EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IE0330

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2009/C 218/02

Nhar l-10 ta’ Lulju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

il-kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur WOLF.

Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tas-26 ta’ Frar 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’158 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din l-opinjoni tindirizza l-kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka (Research Performing Organisations), l-industrija u l-SMEs, billi din il-kooperazzjoni taqdi rwol ewlieni sabiex ir-riżultati tar-riċerka xjentifika jiġu żviluppati fi prodotti u proċessi innovattivi.

1.2

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-ħaddiema fl-industrija u l-SMEs jiġu infurmati b’mod sistematiku dwar liema għarfien u riżorsi teknoloġiċi huma disponibbli fl-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka tal-UE u dwar kif jistgħu jistabbilixxu l-kuntatti rilevanti. Għal dan il-għan, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tibda taħdem fuq sistema tat-tiftix (fuq l-internet) madwar l-Ewropa kollha, li tiġbor flimkien u tikkumplementa s-sistemi ta’ informazzjoni attwali u b’hekk tissodisfa aħjar minn qatt qabel il-ħtieġa partikolari ta’ informazzjoni.

1.3

Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi biex ikun hemm aċċess bla ħlas bl-internet għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi. Però, normalment dan huwa assoċjat ma’ spiża kbira għall-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk għandhom jintlaħqu ftehimiet għal regolamentazzjoni bbażata fuq ir-reċiproċità bejn l-Istati Membri tal-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi. Dan m’għandux jillimita l-libertà tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u tax-xjenzjati tagħhom li jagħżlu f’liema ġurnal jew forum jippubblikaw ir-riżultati tagħhom u liema ġurnal jew forum jaqdi l-aħjar l-iskop ta’ tixrid u rikonoxximent tar-riżultati tagħhom madwar id-dinja.

1.4

Il-Kumitat jirrakkomanda li ssir aktar riflessjoni dwar l-aċċess bla ħlas għal data ta’ riċerka, u li jiġu stabbiliti l-limiti ta’ proċess bħal dan. Dan m’għandux ifisser l-aċċess miftuħ prematur għal kull data li tirriżulta mill-proċess ta’ riċerka, inkluża d-data mhux ipproċessata. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni timxi b’kawtela u pass pass, u li tinvolvi r-riċerkaturi kkonċernati.

1.5

Fid-dawl tal-kulturi tax-xogħol differenti fl-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u fl-industrija, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi żgurat bilanċ ta’ interessi ġust. Dan jinkludi l-oppożizzjoni bejn il-pubblikazzjoni prekoċi tar-riżultati u l-ħtieġa tal-kunfidenzjalità, kif ukoll id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali inklużi l-privattivi.

1.6

Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li fir-Rakkomandazzjoni tagħha dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali l-Kummissjoni issa għamlitha ċara li ma tixtieqx tindaħal fil-libertà tal-imsieħba li jagħmlu arranġamenti kuntrattwali, anke meta dan jikkonċerna r-riċerka kuntrattwali. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu ta’ għajnuna, u mhux ta’ restrizzjoni.

1.7

Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu għall-introduzzjoni ta’ privattiva Komunitarja, b’perijodu ta’ konċessjoni (grace period) għall-pubblikazzjoni li jkun adegwat u bla ħsara għall-innovazzjoni.

1.8

F’dak li hu żvilupp ta’ infrastrutturi ta’ riċerka, bħall-aċċeleraturi, is-sorsi ta’ radjazzjoni, is-satelliti, it-tagħmir astronomiku bbażat fid-dinja jew il-faċilitajiet ta’ fużjoni, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka mhumiex prinċipalment il-fornituri ta’ għarfien ġdid, iżda pjuttost l-oriġinaturi u l-klijenti. Il-Kumitat jirrakkomanda reviżjoni bir-reqqa tal-esperjenzi li nkisbu s’issa fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġijiet attwali tal-UE u l-Istati Membri dwar l-għajnuna mill-Istat, il-baġit, l-għoti tal-kuntratti u l-kompetizzjoni, biex wieħed jiddetermina jekk dawn hux qed iwasslu għall-iskop li l-ħiliet u l-għarfien speċjalizzat miksuba mill-industrija permezz ta’ dawn il-kuntratti jinżammu u jintużaw b’mod li jivvantaġġja l-kompetittività Ewropea kif ukoll il-kuntratti ta’ segwitu sussegwenti, jew jekk f’dan il-qasam jinħtiġux strateġiji ġodda tal-politika industrijali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Kumitat ippubblika diversi opinjonijiet (1) dwar kwistjonijiet relatati mal-politika ta’ riċerka. B’mod partikolari, huwa wera l-importanza fundamentali ta’ riċerka u żvilupp suffiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Liżbona u Barċellona.

