This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009XC0821(06)
Publication of an application pursuant to Article 6(2) of Council Regulation (EC) No 510/2006 on the protection of geographical indications and designations of origin for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
ĠU C 197, 21.8.2009, p. 14–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.8.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 197/14 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2009/C 197/09
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.
SINTEŻI
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“COLLINE PONTINE”
Nru tal-KE: IT-PDO-0005-0499-28.09.2005
DPO ( X ) IĠP ( )
Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'finijiet informattivi.
1. Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:
Isem: |
Ministero delle Politiche Agricole e Forestali |
|||
Indirizz: |
|
|||
Tel. |
+39 0646655104 |
|||
Feks |
+39 0646655306 |
|||
posta elettronika: |
saco7@politicheagricole.it |
2. Grupp:
Isem: |
Associazione Provinciale Produttori Olivicoli di Latina |
|||
Indirizz: |
|
|||
Tel. |
+39 0773668957 |
|||
Feks |
+39 0773668957 |
|||
posta elettronika: |
aspollatina@libero.it |
|||
Kompożizzjoni: |
Produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( ) |
3. Tip ta' prodott:
Klassi 1.5. - |
Żjut u xaħam - żejt taż-żebbuġa ekstraverġni |
4. Speċifikazzjoni:
(sinteżi tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
4.1. Isem:
“Colline Pontine”
4.2. Deskrizzjoni:
Żejt taż-żebbuġa ekstraverġni bil-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi li ġejjin:
|
EVALWAZZJONI KIMIKA – FIŻIKA
|
|
PROFIL ORGANOLETTIKU: kulur li jvarja minn aħdar skur għal isfar b'riflessi dehbin; Il-kulur huwa relatat mal-perjodu tal-ħsad taż-żebbuġ tal-kultivar Itrana, li, bis-saħħa ta' sajran “gradwali”, jista' jibda f'Novembru u jibqa' sejjer sal-31 ta' Jannar tas-sena ta' wara. Din il-karatteristika tal-varjetà, tippermetti li l-produtturi u l-proċessuri taż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni “Colline Pontine” jipprogrammaw il-ħsad taż-żebbuġ skont fatturi differenti tal-istaġuni (il-kundizzjonijiet klimatiċi, il-kwantità tal-produzzjoni fl-imsaġar taż-żebbuġ). Iż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni “Colline Pontine” għandu riħa tipika tal-frott taż-żebbuġ l-aħdar li tvarja minn medja għal intensa, iħalli togħma ta' lewż u b'nota karatteristika ta' ħwawar ifuħu; ir-riħa tipika hija tat-tadam (aħdar) li tista' tvarja minn ftit sa medjament morra u pikkanti.
|
Iż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni “Colline Pontine” DPO għandu jiġi prodott mill-varjetajiet ta' żebbuġ li ġejjin:
— |
“Itrana” minn 50 % sa 100 %, |
— |
“Frantoio” u “Leccino”, sa 50 %, |
— |
Varjetajiet oħra, sa massimu ta' 10 %. |
4.3. Żona ġeografika:
Iż-żona tal-produzzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Colline Pontine” tkopri t-territorju amministrattiv ta' wħud mill-muniċipalitajiet tal-provinċja tal-Latina fir-Reġjun tal-Lazio u preċiżament:
Aprilia, Bassiano, Campodimele, Castelforte, Cisterna di Latina, Cori, Fondi, Formia, Itri, Lenola, Maenza, Minturno, Monte San Biagio, Norma, Priverno, Prossedi, Roccagorga, Rocca Massima, Roccasecca dei Volsci, Santi Cosma u Damiano, Sermoneta, Sezze, Sonnino, Spigno Saturnia, Terracina.
4.4. Prova tal-oriġini:
Kull fażi tal-proċess produttiv għandha tiġi mmonitorjata billi jiġu ddokumentati għal kull waħda mill-fażijiet, il-prodotti li jidħlu u dawk li joħorġu. B'dan il-mod, u permezz tar-reġistrazzjoni f'listi apposta, ġestiti mill-korp tal-kontroll, tal-ħbula tal-art katastali fejn isir it-tkabbir, tal-produtturi taż-żebbuġ, tat-taħħana taż-żebbuġ u ta' dawk li jibbottiljaw iż-żejt, kif ukoll permezz tan-notifika lill-korp tal-kontroll tal-kwantitajiet prodotti, it-traċċabbiltà tal-prodott hija ggarantita. Il-persuni kollha, fiżiċi u ġuridiċi, imniżżla fil-listi relatati, se jkunu soġġetti għall-kontroll mill-korp tal-kontroll, skont kif previst mill-ispeċifikazzjoni u mill-korpi tal-kontroll relatati.
