Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IE1719

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “l-Universitajiet għall-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 128, 18.5.2010, p. 48–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 128/48


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “l-Universitajiet għall-Ewropa”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2010/C 128/09)

    Relatur Ġenerali: is-Sur VAN IERSEL

    Nhar il-5 ta’ Marzu 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    l-Universitajiet għall-Ewropa.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (l-Osservatorju tal-Istrateġija ta’ Lisbona) ingħatat struzzjonijiet sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

    Minħabba n-natura tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru) li jaħtar lis-Sur Osborn bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’158 vot favur, 8 voti kontra u 12-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.   Fil-fehma tal-KESE, l-universitajiet jaqdu rwol essenzjali fit-trijangolu tal-għarfien: l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni. Dawn għandhom jitqiesu bħala l-muftieħ għall-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli fl-Ewropa. Fis-sistema attwali, li mhix tal-aħjar livell, il-potenzjal kbir tal-universitajiet mhux żviluppat biżżejjed. It-titjib għandu jingħata importanza fl-Istrateġija ta’ Lisbona ta’ wara l-2010.

    1.2.   Mill-Konferenza ta’ Bolonja tal-1999 ’l hawn, u iktar tard l-Istrateġija ta’ Lisbona, l-universitajiet ingħataw prijorità dejjem ikbar fil-livell tal-UE. Għalkemm twaqqfu miri ġodda mill-Istati Membri u l-universitajiet, hemm sens ta’ skumdità dejjem jikber fost l-akkademiċi u fis-soċjetà dwar il-frammentazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa u dwar il-ħeffa tar-riformi neċessarji.

    1.3.   Hekk kif l-iżviluppi ekonomiċi, teknoloġiċi u edukattivi madwar id-dinja, u b’mod partikolari l-kriżi attwali, jitolbu valur aħjar għall-flus, ambjent aħjar u iktar opportunitajiet għall-istudenti, il-lecturers u r-riċerkaturi, il-KESE jisħaq fuq il-bżonn ta’ riforma fl-universitajiet Ewropej.

    1.4.   L-aġġustamenti meħtieġa jinkludu iktar awtonomija u responsabbiltà tal-universitajiet għas-soċjetà fir-rigward tat-twettiq tal-missjoni pubblika tagħhom, l-estensjoni tal-modi ta’ finanzjament (suffiċjenti), iż-żieda fit-trasparenza u l-ftuħ, is-sħubijiet mal-komunità tan-negozju, il-promozzjoni tal-eċċellenza (ta’ standard dinji) fit-tagħlim u r-riċerka, u prattiki adegwati ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani.

    1.5.   Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn ta’ metodoloġija Ewropea biex tiġi evalwata l-prestazzjoni u biex tinġabar data komparabbli. L-evalwazzjoni Ewropea għandha tkun il-frott ta’ studju fil-fond minn esperti indipendenti u għandha tmur lil hinn sew mill-“kwotazzjonijiet” u l-lista unidimensjonali ta’ Shanghai, billi tħaddan firxa wiesgħa ta’ indikaturi multidimensjonali (1).

    1.6.   L-istandards aġġornati u komparabbli għall-edukazzjoni u r-riċerka, barra mill-bażi wiesgħa li tiffaċilita l-iżviluppi multidixxiplinari u t-taħlitiet ġodda, għandhom jinkoraġġixxu d-diversità u l-ispeċjalizzazzjoni fost l-universitajiet, u b’hekk jissostitwixxu l-omoġeneità u x-xebh.

    1.7.   Il-KESE huwa favur l-integrazzjoni koerenti tal-universitajiet fi Strateġija ta’ Lisbona mġedda fil-qafas taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (2).

    1.8.   L-istudenti u l-istudjużi għandhom jiġu offruti iktar opportunitajiet biex isegwu karrieri interdixxiplinari fl-Ewropa. Dan jimplika, fost affarijiet oħra, prattika ta’ reklutaġġ trasparenti u karta tar-riċerkaturi li tkun marbuta mal-introduzzjoni tal-“ħames libertà”, jiġifieri ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-għarfien, filwaqt li tinżamm id-diversità tal-approċċi u l-kompetizzjoni biex jinkisbu l-aħjar riżultati.

    1.9.   Għandu jiġi indirizzat approċċ pan-Ewropew lejn l-għalliema akkademiċi, ir-riċerkaturi, l-istudenti u l-universitajiet ewlenin fil-qasam xjentifiku minn pajjiżi terzi.

    1.10.   Il-KESE huwa favur il-pjattaformi edukattivi konsultattivi fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, li jinkludu rappreżentanti mis-soċjetà ċivili. Kemm iċ-ċentri ta’ eċċellenza ta’ klassi dinjija kif ukoll dawk reġjonali għandhom ikunu impenjati fis-soċjetà u r-reġjuni ta’ madwarhom. Dan jista’ jinkoraġġixxi wkoll spirtu intraprenditorjali fl-universitajiet u jkun ta’ appoġġ għall-clusters ekonomiċi u dawk tal-għarfien.

    1.11.   Rwol u pożizzjoni indipendenti għall-universitajiet, kif kien il-każ żmien ilu, jinkoraġixxuhom u jsaħħuhom bħala l-mexxejja intellettwali tal-Ewropa. L-approċċi Ewropej għall-edukazzjoni u t-tagħlim, ix-xjenza u r-riċerka tal-ogħla livell m’għandhomx ikunu limitati għat-twessigħ u l-profondament tar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u t-tagħlim Ewropej. Dawn għandhom jiġu estiżi għal kompetenzi u dixxiplini oħrajn ukoll, bħar-riċerka u l-prattika medika, ix-xjenzi soċjoekonomiċi, u l-istudji umanistiċi.

    1.12.   Il-Kummissjoni għandha tibqa’ tagħti l-appoġġ tagħha u għandu jkollha rwol viżibbli u attiv f’dan il-proċess.

    1.13.   Il-KESE ma jqisx li rabta intensifikata bejn l-universitajiet u l-UE hija kwistjoni teknika. Din lanqas m’għandha tkun limitata għas-settur ekonomiku, ikun kemm ikun kruċjali. Huwa involut orizzont li jmur lil hinn, l-importanza ġenerali tal-universitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja u l-ħajja intellettwali, għas-soċjetà u għaċ-ċivilizzazzjoni.