2.2

Aspett partikolarment importanti ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet huwa relatat mal-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka fosthom l-universitajiet (Public Research Organisations [PROs] jew Research Performing Organisations), l-industrija u l-SMEs, u l-ħtieġa tat-trasferiment tal-għarfien bil-għan li jiġu żviluppati proċessi innovattivi u prodotti li jistgħu jitqiegħdu fis-suq. Din l-opinjoni tħares aktar fid-dettall lejn dan l-aspett u tiffoka fuq it-temi elenkati f’kapitli 3 sa 5: (a) il-pubblikazzjonijiet u l-informazzjoni; (b) il-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ prodotti u proċessi li jistgħu jitqiegħdu fis-suq; u (ċ) il-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-infrastrutturi ta’ riċerka (2).

2.3

Dawn il-kwistjonijiet huma marbutin mal-bilanċ – iżda anke mal-oppożizzjoni – bejn il-kooperazzjoni u l-kompetizzjoni. Minn naħa, il-kooperazzjoni hi meħtieġa biex tinżamm u tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea fil-konfront ta’ pajjiżi barra mill-UE. Min-naħa l-oħra, m’għandux ikun hemm distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn in-negozji Ewropej; dan huwa kopert mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (il-Liġi Ewropea dwar l-Għajnuna mill-Istat) maħsuba biex jiżguraw l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fis-suq uniku.

2.4

Għalhekk it-tensjoni li tinħoloq hija l-bażi tal-kwistjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet mressqa hawn taħt, speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-problemi tat-trasferiment liberu tal-informazzjoni.

2.5

Il-Kummissjoni u l-Kunsill ukoll ittrattaw is-suġġett tal-kooperazzjoni. Dan wassal, fost ħwejjeġ oħra, għal Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (3) dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali f’attivitajiet ta’ trasferiment ta’ għarfien u dwar Kodiċi ta’ Prattika Tajba għal universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka oħrajn. L-għan ta’ dan huwa li tiġi mħeġġa aktar uniformità min-naħa tal-Istati Membri u l-korpi ta’ riċerka. Madankollu, dawn ir-rakkomandazzjonijiet, minkejja li kellhom għanijiet u proposti tajbin ħafna, qajmu kwistjonijiet ġodda huma stess u ħolqu riżervi serji fost l-organizzazzjonijiet ikkonċernati dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-riċerka kollaborattiva u kuntrattwali. Din l-opinjoni tqis b’mod partikolari dawn il-kwistjonijiet u t-tweġibiet li sadanittant ressqet il-Kummissjoni.

3.   Il-pubblikazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka u tar-riżultati

3.1   Il-publikazzjonijiet xjentifiċi. Tradizzjonalment, ir-riżultati xjentifiċi jiġu pubblikati f’ġurnali stampati speċjalizzati wara li jgħaddu minn reviżjoni stretta tal-pari (peer review). Xi kultant jiġu ppubblikati anke qabel min-naħa tal-istituti ta’ riċerka bħala prepubblikazzjoni jew rapporti tekniċi, fost oħrajn. Barra minn hekk, dawn jiġu diskussi f’konferenzi speċjalizzati u jiġu ppubblikati fil-proċedimenti tagħhom.

3.1.1   Dimensjoni ġdida: l-internet. L-internet fetaħ dimensjoni ġdida ta’ komunikazzjoni u trasferiment tal-għarfien. Għalhekk, il-pubblikaturi issa jippubblikaw ukoll il-biċċa l-kbira tal-ġurnali xjentifiċi f’forma elettronika fuq l-internet.

3.1.2   Il-libreriji u l-ispejjeż. L-aċċess għall-pubblikazzjonijiet stampati u elettroniċi sar realtà bis-saħħa tal-libreriji tal-universitajiet u l-organizzazzjonjiet ta’ riċerka. Madankollu, l-universitajiet u l-organizzazzjonjiet ta’ riċerka jrid ikollhom il-mezzi finanzjarji biex ikopru l-ispejjeż (marbuta mal-pubblikazzjonijiet u l-abbonamenti), u dan joħloq problema kbira (4).

3.1.3   Aċċess bla ħlas bl-internet għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi. Filwaqt li ġeneralment l-aċċess bl-internet għall-pubbikazzjonijiet xjentifiċi joħloq spejjeż li s’issa kienu qegħdin jitħallsu direttament mil-librerji, l-isponsors tagħhom jew l-utenti, l-isforzi biex dan l-aċċess ikun bla ħlas għall-utenti kollha – “free open access” – ilhom li bdew (5). Biex dan jirnexxi, qed jiġu analizzati numru ta’ mudelli kummerċjali u modi ta’ ħlas, li wħud minnhom diġà wasslu għall-konklużjoni ta’ ftehimiet konkreti. Il-Kumitat jappoġġja dawn l-isforzi. Madankollu, uħud minn dawn il-ftehimiet joħolqu xi spejjeż għall-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li jinħolqu approċċi reċiproċi bejn l-Istati Membri tal-UE kif ukoll mal-pajjiżi terzi.

