EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XE1676

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tibdil fil-klima fl-okkażjoni tal-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti Kopenħagen, 7 – 18 ta’ Diċembru 2009 ”

ĠU C 128, 18.5.2010, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/1


L-457 SESSJONI PLENARJA FL-4 U L-5 TA’ NOVEMBRU 2009

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tibdil fil-klima fl-okkażjoni tal-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti Kopenħagen, 7 – 18 ta’ Diċembru 2009”

(2010/C 128/01)

Waqt is-sessjoni plenarja li nżamment fl-4/5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din ir-riżoluzzjoni b’156 vot favur, żewġ voti kontra u ħames astensjonijiet.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, filwaqt li jaġixxi bħala r-rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell tal-Unjoni Ewropea, japprova l-messaġġ li ġej indirizzat lill-Gvernijiet, il-mexxejja, in-negozjaturi u partijiet oħra involuti fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima f’Kopenħagen u fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki dwar it-tibdil fil-klima:

“It-tibdil fil-klima diġà qed ikollu impatti negattivi u possibbilment irriversibbli f’ħafna partijiet tad-dinja. Dawn il-problemi jistgħu biss jiħraxu fis-snin li ġejjin jekk il-gassijiet b’effett ta’ serra jkomplu jakkumulaw fl-atmosfera bir-rata attwali. L-analiżi xjentifika tal-IPCC u sorsi awtoritattivi oħrajn juru biċ-ċar li l-pajjiżi żviluppati ser ikollhom inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tagħhom b’iktar minn 80 % sal-2050 jekk iż-żjidiet fit-temperatura ser jinżammu fuq livelli siguri. Sabiex id-dinja taqbad it-triq, b’mod realistiku, lejn it-twettiq ta’ dan it-tnaqqis, ser ikun hemm bżonn ta’ tnaqqis ta’ 25–40 % sal-2020, u sforzi sinifikanti minn pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw.

Il-konferenza li se ssir f’Kopenħagen hija ta’ importanza kritika. Is-suċċess tagħha jista’ jitfa’ d-dinja fuq it-triq lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-snin li ġejjin, u l-istabbilizzar taż-żjiediet fit-temperatura għal livelli fattibbli. Jekk il-konferenza ma tilħaqx il-miri tagħha, id-dinja tista’ taqbad triq dejjem iktar perikoluża lejn żjiediet iktar drastiċi fit-temperatura u d-diżastri umani u ekoloġiċi li din iġġib magħha.

1.   F’dan il-mument kritiku l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew isejjaħ lill-gvernijiet, il-mexxejja u n-negozjaturi biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jaslu għal ftehim universali u vinkolanti li jgħaqqad il-pajjiżi u l-popli tagħhom fi sforz komuni biex inaqqsu l-livell tal-emissjonijiet fis-snin li ġejjin u biex jissalvagwardjaw l-ambjent dinji li aħna u l-ġenerazzjonijiet futuri ngħixu fih.

2.   L-Unjoni Ewropea offriet li timpenja ruħha għal tnaqqis ta’ 30 % sal-2020 jekk pajjiżi oħrajn jagħmlu sforzi kumparabbli. L-Ewropa ripetutament sejħet għal livelli ta’ impenn kumparabbli mill-pajjiżi żviluppati l-oħrajn, u għal sforzi sinifikanti wkoll mill-ekonomiji emerġenti li b’rata mgħaġġla qed jilħqu jew jgħaddu d-dinja żviluppata bħala l-ikbar kaġun ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Inħeġġu li l-pożizzjoni tinżamm b’mod riżolut.

3.   Ninsabu mħassbin ħafna dwar il-falliment tan-negozjati s’issa biex isir il-progress kruċjali meħtieġ. Jiżviluppaw kif jiżviluppaw l-istadji finali tan-negozjati, inħeġġu lill-Unjoni Ewropea biex ma taqax għat-tentazzjoni biex tuża l-falliment biex tikseb appoġġ suffiċjenti minn oħrajn bħala skuża biex tnaqqas l-ambizzjonijiet tagħha stess, jew biex tnaqqas l-impenn tagħha għal kwalunkwe konklużjoni li tissodisfa l-inqas denominatur komuni f’Kopenħagen. Dak ikun ta’ ħsara kemm għall-Ewropa kif ukoll għad-dinja. Anke jekk għad m’hemmx kunsens universali fil-livell Ewropew dwar l-ambizzjoni f’Kopenħagen, inħeġġu lill-Unjoni Ewropea żżomm il-livell tagħha ta’ impenn u tfittex biex tibni koalizzjoni b’saħħitha ta’ nazzjonijiet oħrajn żviluppati u li qed jiżviluppaw li huma lesti jimpenjaw ruħhom għal livelli ta’ ambizzjoni kumparabbli, u biex jimplimentaw il-miżuri neċessarji biex jilħqu dan l-għan.