    1.14.   Il-missirijiet fundaturi tal-Ewropa u s-suċċessuri tagħhom kellhom ir-raġunijiet tagħhom għaliex żammew l-edukazzjoni barra mit-Trattat ta’ Ruma, iżda llum qed ngħixu fi żminijiet differenti. Is-sovranità nazzjonali u d-diversità għandhom jimxu b’mod parallel mar-rikonoxximent li l-UE fiha nnifisha għandha tkun imsieħba u kompetitur ugwali fuq skala dinjija. Għal dan il-għan, l-universitajiet huma msieħba essenzjali.

    1.15.   Fi kliem ieħor, l-universitajiet bħala istituzzjonijiet għandhom jitħeġġu jiżviluppaw minn elementi barranin għal elementi ta’ ġewwa fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. Il-Kunsill għandu jesprimi fehma ċara li tħares ’il quddiem f’dan ir-rigward.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.   Matul l-istorja, l-universitajiet qdew rwol prominenti fl-iżvilupp tas-soċjetà Ewropea. Kienu fil-qalba tal-ħajja intellettwali u f’ħafna aspetti kienu l-ixprun tal-progress.

    2.2.   L-istudjużi u l-akkademiċi, li kienu jivvjaġġaw b’mod ħieles madwar il-kontinent fost l-universitajiet awtonomi, kellhom influwenza qawwija fuq il-fehmiet dwar ix-xjenza u kull xorta ta’ fenomenu tas-soċjetà. Huma setgħu jifformaw ġenerazzjonijiet ta’ ċrieki u personalitajiet li kienu deċiżivi fit-tfassil tas-soċjetà Ewropea mil-lat politiku, soċjali u ekonomiku.

    2.3.   Meta mit-tmintax-il seklu ’l quddiem l-istat nazzjon beda jfeġġ b’mod progressiv, l-universitajiet saru b’mod wiesa’ istituzzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni nazzjonali u li jservu l-interessi nazzjonali fix-xjenza u r-riċerka. Dan l-iżvilupp rabba l-għeruq fil-fond. Minkejja ż-żieda fl-internazzjonalizzazzjoni, anke fix-xjenza, l-edukazzjoni għolja u saħansitra x-xjenza u t-teknoloġija fl-universitajiet, sa ċertu punt, għadhom immexxija mil-livell nazzjonali.

    2.4.   Progressivament l-intervenzjoni politika saret ħaġa normali. Is-sistemi edukattivi fil-livelli kollha issa huma msejsa fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi nazzjonali u huma organizzati skont dawn id-deċiżjonijiet. L-edukazzjoni għolja kullimkien ingħatat marka nazzjonali ċara. Din hija kkaratterizzata minn bosta diversitajiet istituzzjonali nazzjonali kumplikati, u ħafna drabi minn xebh edukattiv.

    2.5.   L-oqfsa istituzzjonali, l-arranġamenti finanzjarji, il-governanza, il-livell ta’ awtonomija, u n-nomina u l-iżvilupp tal-karriera tal-professuri u r-riċerkaturi huma elementi importanti f’din l-istampa Ewropea diversifikata.

    2.6.   Billi x-xjenza m’għandhiex fruntieri, l-akkademiċi u r-riċerkaturi stess saru dejjem iktar parti min-netwerks Ewropej u dinjija. Konsegwentement, hemm tendenza li l-programmi ta’ riċerka jkollhom dimensjoni internazzjonali wkoll, għalkemm din tkun ristretta. Madankollu, b’eċċezzjoni notevoli, insibu li l-edukazzjoni għolja privata, speċjalment l-iskejjel tal-kummerċ (business schools), skont id-definizzjoni tagħha hija iktar internazzjonali kemm fl-iskop kif ukoll fl-approċċ.

    2.7.   It-Trattat ta’ Ruma u t-trattati sussegwenti m’għandhom l-ebda kapitolu dwar l-“Edukazzjoni”. Dak iż-żmien kien jitqies li m’hemm l-ebda korrelazzjoni bejn l-integrazzjoni ekonomika u l-edukazzjoni. L-edukazzjoni baqgħet kompetenza nazzjonali u soġġetta għalkollox għas-“sussidjarjetà”. Kull deċiżjoni dwar l-edukazzjoni fil-livell Ewropew tittieħed f’qafas intergovernattiv.

    2.8.   Madankollu, jista’ jkun li partijiet mis-settur edukattiv ftit ftit ma jibqgħux jitqiesu bħala partijiet indipendenti mill-proċess ta’ integrazzjoni. B’approvazzjoni qawwija min-naħa tal-imsieħba soċjali, dan il-proċess beda b’dawk l-aspetti edukattivi li kellhom l-iktar rabta diretta mal-ekonomija u s-suq tax-xogħol, jiġifieri t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ vokazzjonali.

    2.9.   Mill-1986 ’l hawn, il-programm ta’ skambju ta’ studenti, l-Erasmus, għamel kontribut għall-internazzjonalizzazzjoni tal-kurrikuli tal-istudenti. Fl-2009 ġie estiż permezz tal-Erasmus Mundus. Programmi speċjali li għandhom jissemmew huma Comett, programm ta’ skambju bejn l-universitajiet u l-kumpaniji fil-qasam tat-teknoloġija, Marie Curie, programm ta’ skambju għar-riċerkaturi, u Socrates, programm iffokat fuq it-tagħlim tul il-ħajja.

    2.10.   Fl-1999 ittieħed pass kbir ’il quddiem għall-universitajiet meta l-ministri tal-edukazzjoni ta’ 29 pajjiż adottaw id-Dikjarazzjoni ta’ Bolonja.

    2.11.   Il-Proċess ta’ Bolonja issa jħaddan 46 membru mill-kontinent Ewropew. L-objettiv ġenerali huwa l-ħolqien ta’ Żona Ewropea għall-Edukazzjoni Għolja. Tul l-aħħar għaxar snin is-suġġetti diskussi żdiedu b’mod sostanzjali (3). Il-prijoritajiet tal-Proċess ta’ Bolonja huma: l-introduzzjoni tas-sistema ta’ lawrji bi tliet ċikli – baċċellerat/majjistru/dottorat – b’iktar enfasi fuq l-istudji dottorali u r-riċerka, l-assigurazzjoni tal-kwalità u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-lawrji, il-perijodi ta’ studju, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), it-tagħlim tul il-ħajja, id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja, il-mobbiltà tal-istudenti u l-istaff, u fuq l-esplorazzjoni tad-dimensjoni esterna taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja.

    2.12.   L-Istrateġija ta’ Lisbona tagħmel enfasi qawwija fuq ir-rabta bejn l-għarfien u l-kompetittività. Hija serviet ta’ katalista u għenet sabiex l-universitajiet jitmexxew mill-marġni għaċ-ċentru tal-ħsieb Komunitarju. Numru dejjem jiżdied ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, li tnedew mill-Kummissjoni, irriżultaw f’kooperazzjoni internazzjonali iktar mifruxa fl-Ewropa.