3.1.3.1   Libertà tal-għażla mingħajr restrizzjonijiet. Madankollu, dan m’għandux jillimita l-libertà tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u tax-xjenzjati tagħhom li jagħżlu f’liema ġurnal jew forum jippubblikaw ir-riżultati tagħhom u liema ġurnal jew forum jaqdi l-aħjar l-iskop ta’ tixrid u rikonoxximent tar-riżultati tagħhom madwar id-dinja.

3.1.4   Aċċess miftuħ għad-data li tirriżulta mir-riċerka. Barra minn dan, ġew żviluppati mudelli (6) li jippermettu aċċess bla ħlas ġeneralizzat – jiġifieri li jmur lil hinn mill-iskambju volontarju ta’ data li jeżisti diġà fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-imsieħba – fuq l-internet, u mhux biss għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi iżda wkoll għad-data marbuta magħhom. Madankollu, dan iqajjem kwistjonijiet ta’ natura organizzazzjonali, teknika u legali (eż. il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-protezzjoni tad-data), u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-motivazzjoni, li ħafna drabi jistgħu jiġu indirizzati biss b’mod speċifiku għal kull dixxiplina xjentifika. Għalhekk il-Kumitat jemmen li huwa tajjeb li jkomplu jsiru dawn il-konsiderazzjonijiet, iżda fl-istess ħin għandhom jiġu stabbiliti l-limiti ta’ proċess bħal dan. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli miexja b’kawtela f’dan il-qasam u li tinvolvi lir-riċerkaturi kkonċernati direttament.

3.1.5   Id-dritt għall-kunfidenzjalità. Il-Kumitat jenfasizza li dan m’għandux ifisser l-aċċess miftuħ prematur għal kull data li tirriżulta mill-proċess ta’ riċerka, inkluża d-data mhux ipproċessata. Qabel ma jawtorizzaw il-pubblikazzjoni tad-data, ir-riċerkaturi għandhom jikkoreġu qisien ħżiena, żbalji, kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni, eċċ., jevalwaw l-importanza tagħhom, u jittrattawhom fil-proċess intern u kunfidenzjali ta’ tiswir tal-opinjoni. Inkella, dan jista’ jkun ta’ ħsara għad-drittijiet individwali tar-riċerkaturi u l-bażi fundamentali tal-ħidma xjentifika u tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari l-istandards tal-kwalità u l-prijoritajiet fil-pubblikazzjonijiet xjentifiċi.

3.2   Informazzjoni għan-negozji u l-SMEs. Ħafna negozji u SMEs interessati fi żviluppi ġodda mhumiex infurmati biżżejjed dwar liema għarfien u riżorsi teknoloġiċi huma fil-fatt disponibbli fl-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka fl-UE u kif jistgħu jiġu stabbiliti l-kuntatti rilevanti bil-għan li tinbeda kooperazzjoni prospettiva. Għaldaqstant, minbarra s-sett ta’ strumenti msemmija hawn fuq, tinħtieġ informazzjoni ’l barra miċ-ċirku ristrett tal-esperti.

3.2.1   Il-pubblikazzjonijiet maħsuba għall-pubbliku ġenerali. Jeżistu pubblikazzjonijiet maħsuba għall-pubbliku ġenerali (letteratura popolari) dwar suġġetti xjentifiċi u tekniċi. F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni ħadmet aktar u b’iżjed suċċess għat-tixrid tar-riżultati xjentifiċi u tekniċi tal-programmi ta’ riċerka li tisponsorizza, pereżempju bil-magażin eċċellenti research*eu  (7) jew il-portal tal-internet CORDIS  (8). Bl-istess mod, għadd dejjem jikber ta’ universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka bdew jippreżentaw l-attivitajiet u r-riżultati tagħhom fuq l-internet (9) bil-għan li jkun hemm trasferiment ta’ għarfien u prospetti ta’ kooperazzjoni.

3.2.2   L-uffiċċji tat-trasferiment tal-għarfien. Barra minn hekk, diversi organizzazzjonijiet ta’ riċerka ilhom żmien li fetħu l-uffiċċji (10) tagħhom tat-trasferiment tal-għarfien – li huwa siewi immens – bi speċjalisti (“uffiċjali responsabbli għat-trasferiment tat-teknoloġija” (11)) imħarrġa kif jixraq. Madankollu, dawn jaħdmu l-aktar fil-livell reġjonali jew b’rabta ma’ organizzazzjoni partikolari, u għalhekk huwa diffiċli li jintużaw mir-riċerkaturi fil-livell Ewropew.

