,http://ec.europa.eu/education/programmes/mundus/doc/evalreport_en.pdf.

[28] ĠU L 215, 9.8.2001, p. 30-37.

[29] COM(2010) 373.

[30] Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2008 dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ (2008/C 320/03)

[31] COM(2009) 329.

[32] COM(2008) 317.

[33] Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2010 dwar il-mobbiltà u l-karrieri tar-Riċerkaturi Ewropej,

[34] http://www.euroguidance.net/

Top