    2.13.   Għall-istess raġunijiet, f’bosta komunikazzjonijiet il-Kummissjoni stabbilixxiet l-aġenda għad-diskussjonijiet dwar ir-riforma u l-modernizzazzjoni tal-universitajiet (4).

    2.14.   Ir-riformi tal-universitajiet li għaddejjin madwar fl-Ewropa qed isiru b’ritmi differenti.

    2.15.   Fl-2005 l-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda welldet ukoll inizjattivi ġodda għall-mobilizzazzjoni tal-universitajiet. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jwaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (2007), u l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (EIT, 2008) huma l-iktar importanti. Fuq l-istess linji nsibu l-Green Paper dwar “Iż-Żona Ewropea għar-Riċerka: Perspettivi ġodda” (5).

    2.16.   F’dan ir-rigward, il-Karta Ewropea u l-Kodiċi tal-Kondotta dwar il-mobbiltà u s-suq ħieles tar-riċerkaturi fl-2005 (6) huwa każ speċjali. Il-Karta u l-Kodiċi ġew iffirmati minn 800 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja. Madankollu, l-implimentazzjoni turi li bosta istituzzjonijiet ma japplikawx il-ftehim. Kultant jirbħu t-tradizzjonijiet speċifiċi u ta’ suċċess.

    2.17.   Il-Kummissjoni qed taħdem fuq tikketta Ewropea biex tħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-Karta u l-Kodiċi li għandhom jirrispettaw ċerta diversità ta’ approċċi.

    2.18.   L-impenn effettiv tal-universitajiet Ewropej fl-integrazzjoni Ewropea huwa proċess li jdum ħafna. L-akkademiċi, ix-xjentisti u l-istudenti qed jieħdu sehem dejjem iktar fid-dinamika internazzjonali, iżda l-universitajiet bħala istituzzjonijiet sikwit jibqgħu mxekkla mit-tradizzjonijiet u l-arranġamenti nazzjonali. L-iżviluppi jitfixklu wkoll minħabba l-fatt li l-“Edukazzjoni” fiha nnifisha għadha ma tagħmilx parti mit-Trattat Ewropew.

    2.19.   In-netwerking madwar id-dinja bejn l-akkademiċi u r-riċerkaturi qed jespandi bis-saħħa tal-interazzjoni bejn l-universitajiet, l-istituti tar-riċerka u l-kumpaniji multinazzjonali. Din it-tendenza hija riflessa wkoll fil-programmi Komunitarji.

    2.20.   Din l-Opinjoni tiffoka fuq tendenzi u kondizzjonijiet qafas ġodda biex jimpenjaw lill-universitajiet b’mod iktar effettiv u viżibbli fl-integrazzjoni Ewropea. L-universitajiet, b’konformità mal-vokazzjoni storika tagħhom li ilha żmien twil, m’għandhomx jitmexxew biss mill-Aġenda ta’ Lisbona, iżda huma stess għandhom isiru katalisti ewlenin tal-proċess.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.   Tul l-aħħar għexieren ta’ snin l-inizjattivi u l-programmi għall-promozzjoni tal-internazzjonalizzazjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa ġew intensifikati.

    3.2.   Il-KESE huwa tal-fehma li fil-kuntest tal-impulsi l-ġodda, l-universitajiet għandhom ikunu msieħba b’mod viżibbli fiċ-ċiklu l-ġdid tal-Istrateġija ta’ Lisbona.

    3.3.   L-analiżi internazzjonali jaqblu b’mod unanimu li, minħabba l-ħeffa tat-teknoloġija u l-innovazzjoni kif ukoll il-kompetizzjoni mtejba, id-dinja akkademika Ewropea, b’mod ġenerali, mhijiex imħejjija b’mod suffiċjenti biex taqdi r-rwol sħiħ tagħha, u għandha tendenza, f’temini relattivi, li saħansitra tmur lura (7).

    3.4.   L-għan għandu jkun l-aħjar żvilupp possibbli tat-talenti u l-aċċess ugwali – li jinkludu t-tranżizzjoni bejn il-livelli differenti tal-edukazzjoni (għolja) u t-tagħlim tul il-ħajja – madwar l-Ewropa, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni. L-għadd ta’ studenti li jieqfu mill-iskola hija problema speċjali. Għandhom jiġu żviluppati metodi iktar effettivi ta’ taħriġ. Il-missjonijiet pubbliċi tal-universitajiet fl-Ewropa għandhom jinżammu u m’huma tal-ebda xkiel għall-garanzija ta’ kwalità u eċċellenza (8).

    Minkejja l-varjazzjonijiet kollha li jistgħu jimplikaw differenzi sostanzjali fil-kwalità tar-riżultati akkademiċi, il-karatteristiċi komuni madwar l-Ewropa għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa. Fil-qafas ta’ din l-Opinjoni ta’ min jenfasizza dan li ġej:

    3.5.1.   Il-livell ta’ awtonomija. Din is-sitwazzjoni hija kumplessa immens. Għalkemm hemm tendenza li tingħata dejjem iktar awtonomija lill-universitajiet, normalment l-interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi għadha dominanti (9). Hemm tendenza li n-nuqqas ta’ awtonomija u responsabbiltà suffiċjenti jikkonferma l-perspettivi tradizzjonali u r-regolamentazzjoni żejda. L-istruttura pubblika, appoġġjata mill-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, m’għandhiex tittardja l-awtonomija (10). L-għanijiet għandhom ikunu tħejjija aħjar tal-istudenti għas-suq tax-xogħol u attitudni iktar effettiva lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni.

    3.5.2.   Il-mezz ta’ finanzjament. Hawnhekk ukoll, l-istampa hija waħda diversa ferm, iżda ġeneralment il-finanzjament pubbliku huwa deċiżiv (11). Dan ifisser li l-edukazzjoni għolja u r-riċerka, bħala regola, jiddependu ħafna mill-prijoritajiet politiċi, fost ħafna oħrajn, u dan ta’ spiss iwassal għal nuqqas ta’ finanzjament. Barra minn hekk, hemm ftit wisq inċentivi għad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament, bħall-finanzjament mill-fondazzjonijiet u l-kumpaniji, u l-introduzzjoni ta’ miżati għat-tagħlim, flimkien ma’ għotjiet finanzjarji u self (12).