3.2.3   L-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ u l-konsulenti. Bosta organizzazzjonijiet u netwerks qed jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni, f’ċerti każijiet fuq bażi kummerċjali, biex jindirizzaw il-ħtieġa msemmija hawn fuq fil-livell Ewropew: pereżempju, l-EARTO, l-Assoċjazzjoni tal-Professjonisti Ewropej għat-Trasferiment tax-Xjenza u t-Teknoloġija (Association of European Science and Technology Transfer Professionals) jew il-ProTon (12). Il-Kummissjoni stess toffri l-appoġġ tagħha permezz tal-portal tal-SMEs u n-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi (13).

3.2.4   Ir-riċerka sistematika. Billi l-istrumenti msemmija hawn fuq għadhom ma jistgħux iwieġbu adegwatament għad-domandi tal-industrija/l-SMEs, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni taħdem – idealment bil-kooperazzjoni ta’ waħda mill-kumpaniji l-kbar tal-għodod tat-tiftix – biex tissodisfa din il-ħtieġa b’mod sistematiku permezz ta’ sistema ta’ riċerka pan-Ewropea (fuq l-internet), fejn l-informazzjoni speċifika msemmija hawn fuq tkun imqassra f’format uniformi u aċċessibbli. L-ewwel pass hu li jkun hemm proċess ta’ tiswir ta’ opinjonijiet biex jiġu definiti b’aktar reqqa l-għanijiet u l-firxa ta’ applikazzjoni tal-ewwel stadju ta’ din is-sistema ta’ riċerka, u b’hekk tinkiseb esperjenza fil-fażi esploratorja.

3.2.5   L-iskambju tal-persunal. Billi l-aktar trasferiment effettiv tal-għarfien isir bejn nies li jiċċaqilqu bejn ir-riċerka u l-industrija, il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni li ressaq kemm-il darba, li dan l-iskambju ta’ persunal għandu jkun imħeġġeġ aktar, pereżempju permezz ta’ boroż ta’ studju u leave sabbatiku, bħall-Marie Curie Industry-Academia Grant.

4.   Il-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ proċeduri u prodotti li jistgħu jitqiegħdu fis-suq – bilanċ ġust bejn l-interessi

4.1   Kulturi tax-xogħol differenti. Fid-dawl tal-ħafna dokumenti u rakkomandazzjonijiet li diġà saru dwar dan is-suġġett, u li ssemmew fl-introduzzjoni, dan il-kapitlu se jiffoka fuq ftit kwistjonijiet speċifiċi biss li jirriżultaw mid-diversità tal-kulturi tax-xogħol u l-interessi tar-riċerka u l-industrija. Fl-ewwel opinjoni tiegħu dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) (14), Il-Kumitat diġà ttratta fid-dettall uħud minn dawn id-differenzi u sussegwentement semmiehom f’diversi okkażjonijiet. Essenzjalment dawn huma dwar:

4.2   Il-pubblikazzjoni u s-segretezza

Ir-riċerka teħtieġ pubblikazzjoni bikrija tar-riżultati tagħha biex ix-xjenzjati u gruppi ta’ riċerkaturi oħra jkunu jistgħu jivverifikawhom. Dan jgħin ukoll biex jinħolqu sinerġiji permezz ta’ interazzjoni immedjata fil-komunità xjentifika, speċjalment meta diversi laboratorji jkunu qed jikkooperaw flimkien fi programm konġunt ta’ riċerka u żvilupp.

L-awtoritajiet pubbliċi jridu wkoll jinsistu b’mod ġenerali fuq il-pubblikazzjoni bikrija tar-riżultati tar-riċerka li jkunu ffinanzjaw biex jiġu żgurati l-istess opportunitajiet għal kulħadd fl-oqsma tal-promozzjoni u l-kompetizzjoni.

Madankollu, bħalissa anke l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka ffinanzjati mill-gvern għandhom, fejn ir-riżultati tagħhom iwasslu għal innovazzjonijiet sinifikanti, iressqu applikazzjoni għal privattiva qabel ma jippubblikaw ir-riżultati tagħhom, għax inkella dan ikun ta’ ħsara għall-innovazzjoni, u l-invenzjoni tagħhom ma tkunx tista’ tingħata privattiva. Din il-ħtieġa, li tapplika wkoll għall-aċċess miftuħ, hija enfasizzata wkoll fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali (15).

Sabiex jittaffa l-kunflitt bejn l-objettivi li jirriżulta minn dan, il-Kumitat irrakkomanda diversi drabi li fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar il-privattivi u f’dik futura tal-Komunità dwar l-istess privattivi, jiġi introdott perijodu ta’ konċessjoni (grace period) qabel il-pubblikazzjoni li ma jkunx ta’ ħsara għall-innovazzjoni (16).