4.   Għandna nkomplu nagħmlu progress fit-trasformazzjonijiet industrijali u soċjali meħtieġa biex nilħqu l-objettivi ta’ tnaqqis ta’ 30 % sal-2020 bħala parti ċentrali tat-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea għal mudell ġdid ekoeffiċjenti u sostenibbli b’użu baxx tal-karbonju. Jeħtieġ li jsir sforz mingħajr preċedenti ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tal-enerġija, sabiex jinħolqu alternattivi teknoloġiċi kredibbli għaċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi. Il-kriżi ekoloġika ma tistax tinfired iktar mill-kriżi soċjali fil-livell ta’ azzjoni politika. Dan għandu jwassal għat-tfassil ta’ mudell ġdid ta’ produzzjoni u konsum. Għandna nħarsu lejn din it-trasformazzjoni mhux bħala piż iżda bħala sfida biex noħolqu ġenerazzjoni ġdida ta’ innovazzjoni teknoloġika u soċjali li tkun l-aqwa garanzija ta’ impjiegi sostenibbli, vantaġġ kompetittiv u benesseri soċjali fil-ġejjieni. Inħeġġu li dan l-objettiv jitqiegħed fil-qalba tal-istrateġija l-ġdida għall-2020 għall-Unjoni Ewropea li għandha tintegra l-objettivi prinċipali tal-istrateġiji attwali għall-iżvilupp sostenibbli, għat-tkabbir sostenibbli u għall-klima u l-enerġija.

5.   Pajjiżi oħrajn li qed jiżviluppaw, u b’mod partikulari dawk il-pajjiżi l-inqas żviluppati, qed isibu ruħhom f’qagħda kritika minħabba l-evoluzzjoni tat-tibdil fil-klima. F’ħafna każi, filwaqt li huma l-inqas ħatja għat-tibdil fil-klima, l-ifqar pajjiżi li qed jiżviluppaw huma fost dawk affettwati l-iktar. Biex il-konferenza ta’ Kopenħagen tkun suċċess id-dinja żviluppata trid tressaq wegħdiet sodi ta’ sorsi sostanzjali ġodda u addizzjonali ta’ finanzjament biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-problemi ewlenin tagħhom ta’ adattament u biex jgħinuhom jimplimentaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni tagħhom stess.

Dan l-aħħar, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti sinifikanti dwar il-livelli ta’ appoġġ li l-Ewropa għandha tipprovdi għal din is-sħubija u kif għandha tiġi amministrata. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Unjoni tipproċedi malajr sal-punt fejn dawn il-proposti jistgħu jitressqu bħala offerta soda fin-negozjati, u jistgħu jintużaw bħala lieva biex jistimolaw offerti kumparabbli minn pajjiżi żviluppati oħrajn.

6.   Is-soċjetà ċivili kollha kemm hi qed tiġi affettwata mit-tibdil fil-klima. In-negozji, it-trade unions, organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili kollha kemm huma ser ikollhom bżonn jinvolvu ruħhom fl-isforzi kollha kemm biex tnaqqas it-tibdil fil-klima kif ukoll biex tadatta għalih. Bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata nafu li n-nies madwar l-Ewropa qed isiru iktar sensibilizzati dwar il-kobor tal-isfida, u rieda dejjem ikbar biex niffaċċjaw il-bidliet li ser ikollna nagħmlu fit-tendenzi tal- produzzjoni u l-konsum tagħna u l-mod kif ngħixu. Inħeġġu lill-mexxejja u n-negozjaturi tagħna biex ikunu riżoluti huma u jiggwidawna ’l quddiem fuq din it-triq. M’hemmx lok biex nerġgħu lura.”

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


Top