Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0484

    L-impatt tar-riklamar fuq l-imġiba tal-konsumatur Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta’ Diċembru 2010 dwar l-impatt tar-riklamar fuq l-imġiba tal-konsumatur (2010/2052(INI))

    ĠU C 169E, 15.6.2012, p. 58–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 169/58


    L-Erbgħa 15 ta’ Diċembru 2010
    L-impatt tar-riklamar fuq l-imġiba tal-konsumatur

    P7_TA(2010)0484

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2010 dwar l-impatt tar-riklamar fuq l-imġiba tal-konsumatur (2010/2052(INI))

    2012/C 169 E/08

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar Prattiki Kummerċjali Żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (DPKŻ) (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (DRQK) (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (3) (DSMA),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (4),

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 (ir-rispett tal-ħajja privata u familjari) u l-Artikolu 8 (il-ħarsien tad-data personali) tagħha,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (5),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (6),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-9 ta’ Marzu 2010 dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2009 dwar it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2005/29/KE rigward prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u d-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2008 dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (11),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Settembru 2008 dwar l-effett tal-kummerċjalizzazzjoni u tar-riklamar fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (12),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 bit-titlu “Il-monitoraġġ tar-riżultati għall-konsumatur fis-suq waħdieni: It-tieni edizzjoni tat-‘Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (COM(2009)0025) u d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha bit-titolu “It-Tieni Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (SEC(2009)0076),

    wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tad-29 ta’Marzu 2010 bit-titlu “Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur – Il-Konsumaturi jħossuhom komdi fis-Suq Intern: Is-sorveljanza tal-Integrazzjoni tas-Suq Intern tal-kummerċ bl-imnut u l-Ambjent tal-Konsumaturi fl-Istati Membri” (SEC(2010)0385),

    wara li kkunsidra r-rapport dwar il-ħarsien tal-konsumaturi fis-suq intern, ippubblikat mill-Kummissjoni f’Ottubru 2008 fl-Ewrobarometru Speċjali Nru 298,

    wara li kkunsidra r-rapport analitiku dwar l-attitudnijiet lejn il-bejgħ transkonfinali u l-ħarsien tal-konsumaturi, ippubblikat mill-Kummissjoni f’Marzu 2000 (Ewrobarometru Flash Nru 282),

    wara li kkunsidra l-approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali (COM(2007)0833),

    wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali (SEC(2009)1666),

    wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/2010 dwar ir-riklamar komportamentali bl-internet adottata fit-22 ta’ Ġunju 2010 mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-ħarsien tad-data,

    wara li kkunsidra l-Opinjoni 5/2009 dwar in-netwerks soċjali bl-internet adottata fit-12 ta’ Ġunju 2009 mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-ħarsien tad-data,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Franċiża dwar it-Teknoloġija tal-Informatika u l-Libertajiet Ċivili tal-5 ta’ Frar 2009 bit-titlu “La publicité ciblée en ligne” (“Ir-riklamar immirat bl-internet”),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0338/2010),

    A.

    billi r-riklamar jistimula l-kompetizzjoni u l-kompetittività, jaf jillimita l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti u jħeġġeġ l-innovazzjoni fis-suq intern, u konsegwentement għandu impatt pożittiv fuq il-konsumaturi, partikularment billi tiżdied il-firxa ta’ għażla, jitbaxxew il-prezzijiet u tiġi mogħtija informazzjoni dwar il-prodotti l-ġodda,

    B.

    billi r-riklamar huwa sors importanti u ta’ spiss kruċjali ta’ dħul għal settur tal-midja dinamiku u kompetittiv u jikkontribwixxi b’mod attiv għall-istampa indipendenti u diversa fl-Ewropa,

    C.

    billi ċerti prattiki tar-riklamar jista’ madankollu jkollhom impatt negattiv fuq is-suq intern u l-konsumaturi (minħabba prattiki żleali, intrużjoni fl-ispazji pubbliċi u l-arena privata, riklamar immirat lejn individwi, ostakoli għall-aċċess u tagħwiġ tas-suq intern),

    D.

    billi għadu neċessarju li jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali fil-qasam tar-riklamar, kif il-Ewrobarometru Speċjali Nru 29 jagħmilha ċara li għadhom komuni,

    E.