4.5. Metodu ta' produzzjoni:
L-ispeċifikazzjoni tipprevedi fost l-oħrajn li għall-ġestjoni tal-ħamrija, is-superfiċje tinħarat permezz tal-makkinarju u dan jirriżulta utli wkoll għall-kontroll tal-ħaxix ħażin. Hija permessa wkoll il-prattika tal-kisi bil-ħaxix. It-tneħħija tal-ħaxix ħażin permezz ta' sustanzi kimiċi hija permessa. Il-protezzjoni tas-saħħa tal-pjanti għandha titwettaq skont il-metodu tal-qerda kkontrollata tal-pesti bil-għan li jitnaqqsu kemm jista' jkun jew jiġu eliminati r-residwi tal-prodotti kontra l-parassiti fuq iż-żebbuġ. Il-produzzjoni ma tistax taqbeż 100 kg għal kull xitla taż-żebbuġ. Il-ħsad taż-żebbuġ għandu jsir bl-idejn jew b'makkinarju sakemm waqt it-tħaddim jiġi evitat li l-frotta titħalla fuq il-ħamrija. F'kull każ għandhom jintużaw ix-xbieki, u huwa pprojbit li jinġabar iż-żebbuġ li jkun waqa′ mal-art. Il-ħsad isir mill-bidu tas-sajran u jintemm sal-31 ta' Jannar. L-użu ta' prodotti kimiċi li jikkawżaw it-twaqqigħ tal-frott u li jħaffu dan il-proċess huwa pprojbit. Għat-trasport taż-żebbuġ għandhom jintużaw reċipjenti mtaqqbin u li jistgħu jinħaslu. L-użu ta' reċipjenti tal-azzar li ma jissaddadx jew ta' materjali oħra li jistgħu jinħaslu u li jkunu għall-użu tal-ikel huwa permess, sakemm iż-żebbuġ f'dawn ir-reċipjenti jiġi pproċessat dakinhar stess. F'kull każ iż-żebbuġ għandu jintaħan fi żmien 48 siegħa mill-ħsad. L-użu ta' koaddittivi kimiċi u/jew bijoloġiċi u ta' koaddittivi mekkaniċi (talkum) assolutament mhuwiex permess, għalhekk għall-estrazzjoni taż-żejt huma permessi biss proċessi mekkaniċi u fiżiċi li jipproduċu żejt li jirrappreżenta b'mod l-aktar leali possibbli l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. Iż-żebbuġ għandu jitneħħielu l-weraq u jinħasel biex jiġu eliminati residwi possibbli tal-prodotti kontra l-parassiti jew ta' sustanzi oħra mhux mixtieqa. Sabiex jiġi estratt iż-żejt, huma permessi biss proċessi mekkaniċi jew atti fiżiċi biex jiġu prodotti żjut li jkollhom il-karatteristiċi partikolari oriġinali tal-frott. L-għasir tal-pejst taż-żebbuġ għandu jsir f'temperatura massima ta' 33 °C u ma jdumx aktar minn 50 minuta. Il-metodu ta' pproċessar magħruf man-nomadi bħala “ripasso” mhuwiex permess. Huwa pprojbit ukoll li wieħed jirrikorri għal prodotti b'azzjoni kimika jew bijoloġika u l-użu tat-talkum tul il-proċess tal-estrazzjoni. Il-produzzjoni taż-żejt ma tistax tkun aktar minn 27 % tal-piż taż-żebbuġ. Il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni bid-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Colline Pontine” permezz ta' metodu bijoloġiku huwa permess. Ir-reċipjenti li fihom jitqiegħed iż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni bid-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Colline Pontine” sabiex jitqiegħed fis-suq għandhom ikunu tal-ħġieġ skur, ċeramika jew folja metallika li ma tissaddadx magħmula skont kif inhu speċifikat fil-liġi u bit-tikketta kif deskritt aktar ′il quddiem, u ma jesgħux iktar minn 5 litri. L-ippakkjar f'pakketti ta' doża waħda magħmula minn folja metallika tal-aluminju u materjali sintetiċi adattati approvati bil-liġi, li jesgħu 10 ml, huwa permess, soġġett għar-regolamenti li hemm fis-seħħ, u fuqhom għandu jkun hemm numru tas-serje mogħti mill-korp tal-kontroll. It-tkabbir taż-żebbuġ, kif ukoll l-estrazzjoni, u l-ibbottiljar taż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni bid-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Colline Pontine” għandhom isiru fi ħdan iż-żona ta' produzzjoni msemmija fil-punt 4.3 preċedenti, sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' deterjorament u tnaqqis tal-kwalità organolettika bejn il-fażijiet tal-estrazzjoni, il-ħżin u ċ-ċertifikazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni “Colline Pontine”; ir-riskji ta' deterjorament kwalitattiv tal-prodott ipprovokat possibbilment minn esponiment għad-dawl, is-sħana u l-ossiġnu fl-arja, jiżdiedu b'mod notevoli meta l-prodott jiġi ttrasportat ′il barra miż-żona tal-produzzjoni.