    3.5.3.   In-nuqqas ta’ trasparenza. Minħabba n-nuqqas ta’ data komparabbli affidabbli dwar l-universitajiet, kemm l-istudenti kif ukoll ir-riċerkaturi ma jistgħux jidentifikaw il-kompetenzi u l-korsijiet rilevanti fl-Ewropa. Il-metodoloġija Ewropea għall-klassifiki bħala strument trasparenti hija aspett kruċjali. Dan għandu jħeġġeġ l-għarfien komuni u l-kollaborazzjoni fil-programmi disponibbli tal-edukazzjoni u r-riċerka madwar l-Ewropa, kif ukoll l-informazzjoni u l-kwalità adegwata. Dan jista’ jistimola l-mobbiltà ġenerali kemm tal-istudenti kif ukoll tar-riċerkaturi.

    3.6.   Billi l-edukazzjoni u l-edukazzjoni għolja huma responsabbiltà nazzjonali esklużiva, dan il-fatt ma jħeġġiġx b’mod awtomatiku lill-universitajiet biex iħarsu lil hinn mill-orizzonti proprji u l-fruntieri nazzjonali. Ir-riżultat huwa mudell frammentat ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li f’numru ta’ każijiet ikun ftit jew wisq magħluq għad-dinamika tad-dinja barranija.

    3.7.   Barra minn hekk, il-frammentazzjoni tibqa’ tinżamm minħabba l-ħtiġijiet ta’ kwalità diverġenti – anke fl-applikazzjoni tal-mudell “baċċellerat/majjistru” – kondizzjonijiet tax-xogħol li mhumiex daqshekk attraenti, u ħafna drabi arranġamenti finanzjarji dgħajfin, li jibblokkaw il-ftuħ, il-valuri akkademiċi komuni, u l-mobbiltà transkonfinali minbarra ta’ dawk fil-quċċata.

    3.8.   Teżisti t-tendenza li l-livell baxx ta’ awtonomija jwassal għas-similarità u l-omoġeneità fost l-universitajiet. F’numru ta’ pajjiżi dan jippromovi korsijiet universitarji “ġenerali” u faċilitajiet ta’ riċerka minflok l-eteroġeneità u l-ispeċjalizzazzjoni kkwalifikata.

    3.9.   Il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni, ħafna drabi definiti minn pjattaformi nazzjonali tal-innovazzjoni, huma l-iktar nazzjonali, u bħala regola, ma jiġux involuti f’perspettivi iktar ġenerali. Il-fatt li ċerti aspetti jidħlu f’xulxin kif ukoll l-aġendi u l-kalendarji differenti jikkonfermaw il-frammentazzjoni u, konsegwentement, ixekklu l-ispeċjalizzazzjoni.

    3.10.   Din mhijiex art għammiela biex jinġibdu r-riċerkaturi u l-aħjar lecturers minn barra, la mill-Istati Membri l-oħra u lanqas mill-bqija tad-dinja. Barra minn hekk, il-brain drain lejn l-Istati Uniti huwa ta’ tħassib kontinwu. Intant, iċ-Ċiniżi qed jippromovu l-aħjar universitajiet speċjalizzati li għandhom. L-Indja ser tieħu din it-triq ukoll.

    3.11.   Bosta gruppi Ewropej tal-universitajiet qed jikkoordinaw dejjem iktar il-fehmiet dwar il-bżonn ta’ kondizzjonijiet aħjar għar-riċerka u l-iżvilupp u l-kapaċitajiet potenzjali għall-għarfien u l-innovazzjoni (13). Il-programmi ta’ riċerka konġunti huma strument promettenti għall-kooperazzjoni u għall-ġlieda kontra l-frammentazzjoni (14).

    3.12.   Id-Dikjarazzjoni ta’ Bolonja tal-1999, maħsuba biex tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja sal-2010 billi tagħmilha iktar kompetittiva bis-saħħa tar-riformi, fl-2006 kienet segwita minn sejħa ġdida mill-Kummissjoni (15), li għandha raġun tikkonkludi li dan is-settur kruċjali tal-ekonomija u tas-soċjetà jeħtieġ ristrutturar u modernizzazzjoni fil-fond sabiex l-Ewropa ma titlifx il-pożizzjoni tagħha fil-kompetizzjoni globali fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni (16).

    3.13.   L-aġġustamenti qed isiru, iżda bil-mod wisq. Barra minn hekk, il-politiki nazzjonali għar-regolamentazzjoni tal-universitajiet ivarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri.

    3.14.   Id-diskussjonijiet tal-lum fiċ-ċrieki akkademiċi jagħtu xhieda diżappuntanti li r-ritmu tal-progress lejn iż-żona Ewropea huwa wisq eżitanti.

    3.15.   In-nuqqas tal-preżenza tal-Ewropa jista’ jkun enormi. Bħala konklużjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet il-KESE jirrakkomanda li ċ-ċiklu l-ġdid tal-Istrateġija ta’ Lisbona 2010 għandu jinkludi modernizzazzjoni mmirata tal-universitajiet u kooperazzjoni bejniethom, koordinazzjoni Ewropea mtejba u trasparenza ġenwina bis-saħħa tal-klassifiki.

    4.   Il-bżonn ta’ perspettivi ġodda

    4.1.   L-Istrateġija ta’ Lisbona tipprova ssib bilanċ bejn il-konverġenza u l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE u ż-żamma tal-kompetenzi nazzjonali bid-definizzjoni ta’ objettivi komuni u l-promozzjoni ta’ programmi u politiki komparabbli madwar l-Ewropa. Fil-fehma tal-KESE l-universitajiet bħala atturi ewlenin fil-qasam tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandu jkollhom post definit sew fl-Istrateġija ta’ Lisbona.

    4.2.   Proprju issa, fil-kriżi attwali, tinħtieġ enfasi dejjem ikbar fuq l-edukazzjoni u l-innovazzjoni fl-usa’ sens, li għandha tiftaħ toroq u opportunitajiet ġodda. Ir-riċerka u l-iżvilupp li għaddejjin bħalissa u l-programmi ta’ teknoloġija applikata, u l-mobbiltà (17) msaħħa tal-istudenti u l-lecturers għandhom ikunu ggarantiti madwar l-Ewropa kollha.