    meta wieħed iqis l-impatt sinifikattiv tar-riklamar fuq l-evoluzzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, partikularment permezz tal-iżvilupp tal-internet, tan-netwerks soċjali, tal-forums u l-blogs, il-mobilità dejjem tikber tal-utenti u ż-żieda rapida ta’ prodotti diġitali,

    F.

    billi, peress li l-konusumatur sa ċertu punt qed jitlef l-interess fil-proliferazzjoni ta’ messaġġi ta’ riklamar, illum il-ġurnata hemm it-tentazzjoni li t-teknoloġiji l-ġodda tal-komunikazzjoni jintużaw sabiex jinxterdu messaġġi kummerċjali anke meta ma jkunux maħsuba għal dan il-għan u għaldaqstant jistgħu jqarqu lill-konsumaturi,

    G.

    billi l-iżvilupp ta’ prattiki ġodda ta’ riklamar onlajn u permezz ta’ apparat mobbli qed jiġġenera firxa ta’ problemi li għandhom jiġu indirizzati sabiex jiġi ssalvagwardjat livell għoli ta’ protezzjoni għall-utenti,

    H.

    billi r-riklamar onlajn għandu rwol ekonomiku importanti, partikularment billi jiffinanzja servizzi b’xejn, u billi qed jespandi b’mod esponenzjali,

    I.

    billi l-iżvilupp tar-riklamar immirat (kuntestwali, personalizzat, komportamentali), li hu meqjus li hu imfassal għall-interessi ta’ dawk li jużaw l-internet, jikkostitwixxi attakk serju fuq il-protezzjoni tal-privatezza meta msejjes fuq l-intraċċar tal-individwi permezz ta’ cookies, ħolqien tal-profili u l-ġeolokalizzazzjoni) u meta ma jkunx ingħata kunsens espliċitu u b’mod liberu minn qabel mill-konsumatur,

    J.

    billi r-riklamar ippersonalizzat ta’ messaġġi ta’ riklami m’għandux iwassal għall-iżvilupp ta’ riklamar intrużiv li jikser il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza,

    K.

    billi gruppi ta’ nies li huma partikolarment vulnerabbli minħabba xi diżabilità mentali, fiżika jew psikoloġika, l-età tagħhom jew il-fatt li jkunu jemmnu kollox – bħalma huma t-tfal, l-adolexxenti, l-anzjani jew ċerti persuni li huma vulnerabbli minħabba s-sitwazzjoni soċjali u finanzjarja tagħhom (pereżempju dawk li għandhom dejn eċċessiv) – għandhom bżonn ta’ protezzjoni speċjali,

    L.

    billi jirrikonoxxi li għad hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-effetti soċjopsikoloġiċi preċiżi tal-forom ġodda, aktar mifruxa u aktar imxerrda tar-riklamar, partikularment fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ dawk li ma jistgħux jaffordjaw li jixtru l-prodotti u s-servizzi promossi f’dawn ir-riklami,

    M.

    billi n-natura speċifika ta’ ċerti prodotti – bħalma huma t-tabakk, l-alkoħol, il-mediċini u l-logħob tal-azzard onlajn – jitlob għal regolamentazzjoni xierqa tar-riklamar fuq l-Internet bil-għan li jiġu evitati l-abbużi, id-dipendenzi u l-iffalsifikar,

    N.

    billi jitqies li r-riklamar jista’ jaġixxi bħala katalizzatur b’saħħtu għall-ġlieda kontra l-istereotipi u l-preġudizzji bbażati fuq ir-razziżmu, is-sessiżmu u l-ksenofobija,

    O.

    billi jitqies li r-riklamar bosta drabi jikkomunika messaġġi diskriminatorji u/jew derogatorji li jipperpetwaw preġudizji rigward is-sess, u b’hekk idgħajfu l-istrateġiji għall-ugwaljanza li għandhom l-għan li jeliminaw l-inugwaljanzi,

    Evalwazzjoni tal-qafas leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv eżistenti

    1.

    Isostni li d-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali tipprovdi qafas legali essenziali għall-ġlieda kontra reklamar qarrieqi u aggressiv, fir-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji u l-konsumaturi; jirrikonoxxi li għalkemm għadu mhuwiex possibbli li ssir evalwazzjoni komprensiva, diġà jidhru ħafna diffikultajiet bl-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni (speċjalment rigward il-forom ġodda, aktar mifruxa tar-reklamar), kif juru s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea kontra miżuri nazzjonali eżistenti li marru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, li jistgħu jqajmu dubju dwar l-effikaċja tad-Direttiva;

    2.