Min-naħa l-oħra, b’mod ġenerali huwa fl-interess tal-kumpanija li – fid-dawl tal-kompetizzjoni li fiha topera – ir-riżultati tal-iżvilupp tal-prodott tagħha jibqgħu kunfidenzjali għall-inqas sakemm il-prodott il-ġdid ikun lest biex jitqiegħed fis-suq jew sakemm ikunu nkisbu l-privattivi rilevanti.

4.3   Riċerka esploratorja – żvilupp immirat. Il-prodott ta’ riċerkatur huwa r-riżultat ta’ proċess kumpless ta’ riċerka u sperimentazzjoni, li x’se joħroġ minnu ma jkunx magħruf. Mill-banda l-oħra, l-iżvilupp huwa proċess immirat u ppjanat li jibda biss ladarba jkun jista’ jiġi stabbilit għan speċifiku u r-rotta tal-iżvilupp tkun ċara biżżejjed. Madankollu, jeżistu sitwazzjonijiet ta’ koinċidenza, interazzjonijiet u sinerġiji bejn ir-riċerka u l-iżvilupp – anke jekk dawn il-proċessi m’għandhomx għalfejn isegwu sekwenza lineari.

4.4   Kriterji ta’ evalwazzjoni differenti. Ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka “tagħhom” jiġu evalwati skont il-kwalità, in-numru u l-impatt tal-pubblikazzjonijiet (17) u l-iskoperti tagħhom, u dejjem aktar skont in-numru ta’ privattivi li jkollhom. Għall-kuntrarju, il-maniġers jiġu evalwati prinċipalment skont il-profitti tan-negozju “tagħhom”, li jiddependu min-numru, il-kwalità u l-prezz tal-prodott mibjugħ.

4.5   Sinteżi. Dawn il-kontradizzjonijiet iridu jissolvew filwaqt li jiġi stabbilit ukoll bilanċ ġust bejn l-interessi li joħloq benefiċċji għaż-żewġ imsieħba tal-kooperazzjoni, li ma jkunux indaqs. Sabiex jipparteċipaw, l-aktar riċerkaturi effiċjenti u l-organizzazzjonijiet tagħhom iridu jingħataw biżżejjed inċentivi. Din “il-kooperazzjoni tista’ tiġi mxekkla jekk id-drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati tar-riċerka jingħataw kollha lill-kumpaniji kontraenti (18). Ir-raġuni hi li l-għarfien il-ġdid (foreground) jikber u jevolvi lil hinn mill-għarfien eżistenti (background) u b’hekk jinkludi, min-natura tiegħu, aspetti sinifikanti tal-għarfien eżistenti, li jfisser li dan tal-aħħar huwa parti integrali mill-għarfien il-ġdid. Għaldaqstant, fil-ftehimiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-proċessi ta’ evalwazzjoni relatati jinħtieġu l-flessibbiltà u l-possibbiltà ta’ azzjoni sabiex jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi individwali u n-natura tal-proċessi kreattivi. In-nuqqas ta’ din il-flessibbiltà u tal-possibbiltà ta’ azzjoni jistgħu, fl-agħar sitwazzjoni, jiskoraġġixxu x-xjenza u n-negozju milli jikkooperaw flimkien.

4.6   Il-proprjetà intellettwali u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett. Għalhekk il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kunsill tal-Kompetittività enfasizza l-libertà kuntrattwali tal-partijiet, u fid-deċiżjoni tiegħu tat-30 ta’ Mejju 2008 huwa: “JAPPELLA lill-universitajiet u lill-organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka oħrajn biex jagħtu attenzjoni debita lill-kontenut tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Kummissjoni u biex jimplimentawh skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom, filwaqt li jinkludu flessibiltà xierqa għar-riċerka kuntrattwali.” Il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li issa anke l-Kummissjoni ċċarat (19), fir-Rakkomandazzjoni tagħha (20) li tindirizza speċifikament din il-kwistjoni, li ma tixtieqx tindaħal fil-libertà li jsiru arranġamenti kuntrattwali, inkluż għar-riċerka kuntrattwali. Minflok għandu jkun hemm biżżejjed flessibbiltà, sakemm ma jkunx hemm restrizzjonijiet oħra bħall-qafas tal-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jew inkella liġijiet Ewropej jew nazzjonali oħra.