    4.3.   F’dan il-kuntest, il-KESE jisħaq li biex tiżdied it-trasparenza hemm bżonn urġenti li tiġi żviluppata data komparabbli (18) u metodoloġija Ewropea affidabbli biex tevalwa u tqabbel il-prestazzjoni tal-universitajiet f’diversi dimensjonijiet, pereżempju l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Għandu jiġi realizzat li minħabba l-eteroġeneità, l-ispeċjalizzazzjoni u d-diversità mixtieqa, data bħal din ma tistax tinġabar b’mod sempliċi. L-applikazzjoni ta’ diversi metodi tista’ ttejjeb il-metodoloġija u l-iżvilupp tal-kriterji. Il-kooperazzjoni mal-OECD hija mixtieqa.

    4.4.   Il-programmi li ssemmew fil-kapitolu 2 huma ta’ appoġġ sostanzjali għall-iskambji transkonfinali. It-twaqqif tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (KER) jirrappreżenta pass ’il quddiem. Dan il-kunsill, bħala xprun għall-proġetti ta’ riċerka, għandu jagħti l-appoġġ tiegħu lill-internazzjonalizzazzjoni tal-universitajiet. Il-finanzjamenti tar-riċerka u l-eżekuzzjoni tar-riċerka għandhom jibqgħu attivatijiet maqsuma b’mod strett.

    4.5.   Il-KER jimplika mobbiltà transkonfinali ikbar tar-riċerkaturi bl-introduzzjoni tal-hekk imsejħa “ħames libertà”, li hija marbuta mill-qrib mal-Karta tar-Riċerkaturi u l-Kodiċi għar-Reklutaġġ tagħhom (19). Fid-dawl tar-riżultat mixtieq, hemm ħtieġa kbira ta’ faċilitajiet aġġustati fl-universitajiet u titjib fil-kondizzjonijiet qafas amministrattivi u fiskali.

    4.6.   It-twaqqif tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija huwa pass ieħor importanti. Dan l-istitut għandu jappoġġja r-rabtiet u l-alleanzi. B’mod parallel, għandha tiġi stabbilita koordinazzjoni Ewropea mtejba fost il-programmi universitarji. Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf Forum bejn l-intraprendituri u l-università hija l-pass importanti li jmiss.

    4.7.   S’issa, l-universitajiet u l-istituti tar-riċerka mhumiex indirizzati fil-Ħames Inizjattivi ta’ Sħubija, imħabbra mill-Kunsill, biex jiżviluppaw iż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Fil-fatt, fost is-sitt linji proposti fil-Green Paper għall-iżvilupp taż-ŻER (20), il-kooperazzjoni profonda hija proposta għal kollox barra l-universitajiet (u, b’mod ġenerali, l-istituzzjonijiet tar-riċerka). Dan ma jikkorispondix mal-fehma tal-KESE dwar l-universitajiet fl-Istrateġija ta’ Lisbona (21).

    4.8.   Fuq l-istess linji, il-kondizzjonijiet għal faċilitajiet ta’ riċerka fuq skala kbira (CERN) madwar l-Ewropa u ċ-ċentri konġunti ta’ riċerka (JRC) oħra li jgħaqqdu l-gruppi universitarji, għandhom jittejbu. L-infrastrutturi kbar jimplikaw massa kritika u ħafna riċerkaturi impenjati li jistgħu jiġbdu riżorsi finanzjarji addizzjonali.

    4.9.   Fil-fehma tal-KESE l-kriżi attwali għandha sservi bħala punt ta’ tluq ġdid b’perspettivi koerenti u sostenibbli li jżommu l-pożizzjoni tal-Ewropa bħala kompetitur u msieħba siewja fix-xjenza u t-teknoloġija.

    5.   B’risposta għal kuntest dinamiku

    5.1.   L-impenn tal-Istati Membri u l-universitajiet

    5.1.1.   It-tliet pilastri tal-edukazzjoni, ix-xjenza u l-innovazzjoni jeħtieġu impenn ċar mill-Istati Membri. It-tieni nett, dawn jeħtieġu wkoll parteċipazzjoni sħiħa, bi dritt, mill-universitajiet. Fl-aħħar nett, dawn għandhom jinkludu l-parteċipazzjoni tas-settur privat. L-aħjar riżultati jinkisbu bis-saħħa ta’ proċess flessibbli minn fuq għal isfel (top-down) u minn isfel għal fuq (bottom-up) fost ħafna partijiet interessati.

    5.1.2.   Għandu jiġi kkunsidrat li n-netwerking dinji, id-dinamika tat-teknoloġija u r-riċerka, l-ispeċjalizzazzjoni mmirata u t-talenti mingħajr xkiel joħolqu kamp ġdid għall-universitajiet (nazzjonali) li jippermettilhom li jfittxu orizzonti ġodda (22).

    5.1.3.   Dan m’għandux idgħajjef id-diversità kulturali, anzi l-oppost. Id-diversitajiet nazzjonali u reġjonali jirrappreżentaw il-valur prezzjuż tal-Ewropa. Iżda huwa ċar li d-diversità tal-pajsaġġ u l-frott tiegħu jinqdew aħjar minn strateġija globali ta’ analiżi komuni u objettivi miftiehma biex jinfetħu l-fruntieri li għad hemm, u biex jiġu inkoraġġuti l-kwalità u l-ispeċjalizzazzjoni.

    5.1.4.   Qabel kollox jinħtieġu orjentazzjoni komuni u mentalità komuni fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, inklużi l-valuri akkademiċi komuni, il-ftuħ kulturali u akkademiku, inqas burokrazija amministrattiva, passaġġi transkonfinali, it-trasparenza fil-kwalifiki professjonali u r-riżultati, il-proġetti teknoloġiċi transkonfinali u l-mobbiltà transkonfinali. Dan kollu jista’ jitwettaq billi tinżamm id-diversità kulturali.

    5.1.5.   Iż-żieda fl-awtonomija u l-awtogovernanza, il-fatt li jkun hemm iżjed flessibbiltà u affidabbiltà fil-finanzjamenti u t-trasparenza ser itejbu l-inizjattivi għall-modernizzazzjoni mill-universitajiet stess. Ser joħolqu proċess minn isfel għal fuq (bottom-up) għal standards ogħla, kwalità aħjar u speċjalizzazzjoni.

    5.1.6.   Id-demografija Ewropea għandha tkun inċentiv qawwi biex tiġi aġġustata s-sistema tal-edukazzjoni għolja kemm għall-istudenti Ewropej kif ukoll għal persuni ta’ talent minn pajjiżi terzi. Jekk ma jsir l-ebda aġġustament, ser ikun hemm defiċits sostanzjali fil-ġejjieni. L-Ewropa teħtieġ persentaġġ ogħla ta’ persuni kkwalifikati ħafna biex tiġi inkoraġġuta l-produttività mir-riċerka, it-tixrid tal-għarfien u l-kapaċità tal-innovazzjoni.