    Jenfasizza li differenzi ta’ interpretazzjoni u ta’ implementazzjoni fuq livell nazzjonali ma wasslux għal-livell mixtieq ta’ armonizzazzjoni, ħolqu nuqqas ta’ ċertezza legali u dgħajfu l-kummerċ transkonfinali fis-suq uniku;

    3.

    Jitlob lill-Kummissjoni taġġorna, tiċċara u ssaħħaħ il-linji gwida tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali fuq bażi regolari ħafna u tiżgura li jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali tal-UE, u jitlob lill-Istati Membri jqisu kemm jista’ jkun dawk il-linji gwida;

    4.

    Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffinalizza u tippubblika f’Novembru 2010 bażi ta’ data tal-miżuri nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, il-każistika applikabbli u dokumenti oħra relevanti;

    5.

    Ifakkar li l-ambitu tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali huwa limitat għar-relazzjonijiet bejn in-negozju u l-konsumatur filwaqt li d-Direttiva dwar Riklamar Qarrieqi u Komparattiv tittratta r-relazzjonijiet bejn in-negozjii; jenfasizza li ċerti entitajiet ma jaqgħux taħt l-ambitu tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali u lanqas tad-Direttiva dwar Riklamar Qarrieqi u Komparattiv, bħal ma huma l-NGOs jew il-gruppi ta’ interess; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tagħmel analiżi separata tal-impatt ta’ prattiki tar-reklamar qarrieqa indirizzati lejn dawk il-kriterji li milli jidher mhumiex koperti bl-ebda mid-Direttivi; jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni bejniethom u jipprovdu soluzzjonijiet adegwati għal dawk il-kategoriji li ġew suġġetti għal prattiki ta’ reklamar qarrieqa bejn il-fruntieri ġewwa l-UE;

    6.

    Jilqa’ l-ispezzjonijiet konġunti mill-Istati Membri (“Sweep”); jitlob li jsiru aktar investigazzjonijiet ta’ dan it-tip u li jitwessa’ l-ambitu tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet konġunti u tipprepara, jekk ikun meħtieġ, aktar passi bil-għan li ttejjeb is-suq intern għall-konsumaturi;

    7.

    Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali bil-mezzi u r-riżorsi finanzjarji, umani u teknoloġiċi meħtieġa għall-azzjoni effikaċi tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiffaċilita, fuq il-bażi tal-esperjenza tan-netwerk tal-Kooperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u ttejjeb l-effikaċja tal-kontroll tagħhom;

    8.

    Jitlob lill-Kummissjoni tipprepara analiżi fuq l-obbligi u l-funzjonijiet ta’ kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur u taqsam magħhom l-aħjar prattiki sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-ħidma tagħhom;

    9.

    Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 biex jinkludi l-iffalsifikar u l-prodotti illegali, u biex issaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri skont dak ir-Regolament, sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi konnessa mar-riklamar illegali;

    10.

    Iħeġġeġ il-prattika ta’ awtoregolamentazzjoni bħala żieda dinamika, flessibbli u responsabbli għall-qafas leġiżlattiv eżistenti; jissuġġerixxi li l-Istati Membri li għad m’għandhomx entitajiet awtoregolatorji għandhom jiffaċilitaw it-twaqqif ta’ tali entitajiet, fuq il-bażi tal-aħjar prattiki minn Stati Membri oħra, u/jew li jirrikonoxxuhom b’mod formali;

    11.

    Jenfasizza, madankollu, il-limiti tal-awtoregolamentazzjoni, li f’kwalunkwe każ ma tistax tissostitwixxi l-leġiżlazzjoni, partikularment fir-rigward tat-twaqqif ta’ regoli sabiex tiġi protetta d-data personali tal-konsumaturi u l-penalitajiet applikabbli jekk tali regoli ma jkunux rispettati;

    12.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet ta’ mġiba nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mal-mezzi tax-xandir u mat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jevalwaw l-effikaċja tal-korpi awtoregolatorji nazzjonali;

    13.