4.6. Rabta:
Iż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni “Colline Pontine” bid-denominazzjoni protetta tal-oriġini għandu pekuljaritajiet u proprjetajiet tipiċi, li ġejjin mit-territorju u, speċjalment mill-kultivar “Itrana”, li mkien aktar mhuwa mxerred b'mod daqshekk intens u li minħabba t-tkabbir fiż-żoni msemmija fil-punt 4.3 jakkwista karatteristiċi kwalitattivi partikolari, u liż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni “Colline Pontine” jagħtih togħma organolettika “notevoli” u “partikolari”.
Iż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni “Colline Pontine” jista' jiġi kklassifikat bħala “armonjuż” minħabba sinerġija eċċezzjonali favorevoli mhux biss fil-klassifikazzjoni iżda wkoll minħabba l-omoġeneità tal-karatteristiċi tiegħu, li jagħmlu lil dan iż-żejt wieħed li jintlaqa′ tajjeb minn għażla wiesgħa ta' konsumaturi.
Fiż-żona tal-produzzjoni msemmija fil-punt 4.3, il-ħamrija ġeneralment tkun magħmula minn ġebla tal-franka, fil-parti l-kbira tagħha kompatta, li ġeoloġikament tkun ġejja mill-kretaċew tan-naħa ta' fuq; din it-tip ta' ħamrija, li spiss ikollha saff ta' tkabbir dgħajjef, hija permeabbli ħafna u tkun niexfa għal perjodu ta' żmien twil matul is-sena. Il-klima, tat-tip Mediterran, fix-xitwa hija kkaratterizzata minn temperaturi li ma jkunux ħorox li rari jinżlu taħt iż-żero. Il-produzzjoni taż-żebbuġ tiddomina fiż-żona tal-għoljiet fil-provinċja ta' Pontina, f'medda kważi kontinwa li mit-territorju ta' Rocca Massima u Cori testendi lejn il-Lbiċ sal-muniċipalitajiet ta' Minturno u Castelforte, sal-konfini tal-provinċja Naplitana.
Il-varjetà taż-żebbuġa Itrana, magħrufa wkoll bħala Oliva di Gaeta, Trana, Oliva Grossa u Cicerone tippredomina b'mod assolut fiż-żona ta' produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni “Colline Pontine”, għaliex waħedha tirrappreżenta 70 % tax-xtieli mkabbra; teżisti rabta partikolari u oriġinali bejn il-varjetà Itrana u t-territorju msemmi fil-punt 4.3, is-sinonimu Oliva di Gaeta jindika l-oriġini l-iżjed antika tat-tkabbir ta' din il-varjetà, li mbagħad ixxerdet mit-territorju ta' Gaeta, Itri u Formia sal-Istat Papali ta' Ruma, u eventwalment għaż-żona kollha għoljiet u muntanji tal-provinċja ta' Pontina. It-tixrid kostanti tal-kultivar Itrana fit-territorju, għalhekk, huwa r-riżultat ta' sekli ta' tkabbir taż-żebbuġ; minħabba li parti mill-prodott (Oliva di Gaeta) intużat u ilha apprezzata tul sekli twal mal-ikel, l-Itrana huwa kklassifikat ukoll bħala żebbuġ għall-ikel; fir-realtà mil-lat agronomiku, l-aktar minħabba s-sajran gradwali taż-żebbuġ, il-ħsad isir tard ħafna.