4.6.1   Aktar kjarifiki. Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat ukoll li invenzjonijiet li jwasslu għal privattivi ma jistgħux sempliċement jiġu kkummissjonati, iżda għandhom jirrappreżentaw prestazzjoni kreattiva addizzjonali (21). L-evalwazzjoni tagħhom u l-qligħ li jiġi minnhom għandu jkun soġġett għal negozjati; bl-istess mod, il-kumpanija msieħba li tikkummissjona m’għandhiex twaqqaf l-evalwazzjoni għax dan jista’ jkun ta’ ħsara għall-ekonomija. Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tħejji kjarifika dwar dan il-punt. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu ta’ għajnuna u mhux ta’ restrizzjoni.

4.7   Il-privattiva Komunitarja. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jerġa’ jenfasizza (ara wkoll Punt 4.2) ir-rakkomandazzjonijiet li għamel kemm-il darba favur privattiva Komunitarja li tagħti lill-inventur perijodu ta’ konċessjoni (grace period) qabel il-pubblikazzjoni li ma jkunx ta’ ħsara għall-innovazzjoni.

4.8   Regoli għall-parteċipazzjoni u l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-għajnuna mill-Istat. Fl-opinjoni tiegħu (22) dwar ir-regoli tal-parteċipazzjoni, il-Kumitat diġà rrakkomanda li fil-ġejjieni l-partijiet kontraenti jingħataw aktar libertà fl-arranġamenti kuntrattwali kif ukoll fl-għażla tal-istrumenti. B’mod partikolari, dan huwa marbut mad-drittijet ta’ aċċess għall-għarfien il-ġdid u d-drittijiet ta’ protezzjoni u/jew għall-għarfien eżistenti u d-drittijiet ta’ protezzjoni tal-imsieħba kuntrattwali. Id-drittijiet għal aċċess bla ħlas għandhom jiġu offruti bħala possibbiltà, u mhux – kif propost f’ċerti każijiet – bħala rekwiżit mingħajr eċċezzjoni. Barra minn hekk, jekk l-istabbilimenti ta’ tagħlim superjuri jew l-ogranizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi joffru l-proprjetà intellettwali lill-intrapriżi mingħajr ħlas, jinħoloq ir-riskju li tinkiser il-liġi Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat.

4.9   Sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat. Il-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat imsemmija f’punti 4.6 u 4.8 għandhom japplikaw b’mod partikolari wkoll għas-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, li huma mixtieqa ħafna, fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u għall-inizjattivi konġunti korrispondenti fil-qasam tat-teknoloġija.

4.10   Il-ħlas tal-invenzjonijiet li jagħmlu l-ħaddiema. Il-liġijiet li jeżistu f’xi Stati Membri dwar il-ħlas tal-invenzjonijiet li jagħmlu l-ħaddiema għandhom jingħataw attenzjoni partikolari. Il-kwistjoni hija relatata mad-dritt tal-inventur tal-privattiva li jitħallas b’mod xieraq għall-użu li jsir mill-invenzjoni tiegħu, anke jekk din issir bħala parti mix-xogħol regolari tiegħu. Dan id-dritt m’għandu jiġi sottovalutat fl-ebda ċirkostanza.

5.   Il-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-infrastrutturi ta’ riċerka – inħarsu l-ħiliet

5.1

Oqsma tekniċi ġodda – każijiet uniċi. Minbarra l-kategorija ta’ kooperazzjoni bejn ir-riċerka u l-industrija msemmija qabel, hemm kategorija oħra daqstant importanti, li fiha l-korpi ta’ riċerka, aktar milli fornituri ta’ għarfien ġdid bl-iskop li jiġu żviluppati prodotti serjali (jew proċessi) innovattivi, huma oriġinaturi u klijenti. Dan huwa l-każ tal-iżvilupp ta’ infrastrutturi ta’ riċerka ġodda bħall-aċċeleraturi, is-sorsi ta’ radjazzjoni, is-satelliti, it-tagħmir astronomiku bbażat fid-dinja jew il-faċilitajiet ta’ fużjoni nukleari. F’dan il-kuntest, l-industrija tipproduċi u tiżviluppa komponenti individwali ġodda importanti, l-aktar fuq il-bażi ta’ kuntratti għall-iżvilupp kontinwu.

5.2

L-ispeċjalizzazzjoni u r-riskju. In-negozji f’dan il-qasam innovattiv jeħtieġu persunal ta’ ħila kbira u speċjalizzat, kif ukoll – minħabba r-riskju ta’ falliment li dejjem huwa possibbli – rieda li jieħdu r-riskju. Fil-fatt, bosta drabi l-profitt ekonomiku immedjat huwa żgħir minħabba li l-prodott manifatturat kważi dejjem ikun uniku u li n-negozji spiss jissottovalutaw l-ispejjeż involuti: b’mod ġenerali, il-konfini tan-know-how eżistenti nqabżu.