    5.1.7.   Għandna nżommu f’moħħna li anke l-Istati Uniti jistgħu jżommu l-pożizzjoni tagħhom minn ta’ quddiem f’għadd ta’ oqsma minħabba li l-universitajiet tagħhom jiġbdu lill-barranin.

    5.2.   Kompetizzjoni trasparenti u evalwazzjoni tal-kwalità

    5.2.1.   Is-soċjetà bbażata fuq l-għarfien, imressqa fl-Istrateġija ta’ Lisbona, titlob livell ogħla ta’ edukazzjoni u riċerka interdixxiplinari u transsettorjali sabiex tkun tista’ tiġi sostitwita l-monodixxiplinarità.

    5.2.2.   L-inkoraġġiment ta’ kompetizzjoni trasparenti għall-universitajiet, minflok ma joħloq l-uniformità, jindirizza l-ħtieġa ta’ divrenzjar u speċjalizzazzjoni. Din tal-aħħar ser twassal ukoll għall-kofinanzjament mis-settur privat fejn dan huwa mixtieq (23).

    5.2.3.   F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ bil-qalb l-inizjattiva li ħarġet il-Kummissjoni dan l-aħħar biex tiġi stabbilita metodoloġija Ewropea għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-universitajiet.

    5.2.4.   Il-klassifika Ewropea għandha tkun il-frott ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni fil-fond minn esperti magħżula u minbarra l-“kwotazzjonijiet” għandha tħaddan il-kwalità tal-edukazzjoni u t-tagħlim, ir-riċerka, l-innovazzjoni, ir-rabtiet, l-“identifikazzjoni” tal-ispeċjalizzazzjonijiet, il-kompetenzi interdixxiplinari, ir-rabtiet istituzzjonali bejn l-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka indipendenti (24), u s-servizzi loġistiċi għall-istudenti. Hemm bżonn metodi ta’ evalwazzjoni Ewropej multidimensjonali biex jiġu evalwati r-riżultati tal-universitajiet.

    5.2.5.   Probabbilment l-“identifikazzjoni” ser tinkoraġġixxi l-mobbiltà transkonfinali mmirata fost l-istudenti, il-lecturers, il-professuri u r-riċerkaturi. Din ser twieġeb għat-tendenza dejjem tikber fost l-istudenti li jfittxu l-aħjar korsijiet fil-qasam partikolari tagħhom, u konsegwentement tħeġġeġ it-talenti potenzjali.

    5.2.6.   L-“identifikazzjoni” ser tgħin ukoll biex tittejjeb ir-riċerka medjokra bil-ħolqien ta’ netwerks ġodda, u attitudni kollaborattiva u kompetittiva madwar l-Ewropa. Dawn in-netwerks u l-alleanzi ġodda bejn iċ-ċentri ta’ eċċellenza ser iwasslu għal għadd ta’ rabtiet ta’ livell għoli, li jinkludu r-riċerka interdixxiplinari transkonfinali, u jwittu t-triq għal soluzzjonijiet ġodda.

    5.3.   Influwenzi minn barra u interrelazzjonijiet

    5.3.1.   Fiċ-ċirkostanzi attwali l-infiq pubbliku jinsab taħt pressjoni kullimkien. Il-KESE jinsisti fuq il-bżonn li jinżamm il-livell tal-baġits marbuta mal-edukazzjoni u l-università biex tiġi appoġġjata l-infrastruttura tal-għarfien u l-programmi ta’ riforma li qed jitwettqu.

    5.3.2.   Id-dinamika attwali fir-riċerka u t-teknoloġija tenfasizza l-bżonn ta’ modernizzazzjoni u soluzzjonijiet ġodda. Minbarra l-aġġustamenti neċessarji tal-universitajiet stess is-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u dawk pubbliċi-privati għandhom jiġu inkoraġġuti. Il-finanzjamenti privati jistgħu jaċċeleraw it-tendenza tar-riċerka orjentata lejn il-problemi, li bħala metodu qed jirnexxi dejjem iktar fl-Istati Uniti.

    5.3.3.   Il-koordinazzjoni Ewropea tal-programmi nazzjonali tal-innovazzjoni fejn jieħdu sehem l-universitajiet jistgħu jkunu ta’ benefiċċju u produttivi. S’issa dawn il-programmi, ħafna drabi definiti mill-pjattaformi nazzjonali għall-innovazzjoni, huma l-iktar ibbażati fuq speċjalitajiet nazzjonali u jiffokaw fuq prijoritajiet nazzjonali. Konsegwentement, dawn is-soltu ftit li xejn iqisu l-aġenda jew il-kalendarju Ewropew ġenerali u ma jikkunsidrawx il-kunflitti jew l-effetti tal-konsegwenzi mixtieqa f’kuntest Ewropew.

    Barra minn hekk, f’każijiet partikolari, l-approċċi u l-proġetti transkonfinali u pan-Ewropej huma l-iktar mixtieqa.

    5.3.4.   Żgur illi l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, il-proġetti pubbliċi-privati definiti u kofinanzjati fil-livell Ewropew jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom f’dan ir-rigward.

    5.3.5.   Wieħed mill-programmi nazzjonali li kiseb suċċess f’dan ir-rigward li jista’ jservi bħala eżempju utli għall-applikazzjonijiet Ewropej u t-titjib ta’ kisbiet xjentifiċi pan-Ewropej huwa l-Inizjattiva tal-Eċċellenza Ġermaniża tal-2005 (25).

    5.3.6.   Aġenda ta’ Lisbona għall-universitajiet, minbarra l-programmi Ewropej eżistenti, li għandhom l-inċentivi proprji, iżżid il-kompetittività fl-edukazzjoni għolja fi skala usa’ u twassal għall-eċċellenza.

    5.3.7.   Fil-fehma tal-KESE l-introduzzjoni ta’ pjattaformi edukattivi konsultattivi fil-livell Ewropew (26) – b’analoġija mal-pjattaformi tat-teknoloġija – jistgħu jgħinu fid-diskussjoni dwar il-programmazzjoni u l-aġenda tal-edukazzjoni għall-Ewropa, bħall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol Ewropew, il-kompetenzi mixtieqa, l-akkreditazzjoni, il-prattiċitajiet marbuta mat-tagħlim tul il-ħajja, il-kwalifiki u l-profili professjonali, il-metodi moderni tal-edukazzjoni, eċċ.