Il-ħamrija, il-pożizzjoni l-aktar prevalenti tal-imsaġar, il-klima u l-kompożizzjoni relatata mal-varjetajiet jikkontribwixxu sabiex jiddefinixxu l-karatteristika ewlenija taż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni “Colline Pontine”, l-ekwilibriju u l-armonija; il-varjetà Itrana, fil-fatt, meta titkabbar f'żoni oħra ta' produzzjoni Taljani, tagħti prodott fejn il-kompożizzjoni aċiduża u l-kwantità ta' polifenoli u l-karatteristiċi relatati ta' togħma morra u pikkanti jinbidlu, kif ġie kkonfermat ukoll mill-istudji reċenti li twettqu fir-Reġjun ta' Lazio, Arsial Lazio, I.S.O.L. – Istituto Sperimentale per l’Olivicoltura Sez. di Spoleto u l’Università degli Studi di Roma “La Sapienza” taħt il-Programm Reġjonali għat-titjib tal-kwalità oleika, iffinanzjat mill-UE. – L-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 2407/2001.
Iż-żejt taż-żebbuġa ekstraverġni “Colline Pontine”, għandu togħma ta' ħwawar u frott li tvarja fl-intensità, u togħma bilanċjata ta' doża tajba ta' morr u pikkanti kif ukoll ir-riħa unika tat-“Tadam Aħdar”, li ma ssibhomx f'territorji oħra, fil-qrib jew imbiegħda.
Dawn il-karatteristiċi ġew rikonoxxuti minn ħafna premji importanti nazzjonali u internazzjonali ta' kwalità, sa mill-1872, kif ukoll mill-ħafna dokumentazzjoni storika li teżisti u mill-kundizzjonijiet pedoklimatiċi u l-varjetajiet li jagħmluh uniku minħabba l-armonija tal-karatteristiċi organolettiċi. Fil-provinċja ta' Pontina, u speċjalment fl-imsaġar taż-żebbuġ fil-medda tal-għoljiet li jinsabu fil-bażi tal-muntanji, fejn tinsab iż-żona tal-produzzjoni, il-produzzjoni taż-żebbuġ tant hija marbuta mal-istruttura soċjali li tul sekli sħaħ ikkondizzjonat l-iżvilupp tat-territorju u konsegwentement ħajjet il-popolazzjonijiet tul iż-żmien, u influwenzat ukoll l-ekonomija taż-żona, li hija bbażata kważi b'mod esklussiv fuq il-produzzjoni taż-żebbuġ. Il-klima mhijiex ħarxa u hija favorevoli għall-pjanta taż-żebbuġ, il-ħamrija fi ħdan il-limiti taż-żona tal-produzzjoni hija tal-muntanji jew ġejja mill-għoljiet li jinsabu fil-bażi tal-muntanji u l-ħamrija hija dik bi struttura li tvarja minn ġeblija għal ċagħkija jew maħduma jiġifieri mhux magħquda, u għandha bħala sfond is-sistema orografika tal-muntanji: Lepini, Ausoni u Aurunci. L-art tinsab fid-direzzjoni tan-Nofsinhar il-Lbiċ (SSW) u faċċata tal-baħar. Is-sistema orografika fil-fatt tikkonsisti minn pjattaforma inklinata lejn il-baħar tul 100 km, u għalhekk dan huwa wieħed mit-territorji l-aktar vasti fl-Italja f'dak li għandu x'jaqsam ma' omoġeneità u kundizzjonijiet ġeografiċi L-imsaġar taż-żebbuġ huma kkaratterizzati tul sekli sħaħ mill-preżenza qawwija tal-varjetà “Itrana”, li nxterdet fil-Lazio, iżda t-tixrid kien tal-akbar importanza fil-Latina (fl-imsaġar taż-żebbuġ tal-muniċipalitajiet ta' Sonnino, l-Itri jirrappreżenta 90 % tal-patrimonju tax-xtieli eżistenti). Is-siġar jiżviluppaw tajjeb minkejja l-fatt li l-ambjent pedoloġiku mhux daqshekk favorevoli minħabba l-ħafna diżlivelli.