5.3

Il-muturi tal-progress teknoloġiku. Dawn l-ordnijiet jagħtu spinta sinifikanti lill-ħiliet tekniċi avvanzati tal-intrapriżi, u dan iżid il-kompetittività fuq perijodu twil f’oqsma relatati, u ġeneralment jistimola l-progress teknoloġiku. Madankollu, l-intrapriżi qed iħabbtu wiċċhom ma’ diversi diffikultajiet biex jużaw il-potenzjal tagħhom, inklużi l-ħaddiema u l-inġiniera, fil-qasam speċifiku tagħhom għal ordnijiet ġodda, aktar u aktar meta l-impenn tagħhom fil-proċessi ta’ żvilupp u produzzjoni ta’ prodotti serjali jħalli ħafna aktar frott.

5.4

L-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti. L-applikazzjoni tar-regoli eżistenti dwar il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti tista’ tikkomplika s-sitwazzjoni billi, fost affarijiet oħra, ma tippermettix l-għoti awtomatiku tal-kuntratt tal-produzzjoni lill-intrapriża li tkun għamlet il-kuntratt għall-iżvilupp. Dan ifisser li l-kuntratt tal-produzzjoni jista’ jingħata lil intrapriża b’inqas esperjenza li, proprju minħabba l-esperjenza limitata tagħha, tissottovaluta d-diffikultajiet, u għalhekk toffri prezz iktar baxx. Din il-problema wasslet ukoll biex il-kumpaniji jieqfu jressqu l-offerti tagħhom u/jew jaċċettaw dawn il-kuntratti. L-istrument ta’ “l-akkwist pubbliku prekummerċjali” (23) ma jindirizzax eżattament din il-kwistjoni għax ma jagħtix lok għal produzzjoni serjali.

5.5

Il-problemi u t-tfittxija tas-soluzzjonijiet. Il-Kumitat m’għandux soluzzjoni lesta għal dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, huwa jixtieq jiġbed l-attenzjoni għal problema serja, li mhux biss iżżid l-ispiża u ż-żmien stipulat għal dawn il-proġetti, imma timpedixxi l-aħjar użu tal-kompetenzi u l-esperjenza li jirriżultaw minnhom, billi ħafna drabi jintilfu kompetenzi siewja. Għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħloq grupp ta’ esperti ta’ livell għoli (24) biex dan janalizza l-esperjenzi li nkisbu s’issa. B’hekk wieħed ikun jista’ jara jekk ir-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat, il-baġit, il-kompetizzjoni u l-għoti tal-kuntratti kif ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom humiex adegwati għal din is-sitwazzjoni speċifika jew jekk hemmx bżonn li jiġu stabbiliti strumenti ġodda għall-politika industrijali f’dan il-qasam.

5.6

ITER. Il-Kumitat għandu l-impressjoni li l-Kummissjoni hija konxja sew tal-problema, pereżempju fil-każ tal-proġett internazzjonali ITER, u għaldaqstant diġà ħadet il-miżuri adegwati biex tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-industrija f’dan il-proġett. Fejn ikun possibbli, dawn il-miżuri għandhom jiġu ttrasferiti wkoll għall-ħtiġijiet tal-infrastrutturi ta’ riċerka l-ġodda (lista ESFRI).

6.   L-opinjonijiet rilevanti tal-Kumitat adottati f’dawn l-aħħar tliet snin

Fit-tfassil ta’ din l-opinjoni tqiesu l-opinjonijiet rilevanti li ġew adottati fl-aħħar tliet snin:

Is-Seba’ Programm Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp (INT/269, CESE 1484/2005 – ĠU C 65/9, 17.3.2006)

In-nanoxjenzi u n-nanoteknoloġiji (INT/277, CESE 582/2006 – ĠU C 185/1, 8.8.2006)

Evalwazzjoni ta’ ħames snin tal-attivitajiet ta’ riċerka tal-Komunità (1999-2003) (INT/286, CESE 729/2006 – ĠU C 195/1, 18.8.2006)

RTD – Programmi speċifiċi (INT/292, CESE 583/2006 – ĠU C 185/10, 8.8.2006)

Ir-riċerka u l-innovazzjoni (INT/294, CESE 950/2006 – ĠU C 309/10, 16.12.2006)

Il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi – Is-Seba’ Programm Qafas (INT/309, CESE 956/2006 – ĠU C 309/35, 16.12.2006)

Il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi – Is-Seba’ Programm Qafas 2007-2011 (Euratom) (INT/314, CESE 957/2006 – ĠU C 309/41, 16.12.2006)

Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni (Strateġija ta’ Liżbona) (INT/325, CESE 983/2007 – ĠU C 256/17, 27.10.2007)

Il-potenzjal tal-Ewropa fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (INT/326, CESE 1566/2006 – ĠU C 325/16, 30.12.2006)