    Jenfasizza r-responsabilità fir-rigward tas-soċjetà dovuta għall-impatt u l-portata ta’ riklamar mifrux u mxerred, u jisħaq fuq ir-rwol tal-kumpaniji tar-riklamar fit-trawwim ta’ kultura ta’ sensibilizzazzjoni u responsabilità korporattiva;

    14.

    Iħeġġeġ il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati varji involuti fl-iżviluppi leġiżlattivi;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw b’mezzi xierqa li l-mezzi tax-xandir u l-professjonisti tar-reklamar jiggarantixxu r-rispett għad-dinjità umana u li jopponu x-xbihat direttament jew indirettament diskriminatorji jew sterjotipizzanti jew kull inċitament għall-mibegħda msejsa fuq sess, razza, oriġini etnika, età, twemmin reliġjuż jew xort’ oħra, orjentament sesswali, diżabbiltà u pożizzjoni soċjali;

    16.

    Jitlob lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma implimentawx id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva biex jagħmlu dan immedjatament; jistenna b’interess il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u jenfasizza l-ħtieġa li jitqies l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda (pereżempju t-televixin minn fuq l-internet (IPTV));

    Problemi li jinħolqu minħabba l-iżvilupp tal-Internet u t-teknoloġiji ġodda

    17.

    Jikkundanna l-iżvilupp ta’ riklamar “moħbi” fuq l-internet li mhux kopert mid-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali (relazzjonijiet bejn il-konsumaturi), fil-forma tal-kummenti li jittellgħu fuq netwerks soċjali, forums jew blogs, li l-kontenut tagħhom bilkemm jintagħraf minn dawk li huma sempliċiment opinjoni; iqis li għaldaqstant hemm riskju li l-konsumaturi se jagħmlu deċiżjonijiet ħżiena dovuti għall-fatt li jaħsbu li l-informazzjoni li fuqha huma jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom ġejja minn sorsi oġġettivi; jikkundanna każijiet fejn ċerti operaturi kummerċjali jiffinanzjaw b’mod dirett jew indirett kwalunkwe azzjoni biex jitħeġġeġ it-tixrid ta’ messaġġi jew kummenti li jidhru li jkunu qed joriġinaw mill-konsumaturi nfushom meta fil-verità dawn ikunu messaġġi ta’ natura kummerċjali jew tar-reklamar, u jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali f’dan ir-rigward;

    18.

    Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jħeġġu biex ikun hemm osservaturi/moderaturi tal-forums li jkunu attenti għall-perikli tar-reklamar moħbi, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kampanji tal-informazzjoni mmirati biex iwissu lill-konsumaturi dwar dawn il-forom “moħbija” ta’ reklamar;

    19.

    Jinnota li l-kampanja fil-livell Ewropew kontra r-riklamar moħbi hija ta’ importanza kbira għat-tindif tas-suq u sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur, minħabba li għal xi professjonisti dan huwa mezz li bih jgħawwġu r-regoli tal-kompetizzjoni u artifiċjalment jagħtu valur aktar għoli, mingħajr ma jiswielhom xejn, lill-kumpanija tagħhom jew jagħtu isem ħażin b’mod inġust lil kompetitur;

    20.

    Ileħħen it-tħassib tiegħu dwar l-użu regolari tar-riklamar komportamentali u tal-iżvilupp tal-prattiki ta’ reklamar intrużiv (bħall-qari tal-kontenut tal-emails, l-użu tan-netwerks soċjali u tal-ġeolokalizzazzjoni, u r-riklamar immirat mill-ġdid) li jikkostitwixxu attakki fuq il-privatezza tal-konsumaturi;

    21.

    Jenfasizza r-riskju li jinħoloq meta l-istess kumpanija sservi ta’ fornitur tas-servizz kif ukoll ta’ kumpanija li tbigħ ir-riklamar (għax jikber il-potenzjal li ssir referenza inkroċjata tad-data miġbura matul kull wieħed minn dawn l-attivitajiet); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li livelli differenti ta’ ġbir tad-data jinżammu separati;

    22.

    Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom ikunu infurmati b’mod ċar, li jinqara faċilment u konċiż, dwar l-ipproċessar u użu tad-data dwarhom u jħeġġeġ lil min jirreklama jaħdem biex ikun hemm użu standard ta’ fakultà li permezz tagħha l-konsumatur ikun jista’ jagħżel b’mod faċli jekk ikunx inkluż jew le; jinnota li din id-data personali għandha tinżamm u tintuża biss bl-approvazzjoni espliċita tal-konsumatur;

    23.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumatur jiġi mgħarraf sew meta huwa jaċċetta r-riklami bi skambju għal skontijiet li jirriżultaw minn tekniki ta’ reklamar komportamentali;

    24.