    5.3.8.   Dawn il-pjattaformi konsultattivi għandhom jiġu estiżi lil hinn miċ-ċrieki akkademiċi biex iħaddnu atturi li mhumiex mill-Istat – l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

    5.4.   Niffaċilitaw il-mobbiltà

    5.4.1.   Għall-ġenerazzjonijiet ta’ età iżgħar, l-Ewropa bħala entità hija realtà. L-informazzjoni affidabbli u trasparenti fil-livell Ewropew dwar l-aħjar korsijiet f’kull qasam kif ukoll dwar l-ispeċjalizzazzjoni tal-universitajiet u l-fakultajiet ser jissodisfaw l-istennijiet ta’ ħafna żgħażagħ u ser iħeġġu l-iskambju transkonfinali. L-istudenti u l-istudjużi għandhom jiġu offruti iktar opportunitajiet biex isegwu karrieri interdixxiplinari fl-Ewropa. Iċ-ċirkolazzjoni mtejba tar-riċerkaturi – anke bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-settur privat – ser tkun ta’ benefiċċju.

    5.4.2.   L-ostakli għall-ispeċjalizzazzjoni, art għammiela għall-iskambju ta’ riċerkaturi żgħażagħ ta’ talent, għandhom jiġu skrutinizzati fil-livell Ewropew. Permezz tas-sensibilizzazzjoni u l-ħolqien ta’ ċentri Ewropej ta’ eċċellenza fir-riċerka u l-edukazzjoni, qed titħeġġeġ kompetizzjoni kostruttiva fost l-universitajiet Ewropej.

    5.4.3.   Huwa mixtieq ħafna li jkun hemm approċċ pan-Ewropew li jkun orjentat lejn il-futur għar-riċerkaturi u l-istudenti minn pajjiżi terzi. Xi pajjiżi diġà qabdu din it-triq (27).

    5.4.4.   Fihom infushom, il-kuntratti tax-xogħol li jvarjaw ma joħolqux problemi speċjali. Iżda l-kondizzjonijiet sekondarji tax-xogħol differenti jistgħu jkunu ta’ xkiel, pereżempju dispożizzjonijiet nazzjonali speċjali rigward l-arranġamenti għas-sigurtà soċjali. L-analiżi attwali tal-possibbiltajiet għal fondi tal-pensjoni pan-Ewropea għar-riċerkaturi hija milqugħa ħafna. Il-prinċipji enfasizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Sħubija Ewropea għar-Riċerkaturi għandhom jitħeġġu (28).

    5.4.5.   Każ partikolari huwa l-programmi u l-proġetti tal-baġit. Billi t-termini ta’ referenza u l-proċeduri amministrattivi jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, dawn għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa biex tiġi ffaċilitata l-internazzjonalizzazzjoni.

    5.4.6.   L-iffaċilitar tal-mobbiltà, min-naħa tiegħu, ser jagħmlu aktar attraenti l-clusters u ċ-ċentri tal-għarfien li diġà jeżistu fl-Ewropa u anke ta’ dawk li huma ġodda. Dawn ser jippromovu attivitajiet interdixxiplinari u ser jirrinforzaw ir-rabtiet meħtieġa sew bejn ix-xjenza u s-settur privat kif enfasizzat il-Kummissjoni.

    5.5.   Id-dimensjoni reġjonali

    5.5.1.   Il-clusters ekonomiċi, li jservu ta’ rabta bejn l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u s-settur privat, bħala regola huma protagonisti b’saħħithom ibbażati fir-reġjuni. Il-clusters jistgħu jkunu utli ħafna wkoll biex jinkoraġġixxu iżjed iżvilupp reġjonali. Ir-reġjuni u l-universitajiet għandhom jitħeġġu biex jikkooperaw b’mod iktar effettiv.

    5.5.2.   L-esperjenza prattika turi li l-estensjoni taċ-ċentri ta’ eċċellenza b’riċerka u tagħlim tal-ogħla livell issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-kumpaniji fir-reġjuni u ż-żoni metropolitani (29). Il-proċess tat-tqegħid tal-universitajiet u l-ispeċjalizzazzjonijiet tagħhom b’mod iktar viżibbli fl-ambjent naturali tagħhom ser ikun ta’ benefiċċju għat-tkabbir u l-impjiegi f’żoni urbanizzati kbar.

    5.5.3.   L-ispeċjalizzazzjoni u d-diversità joħolqu toroq differenti għall-eċċellenza. Xi universitajiet jikkompetu u jikkooperaw fil-livell dinji, filwaqt li oħrajn huma ċentri ta’ eċċellenza reġjonali.

    5.5.4.   L-universitajiet kollha għandhom ikunu impenjati fis-soċjetà ta’ madwarhom. Minbarra l-missjonijiet essenzjali tal-edukazzjoni u t-tagħlim, hemm bżonn li jiġu żviluppati iktar l-attivitajiet tat-tielet livell bħall-iskambju tal-għarfien u l-innovazzjoni mas-soċjetà, l-impenn fil-komunità, it-tagħlim tul il-ħajja u r-rilevanza għall-iżvilupp reġjonali u lokali.

    Brussell, l-4 ta’ Novembru 2009.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  Ara l-lista estensiva tal-indikaturi mixtieqa fil-punt 5.2.4 iktar ’l isfel.

    (2)  Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar “It-triq lejn is-soċjetà Ewropea bbażata fuq l-għarfien”, ĠU C 65, 17.3.2006, p. 94, talba għal “Żona Ewropea Komuni għall-Għarfien, ibbażata fuq kooperazzjoni intensifikata fit-Tagħlim, l-Innovazzjoni u r-Riċerka”.

    (3)  Strutturi u tradizzjonijiet akkademiċi diverġenti joħolqu dibattitu wiesa’ dwar il-Proċess ta’ Bolonja u l-implimentazzjoni tiegħu. Għall-Ġermanja ara, pereżempju, il-Pubblikazzjonijiet tad-“Deutscher Hochschulenverband”.