L-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (INT/335, CESE 410/2007 – ĠU C 161/28, 13.7.2007)

Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda (INT/358, CESE 1440/2007 – ĠU C 44/1, 16.2.2008)

Inizjativa tal-Mediċini Innovattivi/Twaqqif ta’ Impriża Konġunta (INT/363, CESE 1441/2007 – ĠU C 44/11, 16.2.2008)

Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fis-Sistemi Integrati tal-Kompjuter/Twaqqif tal-Impriża Konġunta (ARTEMIS) (INT/364, CESE 1442/2007 – ĠU C 44/15, 16.2.2008)

Twaqqif tal-Impriża Konġunta Sema Nadif (INT/369, CESE 1443/2007 – ĠU C 44/19, 16.2.2008)

Twaqqif tal-Impriża Komuni ENIAC (INT/370, CESE 1444/2007 – ĠU C 44/22, 16.2.2008)

Programm ta’ riċerka u żvilupp għall-SMEs (INT/379, CESE 977/2008 – ĠU C 224/18, 30.8.2008)

Reġjuni Ewropej Kompetittivi permezz tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (INT/383, CESE 751/2008 – ĠU C 211/1, 19.8.2008)

Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (INT/386, CESE 484/2008 – ĠU C 204/19, 9.8.2008)

Sħubija Ewropea għal riċerkaturi (INT/435, CESE 1908/2008 – Din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.)

Il-qafas ġuridiku tal-Komunità għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (INT/450, CESE 40/2009 – Din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.)

Brussell, 26 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara Kapitlu 6 ta’ din l-opinjoni.

(2)  INT/450, CESE 40/2009 (Din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  C(2008) 1329, 10.4.2008.

(4)  Sit elettroniku: http://ec.europa.eu/research/science-society/pdf/scientific-publication-study_en.pdf.

(5)  Open Access. Opportunities and Challenges – a Handbook (Aċċess miftuħ: sfidi u opportunitajiet – Manwal). Pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ġermaniża għall-UNESCO, 2008.

(6)  COM(2007) 56, 14.2.2007; C(2008) 1329, 10.4.2008 – Anness II.

(7)  http://ec.europa.eu/research/research-eu.

(8)  http://cordis.europa.eu/.

(9)  http://www.ott.csic.es/english/index.html fi Spanja jew http://www.technologieallianz.de/ fil-Ġermanja.

(10)  C(2008) 1329, 10.4.2008 – Anness II, Punt 7.

(11)  COM(2007) 182, 4.4.2007.

(12)  http://www.earto.org/; http://www.astp.net/; jew http://www.protoneurope.org/.

(13)  EEN: http://www.enterprise-europe-network.ec.europa.eu/services_en.htm u l-portal tal-SMEs http://ec.europa.eu/enterprise/sme/index_en.htm.

(14)  ĠU C 204, 18.7.2000, p. 70.

(15)  C(2008) 1329, 10.4.2008, Rakkomandazzjoni Nru 4 lill-Istati Membri u fl-Anness I, Nru 7, lill-entitajiet pubbliċi.

(16)  Kif kien il-każ, pereżempju, fil-liġi Ġermaniża dwar il-privattivi.

(17)  U skont il-prestiġju tal-ġurnal partikolari li fih jiġu ppubblikati r-riżultati!

(18)  ĠU C 204, 18.7.2000, p. 70.

(19)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali fvattivitajiet ta’ trasferiment ta’ għarfien u dwar Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka oħrajn (2008) ISBN 978-92-79-09850-5. L-aħħar paragrafu ta’ kapitlu 4.3 jgħid: “Nevertheless, the parties are free to negotiate different agreements, concerning ownership (and/or possible user rights) to the Foreground, as the principles in the Code of Practice only provide a starting point for negotiations.” [Madankollu, il-partijiet jistgħu jinnegozjaw arranġamenti differenti rigward is-sjieda (u/jew id-drittijiet tal-utenti) tal-għarfien il-ġdid billi l-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Prattika jagħtu biss il-punt tat-tluq għan-negozjati].

(20)  C(2008) 1329, 10.4.2008 – Anness I, Punt 17.

(21)  Din hija wkoll l-idea wara l-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-invenzjonijiet li jagħmlu l-ħaddiema, ara Punt 4.10.

(22)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 35.

(23)  COM(2007) 799 finali. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “L-akkwist pubbliku prekummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa”. Dwar dan is-suġġett ara l-opinjoni tal-Kumitat INT/399 dwar “L-akkwist pubbliku prekummerċjali”, CESE 1658/2008 (Din l-opinjoni għadha ma ġiety ippubblikata fil Ġurnal Uffiċjali).

(24)  Jekk ikun possibbli bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka fi ħdan l-EIROforum.


Top