    Jenfasizza l-bżonn li jiġu inkorporati kwestjonijiet ta’ privatezza bħala standard għas-soluzzjonijiet teknoloġiċi tal-ġejjieni li jinvolvu d-data personali; iqis li l-iżviluppaturi ta’ teknoloġija ġdida għandhom, mill-bidu nett tal-proċess ta’ żvilupp, jinkorporaw sigurtà u protezzjoni tad-data b’konformità mal-ogħla standards u b’referenza għal “Privacy by Design” (l-iżvilupp ta’ teknoloġija b’kunċett intrinsiku ta’ privatezza);

    25.

    Jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi varji (leġiżlattivi jew le) u tiżgura l-possibilitajiet tekniċi fil-livell tal-Unjoni Ewropea biex timplimenta b’mod effettiv il-miżuri li ġejjin:

    twettaq studju komprensiv dwar prattiki ta’ riklamar ġodda li jinvolvu komunikazzjoni onlajn jew apparat mobbli; tirrapporta r-riżultati tal-istudju lill-Parlament;

    tipprojbixxi kemm jista’ jkun malajr li b’mod sistematiku u indiskriminat jintbagħtu messaġġi ta’ riklamar fuq it-telefowns ċellulari lill-utenti kollha f’żona ta’ kopertura ta’ riklami permezz tat-teknoloġija Bluetooth mingħajr il-kunsens tagħhom minn qabel;

    tiżgura li t-tekniki ta’ riklamar jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ korrispondenza privata u l-leġiżlazzjoni li tapplika f’dan il-qasam; tipprojbixxi kemm jista’ jkun malajr il-qari tal-kontenut ta’ emails privati minn terzi persuni, partikularment għal skopijiet kummerċjali jew ta’ riklamar;

    teħtieġ kemm jista’ jkun malajr li riklami mqassma bl-emails ikunu jinkludu link awtomatika li tippermetti li wieħed jirrifjuta kwalunkwe riklamar ulterjuri;

    tiżgura kemm jista’ jkun malajr li jiġu applikati tekniki li jippermettu li l-cookies ta’ ttraċċar għal skopijiet ta’ reklamar, li jkunu suġġetti għal kunsens minn qabel, liberu u espliċitu, jintgħarfu minn cookies oħra;

    tiżgura li l-użu ta’ “default settings” fis-sistemi ta’ kompjuters mibjugħa lill-pubbliku u fis-servizzi ta’ netwerking soċjali huwa stabbilit b’mod sistematiku skont l-aktar kriterji stretti tal-protezzjoni tad-data (“privacy by design”);

    tiżviluppa sistema tal-UE ta’ ttikettar tas-siti fuq il-mudell tal-proġett “European Privacy Seal”, li tiċċertifika l-konformità tas-sit mal-liġi tal-ħarsien tad-data; iqis li din l-investigazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni dettaljata tal-impatt u għandha tevita d-duplikazzjoni tas-sistemi eżistenti ta’ tikkettar;

    tagħti attenzjoni partikulari, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tar-riklamar nazzjonali u/jew il-korpi awtoregolatorji, għar-riklamar qarrieqi, inkluż dak onlajn, f’setturi speċifiċi bħalma huwa l-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel, il-farmaċewtiċi u l-kura medika, fejn hemm ċans li, apparti l-interessi ekonomiċi tagħhom, tkun affettwata minn konsegwenzi potenzjalment serji s-saħħa tal-konsumaturi;

    tirrevedi s-sistema ta’ responsabilitià limitata għas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika biex ikun żgurat li l-bejgħ ta’ marki reġistrati bħala kliem sinifikanti għar-riklamar mill-magni tat-tiftix ikun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel tal-proprjetarju tal-marka konċernata;

    Il-ħarsien ta’ gruppi vulnerabbli

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni tħejji analiżi dettaljata tal-impatt tar-riklamar qarrieqi u aggressiv fuq il-konsumaturi vulnerabbli, partikolarment it-tfal u l-adoloxxenti u tiggarantixxi sal-2012 l-applikazzjoni xierqa tal-liġijiet relevanti dwar il-protezzjoni tat-tfal u l-adoloxxenti;

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq bi prijorità studju ddettaljat dwar l-effetti soċjopsikoloġiċi preċiżi tar-reklamar minħabba t-tekniki rfinati l-ġodda li qed jintużaw;

    28.