    (4)  Mobilizzazzjoni tal-intelliġenza tal-Ewropa: li tippermetti lill-universitajiet sabiex jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom għall-Istrateġija ta’ Lisbona, COM(2005) 152 finali. Inwasslu għar-riżultati tal-Aġenda ta’ Modernizzazzjoni għall-Universitajiet: l-Edukazzjoni, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, COM(2006) 208 finali. Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji, COM(2009) 158 finali

    (5)  Din il-Green Paper ta’ April 2007 tiffoka fuq sitt oqsma għall-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka: ir-riċerkaturi, il-kooperazzjoni internazzjonali, il-programmi ta’ riċerka konġunti, it-trasferiment tal-għarfien u d-drittijiet tal-awtur. Ara wkoll il-kummenti tal-KESE fid-dokument CES 1440-2007

    (6)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2005, adottata mill-Kunsill …

    (7)  Fost oħrajn ara The future of European Universities, Renaissance or Decay ta’ Richard Lambert and Nick Butler, Centre for European Reform, Ġunju 2006, u High Aspirations, Agenda for reforming Universities, Breugel, Awwissu 2008. Fil-paġna VII jingħad li l-awturi “jindirizzaw l-edukazzjoni għolja u jressqu aġenda ambizzjuża għaliha bil-konvinzjoni li t-titjib tal-universitajiet huwa wieħed mil-lievi prinċipali tal-prestazzjoni tat-tkabbir tal-Ewropa.” F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ d-Dikjarazzjoni ta’ Praga tal-2009 għall-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet li, barra minn messaġġ sod lill-mexxejja politiċi, tidentifika 10 fatturi ta’ suċċes rilevanti immens għall-universitajiet Ewropej fl-għaxar snin li ġejjin.

    (8)  F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-Università ta’ Berkely, l-università fit-tielet post fl-Istati Uniti, hija istituzzjoni pubblika.

    (9)  Kultant ikun hemm ukoll pass lura. Eżempju rilevanti huwa l-Liġi tal-Università, 2003, fid-Danimarka, li billi saħħet l-influwenza politika, naqqset l-awtonomija tar-riċerkaturi u l-universitajiet b’mod konsiderevoli.

    (10)  Minbarra l-“awtonomija” għandha tingħata attenzjoni lill-“awtogovernanza” tal-universitajiet.

    (11)  Il-fatt li għadd limitat biss tal-universitajiet għandhom kalkolu preċiż tal-ispejjeż globali tagħhom huwa effett sekondarju li mhuwiex mixtieq.

    (12)  Il-KESE jirreferi għall-Kummissjoni: il-miżati għat-tagħlim jistgħu jiġu inkorporati, sakemm ikunu akkumpanjati minn għotjiet u self biex jiġi ggarantit l-aċċess ugwali.

    (13)  League of European Research Universities, Coimbra Group, IDEA League, RISE.

    (14)  Kooperazzjoni transkonfinali ta’ dan it-tip ser tagħti l-frott ukoll għar-riċerka bażika, li titwettaq fil-qafas tal-proġetti (kbar) tal-EU.

    (15)  Komunikazzjoni: Inwasslu għar-riżultati tal-Aġenda ta’ Modernizzazzjoni għall-Universitajiet: l-Edukazzjoni, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, COM(2006) 208 finali. Ara wkoll il-Komunikazzjoni dwar il-Mobilizzazzjoni tal-intelliġenza tal-Ewropa: li tippermetti lill-universitajiet sabiex jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom għall-Istrateġija ta’ Liżbona, COM(2005) 152 finali.

    (16)  COM(2006) 208 finali, p. 11.

    (17)  Rigward l-importanza tal-mobbiltà tal-istudenti, ara l-Komunikazzjoni mill-Kunsill ta’ April 2009 dwar il-Proċess ta’ Bolonja: sal-2020, tal-inqas 20 % tal-istudenti għandhom ikunu għamlu perijodu ta’ studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom.

    (18)  Din id-data għandha tinkludi d-diversi skemi ta’ finanzjament/sponsors u l-aġenziji għar-riċeka u l-iżvilupp kif ukoll ir-rwol tal-kooperazzjoni u l-impenn mal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u l-kumpaniji industrijali barra l-universitajiet.

    (19)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

    (20)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

    (21)  Għall-fehmiet tal-Istati Membri u l-approċċ tal-KESE, ara r-Riżultati tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Green Paper, April 2008, p. 20 u l-paġni ta’ wara

    (22)  Fost oħrajn ara The Third Generation Universities ta’ Prof. H. Wissema, deskrizzjoni tal-isfidi u l-opportunitajiet moderni għall-universitajiet. Dan jinkludi eżempji konkreti, bħall-Università ta’ Cambridge u l-Università ta’ Louvain.

    (23)  L-eżempju tal-Istati Uniti juri li t-trasparenza, id-diverenzjar u l-ispeċjalizzazzjoni jwasslu sabiex kull riċerkatur u xjentist fid-dinja jkun jaf liema università fl-Istati Uniti hija l-iktar waħda attrezzata f’kull qasam partikolari. Dawn il-kondizzjonijiet bażiċi jippromovu wkoll il-kofinanzjament mis-settur privat u mill-fundazzjonijiet.

    (24)  F’xi pajjiżi Ewropej, speċjalment Franza u l-Ġermanja, il-biċċa l-kbira tar-riċerka ssir fl-istituzzjonijeit ta’ riċerka b’rabtiet mill-qrib mal-universitajiet, li għandhom jiġu inkoraġġuti iktar.

    (25)  L-Inizjattiva għall-Eċċellenza, 2005, hija intiża biex tippromovi l-Ġermanja bħala post attraenti għar-riċerka, u tagħmilha iktar kompetittiva u tiffoka l-attenzjoni fuq ir-riżultati eċċellenti tal-universitajiet Ġermaniżi u l-komunità Ġermaniża tax-xjenza. Din l-inizjattiva tappoġġja r-riċerka tal-ogħla livell. Il-programm huwa ffinanzjat b’EUR 1,9 biljun għall-perijodu 2006-2011.

    (26)  Il-“Pjattaformi edukattivi” ġew proposti matul il-Forum bejn l-Universitajiet u l-Intrapriżi (University Business Forum) fis-6 ta’ Frar 2009 mis-Sur F. A. van Vught, ex-President tal-Bord tal-Università ta’ Twente. Ta’ min jinnota li fil-Finlandja, il-leġiżlazzjoni dwar l-universitajiet hija limitata filwaqt li l-monitoraġġ tripartetiku għandu impatt sostanzjali.

    (27)  Eżempju wieħed huwa l-Pajjiżi l-Baxxi. Hemm madwar 10 000 student għal Ph. D li 30 % minnhom mhumiex Olandiżi.

    (28)  Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: Sħubija Ewropea għal riċerkaturi, COM(2008) 317 finali.

    (29)  Fost ħafna eżempji jistgħu jissemmew Cambridge, Eindhoven, Stuttgart u r-reġjun ta’ Öresund. Ara wkoll il-proġetti u l-pubblikazzjonijiet tal-OECD dwar l-edukazzjoni għolja fl-iżvilupp tar-reġjuni u l-bliet (http://www.oecd.org/document/16/0,3343,en_2649_35961291_34406608_1_1_1_1,00.html)


    Top