L-istat tal-Knisja, minbarra li kien iddedikat għall-kwistjoni tal-bassasiet, kien jagħti, permezz ta' editt, li sal-lum jinsab ippreservat fl-arkivji storiċi ta'Latina, premju ta' 10 skudi għal kull 100 xitla taż-żebbuġ li jitħawwlu, għalhekk fl-1786 issaġġru 48 901 ettaru ta' siġar taż-żebbuġ. Anke r-reġistru tal-artijiet tat-XVIII-il seklu jikkonferma t-tixrid importanti tal-produzzjoni taż-żebbuġ. L-Istat Taljan, lill-produzzjoni taż-żebbuġ lokali, dejjem taha importanza u filwaqt li ħarisha mit-taqlib kummerċjali ħa ħsieb li l-prodott jipparteċipa f'diversi fieri. Tul il-perjodu tar-reklamazzjoni tal-artijiet iż-żejt prodott fiż-żona baqa′ jingħata l-importanza permezz tal-parteċipazzjoni f'diversi avvenimenti ta' fieri internazzjonali, filwaqt li matul il-perjodu ta' awtosuffiċjenza ekonomika, minkejja n-nuqqas ta' kummerċ internazzjonali, twaqqfet ukoll politika ta' investiment fil-produzzjoni taż-żebbuġ, skont it-tekniki l-aktar avvanzati mxerrda mill-Cattedre, l-esperti agrikoli peripatetiċi tal-agrikoltura ta' dak iż-żmien.
4.7. Korp tal-kontroll:
Il-korp tal-kontroll li nħatar huwa korp privat:
Isem: |
3A-PTA |
|||
Indirizz: |
|
|||
Tel. |
+39 07589572224 |
|||
Feks |
+39 0758957257 |
|||
posta elettronika: |
certificazione@parco3a.org |
|||
Sito Web |
http://www.parco3a.org |
4.8. Tikkettar:
Ir-reċipjenti kollha għandu jkollhom sistema ta' għeluq li titlef l-integrità tagħha wara l-ewwel użu, l-isem tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Colline Pontine” għandu jidher miktub b'ittri kapitali indelibbli, bl-użu ta' kuluri li jagħmlu kuntrast qawwi meta mqabbla ma' dawk tat-tikketta u b'tali mod li jkunu distinti sew mill-indikazzjonijiet kollha li jidhru fuq it-tikketta stess. It-tikketta għandu jkollha miktub “Colline Pontine” b'ittri ikbar mill-ittri l-oħra kollha użati fuq it-tikketta ta' quddiem kif ukoll dik ta' wara. Id-“denominazzjoni protetta tal-oriġini DPO”, trid tkun tidher eżatt taħt l-isem ġeografiku “Colline Pontine” u bl-użu ta' ittri tal-istess daqs li jkunu ntużaw għal dak l-isem. Huwa permess l-użu onest ta' ismijiet, ismijiet tal-azjendi, ditti privati sakemm dawn ma jkollhomx sinifikat ta' tfaħħir u ma jkunux tali li jingannaw il-konsumaturi. L-użu tal-ismijiet ta' azjendi, irziezet, farms u taż-żoni ġeografiċi tagħhom, kif ukoll li ssir referenza għall-ippakkjar fl-azjenda jew fl-assoċjazzjoni ta' azjendi jew fil-kumpanija tat-tkabbir taż-żebbuġ li jinsabu fiż-żona ta' produzzjoni, huma permessi biss jekk il-prodott ikun ġie esklussivament minn żebbuġ maħsud mill-imsaġar taż-żebbuġ li jagħmlu parti mill-azjenda partikolari. Huwa obbligatorju li fuq quddiem tat-tikketta tiġi indikata s-sena tal-produzzjoni taż-żebbuġ. Huwa permess li ssir referenza għaż-żejt li jiġi prodott b'metodu bijoloġiku. Il-logo tad-denominazzjoni “Colline Pontine”, li l-karatteristiċi u l-indiċi kolorimetriċi tiegħu ġew deskritti fid-dettall fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, juri tliet kolonni Doriċi sofor u zokk taż-żebbuġa aħdar fil-griż ′il fuq minnhom ikbar mill-kolonni, fuq sfond ta' għoljiet imdawwra bid-denominazzjoni “COLLINE PONTINE”. Is-simboloġija tirreferi għaċ-Ċiviltà pre-Romana u għas-sekwenza tat-tliet sistemi muntanjużi Lepini, Ausoni u Aurunci. Il-logo jista' jkun separat mit-tikketta sakemm ikun fuq l-istess naħa tat-tikketta.