    Jenfasizza li t-tfal u l-adoloxxenti huma kategoriji ta’ nies speċjalment vulnerabbli minħabba li huma aktar riċettivi u kurjużi, għandhom nuqqas ta’ maturità, rieda libera limitata u potenzjal kbir li jiġu influwenzati, speċjalment permezz tal-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni u teknoloġiji ġodda;

    29.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu protezzjoni akbar għall-konsumaturi vulnerabbli, bħalma huma t-tfal, sabiex jinkoraġġixxu l-midja jillimitaw ir-riklamar fuq it-televiżjoni indirizzat għat-tfal matul il-programmi segwiti partikularment mit-tfal (bħalma huma programmi edukattivi, cartoons, eċċ), ladarba miżuri simili diġà qed jiġu implimentati f’xi Stati Membri;

    30.

    Jitlob li l-oqsma kollha ta’ interess speċifiku għat-tfal ma jintużawx għal riklamar immirat;

    31.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-vulnerabilità tal-konsumaturi għall-mimetiżmu, li jista’ jwassal għal attitudnijiet komportamentali inapproprijati, vjolenza, tensjonijiet, diżappunti, ansjetà, vizzji dannużi (tipjip, teħid ta’ drogi), diżordnijiet alimentari bħalma huma l-anorexia nervosa u l-bulimija, u disturbi tal-ekwilibriju mentali; jistieden lill-aġenziji tar-reklamar u lill-professjonisti tal-mezzi tax-xandir jikkunsidraw mill-ġdid il-promozzjoni tal-mudelli estremament magħluba (irġiel jew nisa) ħalli jevitaw li jagħtu messaġġi dannużi dwar id-dehra, l-imperfezzjonijiet fil-ġisem, l-età u l-piż, filwaqt li jitqiesu l-influwenza u l-impatt tar-reklamar fuq it-tfal u ż-żgħażagħ;

    Il-garanzija tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dinjità umana fir-reklamar

    32.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi xierqa biex jiżguraw li l-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar jiggarantixxu r-rispett għad-dinjità umana, mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi, ir-reliġjon, il-kundanni, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali;

    33.

    Huwa tal-fehma li r-reklamar jista’ jkun għodda effiċjenti fit-tnissil tad-dubju fl-isterjotipi u l-konfrontazzjoni tagħhom, u bħala lieva kontra r-razziżmu, is-sessiżmu u d-diskriminazzjoni, li huma tant essenzjali fis-soċjetajiet multikulturali tal-lum il-ġurnata; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-professjonijisti tar-reklamar isaħħu l-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni b’mod li jintgħelbu l-isterjotipi, tkun ikkumbattuta d-diskriminazzjoni u promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-aktar minn età żgħira; iħeġġeġ lill-Istati Membri b’mod partikolari jintroduċu u jiżviluppaw kooperazzjoni mill-qrib mal-iskejjel eżistenti ta’ kummerċjalizzazzjoni, komunikazzjoni u reklamar, ħalli jgħinuhom jagħtu taħriġ tajjeb għall-forza tax-xogħol futura tas-settur;

    34.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi r-riċerka komparattiva u d-dokumentazzjoni fost l-Istati Membri dwar ix-xbiha tal-mara li qed tiġi pprojettata mill-kontenut tar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni, li tkun tidentifika l-prattiki tajbin għal reklamar effikaċi u favur l-ugwaljanza bejn is-sessi;

    35.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonsolidaw ir-rwol u jinkuraġġixxu l-konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-utenti u/jew tal-konsumaturi li huma responsabbli mill-evalwazzjoni tal-impatt tar-reklamar fuq il-perspettivi dwar is-sessi u oħrajn;

    36.

    Jisħaq fuq il-fatt li r-reklamar bosta drabi jikkomunika messaġġi diskriminatorji u/jew nieqsa mid-dinjità msejsin fuq il-forom kollha ta’ sterjotipar sesswali li jxekklu l-istrateġiji għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-soċjetà ċivili u lill-korpi tal-awtoregolamentazzjoni tar-reklamar jikkooperaw mill-qrib biex jissieltu kontra tali prattiki, b’mod speċjali billi jużaw għodod effikaċi li jiggarantixxu r-rispett lejn id-dinjità umana u dak li hu xieraq min-naħa tal-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar;

    37.

    Jisħaq fuq il-fatt li, ladarba r-reklamar tal-prodotti għall-konsumatur huwa assoċjat direttament mal-istampa, mal-mezzi tax-xandir tar-radju u dawk televiżivi, li minnhom jagħmel parti inseparabbli, u indirettament mal-industrija ċinematografika u mas-sensiliet televiżivi fil-forma ta’ tqegħid tal-prodotti, jista’ jkun li r-reklamar affidabbli u l-promozzjoni ta’ mudelli pożittivi jista’ jkollhom influwenza tajba fuq il-perċezzjoni li jkollha s-soċjetà tal-kwestjonijiet bħalma huma r-rwoli tas-sessi, u x-xbiha tal-ġisem uman u n-normalità; jinkoraġġixxi f’kulmin jirreklama aktar kostruttività fir-reklami, ħalli jkun promoss rwol pożittiv għan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, fuq ix-xogħol, fil-familja u fil-ħajja pubblika;

    Edukazzjoni/informazzjoni għall-partijiet interessati differenti

    38.

    Jenfasizza kemm hi essenzjali t-trasparenza u l-informazzjoni tal-konsumatur fir-riklamar u l-ħtieġa li l-konsumaturi jiżviluppaw approċċ kritiku lejn il-midja rigward il-kwalità tal-kontenut;

    39.

    Jitlob lill-Kummissjoni:

    tinkludi, fit-tabelli tas-swieq tal-konsumaturi, xi indikaturi addizzjonali relatati mar-riklamar (kif ukoll id-data li diġà hija inkluża dwar ir-riklamar qarrieqi u falz); jiġbed l-attenzjoni, madankollu, f’dan ir-rigward għat-termini tar-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2010 (13) li tistipula li ż-żieda ta’ aktar indikaturi tista’ tkun utli meta l-ħames indikaturi bażiċi u l-metodoloġija assoċjata jkunu ġew żviluppati għal livell għoli biżżejjed;

    tfassal kampanji ta’ tagħrif dwar id-drittijiet tal-konsumaturi fil-qasam tar-riklamar, b’mod partikolari rigward l-użu li jsir mid-data personali tagħhom, u tiżviluppa għodda pedagoġiċi li jinfurmawhom dwar it-tekniki ta’ ħarsien tal-ħajja privata tagħhom fuq l-Internet u dak li jistgħu jagħmlu sabiex iwaqqfu kwalunkwe sitwazzjoni li tnaqqas mill-privatezza jew id-dinjità tagħhom;

    tiżviluppa programm edukattiv tal-UE, imfassal biex jgħallem lit-tfal joqogħdu attenti mir-riklamar, fuq il-mudell tal-inizjattiva tar-Renju Unit “Media Smart”;

    teħtieġ kemm jista’ jkun malajr id-dħul ta’ kliem li jista’ jinqara b’mod ċar “riklam komportamentali” fir-reklamar onlajn relevanti, kif ukoll window li tiġbor fiha l-ispjegazzjoni bażika ta’ din il-prattika;

    40.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi abbozz ta’ linji gwida komuni għall-SMEs u għall-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet nazzjonali u/jew korpi awtoregolatorji jipprovdu servizzi ta’ konsultazzjoni għall-SMEs u imexxu kampanji ta’ tagħrif biex titqajjem kuxjenza fost l-SMEs dwar l-obbligi legali tagħhom fil-qasam tar-riklamar;

    *

    * *

    41.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

    (2)  ĠU L 376 27.12.2006, p. 21.

    (3)  ĠU L 95 15.4.2010, p. 1.

    (4)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

    (5)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (6)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

    (7)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

    (8)  Testi adottati, P7_TA(2010)0046.

    (9)  Testi adottati, P7_TA(2010)0051.

    (10)  ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 26.

    (11)  ĠU C 16 E, 22.2.2010, p. 5.

    (12)  ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 43.

    (13)  Testi adottati, P7_TA(2010)0051.


    Top